EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017IP0345

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Settembru 2017 dwar ir-relazzjonijiet politiċi tal-UE mal-Amerika Latina (2017/2027(INI))

ĠU C 337, 20.9.2018, p. 71–81 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

20.9.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 337/71


P8_TA(2017)0345

Ir-relazzjonijiet politiċi tal-UE mal-Amerika Latina

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Settembru 2017 dwar ir-relazzjonijiet politiċi tal-UE mal-Amerika Latina (2017/2027(INI))

(2018/C 337/11)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), u b'mod partikolari t-Titolu V tiegħu dwar l-azzjoni esterna tal-UE,

wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b'mod partikolari l-Ħames Parti, Titoli I-III u V tiegħu (Politika Kummerċjali Komuni, Kooperazzjoni fl-Iżvilupp u Għajnuna Umanitarja, u Ftehim Internazzjonali),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-17 ta' Ottubru 2016 dwar l-Istrateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Settembru 2009 bit-titolu “L-Unjoni Ewropea u l-Amerika Latina: Atturi Globali fi Sħubija” (COM(2009)0495),

wara li kkunsidra r-rabtiet kulturali, lingwistiċi, politiċi u storiċi qawwija parzjalment stabbiliti minħabba deċennji ta' migrazzjoni intensa bejn l-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi tal-Amerika Latina u l-Karibew (ALK),

wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fid-dinja fl-2015 (Kwistjonijiet tal-Pajjiżi u Reġjonali),

wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tas-summits tal-Kapijiet ta' Stat jew Gvern tal-Amerika Latina u l-Karibew u tal-Unjoni Ewropea li saru s'issa u, b'mod partikolari, id-Dikjarazzjoni tat-tieni Summit bejn l-UE u l-Komunità ta' Stati tal-Amerika Latina u tal-Karibew (CELAC), li sar fi Brussell bejn l-10 u l-11 ta' Ġunju 2015 bit-tema “Shaping our common future: (Insawru l-futur komuni tagħna:) working together for prosperous, cohesive and sustainable societies for our citizens” (naħdmu flimkien għal soċjetajiet prosperużi, koeżi u sostenibbli għaċ-ċittadini tagħna), li adottat id-dikjarazzjoni politika bit-titolu “A Partnership for the next generation” (Sħubija għall-ġenerazzjoni li jmiss),

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili UE-CELAC tal-11 ta' Mejju 2015 bit-titolu “Equality, rights and democratic participation for the peoples of Europe and Latin America and the Caribbean” (Ugwaljanza, drittijiet u parteċipazzjoni demokratika għall-popli tal-Ewropa, u tal-Amerika Latina u l-Karibew),

wara li kkunsidra l-komunikat konġunt tal-ewwel Laqgħa Ministerjali bejn Summit u ieħor UE-CELAC, li saret f'Santo Domingo (ir-Repubblika Dominikana) bejn il-25 u s-26 ta' Ottubru 2016,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni adottata fil-25 Summit Ibero-Amerikan tal-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern, li sar f'Cartagena de Indias (il-Kolombja) bejn it-28 u d-29 ta' Ottubru 2016 bit-titolu “Youth, Entrepreneurship and Education” (Żgħażagħ, Intraprenditorija u Edukazzjoni),

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni politika tal-ħames konferenza tas-Summit tal-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern tas-CELAC li sar f'Punta Cana (ir-Repubblika Dominikana) fil-25 ta' Jannar 2017,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Jannar 2016 b'appoġġ għall-proċess ta' paċi fil-Kolombja (1),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar il-Venezwela, b'mod partikolari dawk tat-8 ta' Ġunju 2016 (2) u tas-27 ta' April 2017 (3) dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela,

wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva tal-5 ta' Lulju 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika ta' Kuba, min-naħa l-oħra (4),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2014 dwar l-għajbien ta' 43 student fil-Messiku (5),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana (EuroLat), b'mod partikolari dawk tat-22 ta' Settembru 2016 dwar l-aspetti kummerċjali tad-diversi negozjati UE-ALK li għaddejjin bħalissa (6), dwar il-ġlieda kontra l-faqar bħala parti mill-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) fl-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli (7), dwar il-finanzjament tal-partiti politiċi fl-Unjoni Ewropea u l-Amerika Latina (8), u dwar ir-relazzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji mar-Repubblika Popolari taċ-Ċina mill-perspettiva tas-Sħubija Strateġika Bireġjonali UE-ALK (9), u tad-29 ta' Marzu 2014 dwar il-femminiċidju fl-Unjoni Ewropea u l-Amerika Latina (10),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-EuroLat tat-22 ta' Settembru 2016 dwar il-migrazzjoni, l-iżvilupp u l-kriżi ekonomika (11),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Mejju 2010 dwar l-istrateġija tal-UE għar-relazzjonijiet mal-Amerika Latina (12),

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar il-punt (ii) tal-punt (b) tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament (UE) Nru 233/2014 tal-11 ta' Marzu 2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi strument ta' finanzjament għall-kooperazzjoni tal-iżvilupp għall-perjodu 2014-2020,

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 233/2014 tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp għall-perjodu 2014-2020,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Nru 169 tal-ILO dwar il-Popli Indiġeni u Tribali f'Pajjiżi Indipendenti, partikolarment l-Artikolu 14 tagħha, dwar id-drittijiet ta' sjieda u pussess tal-popli kkonċernati fir-rigward tal-artijiet li jokkupaw tradizzjonalment,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rwol tal-UE fil-promozzjoni ta' Sħubija Trans-Atlantika usa' (13),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet magħmula fir-Rapport Speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar l-effikaċja tat-taħlit ta' għotjiet tal-faċilità ta' investiment reġjonali flimkien ma' self minn istituzzjonijiet finanzjarji bħala appoġġ għall-politiki esterni tal-UE,

wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A8-0268/2017),

A.

billi r-reġjun tal-Amerika Latina u l-Karibew (ALK) jikkostitwixxi sieħeb ewlieni għall-UE fir-rigward tal-indirizzar b'mod konġunt tal-isfidi globali preżenti, bħall-qerda tal-faqar, l-aċċess għall-ilma tax-xorb, ir-rispett universali għad-drittijiet tal-bniedem, il-paċi u s-sigurtà, l-iżvilupp soċjoekonomiku, in-nuqqas ta' governanza tajba, is-sostenibbiltà, il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, it-trasformazzjoni diġitali u l-ġestjoni tal-migrazzjoni;

B.

billi s-sħubija UE-ALK hi bbażata fuq rabtiet storiċi u kulturali mill-qrib, fuq skambji interpersonali estensivi, kummerċ qawwi u dejjem jikber u flussi ta' investiment u valuri kondiviżi bħad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt;

C.

billi t-33 pajjiż tal-ALK għandhom realtajiet politiċi, ekonomiċi u kulturali differenti li jirrikjedu approċċi differenti f'qafas koerenti u konsistenti fil-kuntest tal-azzjoni esterna tal-UE, filwaqt li dejjem jiġu difiżi l-valuri tal-UE dwar id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem;

D.

billi s-sħubija fit-tul bejn l-UE u l-pajjiżi tal-ALK hi msejsa fuq rabtiet storiċi, kulturali, umani u ekonomiċi, li ma jridux jiġu sottovalutati u għandhom ikunu prinċipji u valuri komuni b'orjentazzjoni aktar orizzontali, inkluż ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, l-istat tad-dritt, il-paċi u s-sigurtà internazzjonali, u l-appoġġ konġunt għal sistema multilaterali ta' governanza globali bbażata fuq regoli u djalogu komuni;

E.

billi l-UE u l-pajjiżi tal-ALK flimkien jikkostitwixxu terz tal-popolazzjoni totali tal-membri tan-Nazzjonijiet Uniti u jirrappreżentaw madwar 25 % tal-PDG globali;

F.

billi l-intensifikar tad-djalogu politiku u l-kooperazzjoni dwar il-migrazzjoni, it-tibdil fil-klima, l-enerġija u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, kif ukoll l-investiment f'rabtiet soċjoekonomiċi aktar profondi permezz tal-iffaċilitar tal-viża, tal-iskambji bejn l-istudenti u l-kooperazzjoni fir-riċerka, huma prijoritajiet għal azzjoni esterna tal-UE mal-pajjiżi tal-ALK;

G.

