Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017PC0170

Proposta għal DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL li tawtorizza lir-Renju Unit biex japplika livelli mnaqqsa ta’ tassazzjoni fuq il-karburanti tal-magni użati fil-gżejjer tal-Inner u tal-Outer Hebrides, fin-Northern Isles, fil-gżejjer fiż-żona Clyde u fl-Isles of Scilly, b’konformità mal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE

COM/2017/0170 final - 2017/079 (NLE)

Brussell, 15.5.2017

COM(2017) 170 final

2017/0079(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza lir-Renju Unit biex japplika livelli mnaqqsa ta’ tassazzjoni fuq il-karburanti tal-magni użati fil-gżejjer tal-Inner u tal-Outer Hebrides, fin-Northern Isles, fil-gżejjer fiż-żona Clyde u fl-Isles of Scilly, b’konformità mal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

Fl-Unjoni, it-tassazzjoni fuq il-prodotti tal-enerġija u fuq l-elettriku tirregolaha d-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE 1 (minn hawn ’il quddiem imsejħa “id-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija” jew “id-Direttiva”).

B’konformità mal-Artikolu 19(1) tad-Direttiva, flimkien mad-dispożizzjonijiet previsti b’mod partikolari fl-Artikoli 5, 15 u 17 tagħha, il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi unanimament bi proposta tal-Kummissjoni, jista’ jawtorizza lil kwalunkwe Stat Membru biex jintroduċi aktar eżenzjonijiet jew tnaqqis fil-livell ta’ tassazzjoni minħabba kunsiderazzjonijiet politiċi speċifiċi.

Ir-raġunijiet u l-għanijiet tal-proposta

Din il-proposta għandha l-għan li tippermetti lir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq (ir-Renju Unit) biex idaħħal rata mnaqqsa ta’ dazju tas-sisa fuq il-karburanti tal-magni (jiġifieri fuq il-petrol u d-diżil), fil-gżejjer kollha tal-Inner u tal-Outer Hebrides, in-Northern Isles, il-gżejjer fiż-żona Clyde (ilkoll ’il barra mill-kosta tal-Iskozja), u fl-Isles of Scilly (’il barra mill-kosta tal-Lbiċ tal-Ingilterra). Mill-informazzjoni li ta r-Renju Unit, il-prezz medju tal-karburant fiż-żoni li għandhom jibbenefikaw mill-miżura hu GBP 0,10 (bejn wieħed u ieħor EUR 0,12) aktar għal kull litru mill-prezz tal-karburant fi nħawi oħra tal-pajjiż. F’dawn iż-żoni l-prezzijiet huma ogħla għax l-ispejjeż tat-trasport u tad-distribuzzjoni huma ogħla, u l-popolazzjoni hija baxxa. Il-miżura għandha l-għan li tikkumpensa xi ftit għall-prezzijiet għoljin tal-karburanti tal-magni fiż-żoni speċifikati.

L-Artikolu 19(1) tad-Direttiva jistipula li l-Kunsill, filwaqt li jaġixxi unanimament bi proposta tal-Kummissjoni, jista’ jawtorizza lil kwalunkwe Stat Membru biex jintroduċi aktar eżenzjonijiet jew tnaqqis fil-livell ta’ tassazzjoni minħabba kunsiderazzjonijiet politiċi speċifiċi.

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2011/776/UE tawtorizza lir-Renju Unit biex sat-30 ta’ Ottubru 2017 japplika livelli mnaqqsa ta’ tassazzjoni għall-petrol bla ċomb u għad-diżil fuq il-karburanti f’ċerti gżejjer. B’ittra fis-16 ta’ Settembru 2016 u b’informazzjoni addizzjonali mibgħuta fis-16 ta’ Diċembru 2016, skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva, ir-Renju Unit talab lill-Kummissjoni biex testendi l-applikazzjoni tar-rata mnaqqsa. Ir-rata mnaqqsa tad-dazju tas-sisa fuq il-karburant se tkun GBP 0,05 (madwar EUR 0,06) orħos għal kull litru meta mqabbla mar-rata standard fir-Renju Unit (GBP 0,58 jew madwar EUR 0,67) 2 . Dan ifisser li r-rata mnaqqsa xorta waħda se tkun ferm ogħla mill-minimu attwali tal-UE għal kull 1 000 litru, jiġifieri minn EUR 359 għall-petrol bla ċomb u EUR 330 għad-diżil.

