This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52017IR0851
Opinion of the European Committee of the Regions — on Investing in Europe’s youth and the European Solidarity Corps
Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar “Ninvestu fiż-żgħażagħ tal-Ewropa u l-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà”
Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar “Ninvestu fiż-żgħażagħ tal-Ewropa u l-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà”
ĠU C 306, 15.9.2017, p. 20–23
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
15.9.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 306/20 |
Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar “Ninvestu fiż-żgħażagħ tal-Ewropa u l-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà”
(2017/C 306/04)
|
RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA
IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI (KtR)
1. |
jenfasizza li, minkejja l-isforzi biex jitnaqqas il-qgħad fost iż-żgħażagħ, din il-problema tibqa’ mhux biss sfida soċjoekonomika kbira iżda ddgħajjef il-ġustizzja, l-ugwaljanza u s-solidarjetà, li huma l-bażi tal-proġett Ewropew; |
2. |
jilqa’ b’sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea, li tiġbed l-attenzjoni lejn it-tħassib tal-President tal-Kummissjoni Ewropea dwar is-sitwazzjoni diffiċli attwali ta’ għadd sinifikanti ta’ żgħażagħ milqutin mill-kriżi u li wasslet għal żewġ inizjattivi — “Ninvestu fiż-żgħażagħ tal-Ewropa” u “Korp Ewropew ta’ Solidarjetà”; |
3. |
jenfasizza l-importanza tal-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, kif ukoll ta’ atturi oħra, inklużi dawk mis-settur privat u l-korpi tat-tielet settur, għat-tressiq ta’ miżuri biex tiġi żgurata l-integrazzjoni taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol; |
4. |
jitlob lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jikkooperaw mas-settur privat u l-korpi tat-tielet settur, u jitlob biex il-programmi, li għandhom jiżguraw li t-taħriġ tal-ħaddiema jkun orjentat aktar mill-qrib lejn il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, jiġu żviluppati f’kooperazzjoni mas-settur privat u t-tielet settur; |
5. |
jenfasizza li l-qgħad fost iż-żgħażagħ jolqot il-livell lokali, nazzjonali u dak Ewropew, li l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali kif ukoll l-aġenda taż-żgħażagħ huma l-kompetenza tal-Istati Membri u, b’konformità mal-Artikolu 6 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), l-UE trid tappoġġja, tikkoordina u tikkomplementa l-miżuri tal-Istati Membri minħabba li t-tisħiħ tal-impjieg huwa kwistjoni ta’ interess komuni. jinnota li s-suċċess tal-miżuri rilevanti tal-UE, li għandhom ikunu konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà u l-prinċipju tal-proporzjonalità, jiddependi fuq il-kooperazzjoni mal-awtoritajiet lokali u reġjonali; |
Ninvestu fiż-Żgħażagħ tal-Ewropa
6. |
itenni li l-iżgurar ta’ opportunitajiet indaqs, il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u t-titjib tal-kompetittività taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol, filwaqt li jitrawmu l-parteċipazzjoni u l-kontribut attiv taż-żgħażagħ fil-perkors edukattiv u okkupazzjonali tagħhom, it-titjib tax-xogħol taż-żgħażagħ, in-nondiskriminazzjoni u l-fehim interkulturali, għandhom jibqgħu l-objettivi ewlenin tal-politika tal-UE dwar iż-żgħażagħ; jirrimarka li f’dan ir-rigward l-aċċess għall-faċilitajiet tat-trasport u l-aċċess għall-informazzjoni huma wkoll fatturi importanti li jippermettu opportunitajiet ugwali u dan il-punt irid jitqies; |
7. |
jirrakkomanda inċentiv integrat għal sħubija attiva fil-livelli kollha tal-gvern u tal-amministrazzjoni, li tkun responsabbli għal kooperazzjoni maż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet tagħhom; |
8. |