billi s-Sħubija Strateġika Bireġjonali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Amerika Latina u l-Karibew li tnediet f'Ġunju 1999 biex issaħħaħ ir-relazzjonijiet bejn iż-żewġ reġjuni għadha mhijiex suċċess ikkonsolidat;

H.

billi fl-aħħar deċennju, ir-reġjun tal-ALK għadda minn tibdil sinifikanti, bħall-pereżempju, il-fatt li parti kbira mill-popolazzjoni saret tagħmel parti mill-klassi medja, dan permezz ta' riformi ekonomiċi u politiki soċjali, ta' ridistribuzzjoni akbar tal-ġid iġġenerat mill-pajjiżi fir-reġjun, li jippermetti t-titjib tal-aċċess għall-edukazzjoni, is-saħħa u l-akkomodazzjoni deċenti, kif ukoll għall-konsolidazzjoni ġenerali tad-demokrazija, iżda anke fi tmiem tas-superċiklu tal-komoditajiet li wassal lil miljuni ta' nies f'riskju li jaqgħu lura fil-faqar;

I.

billi, wara deċennju ta' tkabbir ekonomiku impressjonanti, it-tmiem taċ-ċiklu ta' prezzijiet għaljin għall-materja prima, li fuqhom jiddependu l-parti l-kbira tal-pajjiżi tal-ALK, flimkien mat-tnaqqis ekonomiku fiċ-Ċina, li issa saret it-tieni l-ikbar sieħba kummerċjali wara l-Istati Uniti, ħolqu staġnar ekonomiku u saħansitra wasslu għal riċessjoni f'bosta pajjiżi tar-reġjun, li kkomprometta ħafna mill-progress li sar u li qed iħalli lil miljuni ta' persuni f'riskju li jaqgħu lura fil-faqar;

J.

billi f'xi pajjiżi tal-Amerka Latina hemm talba qawwija ħafna għal demokrazija u parteċipazzjoni akbar, kif ukoll għal politiki ekonomiċi sostenibbli;

K.

billi hu kruċjali li l-istat tad-dritt jirrifletti qafas legali stabbli bil-garanzija ta' ċertezza legali sabiex jiġu attirati l-investimenti meħtieġa biex jiġi promoss l-irkupru ekonomiku;

L.

billi r-rispett għall-istat tad-dritt u għal qafas legali u politiku stabbli jippermetti liż-żewġ reġjuni jeżerċitaw intraprenditorija ħielsa u li jkollhom ambjent li jappoġġa l-investiment li jkun jinkludi s-salvagwardji tal-prinċipju taċ-ċertezza legali;

M.

billi l-livelli ta' inflazzjoni għoljin ixekklu t-tkabbir u għaldaqstant iridu jiġu indirizzati minnufih; billi r-rati ta' skambju affidabbli huma kruċjali għall-iżvilupp ekonomiku ta' pajjiż; billi hu essenzjali li tiġi implimentata politika industrijali li tkabbar il-produttività, tiddiversifika l-ekonomija u tattira l-investiment;

N.

billi l-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-pajjiżi tal-ALK jgħinu biex jitjieb id-djalogu politiku u kummerċjali, kif ukoll il-klima għall-investiment, billi jiftħu s-settur tas-servizzi u s-swieq tal-akkwist pubbliku u jippermettu l-implimentazzjoni ta' proġetti tal-infrastruttura;

O.

billi hi ta' importanza kbira li l-Amerka Latina u l-UE jiżviluppaw aġenda kondiviża;

P.

billi fis-snin reċenti l-UE esperjenzat bidliet qawwija, partikolarment il-kriżi ekonomika, u l-isfidi marbuta mal-Brexit u l-kriżi tar-rifuġjati;

Q.

billi l-bidliet ġeopolitiċi ewlenin li qed iseħħu attwalment fil-pajjiżi tal-ALK, u li huma kkaratterizzati mill-preżenza dejjem akbar, fost l-oħrajn, ta' stati Asjatiċi li qed ifittxu sħubija ekonomika fir-reġjun, jirrikjedu li l-UE ssaħħaħ il-pożizzjoni tagħha bħala alleata reali għas-sħab tagħha fir-reġjun tal-ALK, mhux biss f'termini ta' skambju ekonomiku, iżda bħala sieħba fil-progress soċjali u d-difiża ta' valuri komuni;

R.

billi l-Ftehim Globali bejn l-UE u l-Messiku, il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u ċ-Ċili u l-Ftehim ta' Qafas ta' Koperazzjoni Interreġjonali UE-Mercosur daħlu fis-seħħ fl-1997, fl-2003 u fl-1999 rispettivament; billi, minħabba l-importanza tagħhom għall-UE u għall-pajjiżi tal-ALK, in-negozjati kontinwi dwar l-aġġornament ta' dawn il-ftehimiet jeħtieġu spinta ambizzjuża sabiex jinkisbu l-iktar riżultati moderni u progressivi;

S.

billi l-UE hi s-sors ewlieni ta' assistenza għall-iżvilupp, kif rifless fl-Istrument ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI) 2014-2020, hi l-investitur ewlieni u waħda mis-sħab kummerċjali prinċipali mar-reġjun tal-ALK, u billi l-kooperazzjoni Ewropea hi qawwija bħala riżultat tal-kooperazzjoni finanzjarja u triangulari;

T.

billi l-Kummissjoni qiegħda tfassal aġenda ta' żvilupp ġdida bħala parti mill-Aġenda 2030 u billi l-kunċett ta' żvilupp sostenibbli jrid jiġi applikat fi u jinkludi lill-pajjiżi kollha fl-Amerika Latina (inkluż il-pajjiżi bi dħul medju), u billi dan l-approċċ il-ġdid irid jikkunsidra kriterji oħrajn apparti d-dħul per capita;

U.

billi l-pajjiżi tal-ALK ġew relegati sistematikament fit-tieni post fid-definizzjoni tal-prijoritajiet ewlenin tal-politika esterna tal-UE, u dan minkejja r-rabtiet kulturali u lingwistiċi ovvji li storikament jorbtuha mal-pajjiżi tal-ALK, u minkejja l-bżonn li jinstabu alleati ġodda fid-dawl tat-telf ta' influwenza ġeopolitika dejjem akbar tagħha fid-dinja;

V.

billi r-reġjun tal-Atlantiku kollu kemm hu – inkluż l-UE, l-Amerika ta' Fuq, l-Amerika Ċentrali, l-Amerika t'Isfel u l-pajjiżi tul il-kosta Atlantika tal-Afrika – hu importanti ħafna, bħal ma hu l-bżonn ta' kooperazzjoni bejn ir-reġjuni u l-pajjiżi Atlantiċi, sabiex dawn kollha jkunu jistgħu jindirizzaw l-isfidi kondiviżi ffaċċjati minn din iż-żona kbira ħafna;

W.

billi l-Konferenza Ministerjali tad-WTO li jmiss ser issir fi Buenos Aires f'Diċembru 2017, u billi d-delegazzjonijiet parlamentari mill-Istati Membri, ukoll se jiltaqgħu tul dik il-konferenza;

X.

billi l-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli tiżgura l-aċċess universali għall-informazzjoni u l-ħarsien tal-libertà tal-espressjoni;

Y.

billi l-aħjar 10 pajjiżi f'termini ta' governanza tal-enerġija u 20 % tar-riżervi taż-żejt dinji jinsabu fl-Amerika Latina;

Z.

billi żewġ pajjiżi tal-Amerika Latina, il-Messiku u l-Brażil, ġew identifikati bħala sieħba strateġiċi tal-UE;

1.

Jissottolinja li s-sħubija bireġjonali UE-ALK hi bbażata fuq prinċipji, valuri u interessi komuni, bħad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, il-paċi u s-solidarjetà, l-istat tad-dritt u l-ġudikatura indipendenti, kif ukoll fuq l-impenn li dawn jinżammu f'rabta orizzontali u li din saret essenzjali għall-progress tal-iskambji bireġjonali u ta' kooperazzjoni; jisħaq li fid-dawl tal-kriżi ekonomika, l-UE u l-pajjiżi tal-ALK qegħdin jiffaċċjaw sfidi komuni fl-oqsma tat-tkabbir tal-iżvilupp sostenibbli u fil-ġlieda kontra l-qgħad, it-trasformazzjoni diġitali, l-inklużjoni soċjali u l-ugwaljanza bejn is-sessi, filwaqt li fl-istess ħin jikkondividu valuri komuni;

2.

