Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017PC0243

    Proposta għal DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/170/UE li tistabbilixxi lista ta’ pajjiżi terzi li ma jikkooperawx fil-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, fir-rigward ta’ Saint Vincent u l-Grenadini

    COM/2017/0243 final - 2017/0101 (NLE)

    Brussell, 23.5.2017

    COM(2017) 243 final

    2017/0101(NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

    li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/170/UE li tistabbilixxi lista ta’ pajjiżi terzi li ma jikkooperawx fil-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, fir-rigward ta’ Saint Vincent u l-Grenadini


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Ir-raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha

    Il-proposta tikkonċerna l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 tad-29 ta' Settembru 2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1936/2001 u (KE) Nru 601/2004 u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 1093/94 u (KE) Nru 1447/1999 1 (ir-Regolament IUU).

    Kuntest ġenerali

    Din il-proposta qiegħda ssir fil-kuntest tal-implimentazzjoni tar-Regolament IUU u hija r-riżultat ta' proċeduri ta’ investigazzjoni u ta' djalogu li saru skont ir-rekwiżiti sostantivi u proċedurali stabbiliti fir-Regolament IUU li jipprevedi, inter alia, li l-pajjiżi kollha jenħtieġ li jaqdu dmirjiethom skont id-dritt internazzjonali bħala Stat tal-bandiera, tal-port, kostali jew tas-suq biex jimpedixxu, jiskoraġġixxu u jeliminaw is-sajd IUU.

    Dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Diċembru 2014 (ĠU C 453, 17.12.2012, p. 5) dwar in-notifika lil pajjiż terz li l-Kummissjoni tqis li dan jista’ jiġi identifikat bħala pajjiż terz li ma jikkooperax skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat.

    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Mejju 2017 (ĠU C XXXX, XX.XX.2017, p …) li tidentifika lil Saint Vincent u l-Grenadini bħala pajjiż terz li ma jikkooperax fil-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat.

    Konsistenza ma’ politiki u miri oħra tal-Unjoni

    Mhux applikabbli.

    2.IR-RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

    Il-konsultazzjoni mal-partijiet interessati

    Il-partijiet interessati involuti fil-proċediment kellhom il-possibbiltà li jiddefendu l-interessi tagħhom matul il-proċeduri ta’ investigazzjoni u ta’ djalogu, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament IUU.

    Ġbir u użu tal-għarfien espert

    Ma kienx hemm ħtieġa ta’ għarfien espert estern.

    Valutazzjoni tal-impatt

    Din il-proposta hija r-riżultat tal-implimentazzjoni tar-Regolament IUU.

    Ir-Regolament IUU ma jinkludix dispożizzjonijiet għall-valutazzjoni ġenerali tal-impatt iżda fih lista eżawrjenti ta’ kundizzjonijiet li jridu jiġu vvalutati.

    3.ELEMENTI ĠURIDIĊI TAL-PROPOSTA

    Sommarju tal-azzjoni proposta

    Fit-12 ta’ Diċembru 2014, il-Kummissjoni, b’Deċiżjoni tal-Kummissjoni, innotifikat lil Saint Vincent u l-Grenadini li l-Kummissjoni tqis li dan jista’ jiġi identifikat bħala pajjiż li ma jikkooperax skont ir-Regolament IUU.

    Il-Kummissjoni bdiet démarches fir-rigward ta’ Saint Vincent u l-Grenadini. Dawn id-démarches kienu jikkonsistu, inter alia, minn azzjonijiet li jipprovdu raġunijiet għall-azzjonijiet tagħha, opportunità għall-pajjiż biex iwieġeb u jiċħad, id-dritt li jitlob u jipprovdi informazzjoni addizzjonali, il-pjanijiet ta' azzjoni proposti bħala rimedju għas-sitwazzjoni kif ukoll żmien biżżejjed biex iwieġeb u żmien raġonevoli biex jirrettifika s-sitwazzjoni.

