Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017PC0221

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fir-rigward ta’ ċerti riżoluzzjonijiet li għandu jittieħed vot dwarhom, fil-qafas tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tad-Dielja u l-Inbid (OIV)

    COM/2017/0221 final - 2017/094 (NLE)

    Brussell, 8.5.2017

    COM(2017) 221 final

    2017/0094(NLE)

    EMPTY

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fir-rigward ta’ ċerti riżoluzzjonijiet li għandu jittieħed vot dwarhom, fil-qafas tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tad-Dielja u l-Inbid (OIV)


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

    L-Organizzazzjoni Internazzjonali tad-Dielja u l-Inbid (OIV) hija organizzazzjoni intergovernattiva xjentifika u teknika attiva fis-settur tad-dwieli, tal-inbid, tax-xorb abbażi tal-inbid, tal-għeneb tal-mejda, taż-żbib u ta’ prodotti oħra tad-dwieli. L-għanijiet tal-OIV huma li (i) tinforma dwar miżuri fejn jista' jitqies it-tħassib tal-produtturi, il-konsumaturi u partijiet oħra kkonċernati fis-settur tad-dwieli u tal-produzzjoni tal-inbid, (ii) tassisti organizzazzjonijiet internazzjonali oħra li huma involuti f'attivitajiet ta' standardizzazzjoni u (iii) tikkontribwixxi fl-armonizzazzjoni internazzjonali ta' prattiki u standards eżistenti. Bħalissa, 46 Stat huma membri tal-OIV, li fosthom hemm 20 li huma Stati Membri tal-Unjoni. L-UE mhijiex membru tal-OIV.

    Fil-livell tal-UE, skont ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli 1 (ir-Regolament dwar l-OKS), ċerti riżoluzzjonijiet adottati u ppubblikati mill-OIV jaffettwaw il-liġi tal-UE. Ir-Regolament dwar l-OKS jistipula referenzi għall-OIV fid-dispożizzjonijiet li ġejjin:

    -prattiki enoloġiċi adottati u ppubblikati mill-OIV li l-Kummissjoni trid tqis meta tawtorizza prattiki bħal dawn (l-Artikolu 80(3)(a) tar-Regolament dwar l-OKS);

    -l-istess prattiki enoloġiċi meta jintużaw, qabel l-awtorizzazzjoni tagħhom skont l-Artikolu 80(3) tar-Regolament dwar l-OKS, għall-produzzjoni tal-inbejjed f’pajjiżi terzi (l-Artikolu 90(2) tar-Regolament dwar l-OKS).

    -ċerti speċifikazzjonijiet ta’ purità u identifikazzjoni ta' sustanzi użati fil-prattiki enoloġiċi, sabiex ir-regoli, dwar din il-kwistjoni fl-UE, adottati u ppubblikati mill-OIV isiru jorbtu ipso facto (l-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 606/2009 tal-10 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2008 2 fir-rigward tal-kategoriji tal-prodotti tad-dwieli, il-prattiki enoloġiċi u r-restrizzjonijiet applikabbli;

    -ċerti metodi ta’ analiżi biex tiġi ddeterminata l-kompożizzjoni tal-prodotti fis-settur tal-inbid adottati u ppubblikati mill-OIV, li magħhom trid timxi l-Kummissjoni jekk kemm-il darba dawn ma jkunux ineffettivi jew mhux xierqa fid-dawl tal-għan tal-Unjoni (l-Artikolu 80(5) tar-Regolament dwar l-OKS);

    Bl-istess mod, skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2870/2000 tad-19 ta’ Diċembru 2000 li jistabbilixxi l-metodi Komunitarji ta’ referenza għall-analiżi tax-xorb spirituż 3 , ċerti riżoluzzjonijiet adottati u ppubblikati mill-OIV jaffettwaw il-liġi tal-UE. L-Artikolu 3 tar-Regolament 2870/2000 jipprevedi referenza għal riżoluzzjonijiet tal-OIV meta l-metodi analitiċi Komunitarji tar-riferiment ma jkunux stabbiliti għall-iskoperta u l-kwantifikazzjoni tas-sustanzi li jkunu f’xarba spirituża partikolari.