Jenfasizza l-fatt li x-xenarju ġeopolitiku l-ġdid jikkunsidra t-tisħiħ tar-reġjun tal-ALK bħala prijorità strateġika, u opportunità għall-politika barranija tal-UE, billi ż-żewġ reġjuni jikkondividu viżjoni komuni tad-dinja bbażata fuq il-multilateraliżmu, id-djalogu, is-sostenibbiltà, l-istat tad-dritt, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u s-soċjetajiet miftuħa inklużivi; jirrikonoxxi d-diversità pożittiva u għanja tal-atturi fir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-pajjiżi tal-ALK, inklużi l-istati, l-ibliet u l-entitajiet lokali kif ukoll l-universitajiet, is-soċjetà ċivili, il-korporazzjonijiet u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew; jappella għal aktar koordinament tal-ftehimiet, għal azzjonijiet ta' kooperazzjoni u għal kuntatti politiċi ta' livell għoli;

3.

Iqis li l-espansjoni tal-kooperazzjoni politika u ekonomika u l-bini ta' sħubijiet aktar b'saħħithom mal-pajjiżi tal-ALK huma kruċjali, bħala azzjonijiet komplementari kemm f'livell bireġjonali, subreġjonali kif ukoll f'livell bilaterali; jisħaq dwar il-bżonn li din il-kooperazzjoni tikkontribwixxi b'mod effettiv għall-ikkonsolidar tat-tkabbir ekonomiku permezz ta' politiki ta' żvilupp soċjoekonomiċi, filwaqt li jiġu żgurati l-inklużjoni soċjali, il-libertajiet ċivili u d-drittijiet tal-bniedem u t-tnaqqis tal-faqar; jemmen li s-sħubija UE-ALK u l-ftehimiet ta' assoċjazzjoni għandhom jikkunsidraw id-differenzi ekonomiċi bejn ir-reġjuni u għandhom jaraw li l-assimetriji eżistenti ma jmorrux għall-agħar; jinnota li l-preżenza ta' kumpanniji Ewropej hi importanti ħafna għall-ekonomiji nazzjonali tal-pajjiżi tal-Amerika Latina u jisħaq li l-attivitajiet tagħhom iridu jkunu soġġetti għar-regoli u l-proċessi ta' monitoraġġ eżistenti;

4.

Jissottolinja l-importanza tas-summits UE-CELAC bħala strument ta' sħubija bireġjonali strateġiku li jifforma qafas ġdid ta' djalogu politiku; jappella lill-UE u lis-CELAC ukoll biex isaħħu din is-sħubija u d-djalogu politiku fi ħdan il-qafas tad-djalogi tematiċi u tal-inizjattivi ewlenin tagħha, bħall-Inizjattiva Konġunta dwar ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, id-Djalogu Strutturat dwar il-Migrazzjoni u l-Mekkaniżmu ta' Koordinazzjoni u Kooperazzjoni dwar id-Drogi, u bil-ħidma fuq interessi komuni identifikati biċ-ċar sabiex flimkien jindirizzaw l-isfidi gloabli komuni fl-oqsma ta' governanza tajba, tkabbir ekonomiku, koeżjoni soċjali, il-kultura, l-innovazzjoni u l-ambjent fil-fora multilaterali, bħan-Nazzjonijiet Uniti, il-G-20 u d-WTO;

5.

Itenni l-impenn tal-UE u tal-ALK li jagħtu spinta lill-kooperazzjoni fuq l-aġenda globali u biex jiffavorixxu approċċ multilaterali fid-WTO bħala bażi għal sistema ta' kummerċ miftuħa, ibbażata fuq regoli prevedibbli u aktar inklużivi li jkunu effikaċi biex jinkisbu l-objettivi tat-tnaqqis tal-faqar u tal-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli, u li jkunu wkoll trasparenti u demokratiċi, b'dimensjoni parlamentari msaħħa;

6.

Itenni l-appoġġ tiegħu għall-integrazzjoni reġjonali fir-reġjun tal-ALK, u jenfasizza l-ħtieġa ta' koordinazzjoni akbar bejn l-iskemi ta' integrazzjoni reġjonali differenti fir-reġjun, filwaqt li jiġu rispettati d-differenzi fir-ritmu tal-integrazzjoni; jirrakkomanda t-tisħiħ tad-djalogu, il-kooperazzjoni u tal-iskambju tal-aħjar prattiki mas-CELAC, il-Mercosur, il-Komunità Andina ta' Nazzjonijiet (ACN), is-Sistema tal-Integrazzjoni tal-Amerika Ċentrali (SICA) u l-Alleanza tal-Paċifiku, sabiex jiżdied id-djalogu fuq oqsma ta' interess komuni u biex jissaħħaħ aktar il-qafas istituzzjonali tagħha; jirrakkomanda t-tisħiħ tal-inizjattivi reġjonali dwar id-djalogu politiku, il-kooperazzjoni u l-iskambju tal-aħjar prattiki bħall-Unjoni tan-Nazzjonijiet tal-Amerika t'Isfel (UNASUR), l-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani (OAS), il-Komunità tal-Karibew (CARICOM), sabiex id-demokrazija tavvanza fl-Amerika t'Isfel; jisħaq dwar l-importanza li tingħata spinta lill-kooperazzjoni interparlamentari bejn l-UE u l-ALK, partikolarment bejn il-Parlament Ewropew u l-parlamenti reġjonali differenti, permezz ta' skambji ta' esperjenza politika u istituzzjonali u għarfien; jilqa' d-djalogu li tnieda dan l-aħħar bejn il-Mercosur u l-Alleanza tal-Paċifiku bil-ħsieb li jkun hemm konverġenza gradwali u espansjoni tal-kuntest ta' konsultazzjoni dwar l-isfidi reġjonali u globali futuri;

7.

Jisħaq li l-istabbiltà politika, ir-regoli ekonomiċi u s-saħħa istituzzjonali li tiggarantixxi r-rispett għall-istat tad-dritt u t-trasparenza huma pedamenti ta' ambjent li jattira l-investiment fit-tul, permezz ta' ċertezza legali; jenfasizza li qafas legali bħal dan jirrikjedi istituzzjonijiet demokratiċi qawwija u ppjanar ekonomiku responsabbli kif ukoll sforzi biex jissaħħaħ id-djalogu politiku u s-sħubijiet ekonomiċi fi ħdan ir-reġjun u mas-sħab esterni; ifakkar, f'dan il-kuntest, li s-sħubija mal-UE twettaq rwol ewlieni;

8.

Jenfasizza kemm l-Alleanza tal-Paċifiku – li tinkludi ċ-Ċilì, il-Kolombja, il-Messiku u l-Perù – hi tassew dinamika, u jappella lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGĦ) biex teżamina l-possibbiltà li l-UE tipparteċipa fl-Alleanza bħala osservatur, peress li diġà hemm għadd ta' Stati Membri tal-UE li jagħmlu dan;

9.

Jisħaq li l-isfidi globali ta' bħalissa, inklużi dwar id-drittijiet tal-bniedem, il-paċi, is-sigurtà, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-impunità, in-nuqqas ta' governanza tajba, l-iżvilupp soċjoekonomiku sostenibbli, il-qerda tal-faqar, it-trasformazzjoni diġitali, il-migrazzjoni tal-massa, l-ugwaljanza bejn is-sessi, iċ-ċibersigurtà, il-kriminalità organizzata u t-terroriżmu, it-traffikar tad-droga, it-tibdil fil-klima, iċ-ċaqliq ġeopolitiku, l-inugwaljanza fil-pajjiżi u bejn il-fruntieri, ix-xogħol informali u ż-żieda fil-qgħad, joffru opportunitajiet u kanali ta' kooperazzjoni ġodda għas-sħubija UE-ALK biex topera b'mod strateġiku meta l-viżjoni komuni u l-aġenda jeħtieġ li jiġu kondiviżi;

10.

Jenfasizza li anke wara li r-reġjun esperjenza żvilupp ekonomiku sinifikanti, li wassal biex il-livelli ta' faqar u ta' inugwaljanza jaqgħu, l-inugwaljanza għadha ostaklu sinifikanti għall-iżvilupp tar-reġjun ALK, fejn 175 miljun ruħ qed jgħixu fil-faqar u l-esklużjoni, speċjalment in-nisa u l-minorenni; jenfasizza li t-tkabbir ekonomiku, l-iżvilupp soċjali inklużiv, id-distribuzzjoni ġusta tal-ġid u l-provvista universali ta' servizzi pubbliċi essenzjali huma t-triq biex tiġi indirizzata din il-kwistjoni;

11.