    Fit-23 ta' Mejju 2017 il-Kummissjoni, bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni, identifikat lil Saint Vincent u l-Grenadini bħala pajjiż terz li l-Kummissjoni tqis bħala pajjiżi terz li ma jikkooperax skont ir-Regolament IUU.

    Il-proposta mehmuża għal Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill hija bbażata fuq is-sejbiet li kkonfermaw li Saint Vincent u l-Grenadini naqas milli jaqdi dawk li huma l-obbligi tiegħu skont id-dritt internazzjonali bħala Stat tal-bandiera, tal-port, kostali jew tas-suq.

    Għalhekk, qed jiġi propost li l-Kunsill jadotta l-proposta mehmuża għal Deċiżjoni.

    Bażi ġuridika

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 tad-29 ta' Settembru 2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU).

    Il-prinċipju tas-sussidjarjetà

    Il-proposta taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.

    Il-prinċipju tal-proporzjonalità

    Il-proposta hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità għar-raġunijiet li ġejjin:

    Il-forma ta' azzjoni tinsab deskritta fir-Regolament IUU u ma tħalli l-ebda lok għal deċiżjoni nazzjonali.

    L-indikazzjoni ta' kif il-piż finanzjarju u amministrattiv li jkollhom iġorru l-Unjoni, il-gvernijiet nazzjonali, l-awtoritajiet reġjonali u lokali, l-operaturi ekonomiċi u ċ-ċittadini jitnaqqas kemm jista' jkun u jkun proporzjonat mal-mira tal-proposta, mhijiex applikabbli.

    Għażla tal-istrumenti

    L-istrumenti proposti: deċiżjoni.

    Mezzi oħra ma jkunux xierqa minħabba r-raġuni li ġejja:

    Mezzi oħra ma jkunux xierqa billi r-Regolament IUU ma jistipulax għażliet alternattivi.

    4.IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

    Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni għall-baġit tal-Unjoni.

    2017/0101 (NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

    li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/170/UE li tistabbilixxi lista ta’ pajjiżi terzi li ma jikkooperawx fil-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, fir-rigward ta’ Saint Vincent u l-Grenadini

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 tad-29 ta’ Settembru 2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1936/2001 u (KE) Nru 601/2004 u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 1093/94 u (KE) Nru 1447/1999 2 , u b’mod partikolari l-Artikolu 33 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    1.INTRODUZZJONI

    (1)Ir-Regolament (KE) Nru 1005/2008 (ir-Regolament IUU) jistabbilixxi sistema tal-Unjoni li tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU).

    (2)Il-Kapitolu VI tar-Regolament IUU jistabbilixxi l-proċedura fir-rigward tal-identifikazzjoni ta’ pajjiżi terzi li ma jikkooperawx, id-démarches fir-rigward ta’ pajjiżi identifikati bħala pajjiżi terzi li ma jikkooperawx, l-istabbiliment ta’ lista ta’ pajjiżi terzi li ma jikkooperawx, it-tneħħija mil-lista ta’ pajjiżi terzi li ma jikkooperawx, il-pubbliċità tal-lista ta’ pajjiżi li ma jikkooperawx u kull miżura ta’ emerġenza.

    (3)Fl-24 ta' Marzu 2014 l-Kunsill adotta d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2014/170/UE li tistabbilixxi lista ta’ pajjiżi terzi li ma jikkooperawx fil-ġlieda kontra s-sajd IUU skont ir-Regolament (KE) Nru 1005/2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat.

    (4)B’konformità mal-Artikolu 32 tar-Regolament IUU, bid-Deċiżjoni tat-12 ta’ Diċembru 2014 (“id-Deċiżjoni tat-12 ta’ Diċembru 2014”) 3 , il-Kummissjoni nnotifikat lil Saint Vincent u l-Grenadini dwar il-possibbiltà li jiġi identifikat bħala pajjiż li l-Kummissjoni tqis bħala pajjiż terz li ma jikkooperax.

