Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017PC0047

Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li temenda d-Direttiva 2003/59/KE dwar il-kwalifika inizjali u taħriġ perjodiku ta’ sewwieqa ta’ ċerti vetturi tat-triq għat-trasport ta’ prodotti jew passiġġieri u d-Direttiva 2006/126/KE dwar il-liċenzji tas-sewqan

COM/2017/047 final - 2017/015 (COD)

Brussell, 1.2.2017

COM(2017) 47 final

2017/0015(COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 2003/59/KE dwar il-kwalifika inizjali u taħriġ perjodiku ta’ sewwieqa ta’ ċerti vetturi tat-triq għat-trasport ta’ prodotti jew passiġġieri u d-Direttiva 2006/126/KE dwar il-liċenzji tas-sewqan

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

{SWD(2017) 26 final}
{SWD(2017) 27 final}


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet għall-proposta u l-objettivi tagħha

Id-Direttiva 2003/59/KE (“id-Direttiva”) tistabbilixxi r-rekwiżiti ta’ kwalifiki inizjali u taħriġ perjodiku għas-sewwieqa professjonali ta’ trakkijiet u xarabanks, biex b’hekk titjieb is-sikurezza fit-toroq Ewropej.

L-għan tad-Direttiva huwa li tgħolli l-istandards fost is-sewwieqa l-ġodda u li jinżammu u jittejbu l-ħiliet professjonali tas-sewwieqa tat-trakkijiet u x-xarabanks eżistenti madwar l-UE kollha. Id-Direttiva timmira speċifikament li s-sewwieqa jsiru aktar konxji tar-riskji, bil-ħsieb li jitnaqqsu r-riskji u tiżdied is-sikurezza stradali. Barra minn hekk, id-Direttiva tistabbilixxi standards dwar il-ħiliet professjonali biex tkun żgurata kompetizzjoni ġusta madwar l-UE kollha.

L-Istati Membri ngħataw flessibbiltà sinifikanti fil-mod kif jimplimentaw id-Direttiva, pereżempju dwar l-kontenut speċifiku tat-taħriġ tas-sewwieqa u dwar proċeduri amministrattivi u l-istruttura tas-sistema tat-taħriġ.

F’Lulju 2012, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat Rapport dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva li identifika għadd ta’ nuqqasijiet. L-evalwazzjoni ex-post tad-Direttiva, inkluż konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, intemmet f’Ottubru 2014.

L-evalwazzjoni kkonkludiet li d-Direttiva kienet ġiet implimentata mingħajr problemi kbar. Kienet tejbet il-mobilità tal-forza tax-xogħol u kkontribwiet għall-moviment ħieles tas-sewwieqa. L-evalwazzjoni kkonfermat ukoll li d-Direttiva kienet għamlet kontribuzzjoni effettiva għall-objettiv primarju tagħha li tiżgura s-sikurezza stradali.

L-evalwazzjoni identifikat ukoll nuqqasijiet li qed ifixklu l-effettività u l-konsistenza tal-qafas legali u jdgħajfu l-objettivi oriġinali tad-Direttiva. Dawn in-nuqqasijiet huma spjegati fit-Taqsima 3. 

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam tal-politika

Din id-Direttiva hija parti integrali mill-qafas ġenerali tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-sewwieqa professjonali ta’ trakkijiet u xarabanks. Hija marbuta wkoll mill-qrib mas-sikurezza stradali, u taħdem flimkien ma’ leġiżlazzjoni oħra tal-UE, bħad-Direttiva dwar il-liċenzji tas-sewqan 1 , id-Direttiva dwar it-trasport ta’ oġġetti perikolużi 2 u r-regoli dwar il-ħinijiet ta’ sewqan u mistrieħ 3 . Taħdem ukoll id f’id mal-liġi tal-UE dwar l-aċċess għas-suq.

L-evalwazzjoni identifikat diversi kwistjonijiet speċifiċi dwar il-konsistenza ma’ leġiżlazzjoni oħra tal-UE. F'dan ir-rigward, l-objettiv huwa li tkun żgurata l-konsistenza tal-leġiżlazzjoni tal-UE.

Jekk jiġi ċċarat ir-rikonoxximent reċiproku tal-attestazzjoni tas-sewwieqa għall-finijiet tad-Direttiva, dan għandu jtejjeb il-konsistenza interna fid-Direttiva bejn id-dispożizzjonijiet dwar il-post tat-taħriġ u l-proċeduri amministrattivi għal rikonoxximent reċiproku. Barra minn hekk, dan għandu jtejjeb il-konsistenza mar-Regolament 1072/2009, biex b’hekk jiġi żgurat ir-rikonoxximent reċiproku tat-taħriġ tas-sewwieqa professjonali, filwaqt li tiġi meqjusa wkoll l-evalwazzjoni reċenti ta’ dak ir-Regolament.

L-opzjonijiet ta’ politika kollha jikkontribwixxu għal taħriġ aħjar u għalhekk għal sikurezza stradali mtejba. Dan huwa kompatibbli mal-objettivi tad-Direttiva, il-White Paper tal-2011 dwar it-Trasport u l-Komunikazzjoni tal-2010 “Lejn Żona Ewropea ta’ sikurezza tat-triq: orjentazzjonijiet ta’ politika dwar is-sikurezza tat-triq 2011-2020”, b’mod partikolari l-objettiv li jonqos b’mod konsiderevoli l-għadd ta’ aċċidenti u nies midruba u biex l-fatalitajiet jonqsu bin-nofs matul dan il-perjodu. Wieħed mill-objettivi ewlenin ta’ din tal-aħħar huwa li jittejbu l-edukazzjoni, it-taħriġ u t-taħriġ post-liċenzja tal-utenti tat-triq.

Konsistenza ma’ linji ta’ politika oħra tal-Unjoni

Il-White Paper dwar il-futur tal-politika dwar it-trasport tippromwovi s-sostenibbiltà ambjentali permezz tal-mira tagħha li l-emissjonijiet ta’ CO2 mit-trasport jitnaqqsu b’60 % sal-2050. Attenzjoni saħansitra akbar fuq taħriġ dwar sewqan b’użu effiċjenti tal-fjuwil għas-sewwieqa professjonali se tnaqqas l-emissjonijiet ta’ CO2 u l-ispejjeż tal-fjuwil.

L-inizjattiva hija koerenti mal-prijorità preżenti tal-Kummissjoni li tagħti spinta lill-impjiegi u t-tkabbir. Dispożizzjonijiet modernizzati dwar it-taħriġ jikkontribwixxu għall-objettivi ta’ tkabbir intelliġenti b’ekonomija bbażata fuq l-għarfien u l-innovazzjoni, fejn it-tagħlim tul il-ħajja u l-kapaċità ta’ adattament għal innovazzjonijiet teknoloġiċi għandhom rwol importanti, kif ukoll tkabbir sostenibbli permezz tal-promozzjoni ta’ ekonomija aktar effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, aktar ekoloġika u aktar kompetittiva u tkabbir inklużżiv billi titrawwem ekonomija b’rata għolja ta’ impjieg. Barra minn hekk, ir-rikonoxximent reċiproku mtejjeb tat-taħriġ tas-sewwieqa huwa konsistenti mat-titjib tas-suq uniku, b’mod partikolari l-mobilità tax-xogħol.

L-inkoraġġiment tal-użu ta’ għodda tal-ICT huwa konsistenti mal-linji ta’ politika skont l-Istrateġija għal Suq Uniku Diġitali.

2.BAŻI LEGALI, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi legali

Il-bażi legali għad-Direttiva dwar it-taħriġ għal sewwieqa professjonali (2003/59/KE) u għall-emenda proposta hija l-Artikolu 91(1)(c) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) 4  (li qabel kien l-Artikolu 71 TKE). Dan l-Artikolu jipprovdi l-bażi għall-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE biex tittejjeb is-sikurezza fit-trasport, inkluż is-sikurezza stradali.

Sussidjarjetà (għal kompetenza mhux esklużiva)

L-UE tikkondividi l-kompetenza mal-Istati Membri biex tirregola fil-qasam tat-trasport skont l-Artikolu 4(2)(g) TFUE. L-UE tista’ tilleġiżla biss safejn jippermettulha tagħmel dan it-Trattati, bil-konsiderazzjoni dovuta għall-prinċipji ta’ neċessità, sussidjarjetà u proporzjonalità 5 .

Madwar 33 % tal-vjaġġi kollha magħmula minn vetturi tqal tal-merkanzija fl-UE jaqsmu l-fruntieri bejn l-Istati Membri. Madwar 8 % tat-trasport transkonfinali fl-UE jinvolvi xarabanks jew kowċis. Dawn iċ-ċifri ilhom jiżdiedu tul l-aħħar ftit snin.

Il-problema tar-rikonoxximent reċiproku ta’ taħriġ perjodiku li jkun sar fi Stat Membru ieħor, ma tistax tiġi solvuta b’mod effettiv minn Stati Membri individwali li jaġixxu waħedhom. Għalkemm il-ħruġ ta’ kards ta’ kwalifika ta’ sewwieq, kif diġà previst fid-Direttiva, ikun isolvi s-sitwazzjoni, il-leġiżlazzjoni attwali tagħmel dan fakultattiv. Tmien Stati Membri għażlu li ma jużawx din l-opzjoni, minkejja l-isforzi li saru permezz tal-kumitat CPC (ċertifikat ta’ kompetenza professjonali) biex il-kwistjoni tkun riżolta b’azzjoni non-leġiżlattiva. Għalhekk, hija neċessarja azzjoni leġiżlattiva tal-UE biex ikun żgurat li l-prattiki amministrattivi fl-Istati Membri jippermettu r-rikonoxximent reċiproku tat-taħriġ fi ħdan l-UE. Ftehimiet bilaterali possibbli bejn xi Stati Membri ma jistgħux jiżguraw b’mod effettiv ir-rikonoxximent reċiproku madwar l-UE kollha.