Ifakkar li l-għan tal-qerda tal-faqar u t-tnaqqis tal-inugwaljanza jrid jiġi indirizzat permezz ta' politiki ekonomiċi, ta' koeżjoni soċjali u inklużivi, b'żieda ta' opportunitajiet ta' xogħol, b'aċċess għall-edukazzjoni u jenfasizza l-bżonn li jiġu protetti ċ-ċittadini kollha tiegħu, u biex titwessa' l-klassi medja irrispettivament mill-effetti taċ-ċikli ekonomiċi, sabiex il-kisbiet dwar it-titjib tal-kundizzjonijiet ta' għajxien jiġu kkonsolidati, anke permezz tal-istabbiliment ta' livelli ta' protezzjoni soċjali, u biex jiġu rispettati l-valuri demokratiċi u d-drittijiet tal-bniedem;

12.

Jissottolinja l-bżonn li l-ekonomiji jiġu integrati fil-katini ta' valur globali, skont mudell ta' ekonomija ċirkolari, u biex tiġi rikonoxxuta l-importanza li jiġu żviluppati ftehimiet kummerċjali bilaterali u multilaterali bħala għodda effettiva li tista' tikkontribwixxi biex jiġu ttrattati l-isfidi globali komuni, filwaqt li x-xogħol deċenti u d-djalogu soċjali fost l-oħrajn, jiġu promossi bħala muturi tal-iżvilupp sostenibbli; jisħaq dwar l-importanza li jinħolqu l-kundizzjonijiet li jippermettu lill-ekonomiji taż-żewġ reġjuni jiddiversifikaw, biex isiru anqas dipendenti u vulnerabbli fuq il-varjazzjonijiet ċikliċi globali; jenfasizza l-importanza tal-promozzjoni tat-trasferiment tal-għarfien xjentifiku u teknoloġiku, it-tisħiħ tal-kapital uman u d-diversifikazzjoni tal-impjieg, għal liema għan hu essenzjali li jiżdied l-investiment fl-edukazzjoni, it-taħriġ u l-ħiliet;

13.

Jilqa' l-protokoll tal-11 ta' Novembru 2016 dwar l-adeżjoni tal-Ekwador għall-ftehim ta' kummerċ ħieles mal-Kolombja u l-Perù tal-UE, li kien iffirmat mill-UE, l-Istati Membri tagħha, l-Ekwador, il-Kolombja u l-Perù; ifakkar li dan il-ftehim ineħħi t-tariffi doganali għoljin u l-ostakoli tekniċi għall-kummerċ, jilliberalizza s-swieq tas-servizzi, jiftaħ is-swieq tal-akkwist pubbliku u jinkludi obbligi li jikkonċernaw mekkaniżmi ta' riżoluzzjoni tal-kunflitti rapidi u effiċjenti;

14.

Jirrimarka li l-UE hi t-tieni l-ikbar investitur barrani fl-ALK, u t-tieni l-ikbar sieħba kummerċjali, u dan joħloq relazzjoni ekonomika bidirezzjonali bbażata fuq il-valuri tal-kwalità, tar-responsabbiltà soċjali, il-ħolqien tal-impjiegi, it-trasferiment tat-teknoloġija u r-riċerka u l-innovazzjoni;

15.

Iħeġġeġ aktar sħubiji pubbliċi u privati li jippromwovu l-iżvilupp ekonomiku, l-intraprenditorija, it-tkabbir u l-investiment barrani; jisħaq dwar il-bżonn li jiġu miġġielda l-ekonomija informali u s-sottożvilupp, u l-kompetittività baxxa tal-SMEs; jappella l-iffaċilitar u t-titjib tal-mobbiltà bejn iż-żewġ reġjuni, filwaqt li tiġi żgurata l-konsistenza reċiproka tad-drittijiet tax-xogħol u tissaħħaħ il-koordinazzjoni tas-sistemi ta' sigurtà soċjali;

16.

Jisħaq fuq il-bżonn li jiġu żviluppati sistemi ta' taxxa sostenibbli u effikaċi fiż-żewġ reġjuni, flimkien ma' kultura fiskali xierqa, inkluż l-istabbiliment ta' uffiċċji tal-kontabbiltà ġenerali effettivi li jistgħu jippromwovu t-tkabbir ekonomiku u l-iżvilupp ta' stati soċjali li jipprovdu u li jassiguraw beni u servizzi pubbliċi, bħall-aċċess għall-edukazzjoni pubblika, is-saħħa, l-infrastruttura għall-protezzjoni soċjali u s-sigurtà għaċ-ċittadini kollha, u jtenni li r-rifuġji fiskali u l-evitar tat-taxxa huma ta' ħsara għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali, il-progress u l-prosperità, kif ukoll għall-funzjonament xieraq ta' politiki ta' ridistribuzzjoni ekonomiċi u soċjali;

17.

Jisħaq li t-tkabbir ekonomiku u l-kummerċ huma elementi ewlenin fil-kisba tal-iżvilupp sostenibbli, iżda mhumiex biżżejjed biex inaqqsu l-faqar, l-inugwaljanza u l-esklużjoni; jitlob politiki effettivi li jikkontribwixxu għat-tnaqqis ta' dawn il-kwistjonijiet permezz ta' tkabbir diversifikat, sostenibbli u inklużiv, b'enfasi qawwija fuq kwistjonijiet soċjali, appoġġ istituzzjonali u rispett tad-drittijiet tal-bniedem;

18.

Huwa tal-fehma li l-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) trid tkun l-objettiv ewlieni tal-kooperazzjoni bejn l-Amerika Latina u l-Karibew (ALK) u l-UE; iħeġġeġ lill-Unjoni tagħti spinta lill-programmi ta' appoġġ baġitarju;

19.

Jappoġġa l-aġenda l-ġdida għall-iżvilupp tal-Kummissjoni bħala parti mill-Aġenda 2030; itenni li l-Aġenda għall-Iżvilupp Sostenibbli 2030, flimkien mal-Għanijiet għall-Iżvilupp Sostenibbli, għandhom ikunu l-għodda ewlenin tal-kooperazzjoni UE-ALK, bl-inklużjoni tad-dimensjonijiet kollha tagħhom ta' żvilupp ekonomiku, soċjali u sostenibbli, u li ma jkunux limitati biss għall-qerda tal-faqar; jissottolinja l-fatt li l-UE trid tkompli tforni l-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp lill-pajjiżi tal-ALK, inklużi l-pajjiżi b'introjtu medju u għoli li m'għadhomx jikkwalifikaw għal kooperazzjoni għall-iżvilupp bilaterali skont il-prinċipju ta' differenzjazzjoni, dan abbażi ta' approċċ ġdid li jmur lil hinn mid-dħul per capita; jitlob b'insistenza li l-Kummissjoni tkompli, fuq bażi eċċezzjonali u bi qbil mar-Regolament dwar l-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp, billi tipprovdi kooperazzjoni bilaterali ma' pajjiżi bi dħul medju u għoli matul il-validità kompleta tal-istrument ta' finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp għall-perjodu 2014-2020 u lil hinn, bil-għan li jitkompla l-appoġġ għall-isforzi tagħhom fid-dawl tal-isfidi attwali;

20.

Iħeġġeġ koordinazzjoni aħjar bejn il-politiki u l-programmi li jappoġġaw lir-reġjun tal-ALK, kif ukoll ir-reġjuni ultraperiferiċi u l-pajjiżi u t-territorji barranin; jappella li jinżammu l-impenji politiċi magħmula fis-summits reġjonali UE-ALK, u li jkunu akkumpanjati mill-allokazzjoni tar-riżorsi finanzjarji neċessarji;

21.

Jistieden lill-Kummissjoni tidentifika l-istrumenti disponibbli u tgħammarhom b'riżorsi suffiċjenti, billi tieħu azzjoni xierqa biex tallinjahom mal-prinċipji tal-effikaċja, l-adegwatezza, l-armonizzazzjoni, ir-responsabbiltà reċiproka, l-akkontabbiltà, u l-allinjament mal-istrateġiji ta' żvilupp tal-pajjiżi tal-ALK, sabiex il-pajjiżi tal-ALK jiġu megħjuna jindirizzaw l-isfidi li jiffaċċjaw u jħejju ruħhom għall-possibbiltà ta' tnaqqis ta' għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp (ODA) fil-ġejjieni; jitlob li tali strumenti jinkorporaw it-trasferiment tal-ħiliet u t-taħriġ, u jassistu fir-riformi fil-ġestjoni fiskali u l-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi li jikkontribwixxu biex jagħtu spinta lit-tkabbir u l-forniment ta' servizzi pubbliċi ta' kwalità għolja;

22.

