EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017JC0004

KOMUNIKAZZJONI KONĠUNTA LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL EWROPEW U LILL-KUNSILL Il-migrazzjoni fuq ir-rotta tal-Mediterran Ċentrali Niġġestixxu l-flussi, insalvaw il-ħajjiet

JOIN/2017/04 final

Brussell, 25.1.2017

JOIN(2017) 4 final

KOMUNIKAZZJONI KONĠUNTA LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL EWROPEW U LILL-KUNSILL

Il-migrazzjoni fuq ir-rotta tal-Mediterran Ċentrali
Niġġestixxu l-flussi, insalvaw il-ħajjiet


INTRODUZZJONI

Fl-2016 kien hemm għadd kbir, li qatt ma kien hemm bħalu, ta' refuġjati u migranti li ppruvaw jilħqu x-xtut Ewropej billi jaqsmu l-Mediterran Ċentrali. Inqabdu aktar minn 181,000 persuna fuq din ir-rotta fl-2016, li l-biċċa l-kbira minnhom waslu l-Italja. L-2016 kienet ukoll sena rekord għall-għadd ta’ ħajjiet mitlufa fuq il-baħar: aktar minn 4,500 persuna għerqu waqt li kienu qegħdin jippruvaw jaqsmu 1 . Ir-rotta tal-Mediterran Ċentrali issa għal darba oħra hija r-rotta dominanti għall-migranti u r-rifuġjati biex jaslu l-Ewropa bħalma kienet qabel ma kien hemm iż-żieda qawwija fl-għadd ta’ wasliet fil-Mediterran tal-Lvant lejn l-aħħar tal-2015 u l-bidu tal-2016. Is-sofferenza umana u l-kost ta’ dan kollu huma intollerabbli.

Hemm bosta raġunijiet li jispjegaw iż-żieda fl-influss ta’ migranti fir-rotta tal-Mediterran Ċentrali, l-instabbiltà fil-Libja iżda wkoll fatturi usa’ bħal kunflitti vjolenti u s-sitwazzjoni ekonomika fl-Afrika ‘l isfel mis-Saħara. Mhux probabbli li dawn il-fatturi jgħibu dalwaqt, u dan iwassal għal flussi kostanti li jżidu mal-pressjoni li qegħdin iġarrbu l-aktar Stati Membri tal-UE milquta, l-Italja u Malta.

Il-Libja tinsab f’salib it-toroq fuq ir-rotta tal-Mediterran Ċentrali u tirrappreżenta l-punt tat-tluq għal 90 % 2 ta’ dawk li jixtiequ jivvjaġġaw lejn l-Ewropa 3 It-traffikanti jisfruttaw is-sitwazzjoni politika instabbli u l-kontroll frammentat fuq it-territorju u l-konfini. Huma jikkontribwixxu għall-instabbiltà fil-pajjiż permezz tal-azzjonijiet tagħhom u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, u b’hekk tiżdied il-vulnerabbiltà tal-migranti. Il-progress lejn qagħda politika stabbli huwa essenzjali biex jiġi żgurat futur sostenibbli għal-Libja u l-istabbiltà tar-reġjun kollu kemm hu. Is-sejba ta’ soluzzjoni dejjiema għall-isfidi tal-governanza u s-sigurtà fil-Libja għadha prijorità għal-Libja innifisha, għall-UE, l-Istati Membri tagħha u s-sħab internazzjonali, u l-qofol ta' reazzjoni effettiva u sostenibbli fit-tul għall-isfida tal-migrazzjoni. Għal dan l-għan, l-UE ser tkompli tappoġġa lill-Gvern ta' Kunsens Nazzjonali (GKN) u lill-Presidenza tal-Kunsill bħala l-awtoritajiet leġittimi Libjani 4 u bħala msieħba kruċjali f’dan l-isforz.

L-UE u l-Istati Membri tagħha ftit ftit fasslu reazzjoni ta' politika aktar qawwija u aktar artikulata sabiex jiġġestixxu l-flussi u biex isalvaw il-ħajjiet fil-Mediterran Ċentrali. Il-Kunsill Ewropew f'Diċembru 2013 kkonkluda li "l-involviment miżjud ma' pajjiżi terzi sabiex ikun evitat li l-migranti jimbarkaw fuq vjaġġi perikolużi lejn l-Unjoni Ewropea għandu jingħata prijorità." Fl-2015, il-Kummissjoni ppreżentat Aġenda Ewropea wiesgħa dwar il-migrazzjoni 5 . Wara t-telf ta’ mijiet ta’ ħajjiet f’nawfraġju qrib Lampedusa, f’April 2015, il-Kunsill Ewropew ikkonkluda li l-UE ser "timmobilizza l-isforzi kollha għad-dispożizzjoni tagħha biex tipprevjeni t-telf ta' aktar ħajjiet fil-baħar u biex tindirizza l-għeruq tal-emerġenza umana", u "iddeċidejna li nsaħħu l-preżenza tagħna fil-baħar". Bħala riżultat, ġiet stabbilita preżenza permanenti tal-UE fuq il-baħar u ġew savati għexieren ta’ eluf ta’ persuni. Sa minn Ottubru 2015 l-UE nediet fażi intensiva ta’ koperazzjoni ma’ sħab fl-Afrika permezz tas-segwitu tas-Summit tal-Belt Valletta tal-2015 dwar il-migrazzjoni 6 . Sa minn Ġunju 2016, il-Qafas ta’ Sħubija nieda kooperazzjoni mmirata mal-pajjiżi minn fejn l-aktar joriġinaw migranti u minn fejn l-aktar jgħaddu 7 . F’Diċembru 2016, il-Kunsill Ewropew iddikjara li "jissottolinja l-ħtieġa li jissaħħaħ l-appoġġ għall-gwardja tal-kosta Libjana, inkluż permezz ta' EUNAVFOR MED operazzjoni Sophia" u li "jittieħdu inizjattivi biex jiġu offruti opportunitajiet ta' ritorn volontarju assistit lill-migranti maqbudin fil-Libja u jitnaqqsu l-vjaġġi perikolużi."

Huwa ċar li mir-rebbiegħa tal-2017, jekk ma tittieħed l-ebda azzjoni ulterjuri, il-flussi ta’ migrazzjoni irregolari mhux ikkontrollati tul ir-rotta fil-Mediterran Ċentrali se jkomplu. Kif iddikjara l-Prim Ministru ta’ Malta, Joseph Muscat, fid-diskors tiegħu lill-Parlament Ewropew: "Fir-rebbiegħa li ġejja l-Ewropa ser terġa’ taffronta fluss qawwi ħafna ta’ migranti miċ-ċentru tal-Mediterran. [...] ma nara l-ebda mod kif Stat Membru wieħed jista’ qatt ikampa jew jassorbi waħdu mewġa oħra bħal din. Għaldaqstant, is-sugu tal-prinċipji ewlenin tal-Unjoni Ewropea ser jgħaddu minn provi ħorox diment li ma niħdux azzjoni issa" 8 .

Għalhekk, l-UE u l-Istati Membri tagħha hemm bżonn li jidentifikaw u jipproċedu b'azzjonijiet operattivi li jistgħu jagħmlu differenza qabel ir-rebbiegħa u s-sajf li jmiss. L-azzjoni kkoordinata mill-UE trid issir f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u fejn l-Istati Membri jkunu impenjati fl-isforzi tagħhom stess – b’mod partikolari fil-każ tal-Italja u ta’ Malta – l-isforzi tal-UE se jkunu mfassla biex jgħinu u jappoġġaw dawn l-isforzi, billi jiġu mobilizzati l-għodod kollha disponibbli fil-livell tal-UE b’approċċ koerenti u kkoordinat. Il-Gvern ta’ Kunsens Nazzjonali huwa msieħeb kruċjali f'dan l-isforz u l-azzjonijiet kollha għandhom jitwettqu f’koordinazzjoni sħiħa ma', u bl-appoġġ ta', il-GKN. L-UE ser issaħħaħ l-isforzi tagħha biex ittejjeb il-kapaċità tal-GKN.

Din il-Komunikazzjoni Konġunta tidentifika gruppi ta' azzjonijiet kruċjali li jistgħu jkollhom impatt dirett u tiffoka fuq dawk li jistgħu jiġu implimentati f’perjodu ta’ żmien relattivament qasir, u li jimmiraw lejn id-diversi stadji tul ir-rotta fiċ-ċentru tal-Mediterran. Dawn huma parti minn strateġija komprensiva, li titfa' attenzjoni qawwija fuq ir-rotta mil-Libja iżda tqis ukoll il-kuntest reġjonali usa’ (b’mod partikolari t-Tuneżija, l-Eġittu u l-Alġerija) bil-għan li jiġi evitat spostament tar-rotta u li jkunu evitati kwalunkwe riperkussjonijiet negattivi fuq il-ġirien. Hija tqis ukoll l-importanza tal-involviment tal-muniċipalitajiet Libjani u taħdem mill-qrib ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali, bħalma huma l-IOM u l-UNHCR, attivi fil-pajjiż.

Element importanti ieħor huwa x-xogħol fi ħdan l-UE fil-ġestjoni tal-migrazzjoni, notevolment permezz ta’ proċeduri effiċjenti u r-reġistrazzjoni kompluta mal-wasla fl-UE u permezz tar-ritorn effettiv ta’ dawk li ma jkollhomx bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali. B'mod partikolari, politika tar-ritorn kredibbli tagħmilha ċara li l-periklu tal-vjaġġ fuq ir-rotta tal-Mediterran ma jiswiex ir-riskji involuti. Fid-dawl tal-ħtiġijiet il-ġodda, il-Kummissjoni se taġġorna l-Pjan ta’ Azzjoni dwar ir-Ritorn tal-UE 9   fil-ġimgħat li ġejjin biex tara li jkun hemm reazzjoni effettiva malajr. B’mod partikolari, il-Kummissjoni se tidentifika, fuq il-bażi tar-regoli attwali tal-UE, kif jista' jkun hemm infurzar aħjar ta' deċiżjonijiet ta' ritorn, bl-użu tal-flessibbiltà li hemm f'dawn ir-regoli, u tipprovdi gwida ċara f'dan ir-rigward.

1.    L-ISFIDA TAL-MIGRAZZJONI TUL IR-ROTTA TAL-MEDITERRAN ĊENTRALI

Fl-2016 inqabdu aktar minn 181,000 migrant irregolari fuq ir-rotta tal-Mediterran Ċentrali, li l-biċċa l-kbira minnhom waslu l-Italja. L-Italja rrappurtat żieda ta' 18 % fil-wasliet meta mqabbel mal-2015, numru li saħansitra jaqbeż il-quċċata preċedenti tal-2014. Imqabbel ma' dan, f'Malta waslu ftit migranti. Il-Libja kien il-pajjiż ewlieni minn fejn telqu kważi 90 % tal-migranti, u warajha kien hemm l-Eġittu (7 %), it-Turkija (1.9 %), l-Alġerija (0.6 %) u t-Tuneżija (0.5 %) 10 . 

 

Dawn iċ-ċifri juru li, fl-2016, il-Mediterran Ċentrali kien ir-rotta ewlenija li minnha waslu l-migranti irregolari lejn l-Ewropa. Filwaqt li fil-Mediterran tal-Lvant in-numri laħqu livell massimu ta' 885,000 detezzjoni ta' qsim illegali tal-fruntieri fl-2015, it-tnaqqis wara d-Dikjarazzjoni ta' bejn l-UE u t-Turkija tat-18 ta’ Marzu 2016 11 kien drammatiku (ara l-grafika 1). Iż-żieda kontinwa fir-rotta tal-Mediterran Ċentrali għalhekk hija wisq aktar evidenti (grafika 2).

Grafika 1. Wasliet fil-Lvant tal-Mediterran, 2015-2016 (Sors: Frontex – id-dejta sa Novembru 2016)

Grafika 2. Wasliet fil-Mediterran Ċentrali 2015-2016 (Sors: Il-Ministeru tal-Intern tal-Italja - Total 2015: 153,842 Total 2016: 181,436)

Il-kompożizzjoni ta’ nazzjonalitajiet turi fluss konsistenti ta' migranti mill-Afrika sub-Saħarjana. L-għaxar (10) nazzjonalitajiet ta' oriġini li minnhom l-aktar waslu l-Italja fl-2016 kienu dik Niġerjana (21 %), Eritreana (11 %), Guineana (7 %), Avorjana (7 %), Gambjana (7 %), Senegaliża (6 %), Maljana (6 %), Sudaniża (5 %), Bangladesha (4 %), u Somala (4 %). Nazzjonalitajiet oħra kienu jammontaw għal 22 %.