Interpretazzjonijiet differenti tad-Direttiva u prattiki differenti applikati mill-Istati Membri jaffettwaw b’mod negattiv il-funzjonament tas-suq uniku. Tentattivi li diġà saru biex ikunu allinjati l-fehim u l-applikazzjoni fl-Istati Membri kollha permezz ta’ azzjonijiet non-leġiżlattivi, bħall-ħruġ ta’ noti ta’ gwida jew diskussjonijiet fil-kumitat CPC, ma tawx riżultati suffiċjenti. Regoli tal-UE komuni biss jistgħu joħolqu l-kundizzjonijiet ugwali għall-operaturi tat-trasport bit-triq filwaqt li jiżguraw livell minimu ta’ sikurezza stradali.

Barra minn hekk, peress li l-liġi tal-UE tirrikjedi taħriġ speċifiku fir-rigward ta’ oġġetti perikolużi, sensibilizzazzjoni dwar id-diżabbiltà u l-benessri tal-annimali, huwa r-rwol tal-UE li tipprovdi ċarezza legali u tiżgura konsistenza bejn l-istrumenti differenti tal-liġi tal-UE.

Fir-rigward ta’ taħriġ perjodiku, xi Stati Membri ddevjaw mill-objettivi tas-sikurezza għaliex ippermettew li l-istess modulu ta’ kors jiġi segwit diversi drabi jew billi joffru kors ta' taħriġ sħiħ li ma jkoprix kwistjonijiet tas-sikurezza. Filwaqt li huwa responsabbiltà tal-Istati Membri, u għandu jibqa’ primarjament hekk, li jadattaw it-taħriġ għall-ħtiġijiet u l-prijoritajiet nazzjonali, l-UE għandha tiżgura li l-livell minimu tal-kontenut tat-taħriġ ikun konsistenti mal-objettivi ta’ politika ġenerali.

Proporzjonalità

Kif indikat fil-punt 7 tar-rapport dwar il-valutazzjoni tal-impatt, il-problemi identifikati huma indirizzati l-aħjar fil-livell tal-UE fil-forma ta’ Direttiva emendata li tipprovdi ċarezza dwar ċerti elementi u tistabbilixxi rekwiżiti minimi armonizzati aħjar, filwaqt li xorta toffri ċertu flessibbiltà lill-Istati Membri.

Direttiva riveduta hija miżura proporzjonata għaliex tkun tippermetti armonizzazzjoni ulterjuri tar-rekwiżiti ta’ taħriġ biex ikunu solvuti xi wħud mill-kwistjonijiet filwaqt li xorta tħalli flessibbiltà lill-Istati Membri biex jadattaw l-implimentazzjoni ta’ partijiet mit-taħriġ għall-ambjent ekonomiku u soċjali tagħhom u għall-ħtiġijiet u l-karatteristiċi speċifiċi tas-settur tat-trasport bit-triq tagħhom.

Direttiva tal-UE tkun tiżgura li jiġu applikati rekwiżiti ta’ taħriġ minimi xierqa u li t-taħriġ ikun rikonoxxut madwar l-UE kollha.

Għażla tal-istrument

Meta jitqies l-għadd limitat ta’ tibdil propost, u meta jitqies li l-att legali oriġinali huwa direttiva, din hija meqjusa bħala l-aktar strument xieraq.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX-POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TA’ VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex-post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

L-evalwazzjoni kkonkludiet li d-Direttiva kienet implimentata fl-Istati Membri mingħajr problemi kbar; tejbet il-mobilità tal-forza tax-xogħol u tikkontribwixxi għall-moviment ħieles tas-sewwieqa. L-evalwazzjoni barra minn hekk ikkonfermat li d-Direttiva tikkontribwixxi effettivament għall-objettiv ewlieni tagħha li tiżgura s-sikurezza stradali flimkien mal-leġiżlazzjoni msemmija hawn fuq.

Barra minn hekk, filwaqt li l-evalwazzjoni ex-post uriet li d-Direttiva, b’mod ġenerali, kellha effett pożittiv fuq is-settur, hija identifikat ukoll nuqqasijiet li jfixklu l-effettività u l-konsistenza tal-qafas legali u jdgħajfu l-objettivi tad-Direttiva.

In-nuqqasijiet ewlenin identifikati kienu:

(1)diffikultajiet għas-sewwieqa biex jiksbu rikonoxximent ta’ taħriġ mitmum/parzjalment mitmum li jkunu attendew fi Stat Membru ieħor;

(2)kontenut tat-taħriġ parzjalment biss rilevanti għall-ħtiġijiet tas-sewwieqa;

(3)diffikultajiet u inċertezzi legali fl-interpretazzjoni tal-eżenzjonijiet;

(4)inkonsistenzi fir-rekwiżiti ta’ età minima bejn id-Direttiva dwar it-taħriġ tas-sewwieqa professjonali (2003/59/KE) u d-Direttiva dwar il-liċenzji tas-sewqan (2006/126/KE), ambigwità fir-rigward tal-possibbiltà li t-taħriġ tas-sewwieqa professjonali jiġi kkombinat ma’ korsijiet ta’ taħriġ oħra rikjesti skont il-liġi tal-UE (jiġifieri taħriġ dwar oġġetti perikolużi (ADR), dwar id-drittijiet tal-passiġġieri u dwar l-benessri tal-annimali), u n-nuqqas ta’ ċarezza fir-rigward tal-użu ta’ ICT fil-korsijiet ta’ taħriġ (eż. tagħlim elettroniku/tagħlim imħallat).

L-objettiv tal-proposta huwa li jkunu indirizzati sew in-nuqqasijiet identifikati.

Konsultazzjonijiet mal-partijiet konċernati

Qabel ma ġiet abbozzata l-proposta leġiżlattiva, saru konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati biex jinġabru kemm jista’ jkun kummenti u suġġerimenti mill-individwi u l-korpi konċernati. Dan l-eżerċizzju kkonforma mal-istandards minimi għall-konsultazzjoni ta’ partijiet interessati mniżżla fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-11 ta’ Diċembru 2002 (COM(2002) 704 finali).

Il-proċess ta’ konsultazzjoni inkluda żewġ tipi ta’ azzjonijiet - ġbir ta’ opinjonijiet u ġbir ta’ dejta. Intużaw metodi ta’ konsultazzjoni miftuħa u mmirata u diversi għodod ta’ konsultazzjoni.

Fir-rigward tal-konsultazzjoni miftuħa, seħħet konsultazzjoni pubblika bbażata fuq l-internet bejn is-17 ta’ Lulju u l-25 ta’ Ottubru 2013. Il-Kummissjoni rċeviet 395 kontribuzzjoni, 203 minn dawk li wieġbu ħadu sehem bħala individwi privati, 192 wieġbu f’isem istituzzjonijiet jew rappreżentazzjonijiet ta’ interess. 58 parteċipant huma rreġistrati fir-Reġistru ta’ Trasparenza tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni Ewropea.

Il-parteċipanti enfasizzaw l-importanza ta’ azzjoni kontinwa tal-UE fil-qasam tal-kwalifiki u t-taħriġ għas-sewwieqa professjonali. Il-partijiet ikkonċernati jqisu li d-Direttiva kkontribwiet b’mod insuffiċjenti biss għall-kisba tal-objettivi tagħha, jiġifieri aktar sikurezza stradali, l-iżvilupp tal-ħiliet tas-sewwieqa professjonali, il-mobilità tas-sewwieqa u l-ħolqien ta’ kundizzjonijiet ugwali għas-sewwieqa u n-negozji. L-opinjoni kienet diviża, madankollu, dwar il-miżuri konkreti meħtieġa biex jiġu indirizzati dawn id-diffikultajiet.

Id-dokument ta' konsultazzjoni, il-kontribuzzjonijiet riċevuti, ġabra fil-qosor ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet u r-rapport dwar il-konferenza tal-partijiet ikkonċernati fis-6 ta’ Marzu 2014 huma disponibbli fuq is-sit web tal-unità dwar is-sikurezza stradali ta’ DĠ MOVE u fuq is-sit web “Il-Vuċi Tiegħek fl-Ewropa” 6 .

Il-proċess ta’ konsultazzjoni mmirata inkluda l-elementi li ġejjin:

Il-Kummissjoni ppreżentat l-inizjattiva fil-qafas tad-djalogu soċjali mas-sħab soċjali tat-trasport bit-triq fl-24 ta’ Ġunju 2013 u mat-trasport pubbliku urban fil-25 ta’ Settembru 2013 7 . Is-sejbiet ewlenin tal-konsultazzjoni pubblika miftuħa kienu ppreżentati għal darb’oħra lis-sħab soċjali tat-trasport bit-triq fil-25 ta’ April 2014. Il-kwistjonijiet ewlenin indirizzati fil-proposta kienu ppreżentati lis-sħab soċjali fid-19 ta’ Novembru 2014. F’dik l-okkażjoni, is-sħab soċjali esprimew l-appoġġ tagħhom li jkun hemm leġiżlazzjoni fil-livell tal-UE f’dan il-qasam u ma kellhom l-ebda oġġezzjoni għall-objettivi proposti mill-Kummissjoni.