    Finalment, l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 251/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, it-tikkettar u l-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-prodotti tal-inbid aromatizzat 4 , jipprevedi wkoll għal referenzi għall-OIV. Skont din id-dispożizzjoni, sabiex tistabbilixxi l-proċessi ta’ produzzjoni awtorizzati, il-Kummissjoni għandha tqis il-proċessi ta’ produzzjoni rakkomandati u ppubblikati mill-OIV u għandha tadotta l-metodi ta’ analiżi bbażati fuq kwalunkwe metodu rilevanti rakkomandat u ppublikat mill-OIV, sakemm ma jkunux ineffikaċi jew mhux xierqa fid-dawl tal-objettiv segwit.

    Abbażi ta' diskussjonijiet li saru fil-grupp ta’ esperti li ltaqa’ biex jipprepara l-Assemblea Ġenerali tal-OIV, wieħed jista' jistenna li r-riżoluzzjonijiet li ġejjin, li jipproduċu effett legali fuq l-liġi tal-UE, ser ikunu fuq l-aġenda tal-Assemblea Ġenerali għall-adozzjoni:

    L-abbozz tar-Riżoluzzjonijiet 13-532 u OENO-TECHNO 13-533, 15-580, 15-582, 15-583, 14-567B u l-abbozz tar-Riżoluzzjonijiet OENO-MICRO 15-576A u 15-576B jistabbilixxu prattiki enoloġiċi ġodda. Skont l-Artikolu 80(3)(a) u l-Artikolu 90(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, dawn ir-Riżoluzzjonijiet se jkollhom effett ġuridiku fuq il-liġi tal-Unjoni.

    L-abbozz tar-riżoluzzjonijiet OENO-SPECIF 15-571, 15-572, 15-574, 15-578 u 16-605 jistabbilixxu l-ispeċifikazzjonijiet ta’ purità u identifikazzjoni tas-sustanzi użati fil-prattiki enoloġiċi. Dawn il-prattiki enoloġiċi ġew ippubblikati u rrakkomandati mill-OIV bil-kundizzjoni li jiġu adottati l-ispeċifikazzjonijiet tas-sustanza użata (Il-Kodiċi Internazzjonali tal-prattiki Enoloġiċi tal-OIV, § 2.1.20 u § 3.4.14). Skont l-Artikoli 80(3)(a) u 90(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, u l-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 606/2009, dawn ir-Riżoluzzjonijiet se jaffettwaw il-liġi tal-Unjoni.

    L-abbozz tar-riżoluzzjonijiet OENO-SCMA 11-479, 13-529, 15-587, 15-588, 15-589, 15-590, jistabbilixxu l-metodi tal-analiżi. Skont l-Artikolu 80(3)(a) u (5) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, dawn ir-riżoluzzjonijiet se jaffettwaw il-liġi tal-Unjoni.

    L-esperti xjentifiċi u tekniċi fis-settur tal-inbid iddiskutew ir-riżoluzzjonijiet imsemmija hawn fuq b’mod estensiv. Dawn jikkontribwixxu għall-armonizzazzjoni internazzjonali tal-istandards tal-inbid u se jistabbilixxu qafas li se jiżgura kompetizzjoni ġusta fil-kummerċ ta' prodotti fis-settur tal-inbid. Għalhekk, dawn għandhom jiġu appoġġati.

    Bħal fl-imgħoddi, wieħed jista' jistenna li l-aġenda tal-laqgħa tal-Assemblea Ġenerali tal-OIV se tibqa’ tevolvi u li mal-aġenda jiżdiedu aktar riżoluzzjonijiet li jaffettwaw il-liġi tal-Unjoni. Sabiex tiżgura l-effiċjenza tal-ħidma tal-Assemblea Ġenerali filwaqt li tirrispetta r-regoli tat-Trattati, fiż-żmien dovut il-Kummissjoni se tissupplimenta u/jew temenda din il-proposta attwali biex tippermetti lill-Kunsill jadotta l-pożizzjoni li għandha tittieħed ukoll għal dawn ir-Riżoluzzjonijiet.