huwa konvint ukoll li għandhom jittieħdu miżuri sabiex iż-żgħażagħ jingħataw bidu aħjar fil-ħajja tax-xogħol tagħhom permezz ta’ investiment fl-għarfien tekniku u l-ħiliet komportamentali, u l-interazzjoni, il-ħiliet u l-esperjenza professjonali u soċjali tagħhom, billi jiġu appoġġjati biex jintegraw fid-dinja tax-xogħol billi joħolqu l-attività proprja tagħhom jew billi jiġu rreklutati f’impjieg li jikkorrispondi għall-profil tagħhom, u jsir investiment f’mudell li jiffavorixxi l-opportunitajiet ta’ riċiklaġġ permezz ta’ taħriġ li jista’ jiftħilhom opportunitajiet professjonali ġodda; |
9. |
jipproponi li miżura speċifika waħda għandha tkun li jiġu żviluppati u appoġġjati sessjonijiet ta’ ħidma għaż-żgħażagħ, fejn huma jkunu jistgħu jesperjenzaw tipi differenti ta’ professjonijiet u b’hekk potenzjalment isibu qasam ġdid ta’ xogħol li jkun jinteressahom; |
10. |
huwa tal-opinjoni li l-forom differenti ta’ investiment fiż-żgħażagħ – sew fit-tagħlim formali kif ukoll dak mhux formali – huma l-bażi għat-tiswir ta’ soċjetà aktar ġusta, miftuħa, inklużiva, li tiffunzjona tajjeb u demokratika, karatterizzata mill-mobilità soċjali, l-integrazzjoni interkulturali, kif ukoll l-iżvilupp sostenibbli u t-tkabbir sostenibbli; huwa konvint ukoll dwar l-importanza li jinħolqu opportunitajiet għaż-żgħażagħ tagħna li jippermettulhom ikollhom aċċess xieraq għall-beni komuni maħluqa mill-UE kif ukoll li jippermettulhom jikkontribwixxu b’mod aktar attiv għal proġetti ta’ solidarjetà u għat-tiswir tal-ġejjieni tal-Ewropa; |
11. |
jinnota li s-sitwazzjoni tas-suq tax-xogħol għaż-żgħażagħ tjiebet b’mod konsiderevoli tul dawn l-aħħar snin f’ħafna Stati Membri, iżda l-4 miljun żgħażugħ bla xogħol huma sors ta’ tħassib kbir, b’diverġenzi notevoli mhux biss fost l-Istati Membri iżda wkoll fi ħdanhom; jinnota li minkejja l-miżuri u l-proġetti li twettqu fil-livell Ewropew u nazzjonali tul dawn l-aħħar snin bil-għan li jiżdiedu l-attivazzjoni professjonali u r-rata ta’ impjieg fost iż-żgħażagħ, hemm bżonn ta’ azzjonijiet kontinwi fl-Istati Membri u fl-UE; |
12. |
jinsab partikolarment imħasseb dwar il-fatt li l-edukazzjoni ta’ ħafna żgħażagħ ma tistax tilqa’ l-isfidi tas-suq tax-xogħol modern u li ma jeżistix appoġġ biżżejjed għall-iżvilupp ta’ proġetti intraprenditorjali u għall-innovazzjoni u r-riċerka, peress li t-tibdil li jsir fis-sistemi edukattivi fl-Istati Membri mhux biżżejjed biex ilaħħaq mal-iżviluppi dinamiċi ekonomiċi u soċjali. Ir-riżultat huwa li ħafna żgħażagħ ma jissodisfawx l-aspettattivi soċjali u personali meta jidħlu fis-suq tax-xogħol; |
13. |
hu tal-fehma li r-riżultati tar-riċerka, li juru li aktar minn nofs iż-żgħażagħ Ewropej iħossuhom marġinalizzati soċjalment, ekonomikament u politikament, minkejja li fl-istess ħin jesprimu b’mod ċar ir-rieda tagħhom li jipparteċipaw f’dawn l-oqsma f’pajjiżhom, huma sors ewlieni ta’ tħassib; barra dan, il-Kumitat jirrimarka wkoll li ż-żgħażagħ qed juru passività dejjem akbar fir-rigward tal-problemi soċjali, s-sitwazzjoni ekonomika u l-politika; |
14. |
jinnota b’sodisfazzjon li l-Kummissjoni Ewropea rrikonoxxiet il-ħtieġa li l-miżuri f’dawn l-oqsma għandhom jiffokaw primarjament fuq l-Istati Membri; Il-Kumitat jaqbel mal-fehma li huma qabel kollox l-Istati Membri u l-gvernijiet reġjonali u lokali tagħhom li għandhom ifittxu biżżejjed metodi u mezzi biex jiksbu l-objettivi stabbiliti. Il-Kummissjoni għalhekk għandha tipprovdi l-akbar appoġġ possibbli ta’ dawn il-miżuri u għandha tikkoordina b’mod effettiv u effiċjenti l-isforzi magħmula minn kull Stat Membru sabiex jiġi żgurat effett multiplikatur pożittiv madwar l-UE; |
15. |
jinnota b’mod partikolari f’dan il-kuntest li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jaqdu rwol fundamentali fl-implimentazzjoni tal-miżuri ppjanati fl-Istati Membri individwali; |
16. |