Fis-6 ta’ Marzu 2014 saret seduta ta' smigħ tal-partijiet ikkonċernati fi Brussell bil-parteċipazzjoni ta’ delegazzjonijiet minn madwar 100 organizzazzjoni li jirrappreżentaw lit-trasportaturi, lill-operaturi tat-trasport tal-passiġġieri, lill-ħaddiema, lil dawk li jipprovdu taħriġ u lill-amministrazzjonijiet nazzjonali. Il-konferenza kkonfermat is-sejbiet tal-konsultazzjoni pubblika miftuħa (ara hawn fuq). Ir-rapport tal-konferenza huwa disponibbli fuq is-sit web tal-unità dwar is-sikurezza stradali ta’ DĠ MOVE.

Fit-23 ta’ Jannar 2014, il-Kummissjoni wettqet workshop informali mal-Istati Membri biex tiddiskuti r-rekwiżiti ta’ età minima u l-istruttura tat-taħriġ fil-kuntest ta’ reviżjoni possibbli tad-Direttiva. Fil-laqgħa tal-kumitat CPC fit-23 ta’ Ottubru 2014 l-aħħar parti tal-laqgħa kienet iddedikata għal diskussjoni informali mal-Istati Membri dwar kif jittejjeb ir-rikonoxximent reċiproku. Il-kumitat CPC reġa’ ltaqa’ fid-9 ta’ Ottubru 2015, fejn kienet diskussa r-reviżjoni li kienet għaddejja tad-Direttiva. Fir-rigward tar-rikonoxximent reċiproku ta’ taħriġ perjodiku, il-parteċipanti esprimew tħassib dwar li l-Istati Membri japplikaw prattiki differenti u b’mod ġenerali ħassew il-bżonn għal approċċ armonizzat. L-importanza li d-Direttiva tinżamm aġġornata fir-rigward tal-progress teknoloġiku kienet enfasizzata, kif kienet enfasizzata wkoll il-ħtieġa għal ċarezza addizzjonali dwar xi aspetti, bħat-tagħlim elettroniku.

F’Diċembru 2013, matul l-istudju ta’ appoġġ biex tinġabar informazzjoni dettaljata dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva, intbagħat kwestjonarju lill-awtoritajiet tal-Istati Membri. Il-kwestjonarji tqassmu fost il-membri tal-kumitat CPC ta’ DĠ MOVE. F’April 2014, intbagħtet talba għal dejta ta’ segwitu biex tinġabar informazzjoni kwantitattiva addizzjonali dwar punti speċifiċi relatati mad-Direttiva.

Barra minn hekk, il-kuntrattur flimkien mal-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport (ETF) żviluppaw kwestjonarju dwar ostakli possibbli għall-moviment ħieles tas-sewwieqa. Dan il-kwestjonarju ġie ppreżentat lill-membri tal-UE tal-ETF f’April 2014.

Matul l-istudju ta’ appoġġ saru intervisti mmirati biex jissupplimentaw id-dejta miksuba bl-użu tal-metodi l-oħra, ikunu investigati ċerti kwistjonijiet speċifiċi, jissaħħu s-sejbiet, jew jinkisbu kjarifiki dwar it-tweġibiet mogħtija mill-partijiet ikkonċernati għall-kwestjonarji. Saru intervisti ma’ għadd ta’ partijiet ikkonċernati, li jvarjaw minn entitajiet pubbliċi sa assoċjazzjonijiet tat-trasport rilevanti.

Ir-riżultati tal-konsultazzjoni wrew qbil ġenerali dwar il-ħtieġa li tittejjeb l-implimentazzjoni tad-Direttiva mingħajr tibdil sostanzjali fil-kontenut tagħha. Kien hemm appoġġ għal soluzzjoni kost-effettiva għall-problema ta’ rikonoxximent reċiproku; madankollu, l-opinjonijiet dwar l-iktar miżuri adattati biex jinkiseb dan kienu diverġenti. Il-partijiet ikkonċernati qablu wkoll li t-taħriġ jista’ jkun adattat aħjar għall-ħtiġijiet tas-sewwieqa. L-utenti vulnerabbli tat-triq ġew ikkunsidrati bħala waħda mill-prijoritajiet għall-kontenut tas-sikurezza stradali tat-taħriġ minn uħud mill-partijiet ikkonċernati. Il-kjarifika tal-eżenzjonijiet u l-allinjament tagħha fid-Direttiva CPC u r-regoli dwar il-ħinijiet tax-xogħol kienu ġeneralment milqugħa, iżda mhux bidla fil-kamp ta' applikazzjoni tagħha. Fir-rigward tal-kwistjoni tal-età minima, l-opinjonijiet tal-partijiet ikkonċernati kienu differenti, fejn l-industrija u l-Istati Membri kienu ġeneralment favur il-modifika proposta. B’mod ġenerali ntlaqgħet ukoll il-possibbiltà li jintużaw għodod tal-ICT jew li jiġi kkombinat taħriġ obbligatorju.

Ġabra u użu tal-għarfien espert

Kuntrattur estern għen b’rapport ta’ evalwazzjoni ex-post u studju ta’ appoġġ għall-Valutazzjoni tal-Impatt 8 , li kienu konklużi f’Ottubru 2014.

Valutazzjoni tal-impatt

L-inizjattiva hija appoġġata minn Valutazzjoni tal-Impatt, li rċeviet opinjoni pożittiva mill-Bord ta’ Skrutinju Regolatorju.

Minħabba n-natura indipendenti tat-tliet problemi prinċipali identifikati, il-Valutazzjoni tal-Impatt tikkunsidra tliet settijiet ta’ opzjonijiet ta’ politika skont tliet oqsma prinċipali ta’ intervent: rikonoxximent reċiproku, kontenut tat-taħriġ, u ċarezza u konsistenza legali.

Is-soluzzjoni ppreferuta biex ikun żgurat rikonoxximent reċiproku tinvolvi l-ħruġ ta’ kards ta’ kwalifika ta’ sewwieq lill-barranin. Din is-soluzzjoni kienet imqabbla mal-possibbiltà li t-taħriġ jiġi rikonoxxut permezz tas-sistema ta' informazzjoni dwar il-liċenzji tas-sewqan RESPER jew ċertifikat rikonoxxut.

Is-soluzzjoni ppreferuta biex jiġi indirizzat il-kontenut tat-taħriġ hija li jissaħħaħ il-kontenut dwar is-sikurezza stradali u l-effiċjenza fl-użu tal-fjuwil fil-korsijiet ta’ taħriġ u jkun ċar li huwa possibbli li jintuża t-tagħlim elettroniku/it-tagħlim imħallat fil-korsijiet ta’ taħriġ. Għal ċarezza u konsistenza legali, is-soluzzjoni ppreferuta hija li jkun iċċarat il-limitu tal-età l-aktar baxxa li japplika u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjonijiet u li jiġi spjegat lill-awtoritajiet nazzjonali li t-taħriġ jista’ jkun ikkombinat ma’ korsijiet ta’ taħriġ oħra mitluba taħt il-liġi tal-UE. Il-miżuri ta’ politika kollha kienu mqabbla ma’ xenarju ta’ linja bażi.

L-opzjoni ppreferuta tikkoreġi l-problema eżistenti ta’ rikonoxximent reċiproku li tista’ taffettwa madwar 46 700 sewwieq (2016). Minħabba n-natura repetittiva tat-taħriġ, fil-15-il sena li ġejjin l-għadd totali ta’ każijiet bħal dawn jista’ jilħaq il-100 000. It-tisħiħ tal-kontenut tat-taħriġ ikollu impatt pożittiv fuq is-sikurezza stradali u l-effiċjenza fl-użu tal-fjuwil. Minħabba n-natura kumplimentarja tad-Direttiva għal għadd ta’ fatturi li jaffettwaw is-sikurezza stradali u l-effiċjenza fl-użu tal-fjuwil, l-effett mistenni attribwit huwa pjuttost limitat. L-opzjoni ppreferuta twassal għal applikazzjoni konsistenti tal-eżenzjonijiet u l-età minima għal dħul fil-professjoni, li, kif ġibdet l-attenzjoni l-industrija, tista’ ttaffi n-nuqqas li qed jikber ta’ sewwieqa li jidħlu fil-professjoni.

Il-proposta hija f’konformità mal-opzjoni ppreferuta fil-Valutazzjoni tal-Impatt.

Idoneità u simplifikazzjoni regolatorja

Il-proposta għandha l-għan li tilħaq l-objettiv REFIT li ġej: Permezz tal-iżgurar ta’ prattiki amministrattivi b’inqas problemi għal rikonoxximent reċiproku, jistgħu jonqsu l-ispejjeż amministrattivi għan-negozji u l-amministrazzjonijiet. Reviżjoni tkun tagħmilha possibbli li l-kwistjonijiet relatati ma’ rikonoxximent reċiproku jiġu riżolti bl-inqas spejjeż. Dan huwa stmat għal EUR 6.3 miljun għall-perjodu 2018 – 2030. Din il-bidla ġġib benefiċċji għall-industrija f’termini tal-iffrankar tal-ispejjeż, li tul il-perjodu 2018 – 2030 jammonta għal EUR 2.3 miljun u EUR 6.7 miljun għan-negozji u s-sewwieqa rispettivament. Barra minn hekk, din tagħmel is-sistema tat-taħriġ aktar effettiva billi jiġi rivedut il-kontenut tat-taħriġ inizjali u perjodiku biex ikunu previsti l-benefiċċji tas-sikurezza u ambjentali ulterjuri. Dan ser itaffi l-ispejjeż tranżitorji (total ta’ EUR 14.1 miljun għall-2018 – 2030) relatati mal-bidla tal-kontenut.