Ir-Renju Unit talab li jingħata l-permess ta’ tnaqqis għal sitt snin, li huma l-perjodu massimu indikat fl-Artikolu 19(2) tad-Direttiva.

Skont l-awtoritajiet tar-Renju Unit, il-prezz tal-karburant fil-gżejjer Skoċċiżi hu madwar GBP 0,10 (madwar EUR 0,12) ogħla għal kull litru meta mqabbel mal-prezz medju fil-bqija tar-Renju Unit. It-tnaqqis ta’ GBP 0,05 (madwar EUR 0,06) għal kull litru ma jkoprix id-differenza kollha fil-prezz, iżda lill-konsumaturi jagħtihom kumpens żgħir għall-prezz ogħla li jkollhom iġarrbu.

Il-prezz ogħla jikkawżawh l-ispejjeż żejda biex jinbiegħ il-karburant f’dawn ir-reġjuni. L-awtoritajiet tar-Renju Unit isemmu żewġ raġunijiet ewlenin għal dawn l-ispejjeż żejda:

(1)L-ispejjeż ogħla tat-trasport u tad-distribuzzjoni biex il-karburant jasal fil-gżejjer, minħabba spejjeż żejda marbutin mat-trasport bil-baħar/bit-trakk (distanzi itwal u iżjed żmien), l-ispejjeż tal-vapur, l-ispejjeż tal-operat fit-terminals u primjums tal-fornituri assoċjati mal-kunsinna ta’ volumi baxxi ta’ karburant. F’kuntrast ma’ dan, iż-żoni kontinentali kollha tal-Ingilterra u ta’ Wales jinsabu f’distanza ta’ mhux aktar minn 100 mil (madwar 160 km) minn tal-inqas raffinerija waħda u jistgħu jinqdew direttament bit-tankers tat-triq. Hu stmat li l-ispejjeż tat-trasport lejn il-gżejjer Skoċċiżi huma mill-inqas GBP 0,03 għal kull litru ogħla milli huma fl-Iskozja kontinentali.

(2)Billi l-popolazzjoni servuta hi żgħira (103 801 persuna minn 16-il sena ’l fuq fost il-100 gżira) u l-volum ta’ karburant li jinbiegħ għal kull sit hu żgħir, l-ispejjeż fissi jeħtieġ jitferrxu fuq volum żgħir ta’ bejgħ. Biex dan jitqiegħed f’kuntest: f’dawn iż-żoni, b’kollox hemm 70 pompa. L-ispejjeż fissi marbuta mal-persunal, il-kiri, it-tariffi, it-tisħin, id-dawl, l-ilma, il-manutenzjoni u t-tiswija lkoll iridu jitqiesu fil-prezz totali finali għal kull litru ta’ karburant kif jinbiegħ fil-pompi. Il-volum medju tal-karburant mibjugħ għal kull sit fil-gżejjer Shetlands, Orkneys u Hebrides ivarja bejn 0,25 u 0,6 miljun litru fis-sena, meta mqabbel mat-3,8 miljun litru għall-bqija tal-Iskozja. Sabiex jitkoprew l-ispejjeż marbuta mat-tmexxija tal-pompi, il-bejgħ ta’ 0,25-0,6 miljun litru jkun jeħtieġ marġni ta’ GBP 0,07-0,15 għal kull litru, meta mqabbel mal-marġni ta’ GBP 0,033 għal kull litru fuq il-bejgħ ta’ 3,8 miljun litru.