    2017/0094 (NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fir-rigward ta’ ċerti riżoluzzjonijiet li għandu jittieħed vot dwarhom, fil-qafas tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tad-Dielja u l-Inbid (OIV)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 43, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)Waqt l-Assemblea Ġenerali li jmiss li ser issir fit-2 ta’ Ġunju 2017, l-Organizzazzjoni Internazzjonali tad-Dielja u l-Inbid (OIV) ser teżamina u possibbilment tadotta riżoluzzjonijiet li se jaffettwaw il-liġi tal-Unjoni.

    (2)Fil-preżent, l-Unjoni mhijiex membru tal-OIV. Għoxrin (20) Stat Membru jagħmlu parti mill-OIV. Dawk l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà jipproponu emendi għall-abbozz tar-riżoluzzjonijiet tal-OIV u se jintalbu jadottaw uħud mill-abbozzi tar-riżoluzzjonijiet tal-OIV waqt l-Assemblea Ġenerali li jmiss fit-2 ta’ Ġunju 2017.

    (3)Għaldaqstant il-pożizzjoni tal-Unjoni b'rabta mal-kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tagħha, għandha tiġi adottata mill-Kunsill u espressa mill-Istati Membri li huma membri tal-OIV waqt il-laqgħat tal-OIV, b’azzjoni konġunta fl-interess tal-Unjoni.

    (4)Skont ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 5 u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 606/2009 6 , ċerti riżoluzzjonijiet adottati u ppubblikati mill-OIV jaffettwaw il-liġi tal-Unjoni.

    (5)L-Artikolu 80(3)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jistipula li meta tawtorizza prattiki enoloġiċi, il-Kummissjoni għandha tqis il-prattiki enoloġiċi u l-metodi ta’ analiżi rrakkomandati u ppubblikati mill-OIV.

    (6)L-Artikolu 80(5) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jistipula li meta tistabbilixxi l-metodi ta’ analiżi sabiex tiġi ddeterminata l-kompożizzjoni tal-prodotti tas-settur tal-inbid, il-Kummissjoni għandha tibbaża dawn il-metodi fuq xi metodu rilevanti rrakkomandat u ppubblikat mill-OIV, sakemm dawn il-metodi jkunu effettivi u xierqa fid-dawl tal-objettiv fil-mira tal-Unjoni.

    (7)L-Artikolu 90(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jistipula li l-prodotti tas-settur tal-inbid importati fl-Unjoni għandhom ikunu magħmulin skont prattiki enoloġiċi awtorizzati mill-Unjoni skont dan ir-Regolament jew, qabel l-awtorizzazzjoni, magħmulin skont prattiki enoloġiċi rrakkomandati u ppubblikati mill-OIV.

    (8)L-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 606/2009 jistipula li l-ispeċifikazzjonijiet tal-purità u tal-identifikazzjoni tas-sustanzi użati fil-prattiki enoloġiċi għandhom ikunu dawk stabbiliti u ppubblikati mill-OIV, sakemm ma jkunux stabbiliti mill-Kummissjoni.

    (9)L-abbozz tar-Riżoluzzjonijiet OENO-TECHNO 13-532, 13-533, 14-567B, 15-580, 15-582, 15-583, OENO-MICRO 15-576A u 15-576B jistabbilixxi prattiki enoloġiċi ġodda. Skont l-Artikolu 80(3)(a) u l-Artikolu 90(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, dawn ir-Riżoluzzjonijiet se jkollhom effett fuq il-liġi tal-Unjoni.