Sehem kbir tan-negozji tat-trasport huma mikrointrapriżi jew negozji żgħar u ta’ daqs medju (SMEs). Globalment, 65-95 % tal-kumpaniji f’dan is-settur għandhom inqas minn għaxar impjegati. Id-Direttiva ma teżentax lill-mikrointrapriżi jew lill-SMEs mill-kamp ta' applikazzjoni tagħha u dawn se jiġu affettwati, primarjament permezz ta’ simplifikazzjoni tal-proċess ta’ rikonoxximent reċiproku, tibdil fil-kontenut tat-taħriġ u l-applikazzjoni aktar konsistenti tal-eżenzjonijiet.

Drittijiet fundamentali

Ma għandu jiġi affettwat l-ebda dritt assolut u ma għandu jkun limitat l-ebda dritt mhux assolut mill-Karta għad-drittijiet fundamentali, mill-objettivi ta’ politika. L-objettiv ta’ politika ġenerali huwa li tittejjeb l-implimentazzjoni tad-drittijiet fundamentali mniżżla fil-Karta fi ħdan l-acquis tal-UE, peress li l-appoġġ għas-sikurezza tal-ħaddiema tat-trasport huwa wieħed mill-objettivi ewlenin tal-leġiżlazzjoni.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-proposta mhu se jkollha l-ebda implikazzjoni fuq il-baġit tal-Unjoni.

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti ta’ monitoraġġ, evalwazzjoni u rapportar

Huwa kruċjali li jiġu mmonitorjati l-miżuri biex ikun żgurat li l-objettivi ġenerali u speċifiċi jinkisbu b’mod effettiv u effiċjenti. Għal dan il-għan il-Kummissjoni stabbilixxiet lista ta’ indikaturi li se jgħinu l-evalwazzjoni ulterjuri tad-Direttiva.

Il-Kummissjoni se tibqa’ f’kuntatt mill-qrib mal-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati rilevanti biex tagħmel monitoraġġ tal-effetti tar-rekwiżiti l-ġodda ta’ kwalifiki u taħriġ. Il-kumitat CPC jirrappreżenta forum eċċellenti għall-iskambju ta’ informazzjoni mal-Istati Membri. Il-Kummissjoni se tibqa’ wkoll f’kuntatt mas-sħab soċjali. Il-kumitat tad-djalogu soċjali settorjali jista’ jintuża biex tiġi skambjata informazzjoni mas-sħab soċjali.

Il-Kummissjoni se twettaq valutazzjoni ta’ traspożizzjoni dettaljata wara li tgħaddi l-iskadenza stipulata f’din id-Direttiva.

Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)

Meta jitqies il-kamp ta’ applikazzjoni tal-proposta, u l-fatt li din temenda biss id-Direttiva 2003/59/KE u d-Direttiva 2006/126/KE, li t-tnejn li huma ġew kompletament trasposti mill-Istati Membri kollha, ma jidhirx li huwa ġustifikat jew proporzjonat li jkunu rikjesti dokumenti ta' spjegazzjoni.

Spjegazzjoni dettaljata tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Minbarra ċertu tibdil lingwistiku u editorjali minuri, kif ukoll aġġornamenti ta’ referenza għal leġislazzjoni oħra tal-UE, l-elementi prinċipali tal-proposta huma:

L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/59/KE – Eżenzjonijiet

Il-formulazzjoni tal-eżenzjonijiet hija emendata biex tagħmilhom aktar ċari u konsistenti ma’ dawk skont ir-Regolament (KE) Nru 561/2006, kif ġej:

2(b) l-emenda tiċċara li l-vetturi ma jistgħux jintużaw għal finijiet oħra minbarra dak li ġew assenjati kif iddikjarat fl-eżenzjoni. Dan ifisser li jekk pereżempju trakk tat-tifi tan-nar jintuża bħala attrazzjoni f’fiera, is-sewwieq mhux eżentat. Iż-żieda ta’ din il-frażi tiżgura wkoll konsistenza mal-eżenzjoni simili fl-Artikolu 3(c) tar-Regolament (KE) Nru 561/2006.

2(d) l-emenda tiċċara li vetturi użati għat-trasport mhux kummerċjali ta’ għajnuna umanitarja huma wkoll koperti mill-eżenzjoni meta jintużaw fi stati ta’ emerġenza jew ikunu assenjati għal missjonijiet ta’ salvataġġ; din tiżgura konsistenza mal-Artikolu 3(d) tar-Regolament (KE) Nru 561/2006.

2(e) saru żewġ kjarifiki: l-ewwel nett, li l-vetturi jistgħu jintużaw mhux biss waqt il-lezzjonijiet tas-sewqan, iżda wkoll waqt l-eżami tas-sewqan; it-tieni nett, li l-eżenzjoni tkopri s-sewqan unikament għall-finijiet ta’ taħriġ u struzzjoni; ma tistax tiġi kkumbinata ma’ operazzjonijiet ta’ trasport kummerċjali. Dawn huma konsistenti ma’ eżenzjonijiet simili skont l-Artikoli 3(d) u 13(1)(g) tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 rispettivament.

2(f) l-emenda tiċċara li trasport mhux kummerċjali eżentat ma għandux għalfejn ikun għall-“użu personali” tas-sewwieq (eż. it-trasport mhux kummerċjali għal għaqdiet tal-karità jew organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ). Dan jiżgura konsistenza ma’ eżenzjonijiet simili skont l-Artikoli 3(h) u 13(i) tar-Regolament (KE) Nru 561/2006.

2(g) il-kelma “makkinarju” ġiet miżjuda biex ikun iċċarat li anki jekk is-sewwieq ikun qed iġorr makkinarju li se jintuża mis-sewwieq waqt ix-xogħol tiegħu jew tagħha, is-sewwieq ikun kopert mill-eżenzjoni. Dan jiżgura konsistenza ma’ eżenzjoni simili taħt l-Artikolu 3(aa) tar-Regolament (KE) Nru 561/2006.

2(h) din l-eżenzjoni hija maħsuba għal intraprendituri f’impriżi agrikoli, ortikulturali, tal-biedja jew tas-sajd, li okkażjonalment jittrasportaw il-prodotti tagħhom. Dan jiżgura wkoll konsistenza ma’ eżenzjoni simili taħt l-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 561/2006.

L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/59/KE - Taħriġ perjodiku

L-emenda tirriżulta mill-fatt li l-perjodu ta’ tranżizzjoni fl-Artikolu 4 skada u li d-detenturi kollha ta’ CPC iridu jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet dwar taħriġ perjodiku mill-10 ta’ Settembru 2016.

Il-formulazzjoni l-ġdida tiżgura li t-taħriġ perjodiku jinkludi mill-inqas suġġett wieħed dwar is-sikurezza stradali u li l-istess suġġetti ma jiġux ripetuti fl-istess taħriġ. Din tipprovdi wkoll li t-taħriġ ikun rilevanti għall-ħidma mwettqa mis-sewwieq speċifiku u li jkun aġġornat u rilevanti.

L-Artikolu 10 tad-Direttiva 2003/59/KE - Kodiċi tal-Unjoni

Il-paragrafu 1 huwa emendat biex jinkludi referenza għall-kodiċi 95 armonizzat li kien inkluż fl-Anness I tad-Direttiva 2006/126/KE.

It-test huwa emendat biex ikun żgurat li d-detenturi kollha ta’ CPC ikunu maħruġa b’kodiċi 95 fuq il-liċenzja tas-sewqan tagħhom rikonoxxut reċiprokament, jew b’kard ta’ kwalifika ta’ sewwieq rikonoxxuta reċiprokament. Dan jindirizza diffikultajiet ta’ rikonoxximent reċiproku meta sewwieq jikseb CPC fi Stat Membru li mhux il-post tar-residenza normali tiegħu u li joħroġ biss kodiċi 95 fuq il-liċenzji tas-sewqan.

Qiegħda tiżdied referenza biex ikun żgurat ir-rikonoxximent reċiproku tal-attestazzjoni tas-sewwieq prevista fir-Regolament (UE) Nru 1072/2009, inkluż jekk il-kodiċi tal-Unjoni rilevanti ma jkunx immarkat fuqha.

L-Anness I tad-Direttiva 2003/59/KE - Rekwiżiti minimi ta’ kwalifiki u taħriġ

Ir-referenza għad-Deċiżjoni 85/368/KEE, li tħassret, tinbidel b’referenza għar-Rakkomandazzjoni 2008/C 111/01 u l-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (QEK). Peress li huwa bbażat fuq rakkomandazzjoni, il-QEK jagħti aktar flessibbiltà lill-Istati Membri.

It-Taqsima 1 hija aġġornata biex:

tirrifletti aħjar l-istat attwali tat-teknoloġija u l-karatteristiċi tekniċi tal-vetturi, issaħħaħ il-fokus fuq imġiba tas-sewqan effiċjenti fl-użu tal-fjuwil;

tirrinforza sewqan sikur billi tiġi inkluża l-abbiltà ta’ antiċipazzjoni, valutazzjoni u adattament għar-riskji fit-traffiku;

tinkludi referenzi għall-użu ta’ sistemi ta’ trasmissjoni awtomatiċi, biex ikunu riflessi aħjar l-istat attwali tat-teknoloġija u l-karatteristiċi tekniċi tal-vetturi;

tinkludi t-trasport ta’ oġġetti perikolużi, it-trasport tal-annimali u s-sensibilizzazzjoni dwar id-diżabilità biex tkun ipprovduta lista aktar komprensiva ta’ suġġetti, filwaqt li jitqiesu t-tipi differenti ta’ ġarr ta’ oġġetti u ta’ passiġġieri bit-triq.