L-iżvantaġġ tal-prezzijiet ogħla kkawżati mill-ispiża żejda għal kull unità hu importanti għall-popolazzjoni lokali għax skont l-awtoritajiet tar-Renju Unit, ħafna mir-residenti jkollhom jivvjaġġaw distanzi ġmielhom b’vettura biex jaslu fl-eqreb ċentru urban, peress li ħafna drabi dawn jiddependu fuq it-trasport privat u ż-żoni li qed jibbenefikaw mill-miżura huma żoni bi dħul relattivament baxx.

L-operat tal-miżura

Fir-Renju Unit, id-dazju tas-sisa fuq il-karburanti tal-magni jibda jitħallas minn meta l-karburant jinħareġ mir-raffinerija, minn meta jiġi impurtat jew minn meta jinħareġ mill-maħżen tas-sisa. Sa dan il-punt, ikun għadu diffiċli biex wieħed jidentifika l-ammont ta’ karburant maħsub għar-reġjuni eliġibbli.

Għalhekk l-eżenzjoni se tingħata fil-punt tal-bejgħ fuq il-gżejjer eliġibbli, u b’hekk jiġi evitat kull riskju li jirriżulta mid-diverżjoni tal-karburant soġġett għal rata mnaqqsa. Il-bejjiegħa tal-karburant bl-imnut fil-gżejjer ikunu rreġistrati mal-HM Revenue and Customs (HMRC - l-Uffiċċju tat-Taxxi u d-Dwana tal-Maestà Tagħha) bħala bejjiegħa bl-imnut approvati u jintalbu jnaqqsu l-prezz ta’ kull litru ta’ karburant bl-ammont tal-eżenzjoni mid-dazju. Min-naħa tagħhom, minn żmien għal żmien dawn ikunu intitolati jitolbu rifużjoni tad-dazju mingħand l-HMRC, skont l-ammont ta’ litri ta’ karburant mibjugħ.

L-Ambitu

L-ambitu territorjali tal-miżura jinkludi l-gżejjer kollha tal-Inner u tal-Outer Hebrides, in-Northern Isles, il-gżejjer fiż-żona Clyde (ilkoll ’il barra mill-kosta tal-Iskozja); u l-Isles of Scilly (’il barra mill-kosta tal-Lbiċ tal-Ingilterra). Il-miżura hija maħsuba għax-xiri kollu; l-individwi privati u l-entitajiet kummerċjali lkoll se jibbenefikaw minn rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni. Skont l-informazzjoni li taw l-awtoritajiet tar-Renju Unit, minn fost il-vetturi kollha liċenzjati fil-gżejjer fl-2016, 86% kienu ta’ sidien privati u 14% kienu ta’ kumpaniji.

L-argumenti tal-awtoritajiet tar-Renju Unit dwar l-impatt tal-miżura fuq is-suq intern

L-awtoritajiet tar-Renju Unit mhumiex tal-fehma li l-miżura se taffettwa l-funzjonament sew tas-suq intern. L-akbar organizzazzjonijiet li hemm fil-gżejjer huma korpi tas-settur pubbliku bħal kunsilli lokali u fornituri tal-kura tas-saħħa. Hemm firxa wiesgħa ta’ kumpaniji fil-gżejjer, iżda ħafna drabi dawn ikollhom inqas dħul mill-medja fir-Renju Unit. Skont l-awtoritajiet tar-Renju Unit, il-kumpaniji fiż-żoni kkonċernati għandhom dħul medju ta’ madwar GBP 1,4 miljun meta mqabbel mal-medja fir-Renju Unit ta’ madwar GBP 5,7 miljun.

Ir-Renju Unit jenfasizza li l-eżenzjoni ma tkoprix id-differenza kollha tal-ispiża bejn il-gżejjer u t-territorju kontinentali tar-Renju Unit, u għalhekk ma jkunx ekonomikament vijabbli li n-nies jivvjaġġaw lejn il-gżejjer mit-territorju kontinentali biex jieħdu vantaġġ mill-iskema speċjali.