Ftit iktar minn nofs dawk li waslu l-Italja talbu ażil. Għalkemm il-migrazzjoni kienet teżisti minn dejjem, dan jidher li huwa moviment strutturali mill-Afrika sub-Saħarjana u ma hemm l-ebda indikazzjoni li dawn ix-xejriet jistgħu jinbidlu qabel ma titjieb is-sitwazzjoni ekonomika u dik politika/ekonomika fil-pajjiżi tal-oriġini.

Tendenza inkwetanti hija li l-għadd ta’ migranti vulnerabbli, speċjalment nisa u tfal, qiegħed jiżdied. Fost il-181,000 migrant li waslu l-Italja, madwar 24,000 kienu nisa (13 %, li kważi nofshom min-Niġerja), u madwar 28,000 kienu minorenni (15 %), li l-biċċa l-kbira minnhom (91 %) ma kinux akkumpanjati. Dan jirrappreżenta sehem akbar minn tal-2015 (10 %), bi proporzjon dejjem jikber ta’ minorenni mhux akkumpanjati (75 % fl-2015). Il-ħames nazzjonalitajiet li minnhom l-aktar ġew minorenni mhux akkumpanjati kienu dawn: Eritreana (15 %), Gambjana (13 %) Niġerjana, (12 %), Eġizzjana (10 %), u Guineana (10 %).

2.    IT-TNAQQIS FIN-NUMRU TA’ VJAĠĠI, INSALVAW IL-ĦAJJIET FUQ IL-BAĦAR

Nirrreaġixxu għat-traġedji fuq il-baħar

Sa mill-bidu ta’ dan id-deċennju, aktar minn 13,000 migrant irregolari tilfu ħajjithom huma u jippruvaw jaqsmu l-Mediterran Ċentrali fi triqthom lejn l-Ewropa. L-Italja u Malta għamlu sforzi mill-akbar biex jitnaqqas ir-riskju ta’ telf ta’ ħajjiet u rreaġixxew b’attivitajiet ta’ tiftix u salvataġġ wara li jirċievu sejħiet dwar periklu fuq il-baħar. Fl-2013 il-gvern Taljan nieda l-ewwel sforz maġġuri kkoordinat biex jiġu salvati l-ħajjiet fuq il-baħar permezz tal-operazzjoni navali u tal-ajru, Mare Nostrum.

Sa minn tmiem l-2014, il-kooperazzjoni tal-UE, dejjem fir-rispett sħiħ tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt internazzjonali, kienet ta' kontribut mill-akbar. L-Operazzjonijiet Triton u Sophia wasslu għal aktar minn 200,000 migrant li ġew salvati fuq il-baħar.

L-inizjattivi kruċjali tal-UE fl-ilmijiet tal-Mediterran Ċentrali

Il-Forza Navali tal-Unjoni Ewropea – Mediterran (EUNAVFOR MED Operazzjoni Sophia) ġiet stabbilita fi żmien rekord f’Ġunju 2015 biex tidentifika, taqbad u teqred il-bastimenti u r-riżorsi li jsostnuhom, użati jew suspettati, li jkunu qegħdin jintużaw mit-traffikanti tal-migranti, bil-għan li jiġi sfrattat il-mudell tan-negozju tagħhom fin-naħa ta' isfel tal-Mediterran Ċentrali u biex jitwaqqaf aktar telf ta' ħajja fuq il-baħar. Minn Ottubru 2015 ‘l hawn, l-operazzjoni għaddiet għat-tieni fażi tagħha, li tinvolvi l-imbark, it-tfittxija, il-qbid u d-devjazzjoni, fl-ibħra internazzjonali, ta’ bastimenti suspettati li jkunu qegħdin jintużaw għat-traffikar tal-bnedmin. Il-mandat attwali jibqa’ għaddej sa Lulju 2017. Matul l-operazzjoni, 25 Stat Membru 12 kkontribwew kważi 1,800 membru tal-persunal u assi. L-assi li qegħdin jintużaw bħalissa jinkludu sitt (6) bastimenti u sitt (6) assi tal-ajru. L-Operazzjoni Sophia sa issa nnewtralizzat madwar 372 bastiment tat-traffikanti, kienet ta' assistenza fl-arrest ta' madwar 101 allegat traffikant, u salvat madwar 32,000 persuna fl-ibħra internazzjonali. Il-mandat tagħha ssaħħaħ f’Ġunju 2016 permezz ta’ żewġ kompiti ta’ appoġġ: it-taħriġ lill-Gwardji tal-Kosta u lill-Qawwa Navali Libjana u kkontribwiet għall-implimentazzjoni tal-embargo tan-NU fuq l-armi fl-ibħra internazzjonali ’l barra mill-kosta tal-Libja. L-Operazzjoni Sophia bħalissa hija awtorizzata li topera fil-baħar internazzjonali qrib il-Libja u għalhekk ma toperax fl-ibħra territorjali Libjani.

L-Operazzjoni Triton kienet tnediet minn Frontex f’Novembru 2014, b’enfasi fuq il-protezzjoni tal-fruntieri, iżda wkoll fuq l-għoti ta’ appoġġ għal operazzjonijiet ta’ tfittxija u salvataġġ. F'Lulju 2015, iż-żona operattiva tagħha ġiet estiża lejn in-Nofsinhar, li ffaċilita wkoll il-provvista ta' appoġġ f'operazzjonijiet ta' tiftix u salvataġġ aktar lejn in-Nofsinhar. L-uffiċjali skjerati minn Frontex jappoġġjaw lill-awtoritajiet Taljani fir-reġistrazzjoni tal-migranti li jkunu għadhom kif waslu. L-attenzjoni operattiva ta' Triton ġiet estiża biex tinkludi l-kriminalità transfruntiera, bħalma hu l-t-traffikar tal-persuni, it-traffikar tad-droga, is-sajd illegali u t-tniġġis marittimu. Hija topera taħt il-kontroll tal-Ministeru Taljan tal-Intern. Total ta' 28 pajjiż Ewropew 13 jieħdu sehem fl-operazzjoni billi jibgħatu jew tagħmir tekniku jew gwardji tal-fruntiera.

B'mod parallel, sa mill-aħħar parti tal-2014, numru żgħir iżda dejjem jikber ta’ organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) daħlu wkoll attivi f'operazzjonijiet ta' tiftix u salvataġġ fil-Mediterran Ċentrali. Illum, hemm madwar disa' (9) NGOs li joperaw madwar 14-il bastiment għal dan il-għan. L-operazzjonijiet tagħhom huma ffukati fuq l-attività li sseħħ qrib il-Libja, bil-bastimenti l-kbar iwettqu tfittxija u salvataġġ fuq skala sħiħa, itellgħu migranti mill-baħar u jwassluhom f'portijiet Taljani. NGOs iżgħar jiffokaw b'mod esklussiv fuq is-salvataġġ, id-distribuzzjoni ta' ġkieket tas-salvataġġ u ta' kura medika ta' emerġenza qrib il-kosta Libjana u jistrieħu fuq il-bastimenti l-kbar li jkunu qegħdin joperaw biex imbagħad il-migranti jiġu ttrasportati lejn il-portijiet Taljani. Fl-2016, il-Gwardja tal-Kosta u l-Qawwa Navali Taljana, Triton u l-Operazzjoni Sophia, kif ukoll l-NGOs, kienu kollha responsabbli b’mod ġenerali għall-istess sehem ta' salvataġġ inizjali.

L-attivitajiet tar-ronda, inkluż is-sostenn għal attivitajiet ta' tiftix u ta' salvataġġ ftit ftit imxew mill-ibħra qrib it-territorju Taljan, għall-ibħra qrib il-Libja. Waħda mill-konsegwenzi diretti ta' dan kien tibdil fil-mod kif jaħdmu t-traffikanti. Aktar u aktar qegħdin iqiegħdu lill-migranti irregolari u lir-refuġjati fuq dingis li jintnefħu, irħas u assolutamentt mhux tajbin għall-baħar, u li ma jkollhom l-ebda ċans realistiku li jaslu sal-kosta Taljana, u jassumu li dawn jiġu salvati qrib jew fi ħdan l-ibħra territorjali Libjani. Il-fatt li dan it-tip ta' dingi issa jammonta għal 70 % tad-dgħajjes kollha li jitilqu mill-kosta Libjana huwa wieħed mill-elementi li jagħmlu l-vjaġġi dejjem aktar perikolużi, u li jżidu l-għadd ta’ mwiet fuq il-baħar. L-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, flimkien mal-Europol, għandhom iżommu għajnejhom fuq il-linji ta’ provvista għal dawn id-dingis li jintnefħu lejn il-Libja, u jikkooperaw mal-awtoritajiet Libjani biex jinterrompu l-provvista li jirċievu t-traffikanti.

L-UE iżżomm mal-prinċipju bażiku tagħha li jiġu salvati l-ħajjiet fuq il-baħar. L-Operazzjoni Sophia bħalissa hija awtorizzata li topera fl-ibħra internazzjonali qrib il-Libja iżda ma tistax topera fl-ibħra territorjali Libjani. Bil-kundizzjonijiet attwali, bi qbil sħiħ mal-awtoritajiet Libjani rikonoxxuti, il-kooperazzjoni operattiva mill-qrib permezz tal-għoti ta' taħriġ u ta' assi bi Gwardja tal-Kosta Libjana aktar qawwija, tista' timmassimizza l-għadd ta’ ħajjiet salvati, iżżid il-probabbiltà li t-traffikanti jiġu interċettati u li jitwaqqfu, u jittaffew xi konsegwenzi mhux intenzjonati.

It-tisħiħ tal-appoġġ lill-Gwardja tal-Kosta Libjana

Sabiex din is-sitwazzjoni attwali tiġi indirizzata b'mod effettiv, parti mir-risposta għandha tkun li l-awtoritajiet Libjani ma jħallux lit-traffikanti joperaw, u li l-Gwardja tal-Kosta Libjana jkollha l-kapaċità li tiġġestixxi aħjar il-fruntiera marittima u tara li jkun hemm żbark bla perikli fuq il-kosta Libjana. Naturalment, l-isforz tal-awtoritajiet Libjani għandu jiġi sostnut mill-UE u mill-Istati Membri, b’mod partikolari permezz tat-taħriġ, l-għoti ta' pariri, il-bini ta' kapaċitajiet u mezzi oħra ta' sostenn. Bil-ħidma flimkien fiż-żoni rispettivi tagħhom u fi ħdan il-mandati rispettivi tagħhom, Sophia u Triton jistgħu jiffokaw fuq l-attivitajiet kontra t-traffikar u jsostnu l-operazzjonijiet ta' tiftix u salvataġġ aktar 'l barra fil-baħar u jispeċjalizzaw fil-monitoraġġ, iwissu lill-awtoritajiet Libjani u jeħduha kontra t-traffikanti.

Fir-rikonoxximent tar-rwol ċentrali li jista' jkollha l-Gwardja tal-Kosta Libjana 14 fil-ġestjoni tas-sitwazzjoni, huwa ta' prijorità li l-kapaċitajiet tagħha jiġu estsiżi, kemm fejn jidħlu l-kapabilitajiet kif ukoll fejn tidħol il-ħtieġa ta' tagħmir. Għal dan l-għan, l-UE, fost affarijiet oħra billi taħdem permezz tal-Operazzjoni Sophia u tal-Missjoni tal-UE tal-Assistenza fil-Fruntiera (EUBAM), qiegħda tikkoordina mill-qrib mal-Istati Membri, u ma' atturi oħrajn, sabiex jiġi żgurat li jkun hemm koerenza fil-provvista ta' sostenn għall-bini tal-kapaċità. Il-possibbiltà li jingħata wkoll taħriġ lill-pulizija marittima Libjana – li tiddependi fuq il-Ministeru tal-Intern u li topera fuq il-baħar – għandha tiġi kkunsidrata wkoll fil-qafas tal-EUBAM, l-Operazzjoni Sophia jew xi inizjattivi oħra tal-UE.