Jistieden lill-Kummissjoni tapplika kriterji infurzabbli dwar il-prinċipji tal-effikaċja tal-iżvilupp għall-programmi ta' finanzjament imħallat, partikolarment f'termini ta' sjieda, allinjament ma' pajjiżi sħab, żvilupp u addizzjonalità finanzjarja, trasparenza u akkontabbiltà;

23.

Jirrimarka li bħala riżultat tal-karatteristiċi ġeografiċi u ġeoloġiċi tagħhom il-pajjiżi tal-ALK huma vulnerabbli ħafna għal diżastri naturali, u li din is-sitwazzjoni hija aggravata bħala riżultat tat-tibdil fil-klima, li trid tiġi indirizzata fil-livell globali f'konformità mal-prinċipju ta' responsabbiltà komuni iżda differenzjata; jistieden lill-Kummissjoni u lill-pajjiżi tal-ALK jindirizzaw il-kawżi sottostanti, jieħdu miżuri ta' reżiljenza fir-rigward tal-klima u jadottaw strateġiji ta' prevenzjoni tar-riskju u protokolli għal mobilizzazzjoni rapida tal-għajnuna umanitarja fil-każ ta' emerġenzi;

24.

Iħeġġeġ l-implimentazzjoni effettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi, l-għoti ta' setgħa lin-nisa, u politiki favur l-inklużjoni tan-nisa fl-isferi kollha fil-ħajja politika, ekonomika u soċjali, bil-ħsieb li tissaħħaħ il-parteċipazzjoni attiva tagħhom fis-soċjetà, issir ġlieda bla heda kontra l-femminiċidju, li tkun garantita s-sigurtà fiżika u psikoloġika tagħhom, jiġi ffaċilitat l-aċċess ugwali għas-suq tax-xogħol, is-sjieda tal-art u l-impjieg, u li tiżgura s-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi tagħhom; jenfasizza l-importanza li titjieb il-ħajja tat-tfajliet u tan-nisa; jenfasizza għalhekk, li l-aċċess għall-edukazzjoni huwa essenzjali u jista' jwassal għal trasformazzjoni soċjali u ekonomika; jilqa' l-Konvenzjoni Inter-Amerikana dwar il-Prevenzjoni, il-Piena u l-Qerda tal-Vjolenza Kontra n-Nisa tal-1994 (Il-Konvenzjoni ta' Belém do Pará), u jitlob li fil-mekkaniżmu ta' segwitu tiegħu, l-MESECVI, is-segretarjat jingħata rwol iktar sinifikanti; jilqa' d-dħul fis-seħħ fl-2016 tal-Konvenzjoni ta' Istanbul tal-Kunsill tal-Ewropa, u jistieden lill-pajjiżi fiż-żewġ reġjuni li mhumiex firmatarji biex jissieħbu fiha;

25.

Iqis li l-politiki pubbliċi, b'mod partikolari dwar is-saħħa, l-edukazzjoni u t-taħriġ, kif ukoll l-inizjattivi privati, huma fundamentali peress li jiftħu opportunitajiet għal kważi 30 miljun żagħżugħ u żagħżugħa li la qed jistudjaw, la qed jitħarrġu u lanqas jaħdmu; jenfasizza li programmi ta' żvilupp iridu jindirizzaw livelli għoljin ta' konflitt, vjolenza, kriminalità organizzata u omiċidji, li jolqtu ż-żgħażagħ u l-adolexxenti b'mod partikolari u li huma waħda mill-isfidi prinċipali għall-pajjiżi tal-ALK;

26.

Itenni l-importanza ta' xogħol ta' kwalità u ta' opportunitajiet ta' edukazzjoni, li jkunu disponibbli għaż-żgħażagħ, billi dawn jippersonifikaw it-tamiet futuri, u huma fattur ewlieni, għall-istabbiltà politika futura tal-kontinent; jinkoraġġixxi aktar kooperazzjoni flimkien ma' fondi ekonomiċi permezz ta' parteċipazzjoni universitarji bilaterali, boroż ta' studju, skambju ta' għarfien, u l-mobbiltà internazzjonali bejn l-istudenti tal-UE u tal-ALK, b'mod partikolari permezz tat-tisħiħ tal-programm Erasmus+ bħala parti minn sħubija għal edukazzjoni ogħla mas-CELAC, li tnediet fl-2015; jinnota b'sodisfazzjon li fl-2015, tnieda b'suċċess il-programm Erasmus+, li offra 6 200 possibbiltà ta' mobbiltà, u 3 500 borża ta' studju l-iktar għall-istudenti tas-CELAC, sal-2020; jirrimarka dwar il-ħtieġa li jsir progress fir-rikonoxximent sħiħ u reċiproku tal-lawrji universitarji u li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bireġjonali fis-sistema tal-kwalità u tal-akkreditazzjoni;

27.

Jirrimarka dwar ir-rwol ewlieni ta' kooperazzjoni UE-CELAC fil-qasam tax-xjenza, it-teknoloġija u l-innovazzjoni u l-importanza li tinħoloq żona ta' riċerka komuni UE-CELAC biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni dwar il-mobbiltà tar-riċerkaturi u l-professuri;

28.

Jissottolinja l-importanza fundamentali tad-drittijiet tat-tfal u l-ħtieġa li jkun hemm konformità stretta mal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal mill-pajjiżi kollha tal-UE-ALK;

29.

Jinkoraġġixxi aktar kooperazzjoni fil-qasam tal-promozzjoni tal-iżvilupp teknoloġiku u t-tisħiħ tal-aċċess tal-popolazzjoni għal teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni sabiex is-soċjetajiet tagħna jadattaw għat-trasformazzjoni diġitali;

30.

Jenfasizza t-tendenza ġenerali u l-isfidi komuni ta' dan l-aħħar deċennju dwar l-avvanz tal-libertajiet u d-drittijiet soċjali, u dwar l-isforzi l-kbar li twettqu biex jitfasslu politiki pubbliċi inklużivi li jipproteġu lill-gruppi vulnerabbli u li jqassmu l-ġid u t-tkabbir ekonomiku fuq bażi ugwali, li għamel kontribut sinifikanti biex kważi 60 miljun Latino-Amerikani jinqalgħu mill-faqar tul dawn l-aħħar 15-il sena; jitlob lill-awtoritajiet jirrispettaw u jiggarantixxu l-prinċipji demokratiċi, id-drittijiet fundamentali, il-libertajiet u s-sigurtà taċ-ċittadini kollha, inklużi tal-minoranzi reliġjużi, il-popli indiġeni, l-attivisti ambjentali, il-komunità LGBTI, iċ-ċittadini b'diżabbiltà, persuni apolidi u dawk spustati bil-forza, u l-popolazzjonijiet f'żoni rurali; jissottolinja l-importanza li tkun żgurata l-libertà ta' għaqda, ta' assoċjazzjoni u ta' espressjoni, kemm online kif ukoll offline;

31.

Jissottolinja l-bżonn li jiġu ggarantiti d-drittijiet u s-sikurezza tal-minoranzi reliġjużi, u tal-komunità LGBTI; iħeġġeġ lill-gvernijiet tal-ALK biex jgħaddu liġijiet u jieħdu miżuri li jkunu kapaċi jipproteġu d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-ġurnalisti kontra l-persekuzzjoni, it-theddid, il-kampanji ta' malafama, l-arresti arbitrarji, it-tortura, l-għajbien furzat u l-omiċidju li ta' sikwit ikunu l-mira tal-attakki; jappella sabiex jiġu salvagwardjati d-drittijiet u l-interessi tal-popli indiġeni u l-popolazzjonijiet f'żoni rurali fil-konfront ta' proġetti ta' żvilupp b'impatt ambjentali qawwi u l-operazzjonijiet ta' industriji estrattivi, l-implimentazzjoni ta' mekkaniżmi ta' konsultazzjoni u ta' kunsens minn qabel f'każijiet bħal dawn;

32.

