Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017M7932(01)

    Rapport Finali tal-Uffiċjal tas-Seduta — Il-Każ M.7932 — Dow/DuPont

    ĠU C 353, 20.10.2017, p. 6–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    20.10.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 353/6


    Rapport Finali tal-Uffiċjal tas-Seduta (1)

    Il-Każ M.7932 — Dow/DuPont

    (2017/C 353/04)

    I.   INTRODUZZJONI

    1.

    Fit-22 ta’ Ġunju 2016, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) irċeviet notifika ta’ konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament dwar l-Għaqdiet (2), li biha The Dow Chemical Company (“Dow”), kumpanija prinċipali aħħarija tal-impriża li tinkludi l-grupp Dow, u E.I. du Pont de Nemours and Company (“DuPont”), kumpanija prinċipali aħħarija tal-impriża li tinkludi l-grupp DuPont, jidħlu f’għaqda sħiħa skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet (“it-Tranżazzjoni”). Dow u DuPont se ssirilhom referenza kollettivament bħala l-“Partijiet”.

    II.   PROĊEDURA

    2.

    L-ewwel fażi tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni qajmet dubji serji dwar il-kompatibbiltà tat-Tranżazzjoni mas-suq intern u l-Ftehim ŻEE. Fil-11 ta’ Awwissu 2016, il-Kummissjoni bdiet proċedimenti skont l-Artikolu 6(1)(c) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Il-Partijiet issottomettew kummenti bil-miktub dwar id-Deċiżjoni tal-Artikolu 6(1)(c) fis-26 ta’ Awwissu 2016.

    Dikjarazzjoni ta’ Oġġezzjonijiet

    3.

    Fis-7 ta’ Diċembru 2016, il-Kummissjoni adottat Dikjarazzjoni ta’ Oġġezzjonijiet (“DO”) li fiha esprimiet il-fehma preliminari li t-Tranżazzjoni timpedixxi b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni effettiva, inkluża l-kompetizzjoni tal-prodott u tal-innovazzjoni, fil-protezzjoni tal-pjanti. Id-DO sabet ukoll b’mod preliminari li t-Tranżazzjoni timpedixxi b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni effettiva fil-kopolimeri u l-ionomeri aċidiċi (flimkien, “poljolefini”).

    4.

    Il-Partijiet ingħataw sal-21 ta’ Diċembru 2016 biex iwieġbu għad-DO. Huma ssottomettew tweġiba konġunta f’dik id-data, filwaqt li talbu seduta ta’ smigħ orali formali.

    Aċċess għall-fajl

    5.

    Il-Partijiet irċevew aċċess għall-fajl permezz ta’ DVD u permezz tal-posta elettronika kriptata fit-8 u fl-20 ta’ Diċembru 2016, fis-6 u fit-23 ta’ Jannar 2017, u fit-2, fil-15 u fis-16 ta’ Frar 2017 u fit-2, fl-10 u fit-13 ta’ Marzu 2017. Ġiet organizzata kamra tad-data fl-14, fil-15 u fis-16 ta’ Diċembru 2016 għall-konsulenti esterni tal-Partijiet.

    6.

    Il-Partijiet talbu lid-DĠ Kompetizzjoni biex jipprovdi aċċess għall-verżjonijiet inqas redatti tar-rapporti tal-kamra tad-data mhux kunfidenzjali, u mbagħad ressqu din it-talba quddiemi. Il-konsulenti esterni b’hekk ngħataw permess jaċċessaw il-verżjonijiet kunfidenzjali ta’ dawn ir-rapporti fil-bini tal-Kummissjoni, fit-22 ta’ Diċembru 2016 u fis-6 ta’ Jannar 2017, biex jippreparaw verżjonijiet ġodda mhux kunfidenzjali u sottomissjonijiet kunfidenzjali indirizzati lill-Kummissjoni.

    7.

    Għalkemm kien hemm diskussjonijiet, primarjament bejn il-Partijiet u d-DĠ Kompetizzjoni, dwar il-possibbiltà jew il-fattibbiltà ta’ arranġamenti speċjali fis-seduta ta’ smigħ orali formali biex tiġi permessa diskussjoni ta’ informazzjoni li kienet kunfidenzjali fil-konfront tal-Partijiet infushom, il-Partijiet ma fittxewx dan f’talba formali lili, wara l-aċċess imġedded għar-rapporti tal-kamra tad-data kunfidenzjali. Matul is-seduta ta’ smigħ formali, il-Partijiet semmew li ma setgħux jiddiskutu din l-informazzjoni kunfidenzjali, iżda deherli li l-modi li bihom setgħu jsemmu b’mod mhux kunfidenzjali l-elementi kunfidenzjali kienu suffiċjenti għad-drittijiet tad-difiża tagħhom.

    Terzi persuni interessati

    8.

    BASF SE (“BASF”) u Finchimica SpA (“Finchimica”) applikaw biex jiġu ammessi bħala terzi persuni interessati fis-17 ta’ Ottubru 2016 u fis-16 ta’ Diċembru 2016 rispettivament. Huma ġew ammessi fl-24 ta’ Ottubru 2016 u fil-21 ta’ Diċembru 2016 rispettivament.