    (5)Fid-Deċiżjoni tat-12 ta' Diċembru 2014, il-Kummissjoni inkludiet l-informazzjoni dwar il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuqhom hija bbażata din l-identifikazzjoni possibbli.

    (6)Id-Deċiżjoni ġiet notifikata lil Saint Vincent u l-Grenadini flimkien ma’ ittra li fiha huwa ssuġġerit li Saint Vincent u l-Grenadini jimplimenta pjan ta’ azzjoni biex in-nuqqasijiet identifikati jiġu rettifikati f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni.

    (7)Il-Kummissjoni stiednet lil Saint Vincent u l-Grenadini b’mod partikolari (i) biex jieħu l-miżuri kollha meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-azzjonijiet inklużi fil-pjan ta' azzjoni ssuġġerit mill-Kummissjoni; (ii) jivvaluta l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet inklużi fil-pjan ta' azzjoni ssuġġerit mill-Kummissjoni; u (iii) biex kull sitt xhur jibgħat rapport dettaljat lill-Kummissjoni li jivvaluta l-implimentazzjoni ta' kull azzjoni fir-rigward, fost l-oħrajn, tal-effettività individwali u/jew kumplessiva tagħha sabiex jiżgura sistema ta' kontroll tas-sajd li hija konformi b'mod sħiħ.

    (8)Saint Vincent u l-Grenadini ngħata l-opportunità li jwieġeb bil-miktub u bil-fomm għad-Deċiżjoni tat-12 ta’ Diċembru 2014, kif ukoll għal informazzjoni oħra rilevanti komunikata mill-Kummissjoni, li jippermettilu jippreżenta provi li jiċħdu jew li jikkompletaw il-fatti esposti fid-Deċiżjoni tat-12 ta’ Diċembru 2014. Saint Vincent u l-Grenadini ġie żgurat dwar id-dritt tiegħu li jitlob, jew li jipprovdi, informazzjoni addizzjonali.

    (9)Bid-Deċiżjoni tagħha u l-ittra tagħha tat-12 ta' Diċembru 2014, il-Kummissjoni fetħet proċess ta' djalogu ma’ Saint Vincent u l-Grenadini u enfażizzat li tqis li fil-prinċipju perjodu ta' sitt xhur huwa suffiċjenti biex jintlaħaq ftehim.

    (10)Il-Kummissjoni kompliet tfittex u tivverifika l-informazzjoni kollha li qieset bħala meħtieġa. Il-kummenti bil-fomm u bil-miktub li tressqu minn Saint Vincent u l-Grenadini wara d-Deċiżjoni tat-12 ta' Diċembru 2014 ġew ikkunsidrati u meqjusa. Saint Vincent u l-Grenadini nżamm infurmat, jew bil-fomm jew bil-miktub, dwar id-deliberazzjonijiet tal-Kummissjoni.

    (11)Madankollu, il-Kummissjoni kienet tal-fehma li l-oqsma ta' tħassib u n-nuqqasijiet kif deskritti fid-Deċiżjoni tat-12 ta' Diċembru 2014 ma kinux ġew indirizzati b'mod suffiċjenti minn Saint Vincent u l-Grenadini. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-miżuri tal-pjan ta’ azzjoni ma kinux ġew implimentati bis-sħiħ. B’konsegwenza ta’ dan, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2017/xxx/UE 4 , li tidentifika lil Saint Vincent u l-Grenadini bħala pajjiż terz li ma jikkooperax fil-ġlieda kontra s-sajd IUU.

    (12)Abbażi tal-proċeduri ta’ investigazzjoni u ta’ djalogu mwettqa mill-Kummissjoni, inkluża l-korrispondenza li ġiet skambjata u l-laqgħat li saru, u abbażi tar-raġunijiet li fuqhom huma bbażati d-Deċiżjoni tat-12 ta' Diċembru 2014 u d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2017/xxx/UE, huwa xieraq li Saint Vincent u l-Grenadini jitqiegħed fil-lista ta’ pajjiżi terzi li ma jikkooperawx fil-ġlieda kontra s-sajd IUU.

