Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017PC0264

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali dwar iż-żejt taż-żebbuġa u ż-żebbuġ tal-mejda, 2015

    COM/2017/0264 final - 2017/0107 (NLE)

    Brussell, 1.6.2017

    COM(2017) 264 final

    2017/0107(NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali dwar iż-żejt taż-żebbuġa u ż-żebbuġ tal-mejda, 2015


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Il-Ftehim internazzjonali tal-2005 dwar iż-żejt taż-żebbuġa u ż-żebbuġ tal-mejda 1 li skada fil-31 ta' Diċembru 2014 ġie estiż sal-31 ta' Diċembru 2015. Skont l-Artikolu 47 (3) tiegħu, baqa’ fis-seħħ sad-dħul fis-seħħ tal-ftehim il-ġdid.

    Fid-19 ta' Novembru 2013, il-Kunsill ta l-awtorizzazzjoni lill-Kummissjoni biex tiftaħ in-negozjati f'isem l-Unjoni għall-konklużjoni ta' ftehim internazzjonali ġdid dwar iż-żejt taż-żebbuġa u ż-żebbuġ tal-mejda.

    Ir-rappreżentanti ta' 24 Stat Membru tal-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp (UNCTAD) u ta' żewġ organizzazzjonijiet intergovernattivi stabbilixxew it-test tal-ftehim il-ġdid, waqt il-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti għan-Negozjar ta' Ftehim Suċċessur tal-Ftehim Internazzjonali tal-2005 dwar iż-żejt taż-żebbuġa u ż-żejt tal-mejda li sar fil-Palais des Nations f'Ġinevra, mill-5 sad-9 ta' Ottubru 2015.

    It-test tal-Ftehim li ġie negozjat b'konsultazzjoni mal-Grupp ta' Ħidma tal-Kunsill dwar il-Prodotti Bażiċi (PROBA) huwa konformi mad-Direttivi tan-negozjar adottati mill-Kunsill.

    B’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1892 tal-10 ta’ Ottubru 2016 2 , il-Ftehim Internazzjonali tal-2015 dwar iż-żejt taż-żebbuġa u ż-żebbuġ tal-mejda ġie ffirmat f’isem l-Unjoni fit-28 ta’ Novembru 2016 fil-Kwartieri Ġenerali tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti, fi New York, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard.

    Il-Ftehim il-ġdid daħal fis-seħħ b’mod provviżorju fl-1 ta’ Jannar 2017, skont l-Artikolu 31 (2) tiegħu.

    2.PROPOSTA

    Fid-dawl ta' dan kollu hawn fuq, il-Kummissjoni tipproponi:

    Li b’konformità mal-Artikoli 207(4) u 218(6) tat-TFUE, il-President tal-Kunsill għandu jaħtar lill-persuna li jkollha s-setgħa li tipproċedi, f'isem l-Unjoni Ewropea, biex tiddepożita l-istrument ta' approvazzjoni previst fl-Artikolu 28(4) tal-Ftehim, sabiex jesprimi l-kunsens tal-Unjoni Ewropea li tkun marbuta bil-Ftehim.

    Barra minn hekk, huwa previst li l-Kunsill jawtorizza lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 218(7) tat-TFUE, biex tistabbilixxi l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kunsill tal-Membri stabbilit mill-ftehim il-ġdid, meta dan il-korp jintalab biex jadotta emendi tad-denominazzjonijiet u d-definizzjonijiet taż-żjut, taż-żjut mir-residwi taż-żebbuġ u taż-żebbuġ tal-mejda mogħtija fl-Anness B u C ta’ dan il-Ftehim, b’konformità mal-Artikolu 19(2) tal-Ftehim.

    3.L-IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

    Din il-proposta m’għandhiex implikazzjonijiet baġitarji.