    9.

    Wara t-talba tal-Partijiet għal seduta ta’ smigħ formali, numru ta’ entitajiet u persuni fiżiċi għamlu kuntatt miegħi biex jidhru fis-seduta ta’ smigħ orali formali. Dawn il-kuntatti ma esprimewx l-interess ta’ dawk l-entitajiet fl-eżitu tal-proċedimenti skont l-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni 2011/695/UE, u b’hekk ma setgħux jiġu meqjusa bħala applikazzjonijiet biex jinstemgħu bħala persuna terza interessata (3). Jien b’hekk spjegajt il-proċedura u l-ħtiġijiet biex wieħed japplika biex jinstema’ bħala persuna terza interessata u n-natura u l-funzjoni tas-seduta ta’ smigħ formali.

    10.

    Is-seduta ta’ smigħ orali formali hija seduta privata, li l-għan ewlieni tagħha huwa, kif jista’ jidher minn, fost oħrajn, il-premessi 14 u 19, l-artikoli 10(4) u 11(1) tad-Deċiżjoni 2011/695/UE, u l-artikoli 11, 14 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Għaqdiet (4), li tipproteġi d-drittijiet tad-difiża, b’mod partikolari d-dritt li tinstema’, billi tagħti l-partijiet notifikanti u l-partijiet involuti oħra (fit-tifsira definita fl-artikolu 11(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Għaqdiet –“il-partijiet tal-konċentrazzjoni proponuta apparti milli l-partijiet notifikanti, bħal ma huwa l-bejjiegħ u l-impriża li tkun fil-mira tal-konċentrazzjoni”) l-opportunità li jiżviluppaw l-argumenti tagħhom f’seduta ta’ smigħ orali formali. Dawk il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jkunu wrew interess suffiċjenti biex jiġu intitolati biex jinstemgħu jistgħu wkoll, meta jkun xieraq, jingħataw l-opportunità li jipparteċipaw fis-seduta. Is-seduta ta’ smigħ orali formali fi proċedimenti ta’ għaqda, kif ukoll is-seduta ta’ smigħ orali fi proċedimenti skont l-Artikoli 101 u 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, mhijiex laqgħa jew konsultazzjoni pubblika iżda opportunità biex il-partijiet jinstemgħu biex iżidu mas-sottomissjonijiet jew kummenti bil-miktub tagħhom.

    11.

    Wara l-ispjegazzjonijiet tiegħi, erba’ entitajiet ressqu applikazzjoni biex jinstemgħu bħala terzi persuni interessati, u jien daħħalt lill-European Landowners’ Organization (“ELO”), EuropaBio u Rothamsted Research bħala terzi persuni interessati fil-proċedimenti attwali. Fir-rigward ta’ entità waħda, wara l-applikazzjoni tagħha biex tinstema’, ikkunsidrajt li ma wrietx “interess suffiċjenti” skont l-Artikolu 11 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Għaqdiet, u infurmajtha dwar dan bil-miktub, skont l-Artikolu 5(3) tad-Deċiżjoni 2011/695/UE.

    12.

    Wara s-seduta ta’ smigħ formali, Bayer Aktiengesellschaft u Monsanto Company, kompetituri tal-Partijiet, applikaw biex ikunu ammessi fil-proċedimenti bħala terzi persuni interessati, liema talba ġiet aċċettata.

    13.

    Dawn it-terzi persuni interessati kollha rċevew verżjoni mhux kunfidenzjali tad-DO u ngħataw l-opportunità li jesprimu l-fehmiet tagħhom. It-terzi persuni interessati kollha li applikaw qabel id-data tas-seduta ta’ smigħ orali formali talbu li jipparteċipaw fis-seduta ta’ smigħ orali formali mitluba mill-Partijiet. Jien aċċettajt it-talbiet minn kull terza persuna interessata, bl-eċċezzjoni ta’ Rothamsted Research, li rtirat it-talba tagħha biex tattendi s-seduta ta’ smigħ orali formali.

    14.

    Rothamsted Research u EuropaBio għamlu l-kummenti tagħhom fis-sottomissjonijiet bil-miktub dwar it-tul ta’ żmien bejn meta ġew infurmati dwar is-seduta ta’ smigħ orali formali u s-seduta ta’ smigħ innifisha. F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnutat li applikazzjonijiet biex wieħed jiġi ammess għall-proċedimenti bħala terza persuna interessata mhumiex direttament marbuta mas-seduta ta’ smigħ orali formali. Applikazzjonijet bħal dawn jistgħu jiġu sottomessi mid-data tan-notifika tal-għaqda, li ġiet ippubblikata mill-Kummissjoni (5).

    Awtoritajiet tal-kompetizzjoni

    15.

    L-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni ta’ kull Stat Membru ġew mistiedna għas-seduta ta’ smigħ orali formali. Wara talba, abbażi tal-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni 2011/695/UE, stedint ukoll rappreżentanti tad-Dipartiment tal-Ġustizzja tal-Istati Uniti biex jattendu bħala osservaturi skont l-Arranġament Amministrattiv tal-1999 dwar l-Attendenza fil-qafas tal-Ftehim ta’ Kooperazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti (6), wara li rċevejt kemm il-kunsens tal-Partijiet kif ukoll l-assigurazzjonijiet sodisfaċenti rigward il-kunfidenzjalità u l-użu tal-informazzjoni.