Barra minn dan, skont ir-Renju Unit, l-impriżi li jibbenefikaw mill-miżuri jirrappreżentaw biss kompetituri żgħar fis-swieq fejn joperaw.

Id-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta

Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Il-valutazzjoni tal-miżura skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE.

Kunsiderazzjonijiet politiċi speċifiċi

Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 19(1) tad-Direttiva:

Flimkien ma’ dawn id-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli ta’ qabel, b’mod partikolari l-Artikoli 5, 15 u 17, il-Kunsill, li jaġixxi b’mod unanimu fuq xi proposta tal-Kummissjoni, jista’ jawtorizza lil kwalunkwe Stat Membru biex jintroduċi aktar eżenzjonijiet u tnaqqis għall-konsiderazzjonijiet politiċi speċifiċi.

Il-miżura prevista mir-Renju Unit tikkonsisti fi tnaqqis tad-dazju tas-sisa fuq il-karburanti tal-magni fornuti f’ċerti partijiet tat-territorju tiegħu, jiġifieri fil-gżejjer kollha tal-Inner u tal-Outer Hebrides, in-Northern Isles, il-gżejjer fiż-żona Clyde (ilkoll ’il barra mill-kosta tal-Iskozja), u fl-Isles of Scilly (’il barra mill-kosta tal-Lbiċ tal-Ingilterra). L-għan hu li l-prezzijiet tal-karburanti mill-pompi f’dawn it-territorji joqorbu lejn il-prezzijiet medji tar-Renju Unit. F’dawn iż-żoni, l-ispejjeż għal kull unità ta’ karburant u l-prezzijiet tal-karburant mill-pompi huma ogħla minħabba aktar spejjeż tat-trasport u tad-distribuzzjoni u minħabba ekonomiji ta’ skala iżgħar.

Jista’ jiġi konkluż li t-talba biex tiġi applikata rata mnaqqsa ta’ dazju tas-sisa fuq il-karburanti fiż-żoni kkonċernati abbażi tal-kundizzjonijiet ġeografiċi speċifiċi tagħhom hija msejsa fuq kunsiderazzjonijiet politiċi speċifiċi.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Il-miżura għandha l-għan li tikseb kontrobilanċ parzjali għall-ispiża għal kull unità ta’ karburant, u għalhekk għall-prezzijiet tal-karburant, mill-pompi fil-gżejjer ikkonċernati permezz ta’ eżenzjoni diretta mid-dazju fil-punt tal-bejgħ.

Il-miżura hi limitata għal dak li hu meħtieġ biex dan iseħħ. B'mod partikolari, l-eżenzjoni hi limitata għall-ammont (relattivament żgħir) ta’ karburant mibjugħ fil-gżejjer.

Barra minn hekk, l-ammont tal-eżenzjoni jibqa’ inqas mit-total tal-ispejjeż żejda biex jinbiegħ il-karburant f’dawn ir-reġjuni, u bl-istess mod jibqa’ inqas mid-differenza bejn il-prezzijiet tal-karburant applikati hemmhekk u dawk applikati fit-territorju kontinentali.

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tinnota li r-rata tad-dazju tas-sisa se titnaqqas b’GBP 0,05 għal kull litru tal-prodott. Madankollu, skont l-informazzjoni li taw l-awtoritajiet tar-Renju Unit, l-ispejjeż żejda tat-trasport li jġarrbu t-territorji koperti huma GBP 0,03 ogħla għal kull litru meta mqabbla mill-medja fir-Renju Unit, u hu stmat li l-ispejjeż tal-ġestjoni tal-pompi huma ogħla u dan iwassal biex il-prezzijiet ikunu madwar GBP 0,07-0,15 għal kull litru, meta mqabbla mal-medja tar-Renju Unit ta’ GBP 0,033 għal kull litru.

Minħabba f’hekk, l-inċentiv fiskali għal użu effiċjenti tal-enerġija qed jinżamm f’livell li tal-anqas ikun daqs dak prevalenti fit-territorju kontinentali.

