Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017JC0007

    Proposta Konġunta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha minn naħa u r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Alġerija min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni tal-Prijoritajiet tas-Sħubija bejn l-UE u l-Alġerija

    JOIN/2017/07 final - 2017/031 (NLE)

    Brussell, 15.2.2017

    JOIN(2017) 7 final

    2017/0031(NLE)

    Proposta Konġunta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha minn naħa u r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Alġerija min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni tal-Prijoritajiet tas-Sħubija bejn l-UE u l-Alġerija


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Raġunijiet u objettivi tal-proposta

    Il-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) riveduta 1 , adottata f’Novembru 2015 tistabbilixxi qafas ġdid biex tiddefinixxi r-relazzjonijiet bilaterali mal-pajjiżi sħab. Jenħtieġ li dawn ir-relazzjonijiet jinġabru fi “prijoritajiet tas-sħubija”, li huma punt ta’ referenza ewlieni mal-pajjiżi sħab biex jintlaħaq ftehim dwar ġabra limitata ta’ prijoritajiet fil-mira għas-snin li ġejjin.

    Il-konsultazzjonijiet mar-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Alġerija (l-Alġerija) bdew f’April 2016 billi ntbagħat abbozz tat-test lill-awtoritajiet tal-Alġerija qabel iż-żjara tal-Kummissarju Hahn fil-11 ta’ Mejju 2016 fl-Alġier. Dan il-kunċett huwa konformi mal-Istrateġija Globali l-ġdida dwar il-Politika Estera u ta’ Sigurtà tal-Unjoni Ewropea 2 , ippreżentata f’Ġunju 2016 mir-Rappreżentant Għoli, li skontu l-istrumenti kollha tal-UE jintużaw bl-aktar mod effiċjenti biex iżidu l-impatt u l-viżibilità tal-appoġġ tal-Unjoni.

    L-UE u l-Alġerija qablu li d-dokument intitolat “Prijoritajiet tas-Sħubija” jikkostitwixxi l-ewwel qafas ta’ referenza tal-PEV riveduta li sar qbil dwaru, u jwitti t-triq għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni tagħhom. Dan id-dokument se jkun ukoll referenza siewja li għandha titqies għall-ipprogrammar tal-għajnuna tal-UE.

    Il-“Prijoritajiet tas-Sħubija” jirriflettu interessi komuni u jiffukaw fuq oqsma li fihom il-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Alġerija hija ta’ benefiċċju reċiproku. Ir-rispett tal-prinċipji demokratiċi u tad-drittijiet fundamentali jikkostitwixxi element essenzjali tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Alġerija. Sabiex tintlaħaq il-mira kondiviża ta’ żona komuni ta’ paċi, prosperità u stabbiltà tenħtieġ kooperazzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tar-responsabbiltajiet kondiviżi u tad-differenzjazzjoni, u kunsiderazzjoni tar-rwol ċentrali li l-Alġerija għandha fir-reġjun.

    Filwaqt li jindirizzaw l-aktar sfidi urġenti, l-UE u l-Alġerija se jkomplu jfittxu li jiksbu l-objettivi ewlenin tas-sħubija tagħhom fuq terminu twil, u jaħdmu sabiex jiksbu stabbiltà sostenibbli fuq livell nazzjonali u reġjonali kif ukoll isostnu t-tkabbir ekonomiku permezz ta’ istituzzjonijiet tal-Istat sodi u tad-diversifikazzjoni u l-kompetittività tal-ekonomija tal-Alġerija, filwaqt li jkunu sfruttati l-possibilitajiet provduti mis-settur privat u mis-soċjetà ċivili tal-Alġerija. Il-prijoritajiet politiċi ewlenin identifikati fir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Alġerija għas-snin li ġejjin huma:

    (1)Id-djalogu politiku, il-governanza, l-istat tad-dritt u l-ħidma favur id-drittijiet fundamentali;

    (2)Il-kooperazzjoni, l-iżvilupp soċjoekonomiku inklużiv, l-iskambji kummerċjali u l-aċċess għas-suq uniku Ewropew;

    (3)Is-sħubija fl-enerġija, l-ambjent u l-iżvilupp sostenibbli;

    (4)Id-djalogu strateġiku u d-djalogu dwar is-sigurtà (inklużi l-kwistjonijiet reġjonali u l-ġlieda kontra t-terroriżmu);

    (5)Id-dimensjoni umana, il-migrazzjoni u l-mobbiltà.

    Konsistenza mad-dispożizzjonijiet politiċi eżistenti fil-qasam ta’ politika

    Il-Prijoritajiet tas-Sħubija bejn l-UE u l-Alġerija jikkostitwixxu l-ewwel qafas bilaterali miftiehem fl-ambitu tal-PEV il-ġdida u jikkonformaw mal-prijoritajiet u l-modalitajiet stabbiliti f’din il-politika, jiġifieri l-istabbilizzazzjoni tal-pajjiżi ġirien f’termini politiċi, ekonomiċi u ta’ sigurtà. Jikkonformaw ukoll mal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni UE-Alġerija li daħal fis-seħħ fl-2005 3 .

    Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

    Il-“Prijoritajiet tas-Sħubija bejn l-UE u l-Alġerija” filwaqt li jirriflettu l-impenn li ilu stabbilit tal-UE fir-rigward tas-sħab Mediterranji tagħha, huma konformi bis-sħiħ mas-sejħa tal-Istrateġija Globali tal-UE għal approċċ integrat fl-indirizzar tal-kriżijiet, inklużi l-politiki tagħha umanitarji, tal-iżvilupp, tal-migrazzjoni, tal-kummerċ, tal-investiment, tal-infrastruttura, tal-edukazzjoni, tas-saħħa u tar-riċerka. Fid-dokument tqiesu, fost oħrajn, il-ħidma favur id-drittijiet tal-bniedem u l-governanza tajba, id-dimensjoni esterna tal-politiki tal-UE dwar il-migrazzjoni, aktar attenzjoni għall-kooperazzjoni internazzjonali fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti, kif ukoll il-potenzjal li għandu l-kummerċ biex jiġġenera tkabbir ġust u impjiegi deċenti.