Jiddispjaċih għall-attakki kontra l-mexxejja tal-oppożizzjoni eletti b'mod demokratiku, ġurnalisti, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, partikolarment dawk li jaħdmu fuq kwistjonijiet ambjentali u l-avukati tagħhom; jitlob lill-awtoritajiet jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiggarantixxu l-integrità fiżika u psikoloġika tagħhom u biex jiżguraw investigazzjonijiet immedjati, bir-reqqa u imparzjali sabiex dawk responsabbli jitressqu quddiem il-ġustizzja bi qbil ma' standards internazzjonali;

33.

Itenni li għandha tkun garantita l-parteċipazzjoni u l-konsultazzjoni attiva tas-soċjetà ċivili u l-NGOs matul in-negozjati u l-proċess ta' implimentazzjoni ta' ftehimiet kummerċjali jew ta' assoċjazzjoni;

34.

Jenfasizza l-ħtieġa li l-ftehimiet jagħmlu referenza għad-dritt tal-libertà ta' espressjoni u għal-libertà ta' għaqda fil-pajjiżi tal-ALK;

35.

Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri tal-UE jqisu l-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni li tipprevedi l-possibbiltà ta' ffriżar tal-assi u r-restrizzjonijiet fuq il-viżi mmirati lejn l-individwi li kienu involuti fi ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem;

36.

Itenni li l-politiki u l-prattiki dwar il-migrazzjoni jridu jiggarantixxu r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, bl-għoti ta' attenzjoni speċjali lin-nisa u lill-gruppi vulnerabbli bħall-minorenni, l-anzjani u l-persuni b'diżabbiltà, filwaqt li jiġu kkunsidrati l-isfidi relatati mal-protezzjoni tal-fruntieri u man-nonkriminalizzazzjoni tal-migranti; jenfasizza l-ħtieġa għal approċċ komprensiv immirat biex jirrikonoxxi l-kontribut ekonomiku u soċjali ta' ħaddiema migranti fil-pajjiżi ospitanti, is-sinifikat tal-pajjiżi ta' tranżitu u l-importanza li jiġu stabbiliti mogħdijiet legali għaċ-ċittadinanza fil-pajjiżi ospitanti, u billi tingħata konsiderazzjoni speċjali lil persuni spostati fil-bżonn ta' asil; jappella għal miżuri li jiffaċilitaw u jtejbu l-mobbiltà bejn il-pajjiżi, filwaqt li jiżguraw il-koerenza tad-drittijiet tax-xogħol u jsaħħu l-koordinazzjoni tas-sistemi ta' sigurtà soċjali;

37.

Iħeġġeġ lill-pajjiżi ALK biex jiżguraw ir-rispett sħiħ tad-drittijiet soċjali, ambjentali u tax-xogħol; jappella għal implimentazzjoni sħiħa u effikaċi tal-konvenzjonijiet tal-ILO u r-rispett għal standards ċentrali tax-xogħol, li jinkludu, inter alia, il-libertà ta' assoċjazzjoni u d-dritt għal negozjar kollettiv; jenfasizza, barra minn hekk, il-ħtieġa li tiġi żgurata l-qerda ta' kull forma ta' xogħol furzat jew obbligatorju;

38.

Jenfasizza l-isfidi li ż-żewġ reġjuni jiffaċċjaw f'termini ta' difiża u ta' sigurtà, li jinkludu t-terroriżmu u l-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga u l-kriminalità organizzata, u jħeġġeġ sforzi kontinwi biex tissaħħaħ id-difiża u l-kooperazzjoni fis-sigurtà permezz tal-koordinazzjoni militari u tal-pulizija, b'kunsiderazzjoni partikolari għall-qsim tal-informazzjoni; iħeġġeġ lill-pajjiżi tal-Amerika Latina biex jipparteċipaw f'missjonijiet ta' maniġġar ta' kriżijiet u żamma tal-paċi tal-UE, bħalma diġà qed jagħmlu l-Kolombja u ċ-Ċilì; jinkoraġġixxi t-trawwim ta' kooperazzjoni militari ulterjuri għall-iżvilupp ta' korpi ta' għajnuna ta' emerġenza speċjali għal diżastri naturali u umanitarji; jappella għal aktar kooperazzjoni fis-sigurtà marittima, id-diżarm, in-nonproliferazzjoni u l-kontroll tal-armi;

39.

Jitlob ir-rispett ċar għall-prinċipju tal-integrità territorjali tal-istati;

40.

Jiddeplora t-tnaqqis fl-għajnuna umanitarja u jirrifjuta l-fatt li dan ikompli jseħħ fiż-żoni li l-aktar għandhom bżonn ta' din l-għajnuna (it-Triangolu tat-Tramuntana tal-Amerika Ċentrali, il-Haiti u l-Kolombja), kif ukoll f'żoni partikolarment milquta mill-impatt tat-tibdil fil-klima u d-diżastri naturali;

41.

Jikkundanna l-azzjoni meħuda mill-gvernijiet ta' xi pajjiżi li rrifjutaw li jaċċettaw l-assistenza umanitarja internazzjonali, u b'hekk għamluha impossibbli li l-ħtiġijiet l-aktar bażiċi ta' dawk il-pajjiżi jiġu indirizzati; jistieden lill-VP/RGħ tħeġġeġ lill-awtoritajiet rilevanti biex jippermettu d-dħul ta' din l-assistenza u sabiex tressaq pjan ta' assistenza għal kull pajjiż;

42.

Jitlob lill-UE tistinka biex tappoġġa l-pajjiżi tal-ALK li jsofru minn vjolenza endemika, b'rati mhux aċċettabbli ta' omiċidju, eżekuzzjoni extraġudizzjarja u l-għajbien sfurzat, peress li mingħajr is-sigurtà ma jista' jkun hemm l-ebda prosperità, dinjità u benesseri ġenwin; iħeġġeġ lill-pajjiżi tal-ALK jieħdu l-passi meħtieġa biex jintemm l-iffullar fil-ħabsijiet u biex jittejbu l-kondizzjonijiet tal-ħabs, sabiex jiggarantixxu li l-integrità fiżika u psikoloġika tad-detenuti tkun salvagwardjata, biex tiġi investigata u kkastigata t-tortura u t-trattament ħażin u biex jippromwovu t-trattament aktar uman tal-priġunieri sabiex jipprevjenu l-ammutinamenti li jseħħu regolarment fil-ħabsijiet u li jirriżultaw f'telf ta' ħajja;

43.

Jissottolinja l-ħtieġa li tiżdied il-kooperazzjoni fost il-pajjiżi kollha fir-reġjun tal-Atlantiku fil-ġlieda kontra t-traffikar tad-drogi, bil-parteċipazzjoni wkoll tal-pajjiżi kkonċernati fl-Afrika tal-Punent, li huma pjattaforma maġġuri għal kunsinni ta' drogi bejn l-Amerika Latina u l-Ewropa;

44.

Jitlob lill-UE tappoġġa l-pajjiżi tal-Amerika Ċentrali milquta mill-kriminalità organizzata li qed thedded l-istrutturi politiċi u soċjali tagħhom;

45.

Jenfasizza l-ħtieġa li l-UE tkompli tappoġġa l-Istrateġija ta' Sigurtà tal-Amerika Ċentrali (CASS) u l-Istrateġija ta' Sigurtà tal-Karibew;

46.

Jenfasizza l-ħtieġa urġenti li jiżdiedu l-isforzi biex jiġu miġġielda l-korruzzjoni, il-frodi tat-taxxa u l-impunità, peress li dawn huma fost l-ostakli ewlenin li qed ixekklu l-iżvilupp, biex jiġu żgurati r-rispett tal-istat tad-dritt, l-organizzazzjoni ta' elezzjonijiet liberi u trasparenti, is-separazzjoni tas-setgħat u aċċess ugwali għal sistema ġudizzjarja indipendenti, imparzjali u professjonalizzata, biex tiġi appoġġata l-governanza tajba, biex jiġu indirizzati d-dgħufijiet istituzzjonali u biex tissaħħaħ l-amministrazzjoni; jirrikonoxxi l-ħidma mwettqa minn EUROsociAL f'dan il-qasam;

47.