Fl-aħħar nett, minkejja l-eżenzjoni, il-piż tat-taxxa li jġorr il-karburant ikkunsmat fiż-żoni ġeografiċi kkonċernati se jibqa’ ferm ogħla mil-livelli minimi ta’ tassazzjoni stabbiliti fid-Direttiva 2003/96/KE.

Il-miżura hi kompatibbli mal-politiki tal-Unjoni fl-oqsma tas-saħħa, l-ambjent, l-enerġija u t-trasport.

Fiċ-ċirkostanzi deskritti, il-miżura jidher li hi aċċettabbli wkoll mil-lat ta’ funzjonament sew tas-suq intern u ta’ ħtieġa li tkun żgurata kompetizzjoni ġusta. B’mod partikolari, minħabba n-natura insulari taż-żoni fejn tapplika u t-tnaqqis moderat fir-rata, mhux mistenni li din se twassal għal tibdil fil-konsum tal-karburant, billi jiġu attirati konsumaturi minn barra dawn iż-żoni.

Wara t-tnaqqis maħsub mill-awtoritajiet tar-Renju Unit, ir-rati tat-taxxa fuq il-petrol bla ċomb u d-diżil fir-reġjuni kkonċernati xorta waħda se jibqgħu jirrispettaw il-livell minimu ta’ tassazzjoni b’konformità mal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/96/KE. Diment li l-miżura tkun tirrispetta l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 44 tar-Regolament (KE) Nru 651/2014/EU 3 għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa (il-GBER) u anki l-kundizzjonijiet ġenerali stabbiliti fih, il-miżura taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u għaldaqstant hi eżentata mill-ħtieġa ta’ notifika minn qabel.

2.IL-BAŻI ĠURIDIKA, IS-SUSSIDJARJETÀ U L-PROPORZJONALITÀ

Il-bażi ġuridika

L-Artikolu 19 tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE.

Is-sussidjarjetà (għal kompetenza mhux esklużiva)

Il-qasam tat-tassazzjoni indiretta kopert mill-Artikolu 113 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fih innifsu mhux fil-kompetenza esklużiva tal-UE skont it-tifsira tal-Artikolu 3 tat-Trattat.

Iżda b’konformità mal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE, il-Kunsill ingħata kompetenza esklużiva, bħala kwistjoni ta’ liġi sekondarja, biex jawtorizza lil Stat Membru biex idaħħal iżjed eżenzjonijiet jew tnaqqis skont it-tifsira ta’ dik id-dispożizzjoni. Għalhekk l-Istati Membri ma jistgħux jieħdu post il-Kunsill. Għaldaqstant il-prinċipju tas-sussidjarjetà mhux applikabbli għal din id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni. Għalhekk il-proposta tirrispetta l-prinċipju tas-sussidjarjetà.

Il-proporzjonalità

Il-proposta tirrispetta l-prinċipju tal-proporzjonalità. It-tnaqqis fit-taxxa ma jaqbiżx dak meħtieġ biex jintlaħaq l-għan inkwistjoni.

L-għażla tal-istrument

L-istrument propost: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill.

3.IR-RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET KONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

L-evalwazzjonijiet ex post/kontroll tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Il-miżura ma teħtieġx l-evalwazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti.

Konsultazzjonijiet mal-partijiet konċernati

Din il-proposta ma teħtieġx konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati; din hi bbażata fuq talba li għamel ir-Renju Unit u tikkonċerna biss lil dan l-Istat Membru.

Il-ġbir u l-użu tal-għarfien espert

Ma kienx hemm bżonn għarfien espert estern.

Il-valutazzjoni tal-impatt

Din il-proposta tikkonċerna awtorizzazzjoni lil Stat Membru individwali b’talba tiegħu stess u ma teħtieġx valutazzjoni tal-impatt.

L-idoneità u s-simplifikazzjoni regolatorja

Il-miżura ma tipprevedix simplifikazzjoni. Din hi riżultat ta’ talba li għamel ir-Renju Unit u tikkonċerna biss lil dan l-Istat Membru.