    2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

    Bażi ġuridika

    Din il-proposta, ibbażata fuq l-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), hija proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa u r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Alġerija, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni tal-Prijoritajiet tas-Sħubija.

    L-Artikolu 218(9) TFUE se jiżgura li l-“Prijoritajiet tas-Sħubija” se jservu ta’ ispirazzjoni għall-għajnuna mill-Unjoni prevista fil-qafas tal-Istrument Ewropew ta’ Viċinat. L-adozzjoni tal-“Prijoritajiet tas-Sħubija” hija mistennija li ssir f’laqgħa tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni UE-Alġerija fil-bidu tas-sena 2017 wara l-adozzjoni mill-Kunsill, abbażi tal-Artikolu 218(9) TFUE, ta’ pożizzjoni tal-UE fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni nnifsu.

    Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

    Peress li l-Prijoritajiet tas-Sħubija jikkonċernaw ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Alġerija, dawn ma jistgħux jiġu adottati fil-livell nazzjonali mill-Istati Membri.

    Proporzjonalità

    L-adozzjoni ta’ pożizzjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 218(9) TFUE hija meħtieġa fid-dawl tal-adozzjoni tal-Prijoritajiet tas-Sħubija mill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni.

    L-għażla tal-istrument

    Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2015 dwar ir-Rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat 4 ikkonfermaw “l-intenzjoni tal-Kunsill li jibda fażi ġdida ta’ djalogu mal-pajjiżi sħab fl-2016 li tista’ twassal biex jiġu stabbiliti prijoritajiet ġodda ta’ sħubija, fejn xieraq, iffukati fuq prijoritajiet u interessi maqbula konġuntament”.

    L-impenji politiċi huma l-aktar strument adegwat biex jintlaħaq dan l-impenn; ftehim internazzjonali vinkolanti ġdid mal-Alġerija kien joħloq piż proċedurali sproporzjonat meta mqabbel mal-perjodu taż-żmien li se jkun kopert mill-Prijoritajiet tas-Sħubija. Min-naħa l-oħra, sempliċi Memorandum ta’ Ftehim ma kienx se jkollu l-livell meħtieġ biex iservi ta’ bażi għall-ipprogrammar pluriennali tal-għajnuna previst mill-“pjanijiet ta’ azzjoni jew dokumenti ekwivalenti” msemmijin fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament dwar l-Istrument Ewropew ta’ Viċinat 5 .

    3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

    L-evalwazzjonijiet ex post / il-kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

    Mhux applikabbli.

    Il-konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

    Dan it-test ġie abbozzat wara konsultazzjoni mill-qrib mas-servizzi rilevanti tal-Kummissjoni u mar-rappreżentanti tal-Istati Membri fil-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar il-Maxreq u l-Magreb, kif ukoll wara diskussjonijiet mal-kontropartijiet Alġerini.

    Minn Jannar 2016 bdew konsultazzjonijiet fi Brussell mal-partijiet ikkonċernati tas-soċjetà ċivili. Mill-kontributi li ġew riċevuti rriżulta prinċipalment li jenħtieġ li r-rispett tad-drittijiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem ikun issalvagwardjat filwaqt li jkun miġġieled l-estremiżmu vjolenti, li jinżamm livell għoli ta’ impenn fir-rigward tal-ħidma favur id-drittijiet tan-nisa, u tal-ħidma favur l-organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) internazzjonali u lokali fil-pajjiż u li dawn ikunu protetti minn pressjonijiet indebiti. Dawn il-punti kollha ġew ikkunsidrati fit-testi mehmuża.

    Dawn il-konsultazzjonijiet twettqu abbażi tal-linji gwida stabbiliti fl-ambitu tal-Politika Ewropea ġdida tal-Viċinat.

    Il-ġbir u l-użu tal-kompetenzi

    Il-kompetenzi tematiċi rilevanti kollha kienu disponibbli internament, kemm fil-Kwartieri Ġenerali kif ukoll fid-delegazzjonijiet tal-UE.

    Il-valutazzjoni tal-impatt

    Mhux applikabbli.

    L-idoneità regolatorja u s-simplifikazzjoni

    Mhux applikabbli.

    Id-drittijiet fundamentali

    L-ebda konsegwenza fuq id-drittijiet fundamentali fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.

    Fir-rigward tad-drittijiet fundamentali fl-Alġerija, il-konsegwenzi huma mistennija li jkunu pożittivi, billi l-impenji meħuda mill-gvern tal-Alġerija u previsti fil-Prijoritajiet tas-Sħubija jinkludu, fost l-oħrajn, ir-rikonoxximent u r-rispett tal-valuri universali u tal-impenji internazzjonali relatati mal-istat tad-dritt u mar-rispett għad-drittijiet fundamentali, kif ukoll l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ġodda tal-Kostituzzjoni adottati fi Frar 2016, b’mod partikolari fl-oqsma tal-governanza, id-demokrazija parteċipattiva, il-ħidma favur id-drittijiet fundamentali u d-difiża tagħhom, inklużi dawk tal-ħaddiema, it-tisħiħ tar-rwol tan-nisa fis-soċjetà, id-deċentralizzazzjoni, it-tisħiħ tas-sistema ġudizzjarja li tinkludi l-amministrazzjoni tal-ħabs, kif ukoll it-tisħiħ tar-rwol tas-soċjetà ċivili.

    4.IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

    Ma hemm l-ebda implikazzjoni baġitarja addizzjonali lil hinn minn dak li huwa previst fl-impenji internazzjonali preċedenti tal-UE. Kull implikazzjoni baġitarja addizzjonali se tkun definita permezz ta’ proposti separati, bħall-Qafas Uniku ta’ Appoġġ li jmiss tal-Istrument Ewropew ta’ Viċinat (ENI – European Neighbourhood Instrument) għall-perjodu 2018–2020.