Il-Gwardja tal-Kosta Libjana għandha quddiemha ħtiġijiet kumplessi ta' taħriġ, li jvarjaw minn tbaħħir bażiku u l-kapaċità li topera bla perikli fuq il-baħar, għat-twettaq tal-firxa sħiħa ta' kompiti ta' infurzar tal-liġi mistennija minn gwardja tal-kosta, inkluż il-kontroll effettiv taż-żona internazzjonali ta' tiftix u ta' salvataġġ tal-Libja. Qiegħda ssir enfasi partikolari mill-UE biex jiġi żgurat li l-bini tal-kapaċità jikkontribwixxi għall-garanzija tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem tal-migranti. L-Operazzjoni Sophia bdiet tħarreġ lill-Gwardja tal-Kosta Libjana permezz ta’ tliet pakketti ta’ taħriġ.

Dan it-taħriġ qiegħed jiġi kkumplimentat minn azzjonijiet imwettqa minn atturi fil-qafas ta' programmi oħrajn tal-UE ġestiti mill-Kummissjoni. Dawn jinkludu l-programm tan-Netwerk Mediterranju Seahorse, li għandu l-għan li jsaħħaħ is-sorveljanza tal-fruntiera Libjana u huwa implimentatat minn seba’ Stati Membri 15 , bil-Guardia Civil ta' Spanja tieħu r-rwol prinċipali. Dan issa għandu jiġi intensifikat b'mod li azzjoni kumplimentari tkun tfisser li l-firxa sħiħa tal-bżonnijiet identifikati jkunu jistgħu jintlaħqu.

Bħala pass immedjat, il-Kummissjoni se tilħaq qbil malajr mal-Guardia Civil biex jissaħħaħ il-finanzjament għat-taħriġ tal-Gwardja tal-Kosta Libjana, permezz ta' ammont addizzjonali ta’ EUR (1) miljun taħt il-programm Seahorse eżistenti 16 . Dan imbagħad ikun jista’ jkompli jiġi kkumplimentat bi programm ġdid ta’ sostenn lill-Gwardja tal-Kosta Libjana 17 , fi sforz biex jiġi żgurat li d-diversi tipi ta' taħriġ ipprovdut skont id-diversi programmi jkunu ta' kontribut biex jintlaħqu l-ħtiġijiet kollha tal-Gwardja tal-Kosta Libjana. B’mod parallel, ingħata wkoll taħriġ addizzjonali lill-Gwardja tal-Kosta Libjana mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta u se tkompli tiġi esplorata azzjoni simili fil-futur. Permezz ta' mekkaniżmi informali ta' koordinazzjoni se jiġi żgurat li jkun hemm kumplimentarità u koerenza effettivi fost l-inizjattivi ta' taħriġ ipprovduti mill-atturi differenti.

Din il-koordinazzjoni għandha tinkludi wkoll sostenn permezz ta' ftehim ta' għotja ta' EUR 2.2 miljun mal-Ministeru tal-Intern Taljan 18 , li tinkludi element (implimentat mill-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni) ta' sostenn għas-salvataġġ fuq il-baħar u għat-taħriġ tal-Gwardja tal-Kosta Libjana, u element ieħor (li għandu jiġi implimentat bil-kooperazzjoni mal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (UNHCR)) għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-awtoritajiet Libjani u għall-assistenza lir-refuġjati u għall-persuni li jfittxu ażil preżenti, jew li jkunu żbarkaw, fil-Libja.

Dawn il-programmi juru li filwaqt li l-baġit tal-UE ma jistax jiffinanzja l-Operazzjoni Sophia direttament, dan jista’ jiffinanzja t-taħriġ tal-Gwardja tal-Kosta Libjana. Fi ħdan dan il-kuntest, il-Kummissjoni tinsab lesta li tidentifika soluzzjonijiet xierqa sabiex jiġi żgurat iffinanzjar kredibbli għat-tul għal dawk il-programmi li jsostnu lill-Gwardja tal-Kosta Libjana, u b'hekk jiġu kkumplimentati l-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri.

Biswit il-kapaċità tal-Gwardja tal-Kosta Libjana, hemm nuqqas ġenerali ta' assi biex jintużaw fir-ronda. Xi wħud minn dawn issewwew barra l-pajjiż, u r-ritorn tagħhom, flimkien mat-taħriġ neċessarju tal-ekwipaġġ u l-istabbiliment ta' katina xierqa ta' kmand u ta' kontroll, se jqawwi l-kapaċità tal-Gwardja tal-Kosta Libjana li tieħu azzjoni. Ladarba jinġiebu lura dawn l-assi jeħtieġ li jinżammu f'kundizzjoni operattiva effettiva.

Il-bini tal-kapaċità tal-Gwardja tal-Kosta Libjana għandu l-għan li tintlaħaq sitwazzjoni, bħala objettiv għat-tul, fejn l-awtoritajiet Libjani jkunu jistgħu jidentifikaw żona ta’ tiftix u salvataġġ f’konformità sħiħa mal-obbligi internazzjonali. F’din il-perspettiva, l-UE qiegħda tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-Gwardja tal-Kosta Taljana biex din tgħin lill-Gwardja tal-Kosta Libjana tistabbilixxi Ċentru ta’ Koordinazzjoni tas-Salvataġġ Marittimu (MRCC), li huwa prerekwiżit biex ikun hemm koordinazzjoni effiċjenti tat-tiftix u s-salvataġġ fi ħdan iż-żona ta’ tiftix u salvataġġ Libjana, u f’konformità mal-leġislazzjoni internazzjonali 19 . Bl-użu tal-infrastruttura tal-komunikazzjoni bis-satellita tan-Netwerk Mediterranju Seahorse, li għandha tiġi stabbilita din is-sena, il-Gwardja tal-Kosta Libjana se tkun tista' tiskambja informazzjoni dwar inċidenti u tikkoordina attivitajiet ta' ronda u ta' salvataġġ mal-gwardji tal-kosta ta’ pajjiżi ġirien, biex b'hekk ikun qiegħed jingħata kontribut kbir għall-operazzjonijiet ta' salvataġġ. L-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta se tappoġġa din il-kooperazzjoni permezz ta' monitoraġġ regolari u ta’ informazzjoni ta’ sorveljanza 20 . Il-modalitajiet tal-appoġġ u l-pariri lill-Gwardja tal-Kosta Libjana wara t-taħriġ u r-ritorn tal-assi jeħtieġ li jiġu esplorati aktar.

Fl-aħħar nett, fil-kuntest tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Istrateġija Ewropea għas-Sigurtà Marittima 21 , il-Kummissjoni se tappoġġa, fl-2017, (permezz ta' għotja ta’ EUR 80,000) lill-Forum għall-Funzjonijiet tal-Gwardja Kostali tal-Mediterran li tkun ta' għajnuna lill-Gwardja tal-Kosta Libjana biex tiżviluppa l-għarfien reċiproku, jiġu kondiviżi l-esperjenzi u l-aħjar prattiki, kif ukoll biex jiġu identifikati oqsma għal aktar kooperazzjoni mal-Funzjonijiet tal-Gwardji tal-Kosta fl-Istati Membri u f’pajjiżi terzi oħra li għandhom kosta mal-Baħar Mediterran.

Azzjonijiet ewlenin:

Jiġi żgurat finanzjament għall-programmi ta’ taħriġ għall-Gwardja tal-Kosta Libjana permezz ta' addizzjoni immedjata ta' EUR (1) miljun mal-programm Seahorse kif ukoll l-għotja ta' EUR 2.2 miljun taħt il-Programm Reġjonali għall-Iżvilupp u l-Protezzjoni fl-Afrika ta’ Fuq;

Jiġi żgurat li jkun hemm sorsi sostenibbli ta' finanzjament li jkopru d-diversi ħtiġijiet ta' taħriġ b'mod kumplimentari fil-ġejjieni;

Tingħata għajnuna lill-awtoritajiet Libjani fl-istabbiliment ta' Ċentru ta' Koordinazzjoni tas- Salvataġġ Marittimu u titjieb il-kooperazzjoni operattiva mal-Istati Membri.

Jingħata appoġġ lill-provvista ta' assi addizzjonali ta' ronda lill-Gwardja tal-Kosta Libjana u jiġi żgurat li ssirilhom manutenzjoni.

3.    L-INTENSIFIKAR TAL-ĠLIEDA KONTRA T-TRAFFIKANTI

Sabiex jonsqu l-vjaġġi u jiġu salvati l-ħajjiet huwa kruċjali li tiġi intensifikata l-ġlieda kontra t-traffikanti fil-Mediterran u fit-Tramuntana tal-Afrika. Il-ġlieda kontra t-traffikar hija objettiv ewlieni tal-Operazzjoni Sophia, u qiegħda ssir ħidma biex l-azzjoni diretta tagħha tiġi kkumplimentata fuq l-ibħra internazzjonali permezz ta’ kontribut lejn il-kapaċità tal-Gwardja tal-Kosta Libjana li tista’ tkun effettiva fi ħdan l-ibħra territorjali tal-Libja. L-Operazzjoni Sophia qiegħda wkoll tikkontribwixxi għal għarfien kumpessiv aħjar tas-sitwazzjoni fejn jidħlu dawn il-kwistjonijiet fil-qasam operattiv tagħha. Se jiġu esplorati aktar opzjonijiet biex jiżdied il-monitoraġġ u l-ġbir ta' intelligence u biex issir adattazzjoni għall-metodu ta' kif jaħdmu t-traffikanti, u b'hekk tingħata għajnuna aħjar lill-azzjoni tal-awtoritajiet Libjani.

L-ewwel prijorità hija li n-Netwerk Mediterranju Seahorse isir operattiv fir-rebbiegħa tal-2017. Dan il-programm għandu l-għan li jsaħħaħ l-awtoritajiet tal-fruntieri tal-pajjiżi tal-Afrika ta’ Fuq u li tiġi żviluppata l-kapaċità tagħhom li jiskambjaw l-informazzjoni u li jikkoordinaw azzjonijiet mal-kontropartijiet tagħhom fl-UE u fl-Istati Membri tal-Mediterran. L-għanijiet speċifiċi huma li tissaħħaħ is-sensibilizzazzjoni tal-awtoritajiet tal-pajjiżi tal-Afrika ta’ Fuq għas-sitwazzjoni dwar il-flussi ta’ migrazzjoni irregolari u t-traffikar illeċitu li jseħħu fit-territorji tagħhom (b'mod partikolari fir-reġjuni kostali u fl-ibħra territorjali) u biex dawn isaħħu l-kapaċità ta’ reazzjoni tagħhom, fuq livell nazzjonali u reġjonali, inkluż għal attivitajiet ta’ riċerka u salvataġġ fuq il-baħar. Element importanti huwa li jiġi stabbilit netwerk ta' komunikazzjoni sigur bejn l-awtoritajiet tal-fruntieri tal-pajjiżi Mediterranji kollha.

L-Italja, Malta, il-Greċja, Ċipru, Franza, Spanja u l-Portugall ikkollegaw iċ-ċentri nazzjonali ta' koordinazzjoni Eurosur tagħhom għas-sorveljanza fuq il-fruntieri man-Netwerk Mediterranju Seahorse. Għaddejja ħidma biex jiġi żgurat li l-Gwardja tal-Kosta Libjana jkollha t-tagħmir li teħtieġ biex tikollega ruħha mal-Istati Membri, b'mod li kollha jkunu jistgħu jinfurmaw lil xulxin dwar inċidenti kważi f’ħin reali, u biex jiġu kkoordinati l-attivitajiet ta' ronda. L-għan aħħari hu li tiġi ggarantita l-istess kooperazzjoni effettiva, inkluż mal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, fil-prevenzjoni tat-traffikar kif diġà qiegħed isir fir-reġjun tal-Atlantiku.