Id-drittijiet fundamentali

Il-miżura ma tħalli l-ebda impatt fuq id-drittijiet fundamentali.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-miżura ma timponi l-ebda piż finanzjarju u amministrattiv fuq l-UE. Għaldaqstant il-proposta ma tħalli l-ebda impatt fuq il-baġit tal-UE.

5.ELEMENTI OĦRAJN

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

L-Artikolu 1 ‒ Ir-Renju Unit jista’ jkompli japplika r-rata mnaqqsa ta’ dazju tas-sisa fuq il-karburanti tal-magni (jiġifieri fuq il-petrol u d-diżil) fil-gżejjer kollha tal-Inner u tal-Outer Hebrides, in-Northern Isles, il-gżejjer fiż-żona Clyde (ilkoll ’il barra mill-kosta tal-Iskozja), u fl-Isles of Scilly (’il barra mill-kosta tal-Lbiċ tal-Ingilterra).

Il-livell ta’ tassazzjoni wara t-tnaqqis ma jista’ qatt ikun inqas mill-minimu tal-UE stabbilit fid-Direttiva 2003/96/KE u t-tnaqqis se japplika għal kulħadd f’dan ir-reġjun.

Din il-miżura se tgħin lir-reġjuni żvantaġġati biex jikkumpensaw l-ispejjeż ogħla tal-karburant minħabba l-pożizzjoni ġeografika insulari tal-gżejjer.

L-Artikolu 2 ‒ L-awtorizzazzjoni mitluba tingħata b’effett mill-1 ta’ Novembru 2017 għal sitt snin, kif mitlub mir-Renju Unit.

Mid-29 ta’ Marzu 2017, meta r-Renju Unit innotifika li beħsiebu joħroġ mill-Unjoni Ewropea, b’konformità mal-Artikolu 50 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea, it-Trattati mhux se jibqgħu japplikaw għar-Renju Unit minn meta jidħol fis-seħħ il-ftehim dwar l-irtirar jew, jekk dan ma jsirx, wara sentejn min-notifika, sakemm il-Kunsill Ewropew, bi qbil mar-Renju Unit, ma jiddeċidix li jestendi dan il-perjodu. Minħabba f’hekk, u mingħajr preġudizzju għal xi dispożizzjonijiet tal-ftehim dwar l-irtirar, din id-Deċiżjoni tal-Kunsill tapplika biss sakemm ir-Renju Unit ma jibqax Stat Membru.

2017/0079 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza lir-Renju Unit biex japplika livelli mnaqqsa ta’ tassazzjoni fuq il-karburanti tal-magni użati fil-gżejjer tal-Inner u tal-Outer Hebrides, fin-Northern Isles, fil-gżejjer fiż-żona Clyde u fl-Isles of Scilly, b’konformità mal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku 4 , u b’mod partikolari l-Artikolu 19 tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)B’ittra fis-16 ta’ Setembru 2016, ir-Renju Unit talab li jingħata l-permess japplika rata mnaqqsa ta’ dazju tas-sisa fuq id-diżil u l-petrol bla ċomb, b’konformità mal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE, fil-gżejjer tal-Inner u tal-Outer Hebrides, in-Northern Isles, il-gżejjer fiż-żona Clyde (ilkoll ’il barra mill-kosta tal-Iskozja); u l-Isles of Scilly (’il barra mill-kosta tal-Lbiċ tal-Ingilterra). Ir-Renju Unit ta informazzjoni addizzjonali fis-16 ta’ Diċembru 2016.

(2)F’dawn iż-żoni, il-prezzijiet tad-diżil u tal-petrol bla ċomb huma ogħla mill-prezzijiet medji fil-bqija tat-territorju tar-Renju Unit, u dan ipoġġi lill-konsumaturi lokali tal-karburant fi żvantaġġ. Id-differenza fil-prezz tiġri minħabba spejjeż żejda għal kull unità ta’ karburant li jikkawżaw il-pożizzjoni ġeografika tal-gżejjer, il-popolazzjoni żgħira tagħhom u l-kunsinna ta’ volumi relattivament baxxi ta’ karburant.