    5.ELEMENTI OĦRA

    Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rappurtar

    L-implimentazzjoni tal-“Prijoritajiet tas-Sħubija” bejn l-UE u l-Alġerija se tkun soġġetta għal mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni; b’punti għall-attenzjoni li se jkunu identifikati fi ħdan is-servizzi rilevanti biex ikun hemm rieżami u monitoraġġ regolari tal-implimentazzjoni tagħhom bil-ħsieb li jiġu żgurati r-responsabbiltajiet kondiviżi, it-trasparenza u implimentazzjoni b’benefiċċju reċiproku. Il-laqgħat dwar il-kooperazzjoni bilaterali bejn l-UE u l-Alġerija fil-qafas tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni eżistenti se jikkontribwixxu għall-monitoraġġ, b’mod partikolari fil-livell settorjali.

    6. REFERENZI

    (a)Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni –Rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat; [JOIN(2015) 50 final].

    (b)Il-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika Alġerina Demokratika u tal-Poplu, min-naħa l-oħra (ĠU L 265, 10.10.2005, p. 1).

    (c)Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar ir-Rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat tal-14 ta’ Diċembru 2015.

    (d)Ir-Regolament UE 232/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument Ewropew tal-Viċinat (ĠU L 77, 15.3.2014, p. 27).

    (e)Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni –Rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat; [JOIN(2015) 50 final]; Dokument ta’ Pożizzjoni Komuni tal-Pajjiżi Għarab tal-PEV ippreżentat fil-Konferenza Ministerjali ta’ Bejrut dwar ir-Rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) fl-24 ta’ Ġunju 2015.

    2017/0031 (NLE)

    Proposta Konġunta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha minn naħa u r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Alġerija min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni tal-Prijoritajiet tas-Sħubija bejn l-UE u l-Alġerija

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 217 flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)Il-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Alġerija, min-naħa l-oħra, ġie ffirmat fit-22 ta’ April 2002 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Settembru 2005 6 .

    (2)Il-Komunikazzjoni Konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u tal-Kummissjoni Ewropea tat-18 ta’ Novembru 2015 dwar ir-Rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat 7 intlaqgħet mill-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2015, u li fiha l-Kunsill ikkonferma, fost l-oħrajn, l-intenzjoni tiegħu li jibda fażi ġdida ta’ djalogu mal-pajjiżi sħab fl-2016 li tista’ twassal biex jiġu stabbiliti prijoritajiet ġodda ta’ sħubija, fejn xieraq, iffukati fuq prijoritajiet u interessi maqbula konġuntament.

    (3)Sabiex tintlaħaq il-mira kondiviża tal-UE u tal-Alġerija għal żona komuni ta’ paċi, prosperità u stabbiltà tenħtieġ kooperazzjoni b’mod partikolari fir-rigward tar-responsabbiltajiet kondiviżi u tad-differenzjazzjoni, u kunsiderazzjoni tar-rwol ċentrali li l-Alġerija għandha fir-reġjun.

    (4)Filwaqt li jindirizzaw l-aktar sfidi urġenti, l-UE u l-Alġerija se jkomplu jfittxu li jiksbu l-objettivi ewlenin tas-sħubija tagħhom fuq terminu twil, u jaħdmu sabiex jiksbu stabbiltà fil-pajjiż u fir-reġjun kif ukoll isostnu t-tkabbir ekonomiku u permezz ta’ istituzzjonijiet tal-Istat sodi u tad-diversifikazzjoni u l-kompetittività tal-ekonomija tal-Alġerija.

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha minn naħa u r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Alġerija min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni tal-prijoritajiet tas-sħubija bejn l-UE u l-Alġerija għandha tkun ibbażata fuq it-test anness ma’ din id-deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ dakinhar tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell,

       Għall-Kunsill

       Il-President

    (1) Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar ir-Rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat tal-14 ta’ Diċembru 2015; stqarrija għall-istampa tal-Kunsill Nru 926/15.
    (2) “Viżjoni kondiviża, azzjoni konġunta: Ewropa aktar b’saħħitha. Strateġija Globali għall-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni tal-Unjoni Ewropea”.
    (3) Il-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika Alġerina Demokratika u tal-Poplu, min-naħa l-oħra (ĠU L 265, 10.10.2005, p. 1).
    (4) Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar ir-Rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat tal-14 ta’ Diċembru 2015; stqarrija għall-istampa tal-Kunsill Nru 926/15.
    (5) Ir-Regolament UE 232/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument Ewropew tal-Viċinat (ĠU L 77, 15.3.2014, p. 27).
    (6) Il-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika Alġerina Demokratika u tal-Poplu, min-naħa l-oħra (ĠU L 265, 10.10.2005, p. 1).
    (7) Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni –Rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat; [JOIN(2015) 50 final].
    Top

    Brussell, 15.2.2017

    JOIN(2017) 7 final

    ANNESSI

    mal-

    proposta konġunta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata mill-Unjoni fi ħdan il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Alġerija min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni tal-Prijoritajiet ta' Sħubija bejn l-UE u l-Alġerija


    DEĊIŻJONI Nru 01/2017 TAL-10 KUNSILL TA’ ASSOĊJAZZJONI TAL-UE-ALĠERIJA TA’ ... 2017

    dwar il-qbil dwar il-Prijoritajiet tas-Sħubija bejn l-UE u l-Alġerija

    IL-KUNSILL TA’ ASSOĊJAZZJONI UE-ALĠERIJA,

    Filwaqt li jikkunsidra l-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Alġerija, min-naħa l-oħra,

    Billi

    (1)    Il-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa l-waħda, u r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Alġerija, min-naħa l-oħra, ġie ffirmat fit-22 ta’ April 2002 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Settembru 2005.

    (2)    L-Artikolu 94 tal-Ftehim Ewro-Mediterranju jagħti s-setgħa lill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni li jieħu d-deċiżjonijiet xierqa, għall-finijiet li jintlaħqu l-objettivi tal-Ftehim.