It-Taqsima 2 hija emendata biex tippermetti lill-Istati Membri jużaw għodda tal-ICT fit-taħriġ u biex ikunu jistgħu jikkombinaw is-suġġett tat-taħriġ tad-Direttiva ma’ forom oħra ta’ taħriġ rikjesti taħt il-leġiżlazzjoni tal-UE.

L-Anness II tad-Direttiva 2003/59/KE - Arranġamenti għall-mudell tal-Unjoni Ewropea għal kard ta’ kwalifika ta’ sewwieq

L-emenda tal-Anness II hija limitata għal aġġornamenti li jikkonċernaw ir-referenza għall-kard mudell ta’ kwalifika ta’ sewwieq tal-Unjoni u biex titqies ir-referenza għall-kodiċi armonizzat tal-Unjoni 95 ipprovdut fid-Direttiva.

L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/126/KE - Kategoriji, definizzjonijiet u etajiet minimi

L-għan ta’ din l-emenda huwa li tkun eliminata l-inċertezza legali fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ età minima applikabbli għal ċerti kategoriji ta’ vetturi, u tkun prevista applikazzjoni armonizzata mifruxa madwar l-UE kollha tal-etajiet minimi.

Ir-referenzi għad-Direttiva 2003/59/KE jitħassru fl-Artikolu 4(4)(e), (g), (i) u (k), u jiddaħħal paragrafu 7 ġdid fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/126/KE b’referenza ċara għal meta u taħt liema kundizzjonijiet japplikaw l-etajiet minimi aktar baxxi provduti skont id-Direttiva 2003/59/KE.

2017/0015 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 2003/59/KE dwar il-kwalifika inizjali u taħriġ perjodiku ta’ sewwieqa ta’ ċerti vetturi tat-triq għat-trasport ta’ prodotti jew passiġġieri u d-Direttiva 2006/126/KE dwar il-liċenzji tas-sewqan

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 91 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trasmissjoni tal-abbozz ta’ att leġiżlattiv lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 9 ,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni 10 ,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)Fil-White Paper tagħha tat-28 ta’ Marzu 2011 11 il-Kummissjoni tistabbilixxi objettiv ta’ “viżjoni żero” fejn l-Unjoni għandha toqrob lejn rata ta’ żero fil-fatalitajiet tat-trasport bit-triq sal-2050.

(2)Il-Kummissjoni, fil-Komunikazzjoni tagħha dwar l-orjentazzjonijiet ta’ politika dwar is-sikurezza stradali għall-2011-2020 12 , ipproponiet li l-għadd globali ta’ fatalitajiet fit-toroq fl-Unjoni sal-2020 jerġa’ jitnaqqas bin-nofs, b’bidu fl-2010. Bil-ħsieb li tintlaħaq din il-mira, il-Kummissjoni stabbilixxiet seba’ objettivi strateġiċi, inkluż it-titjib tal-edukazzjoni u t-taħriġ tal-utenti tat-triq u l-protezzjoni ta’ utenti tat-triq vulnerabbli.

(3)Wara li evalwat l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2003/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 13 , il-Kummissjoni identifikat għadd ta’ nuqqasijiet. In-nuqqasijiet prinċipali identifikati kienu diffikultajiet u inċertezza legali fl-interpretazzjoni tal-eżenzjonijiet; il-kontenut tat-taħriġ, li nstab li hu biss parzjalment rilevanti għall-ħtiġijiet tas-sewwieqa; diffikultajiet għas-sewwieqa biex jiksbu rikonoxximent reċiproku ta’ taħriġ mitmum jew parzjalment mitmum li sar fi Stat Membru ieħor; u inkonsistenzi ta’ rekwiżiti ta’ età minima bejn id-Direttiva 2003/59/KE u d-Direttiva 2006/126/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 14 .

(4)Sabiex tittejjeb iċ-ċarezza legali fid-Direttiva 2003/59/KE kull referenza għall-atti tal-Unjoni mħassra jew mibdula għandha titneħħa jew tiġi emendata.

(5)Sabiex ikunu pprovduti ċ-ċertezza u l-konsistenza ma’ atti tal-Unjoni oħrajn, għandhom isiru għad ta’ bidliet għall-eżenzjonijiet għad-Direttiva 2003/59/KE, b’kont meħud ta’ eżenzjonijiet simili skont ir-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 15 .

(6)B’kunsiderazzjoni tal-iżviluppi fit-taħriġ u fl-edukazzjoni, u sabiex tittejjeb il-kontribuzzjoni tad-Direttiva 2003/59/KE għas-sikurezza stradali u r-rilevanza tat-taħriġ għas-sewwieqa, is-suġġetti relatati mas- sikurezza stradali, bħall-perċezzjoni tal-perikli, il-protezzjoni tal-utenti vulnerabbli tat-toroq, u s-sewqan effiċjenti fl-użu tal-fjuwil għandhom jissaħħu fil-korsijiet ta’ taħriġ.

(7)L-Istati Membri għandhom jiġu pprovduti b’opzjoni ċara biex itejbu u jimmodernizzaw il-prattiki ta’ taħriġ bl-użu tal-għodda tal-ICT, bħat-tagħlim elettroniku u t-tagħlim imħallat, għal parti mit-taħriġ, filwaqt li tkun żgurata l-kwalità tat-taħriġ.

(8)Sabiex tkun żgurata l-konsistenza bejn il-forom differenti ta’ taħriġ mitluba skont il-liġi tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom jingħataw il-possibbiltà li jikkombinaw tipi differenti ta’ taħriġ rilevanti, bħat-taħriġ dwar it-trasport ta’ oġġetti perikolużi, dwar is-sensibilizzazzjoni għad-diżabilità jew dwar it-trasport tal-annimali, mat-taħriġ previst fid-Direttiva 2003/59/KE.

(9)Sabiex prattiki differenti bejn l-Istati Membri ma jitħallewx ifixklu r-rikonoxximent reċiproku u jillimitaw id-dritt tas-sewwieqa li jwettqu t-taħriġ perjodiku fl-Istat Membru fejn jaħdmu, l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom ikunu obbligati joħorġu d-dokument rilevanti li jiżgura rikonoxximent reċiproku għal kull sewwieq li jissodisfa r-rekwiżiti tad-Direttiva 2003/59/KE.

(10)Sabiex ikun hemm ċarezza legali u jkunu żgurati rekwiżiti ta’ età minima armonizzati għall-finijiet stabbiliti fid-Direttiva 2003/59/KE, għandha tiġi stabbilita deroga ċara fid-Direttiva 2006/126/KE, fejn jiġi stipulat li l-liċenzji tas-sewqan jistgħu jinħarġu fl-etajiet minimi previsti fid-Direttiva 2003/59/KE.

(11)Minħabba li l-objettiv ta’ din id-Direttiva, jiġifieri t-titjib tal-istandard mifrux madwar l-UE kollha ta’ kwalifika inizjali u taħriġ perjodiku għas-sewwieqa ta’ ċerti vetturi tat-triq għall-ġarr ta’ oġġetti jew passiġġieri, ma jistax jintlaħaq b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jista’, minħabba n-natura transkonfinali tat-trasport bit-triq u minħabba l-kwistjonijiet li din id-Direttiva hija maħsuba li tindirizza, jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jinkisbu dawk l-objettivi.

(12)Id-Direttivi 2003/59/KE u 2006/126/KE għandhom għalhekk jiġu emendati skont dan,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 2003/59/KE hija emendata kif ġej:

(1)fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 1, l-ewwel u t-tieni inċiż huma ssostitwiti b’dan li ġej:

“ — vetturi li għalihom hija meħtieġa liċenzja tas-sewqan tal-kategorija C1, C1+E, C jew C+E, kif definit fid-Direttiva 2006/126/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(*), jew liċenzja tas-sewqan rikonoxxuta bħala ekwivalenti,

— vetturi li għalihom hija meħtieġa liċenzja tas-sewqan tal-kategorija D1, D1+E, D jew D+E, kif iddefinit fid-Direttiva 2006/126/KE, jew liċenzja tas-sewqan rikonoxxuta bħala ekwivalenti. ______

(*) Id-Direttiva 2006/126/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 dwar il-liċenzji tas-sewqan (ĠU L 403, 30.12.2006, p. 18).”;

(2)L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)il-punt (b) jinbidel b’dan li ġej:

“(b) vetturi użati mill-forzi armati, id-difiża ċivili, is-servizz tat-tifi tan-nar u l-forzi responsabbli għaż-żamma tal-ordni pubbliku, jew taħt il-kontroll tagħhom, meta l-ġarr isir bħala konsegwenza tal-kompiti assenjati lil dawk is-servizzi;”;

(b)il-punti (d) sa (g) jinbidlu b’dan li ġej:

“(d) vetturi użati fi stati ta’ emerġenza jew assenjati għal missjonijiet ta’ salvataġġ, inkluż vetturi użati fit-trasport mhux kummerċjali ta’ għajnuna umanitarja;”;