    (10)L-abbozz tar-riżoluzzjonijiet OENO-SPECIF 15-571, 15-572, 15-574, 15-578 u 16-605 jistabbilixxu l-ispeċifikazzjonijiet ta’ purità u identifikazzjoni tas-sustanzi użati fil-prattiki enoloġiċi. Dawn il-prattiki enoloġiċi ġew ippubblikati u rrakkomandati mill-OIV bil-kundizzjoni li jiġu adottati l-ispeċifikazzjonijiet tas-sustanza użata (Il-Kodiċi Internazzjonali tal-prattiki Enoloġiċi tal-OIV, § 2.1.20 u § 3.4.14). Skont l-Artikolu 80(3)(a) u l-Artikolu 90(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, u l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 606/2009, dawn ir-Riżoluzzjonijiet se jkollhom effett legali fuq il-liġi tal-Unjoni.

    (11)L-abbozz tar-Riżoluzzjonijiet OENO-SCMA 11-479, 13-529, 15-587, 15-588, 15-589 u 15-590, jistabbilixxu l-metodi tal-analiżi. Skont l-Artikolu 80(3)(a) u l-Artikolu 80(5) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, dawn ir-Riżoluzzjonijiet se jkollhom effett fuq il-liġi tal-Unjoni.

    (12)Dawk l-abbozzi tar-riżoluzzjonijiet ġew diskussi b’mod estensiv fost l-esperti xjentifiċi u tekniċi fis-settur tal-inbid. Dawn se jikkontribwixxu għall-armonizzazzjoni internazzjonali tal-istandards tal-inbid u se jistabbilixxu qafas li jiżgura kompetizzjoni ġusta fil-kummerċ ta' prodotti fis-settur tal-inbid. Għalhekk, dawn għandhom jiġu appoġġati.

    (13)Sabiex ikun hemm il-flessibbiltà meħtieġa matul in-negozjati ta' qabel il-laqgħa tal-Assemblea Ġenerali tal-OIV, l-Istati Membri li huma membri tal-OIV għandhom ikunu awtorizzati jaqblu ma’ bidliet f'dawn ir-Riżoluzzjonijiet sakemm dawn il-bidliet ma jbiddlux is-sustanza tagħhom,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-pożizzjoni li trid tiġi adottata, f’isem l-Unjoni, fil-laqgħat tal-OIV fit-2 ta’ Ġunju 2017 għandha tkun skont l-Anness għal din id-Deċiżjoni u għandha tiġi espressa mill-Istati Membri li huma Membri tal-OIV b’azzjoni konġunta fl-interess tal-Unjoni.

    Artikolu 2

    1.Meta jkun hemm il-probabbiltà li l-pożizzjoni li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 1 tiġi affettwata b’informazzjoni xjentifika jew teknika ġdida li tkun ippreżentata qabel jew waqt il-laqgħat tal-OIV, l-Istati Membri li huma Membri tal-OIV għandhom jitolbu li l-votazzjoni fl-Assemblea Ġenerali tal-OIV tiġi posposta sakemm il-pożizzjoni tal-Unjoni tkun stabbilita abbażi tal-elementi l-ġodda.

    2.Wara l-koordinazzjoni, b’mod partikolari fuq il-post, u mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill li tistabbilixxi l-pożizzjoni tal-Unjoni, l-Istati Membri li huma Membri tal-OIV, u li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni, jistgħu jaqblu ma’ bidliet fl-abbozz tar-riżoluzzjonijiet li hemm referenza għalih fl-Anness li ma jbiddlux is-sustanza tagħha.