    (13)Skont l-Artikolu 34(1) tar-Regolament IUU, il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jneħħi pajjiż terz mil-lista ta’ pajjiżi terzi li ma jikkooperawx jekk dak il-pajjiż terz juri li s-sitwazzjoni li wasslet biex dan jiġi inkluż fil-lista tkun ġiet rettifikata. Deċiżjoni għat-tneħħija għandha tikkunsidra wkoll jekk il-pajjiżi terzi kkonċernati identifikati ħadux miżuri konkreti li jistgħu jiksbu titjib tas-sitwazzjoni li jdum fit-tul.

    2.PROĊEDURA FIR-RIGWARD TA' SAINT VINCENT U L-GRENADINI

    (14)Fit-12 ta' Diċembru 2014, il-Kummissjoni nnotifikat lil Saint Vincent u l-Grenadini skont l-Artikolu 32 tar-Regolament IUU li hi qieset il-possibbiltà li tidentifika lil Saint Vincent u l-Grenadini bħala pajjiż terz li ma jikkooperax u stiednet lil Saint Vincent u l-Grenadini biex, f’kooperazzjoni mill-qrib mas-servizzi tagħha, jimplimenta pjan ta’ azzjoni biex jiġu rettifikati n-nuqqasijiet identifikati fid-Deċiżjoni tat-12 ta' Diċembru 2014. Minn meta saret dik id-Deċiżjoni, Saint Vincent u l-Grenadini ressaq bil-miktub l-opinjonijiet tiegħu u ltaqa’ mal-Kummissjoni biex jiddiskuti l-punti rilevanti. Il-Kummissjoni pprovdiet lil Saint Vincent u l-Grenadini b'informazzjoni rilevanti bil-miktub. Il-Kummissjoni kompliet tfittex u tivverifika l-informazzjoni kollha li qieset bħala meħtieġa. Il-kummenti bil-fomm u bil-miktub mibgħuta minn Saint Vincent u l-Grenadini wara d-Deċiżjoni tat-12 ta' Diċembru 2014 ġew ikkunsidrati u meqjusa, filwaqt li Saint Vincent u l-Grenadini nżamm infurmat, bil-fomm jew bil-miktub, dwar id-deliberazzjonijiet tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni kienet tal-fehma li l-oqsma ta' tħassib u n-nuqqasijiet kif deskritti fid-Deċiżjoni tat-12 ta' Diċembru 2014 ma kinux ġew indirizzati b'mod suffiċjenti minn Saint Vincent u l-Grenadini. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-miżuri li ġew proposti fi pjan ta' azzjoni ma kinux ġew implimentati bis-sħiħ.

    3.L-IDENTIFIKAZZJONI TA’ SAINT VINCENT U L-GRENADINI BĦALA PAJJIŻ TERZ LI MA JIKKOOPERAX

    (15)Fid-Deċiżjoni tat-12 ta' Diċembru 2014, il-Kummissjoni analizzat id-dmirijiet ta’ Saint Vincent u l-Grenadini u evalwat il-konformità tiegħu mal-obbligi internazzjonali tiegħu bħala Stat tal-bandiera, tal-port, kostali jew tas-suq. Għall-fini ta’ dak ir-rieżami, il-Kummissjoni qieset il-parametri elenkati fl-Artikolu 31(4) sa (7) tar-Regolament IUU.

    (16)Il-Kummissjoni wettqet rieżami tal-konformità ta’ Saint Vincent u l-Grenadini b'konformità mal-konklużjonijiet tad-Deċiżjoni tat-12 ta' Diċembru 2014, filwaqt li kkunsidrat l-informazzjoni rilevanti pprovduta minn Saint Vincent u l-Grenadini f’dak ir-rigward, il-pjan ta' azzjoni ssuġġerit, kif ukoll il-miżuri meħuda biex is-sitwazzjoni tiġi rettifikata.