iqis li l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma dawk li l-aktar jifhmu ċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-livell lokali, supralokali u reġjonali minħabba li huma qrib tal-aktar problemi soċjali urġenti. Fl-istess waqt, dawn diġà għandhom istituzzjonijiet eżistenti, li ġeneralment huma effettivi, u li ilhom is-snin jindirizzaw l-isfidi f’dan il-qasam; huwa tal-opinjoni li l-konċentrazzjoni tal-isforzi u r-riżorsi, bl-għajnuna ta’ dawn l-istituzzjonijiet ittestjati u demokratikament leġittimizzati mill-komunitajiet lokali, hija l-aktar għażla effettiva sabiex il-miżuri ppjanati jiġu implimentati kemm jista’ jkun malajr u bl-aktar mod effettiv; |
17. |
jilqa’ l-firxa wiesgħa ta’ miżuri implimentati fi ħdan l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali; Jistenna li r-reviżjoni tal-QFP li ser issir dalwaqt ser tkompli tagħti attenzjoni xierqa wara l-2020 lill-isfidi soċjali multipli tal-UE, inkluż l-edukazzjoni, l-impjieg taż-żgħażagħ u l-inklużjoni soċjali, u li għandha tingħata attenzjoni partikolari lir-reġjuni inqas favoriti, kif deskritt fl-Artikolu 174 tat-TFUE; |
18. |
jikkunsidra li l-miżuri meħuda mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) fir-rigward tal-intraprendituri żgħażagħ għandhom jintlaqgħu bl-istess mod; fl-istess ħin jenfasizza l-importanza tal-aċċess għall-finanzi u jħeġġeġ għall-kontinwazzjoni ta’ miżuri bħal dawn; |
19. |
itenni l-appoġġ tiegħu għall-iskema tal-“Garanzija għaż-Żgħażagħ”; Fid-dawl ta’ xi wħud mill-isfidi ffaċċjati fil-livell lokali u reġjonali, jappella lill-Kunsill biex jaħdem favur proċeduri ssemplifikati għal remunerazzjoni ta’ apprendistati sabiex jiżgura li l-proċeduri ma jkunux ta’ diżinċentiv; |
20. |
jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tinkludi l-pożizzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fir-reviżjoni tal-Istrateġija Ewropea taż-Żgħażagħ wara l-2018; |
21. |
jenfasizza wkoll li l-Kummissjoni Ewropea, fl-isforzi tagħha biex tiżgura edukazzjoni vokazzjonali ta’ kwalità għolja u biex tiżviluppa sistemi ta’ taħriġ vokazzjonali li jiffaċilitaw id-dħul fis-suq tax-xogħol għaż-żgħażagħ, għandha tikkunsidra wkoll il-kisba tal-għarfien u l-ħiliet miż-żgħażagħ, b’mod partikolari l-ħiliet prattiċi li jistgħu jinkisbu f’kuntesti ta’ edukazzjoni mhux formali u informali. Itenni f’dan ir-rigward l-appell tiegħu għal kooperazzjoni żviluppata abbażi ta’ sħubijiet bejn l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, l-intrapriżi, l-impjegati u l-assoċjazzjonijiet tagħhom kif ukoll l-atturi tas-soċjetà ċivili, bl-għan li jitqiesu aktar il-ħiliet u l-kwalifiki miksuba permezz tat-tagħlim mhux formali u informali (1); huwa konvint ukoll mill-importanza li jiġu rikonoxxuti sistemi ta’ validazzjoni uniformi kapaċi jirrikonoxxu u jifformalizzaw il-ħiliet trasversali miksubin mill-edukazzjoni mhux formali, u li ssir ħidma sakemm is-suq tax-xogħol jirrikonoxxi l-valur tagħhom flimkien mal-gradi tal-edukazzjoni formali; |
22. |
jinnota b’sodisfazzjon partikolari li l-Kummissjoni Ewropea tirrikonoxxi l-importanza tal-programm ERASMUS+ bħala wieħed mill-aktar strumenti importanti għat-tisħiħ tal-attivazzjoni professjonali transkonfinali taż-żgħażagħ kif ukoll sabiex jiġu pprovduti bit-taħriġ għall-ħiliet edukattivi u personali, u jissawwar l-għarfien tagħhom tal-Ewropa u s-suq globali; jilqa’ b’sodisfazzjon l-attività internazzjonali tal-partijiet interessati prinċipali kollha involuti fil-promozzjoni ta’ dan l-iskambju, inklużi l-iskejjel u l-istituti tat-taħriġ vokazzjonali; jenfasizza li dan il-programm għandu jissaħħaħ aktar, anke permezz ta’ żieda fl-approprjazzjonijiet disponibbli fil-qafas baġitarju attwali; jinnota, f’dan il-kuntest, li sabiex jissaħħaħ l-impatt tal-mobilità u l-istrumenti tat-taħriġ (formali u informali) fi ħdan il-qafas tal-ERASMUS+, għandu jissaħħaħ ukoll ir-rwol tal-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja, tal-universitajiet u tal-korpi tas-settur terzjarju bħala l-istituzzjonijiet li huma direttament responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ dan il-programm; jirrakkomanda soluzzjonijiet li jippermettu lill-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja u lill-NGOs jiżviluppaw strumenti aktar effettivi għall-iżvilupp ta’ strumenti internazzjonali għall-mobilità u t-taħriġ; |
