IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 28.2.2017
COM(2017) 119 final
2017/0049(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fis-sittin sessjoni tal-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi rigward iż-żieda mal-lista tas-sustanzi fit-Tabella I tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra t-Traffiku Illeċitu fi Drogi Narkotiċi u Sustanzi Psikotropiċi
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Ir-raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha
Il-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi (CND) temenda fuq bażi regolari l-lista ta’ sustanzi li huma annessi mal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) dwar it-Traffikar Illeċitu fi Drogi Narkotiċi u Sustanzi Psikotropiċi tal-1988 (il-Konvenzjoni tan-NU tal-1988) abbażi ta’ rakkomandazzjonijiet tal-Bord Internazzjonali għall-Kontroll tan-Narkotiċi (INCB).
L-UE hija firmatarja għall-Konvenzjoni tan-NU tal-1988 għal kwistjonijiet li huma ttrattati fl-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni. L-Artikolu 12 jittratta sustanzi li huma użati ta’ spiss fil-manifattura illeċita ta’ drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi (“prekursuri tad-droga”).
Is-CND hija kummissjoni tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali tan-NU (ECOSOC) u l-funzjonijiet u s-setgħat tagħha huma stabbiliti, inter alia, fil-Konvenzjoni tan-NU tal-1988. Hija magħmula minn 53 Stat Membru tan-NU eletti mill-ECOSOC. Bħalissa,12-il Stat Membru huma membri tas-CND bid-dritt għall-vot. L-Unjoni għandha status ta’ osservatur fis-CND.
Fl-1 ta’ Frar 2017 l-INCB irrakkomanda li fit-Tabella I tal-Konvenzjoni tan-NU tal-1988 jiġu miżjuda żewġ sustanzi, jiġifieri 4-anilino-N-fenetilpiperidina (ANPP) u N-fenetil-4-piperidon (NPP).
Bidliet fit-Tabelli tal-Konvenzjoni tan-NU tal-1988 ikollhom riperkussjonijiet diretti fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kontroll tal-prekursuri tad-droga minħabba li s-sustanzi miżjuda fit-Tabelli tal-Konvenzjoni tan-NU tal-1988 għandhom jiġu inkorporati fid-dritt tal-Unjoni. Il-Kummissjoni ngħatat is-setgħa li tadotta atti delegati sabiex dan jiġi żgurat.
Huwa meħtieġ li l-Istati Membri jippreparaw il-laqgħa tas-CND meta tkun imsejħa biex jiddeċiedu dwar l-iskedar ta’ sustanzi billi jilħqu pożizzjoni komuni fil-Kunsill. Tali pożizzjoni, minħabba l-limitazzjonijiet intrinsiċi tal-istatus ta’ osservatur tal-Unjoni, għandha tiġi espressa mill-Istati Membri li jkunu membri attwali tas-CND, filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni fi ħdan is-CND. L-Unjoni, li fis-CND għandha biss status ta’ osservatur, ma tivvotax fis-CND.
Għal dan l-għan, il-Kummissjoni qed tipproponi pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fis-sittin sessjoni tas-CND li se ssir fi Vjenna mit-13 sas-17 ta’ Marzu 2017 dwar l-iskedar ta’ sustanzi skont il-Konvenzjoni tan-NU tal-1988.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi legali
L-Artikolu 207 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu, jifformaw il-bażi ġuridika ta’ din il-proposta.
L-iskedar tal-prekursuri għall-għanijiet ta’ monitoraġġ ta’ kummerċ f’dawn is-sustanzi huwa kwistjoni li għandha x’taqsam mal-politika kummerċjali komuni, u l-Artikolu 207(3) tat-TFUE jistipula li fejn ikun meħtieġ li jiġu negozjati u konklużi ftehimiet ma’ pajjiż terz wieħed jew aktar jew ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali, għandu japplika l-Artikolu 218 soġġett għad-dispożizzjonijiet speċjali ta’ dan l-Artikolu.
L-Artikolu 218(9) tat-TFUE japplika indipendentement minn jekk l-Unjoni hijiex membru tal-korp, jew firmatarja għall-ftehim in kwistjoni. Is-CND huwa “korp imwaqqaf bi ftehim” skont it-tifsira ta’ dan l-Artikolu, minħabba li huwa korp li ngħata kompiti speċifiċi bħala parti mill-Konvenzjoni tan-NU tal-1988.