    2017/0107 (NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali dwar iż-żejt taż-żebbuġa u ż-żebbuġ tal-mejda, 2015

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), flimkien mal-punti a), v) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(6) tiegħu u mal-Artikolu 218(7) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew,

    Billi:

    (1)Fid-19 ta' Novembru 2013, il-Kunsill ta l-awtorizzazzjoni lill-Kummissjoni biex tiftaħ in-negozjati f'isem l-Unjoni għall-konklużjoni ta' ftehim internazzjonali ġdid dwar iż-żejt taż-żebbuġa u ż-żebbuġ tal-mejda 3 .

    (2)It-test tal-Ftehim Internazzjonali l-ġdid dwar iż-żejt taż-żebbuġa u ż-żejt tal-mejda ġie adottat fid-9 ta' Ottubru 2015 mir-rappreżentanti ta' 24 Stat Membru tal-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp (UNCTAD) u taż-żewġ organizzazzjonijiet intergovernattivi, waqt il-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-Negozjar ta' Ftehim Suċċessur tal-Ftehim Internazzjonali tal-2005 dwar iż-żejt taż-żebbuġa u ż-żebbuġ tal-mejda.

    (3)B’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1892 tal-10 ta’ Ottubru 2016 4 , il-Ftehim Internazzjonali tal-2015 dwar iż-żejt taż-żebbuġa u ż-żebbuġ tal-mejda (“il-Ftehim”) ġie ffirmat f’isem l-Unjoni fit-28 ta’ Novembru 2016 fil-Kwartieri Ġenerali tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti, fi New York, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard.

    (4)Il-Ftehim daħal fis-seħħ b’mod provviżorju fl-1 ta’ Jannar 2017, skont l-Artikolu 31(2) tiegħu.

    (5)Il-Ftehim jistabbilixxi korp li jieħu d-deċiżjonijiet, imsejjaħ il-“Kunsill tal-Membri”, li jeżerċita s-setgħat kollha u jwettaq il-funzjonijiet kollha li huma meħtieġa biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Ftehim. Il-Kummissjoni jeħtieġ li tiġi awtorizzata biex tirrappreżenta lill-Unjoni fil-Kunsill tal-Membri.

    (6)Skont l-Artikolu 19(2) tal-Ftehim, il-Kunsill tal-Membri jista’ jemenda d-denominazzjonijiet u d-definizzjonijiet taż-żjut, taż-żjut mir-residwi taż-żebbuġ u taż-żebbuġ tal-mejda mogħtija fl-Anness B u C tal-Ftehim, u b’hekk jemenda wkoll il-Ftehim.

    (7)Sabiex tiġi ffaċilitata l-adozzjoni ta’ dawn l-emendi għall-Ftehim mill-Kunsill tal-Membri, huwa xieraq li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa biex tapprovahom f’isem l-Unjoni.

    (8)Il-Kummissjoni għandha tadotta l-pożizzjonijiet tal-Unjoni dwar l-emendi proposti għall-Ftehim billi jiġi żgurat li dawn il-pożizzjonijiet ikunu fl-interess tal-Unjoni, jikkontribwixxu għal objettivi marbuta mal-politika kummerċjali tal-Unjoni u ma jiksrux id-dritt tal-Unjoni jew id-dritt internazzjonali, mingħajr preġudizzju għas-setgħa tal-Kummissjoni li tadatta r-regoli tal-Unjoni, permezz ta’ att delegat, għall-emendi li jkunu saru fil-Ftehim u adottati mill-Kunsill tal-Membri, b’mod partikolari fir-rigward tal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni fis-settur taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-mejda, imsemmija fl-Artikolu 75 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 5 .