(e) vetturi użati għall-istruzzjoni fis-sewqan u l-eżami tiegħu għal kwalunkwe persuna li tkun tixtieq tikseb liċenzja tas-sewqan jew CPC, f’konformità mal-Artikolu 6 u l-Artikolu 8(1), sakemm ma jkunux qed jintużaw għall-ġarr kummerċjali ta’ oġġetti u passiġġieri;

(f) vetturi użati għall-ġarr mhux kummerċjali ta’ passiġġieri jew oġġetti;

(g) vetturi li jkunu qed iġorru materjal, tagħmir jew makkinarju li jkun se jintuża mis-sewwieqa matul il-ħidma tagħhom, sakemm is-sewqan tal-vetturi mhux l-attività prinċipali tas-sewwieqa;”;

(c)jiżdied il-punt (h) li ġej:

“(h) vetturi użati, jew mikrija mingħajr sewwieq, minn impriżi agrikoli, ortikulturali, tal-forestrija, tal-biedja jew tas-sajd għall-ġarr ta’ oġġetti bħala parti mill-attività intraprenditorjali proprja tagħhom, sakemm is-sewqan tal-vettura mhux l-attività prinċipali tas-sewwieq.”;

(3)L-Artikolu 7 huwa emendat kif ġej:

(a)l-ewwel paragrafu jinbidel b'dan li ġej:

“It-taħriġ perjodiku għandu jikkonsisti f’taħriġ biex id-detenturi ta’ CPC jkunu jistgħu jaġġornaw l-għarfien li huwa essenzjali għax-xogħol tagħhom, b’enfasi speċifika fuq is-sikurezza stradali u r-razzjonalizzazzjoni tal-konsum tal-fjuwil.”;

(b)it-tielet paragrafu jinbidel b'dan li ġej:

“It-taħriġ perjodiku għandu jkun imfassal biex jespandi fuq, u biex jirrevedi, xi wħud mis-suġġetti msemmija fit-Taqsima 1 tal-Anness I. Għandu dejjem jinkludi mill-inqas suġġett wieħed relatat mas-sikurezza stradali u għandu jkopri varjetà ta’ suġġetti. Is-suġġetti ta’ taħriġ għandhom iqisu l-ħtiġijiet ta’ taħriġ speċifiċi għall-ħidmiet tat-trasport imwettqa mis-sewwieq u l-iżviluppi fil-leġiżlazzjoni u t-teknoloġija rilevanti.”;

(4)fl-Artikolu 9, l-ewwel paragrafu jinbidel b’dan li ġej:

“Is-sewwieqa msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 1 għandhom jiksbu l-kwalifika inizjali msemmija fl-Artikolu 5 fl-Istat Membru fejn ikollhom ir-residenza normali tagħhom, kif definit fl-Artikolu 12 tad-Direttiva 2006/126/KE.”;

(5)l-Artikolu 10 jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 10

Kodiċi tal-Unjoni

1. Abbażi tas-CPC imsemmi fl-Artikolu 6 u s-CPC imsemmi fl-Artikolu 8(1), l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jimmarkaw, filwaqt li jqisu d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(2) u (3) u l-Artikolu (8), il-kodiċi 95 tal-Unjoni Ewropea armonizzat previst fl-Anness I tad-Direttiva 2006/126/KE flimkien mal-kategoriji ta’ liċenzja korrispondenti:

jew fuq il-liċenzja tas-sewqan,

jew fuq il-kard ta’ kwalifika ta’ sewwieq imħejjija f’konformità mal-mudell muri fl-Anness II.

Jekk il-kodiċi tal-Unjoni ma jistax jiġi mmarkat fuq il-liċenzja tas-sewqan, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn inkiseb is-CPC għandhom jipprovdu lis-sewwieq b’kard ta’ kwalifika ta’ sewwieq.

Il-kard ta’ kwalifika ta’ sewwieq maħruġa minn Stat Membru għandha tkun rikonoxxuta reċiprokament. Meta tinħareġ il-kard, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkontrollaw il-validità tan-numru tal-liċenzja tas-sewqan li huwa msemmi fuq il-kard.

2. (a) Sewwieq imsemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 1 li jsuq vetturi użati għall-ġarr ta’ oġġetti bit-triq għandu jipprovdi evidenza li għandu l-kwalifika u t-taħriġ previsti f’din id-Direttiva permezz tal-attestazzjoni ta’ sewwieq prevista fir-Regolament (UE) Nru 1072/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(*). Dik l-attestazzjoni ta’ sewwieq għandha tkun rikonoxxuta reċiprokament għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, anki jekk il-kodiċi tal-Unjoni rilevanti ma kienx immarkat fuqha.

(b) Sewwieq imsemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 1 li jsuq vetturi użati għall-ġarr ta’ passiġġieri bit-triq għandu jipprovdi evidenza li għandu l-kwalifika u t-taħriġ previsti f’din id-Direttiva permezz ta’ wieħed/waħda minn dawn li ġejjin:

il-kodiċi tal-Unjoni mmarkat fuq il-liċenzja tas-sewqan mudell tal-Unjoni, fejn hu jew hi huma d-detentur ta’ tali liċenzja,

il-kard ta’ kwalifika ta’ sewwieq prevista fl-Anness II, immarkata bil-kodiċi tal-Unjoni rilevanti,

ċertifikat nazzjonali li l-validità tiegħu fit-territorju tagħhom hija rikonoxxuta reċiprokament mill-Istati Membri.

____________

(*) Ir-Regolament (UE) Nru 1072/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar regoli komuni għall-aċċess għas-suq internazzjonali tat-trasport bit-triq tal-merkanzija (ĠU L 300, 14.11.2009, p. 72).”;

(6)L-Annessi I u II huma emendati f'konformità mal-Anness ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 2

L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/126/KE huwa emendat kif ġej:

(1)il-paragrafu 4 huwa emendat kif ġej:

(a)fil-punt (e), it-tielet inċiż jinbidel b'dan li ġej:

“ — l-età minima għall-kategoriji C1 u C1E hija stipulata għal 18-il sena;”;

(b)fil-punt (g), it-tieni inċiż jinbidel b'dan li ġej:

“ — l-età minima għall-kategoriji C u CE hija ffissata għal 21 sena;”;

(c)fil-punt (i), it-tieni inċiż jinbidel b'dan li ġej:

“ — l-età minima għall-kategoriji D1 u D1E hija ffissata għal 21 sena;”;

(d)fil-punt (k), it-tieni inċiż jinbidel b'dan li ġej:

“— l-età minima għall-kategoriji D u DE hija ffissata għal 24 sena;”;

(2)jiżdied il-paragrafu 7 li ġej:

“7. B’deroga mill-etajiet minimi stabbiliti fil-punti (g), (i) u (k) tal-Artikolu 4(4) ta’ din id-Direttiva, l-età minima għall-ħruġ ta’ liċenzja tas-sewqan fil-kategorija C, CE, D1, D1E, D jew DE għandha tkun l-età minima preskritta għas-sewqan ta’ tali vetturi għal detenturi ta’ CPC stabbilita fl-Artikolu 5(2), l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5(3)(a)(i), l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5(3)(a)(ii) jew il-punt (b) tal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2003/59/KE rispettivament.

Fejn f’konformità mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 5(3)(a)(i) jew it-tieni paragrafu tal-Artikolu 5(3)(a)(ii) tad-Direttiva 2003/59/KE, Stat Membru jawtorizza s-sewqan fi ħdan it-territorju tiegħu minn età aktar baxxa, il-liċenzja tas-sewqan għandha tkun valida biss fit-territorju tal-Istat Membru emittenti sakemm id-detentur tal-liċenzja jilħaq l-età minima rilevanti msemmija fl-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu u jkollu CPC.”.

Artikolu 3

1.L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa [OP: please insert the DATE calculated 18 months following the entry into force] l-aktar tard. Għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn referenza bħal din fil-mument tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir dik ir-referenza.

2.L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tad-dritt nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 4

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 5

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1) Id-Direttiva 2006/126/KE dwar il-liċenzji tas-sewqan.
(2) Id-Direttiva 2008/68/KE dwar it-trasport intern ta’ oġġetti perikolużi.
(3) Ir-Regolament (KE) Nru 561/2006 dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq.
(4) Il-verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea [2010] ĠU C 83/47.
(5) Il-verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea [2008] ĠU C 115/13, Art 5(3) u (4).
(6) Jekk jogħġbok ara http://ec.europa.eu/transport/road_safety/take-part/public-consultations/cpc_mt.htm u http://ec.europa.eu/transport/road_safety/events-archive/2014_03_06_cpc_review_mt.htm
(7) http://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=521&langId=en&agreementId=5365
(8) Rapport ta’ studju ta’ evalwazzjoni ex-post: Study on the effectiveness and improvement of the EU legislative framework on training of professional drivers, Panteia et al. (2014); http://ec.europa.eu/transport/facts-fundings/evaluations/doc/2014_ex_post_evaluation_study_training_drivers_en.pdf
(9) ĠU C , , p. .
(10) ĠU C , , p. .
(11) Il-White Paper tat-28 ta' Marzu 2011 “Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b’mod effiċjenti” (COM(2011) 144 finali).
(12) Il-Komunikazzjoni “Lejn Żona Ewropea ta’ sikurezza tat-triq: orjentazzjonijiet ta’ politika dwar is-sikurezza tat-triq 2011-2020” (COM (2010) 389 finali).
(13) Id-Direttiva 2003/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2003 dwar il-kwalifika inizjali u taħriġ perjodiku ta’ sewwieqa ta’ ċerti vetturi tat-triq għat-trasport ta’ prodotti jew passiġġieri, li temenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85 u d-Direttiva tal-Kunsill 91/439/KEE u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 76/914/KEE (ĠU L 226, 10.9.2003, p. 4).
(14) Id-Direttiva 2006/126/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 dwar il-liċenzji tas-sewqan (ĠU L 403, 30.12.2006, p. 18).
(15) Ir-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 u (KE) Nru 2135/98 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85, (ĠU L 102, 11.4.2006, p. 1).
Top