Peress li t-traffikanti qegħdin jużaw dejjem aktar dingis żgħar u inġenji tal-gomma li jintnefħu minflok dgħajjes tal-injam, mod effettiv biex jiġu sfrattati l-attivitajiet tagħhom ikun li jitqiegħdu fil-mira l-provvisti tagħhom b'mod speċifiku (dgħajjes, magni, vetturi). Li jintlaħaq dan l-għan aħħari huwa diffiċli u jkun jeħtieġ approċċ ikkoordinat, li l-UE, permezz tal-operazzjonijiet, l-aġenziji u l-istrumenti tagħha, tinsab lesta li tesplora, flimkien mal-Istati Membri, l-Interpol, u ma’ sħab oħra fir-reġjun. Ir-riżorsi ta’ intelligence u ta' sorveljanza għandhom jinġabru flimkien sabiex il-postijiet u r-rotot jiġu sorveljati u mmirati, u sabiex jiġu identifikati t-traffikanti li jużawhom. B'mod partikolari, l-użu tas-servizzi ta' Fużjoni Eurosur ikun jippermetti li jkun hemm solverjar regolari tal-postijiet ta' tluq f'pajjiżi terzi kif ukoll l-identifikazzjoni u t-traċċar ta' bastimenti suspettużi madwar il-Baħar Mediterran, bl-użu ta' sistemi, satelliti u ajruplani ta' sorveljanza li jintużaw biex isir tiftix għall-vapuri. Dawn l-azzjonijiet se jikkumplimentaw l-isforzi fl-ibħra internazzjonali tal-Operazzjoni Sophia biex jiġu sfrattati l-attivitajiet tat-traffikanti tal-bnedmin. Id-disponibbiltà kontinwa ta' assi għall-Operazzjoni Sophia għandha għalhekk tiġi assigurata u għandu jkun hemm kunsiderazzjoni ulterjuri għall-kontribuzzjoni aktar wiesgħa tagħha għas-sigurtà marittima. Kontribut kruċjali se jiġi pprovdut ukoll permezz tat-Tim Operattiv Konġunt Mare, ospitat mill-Europol, li tnieda f’Marzu 2015 biex jiġġieled il-kriminalità organizzata li tiffaċilita l-migrazzjoni irregolari fil-Mediterran. Fi Frar 2016, it-tim Operattiv Konġunt Mare ġie inkorporat fiċ-Ċentru Ewropew kontra l-Faċilitazzjoni ta' Dħul Klandestin ta' Migranti tal-Europol. Dan huwa magħmul minn esperti sekondati minn seba’ Stati Membri. Dawn l-Istati Membri jiskambjaw informazzjoni f’ħin reali biex jiġu sfrattati netwerks ta’ traffikar.

Fl-aħħar nett, il-ġlieda kontra l-organizzazzjonijiet kriminali involuti fil-faċilitazzjoni ta' immigrazzjoni illegali ma tistax tikseb riżultati effikaċi u dejjiema sakemm ma tkunx akkumpanjata wkoll minn miżuri mmirati lejn l-indirizzar tal-kawżi fl-għeruq u dan jagħmilha iktar diffiċli biex dawn l-organizzazzjonijiet jirreklutaw persuni biex imexxu l-attivitajiet tagħhom. F'din il-perspettiva, l-appoġġ kontinwu mogħti lill-muniċipalitajiet li jinsabu tul ir-rotta migratorja (b'mod partikolari fiċ-"ċentri tal-migrazzjoni" u l-ibliet kostali) għandu jissaħħaħ 22 , b'tali mod li l-bini tal-kapaċitajiet, l-iżvilupp soċjoekonomiku u l-aċċess għal servizzi bażiċi (inkluż għall-migranti) jkun jista' jissaħħaħ u jiġu skoraġġuti l-attivitajiet ta' traffikar.

Azzjonijiet ewlenin:

Jiġi żgurat li n-Netwerk Mediterranju Seahorse ikun operattiv sar-rebbiegħa 2017, biex b'hekk jista' jkun hemm skambju akbar ta' informazzjoni u ta' koordinazzjoni operattiva bejn il-Gwardja tal-Kosta Libjana u l-Istati Membri parteċipanti;

Titħeġġeġ il-parteċipazzjoni tat-Tuneżija, l-Alġerija u l-Eġittu fin-Netwerk Mediterranju Seahorse;

Issir enfasi fuq il-provvisti destinati lejn it-traffikanti billi jkun hemm il-ġabra ta’ intelligence bejn l-Istati Membri, EUNAVFOR MED Sophia, l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, il-Europol, l-Interpol, u l-imsieħba fir-reġjun, b'mod partikolari billi jintużaw is-servizzi ta’ Fużjoni tal-Eurosur.

4.    IL-PROTEZZJONI TAL-MIGRANTI, IR-RITORN VOLUNTARJU ASSISTIT U R-RISISTEMAZZJONI

It-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-kuntrabandu se żżid il-ħtieġa li tittieħed azzjoni fuq l-art sabiex jiġu pprovduti l-protezzjoni u opportunitajiet ta’ Ritorn Volontarju Assistit. Barra minn hekk, l-instabbiltà u n-nuqqas ta’ sigurtà wasslu għal spostamenti kbar tal-popolazzjoni, kemm ta' ċittadini tal-pajjiż kif ukoll ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi 23 , li ħafna minnhom huma vulnerabbli ħafna, lejn żoni ta' tranżitu u tat-tluq ġewwa l-pajjiż, fejn ma jkunx hemm governanza tassew. Teżisti sfida kemm immedjata kif ukoll ħtieġa għat-tul biex tingħata għajnuna fil-protezzjoni tal-migranti u biex jiġi indirizzat l-akkumulu ta' pressjoni. Hemm erba' toroq ewlenin ta' azzjoni: it-tisħiħ tal-protezzjoni u tal-assistenza umanitarja lill-migranti, l-assistenza għar-riintegrazzjoni fl-ekonomija lokali, ir-ritorn volontarju lejn il-pajjiż ta' oriġini u r-risistemazzjoni ta' dawk fil-bżonn ta' protezzjoni internazzjonali.

Fil-kooperazzjoni u d-djalogu jeħtieġ li l-awtoritajiet Libjani jingħataw sostenn biex ikunu jistgħu jibnu l-kapaċità tagħhom li jiġġestixxu l-migrazzjoni. Diġà jinsab għaddej proġett immirat lejn l-identifikazzjoni ta’ persuni ċentrali fil-ministeri relevanti (l-Intern, il-Ġustizzja, l-Affarijiet Barranin) u l-ħolqien ta’ sinerġiji u ta' pjattaformi ddedikati għal kwistjonijiet ta’ ġestjoni tal-migrazzjoni ma’ dawk il-ministeri kkonċernati. 24 .

Il-kundizzjonijiet fiċ-ċentri fejn jinżammu l-migranti huma inaċċettabbli u ma jilħqux l-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem. Huwa ta' importanza mill-akbar li jiġu żgurati kundizzjonijiet adegwati f'dawk iċ-ċentri u dan jimxi id f'id mal-ġlieda kontra t-trattament ħażin, it-tortura, l-estorsjoni u t-trattament inuman. Kompitu ta' prijorità huwa dak li ssir ħidma mal-awtoritajiet Libjani u l-organizzazzjonijiet internazzjonali bħalma huma l-IOM u l-UNHCR, biex jiġi żgurat li dawn iċ-ċentri jipprovdu kundizzjonijiet adegwati f’konformità ma' standards ta' drittijiet tal-bniedem. L-alternattivi għad-detenzjoni għandhom jiġu żviluppati aktar, b'mod partikolari fil-każ tan-nisa u l-minorenni, b'ħidma mill-qrib ma' organizzazzjonijiet internazzjonali. Barra minn hekk, għandha tiġi żgurata s-sigurtà kemm tal-migranti kif ukoll tal-organizzazzjonijiet ta' għajnuna li jaħdmu f'dawk iċ-ċentri.

Kwistjoni importanti oħra hija li jkun żgurat aċċess mingħajr xkiel mill-UNHCR u l-IOM għall-persuni fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali, b’mod partikolari dawk vulnerabbli.

Il-Kummissjoni se timpenja ruħha mal-awtoritajiet Libjani u mal-organizzazzjonijiet internazzjonali kkonċernati biex jiġu indirizzati dawn il-kwistjonijiet, u jekk ikun xieraq se żżid il-finanzjament immirat.

Fost dawk li daħlu l-Libja u li issa qegħdin fil-pajjiż hemm għadd minnhom li marru biex ifittxu opportunitajiet ta’ xogħol. Ħafna minnhom bħalissa jinsabu iżolati, meta jitqiesu l-instabbiltà u t-telf ta' postijiet tax-xogħol. Soluzzjoni waħda possibbli fis-sitwazzjoni tagħhom hija li titrawwem, fejn possibbli, l-integrazzjoni lokali. Tnediet inizjattiva pilota u li għandha tissaħħaħ, bl-għan li tintlaħaq stabbilizzazzjoni fil-komunità f'żoni affettwati minn spostament intern u mit-tranżitu tal-migranti, inkluż bil-ħolqien ta’ opportunitajiet ta’ impjieg għal persuni fi bżonn ta’ protezzjoni, anke bil-ħsieb li tiġi ffaċilitata l-aċċettazzjoni tagħhom fil-komunitajiet ospitanti.

Bosta migranti oħra jista’ jkollhom inċentivi biex jirritornaw lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħhom, jekk ikun jidher li l-pjanijiet tagħhom biex isibu impjieg fil-Libja jew ix-xewqa li jivvjaġġa lejn l-Ewropa ma jkunux se jseħħu. F'dawk il-każijiet, opzjoni waħda tista' tkun ir-ritorn volontarju assistit. L-UE qiegħda twettaq proġetti 25 bl-għan li tiffaċilita r-ritorn volontarju ta’ migranti iżolati mil-Libja lejn il-pajjiżi ta’ oriġini tagħhom. F'Diċembru 2016 ġiet adottata azzjoni ta’ EUR 20 miljun taħt il-Fond Fiduċjarju tal-UE għall-Afrika, bil-għan li tissaħħaħ il-ġestjoni tal-migrazzjoni u sabiex jiġu indirizzati l-bżonnijiet urġenti ta' protezzjoni u t-telf inaċċettabbli tal-ħajja tal-migranti. Il-proġett se jiffoka fuq l-għoti ta' sostennn lill-migranti fil-punti tal-iżbark u fiċ-ċentri, kif ukoll biex tiġi intensifikata r-ripatrijazzjoni umanitarja lejn il-pajjiżi ta' oriġini (mill-mira inizjali ta' 5,000 migrant) kif ukoll fuq ir-riintegrazzjoni 26 . L-UE ser taħdem, f'kooperazzjoni mal-awtoritajiet Libjani, biex jiġu żgurati kundizzjonijiet adegwati ta' sigurtà għall-operaturi internazzjonali involuti f’attivitajiet ta’ ritorn volontarju assistit u tibqa’ lesta li żżid malajr il-volum ta' din il-ħidma inklużi azzjonijiet kumplimentari f’pajjiżi ġirien, fid-dawl tal-adozzjoni inizjali tal-proġett.

L-opportunitajiet għal riintegrazzjoni fil-komunitajiet lokali u għal ritorn volontarju assistit tista' tiġi kkumplimentata permezz tar-risistemazzjoni, b'mod partikolari fil-każ tal-aktar persuni vulnerabbli. L-UE qiegħda tesplora mal-UNHCR l-fattibbiltà ta' passi prattiċi għall-implimentazzjoni tar-risistemazzjoni ta’ dawk fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali mil-Libja lejn Stati Membri tal-UE u sħab internazzjonali oħrajn. Ir-risistemazzjoni tista' tkun ta' għajnuna biex ikun hemm il-wasla ordnata u sigura tal-persuni fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali fit-territorju tal-istati fejn ikunu se jiġu risistemati. Bis-saħħa tagħha jkunu jistgħu jsiru kontrolli ta' sigurtà qabel ma persuna tasal fit-territorju tal-istati fejn tkun se ssir ir-risistematizzazzjoni, u tista’ titqies bħala turija ta’ solidarjetà mal-pajjiż ospitanti biex dan jingħata għajnuna jlaħħaq mal-għadd kbir ta’ persuni li jkunu qegħdin jaħarbu minn gwerer jew persekuzzjoni. Tista' wkoll isservi bħala diżinċentiv għal persuni fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali li jimbarkaw fuq vjaġġi perikolużi. Kwalunkwe fattibbiltà, modalitajiet konkreti, u l-pass ta' tali risistemazzjonijiet jkollhom jiġu eżaminati f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Gvern Libjan, l-imsieħba internazzjonali u f’konformità mal-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni fuq il-post. Din tkun tiddependi wkoll fuq ir-rieda tal-Istati Membri li jipparteċipaw fir-risistemazzjoni mil-Libja 27 .