    (9)Sabiex ikollu aċċess għall-għarfien espert tal-Istati Membri u biex tiġi żgurata koerenza massima bejn id-deċiżjonijiet tal-Kunsill tal-Membri u r-regoli tal-Unjoni li għandhom jiġu adottati permezz ta’ att delegat b’segwitu għad-deċiżjonijiet tal-Kunsill tal-Membri, huwa xieraq li l-Kummissjoni tkun megħjuna minn rappreżentanti tal-Istati Membri, li għandhom ikunu infurmati malli din tħejji l-pożizzjonijiet li tkun biħsiebha tieħu f’isem l-Unjoni. Huwa xieraq li jiġi previst li, jekk numru ta’ Stati Membri ekwivalenti għall-minoranza li timblokka stabbilita fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 238(3)(a) tat-Trattat, jopponu l-pożizzjoni prevista mill-Kummissjoni, il-Kummissjoni, din il-pożizzjoni ma tkunx tista' teħodha.

    (10)Il-Ftehim għandu jiġi approvat f'isem l-Unjoni Ewropea,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-Ftehim Internazzjonali dwar iż-żejt taż-żebbuġa u ż-żebbuġ tal-mejda tal-2015 huwa approvat f'isem l-Unjoni.

    It-test tal-Ftehim jinsab mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Il-President tal-Kunsill għandu jaħtar lill-persuna li jkollha s-setgħa li tipproċedi, f'isem l-Unjoni Ewropea, biex tiddepożita l-istrument ta' approvazzjoni previst fl-Artikolu 28(4) tal-Protokoll, sabiex jesprimi l-kunsens tal-Unjoni Ewropea li tkun marbuta bil-Ftehim.

    Artikolu 3

    Il-Kummissjoni tirrappreżenta lill-Komunità fil-Kunsill tal-Membri mwaqqaf bl-Artikolu 3 tal-Ftehim.

    Artikolu 4

    Jekk il-Kunsill tal-Membri stabbilit bil-Ftehim jiġi interpellat jadotta emendi tad-denominazzjonijiet u d-definizzjonijiet taż-żjut, taż-żjut mir-residwi taż-żebbuġ u taż-żebbuġ tal-mejda mogħtija fl-Anness B u C ta’ dan il-Ftehim, skont l-Artikolu 19(2) tal-Ftehim, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tistabbilixxi l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni dwar l-emendi proposti, skont il-kundizzjonijiet li ġejjin:

    1)Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-pożizzjonijiet adottati:

    -ikunu fl-interessi tal-Unjoni;

    -ma jiksrux id-dritt tal-Unjoni jew id-dritt internazzjonali, u b’mod partikolari ma jiksrux ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013, mingħajr preġudizzju għas-setgħa tal-Kummissjoni li tadatta r-regoli tal-Unjoni, permezz ta’ att delegat, għall-emendi li jkunu saru fil-Ftehim u adottati mill-Kunsill tal-Membri, b’mod partikolari fir-rigward tal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni fis-settur taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-mejda msemmija fl-Artikolu 75 ta’ dak ir-Regolament.

    2)Bl-għan li tiġi stabbilita l-pożizzjoni tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tinforma lir-rappreżentanti tal-Istati Membri fi żmien xieraq dwar kwalunkwe pożizzjoni li tkun biħsiebha tieħu f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kunsill tal-Membri.

    Meta numru ta’ Stati Membri ekwivalenti għall-minoranza li timblokka stabbilita fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 238(3)(a) tat-Trattat jopponu l-pożizzjoni prevista mill-Kummissjoni, il-Kummissjoni ma tkunx tista’ teħodha din il-pożizzjoni. F’dan il-każ, il-Kummissjoni għandha tippreżenta proposta xierqa lill-Kunsill skont l-Artikolu 218(9) tat-Trattat.

    Artikolu 5

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnali Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell,

       Għall-Kunsill

       Il-President

    (1) ĠU L 302, 19.11.2005, p. 47.
    (2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1892 tal-10 ta’ Ottubru 2016 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda, 2015 (ĠU L 293, 28.10.2016, p. 2).
    (3) COM(2013) 646 final, 19.9.2013.
    (4) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1892 tal-10 ta’ Ottubru 2016 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda, 2015 (ĠU L 293, 28.10.2016, p. 2).
    (5) Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671).
    Top