Jistieden lill-UE u lill-pajjiżi tal-ALK jindirizzaw il-problema tal-korruzzjoni permezz ta' miżuri li jvarjaw mill-prevenzjoni għall-infurzar tal-liġi u l-prosekuzzjoni kriminali, l-implimentazzjoni effikaċi ta' konvenzjonijiet kontra l-korruzzjoni multilaterali u internazzjonali, u jirrimarka li l-eżistenza tal-korruzzjoni timmina mhux biss il-benesseri soċjali u ekonomiku, iżda anke l-leġittimità politika u l-kwalità ta' governanza tajba; jisħaq li n-nuqqas ta' ġudikatura indipendenti u tal-amministrazzjoni pubblika trawwem in-nuqqas ta' fiduċja fl-istituzzjonijiet pubbliċi, iddgħajjef l-istat tad-dritt u talimenta l-vjolenza; jissottolinja li t-trasparenza, il-midja ħielsa u l-parteċipazzjoni ċivika, huma meħtieġa sabiex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-korruzzjoni; iqis il-fatt li għandhom jiddaħħlu dispożizzjonijiet internazzjonali l-ġodda biex jintemmu r-rifuġji fiskali, bħall-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni dwar it-taxxa u t-tneħħija tas-sigriet bankarju;

48.

Jappella għal aktar kooperazzjoni dwar kwistjonijiet ambjentali, interess reċiproku kbir, b'enfasi speċjali fuq il-proċess ta' tranżizzjoni u dekarbonizzazzjoni tal-enerġija, li se jkollu impatt fuq l-ekonomiji taż-żewġ reġjuni; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu appoġġati r-riċerka dwar enerġiji rinnovabbli u l-implimentazzjoni tagħhom, il-protezzjoni tan-natura, il-ġestjoni forestali, u politiki biex jiġu indirizzati l-kawżi u l-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima f'reġjun li huwa milqut b'mod qawwi mill-effetti tiegħu, filwaqt li jitqiesu d-drittijiet tal-komunitajiet lokali u indiġeni f'oqsma fejn ir-riżorsi naturali jiġu estratti; jenfasizza l-bżonn li jkomplu jiġu appoġġati inizjattivi bħall-EUROCLIMA jew ir-RIOCC, bi qbil mal-Aġenda ta' Lima dwar l-iżvilupp sostenibbli, l-ambjent, it-tibdil fil-klima u l-enerġija; jirrikonoxxi l-ħtieġa komuni li tiġi implimentata tranżizzjoni tal-enerġija li tissodisfa b'suċċess il-Ftehimiet ta' Pariġi; jissottolinja l-ħtieġa għal aktar investiment u l-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet u l-kumpanniji UE-ALK li flimkien jindirizzaw it-tranżizzjoni enerġetika, id-dekarbonizzazzjoni u t-titjib tal-infrastrutturi bażiċi; jisħaq l-importanza li jitjiebu l-governanza u l-proċeduri ġudizzjarji għall-ħarsien tal-foresti u biex jiġu estiżi l-prattiki ta' biedja agro-ekoloġiċi;

49.

Iqis li huwa kruċjali li jitħaffu n-negozjati UE-Mercosur sabiex jintlaħaq ftehim ta' assoċjazzjoni komprensiv, ibbilanċjat u ta' benefiċċju reċiproku, kif imsemmi fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tad-9 ta' Marzu 2017, b'tali mod li jkun possibbli li jitlesta n-netwerk ta' ftehimiet fis-seħħ bejn l-UE u l-Amerika Latina; jisħaq dwar il-bżonn li jintemmu n-negozjati u biex jintlaħaq ftehim finali li għandu jiġi ratifikat mill-Parlament Ewropew qabel tmiem it-terminu attwali li se jikkontribwixxi b'mod pożittiv għat-tkabbir ekonomiku u għall-ħolqien tal-impjiegi fiż-żewġ oqsma ekonomiċi kif ukoll it-tisħiħ tar-relazzjonijiet storiċi, kulturali, politiċi u ta' kooperazzjoni u fiduċja bejn il-popli tagħna;

50.

Jenfasizza l-importanza li jitħaffu n-negozjati li għaddejjin bħalissa dwar l-aġġornament tal-Ftehim Globali bejn UE-Messiku, u jitlob li l-ftehim jiġi konkluż sal-aħħar tal-2017; jirrimarka l-importanza li l-aġġornament tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Ċilì jiġi ffinalizzat qabel l-ewwel trimestru tal-2018; jappella lill-parlamenti tal-Istati Membri li għadhom ma rratifikawx il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Amerika Ċentrali biex jagħmlu dan;

51.

Jenfasizza l-importanza tal-adeżjoni riċenti tal-Ekwador għall-Ftehim Multisettorjali mal-Kolombja u l-Perù, u jfakkar li l-bieb hu miftuħ ukoll għall-Bolivja jekk din tiddeċiedi li tipparteċipa; jilqa' l-implimentazzjoni tal-eżenzjoni temporanja tal-viża ta' Schengen għal soġġorn qasir mal-Kolombja u l-Perù; jitlob, f'dan il-kuntest, l-istess eżenzjoni mill-viża għall-Ekwador; jirrimarka li dawn l-azzjonijiet jikkontribwixxu għat-titjib tar-rabtiet kulturali u ekonomika tal-UE ma' dawk il-pajjiżi;

52.

Jisħaq fuq l-importanza essenzjali li sistematikament jiġu inklużi regoli dwar ir-responsabbiltà korporattiva u klawsoli li jissalvagwardjaw id-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet soċjali fi ftehimiet ta' assoċjazzjoni, kummerċjali u ta' investiment bejn l-UE u l-pajjiżi tal-ALK;

53.

Jirrimarka li l-Messiku u l-Brażil ġew identifikati bħala sħab strateġiċi tal-UE u jappella biex l-Arġentina tingħata dan l-istatus bħala attur eċċezzjonali fir-reġjun, u bħala membru tal-Mercosur, u tal-G20, u biex jiġġedded il-qafas ta' relazzjonijiet istituzzjonali;

54.

Jirrikonoxxi l-importanza tas-summits Ibero-Amerikani, li l-mekkaniżmi operattivi tagħhom ġew imsaħħa matul dawn l-aħħar ftit snin, u, fl-istess ħin, jenfasizza r-rwol li s-Segretarjat Ġenerali Ibero-Amerikan (SEGIB) iwettaq fis-sostenn tal-presidenza b'rotazzjoni; jenfasizza l-valur miżjud li dan iġib lis-sħubija globali bejn iż-żewġ reġjuni bħala forum ta' djalogu, koordinazzjoni u kooperazzjoni; jitlob, f'dan ir-rigward, għall-istabbiliment ta' mekkaniżmu ta' kooperazzjoni, li jista' jieħu l-forma ta' memorandum ta' Ftehim jew ta' qafas ta' ftehim ta' kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u/jew is-SEAE u s-SEGIB, li jkun jista' jottimizza r-relazzjoni u jpoġġiha fuq bażi aktar strutturata, ordnata u sistematika bejn iż-żewġ korpi; jilqa' l-fatt li, waqt l-aħħar summit, ingħatat attenzjoni mill-qrib lil oqsma importanti, inkluż liż-żgħażagħ, l-edukazzjoni u l-intraprenditorija;

55.

Itenni li l-Assemblea EuroLat u d-Delegazzjonijiet Parlamentari huma fora ta' suċċess u ta' utilità kbira ħafna għad-dimensjoni parlamentari tas-sħubija strateġika, u għad-djalogu politiku bejn l-UE u l-pajjiżi tal-ALK, inkluża s-soċjetà ċivili, li r-rwol tagħha jenħtieġ li jissaħaħ, u huma importanti wkoll f'termini ta' trasferiment tat-talbiet taċ-ċittadini lis-summits UE-CELAC; jisħaq fuq l-importanza li jiġu żgurati l-viżibbiltà u t-tixrid tad-diskussjonijiet u l-konklużjonijiet tagħha, kemm permezz ta' interazzjoni mas-summits UE-CELAC u permezz ta' kanali istituzzjonali nazzjonali u reġjonali;

56.

Jissottolinja r-rwol tal-Fondazzjoni UE-Amerika Latina u l-Karibew bħala organizzazzjoni internazzjonali, u jappella għar-ratifika immedjata mit-tnejn u sittin membru kollha tagħha, li jkollha rwol importanti ta' appoġġ għas-sħubija bilaterali, u jitlob l-istabbiliment ta' kanali ta' kooperazzjoni permanenti bejn il-Fondazzjoni u l-Assemblea EuroLat;

57.