Barra minn din l-azzjoni speċifika li għandha tiġi promossa fil-Libja, l-UE għandha tkompli taħdem mal-pajjiżi fir-reġjun bil-ħsieb li dawn jingħataw appoġġ biex jiżviluppaw is-sistemi tagħhom tal-ażil u l-migrazzjoni, li tibda bir-reġistrazzjoni tal-migranti. Dan ikun ta' kontribut għat-titjib tas-sistemi tal-protezzjoni u l-ażil fir-reġjun, f’konformità mal-objettivi tal-Programm Reġjonali għall-Protezzjoni u l-Iżvilupp tal-Afrika ta' Fuq. Min-naħa tiegħu, dan jista' jwassal għall-applikazzjoni mill-Istati Membri tal-prinċipju ta' pajjiż terz sikur fl-acquis dwar l-ażil, meta jkunu ssodisfati l-kundizzjonijiet. Id-dispożizzjonijiet dwar il-pajjiż terz sikur huma fost l-elementi kruċjali ta' sistema effettiva għall-ġestjoni tal-kriżi migratorja u dan għandu jittieħed f'kunsiderazzjoni fid-diskussjonijiet li għaddejjin dwar ir-riforma tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil kif ukoll f'diskussjonijiet futuri rigward il-politika ta' ritorn tal-UE u l-applikazzjonijiet tagħha fil-futur.

Barra mill-importanza li jitmexxew kampanji ta’ informazzjoni f’pajjiżi ta’ oriġini u matul ir-rotot tal-migrazzjoni fl-Afrika, hemm bżonn ukoll li jsiru kampanji ta’ informazzjoni mmirati fil-Libja, li jispjegaw ir-riskji tal-vjaġġi irregolari u dwar il-possibbiltà ta' ritorn volontarju assistit. Dawn l-attivitajiet għandhom ikunu ffukati b'mod partikolari fil-parti tal-bidu tar-rotta u fir-reġjuni tan-Nofsinhar tal-Libja, peress li hekk kif ikunu qrib il-kosta ġeneralment il-migranti jkollhom inċentiv qawwi li jibqgħu sejrin 'l quddiem.

Azzjonijiet ewlenin:

Impenn mal-awtoritajiet Libjani biex jiġi żgurat li l-kundizzjonijiet fiċ-ċentri għall-migranti jitjiebu, b'attenzjoni partikolari għal persuni vulnerabbli u minuri. Tiġi intensifikata l-kooperazzjoni mal-IOM u l-UNHCR f'dan ir-rigward;

Jiġu intensifikati l-ħidma u l-impenn mal-muniċipalitajiet Libjani għall-promozzjoni ta' mezzi ta' għajxien alternattivi u tiġi sostnuta r-reżiljenza tal-komunitajiet lokali li jospitaw il-migranti;

Jingħata appoġġ għall-bini tal-kapaċitajiet fil-ġestjoni tal-migrazzjoni lill-awtoritajiet Libjani;  

Jingħata appoġġ, f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet Libjani, lil organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-UNHCR fl-indirizzar tas-sitwazzjoni tal-persuni fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali, inkluża l-possibbiltà ta’ risistemazzjoni;

Jingħata appoġġ lill-IOM fil-ħidma tagħha biex ittejjeb is-sitwazzjoni tal-migranti fil-Libja u sabiex jiġi implimentat proġett ta' ritorn volontarju assistit mil-Libja, u tiġi kkunsidrata l-estenzjoni tiegħu lil hinn mill-mira inizjali ta' 5000 migrant.

5.    IL-ĠESTJONI TAL-FLUSSI TA’ MIGRAZZJONI MILL-FRUNTIERI TAN-NOFSINHAR

Filwaqt li għadd kbir ta’ migranti u persuni spostati f'pajjiżhom huma diġà preżenti fil-Libja, il-ġestjoni tal-flussi ta' persuni li jkunu għadhom kif waslu fil-fruntiera tan-Nofsinhar huwa essenzjali biex tonqos il-pressjoni migratorja. Is-suċċess tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Belt Valletta u tal-Qafas ta' Sħubija ser ikun importanti f'dan ir-rigward.

Hemm varjetà ta' sforzi tal-UE, b'mod partikolari il-missjoni tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni (PSDK) u proġetti mwettqa madwar ir-reġjun, li jikkontribwixxu fl-indirizzar ta' din l-isfida.

Il-Missjoni tal-UE ta' Assistenza fil-Fruntieri (EUBAM) fil-Libja, li bħalissa qiegħda tintuża f'Tuneż, issa żviluppat il-kapaċità li twettaq żjarat indipendenti fi Tripli. Hija qiegħda tiffinalizza l-ippjanar ta' atturi ewlenin fil-qasam tas-sigurtà u qiegħda tesplora mal-awtoritajiet Libjani l-possibbiltajiet għal missjoni ċivili futura tal-PSDK. Din il-missjoni potenzjali tista' tkun fil-qasam tal-pulizija/l-istat tad-dritt/il-ġestjoni tal-fruntieri u tista' tipprovdi pariri u taħriġ lill-awtoritajiet Libjani. Se jsiru aktar sforzi biex isir impenn f'azzjonijiet li jappoġġaw lill-awtoritajiet Libjani. Dan jista' jiġi kkombinat ma' azzjonijiet permezz ta' strumenti oħra, inkluża l-Operazzjoni Sophia u l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta biex jittejjeb il-monitoraġġ u l-flussi tal-informazzjoni 28 . Għandha tiġi kkunsidrata l-provvista ta' teknoloġiji, vetturi u mezzi oħra biex jitjieb il-kontroll tal-fruntiera fuq l-art bejn il-Libja u l-pajjiżi ġirien.

Hemm ukoll rwol kruċjali għall-isforzi ta' stabbilizzazzjoni lokali biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni mal-komunitajiet ospitanti. Proġett li għaddej fin-Nofsinhar tal-Libja mill-IOM ilu għaddej minn Mejju 2016. Dan jindirizza l-komunitajiet ospitanti, lil persuni spostati f’pajjiżhom u lill-migranti, u jista' jiġi evalwat sabiex jiġi determinat jekk il-proġett għandux jiġi estiż u replikat xi mkien ieħor. Permezz tal-Istrument li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi, l-UE tappoġġa għadd ta' proġetti biex tgħin fir-riżoluzzjoni tal-kunflitti, timplimenta ftehim bejn il-partijiet kunfliġġenti, u ssaħħaħ l-isforzi fil-livell Komunitarju lejn it-tnaqqis tal-vjolenza, speċjalment fin-Nofsinhar tal-Libja.

Il-kontribut tal-UE għall-ġestjoni tal-migrazzjoni min-Nofsinhar tal-Libja jinkludi appoġġ għall-bini tal-kapaċità fis-sigurtà u d-difiża u għall-proċessi ta' kooperazzjoni reġjonali għas-sigurtà fis-Saħel, b’mod partikolari fil-qafas tal-G5. Il-Missjoni ta’ Taħriġ tal-UE u l-EUCAP Sahel Mali 29 jikkontribwixxu biex itejbu l-kontroll mal-fruntieri fil-Mali permezz ta' attivitajiet ta' taħriġ u ta' konsulenza. In-Niġer, bħala salib it-toroq ewlieni ta' tranżitu għall-migranti fi triqthom lejn l-Ewropa, jibbenefika minn impenn aktar qawwi tal-PSDK, inkluż bi preżenza permanenti tal-EUCAP Sahel Niger 30 f’Agadez. Dan għandu l-għan li jagħti sostenn lill-awtoritajiet tan-Niġer biex jindirizzaw il-migrazzjoni irregolari u jiġġieldu t-traffikar relatat tal-bnedmin u l-kriminalità organizzata. Fil-qafas tar-reġjonalizzazzjoni tal-Missjonijiet tal-PSDK fis-Saħel u l-istabbiliment mistenni ta’ netwerk tal-PSDK fir-reġjun, qiegħed jingħata sostenn ulterjuri f'dawn l-oqsma lil pajjiżi oħra fir-reġjun, b’mod partikolari lill-Mawritanja, il-Burkina Faso u ċ-Ċad.

Il-ħidma li saret man-Niġer skont il-Qafas ta’ Sħubija għandha tiġi sfruttata bis-sħiħ sabiex jitnaqqsu l-flussi li jgħaddu mill-fruntiera tan-nofsinhar tal-Libja. In-numru ta’ persuni li jitilqu min-Niġer biex jipprovaw il-qsim perikoluż tas-Saħara niżel minn ’il fuq minn 70,000 f’Mejju sa taħt l-1,500 f’Novembru 31 . Il-ħidma f’Agadez jista' jkollha rwol ewlieni f’dan ir-rigward. Passi konkreti jistgħu jinkludu l-involviment ulterjuri fil-komunitajiet u fost il-migranti b’informazzjoni, sensibilizzazzjoni, u l-estensjoni tar-ritorn volontarju assistit u ta' miżuri ta' integrazzjoni mill-ġdid minn postijiet lil hinn minn Agadez u Niamey. Agadez tista' wkoll tkun ta' għajnuna bħala stadju għar-ritorn volontarju assistit ta' migranti maqbuda fil-Libja. Dan huwa marbut ma' appoġġ kontinwu lill-awtoritajiet tal-fruntiera tan-Niġer biex jikkontrollaw aħjar il-fruntiera bejn in-Niger u l-Libja. 

Barra minn hekk, se jiġi pprovdut appoġġ fiż-żona ta' Agadez għall-iżvilupp ta' ekonomija lokali li ma tkunx marbuta mat-traffikar. L-isforzi biex jissaħħaħ il-kontroll min-naħa tan-Niġer fuq il-fruntiera bejn in-Niġer u l-Libja, biex jiġi kkontrollat il-fluss tal-migranti, u biex tingħata għajnuna fir-ritorn volontarju, jeħtieġ li jieħdu kont tal-impatti potenzjali fuq il-komunitajiet fit-Tramuntana tan-Niġer li huma sostnuti ekonomikament bil-faċilitazzjoni ta' immigrazzjoni illegali, dejjem biex jiġi ggarantit mod adegwat tal-għajxien u aċċess għal swieq vijabbli u legali li jieħdu post il-faċilitazzjoni ta' immigrazzjoni illegali.

Il-kooperazzjoni intensiva man-Niġer tinkludi wkoll miżuri mmirati kontra t-traffikanti. L-istrateġija li qiegħed jiżviluppa n-Niġer tinkludi timijiet konġunti ta' investigazzjoni, l-implimentazzjoni tal-liġi tal-2015 kontra l-kuntrabandu, u l-bini tal-kapaċità għall-investigaturi u l-prosekuturi li jikkontribwixxu lejn l-infurzar tal-kontrolli tal-flussi li jgħaddu min-Niger. Dalwaqt se jintbagħtu fin-Niġer uffiċjal ta' kollegament dwar il-migrazzjoni Ewropew kif ukoll uffiċjal ta' kollegament tal-Aġenzija tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta biex ikomplu jgħinu lill-UE tkompli tintensifika l-kapaċità tagħha li tiddiskuti u tiżviluppa l-kooperazzjoni mal-awtoritajiet tan-Niġer fil-ġlieda kontra l-migrazzjoni irregolari u biex tiġi organizzata aħjar il-ġestjoni tal-migrazzjoni.

Rabtiet imsaħħa bejn il-preżenza tal-UE fin-Niġer u fil-Mali u l-Europol jistgħu wkoll itejbu l-valutazzjoni u l-analiżi tal-attivitajiet ta' traffikar u tat-traffikanti, u jipprovdu appoġġ aħjar għall-awtoritajiet lokali, b'rabta ma' programm eżistenti appoġġat mill-Fond Fiduċjarju tal-UE għall-Afrika biex jinbnew ir-rabtiet mal-Interpol. Dan il-mudell ta' suċċess, li bil-provi naqqas in-numri, għandu jiġi rreplikat ma' msieħba reġjonali oħra, partikolarment il-Mali, iċ-Chad, l-Eġittu, l-Alġerija u s-Sudan, kif ukoll f’pajjiżi oħra koperti mill-proċessi ta’ Khartoum u ta’ Rabat.