Brussell, 1.2.2017

COM(2017) 47 final

ANNESS

tad-

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 2003/59/KE dwar il-kwalifika inizjali u taħriġ perjodiku ta’ sewwieqa ta’ ċerti vetturi tat-triq għat-trasport ta’ prodotti jew passiġġieri u d-Direttiva 2006/126/KE dwar il-liċenzji tas-sewqan

{SWD(2017) 26 final}
{SWD(2017) 27 final}


ANNESS

tad-

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL


li temenda d-Direttiva 2003/59/KE dwar il-kwalifika inizjali u taħriġ perjodiku ta’ sewwieqa ta’ ċerti vetturi tat-triq għat-trasport ta’ prodotti jew passiġġieri u d-Direttiva 2006/126/KE dwar il-liċenzji tas-sewqan

L-Annessi I u II huma emendati kif ġej:

(1)L-Anness I huwa emendat kif ġej:

(a)It-Taqsima 1 hija emendata kif ġej:

(a)it-tieni paragrafu jinbidel b’dan li ġej:

“Il-livell minimu tal-kwalifika għandu jkun komparabbli sa tal-inqas il-livell 2 tal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki kif previst fl-Anness II tar-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2008/C111/01(*).

_____

(*) Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 dwar l-istabbiliment ta’ Qafas Ewropew tal-Kwalifiki għat-tagħlim tul il-ħajja (ĠU C 111, 6.5.2008, p. 1).”;

(b)il-punt 1.2 jinbidel b’dan li ġej:

“1.2. Objettiv: biex ikunu magħrufa l-karatteristiċi tekniċi u l-operat tal-kontrolli tas-sikurezza, sabiex ikun hemm kontroll tal-vettura, jitnaqqas it-tkagħbir bl-użu u biex il-vettura ma taħdimx ħażin:

limiti għall-użu tal-brejkijiet u r-retarder, użu kkombinat tal-brejkijiet u r-retarder, isir użu aħjar tal-proporzjon bejn il-veloċità u l-gerijiet, isir użu tal-inerzja tal-vettura, jintużaw modi biex tonqos il-veloċità u jintużaw il-brejkijiet fuq il-mogħdijiet għan-niżla, azzjoni fil-każ ta’ falliment, użu tal-apparat elettroniku u mekkaniku bħall-Programm Elettroniku tal-Istabbiltà (ESP), is-Sistema Avvanzata tal-Brejk ta’ Emerġenza (AEBS), is-Sistema Antilokk tal-Ibbrejkjar (ABS), is-Sistemi ta’ Kontroll tat-Trazzjoni (TCS) u s-Sistemi ta’ Monitoraġġ fil-Vettura (IVMS) u oħrajn, approvati għall-użu, apparat ta’ assistenza għas-sewwieq jew awtomatizzazzjoni.”;

(c)il-punt 1.3, it-tieni paragrafu jinbidel b’dan li ġej:

“ottimizzazzjoni tal-konsum tal-fjuwil permezz tal-applikazzjoni tal-għarfien fir-rigward tal-punti 1.1 u 1.2, l-importanza li jiġi antiċipat il-fluss tat-traffiku, id-distanza xierqa u l-użu tal-momentum tal-vetturi, veloċità stabbli, stil ta’ sewqan kalm u pressjoni tat-tajers adattata.”;

(d)il-punt 1.3a li ġej jiddaħħal qabel l-intestatura ‘Liċenzji C, C+E, C1, C1+E’:

“1.3a. Objettiv: kapaċità ta’ antiċipazzjoni, valutazzjoni u adattament għar-riskji tat-traffiku:

li wieħed ikun konxju u jadatta għal kundizzjonijiet differenti tat-triq, it-traffiku u t-temp, jantiċipa l-avvenimenti futuri, jadatta għar-riskji tat-traffiku u jinduna b’sitwazzjonijiet perikolużi u jadatta għalihom, b’mod partikolari dawn marbutin mad-daqs u l-piż tal-vetturi u l-vulnerabbiltà tal-utenti tat-triq, bħall-persuni mexjin, iċ-ċiklisti u s-sewwieqa tal-muturi;

jidentifika s-sitwazzjonijiet perikolużi possibbli u jinterpreta sew kif dawn is-sitwazzjonijiet potenzjalment perikolużi jista’ jirriżultaw f’sitwazzjonijiet fejn wieħed ma jkunx jista’ jevita ħabta u jagħżel u jimplimenta azzjonijiet li jżiedu l-marġni tas-sikurezza sa tali punt li ħabta xorta waħda tista’ tiġi evitata fil-każ li jkun hemm okkorrenza tal-perikli potenzjali.”;

(e)il-punt 1.4 jinbidel b’dan li ġej:

“1.4. Objettiv: kapaċità li l-vettura titgħabba skont ir-regoli tas-sikurezza u l-użu korrett tal-vettura:

forzi li jaffettwaw lill-vetturi mexjin, użu ta’ rapporti tal-gerboks skont it-tagħbija tal-vettura u l-għamla tat-triq, użu ta’ sistemi ta’ trażmissjoni awtomatika, kalkolu tat-tagħbija li tista’ ġġorr vettura jew grupp ta’ vetturi, kalkolu tal-volum totali, distribuzzjoni tat-tagħbija, konsegwenzi ta’ tagħbija żejda fuq il-fus, stabbiltà tal-vettura u ċentru tal-gravità, tipi ta’ mballaġġ u paletti;

kategoriji ewlenin ta’ oġġetti li jeħtieġu jkunu stivati, u metodi ta’ rbit bil-klamp u stivar, użu ta’ ċineg għall-istivar, kontroll ta’ tagħmir ta’ stivar, użu ta’ tagħmir ta’ tqandil, tqegħid u tneħħija ta’ inċirajjet.”;

(f)il-punt 1.6 jinbidel b’dan li ġej:

“1.6. Objettiv: kapaċità li l-vettura titgħabba skont ir-regoli tas-sikurezza u l-użu korrett tal-vettura:

forzi li jaffettwaw lill-vetturi mexjin, użu ta’ rapporti tal-gerboks skont it-tagħbija tal-vettura u l-għamla tat-triq, użu ta’ sistemi tat-trażmissjoni awtomatika, kalkolu tat-tagħbija li tista’ ġġorr vettura jew grupp ta’ vetturi, distribuzzjoni tat-tagħbija, konsegwenzi ta’ tagħbija żejda fuq il-fus, stabbiltà tal-vettura u ċentru ta’ gravità.”;

(g)il-punt 2.1, it-tieni paragrafu jinbidel b’dan li ġej:

“perjodi massimi ta’ xogħol speċifiċi għall-industrija tat-trasport; prinċipji, applikazzjoni u konsegwenzi tar-Regolamenti (KE) Nru 561/2006(*) u (UE) Nru 165/2014(**) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill; penali għan-nuqqas ta’ użu, użu skorrett u tbagħbis tat-takografu; tagħrif dwar l-ambjent soċjali tat-trasport bit-triq: drittijiet u dmirijiet tas-sewwieqa fir-rigward il-kwalifika inizjali u t-taħriġ perjodiku.

________

(*) Ir-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġislazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 u (KE) Nru 2135/98 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85 (ĠU L 102, 11.4.2006, p. 1).

(**) Ir-Regolament (UE) Nru 165/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Frar 2014 dwar takografi fit-trasport bit-triq, li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 dwar apparat ta’ reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq (ĠU L 60, 28.2.2014, p. 1).”;

(h)il-punt 3.7, it-tieni paragrafu jinbidel b’dan li ġej:

“trasport bit-triq f’rabta ma’ metodi oħra ta’ trasport (kompetizzjoni, spedituri), attivitajiet differenti ta’ trasport bit-triq (trasport għall-kiri jew bi ħlas, f’isem il-persuna, attivitajiet ta’ trasport awżiljari), organizzazzjoni tat-tipi ewlenin ta’ kumpanija tat-trasport u attivitajiet ta’ trasport awżiljari, speċjalizzazzjonijiet differenti ta’ trasport (bawżer, temperatura kkontrollata, oġġetti perikolużi, trasport ta’ annimali, eċċ.), tibdil fl-industrija (diversifikazzjoni ta’ servizzi mogħtija, linja tal-ferrovija, sottokuntrattar, eċċ.).”;

(i)il-punt 3.8, it-tieni paragrafu jinbidel b’dan li ġej:

“ġarr bit-triq ta’ passiġġieri f’rabta ma’ metodi oħra ta’ trasport ta’ passiġġieri (ferrovija, karozza privata), attivitajiet differenti li jinvolvu ġarr bit-triq ta’ passiġġieri, sensibilizzazzjoni dwar id-diżabbiltà, qsim ta’ fruntieri (trasport internazzjonali), organizzazzjoni tat-tipi ewlenin ta’ kumpaniji għall-ġarr bit-triq ta’ passiġġieri.”;

(b)It-Taqsima 2 hija emendata kif ġej:

(a)il-punt 2.1 jinbidel b’dan li ġej:

“2.1. Opzjoni li tikkombina kemm l-attendenza għall-kors kif ukoll eżami

Il-kwalifika inizjali trid tinkludi t-tagħlim tas-suġġetti kollha fil-lista tat-Taqsima 1. Id-durata ta’ din il-kwalifika inizjali trid iddum 280 siegħa.