    (3)    Skont l-Artikolu 104 tal-Ftehim Ewro-Mediterranju, il-partijiet għandhom jieħdu kull miżura ġenerali jew speċifika meħtieġa biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont il-Ftehim u għandhom jaraw li jinkisbu l-għanijiet stipulati fil-Ftehim.

    (4)    Ir-rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat fl-2016 ipproponiet fażi ġdida ta’ involviment mas-sħab, li tippermetti sens akbar ta’ sjieda miż-żewġ naħat.

    (5)    L-UE u l-Alġerija qablu li jikkonsolidaw is-sħubija tagħhom billi jaqblu fuq sett ta’ prijoritajiet għall-perjodu 2017-2020 bl-għan li jappoġġjaw u jsaħħu r-reżiljenza u l-istabbiltà tal-Alġerija.

    (6)     Il-partijiet għall-Ftehim Ewro-Mediterranju qablu dwar it-test tal-Prijoritajiet tas-Sħubija bejn l-UE-Alġerija, li se jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-Ftehim Ewro-Mediterranju, billi jiffokaw fuq il-kooperazzjoni fir-rigward ta’ sett ta’ interessi identifikati u kondiviżi bejn is-sħab li se tingħatalhom prijorità,

    IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni jirrakkomanda li l-partijiet jimplimentaw il-Prijoritajiet tas-Sħubija bejn l-UE u l-Alġerija kif stipulat fl-Anness.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi xxx. [jum/Frar/Marzu 2017].

    Għall-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Alġerija

    Il-President

    ***

    ANNESS

    Prijoritajiet tas-Sħubija bejn l-UE u l-Alġerija



    Prijoritajiet Kondiviżi tas-Sħubija bejn

    ir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Alġerija (Alġerija)

    u l-Unjoni Ewropea (UE)

    taħt il-politika Ewropea tal-Viċinat rieżaminata (PEV)

    Il-qafas ġenerali għar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Alġerija huwa stabbilit mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni (AA) li ġie iffirmat fl-2002, daħal fis-seħħ fl-2005 u jistabilixxi l-oqsma kollha ta’ kooperazzjoni bejn il-partijiet. Mingħajr preġudizzju għal dawn l-oqsma ta’ kooperazzjoni, dan id-dokument jistabilixxi l-prijoritajiet tas-sħubija kif definiti b’mod konġunt mill-Alġerija u l-Unjoni Ewropea taħt il-PEV rieżaminat għall-perjodu 2016-2020.

    Fl-ispirtu tal-prinċipji ta’ gwida tal-PEV rieżaminat u fid-dawl tal-prijoritajiet politiċi taż-żewġ partijiet, l-Alġerija u l-Unjoni Ewropea jieħdu l-impenn li jivvitaliżżaw mill-ġdid id-djalogu tagħhom, biex jaqblu dwar il-linji ewlenin tar-relazzjonijiet tagħhom, biex ikomplu jispeċifikaw l-objettivi u l-interessi reċiproċi tagħhom u biex jipprijoritizzaw l-oqsma tal-kooperazzjoni tagħhom. Il-prijoritajiet ta’ sħubija dettaljati iktar ‘l isfel jindikaw l-oqsma ewlenin għal djalogu msaħħaħ u għal kooperazzjoni amministrattiva u istituzzjonali li hija speċifika kemm jista’ jkun bejn l-UE u l-Alġerija. Tali djalogu u kooperazzjoni għandhom ikunu bbażati fuq l-esperjenza u l-għarfien rispettivi tal-UE u l-Alġerija u jonoraw l-indipendenza u l-karatteristiċi li jiddefinixxu kull waħda mill-partijiet.

    L-ambizzjoni tal-Alġerija u l-UE hija li tiġi żviluppata sħubija msaħħa globali u b’bosta aspetti fil-konfront ta’ żvilupp komuni u sfidi ta’ sigurtà. Il-partijiet jesprimu wkoll ix-xewqa konġunta li jiksbu dawn il-prijoritajiet fl-oqsma ewlenin li fihom ir-relazzjonijiet tagħhom huma destinati li jiġu msaħħa fil-futur. Numru ta’ dawn il-prijoritajiet se jkunu s-suġġett ta’ kooperazzjoni teknika u finanzjarja, li se tiġi implimentata taħt l-ipprogrammar finanzjarju 2018-2020.

    I. Djalogu politiku, governanza, l-istat tad-dritt u l-promozzjoni tad-drittijiet fundamentali

    L-UE u l-Alġerija jaqblu li jagħtu importanza speċjali lit-tisħiħ tad-djalogu politiku tagħhom fil-forom kollha tiegħu.

    Permezz tar-reviżjoni tal-Kostituzzjoni tagħha fis-7 ta’ Frar 2016, l-Alġerija qed tkompli bil-proċess tal-konsolidazzjoni tal-libertajiet u d-drittijiet fundamentali, l-istat tad-dritt u l-istituzzjonijiet demokratiċi u l-prinċipji li jirregolaw ir-relazzjonijiet tal-Istat maċ-ċittadini. Dan il-proċess jikkorrispondi għad-djalogu bilaterali li nżamm bejn l-UE u l-Alġerija matul dawn l-aħħar 15-il sena u jindika li r-relazzjonijiet bejn iż-żewġ partijiet huma bbażati fuq ir-rispett reċiproku u r-rikonoxximent ta’, u konformità ma’, valuri universali u impenji internazzjonali relatati mal-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet fundamentali.  

    F’dan il-kuntest, l-Alġerija u l-UE jaqblu li jagħtu importanza speċjali lill-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet l-ġodda tal-Kostituzzjoni. L-UE bi ħsiebha tappoġġa lill-Alġerija fl-implimentazzjoni tagħhom, b’mod partikolari fl-oqsma ta’ governanza, id-demokrazija parteċipattiva, il-promozzjoni u d-difiża tad-drittijiet fundamentali, inkluż dawk tal-ħaddiema, it-tisħiħ tar-rwol tan-nisa fis-soċjetà, id-deċentralizzazzjoni, it-tisħiħ tas-sistema ġudizzjarja, inkluż l-amministrazzjoni tal-ħabs, u t-tisħiħ tar-rwol tas-soċjetà ċivili, inkluż permezz tal-użu ta’ programmi ta’ assistenza teknika.