Id-deċiżjonijiet ta’ skedar tas-CND huma “atti li għandhom effetti legali” skont it-tifsira tal-Artikolu 218(9) tat-TFUE. Skont il-Konvenzjoni tan-NU tal-1988, id-deċiżjonijiet tas-CND isiru vinkolanti, sakemm parti ma tkunx ippreżentat id-deċiżjoni għal rieżami lill-ECOSOC fil-perjodu ta’ żmien applikabbli. Id-deċiżjonijiet tal-ECOSOC dwar din il-kwistjoni huma finali.
Mhux applikabbli.
Il-proposta hija proporzjonata u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jinkisbu l-għanijiet, peress li tindirizza prekursuri ġodda tad-droga li huma ta’ tħassib għall-Unjoni.
•Għażla tal-istrument
L-użu ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill huwa meħtieġ skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE sabiex tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni f’korp stabbilit permezz ta’ ftehim internazzjonali.
2017/0049 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fis-sittin sessjoni tal-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi rigward iż-żieda mal-lista tas-sustanzi fit-Tabella I tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra t-Traffiku Illeċitu fi Drogi Narkotiċi u Sustanzi Psikotropiċi
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra t-Traffikar Illeċitu fi Drogi Narkotiċi u Sustanzi Psikotropiċi tal-1988 (“il-Konvenzjoni”) ġiet konkluża mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/611/KEE u daħlet fis-seħħ fil-11 ta’ Novembru 1990.
(2)Skont l-Artikolu 12(2) sa (7) tal-Konvenzjoni, jistgħu jiġu miżjuda sustanzi fit-Tabelli tal-Konvenzjoni li fihom huma elenkati l-prekursuri tad-droga.
(3)Matul is-sittin sessjoni tagħha li se ssir mit-13 sas-17 ta’ Marzu 2017 fi Vjenna, il-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi għandha tieħu deċiżjoni dwar iż-żieda ta’ żewġ sustanzi ġodda fit-Tabella I ta’ dik il-Konvenzjoni.
(4)L-Unjoni għandha status ta’ osservatur fi ħdan il-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi, li bħalissa 12-il Stat Membru tal-Unjoni huma membri tagħha bi dritt għall-vot. Billi d-deċiżjonijiet dwar iż-żieda ta’ sustanzi ġodda fit-Tabella I tal-Konvenzjoni jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni, jeħtieġ li l-Kunsill jawtorizza lill-Istati Membri biex jesprimu l-pożizzjoni tal-Unjoni dwar iż-żieda fil-lista ta’ sustanzi fit-Tabella I tal-Konvenzjoni.
(5)
Skont il-valutazzjoni Internazzjonali għall-Kontroll tan-Narkotiċi, żewġ sustanzi, 4-anilino-N-fenetilpiperidina (ANPP) u N-fenetil-4-piperidon (NPP) huma ta’ spiss użati fil-manifattura illegali tal-fentanil u huma adattati ferm għall-manifattura illeċita tal-fentanil u ta’ għadd ta’ sustanzi analogi tal-fentanil li huma oppjojdi sintetiċi qawwija ħafna. Hemm evidenza li l-volum u l-firxa tal-manifattura illeċita tal-fentanil u tas-sustanzi analogi tal-fentanil joħolqu problemi gravi ta’ saħħa pubblika jew soċjali, u dan jiġġustifika t-tqegħid ta’ dawn is-sustanzi taħt kontroll internazzjonali.
(6)
Għaldaqstant, fl-1 ta’ Frar 2017, il-Bord Internazzjonali għall-Kontroll tan-Narkotiċi irrakkomanda lill-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi li żżid l-ANPP u l-NPP fit-Tabella I tal-Konvenzjoni.
(7)
Il-fentanil u s-sustanzi analogi tal-fentanil manifatturati b’mod illeċitu kkawżaw problemi sinifikanti ta’ saħħa pubblika u soċjali f’ċerti Stati Membri.
(8)Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Istati Membri tal-Unjoni jadottaw il-pożizzjoni tal-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi skont liema l-ANPP u l-NPP għandhom jiġu miżjuda fit-Tabella I tal-Konvenzjoni,
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni mill-Istati Membri fis-sittin sessjoni tal-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi li se ssir mit-13 sas-17 ta’ Marzu 2017 għandha tkun din li ġejja:
4-anilino-N-fenetilpiperidina u N-fenetil-4-piperidon għandhom jiġu inklużi fit-Tabella I tal-Konvenzjoni.
Il-pożizzjoni għandha tiġi espressa mill-Istati Membri li huma membri tal-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi, filwaqt li dawn jaġixxu b’mod konġunt.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President