Il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà
23. |
jilqa’ l-idea li jiġi stabbilit Korp Ewropew ta’ Solidarjetà u jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li, għar-reġistrazzjoni ta’ persuni interessati fl-attivitajiet tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà, intgħażlet il-forma kontemporanja ta’ portal tal-internet li tfassal speċifikament għal dan il-għan. Għandu jkun possibbli li dan il-mezz ta’ reġistrazzjoni jiġi kkomplementat minn għdod oħra li jiżguraw u jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ kollha, speċjalment dawk fis-sitwazzjonijiet l-aktar vulnerabbli. Dan il-metodu għandu jiżgura t-tixrid tal-kunċett tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà u b’mod partikolari tal-importanza tas-solidarjetà bħala waħda mir-rabtiet importanti tal-komunità Ewropea. Il-Kumitat jenfasizza wkoll li għandhom jinstabu soluzzjonijiet li jiżguraw li ż-żgħażagħ ikunu jistgħu jipparteċipaw fil-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà irrispettivament mis-sitwazzjoni soċjoekonomika u l-livell ta’ edukazzjoni tagħhom. Jinħtieġ ukoll li jiġi żgurat li anke ż-żgħażagħ li jkollhom aċċess limitat biss għall-internet ikunu jistgħu jipparteċipaw fil-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà; |
24. |
jistieden lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tistabbilixxi malajr il-bażi legali tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà, u sabiex tipproponi mezz sostenibbli għall-iffinanzjar tiegħu wara l-2017 li permezz tiegħu jiġi evitat piż żejjed fuq il-programmi ta’ finanzjament eżistenti bħall-Erasmus+ u li jkun jista’ jindirizza l-aspettattivi ta’ għadd li qed jikber malajr ta’ żgħażagħ li japplikaw biex jissieħbu fil-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà; |
25. |
jirrimarka li din l-inizjattiva ma għandha toħloq l-ebda burokrazija żejda għal żgħażagħ li jkunu jridu jipparteċipaw u għandha tinvolvi l-organizzazzjonijiet eżistenti taż-żgħażagħ fl-Istati Membri, kif ukoll l-istituzzjonijiet eżistenti, b’mod partikolari fil-livell lokali, supralokali u reġjonali, li huma responsabbli għall-politika taż-żgħażagħ u l-appoġġ tal-organizzazzjonijet taż-żgħażagħ; |
26. |
jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li, sabiex jiġi promoss il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà, għandha tiġi stabbilita sistema amministrattiva li tkun tista’ tissemplifika l-parteċipazzjoni fil-volontarjat, kemm għall-parteċipanti kif ukoll għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; |
27. |
jenfasizza li ż-żewġ pilastri tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà (attivitajiet professjonali u ta’ volontarjat) għandhom jikkomplementaw lil xulxin, iżda jkunu separati b’mod ċar minn xulxin biex b’hekk jippermettu l-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu neċessarji għall-prevenzjoni ta’ impjieg mhux iddikjarat; fl-istess ħin, il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà m’għandux jintuża biex il-volontarjat mhux imħallas jieħu post l-impjiegi bi ħlas; |
28. |
jirrimarka li fil-Karta tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-aspett prattiku tas-solidarjetà Ewropea, jiġifieri l-ħolqien ta’ relazzjonijiet dejjiema bejn il-popli tal-Komunità Ewropea filwaqt li jissaħħaħ is-sens ta’ identità Ewropea; |
29. |
jinnota b’sodisfazzjon li ġie enfasizzat il-valur tal-kooperazzjoni interreġjonali u transkonfinali, iżda jinsisti li l-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà għandu jiffoka wkoll fuq attivitajiet volontarji fil-livell lokali. Parti konsiderevoli tal-attività volontarja tiġi provduta fil-post ta’ residenza tal-voluntiera. L-enfasi fuq dan it-tip ta’ attivitajiet volontarji li huma ta’ benefiċċju għall-popolazzjoni lokali, jista’ wkoll jikkontribwixxi għat-tisħiħ tas-suq tax-xogħol, il-prevenzjoni tal-esklużjoni soċjali u l-evitar tad-depopolazzjoni rurali; |