    Tali kooperazzjoni se tinkludi wkoll appoġġ għall-modernizzazzjoni u amministrazzjoni pubblika mtejba, monitoraġġ iktar mill-qrib tal-finanzi pubbliċi u l-amministrazzjoni tat-taxxa, l-indirizzar tal-korruzzjoni u l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, id-delokalizzazzjoni tal-kapital u l-finanzjament tat-terroriżmu f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tat-Task Force ta' Azzjoni Finanzjarja (FATF).

    II. Kooperazzjoni, żvilupp soċjoekonomiku inklusiv, kummerċ u aċċess għas-suq uniku Ewropew

    Fil-kuntest attwali ta’ staġnar ekonomiku u t-tnaqqis drastiku fil-prezzijiet tal-idrokarbur, l-Alġerija u l-UE għandhom interess komuni u pressanti fl-identifikazzjoni ta’ miżuri ta’ governanza ekonomika kemm fis-settur privat kif ukoll is-settur pubbliku li għandu jiffaċilita inizjattivi privati, jagħti spinta għall-investiment fil-bażi ta’ manifattura u, f’dak li jirrigwarda s-settur pubbliku, jimmondernizza l-ġestjoni finanzjarja u jirrazzjonaliżża l-infiq pubbliku.

    Il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn iż-żewġ partijiet jipprovdi qafas għaż-żieda fill-kummerċ u l-investiment, u l-partijiet għandhom japprofittaw kemm jista’ jkun minn dan il-ftehim biex jgħinu lil xulxin jegħlbu l-kriżi ekonomika attwali. Għalhekk l-UE u l-Alġerija jaffermaw mill-ġdid ix-xewqa tagħhom li jagħmlu l-aħjar użu possibbli mill-Ftehim ta' Assoċjazzjoni tal-2005, jikkonformaw miegħu bi sħiħ u jfittxu jiksbu bilanċ fl-interessi reċiproċi tagħhom. Valutazzjoni konġunta tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni hija parti minn dan il-proċess kontinwu.

    Fuq l-isfond tal-prezzijiet instabbli tal-idrokarbur, il-Gvern Alġerin għamel mod li d-diversifikazzjoni tal-ekonomija tkun prijorità nazzjonali. Il-miżuri ta’ riforma li qed isiru issa b’dan il-ħsieb joffru opportunità għal kooperazzjoni ikbar fl-oqsma li, f’konformità mal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, jikkontribwixxu għad-diversifikazzjoni u l-kompetittività tal-ekonomija Alġerina sabiex tiġi żviluppata l-firxa tal-esportazzjonijiet tagħha (b’mod speċjali ta’ prodotti oħra għajr l-idrokarbonji) għas-suq uniku Ewropew.

    Konxji dwar l-importanza tal-klima tan-negozju fl-attrazzjoni ta’ investituri ġodda, l-Alġerija u l-UE jieħdu l-impenn, matul il-perjodu ta' programmazzjoni fil-kooperazzjoni bilaterali li jmiss, li jiffaċilitaw l-attivitajiet ekonomiċi privati, li jaħdmu flimkien biex itejjbu l-klima tan-negozju u l-politika tal-intrapriżi fl-Alġerija sabiex iħeġġu l-iżvilupp ta’ intrapriżi u l-industriji żgħar u ta' daqs medju (SMEs u SMIs), biex jagħmlu sforzi biex jiżviluppaw sħubija pubblika-privata, inkluż estera, industrijali u teknoloġika, biex jgħinu jimplimentaw strateġija tal-impjieg Alġerina integrata u biex isaħħu l-programm ta’ djalogu soċjali bipartit u tripartit tal-Alġerija. Il-partijiet jaqblu dwar l-importanza tal-appoġġ għall-programm Alġerin għat-tisħiħ tas-sistema bankarja u s-superviżjoni tagħha kif ukoll il-promozzjoni tal-iżvilupp tas-swieq kapitali sabiex tingħata għajnuna lin-negozji kollha, b’mod partikolari l-SMEs u l-SMIs kif ukoll start-ups, biex jiksbu finanzjament.

    Konxi li ż-żgħażagħ huma l-vitalità tal-impriżi rispettivi tagħhom u importanti biex jindirizzaw l-isfidi ekonomiċi, soċjali u kulturali tagħhom, l-UE u l-Alġerija jieħdu l-impenn li jżidu l-isforzi tagħhom biex jappoġġaw iż-żgħażagħ u jidderieġu l-enerġiji tagħhom. Il-partijiet jaqblu li jużaw, b’mod partikolari, il-programmi u l-istrateġiji tal-UE dwar l-impjieg, l-edukazzjoni formali u tul il-ħajja u taħriġ vokazzjonali biex jikkooperaw, fid-dawl tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs), dwar l-appoġġ tal-iżvilupp ekonomiku u r-R&D (Riċerka u Żvilupp) fl-Alġerija, flimkien ma’ edukazzjoni (mill-preprimarja sa u inkluż l-edukazzjoni għolja, inkluż taħriġ vokazzjonali).

    L-Alġerija u l-Unjoni Ewropea jieħdu l-impenn li jgħinu jiżviluppaw politika kulturali Alġerina li tgħin fl-ixprunar tal-iżvilupp ekonomiku u industrijali u tħeġġeġ skambji ma’ operaturi kulturali Ewropej (pereżempju, permezz tal-programm Ewropa Kreattiva).

    L-UE u l-Alġerija se jsaħħu d-djalogu tagħhom dwar kummerċ skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bil-għan li jappoġġaw relazzjoni bilanċjata ta’ kummerċ b’valur miżjud għoli u għat-tnaqqis u l-eliminazzjoni progressiva ta’ restrizzjonijiet fuq kummerċ ta’ oġġetti u servizzi.