L-UE diġà qiegħda tippromwovi b’mod attiv id-djalogu bejn il-Libja u l-pajjiżi ġirien tagħha fin-Nofsinhar fejn tidħol il-ġestjoni tal-fruntieri komuni tagħhom u l-kooperazzjoni rigward l-intelligence fuq ir-rotot tal-migrazzjoni. F'Awwissu 2016 ġie stabbilit Kumitat bejn l-UE u l-Libja dwar il-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri tal-Art għal skambji dwar il-ġestjoni tal-fruntieri. Forum ieħor potenzjali għal aktar kooperazzjoni operattiva fir-reġjun hija l-Komunità ta' Intelligence bejn l-Afrika u Frontex, li tipprovdi qafas ta' għarfien regolari u kondiviżjoni tal-intelligence fil-qasam tas-sigurtà fil-fruntieri, u tista' tiżviluppa analiżi tar-riskju u tiskjera missjonijiet fuq terminu qasir biex jiġu identifikati r-rotot migratorji u tibdil possibbli fihom, possibbilment bil-għajnuna ta' immaġni bis-satellita. Id-djalogu se jiġi integrat f’azzjonijiet u setturi prijoritarji potenzjali għal aktar kooperazzjoni taħt il-Fond Fiduċjarju tal-UE għall-Afrika. Programmi reġjonali, bħal ma huma Euromed Migration IV 32 u l-Mediterran City to City Migration Profiles 33 , joffru pjattaformi privileġġati għat-trawwim tad-djalogu dwar il-migrazzjoni bejn il-pajjiżi tar-reġjun u jikkondividu l-esperjenzi u l-aħjar prattiki fil-livell reġjonali. Din il-ħidma ngħatat spinta permezz ta' laqgħa li saret f’Ġunju 2016 bejn ir-Rappreżentant Għoli/il-Viċi President u l-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-Libja, in-Niġer u ċ-Chad dwar il-ġestjoni tal-fruntieri. Dan il-forum jista' jkompli jibqa' jintuża biex tiġi indirizzata d-dimensjoni tat-traffikar.

Azzjonijiet ewlenin:

Isir użu mill-firxa sħiħa ta' missjonijiet tal-UE u minn proġetti biex jingħata appoġġ lill-awtoritajiet Libjani fil-ġestjoni tal-fruntieri u l-protezzjoni tal-migranti fin-Nofsinhar tal-Libja;

Il-promozzjoni tal-kooperazzjoni fejn jidħlu fruntieri, tad-djalogu u tal-iskambju tal-informazzjoni bejn il-Libja u l-pajjiżi ġirien tagħha fin-Nofsinhar, inkluż l-użu tal-potenzjal sħiħ tal-Komunità tal-Intelligence bejn l-Afrika u Frontex;

Fuq il-pedamenti tal-kooperazzjoni eżistenti man-Niġer skont il-Qafas ta’ Sħubija, tittieħed azzjoni ulterjuri biex tiġi indirizzata l-pressjoni tal-migrazzjoni lejn it-tramuntana, jiġi indirizzat il-kuntrabandu u jiġu promossi r-ritorni volontarji.

6.     AKTAR KOOPERAZZJONI MAL-EĠITTU, IT-TUNEŻIJA U L-ALĠERIJA – IL-PREVENZJONI TAL-MIGRAZZJONI IRREGOLARI U L-ISPUSTAMENT TAR-ROTOT

Fit-teħid ta' azzjonijiet konġunti mal-Libja, ir-riskju li f'pajjiżi ġirien jiżviluppaw rotot oħrajn jeħtieġ li tiġi minimizzata billi d-djalogu u l-kooperazzjoni dwar il-migrazzjoni fi ħdan ir-reġjun jiġu approfonditi. Pajjiżi bħall-Alġerija, l-Eġittu u t-Tuneżija, li jospitaw numru sostanzjali ta’ migranti, ikunu kandidati għas-sostenn tar-ritorn volontarju assistit. Ikun hemm bżonn ukoll ta' aktar għajnuna lil dawn il-pajjiżi biex jiżviluppaw is-sistema funzjonanti ta' ażil tagħhom u biex jassistu dawk li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali. Il-kooperazzjoni man-Nazzjonijiet Uniti u l-Aġenziji tal-UE 34 tista' titqiegħed ukoll fuq bażi aktar stabbli, kif ukoll il-parteċipazzjoni tagħhom f'inizjattivi komuni bħal pereżempju n-Netwerk Mediterranju Seahorse. Dan ikun jippromwovi kemm kooperazzjoni prattika kif ukoll approċċ komuni lejn ġestjoni aħjar tal-migrazzjoni, u jiġu salvati l-ħajjiet fuq il-baħar fir-rispett sħiħ tad-drittijiet tal-bniedem f’konformità mal-istandards tal-UE u dawk internazzjonali.

Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni tal-UE mal-Eġittu mill-2004 kien fih dispożizzjonijiet dwar il-kooperazzjoni fil-qasam tal-migrazzjoni, iżda kien hemm biss segwitu limitat. Id-djalogu formali bejn l-UE u l-Eġittu reġa’ ngħata l-ħajja fil-kuntest tal-Politika Ewropea tal-Viċinat riveduta, u l-Prijoritajiet tas-Sħubija bejn l-UE u l-Eġittu 35 , il-qafas politiku ġenerali li jiggwida r-relazzjonijiet għas-snin li ġejjin, se jinkludu kapitolu ddedikat dwar it-tisħiħ tal-kooperazzjoni fl-aspetti kollha tal-migrazzjoni u l-mobbiltà. Dan issa huwa karatteristika ewlenija tal-kuntatti fuq livell politiku, l-aktar riċenti biż-żjarat ta' diversi Kummissarji fil-Kajr fil-ħarifa tal-2016 u li ġew segwiti minn żjara ta' uffiċjali anzjani fit-22 ta’ Jannar, li bħala riżultat tagħha l-UE tistenna bil-ħerqa li dalwaqt tniedi kooperazzjoni komprensiva dwar il-migrazzjoni mal-Eġittu. L-iskjerament rapidu tal-uffiċjali ta’ kollegament Ewropew dwar il-migrazzjoni fid-Delegazzjoni tal-UE fl-Eġittu se żżid ukoll din il-kooperazzjoni.

L-iskala tat-tranżitu mit-Tuneżija, u l-għadd ta' vjaġġi li jibdew minnha, huwa baxx. Madankollu, il-qafas ipprovdut mill-Pakkett tal-Mobbiltà konkluż f'Marzu 2014 wassal għal ġestjoni aħjar tal-appoġġ operattiv u finanzjarju. Ir-relazzjonijiet f’dan il-qasam issa qegħdin jittellgħu lejn livell ġdid taħt il-Qafas ta’ Sħubija 36 . Il-Komunikazzjoni Konġunta dwar it-Tisħiħ tal-appoġġ tal-UE għat-Tuneżija 37 , pproponiet li l-appoġġ tal-UE jiġi devjat mill-indirizzar tal-kawżi fl-għeruq tal-migrazzjoni irregolari, lejn l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' politika nazzjonali komprensiva u effettiva dwar il-migrazzjoni u l-ażil. Dan ikun jinkludi kooperazzjoni prattika dwar ir-ritorn, opportunitajiet ta’ migrazzjoni legali u appoġġ għall-kapaċità tat-Tuneżija li twaqqaf il-migrazzjoni irregolari. Proġett ta' riforma tas-settur tas-sigurtà, li jiswa EUR 23 miljun, jipprovdi appoġġ għall-bini ta’ kapaċità fil-qasam tal-ġestjoni tal-fruntieri. L-iskjerament imminenti ta’ uffiċjal ta’ kollegament Ewropew dwar il-Migrazzjoni fid-delegazzjoni tal-UE fit-Tuneżija se jservi ta’ appoġġ permanenti biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni.

F’Ottubru 2016, it-Tuneżija u l-UE kellhom ukoll l-ewwel ċiklu ta' negozjati dwar il-faċilitazzjoni tal-viża u l-ftehimiet ta' riammissjoni. Il-konklużjoni rapida ta' dawn in-negozjati ser tagħmel it-Tuneżija l-ewwel pajjiż fil-viċinat tan-Nofsinhar tal-UE li jibbenefika minn ftehim ta' faċilitazzjoni tal-viża effettiv u ambizzjuż. Il-ftehim ta’ riammissjoni jqiegħed ir-relazzjoni fejn tidħol il-migrazzjoni fuq bażi soda u għandu jservi ta' deterrent għal migranti ta' tranżitu potenzjali. Kooperazzjoni prattika mtejba dwar ir-riammissjoni tista’ diġà tinkludi identifikazzjoni aktar malajr tal-migranti u ħruġ aktar effiċjenti ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar meħtieġa.

Il-Prijoritajiet tas-Sħubija bejn l-UE u l-Alġerija 38 se jinkludu kooperazzjoni aktar mill-qrib dwar il-migrazzjoni u kwistjonijiet relatati mal-mobilità, waqt li għaddejjin diskussjonijiet mal-awtoritajiet Alġerini dwar l-ewwel proġett li għandu jiġi ffinanzjat permezz tal-Fond Fiduċjarju tal-UE għall-Afrika 39 . L-iżvilupp ta' din il-kooperazzjoni jkun jista' jieħu f'kunsiderazzjoni l-pożizzjoni tal-Alġerija kemm bħala pajjiż ta’ oriġini kif ukoll ta' tranżitu.

Azzjonijiet ewlenin:

Jissaħħu d-djalogu u l-koperazzjoni operattiva dwar il-ġestjoni tal-flussi migratorji mal-Eġittu, it-Tuneżija u l-Alġerija;

Tittejjeb il-kooperazzjoni prattika mal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u l-Kosta, inkluż dwar ir-ritorn.

7.    IL-MOBILIZZAZZJONI TA’ FONDI GĦALL-AFRIKA TA’ FUQ

Filwaqt li l-kwistjoni prinċipali biex jiġu indirizzati l-flussi migratorji fuq ir-rotta tal-Mediterran Ċentrali mhix primarjament in-nuqqas ta’ finanzi, iżda pjuttost li jinstabu sħab fuq il-post biex jimplimentaw l-azzjonijiet, numru ta’ azzjonijiet proposti f’din il-Komunikazzjoni Konġunta, bħat-taħriġ u t-tagħmir tal-Gwardja tal-Kosta Libjana, it-titjib tal-kundizzjonijiet fiċ-ċentri għall-migranti, l-intensifikazzjoni tar-ritorn volontarju assistit jew il-kooperazzjoni transfruntiera u l-kooperazzjoni reġjonali, se jkunu jinħtieġu l-finanzjament.

Xi wħud minn dawn l-azzjonijiet jistgħu jiġu ffinanzjati fi ħdan firxa wiesgħa ta’ proġetti li diġà għaddejjin: aktar minn EUR 50 40 miljun diġà ġew imwarrba għal-Libja għal proġetti relatati mal-migrazzjoni. Se jkun hemm disponibbli aktar finanzjament minn varjetà ta’ sorsi. Il-Fond Fiduċjarju tal-UE għall-Afrika, permezz tat-taqsima tiegħu ddedikata għall-Afrika ta’ Fuq, huwa l-istrument prinċipali u ddedikat għal dan il-għan, b'enfasi qawwija fuq ir-rotta tal-Mediterran Ċentrali. Pakkett ta' EUR 200 miljun se jkun disponibbli għat-taqsima tal-Afrika ta’ Fuq ta’ dan il-Fond fl-2017. Se tingħata prijorità lil proġetti marbuta mal-migrazzjoni li jolqtu l-Libja. Il-Kummissjoni se terġa’ teżamina l-ħtiġijiet ta’ finanzjament ulterjuri fi stadju aktar tard fl-2017, fid-dawl tal-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tal-azzjonijiet identifikati f’din il-Komunikazzjoni Konġunta u r-riżultati tagħhom fuq il-post u fid-dawl ta’ azzjoni addizzjonali fl-2018. Il-Fond Fiduċjarju tal-UE għall-Afrika huwa mfassal biex jippermetti finanzjament mhux biss mill-baġit tal-UE, iżda wkoll minn kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri. Il-kontribuzzjonijiet finanzjarji nazzjonali jammontaw għal EUR 152 miljun għall-Fond Fiduċjarju. L-Istati Membri pprovdew ukoll appoġġ sostanzjali, partikolarment bl-użu ta' assi bħal bastimenti, kif ukoll permezz tal-programmi bilaterali. L-Istati Membri huma mistiedna joħorġu ammont li jkun jaqbel mal-kontribuzzjoni tal-UE lejn it-taqsima tal-Afrika ta’ Fuq, biex tiġi estiża l-iskala tal-interventi u jiġi massimizzat l-impatt fuq il-post.