(3)It-tnaqqis fit-taxxa mhux se jaqbeż dak li hu meħtieġ biex jikkumpensa għall-ispejjeż żejda għal kull unità ta’ karburant li jġarrbu l-konsumaturi fiż-żoni ġeografiċi kkonċernati.

(4)Ir-rati mnaqqsa ta’ tassazzjoni se jkunu ogħla mir-rati minimi stabbiliti fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/96/KE.

(5)Minħabba n-natura insulari taż-żoni fejn tapplika din ir-rata, u t-tnaqqis moderat fir-rata, il-miżura mhu se twassal għall-ebda żieda fis-sewqan speċifikament minħabba l-provvista tal-karburant.

(6)Għaldaqstant il-miżura hi aċċettabbli mil-lat ta’ funzjonament sew tas-suq intern u tal-ħtieġa li tkun żgurata l-kompetizzjoni ġusta u hi kompatibbli mal-politiki tal-Unjoni Ewropea fl-oqsma tas-saħħa, l-ambjent, l-enerġija u t-trasport.

(7)Mill-Artikolu 19(2) tad-Direttiva 2003/96/KE jirriżulta li kull awtorizzazzjoni mogħtija skont dan l-Artikolu għandu jkollha żmien strettament limitat. Sabiex in-negozji u l-konsumaturi kkonċernati jingħataw biżżejjed ċertezza, l-awtorizzazzjoni qed tingħata għal sitt snin. Din id-Deċiżjoni hi mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat.

(8)Mid-29 ta’ Marzu 2017, meta r-Renju Unit nnotifika li beħsiebu joħroġ mill-Unjoni Ewropea, b’konformità mal-Artikolu 50 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea, it-Trattati mhux se jibqgħu japplikaw għar-Renju Unit minn meta jidħol fis-seħħ il-ftehim dwar l-irtirar jew, jekk dan ma jsirx, wara sentejn min-notifika, sakemm il-Kunsill Ewropew, bi qbil mar-Renju Unit, ma jiddeċidix li jestendi dan il-perjodu. Minħabba f’hekk, u mingħajr preġudizzju għal xi dispożizzjonijiet tal-ftehim dwar l-irtirar, din id-Deċiżjoni tal-Kunsill tapplika biss sakemm ir-Renju Unit ma jibqax Stat Membru,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ir-Renju Unit huwa b’dan awtorizzat li japplika rati mnaqqsa ta’ tassazzjoni għall-petrol bla ċomb u għad-diżil użati bħala karburanti tal-magni fil-gżejjer kollha tal-Inner u tal-Outer Hebrides, in-Northern Isles, il-gżejjer fiż-żona Clyde u l-Isles of Scilly.

It-tnaqqis mir-rata nazzjonali standard ta’ tassazzjoni għall-petrol bla ċomb jew għad-diżil rispettivament ma għandux jaqbeż it-total tal-ispiża żejda tal-bejgħ bl-imnut f’dawn iż-żoni ġeografiċi, meta mqabbel mat-total tal-ispiża medja tal-bejgħ bl-imnut fir-Renju Unit kollu, u ma għandux ikun ogħla minn GBP 50 għal kull 1 000 litru tal-prodott.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Novembru 2017 u għandha tiskadi fil-31 ta’ Ottubru 2023.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u lill-Irlanda ta’ Fuq.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1) Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku, ĠU L 283, 31.10.2003 p. 51.
(2) Ir-Renju Unit japplika l-istess rata tad-dazju tas-sisa għall-petrol u għad-diżil użati bħala karburanti tal-magni. EUR 674 għal kull 1000 litru, (informazzjoni minn Lulju 2016)
(3) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat (ĠU L 187, 26.6.2014, p. 1-78).
(4) ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51.
Top