Jappoġġa żieda tal-mandat tas-self estern tal-Bank Ewropew tal-Investiment għall-Amerika Latina għaż-żamma u l-iżvilupp ta' operazzjonjiet li jirrispondu għall-bżonn ta' finanzjament fl-oqsma ta' prijorità, bħall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, l-iżvilupp tal-infrastruttura soċjali, ekonomika u ambjentali u l-appoġġ għall-SMEs;

58.

Jitlob li jkun hemm koordinazzjoni aħjar u multilaterali tal-Istati Membri tal-UE fil-Bank Inter-Amerikan tal-Iżvilupp (BID) u fil-Bank tal-Iżvilupp tal-Amerika Latina (CAF), sabiex jiġi mmassimizzat l-impatt ekonomiku tagħhom fil-programmi ta' żvilupp għall-pajjiżi tal-ALK;

59.

Itenni l-appoġġ tiegħu għall-proċess ta' paċi fil-Kolombja, li hu deċiżiv għall-futur tal-Kolombjani u għall-istabbilizzazzjoni tar-reġjun li dan il-pajjiż huwa parti minnu, u jimpenja ruħu li jappoġġa lill-Gvern Kolombjan fl-implimentazzjoni ta' dan il-proċess; jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq l-importanza tal-involviment sħiħ tas-soċjetà Kolombjana, b'mod partikolari l-vittmi u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, kif ukoll persuni spustati bil-forza, u tal-kapijiet tal-gvern biex ikunu garantiti s-sigurtà u l-protezzjoni tal-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem u tal-mexxejja tal-komunità; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jibqgħu jagħtu l-appoġġ politiku u finanzjarju tagħhom, inkluż permezz tar-Regolament dwar l-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp, b'mod partikolari l-Artikolu 5(2) tiegħu, u tal-Fond Fiduċjarju tal-UE għall-Kolombja, u jappoġġa r-rwol tal-Mibgħut Speċjali tal-VP/RGħ għall-Kolombja; jesprimi x-xewqa tiegħu li l-Armata għal-Liberazzjoni Nazzjonali timpenja ruħha wkoll li tkompli bil-proċess ta' paċi; jilqa' l-fatt li, taħt is-superviżjoni tan-NU, il-Forzi Armati Rivoluzzjonarji tal-Kolombja (FARC) ċedew l-armi individwali tagħhom; jappoġġa l-missjoni l-ġdida stabbilita mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU sabiex il-membri tal-FARC jiġu megħjuna jintegraw mill-ġdid fis-soċjetà; jilqa' b'sodisfazzjon il-ftehim bilaterali għall-waqfien mill-ġlied bejn l-Armata għal-Liberazzjoni Nazzjonali u l-Gvern tal-Kolombja;

60.

Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar is-sitwazzjoni li qed tiddeterjora serjament fir-rigward tad-demokrazija, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-qagħda soċjoekonomika fil-Venezwela, fi klima dejjem akbar ta' instabbiltà politika u soċjali; jistieden lill-Gvern Venezwelan biex jissalvagwardja s-separazzjoni u l-indipendenza tal-fergħat tal-gvern, u biex jerġa' jistabbilixxi l-awtorità kostituzzjonali sħiħa tal-Assemblea Nazzjonali; jappella, barra minn hekk, lill-Gvern Venezwelan biex jiżgura l-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tal-priġunieri politiċi kollha u biex jippreżenta, malajr kemm jista' jkun, kalendarju elettorali li jippermetti t-twettiq ta' proċessi elettorali ħielsa u trasparenti; jistieden lill-komunità internazzjonali, lill-atturi reġjonali u lill-VP/RGħ biex jippromwovu u jappoġġaw ftehim nazzjonali wiesa' bħala l-unika soluzzjoni possibbli; jitlob lill-VP/RGħ tesplora b'mod attiv miżuri sabiex tippromwovi b'mod kostruttiv l-istabbilizzazzjoni politika tal-pajjiż; jirrifjuta, f'dan il-kuntest, kwalunkwe tentattiv li jiġu ddevjati lil kwalunkwe korp ieħor, is-setgħat tiegħu, rikonoxxuti mill-kostituzzjoni; jikkundanna bil-qawwa l-elezzjonijiet tal-Assemblea Kostitwenti tat-30 ta' Lulju 2017, billi jikkostitwixxu ksur tas-separazzjoni tal-poteri u r-rispett għad-drittijiet taċ-ċittadini li jesprimu liberament il-fehma politika tagħhom permezz ta' istituzzjonijiet leġittimi u eletti demokratikament; ifakkar li l-Parlament Ewropew, flimkien ma' ħafna atturi internazzjonali oħrajn, ma jirrikonoxxix dawn l-elezzjonijiet jew kwalunkwe azzjoni u deċiżjoni meħuda minn din l-Assemblea l-ġdida, minħabba n-nuqqas ta' leġittimità tagħha, u jiddeplora ċ-ċirkustanzi vjolenti li wasslu biex ħafna persuni nqatlu jew indarbu; jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-prosekuzzjoni u r-ripressjoni illegali fil-konfront ta' membri tal-Assemblea Nazzjonali eletti demokratikament; jirrifjuta t-tkeċċija tal-Prosekutur Ġenerali Luisa Ortega Diaz u l-persekuzzjoni politika fil-konfront tagħha, kif ukoll tal-membri kollha tal-Qorti Suprema maħtura mill-Assemblea Nazzjonali leġittima tal-Venezwela; jappoġġa bis-sħiħ l-investigazzjonijiet tal-QKI fir-rigward tad-delitti u l-atti repressivi mwettqa mir-reġim Venezwelan, u jitlob lill-UE tiżvolġi rwol attiv f'dan ir-rigward; jistieden lill-VP/RGħ u lill-Kunsill Ewropew jikkunsidraw l-iffriżar tal-assi, kif ukoll it-tqegħid ta' restrizzjonijiet fuq l-aċċess għat-territorju tal-UE għal dawk kollha involuti fi ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fil-Venezwela, inklużi l-membri tal-Assemblea Kostitwenti mhux rikonoxxuta;

61.

Jilqa' l-iffirmar f'Diċembru 2016 tal-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni bejn l-UE u Kuba; jenfasizza l-importanza li titħaffef l-implimentazzjoni tiegħu, li jista' jkollu impatt pożittiv fuq is-sħubija globali UE-CELAC; jirrimarka l-fatt li l-ftehim ta' djalogu politiku u ta' kooperazzjoni għandu jikkontribwixxi biex itejjeb il-kundizzjonijiet tal-għajxien u d-drittijiet soċjali taċ-ċittadini Kubani, il-progress lejn id-demokrazija u r-rispett u l-promozzjoni tal-libertajiet fundamentali; jenfasizza li l-validità tiegħu ser tiddependi fuq l-implimentazzjoni effettiva tad-dispożizzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem mill-Gvern Kuban, stabbiliti f'dan il-ftehim u abbażi tar-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew;

62.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-pajjiżi CELAC.

(1)  Testi adottati, P8_TA(2016)0016.

(2)  Testi adottati, P8_TA(2016)0269.

(3)  Testi adottati, P8_TA(2017)0200.

(4)  Testi adottati, P8_TA(2017)0297.

(5)  ĠU C 274, 27.7.2016, p. 28.

(6)  http://www.europarl.europa.eu/intcoop/eurolat/assembly/plenary_sessions/montevideo_2016/adopted_docs/trade_en.pdf

(7)  http://www.europarl.europa.eu/intcoop/eurolat/assembly/plenary_sessions/montevideo_2016/adopted_docs/poverty_en.pdf

(8)  http://www.europarl.europa.eu/intcoop/eurolat/assembly/plenary_sessions/montevideo_2016/adopted_docs/pparties_en.pdf

(9)  http://www.europarl.europa.eu/intcoop/eurolat/assembly/plenary_sessions/montevideo_2016/adopted_docs/china_en.pdf

(10)  http://www.europarl.europa.eu/intcoop/eurolat/assembly/plenary_sessions/athens201/adopted_docs/femicide/1026102mt.pdf

(11)  http://www.europarl.europa.eu/intcoop/eurolat/assembly/plenary_sessions/montevideo_2016/adopted_docs/migration_en.pdf

(12)  ĠU C 81 E, 15.3.2011, p. 54.

(13)  ĠU C 65, 19.2.2016, p. 120.


Top