Il-Fond Fiduċjarju tal-UE għall-Afrika qiegħed jagħti prova li huwa mezz effettiv li bih jinkisbu r-riżultati f'qasir żmien. Il-Kummissjoni diġà tista’ tikkonkludi li dan se jkompli jkun għodda utli għall-azzjonijiet taħt din il-Komunikazzjoni Konġunta.

Azzjonijiet ewlenin:

Jiġu mobilizzati EUR 200 miljun għat-taqsima tal-Afrika ta' Fuq tal-Fond Fiduċjarju għall-Afrika għal proġetti fl-2017, b'enfasi partikolari fuq proġetti relatati mal-migrazzjoni li jolqtu l-Libja.

L-Istati Membri joħorġu ammont li jkun jaqbel mal-kontribuzzjoni tal-UE lejn it-taqsima tal-Afrika ta’ Fuq tal-Fond Fiduċjarju tal-UE għall-Afrika.

8.    KONKLUŻJONI

Huwa ċar li mir-rebbiegħa tal-2017, jekk ma tittieħed l-ebda azzjoni ulterjuri, il-flussi ta’ migrazzjoni irregolari mhux ikkontrollati tul ir-rotta tal-Mediterran Ċentrali se jkomplu. Peress li l-maġġoranza l-kbira tal-migranti jippruvaw jaqsmu l-Mediterran minn xtut Libjani, l-Istati Membri tal-UE, notevolment dawk affettwati l-aktar mill-flussi, l-Italja u Malta, qegħdin jaħdmu mill-qrib mal-awtoritajiet Libjani biex jikkontrollaw dawn il-flussi u biex jiġu salvati l-ħajjiet fuq il-baħar. Dawn l-isforzi jeħtieġ li jiġu appoġġjati bis-sħiħ mill-Unjoni Ewropea kollha kemm hi. Matul dawn l-aħħar sentejn, f'konformità mal-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni, l-UE daħħlet fis-seħħ għadd ta’ azzjonijiet, politiki u fondi biex jgħinu b'mod effettiv fil-ġestjoni tal-kriżi tar-refuġjati u l-migrazzjoni, inkluż tul ir-rotta tal-Mediterran Ċentrali, fl-aspetti kollha u fi spirtu ta’ solidarjetà.

Din il-Komunikazzjoni Konġunta tibni fuq din il-ħidma u tistabbilixxi ġabra ulterjuri ta’ azzjonijiet operattivi komprensivi li jridu jittieħdu malajr mill-atturi kollha fl-isforzi biex jiġu salvati l-ħajjiet, issir il-ġlieda kontra t-traffikar, jittejbu l-kundizzjonijiet tal-migranti u tar-refuġjati fil-pajjiżi ta’ transitu fl-Afrika ta’ Fuq, jiġi inkoraġġit ir-ritorn lejn il-pajjiżi ta’ oriġini u finalment li jitwaqqfu l-flussi. Dawn jiffukaw fuq l-istadji ewlenin kollha tul ir-rotta fiċ-Ċentru tal-Mediterran u jqisu l-kuntest reġjonali usa’. Filwaqt li ma hemm l-ebda soluzzjoni maġika, meħuda flimkien, dawn l-azzjonijiet jista’ jkollhom impatt reali u jikkontribwixxu biex jitkisser il-mudell kummerċjali tat-traffikanti u biex jitnaqqsu l-vjaġġi perikolużi fil-Mediterran. Is-suċċess ta’ dawn l-azzjonijiet se jirrikjedi kooperazzjoni mill-qrib mal-imsieħba rilevanti fl-Afrika ta’ Fuq kif ukoll sforzi u impenji għalenija mill-Istati Membri, l-istituzzjonijiet tal-UE, kif ukoll kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali bħalma huma l-UNHCR u l-IOM. Xi wħud mill-azzjonijiet proposti jistgħu jiġu implimentati bis-sħiħ biss fuq skala sħiħa ladarba s-sitwazzjoni fuq il-post tippermetti li dan isir. L-azzjonijiet proposti jikkumplimentaw l-azzjonijiet li diġà ttieħdu skont l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni, bħalma hu l-Qafas ta’ Sħubija dwar il-Migrazzjoni l-ġdid ma’ pajjiżi terzi u l-ħidma li għaddejja biex jiissaħħu l-politiki interni tal-UE, bħalma huma s-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil u azzjonijiet konġunti dwar ir-ritorn. Fuq il-bażi ta’ dak li ntqal qabel, il-Kummissjoni tirrakomanda li l-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern fil-laqgħa tagħhom fil-Belt Valletta fit-3 ta’ Frar japprovaw l-azzjonijiet operattivi deskritti f’din il-Komunikazzjoni Konġunta u elenkati fl-Anness 1.

(1)

     Sors: https://missingmigrants.iom.int/mediterranean.

(2)

     Sors: Il-Ministeru tal-Intern tal-Italja.

(3)

     L-għadd stmat ta’ migranti fi ħdan il-Libja jvarja minn 700,000 għal (1) miljun. Madwar 350,000 jitqiesu bħala persuni spustati internament (ċifri tal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (OIM)) iżda b'xewqa/intenzjoni li jirritornaw lura lejn djarhom jew jibqgħu fil-Libja.

(4)

     F'konformità mar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 2259

(5)

     COM(2015) 240 finali tat-13.5.2015.

(6)

     Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Diċembru 2016. Ara d-Dikjarazzjoni Politika u l-Pjan ta’ Azzjoni tal-Belt Valletta. Il-pass li jmiss f’dan il-proċess se tkun Laqgħa tal-Uffiċjali Għolja bejn it-8 u d-9 ta’ Frar.

(7)

     COM (2016) 960 finali tal-14.12.2016, It-Tieni Report ta' Progress: L-ewwel riżultati dwar il-Qafas ta' Sħubija ma' pajjiżi terzi skont l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni Ir-rapport li jmiss se jiġi adottat f’Marzu 2017.

(8)

     https://www.eu2017.mt/mt/news/Pages/Speech-by-Prime-Minister-Joseph-Muscat-at-the-EP-Plenary-Session-on-the-Presidency-Priorities.aspx

(9)

     Il-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar ir-ritorn ġie adottat fl-2015 (COM(2015) 453 finali tad-9.9.2015).

(10)

     Sors: Il-Ministeru tal-Intern tal-Italja.

(11)

     http://www.consilium.europa.eu/en/press/press-releases/2016/03/18-eu-turkey-statement/

(12)

     L-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, Spanja, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, in-Netherlands, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, l-Iżvezja, is-Slovakkja, is-Slovenja, ir-Renju Unit.

(13)

     L-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, il-Kroażja, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Iżlanda, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, in-Netherlands, in-Norveġja, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, l-Iżvezja, l-Iżvizzera, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja, ir-Renju Unit.

(14)

     Il-Gwardja tal-Kosta Libjana attwali ġiet stabbilit fl-1996, u hija responsabbli biex teżerċita s-sovranità tal-Istat kif ukoll li tinforza l-liġi skont il-liġi nazzjonali u dik tan-NU. Il-Gwardja tal-Kosta tikkondividi l-loġistika, il-persunal kif ukoll it-taħriġ mal-Qawwa Navali. Huwa ġeneralment aċċettat li dan huwa l-korp operattiv li huwa l-aktar involut f'funzjonijiet tal-gwardja tal-kosta.

(15)

Spanja, l-Italja, Malta, Franza, il-Greċja, Ċipru u l-Portugall.

(16)

     Dan huwa ffinanzjat taħt l-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp. It-taħriġ jista' jiġi estiż lejn il-persunal tal-Gwardja tal-Kosta tat-Tuniżija, l-Alġerija u l-Eġittu, meta dawn il-pajjiżi jingħaqdu mal-programm Seahorse.

(17)

     L-opzjonijiet ta' finanzjament jinkludu l-Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza għall-istabbiltà u li jindirizza l-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni irregolari u tal-persuni spostati fl-Afrika ("il-Fond Fiduċjarju tal-UE għall-Afrika") u l-Istrument Ewropew ta’ Viċinat (ENI).

(18)

     Iffirmat fil-qafas tal-Programm ta’ Żvilupp u Protezzjoni Reġjonali fl-Afrika ta’ Fuq.

(19)

     L-obbligu tal-vapuri li jmorru jagħtu l-assistenza lil bastimenti f'diffikultà huwa mnaqqax kemm fit-tradizzjoni kif ukoll fil-Konvenzjoni Internazzjonali tal-1974 dwar is-Sigurtà tal-Ħajja fuq il-Baħar (SOLAS). Il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar it-Tfittxija u s-Salvataġġ Marittimu (SAR) tal-1979 tobbliga lill-Partijiet għall-Konvenzjoni li jassiguraw li jkun hemm arranġamenti għall-provvista ta' servizzi SAR (salvataġġ u tiftix) fl-ilmijiet kostali tagħhom. Il-partijiet huma mħeġġa wkoll biex jidħlu fi ftehimiet dwar SAR ma' Stati ġirien li jinvolvu l-istabbiliment ta' reġjuni ta' SAR, il-ġabra flimkien tal-faċilitajiet, l-istabbiliment ta' proċeduri komuni, it-taħriġ u żjarat ta’ kollegament. Il-Konvenzjoni tiddikjara li l-Partijiet għandhom jieħdu miżuri biex jiffaċilitaw id-dħul fl-ibħra territorjali tagħhom ta' unitajiet ta' salvataġġ minn Partijiet oħra. Il-Libja rratifikat kemm tal-Konvenzjoni SOLAS kif ukoll dik SAR.

(20)

     Ipprovduti minn Eurosur – is-servizzi ta' Fużjoni tal-Eurosur iġġestiti mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta jippermettu monitoraġġ regolari ta' postijiet ta' tluq f'pajjiżi terzi u l-identifikazzjoni u t-traċċar ta' bastimenti suspettużi madwar il-Baħar Mediterran, bl-użu ta' sistemi ta' rappurtar tal-vapuri, satelliti u ajruplani ta’ sorveljanza.

(21)

     L-istrateġija għas-Sigurtà Marittima tal-Unjoni Ewropea (EUMSS) ġiet adottata mill-Kunsill Ewropew f’Ġunju 2014. Huwa pjan konġunt tal-UE dwar kif għandu jitjieb il-mod li bih l-UE tantiċipa u tirreaġixxi għall-isfidi bħal ma huma s-sigurtà ġenerali u paċi u l-kontroll tal-fruntieri esterni.

(22)

     Il-Kumitat tar-Reġjuni qiegħed jaħdem biex jiżviluppa l-kooperazzjoni mal-muniċipalitajiet Libjani rigward firxa ta' kwistjonijiet, inkluża l-migrazzjoni.

(23)

     Għandu jiġi nnutat li l-Libja ilha dipendenti fuq forza lavorattiva sostanzjali magħmula minn migranti.

(24)

     Proġett iffinanzjat mill-Istrument Ewropew ta' Viċinat, EUR 3 miljun (element 1 tal-proġett b'appoġġ għall-Ġestjoni tal-Migrazzjoni u l-Asil fil-Libja "Right-based").

(25)

     Proġetti li jammontaw għal EUR 35 miljun iffinanzjati mill-Istrument Ewropew ta’ Viċinat/l-Istrument li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi/l-Istrument għall-Iżvilupp u l-Koperazzjoni/il-Fond għall-assistenza umanitarja u l-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni/il-Proġett għall-Iżvilupp Reġjonali.