    (17)In-nuqqasijiet ewlenin identifikati mill-Kummissjoni fil-qafas tal-pjan ta’ azzjoni ssuġġerit kienu relatati ma’ diversi nuqqasijiet fl-implimentazzjoni tal-obbligi tad-dritt internazzjonali, marbuta b’mod partikolari man-nuqqas tal-adozzjoni ta’ qafas legali adegwat, in-nuqqas ta’ sistema adegwata u effiċjenti ta’ monitoraġġ, in-nuqqas ta’ skema ta’ osservaturi, u man-nuqqas ta’ sistema ta’ sanzjonijiet ta’ deterrent. B'mod aktar ġenerali, nuqqasijiet oħra identifikati jikkonċernaw il-konformità mal-obbligi internazzjonali, fosthom rakkomandazzjonijiet u riżoluzzjonijiet tal-Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd u l-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni ta' bastimenti skont id-dritt internazzjonali. Ġie identifikat nuqqas ta’ konformità ma’ rakkomandazzjonijiet u riżoluzzjonijiet minn korpi rilevanti bħall-Pjan Internazzjonali ta’ Azzjoni Kontra s-Sajd Illegali, Mhux Irrappurtat u Mhux Irregolat, u mal-Linji Gwida dwar il-Prestazzjoni tal-Istat tal-Bandiera tan-Nazzjonijiet Uniti. Madankollu, in-nuqqas ta' konformità ma' rakkomandazzjonijiet u riżoluzzjonijiet mhux vinkolanti tqies biss bħala prova ta' sostenn u mhux bħala bażi għall-identifikazzjoni.

    (18)Fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2017/xxx/UE, il-Kummissjoni identifikat lil Saint Vincent u l-Grenadini bħala pajjiż terz li ma jikkooperax skont ir-Regolament IUU.

    (19)Fir-rigward tar-restrizzjonijiet possibbli fuq Saint Vincent u l-Grenadini bħala pajjiż fil-fażi tal-iżvilupp għandu jiġi nnutat li l-istatus speċifiku tal-iżvilupp u l-prestazzjoni globali ta’ Saint Vincent u l-Grenadini rigward il-ġestjoni tas-sajd mhumiex imdgħajfin minħabba l-livell ġenerali ta’ żvilupp tiegħu.

    (20)Wara li ġew ikkunsidrati d-Deċiżjoni tat-12 ta' Diċembru 2014 u d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2017/xxx/UE tat-23 ta' Mejju, u l-proċess ta' djalogu ma’ Saint Vincent u l-Grenadini li sar mal-Kummissjoni u l-eżitu tiegħu, jista' jiġi konkluż li l-azzjonijiet meħuda minn Saint Vincent u l-Grenadini fid-dawl tal-obbligi tiegħu bħala Stat tal-bandiera huma insuffiċjenti biex ikun hemm konformità mal-Artikoli 63, 64, 91, 94 u 117 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar, mal-Artikoli 7, 18, 19, 20 u 23 tal-Ftehim tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Implimentazzjoni tad-Dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar tal-10 ta’ Diċembru 1982 relatati mal-Konservazzjoni u l-Ġestjoni ta’ Stokkijiet ta’ Ħut Transżonali u Stokkijiet ta’ Ħut li Jpassi Ħafna (UNFSA), u mal-Artikolu III(8) tal-Ftehim tan-Nazzjonijiet Uniti għall-promozzjoni tal-konformità mal-miżuri internazzjonali ta’ konservazzjoni u ġesjtoni mill-bastimenti tas-sajd fl-ibħra miftuħa.

    (21)B'hekk, Saint Vincent u l-Grenadini naqas milli jaqdi l-obbligi tiegħu skont id-dritt internazzjonali bħala Stat tal-bandiera biex jieħu azzjoni sabiex jipprevjeni, jiskoraġġixxi u jelimina s-sajd IUU.