    Article 3

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell,

       Għall-Kunsill

       Il-President

       

    (1) ĠU L 347, p. 671
    (2) ĠU L 193, p. 1
    (3) ĠU L 333, p. 20
    (4) ĠU L 84, 20.3.2014, p. 14-34
    (5) Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671).
    (6) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 606/2009 tal-10 ta' Lulju 2009 li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2008 fir-rigward tal-kategoriji tal-prodotti tad-dwieli, il-prattiki enoloġiċi u r-restrizzjonijiet applikabbli (ĠU L 193, 24.7.2009, p. 1).
    Top

    Brussell, 8.5.2017

    COM(2017) 221 final

    ANNESS

    ta'

    Proposta għal Deċizjoni tal-Kunsill

    li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fir-rigward ta’ ċerti riżoluzzjonijiet li għandu jittieħed vot dwarhom, fil-qafas tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tad-Dielja u l-Inbid (OIV)


    ANNESS

    L-Istati Membri li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni għandhom jappoġġaw biss, u soġġett għal kwalunkwe eżami futur fuq il-bażi ta’ żviluppi ġodda, is-segwenti abbozzi ta’ riżoluzzjonijiet fl-istadju 7 fir-rigward tal-prattiki enoloġiċi, ir-rekwiżiti tal-purezza u l-ispeċifikazzjonijiet tas-sustanzi użati fil-prattiki enoloġiċi u l-metodi ta’ analiżi sabiex tiġi ddeterminata l-kompożizzjoni tal-prodotti tas-settur tal-inbid.

    OENO-TECHNO 13-532 - It-trattament tal-mosti bi ħmira inattivata b’livell garantit ta’ glutatijon

    OENO-TECHNO 13-533 - It-trattament tal-inbejjed bi ħmira inattivata b’livell garantit ta’ glutatijon

    OENO-TECHNO 14-567B - Distinzjoni bejn addittivi u għajnuniet għall-ipproċessar; il-Parti 2 suġġetta għall-emenda li ġejja: iz-zokkor tal-għeneb għandu jitneħħa mir-riżoluzzjoni.

    OENO-TECHNO 15-580 - It-trattament tal-mosti bil-karbonat tal-potassju

    OENO-TECHNO 15-582 - L-użu ta’ fibri veġetali selettivi fl-inbid

    OENO-TECHNO 15-583 - It-trattament tal-most bis-sulfat tal-kalċju għall-inbejjed likurużi

    OENO-MICRO 15-576A - Il-monografija tal-ħmira saccharomyces

    OENO-MICRO 15-576B - Il-monografija tal-ħmira nonsaccharomyces

    OENO-SPECIF 15-571 - Il-monografija dwar il-glutatijon

    OENO-SPECIF 15-572 - Il-monografija dwar il-poliaspartat tal-potassju

    OENO-SPECIF 15-574 - Il-monografija dwar it-tannini – aġġornament tal-metodu għad-determinazzjoni tal-polifenoli

    OENO-SPECIF 15-578 - Il-monografija tal-fibri tal-pjanti selettivi

    OENO-SPECIF 16-605 - Il-limitu ta’ ħadid fil-monografi tal-OIV dwar il-PVI/PVP

    OENO-SCMA 11-479 - Id-determinazzjoni tar-relattività tal-iżotopi 13C/12C tal-glukożju, tal-fruttożju, tal-gliċerol u tal-etanol fl-inbid permezz ta’ kromotografija likwida ta’ prestazzjoni għolja akkoppjata mal-ispettrometrija ta' massa tal-proporzjonijiet isotopiċi 

    OENO-SCMA 13-529 - Id-determinazzjoni tal-kitinażi u ta’ proteini simili għat-tawmatina fl-inbejjed bojod u rosé

    OENO-SCMA 15-587 - L-introduzzjoni tad-definizzjoni tal-qawwa apparenti tal-alkoħol: ir-reviżjoni tal-metodu OIV-MA-BS-01

    OENO-SCMA 15-588 - L-introduzzjoni tal-prinċipju tal-oskurazzjoni: ir-reviżjoni tal-metodu OIV-MA-BS-01

    OENO-SCMA 15-589 - Il-metodu ta’ determinazzjoni ta’ 1,2-propanedjol u 2,3-butanedjol

    OENO-SCMA 15-590 - Id-determinazzjoni tal-karbamat tal-etil: ir-reviżjoni tal-metodu OIV-MA-BS-25

    Top