30. |
jappoġġja l-għan tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà li jgħin lil dawk fil-bżonn; jikkunsidra li l-ħtiġijiet u l-istennijiet tal-popolazzjoni lokali għandhom ikunu kriterji importanti għall-valutazzjoni tal-kwalità tal-proġetti; |
31. |
jinnota li għandu jinħoloq qafas komuni għall-kooperazzjoni bejn il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà, il-Korp tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Paċi, il-Korp għall-Paċi tal-Istati Uniti u organizzazzjonijiet oħra simili; |
32. |
jenfasizza li l-attivitajiet tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà għandhom jitfasslu b’tali mod li jagħmlu użu mill-potenzjal eżistenti tal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ Ewropej u l-attivitajiet volontarji tal-membri ta’ dawn l-organizzazzjonijiet. huwa tal-fehma li l-għan tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà ma jistax ikun li jassumi jew jissostitwixxi l-attivitajiet ta’ dawn l-organizzazzjonijiet, iżda li jikkomplementahom; jinnota li biex il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà ikun ta’ suċċess huwa kruċjali li jinvolvi l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ attivi fl-Ewropa u b’hekk iħeġġiġhom jaħdmu ma’ dan il-korp. Barra minn hekk jenfasizza li, matul it-tfassil tal-istrateġija tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà, jeħtieġ li jiġi rikonoxxut ir-rwol estremament importanti tal-esperjenza akkumulata tul dawn l-għexieren ta’ snin mill-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ Ewropej fl-oqsma tal-ġestjoni tal-volontarjat u l-iżvilupp komunitarju, u li din l-istrateġija tibni fuq din il-bażi ta’ għarfien; |
33. |
jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jiġu stabbiliti għodod għall-monitoraġġ u l-appoġġ taż-żgħażagħ li jipparteċipaw sabiex tiġi żgurata l-kwalità tal-attivitajiet offruti mill-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà, kif ukoll sabiex jiġi żgurat li ż-żgħażagħ jitħarrġu u jitħejjew għall-parteċipazzjoni tagħhom fl-attivitajiet differenti offruti mill-Korp. Barra minn hekk, organizzazzjonijiet ospitanti involuti fil-fergħa professjonali, b’mod speċjali fir-rigward ta’ taħriġ intern (internships) u apprendistati, għandhom isegwu prinċipji u standards bħal dawk deskritti fil-Karta Ewropea tal-Kwalità dwar l-Internships u l-Apprendistati sabiex jiġu garantiti impjiegi ta’ kwalità; |
34. |
hemm bżonn jiġi kjarifikat kif għandha tissawwar ir-relazzjoni futura bejn il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà u s-Servizz Volontarju Ewropew biex tiġi evitata d-duplikazzjoni u jiġu żgurati l-kontinwità u l-fluwidità tal-opportunitajiet tal-UE; |
35. |
jirrimarka li, minbarra l-istabbiliment ta’ Korp Ewropew ta’ Solidarjetà, għandha tiġi żviluppata wkoll sistema għar-rikonoxximent tal-ħiliet miksuba fil-qafas tal-ħidma volontarja fi ħdan il-Korp, kemm fis-setturi pubbliċi u privati kif ukoll fl-istabbilimenti ta’ edukazzjoni għolja. Dawn jiffurmaw parti minn edukazzjoni mhux formali, li attwalment mhijiex riflessa f’sistema adegwata għal rikonoxximent formali tal-kwalifiki; |
36. |
jenfasizza li l-miżuri li jippermettu liż-żgħażagħ jiksbu ħiliet addizzjonali permezz tax-xogħol jew il-volontarjat huma ta’ benefiċċji kemm għas-settur pubbliku kif ukoll dak privat peress li jsaħħu l-impjegabbiltà taż-żgħażagħ, waqt li tinħoloq riserva aktar kompetittiva ta’ talenti minn fejn ikunu jista’ jsir ir-reklutaġġ; għaldaqstant jitlob għal aktar kooperazzjoni mas-settur privat biex jiġi analizzat kif il-ħiliet miksuba jistgħu jikkorrispondu aħjar mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol. |
Brussell, il-11 ta’ Mejju 2017.
Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni
Markku MARKKULA
(1) Opinjoni tal-KtR dwar Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa (COR-2016-04094).