    F’rabta ma’ dan, il-partijiet se jonqsu milli jintroduċu kwalunkwe miżuri, għajr dawk kumpatibbli mad-dispożizzjonijiet u l-proċeduri tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, li jistgħu jkunu ta’ ostakolu għall-kummerċ. Il-partijiet se jikkonsolidaw id-djalogu tagħhom dwar strument għad-difiża tal-kummerċ u l-għodod ta’ kooperazzjoni għall-kummerċ (fi ħdan il-qafas tal-kooperazzjoni industrijali Ewro-Mediterranja).

    L-UE u l-Alġerija jaqblu wkoll li jużaw il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni biex jistabilixxu djalogu dwar x’inhu l-aħjar mod kif jiġi attirat l-investiment barrani (u b’mod partikolari Ewropew). L-UE ttenni l-impenn tagħha li tappoġġa l-adeżjoni tal-Alġerija mal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, b’mod partikolari permezz tal-konklużjoni ta’ ftehim bilaterali f’dan il-qafas.

    Sabiex jappoġġjaw ir-riformi li qed jiġu implimentati progressivament mill-Alġerija (b’mod partikolari b’konnessjoni mas-sistema bankarja u amministrattiva tagħha u mal-armonizzazzjoni tar-regolamenti ma’ dawk tal-UE), il-partijiet jiddikjaraw li huma lesti, meta jasal iż-żmien, li jikkunsidraw jestendu r-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom permezz ta’ negozjati addizzjonali dwar servizzi jew bil-għan li jiġi konkluż ftehim dwar protezzjoni tal-investiment. Il-partijiet jaqblu li dan il-proċess jista’ jkun akkumpanjat minn konferenzi u laqgħat oħra appoġġati mill-UE sabiex jiġu mobilizzati investituri potenzjali fl-Alġerija.

    L-UE tieħu l-impenn li tidħol f’djalogu dwar l-implimentazzjoni tal-mudell Alġerin ġdid ta’ tkabbir ekonomiku bbażat fuq inizjattiva privata, intrapriża u intraprenditorija, sħubiji pubbliċi-privati, inkluż ma’ pajjiżi esteri, u l-ekonomija tal-għarfien. Huwa mudell imfassal biex joħloq ekonomija li hija kompetittiva, diversifikata, endoġena, inklużiva u attraenti għal investituri esteri.

    Sabiex jgħinu fil-ħolqien ta’ ekonomija Alġerina diversifikata, l-UE u l-Alġerija identifikaw ukoll setturi oħra possibbli għall-kooperazzjoni permezz ta’ appoġġ u l-iskambju ta’ prattiċi tajba, informazzjoni u esperjenza: żvilupp rurali u agrikolu, sajd, l-ekonomija marittima, turiżmu (sostenibbli), akkwist pubbliku, statistika, armonizzazzjoni progressiva tar-regolamenti tekniċi Alġerini ma’ dawk tal-UE dwar l-akkreditazzjoni u l-appellazzjoni tar-regoli ta’ oriġini preferenzjali pan-Ewro-Mediterranji.

    L-UE u l-Alġerija jixtiequ jħaffu l-pass fil-kooperazzjoni tagħhom dwar l-armonizzazzjoni tal-istandards Alġerini ma’ dawk tal-UE fis-setturi ta’ prijorità identifikati mill-partijiet kif ukoll dwar l-aġġornament tal-infrastruttura ta’ assigurazzjoni tal-kwalità bil-għan li jiġi nnegozjat ftehim dwar il-valutazzjoni tal-konformità u l-aċċettazzjoni ta’ prodotti industrijali (ACAA). Din il-ħidma tkun imfassla biex tintegra aħjar l-ekonomija Alġerina mal-katina ta' valur reġjonali u mondjali.

    Fl-aħħarnett, il-partijiet jaqblu li jesploraw modi ta’ kooperazzjoni sabiex jgħinu biex jiżviluppaw it-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICT) fl-Alġerija biex jingħata appoġġ għal miżuri li jippromwovu l-kompetittività, il-klima tan-negozju u l-investiment, amministrazzjoni iktar effiċjenti u governanza mtejba tal-intrapriżi tas-settur pubbliku u s-sħubiji pubbliċi-privati għall-iżvilupp tal-SMEs u l-SMIs kif ukoll attivitajiet ta’ innovazzjoni.

    Iż-żewġ partijiet jaqblu li jwaqqfu l-mekkaniżmi neċessarji għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet tas-servizzi doganali tal-Alġerija, b’mod partikolari fir-rigward tal-iskema Operatur Ekonomiku Awtorizzat, il-falsifikazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni, fost oħrajn dwar il-valur doganali. 

    B’żieda ma’ dan, il-partijiet jikkonsidraw li l-kooperazzjoni fil-qasam tal-istatistika tibqa’ importanti, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-armonizzazzjoni progressiva tas-sistemi kontabilistiċi nazzjonali.

    III. Sħubija fl-enerġija, l-ambjent u l-iżvilupp sostenibbli

    L-UE u l-Alġerija jieħdu l-impenn li jiżviluppaw sħubija strateġika ta' benefiċċju reċiproku fil-qasam tas-sigurtà tal-enerġija. Dwar kwistjonijiet relatati mal-enerġija, l-Alġerija u l-Unjoni Ewropea huma marbuta minn interessi strateġiċi reċiproċi. L-Alġerija ilha minn żmien twil waħda mill-provvedituri tal-gass l-iktar importanti u l-iktar affidabbli tal-UE. L-UE, min-naħa tagħha, tibqà klijent ewlieni tal-Alġerija.