    Seduta ta’ smigħ orali formali

    16.

    Is-seduta ta’ smigħ orali formali saret fid-9 ta’ Jannar 2017 u attendew għaliha l-Partijiet, kif ukoll il-konsulenti legali u ekonomiċi esterni tagħhom, it-terzi persuni interessati BASF, Finchimica, Elo u EuropaBio, li xi wħud minnhom ġew assistiti minn konsulenti esterni, servizzi tal-Kummissjoni rilevanti, l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ erba’ Stati Membri (il-Ġermanja, il-Finlandja, Franza u l-Iżvezja), u d-Dipartiment tal-Ġustizzja tal-Istati Uniti.

    17.

    Il-Partijiet u l-Kummissjoni talbu sessjonijiet fil-magħluq għal partijiet tal-preżentazzjonijiet tagħhom u s-sessjonijiet tal-mistoqsijiet u t-tweġibiet, liema talba ġiet aċċettata.

    Ittri ta’ Fatti

    18.

    Fl-20 ta’ Jannar 2017, il-Kummissjoni indirizzat lill-Partijiet l-ewwel Ittra ta’ Fatti, li fiha hija ddikjarat evidenza addizzjonali fil-fajl tal-Kummissjoni fl-appoġġ tas-sejbiet preliminari. Il-Partijiet issottomettew kummenti bil-miktub għall-Ittra ta’ Fatti fit-30 ta’ Jannar 2017.

    19.

    Fl-1 ta’ Frar 2017, il-Kummissjoni indirizzat lill-Partijiet it-tieni Ittra ta’ Fatti, fejn hija infurmat lill-Partijiet dwar elementi fattwali addizzjonali fl-appoġġ ta’ xi konklużjonijiet preliminari. Il-Partijiet issottomettew kummenti bil-miktub għal din it-tieni Ittra ta’ Fatti fis-6 ta’ Frar 2017.

    Impenji

    20.

    Il-Partijiet issottomettew l-ewwel sett ta’ impenji fis-7 ta’ Frar 2017. B’konsegwenza, il-Kummissjoni estendiet iktar il-perjodu ta’ rieżami bi 15-il jum ta’ xogħol skont l-Artikolu 10(3) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. L-impenji msemmija qabel ġew ippruvati fuq is-suq mit-8 ta’ Frar 2017. Fid-dawl tar-riżultati tat-test tas-suq, il-Partijiet issottomettew sett finali ta’ impenji fis-17 ta’ Frar 2017 (“Impenji Finali”).

    L-abbozz tad-Deċiżjoni

    21.

    L-abbozz tad-Deċiżjoni jiddikjara t-Tranżazzjoni, kif modifikata mill-Impenji Finali, kompatibbli mas-suq intern u mal-Ftehim ŻEE, soġġett għall-konformità mill-Partijiet mal-Impenji Finali stabbiliti bħala kundizzjonijiet u obbligi annessi mal-abbozz tad-deċiżjoni.

    22.

    Jien eżaminajt l-abbozz tad-Deċiżjoni skont l-Artikolu 16(1) tad-Deċiżjoni 2011/695/UE u kkonkludejt li hija tittratta biss l-oġġezzjonijiet li fir-rigward tagħhom il-Partijiet ingħataw l-opportunità li jesprimu l-fehmiet tagħhom.

    III.   KONKLUŻJONI

    23.

    Kollox ma’ kollox, jien inqis li l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet proċedurali f’dan il-każ ġie rrispettat.

    Brussell, is-16 ta’ Marzu 2017

    Joos STRAGIER


    (1)  Skont l-Artikoli 16 u 17 tad-Deċiżjoni 2011/695/UE tal-President tal-Kummissjoni Ewropea tat-13 ta’ Ottubru 2011 dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta f’ċerti proċedimenti dwar il-kompetizzjoni (ĠU L 275, 20.10.2011, p. 29) (“id-Deċiżjoni 2011/695/UE”).

    (2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet) (ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1).

    (3)  Il-Kummissjoni ma użatx is-setgħa diskrezzjonarja tagħha skont l-Artikolu 16(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Għaqdiet li tistieden kwalunkwe persuna terza, li mhijiex “persuna terza interessata”, li tesprimi l-fehmiet tagħha fis-seduta ta’ smigħ orali.

    (4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 802/2004 tas-7 ta’ April 2004 li jimplementa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi (ĠU L 133, 30.4.2004, p. 1) (“ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni dwar l-Għaqdiet”).

    (5)  In-notifika minn qabel f’dan il-każ ġiet ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea: ĠU C 239, 1.7.2016, p. 15.

    (6)  Agreement between the Government of the United States of America and the Commission of the European Communities regarding the application of their competition laws - Exchange of interpretative letters with the Government of the United States of America (ĠU L 95, 27.4.1995, p. 47).


    Top