Kull sewwieq li jkun qed jitħarreġ irid isuq għal mill-anqas 20 siegħa individwalment f’vettura tal-kategorija kkonċernata li tissodisfa mill-anqas ir-rekwiżiti għall-vetturi tat-testijiet kif stipulat fid-Direttiva 2006/126/KE.

Waqt li jkun qed isuq individwalment, is-sewwieq li jkun qed jitħarreġ irid ikun akkumpanjat minn għalliem, impjegat minn ċentru ta’ taħriġ approvat. Kull sewwieq jista’ jsuq għal massimu ta’ tmien sigħat mill-20 siegħa li jsuq individwalment fuq art speċjali jew fuq simulatur tal-aqwa kwalità sabiex ikun ivvalutat it-taħriġ fis-sewqan razzjonali ibbażat fuq regolamenti tas-sikurezza, b’mod partikulari fir-rigward tal-kontroll tal-vettura f’kundizzjonijiet differenti tat-triq u l-mod ta’ kif dawn jinbidlu skont kundizzjonijiet atmosferiċi differenti, il-ħin tal-jum jew tal-lejl, u l-kapaċità li jiġi ottimizzat il-konsum tal-fjuwil.

L-Istati Membri jistgħu jippermettu li t-taħriġ parzjalment isir permezz ta’ għodod tat-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni, bħat-tagħlim elettroniku, filwaqt li jiżguraw il-kwalità korretta tat-taħriġ, u jistgħu jgħoddu taħriġ speċifiku meħtieġ skont leġiżlazzjoni tal-Unjoni oħra bħala parti mit-taħriġ. Dan jinkludi, iżda mhux ristrett għal, taħriġ meħtieġ skont id-Direttiva 2008/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(*) dwar it-trasport intern ta’ oġġetti perikolużi, taħriġ dwar sensibilizzazzjoni dwar id-diżabbiltà skont ir-Regolament (UE) Nru 181/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(**) u taħriġ dwar it-trasport tal-annimali skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005(***).

Għas-sewwieqa msemmija fl-Artiklu 5(5) it-tul tal-kwalifika inizjali jrid ikun 70 siegħa, inkluż ħames sigħat ta’ sewqan mis-sewwieq individwali.

Fit-tmiem ta’ dak it-taħriġ, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jew l-entità maħtura minnhom għandhom jagħmlu eżami bil-miktub jew orali lis-sewwieq. L-eżami jrid jinkludi mill-anqas mistoqsija waħda dwar kull wieħed mill-għanijiet li jidhru fil-lista tas-suġġetti fit-Taqsima 1.

_________

(*) Id-Direttiva 2008/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 2008 dwar it-trasport intern ta’ oġġetti perikolużi (ĠU L 260, 30.9.2008, p. 13).

(**) Ir-Regolament (UE) Nru 181/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 dwar id-drittijiet tal-passiġġieri fit-trasport bix-xarabank u bil-kowċ u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 1).

(***) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 tat-22 ta’ Diċembru 2004 dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport u operazzjonijiet relatati u li jemenda d-Direttivi 64/432/KEE u 93/119/KE u r-Regolament (KE) Nru 1255/97 (ĠU L 3, 5.1.2005, p. 1).”;

(b)il-punt 2.2(b), it-tieni paragrafu jinbidel b’dan li ġej:

“Il-vettura użata għall-eżami prattiku trid tissodisfa mill-anqas ir-rekwiżiti għall-vetturi tat-test kif definit fid-Direttiva 2006/126/KE.”;

(c)It-Taqsimiet 3 u 4 jinbidlu b’dan li ġej:

Taqsima 3: Kwalifika inizjali aċċellerata prevista fl-Artiklu 3(2)

Il-kwalifika inizjali aċċellerata trid tinkludi t-tagħlim tas-suġġetti kollha li jidhru fil-lista fit-taqsima 1. Id-durata tagħha trid tkun 140 siegħa.

Kull sewwieq li jkun qed jitħarreġ irid isuq għal mill-anqas 10 sigħat individwalment f’vettura tal-kategorija kkonċernata li tissodisfa mill-anqas ir-rekwiżiti għall-vetturi tat-test kif definit fid-Direttiva 2006/126/KE.

Waqt li jkun qed isuq individwalment, is-sewwieq li jkun qed jitħarreġ irid ikun akkumpanjat minn għalliem, impjegat minn ċentru tat-taħriġ approvat. Kull sewwieq jista’ jsuq għal massimu ta’ erba’ sigħat mill-10 sigħat ta’ sewqan individwali fuq art speċjali jew fuq simulatur tal-aqwa kwalità sabiex ikun ivvalutat it-taħriġ f’sewqan razzjonali bbażat fuq regolamenti tas-sikurezza, b’mod partikulari fir-rigward tal-kontroll tal-vettura f’kundizzjonijiet differenti tat-triq u l-mod li dawn jinbidlu skont kundizzjonijiet atmosferiċi differenti, il-ħin tal-jum jew tal-lejl, u l-kapaċità li jiġi ottimizzat il-konsum tal-fjuwil.

Id-dispożizzjonijiet tar-raba’ paragrafu tal-punt 2.1 għandhom japplikaw ukoll għall-kwalifika inizjali aċċellerata.

Għas-sewwieqa msemmija fl-Artiklu 5(5) it-tul tal-kwalifika inizjali aċċellerata jrid ikun 35 siegħa, inkluż sagħtejn u nofs ta’ sewqan individwali.

Fi tmiem dak it-taħriġ, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jew l-entità maħtura minnhom għandhom jagħmlu eżami bil-miktub jew orali lis-sewwieq. L-eżami jrid jinkludi mill-anqas mistoqsija waħda dwar kull wieħed mill-għanijiet li jidhru fil-lista tas-suġġetti fit-Taqsima 1.

Taqsima 4: Taħriġ perjodiku obbligatorju previst fl-Artiklu 3(1)(b)

Ċentru approvat tat-taħriġ irid jorganizza korsijiet ta’ taħriġ perjodiku obbligatorji. Id-durata tagħhom trid tkun 35 siegħa kull ħames snin, mogħtija f’perjodi ta’ mill-anqas seba’ sigħat. Tali taħriġ perjodiku jrid jingħata, parti minnu, fuq simulaturi tal-aqwa kwalità u permezz tal-użu ta’ għodod tat-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni bħat-tagħlim elettroniku, filwaqt li tkun żgurata l-kwalità tat-taħriġ. Tal-inqas wieħed mill-perjodi ta’ seba’ sigħat ta’ taħriġ għandu jkopri suġġett marbut mas-sikurezza stradali. Il-kontenut tat-taħriġ għandu jqis il-ħtiġijiet tat-taħriġ speċifiċi għall-operazzjonijiet tat-trasport imwettqa mis-sewwieq u l-iżviluppi legali u teknoloġiċi rilevanti. Il-perjodi ta’ seba’ sigħat għandhom ikopru suġġetti differenti.

It-tlestija ta’ taħriġ speċifiku kif meħtieġ skont leġiżlazzjoni tal-Unjoni oħra jista’ jgħodd bħala wieħed mill-perjodi ta’ seba’ sigħat. Dan jinkludi, iżda mhux ristrett għal, taħriġ meħtieġ skont id-Direttiva 2008/68/KE dwar it-trasport intern ta’ oġġetti perikolużi, taħriġ dwar it-trasport tal-annimali skont ir-Regolament (KE) Nru 1/2005, u taħriġ dwar il-ġarr tal-passiġġieri fuq is-sensibilizzazzjoni dwar id-diżabbiltà skont ir-Regolament (UE) Nru 181/2011.”;

(2)L-Anness II huwa emendat kif ġej:

(a)it-titolu jinbidel b’dan li ġej:

“ARRANĠAMENTI GĦALL-MUDELL TAL-UNJONI EWROPEA TA’ KARD TA’ KWALIFIKA TAS-SEWQAN”;

(b)It-Taqsima 2 li tikkonċerna n-naħa 1 tal-kard ta’ kwalifika tas-sewqan hija emendata kif ġej:

(a)fil-punt (d), il-punt (9) jinbidel b’dan li ġej:

“9. il-kategoriji ta’ vetturi li għalihom is-sewwieq jissodisfa r-rekwiżiti tal-kwalifika inizjali u t-taħriġ perjodiku;”;

(b)fil-punt (e), l-ewwel paragrafu jinbidel b’dan li ġej:

“It-titolu ‘Mudell tal-Unjoni Ewropea’ fil-lingwa jew lingwi tal-Istat Membru li joħroġ il-kard u l-intestatura ‘kard ta’ kwalifika tas-sewqan’ fil-lingwi uffiċjali l-oħrajn tal-Unjoni, stampati bil-blu biex jiffurmaw l-isfond tal-kard:”;

(c)fil-punt (a) tat-Taqsima 2 li tikkonċerna n-naħa 2 tal-kard ta’ kwalifika tas-sewqan, il-punti (9) u (10) jinbidlu b’li ġej:

“9. il-kategoriji ta’ vetturi li għalihom is-sewwieq jissodisfa r-rekwiżiti tal-kwalifika inizjali u t-taħriġ perjodiku;

10. il-kodiċi 95 armonizzat tal-Unjoni Ewropea previst fl-Anness I tad-Direttiva 2006/126/KE.”

Top