    Fl-għarfien li l-enerġija tibqa’ waħda mill-ixprunaturi tal-iżvilupp ekonomiku sostenibbli, l-UE u l-Alġerija jaffermaw mill-ġdid l-interessi strateġiċi kondiviżi tagħhom u jieħdu l-impenn li jikkonsolidaw is-sħubija tagħhom f’dan il-qasam fi ħdan il-qafas tad-Djalogu ta’ Livell Għoli stabbilit bejn il-partijiet dwar kummerċ fl-enerġija, il-promozzjoni tal-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika. Fid-dawl ta’ dan, il-partijiet jieħdu l-impenn li jikkooperaw dwar l-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-provvista fuq terminu medju u twil u previżjonijiet ta’ domanda għall-enerġija, inkluż forom ta’ enerġija rinnovabbli. L-UE tibqa’ wkoll lesta biex żżid l-appoġġ tagħha għall-implimentazzjoni tal-Programm 2030 tal-Alġerija għall-Enerġija Rinnovabbli u Effiċjenza Enerġetika bil-għan li tagħmel użu sħiħ mill-potenzjal konsiderevoli tal-Alġerija f’dan il-qasam.

    L-Alġerija u l-UE jaqblu li jesploraw il-miżuri possibbli għal żieda fl-investiment, it-tisħiħ u l-iżvilupp ta’ konnessjonijiet tal-elettriku fl-Ewropa u fil-Mediterran u l-promozzjoni ta’ taħriġ u t-trasferiment tat-teknoloġija, innovazzjoni, għarfien u kompetenzi mill-UE għall-Alġerija.

    Konxji dwar l-obbligi għall-ġenerazzjonijiet futuri, l-UE u l-Alġerija jieħdu l-impenn li jgħaqqdu din is-sħubija dwar l-enerġija ma’ kooperazzjoni msaħħa dwar il-mitigazzjoni tat-tibdil fi u l-adattament għall-klima, bil-għan li l-Ftehim ta' Pariġi u l-kontribuzzjonijiet determinati fuq bażi nazzjonali jiġu implimentati bis-sħiħ. Il-partijiet jieħdu l-impenn li jgħinu fl-integrazzjoni ta’ azzjoni dwar it-tibdil fil-klima f’politiki nazzjonali kif ukoll fil-monitoraġġ, rapportar u verifikazzjoni tal-emissjonijiet.

    Fil-qasam tal-ambjent, il-partijiet jieħdu l-impenn li jippromwovu ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tagħhom (b’mod partikolari ir-riżorsi tal-ilma), il-governanza tajba, l-integrazzjoni tal-prattiki ambjentali tajba fl-attivitajiet kollha tagħhom, is-sistema tal-valutazzjoni tal-impatt u aċċess imtejjeb għall-informazzjoni. Jieħdu wkoll l-impenn li jsaħħu l-kooperazzjoni tagħhom fl-implimentazzjoni tal-impenji internazzjonali tagħhom, b’mod partikolari l-Konvenzjoni ta’ Barċellona għall-protezzjoni tal-ambjent marittimu u r-reġjun tax-xatt tal-Mediterran, kif ukoll kooperazzjoni reġjonali dwar it-tindif mit-tniġġis tal-Mediterran.

    IV. Djalogu dwar strateġija u sigurtà

    L-UE u l-Alġerija jaqblu li jippromwovu djalogu ta’ strateġija u sigurtà fil-konfront tal-isfidi ta’ sigurtà komuni u ta’ żvilupp.

    Għal bosta snin, l-Alġerija ilha tagħti kontribut ewlieni biex trawwem il-paċi, l-istabilità u s-sigurtà fir-reġjun, b’mod partikolari fis-Saħel, billi tipproteġi l-fruntieri tagħha u tieħu sehem attiv fid-diplomazija bħala pajjiż ġirien: appoġġat il-Gvern ta' Kunsens Nazzjonali tal-Libja u medjazzjoni internazzjonali fil-Mali, li wassal għal ftehim ta’ paċi u rikonċiljazzjoni nazzjonali li issa irid jiġi implimentat.

    Fid-dawl tar-rwol reġjonali li għandhom, l-Alġerija u l-UE jaqblu li jsaħħu d-djalogu sabiex jiżviluppaw is-sħubija għall-paċi u s-sigurtà, inkluż fi ħdan fora internazzjonali u reġjonali bħan-Nazzjonijiet Uniti u l-Unjoni Afrikana jew fi ħdan il-qafas ta’ djalogi eżistenti bejn l-UE u fora bħal-Lega tal-Istati Għarab, Ewropa-Afrika, id-Djalogu 5+5, l-Unjoni għall-Mediterran, il-Fondazzjoni Anna Lindh u l-Forum Globali Kontra t-Terroriżmu. Jieħdu wkoll l-impenn li jisfruttaw opportunitajiet għal kooperazzjoni triangolari li tippermettilhom li jfasslu azzjonijiet konġunti biex jiżviluppaw u jsaħħu l-abilità li jirreżistu u jiġġieldu t-theddid ta’ terroriżmu u jindirizzaw il-konessjonijiet tiegħu mal-kriminalità organizzata, b’mod partikolari t-traffikar ta’ droga.

    L-UE u l-Alġerija jaqblu li jikkonsultaw mill-qrib dwar kwistjonijiet reġjonali u internazzjonali ta’ interess komuni bil-għan li jikkontribwixxu għar-riżoluzzjoni politika ta’ kriżijiet u għall-paċi u s-sigurtà fir-reġjun.

    Fl-isforzi konġunti u sostnuti tagħhom biex jipprevjenu u jiġġieldu t-terroriżmu, ir-radikalizzazzjoni fil-forom kollha tagħha, il-kriminalità organizzata, it-traffikar ta’ droga u traffikar ta' bnedmin, il-partijiet jieħdu l-impenn li jiżviluppaw id-djalogu tagħhom u jżidu l-kooperazzjoni tagħhom fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, b’mod partikolari fi ħdan il-Forum Globali Kontra t-Terroriżmu, u l-kriminalità organizzata transfruntiera. Din il-kooperazzjoni se tkopri wkoll il-ġestjoni ta’ riskji kimiku, bijoloġiku, radjoloġiku u nukleari (CBRN), il-monitoraġġ ta’ trasferiment leċitu ta’ armi u l-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu ta' armi, inkluż armi ħfief.