    4.STABBILIMENT TA' LISTA TA' PAJJIŻI TERZI LI MA JIKKOOPERAWX

    (22)Fid-dawl tal-konklużjonijiet milħuqa hawn fuq fir-rigward ta’ Saint Vincent u l-Grenadini, dak il-pajjiż għandu jiġi inkluż, skont l-Artikolu 33 tar-Regolament IUU, fil-lista ta' pajjiżi terzi li ma jikkooperawx stabbilita bid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/170/UE. Għalhekk, id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/170/UE għandha tiġi emendata skont dan.

    (23)L-inklużjoni ta’ Saint Vincent u l-Grenadini fil-lista ta’ pajjiżi li ma jikkooperawx fil-ġlieda kontra s-sajd IUU tinvolvi l-applikazzjoni tal-miżuri stabbiliti fl-Artikolu 38 tar-Regolament IUU. L-Artikolu 38(1) tar-Regolament IUU jipprevedi l-projbizzjoni tal-importazzjoni ta’ prodotti tas-sajd maqbuda minn bastimenti li jtajjru l-bandiera ta’ pajjiżi li ma jikkooperawx. Fil-każ ta’ Saint Vincent u l-Grenadini, dik il-projbizzjoni għandha tkopri l-istokkijiet u l-ispeċijiet kollha, kif definit fl-Artikolu 2(8) tar-Regolament IUU, billi n-nuqqas ta’ miżuri xierqa adottati fir-rigward tas-sajd IUU li jwasslu għall-identifikazzjoni ta’ Saint Vincent u l-Grenadini bħala pajjiż terz li ma jikkooperax mhuwiex limitat għal stokk jew għal speċi partikolari.

    (24)Huwa nnutat li s-sajd IUU, inter alia, jeżawrixxi l-istokkijiet tal-ħut, jeqred il-ħabitats tal-baħar, għandu effetti negattivi fuq il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tar-riżorsi tal-baħar, ifixkel il-kompetizzjoni, jipperikola s-sigurtà tal-ikel, iqiegħed lis-sajjieda onesti fi żvantaġġ inġust, u jdgħajjef il-komunitajiet kostali. Fid-dawl tal-kobor tal-problemi relatati mas-sajd IUU, huwa meqjus bħala neċessarju li l-Unjoni timplementa malajr l-azzjonijiet fir-rigward ta’ Saint Vincent u l-Grenadini bħala pajjiż terz li ma jikkooperax. Bħala konsegwenza, din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    (25)Jekk Saint Vincent u l-Grenadini juri li s-sitwazzjoni li tat lok għall-inklużjoni tiegħu fil-lista tkun ġiet rettifikata, il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jneħħi lil Saint Vincent u l-Grenadini mil-lista ta’ pajjiżi terzi li ma jikkooperawx skont l-Artikolu 34(1) tar-Regolament IUU. Kwalunkwe deċiżjoni għat-tneħħija għandha tqis ukoll jekk Saint Vincent u l-Grenadini ħax miżuri konkreti biex ikun jista' jinkiseb titjib tas-sitwazzjoni li jdum fit-tul.

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    “Saint Vincent u l-Grenadini” għandu jiġi miżjud fl-Anness tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/170/UE.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell,

       Għall-Kunsill

       Il-President

    (1) ĠU L 286, 29.10.2008, p. 1.
    (2) ĠU L 286, 29.10.2008, p. 1.
    (3) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Diċembru 2014 dwar in-notifika lil pajjiż terz li l-Kummissjoni tqis li dan jista’ jiġi identifikat bħala pajjiż terz li ma jikkooperax skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (ĠU C 453, 17.12.2014, p. 5).
    (4) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2017/xxx/UE tat-23 ta' Mejju li tidentifika lil Saint Vincent u l-Grenadini bħala pajjiż terz li ma jikkooperax fil-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (ĠU L xx, jj.xxxx.2017, p. x).
    Top