(26)

     Dan il-proġett huwa parti minn Fond Fiduċjarju tal-UE għall-Afrika ta' EUR 100 miljun – inizjattiva konġunta tal-IOM li tiżgura l-protezzjoni u r-riintegrazzjoni tal-persuni rimpatrijati matul ir-rotot migratorji fil-Mediterran Ċentrali f'erbatax-il pajjiż tar-reġjun tas-Saħel u tal-Lag taċ-Ċad, inkluża l-Libja. B'kontribuzzjonijiet mill-Ġermanja (EUR 45 miljun) u l-Italja (EUR 22 miljun). F'dan ir-rigward, din l-inizjattiva konġunta tipprevedi l-protezzjoni ta' 60,000 migrant iżolat u fil-bżonn, it-twettiq ta' 24,000 ritorn u appoġġ għar-riintegrazzjoni tal-migranti, u l-informazzjoni u s-sensibilizzazzjoni dwar il-perikli u alternattivi għall-migrazzjoni irregolari lil 2,000 komunità f’żoni suxxettibbli għall-migrazzjoni u lil 200,000 migrant tul ir-rotta. L-azzjonijiet jappoġġjaw ukoll il-ġbir u l-analiżi ta' dejta f'kull pajjiż u f'livell reġjonali sabiex jiġu adattati l-politiki u l-azzjonijiet ibbażati fuq l-evidenza u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-gvernijiet u l-partijiet interessati lokali, biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà u s-sjieda tal-azzjonijiet.

(27)

Importanti wkoll huwa r-riżultat tal-proposta għal Qafas ta' Risistemazzjoni tal-Unjoni (COM(2016) 468 finali tat-13.7.2016).

(28)

     Dan jista' wkoll jibbenefika mis-servizzi ta’ Fużjoni tal-Eurosur.

(29)

     L-EUCAP Sahel Mali tnieda f'Jannar 2015 wara l-iskjerament ta' Missjoni ta’ Taħriġ tal-UE fil-Mali fl-2013, sabiex jitjiebu l-kapaċitajiet tal-forzi interni tas-sigurtà tal-Mali bl-għan li titjieb l-effiċjenza operattiva tagħhom, l-istabbiliment mill-ġdid tal-katini tal-ġerarkija tagħhom, it-tisħiħ tar-rwol tal-awtoritajiet ġudizzjarji u amministrattivi fir-rigward tal-ġestjoni u s-superviżjoni tal-missjoni tagħhom, u l-iffaċilitar tal-iskjerament mill-ġdid tagħhom lejn it-tramuntana tal-pajjiż.

(30)

     L-EUCAP Sahel Niger tnediet f’Lulju 2012 biex jitjiebu l-kapaċitajiet tal-forzi tas-sigurtà Niġerini fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata, u biex isir kontribut għat-tisħiħ tal-istabbiltà politika, is-sigurtà, u l-governanza fin-Niġer. Sa mill-2015 il-Missjoni qiegħda tgħin permezz ta' kontroll u ġestjoni aħjar tal-flussi migratorji, biex tiġġieled kontra l-migrazzjoni irregolari u biex jitnaqqas il-livell tal-kriminalità assoċjata.

(31)

     COM (2016) 960 finali tal-14.12.2016, It-Tieni Report ta' Progress: L-ewwel riżultati dwar il-Qafas ta' Sħubija ma' pajjiżi terzi skont l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni

(32)

     Proġett reġjonali ta’ EUR 6.4 miljun (finanzjament mill-Istrument Ewropew tal-Viċinat), l-implimentazzjoni ta’ approċċ komprensiv u kondiviż għat-tisħiħ tad-djalogu effettiv u tal-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet li jolqtu l-migrazzjoni, il-mobbiltà u l-protezzjoni internazzjonali fir-reġjun tal-viċinat tan-Nofsinhar.

(33)

   Proġett reġjonali ta’ EUR 1.9 miljun (finanzjament NEAR-TS), li jikkontribwixxi għat-titjib fil-livell ta' belt għall-ippjanar għall-migrazzjoni fir-reġjun tan-Nofsinhar tal-Mediterran permezz ta’: kooperazzjoni bejn rappreżentanti tal-ibliet u esperti permezz ta' netwerk dedikat f'ħamest ibliet tan-Nofsinhar u ħamest ibliet Ewropej.

(34)

     L-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta qiegħda tiddiskuti arranġament prattiku mal-awtoritajiet Eġizzjani.

(35)

     Filwaqt li n-negozjati tlestew, il-Prijoritajiet tas-Sħubija bejn l-UE u l-Eġittu għadhom ma ġewx adottati formalment.

(36)

     COM(2016) 385 finali tas-7 ta' Ġunju 2016.

(37)

     JOIN(2016) 47 finali tad-29 ta' Settembru 2016.

(38)

     Filwaqt li n-negozjati tlestew, il-Prijoritajiet tas-Sħubija bejn l-UE u l-Alġerija għadhom ma ġewx adottati formalment.

(39)

     Dan il-proġett jinkludi appoġġ għal stħarriġ statistiku dwar il-migrazzjoni, għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija Nazzjonali għall-Prevenzjoni u l-Ġlieda kontra t-Traffikar tal-Bnedmin u għal saħħet il-migranti (il-ġlieda kontra prevalenza tal-HIV u t-tuberkulożi).

(40)

     Din iċ-ċifra tinkludi EUR 30.5 miljun fi proġetti ta’ migrazzjoni fil-Libja ffinanzjati taħt l-Istrument Ewropew tal-Viċinat, l-Istrument li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi u l-Programmi Reġjonali għall-Iżvilupp u l-Protezzjoni, kif ukoll EUR 20 miljun iffinanzjati taħt il-Fond Fiduċjarju tal-UE għall-Afrika.

Top

Brussell, 25.1.2017

JOIN(2017) 4 final

ANNESS

tal-

KOMUNIKAZZJONI KONĠUNTA LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL EWROPEW U LILL-KUNSILL

Il-migrazzjoni fuq ir-rotta tal-Mediterran Ċentrali
Niġġestixxu l-flussi, insalvaw il-ħajjiet


AZZJONIJIET EWLENIN RAKKOMANDATI GĦALL-APPROVAZZJONI MILL-KAPIJIET TA’ STAT JEW GVERN FIS-SUMMIT TA’ MALTA TAT-3 TA’ FRAR 2017

JITNAQQAS L-GĦADD TA’ VJAĠĠI, JIĠU SALVATI L-ĦAJJIET FUQ IL-BAĦAR

Jiġi żgurat li jkun hemm finanzjament tal-programmi ta’ taħriġ għall-Gwardja tal-Kosta Libjana permezz ta’ żieda immedjata ta’ EUR 1 miljun lill-programm Seahorse u l-għoti ta’ EUR 2,2 miljun taħt il-Programm reġjonali għall-iżvilupp u l-protezzjoni fl-Afrika ta’ Fuq;

Jiġi żgurat li sorsi sostenibbli ta’ finanzjament ikopru bosta bżonnijiet ta’ taħriġ b’mod komplementari fil-ġejjieni;

L-awtoritajiet Libjani jiġu megħjuna biex iwaqqfu Ċentru ta’ Koordinazzjoni tas-Salvataġġ Marittimu u jtejbu l-koperazzjoni operattiva mal-Istati Membri.

Tiġi appoġġjata l-provvista ta’ assi għar-ronda addizzjonali lill-Gwardja tal-Kosta Libjana u tiġi żgurata l-manutenzjoni tagħhom.

TITQAWWA L-ĠLIEDA KONTRA L-KUNTRABANDISTI U T-TRAFFIKANTI

Jiġi żgurat li n-Netwerk Mediterranju Seahorse jibda jaħdem sar-rebbiegħa tal-2017, biex b’hekk ikun possibbli li jkun hemm iktar skambju ta’ informazzjoni u kordinazzjoni operattiva bejn il-Gwardja tal-Kosta Libjana u l-Istati Membri parteċipanti;

Jiġi mħeġġeġ is-sehem tat-Tuneżija, l-Alġerija u l-Eġittu fin-Netwerk Mediterranju Seahorse;

Jiġu mmirati l-provvisti tat-traffikanti permezz tal-ġbir komuni ta' riżorsi ta’ intelligence bejn l-Istati Membri, EUNAVFOR MED Sophia, l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, l-Europol, l-Interpol, u s-sħab fir-reġjun, partikolarment bl-użu tas-servizzi ta’ Fużjoni tal-Eurosur.

IL-ĦARSIEN TAL-MIGRANTI, IR-RITORN VOLONTARJU ASSISTIT U R-RISISTEMAZZJONI

Interazzjoni mal-awtoritajiet Libjani biex jiġi żgurat li l-kundizzjonijiet fiċ-ċentri għall-migranti jittejbu, b’attenzjoni speċjali tingħata lill-persuni vulnerabbli u lill-minorenni. Tiġi intensifikata l-kooperazzjoni mal-IOM u l-UNHCR f’dan ir-rigward;

Jiġu intensifikati l-ħidma u l-interazzjoni mal-muniċipalitajiet Libjani biex jiġu promossi sorsi ta’ għajxien alternattivi u tiġi appoġġjata r-reżiljenza tal-komunitajiet lokali li jospitaw lill-migranti;

Jiġi appoġġjat il-bini ta' kapaċità fil-ġestjoni tal-migrazzjoni għall-awtoritajiet Libjani;  

Jiġu appoġġjati, f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet Libjani, organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-UNHCR fl-indirizzar tas-sitwazzjoni tal-persuni li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali, inkluża l-possibbiltà ta’ risistemazzjoni;

Tiġi appoġġjata l-IOM f’xogħolha biex ittejjeb il-qagħda tal-migranti fil-Libja u biex timplimenta proġett għar-ritorn volontarju assistit mil-Libja, filwaqt li titqies l-espansjoni possibbli tagħha lil hinn mill-mira inizjali ta’ 5 000 migrant.

IL-ĠESTJONI TAL-FLUSSI MIGRATORJI MILL-FRUNTIERA TAN-NOFSINHAR

Tiġi skjerata l-medda sħiħa ta’ missjonijiet u proġetti tal-UE biex jappoġġjaw lill-awtoritajiet Libjani fil-ġestjoni tal-fruntieri u l-protezzjoni tal-migranti fin-nofsinhar tal-Libja;

Il-promozzjoni tal-kooperazzjoni, id-djalogu u l-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-fruntieri bejn il-Libja u l-ġirien fin-nofsinhar tagħha, inkluż billi tintuża l-Komunità ta’ Intelligence Afrika-Frontex sal-potenzjal sħiħ tagħha;

Abbażi tal-kooperazzjoni li diġà teżisti man-Niġer skont il-Qafas ta’ Sħubija, tittieħed iktar azzjoni biex tiġi indirizzata l-pressjoni migratorja lejn it-tramuntana, jiġi indirizzat it-traffikar u jiġi promoss ir-ritorn volontarju assistit.

KOOPERAZZJONI INTENSIFIKATA MAL-EĠITTU, IT-TUNEŻIJA U L-ALĠERIJA – IL-PREVENZJONI TAL-MIGRAZZJONI IRREGOLARI U L-ISPOSTAMENT TAR-ROTOT

Jiġu approfonditi d-djalogu u l-koperazzjoni operattiva dwar il-ġestjoni tal-flussi miratorji mal-Eġittu, it-Tuneżija u l-Alġerija;

Tissaħħaħ il-kooperazzjoni prattika mal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, inkluż dwar ir-ritorni.

JIĠI MMOBILIZZAT IL-FINANZJAMENT GĦALL-AFRIKA TA’ FUQ

Jiġu mmobilizzati EUR 200 miljun għat-taqsima tal-Afrika ta’ Fuq fil-Fond Fiduċjarju tal-UE għall-Afrika għall-proġetti fl-2017, filwaqt li jkun hemm enfasi prijoritarja fuq proġetti marbutin mal-migrazzjoni li jirrigwardaw il-Libja.

L-Istati Membri għandhom iqabblu l-kontribuzzjoni tal-UE għat-taqsima tal-Afrika ta’ Fuq tal-Fond Fiduċjarju tal-UE għall-Afrika.

Top