    Il-partijiet jaqblu li jippromwovu l-iskambju ta’ esperjenza u għarfien, b’mod partikolari fil-qasam taċ-ċiberkriminalità, biex isaħħu l-kapaċitajiet tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni Afrikana għall-Kooperazzjoni tal-Pulizija (AFRIPOL), biex jikkollegaw dan tal-aħħar mal-Europol u l-aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ tal-Infurzar tal-Liġi (CEPOL) u biex jappoġġaw iċ-Ċentru Afrikan għar-Riċerka u l-Istudju dwar it-Terroriżmu (ACSRT).

    L-UE u l-Alġerija jaqblu li jimplimentaw bis-sħiħ l-arranġament amministrattiv li reċentement iffirmaw biex jipprevjenu, jħejju għal u jirrispondu għad-diżastri, kemm naturali u ta’ oriġini umana, u li jirrispondu għal riskji teknoloġiċi u ekoloġiċi, b’mod partikolari billi jżommu u jsaħħu l-kapaċitajiet tagħhom ta’ allarm bikri, sorveljanza, prevenzjoni, tħejjija u ġestjoni permezz ta’ kooperazzjoni bejn il-korpi inkarigati mill-protezzjoni ċivili.

    Il-partijiet jaqblu li jibdew jikkooperaw fuq it-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-forza tas-servizzi doganali u tal-fruntiera Alġerini.

    V. Dimensjoni umana, migrazzjoni u mobilità

    L-UE u l-Alġerija jieħdu l-impenn li jagħtu l-importanza meħtieġa għat-tisħiħ tad-dimensjoni umana fir-relazzjonijiet bilaterali tagħhom u jaqblu li l-migrazzjoni u l-mobilità huma fiċ-ċentru ta’ din id-dimensjoni. Jaqblu li jikkooperaw fil-promozzjoni ta’ djalogu kulturali u interreliġjuż fir-rispett ta’ dak li huwa distint u differenti għal kull parti u għall-ġlieda kontra l-emerġenza tal-estremiżmu.

    Konxji kif inhuma li l-flussi migratorji bejn l-UE u l-Alġerija jirrappreżentaw mhux biss opportunità sostanzjali għall-iżvilupp uman, kulturali, ekonomiku, soċjali u xjentifiku iżda wkoll sfida jekk dawn ma jiġux ikkontrollati kif xieraq, b’mod partikolari fil-kuntest reġjonali attwali, l-UE u l-Alġerija jaqblu, abbażi tal-approċċ globali, bilanċat u miftiehem fis-samit ta’ Valletta dwar il-migrazzjoni, li jkollhom djalogi regolari fil-livelli l-aktar xierqa li jkopru t-temi kollha relatati mal-mobilità, il-migrazzjoni u d-dritt għall-ażil.

    F’dan il-kuntest, l-UE u l-Alġerija jieħdu l-impenn li jeżaminaw liema miżuri jistgħu jieħdu biex progressivament itejjbu l-kundizzjonijiet ta’ moviment taċ-ċittadini tagħhom u li jirriammettu, b’kont dovut għad-drittijiet tal-bniedem, dawk li l-istatus residenzjali tagħhom huwa illegali skont il-proċeduri fis-seħħ. 

    L-UE u l-Alġerija jipproponu wkoll li jibdew jikkooperaw fuq il-ġestjoni tal-migrazzjoni u, f’konformità mal-istandards nazzjonali fis-seħħ, id-drittijiet tal-ħaddiema migranti, u dwar l-iżvilupp ta’ miżuri, b’mod speċjali għal persuni vulnerabbli, biex jipprevjenu l-migrazzjoni irregolari billi jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin ta’ dan il-fenomenu fir-reġjuni b'pressjoni migratorja għolja.

    L-UE se tappoġġa l-isforzi tal-Alġerija biex tiġġestixxi l-flussi migratorji. Iż-żewġ partijiet jieħdu wkoll l-impenn li jaħdmu flimkien bil-għan li jimmaniġġaw il-migrazzjoni regolari u l-mobilità tal-individwi billi jsaħħu d-djalogu tagħhom u l-kooperazzjoni fuq materji konsulari, dwar il-faċilitazzjoni tal-proċeduri tal-ħruġ tal-viżi, dwar kontroll fil-fruntieri, il-ġlieda kontra l-frodi tad-dokumenti u l-kutrabandu tal-migranti kif ukoll isegwu politika ta’ ritorn u integrazzjoni sostenibbli tal-migranti irregolari, bil-għan li titjieb is-sistema ta’ protezzjoni internazzjonali u l-ażil.

    Iż-żewġ partijiet jaqblu li jwettqu skambji ta’ opinjonijiet f’livell xieraq dwar ir-riammissjoni u dwar l-iffaċilitar tal-kwistjoni tal-viżi b’kont dovut għall-eżistenza ta’ ftehimiet bilaterali f’dawn il-materji ma’ ċerti Stati Membri tal-UE.

    L-UE se tkompli tipproteġi d-drittijiet taċ-ċittadini Alġerini stabbiliti fl-UE bi sħiħ u se teżamina miżuri biex ir-rwol u l-kontribuzzjoni tagħhom tissaħħaħ b’mod ulterjuri għall-iżvilupp tal-Alġerija.     

    Iż-żewġ partijiet jaqblu li jsaħħu iktar il-kooperazzjoni tagħhom - fil-qafas tad-Djalogu bejn l-UE u l-Afrika, inkluż fuq bażi triangolari – dwar il-firxa sħiħa ta’ kwistjonijiet marbuta mal-migrazzjoni u l-mobilità li l-UE u l-Alġerija jieħdu l-impenn li jmexxu oltre.                 

    Fil-kuntest tas-samit ta’ Valletta dwar il-migrazzjoni, il-ħolqien ta’ Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza għall-Afrika, li jinkludi b’mod speċifiku dimensjoni tal-Afrika ta’ Fuq, u ta’ inizjattivi oħra bħall-Pjan ta' Investiment Estern għall-Ewropa se jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-proġetti ta’ migrazzjoni u mobilità maqbula miż-żewġ partijiet.

    **

    * * *

    **

    Top