EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017IP0323

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Settembru 2017 dwar Strateġija Spazjali għall-Ewropa (2016/2325(INI))

ĠU C 337, 20.9.2018, p. 11–19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

20.9.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 337/11


P8_TA(2017)0323

Strateġija Spazjali għall-Ewropa

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Settembru 2017 dwar Strateġija Spazjali għall-Ewropa (2016/2325(INI))

(2018/C 337/03)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikolu 4 u l-Artikolu 189 tat-Titolu XIX tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tas-26 ta' Ottubru 2016 intitolata “Strateġija Spazjali għall-Ewropa” (COM(2016)0705),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-28 ta' Frar 2013 intitolata “Il-Politika Industrijali Spazjali tal-UE” (COM(2013)0108),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-4 ta' April 2011 intitolata “Lejn strateġija tal-ispazju tal-Unjoni Ewropea għas-servizz taċ-ċittadini” (COM(2011)0152),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-14 ta' Settembru 2016 intitolata “Konnettività għal Suq Uniku Diġitali Kompetittiv – Lejn Soċjetà Ewropea tal-Gigabits” (COM(2016)0587) u d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjaha (SWD(2016)0300),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-14 ta' Settembru 2016 intitolata “5G għall-Ewropa: Pjan ta' Azzjoni” (COM(2016)0588) u d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjaha (SWD(2016)0306),

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tal-14 ta' Settembru 2016 għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (COM(2016)0590),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-14 ta' Ġunju 2010 intitolata “Pjan ta' Azzjoni dwar l-Applikazzjonijiet tas-Sistema Globali ta' Navigazzjoni bis-Satellita (GNSS)” (COM(2010)0308),

wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Pariġi, id-Deċiżjoni 1/CP.21 u l-21 Konferenza tal-Partijiet (COP 21) tal-UNFCCC u l-11-il Konferenza tal-Partijiet li serviet bħala l-laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll ta' Kjoto (CMP 11) li saret f'Pariġi, Franza, mit-30 ta' Novembru sal-11 ta' Diċembru 2015,

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 377/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' April 2014 li jistabbilixxi l-Programm Copernicus u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 911/2010 (1),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1285/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar l-implimentazzjoni u l-esplojtazzjoni tas-sistemi Ewropej tar-radjunavigazzjoni bis-satellita u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 876/2002 u r-Regolament (KE) Nru 683/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 li tistabbilixxi Qafas għall-Appoġġ tas-Sorveljanza u l-Insegwiment fl-Ispazju (3),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 512/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 912/2010 li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea GNSS (4),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet rilevanti tal-Kunsill u d-Dikjarazzjoni ministerjali ta' Amsterdam tal-14 ta' April 2016 dwar il-kooperazzjoni fil-qasam tas-sewqan konness u awtomatizzat,

wara li kkunsidra l-l-Manifest tal-Aja dwar il-Politika Spazjali ta' Ġunju 2016,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta mill-Unjoni Ewropea u mill-Aġenzija Spazjali Ewropea dwar il-viżjoni u l-għanijiet kondiviżi għall-futur tal-Ewropa fl-ispazju, iffirmata mill-Kummissjoni u mill-Aġenzija fis-26 ta' Ottubru 2016,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar kapaċitajiet spazjali għas-sigurtà u d-difiża Ewropea (5),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar l-iżvilupp tas-suq spazjali (6),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Industrijali Spazjali tal-UE, ir-rilaxx tal-Potenzjal għat-Tkabbir fis-Settur Spazjali (7),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2012 dwar strateġija tal-Ispazju tal-Unjoni Ewropea għas-servizz taċ-ċittadini (8),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Ġunju 2011 dwar applikazzjonijiet għat-trasport tas-Sistema Globali ta' Navigazzjoni bis-Satellita – il-politika tal-UE għal perjodu qasir u medju ta' żmien (9),

wara li kkunsidra l-istudju ta' Jannar 2016 dwar l-Iżvilupp tas-Suq Spazjali fl-Ewropa (10),

wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu u tal-Kumitat għas-Sajd (A8-0250/2017),

A.

billi l-benefiċċji tal-ispazju għas-soċjetà huma ħafna u jistgħu jwasslu għal ekonomija aktar kompetittiva għall-Ewropa, billi jiġi stimulat l-iżvilupp ta' ħafna prodotti u servizzi ġodda u jiġu appoġġjati l-agrikoltura, il-forestrija, is-sajd u t-trasport marittimu; billi t-teknoloġija satellitari tista' twassal għal aċċess aħjar għat-teknoloġiji tal-komunikazzjoni, għal sistemi ta' osservazzjoni tad-Dinja b'riżoluzzjoni għolja li jippermettu l-iskambju tal-informazzjoni f'ħin reali, rispons rapidu għal diżastri naturali u kontrolli fil-fruntieri u tas-sigurtà aktar effettivi;

B.

billi t-teknoloġiji, id-data u s-servizzi spazjali jistgħu jappoġġjaw varjetà ta' politiki pubbliċi u prijoritajiet politiċi ewlenin tal-UE, bħat-titjib tas-Suq Uniku Diġitali, l-istimular tal-ekonomija Ewropea u l-indirizzar tat-tibdil fil-klima;

C.

billi l-ispazju mhuwiex spiża għaċ-ċittadini Ewropej iżda huwa investiment, u billi strateġija spazjali ambizzjuża tista' tiżgura l-awtonomija u l-pożizzjonament tal-UE fil-qasam strateġiku tal-ispazju, filwaqt li tagħti wkoll spinta lit-tkabbir, lill-kompetittività u lill-ħolqien tal-impjiegi fl-industrija tal-manifattura u fl-operazzjonijiet u fis-servizzi downstream relatati mal-ispazju;

D.

billi d-deċiżjonijiet politiċi meħuda mill-Parlament u mill-Kunsill fl-2007 rriżultaw fl-allokazzjoni ta' baġit għall-programmi Ewropej ta' navigazzjoni bis-satellita – is-Sistema Ewropea ta' Navigazzjoni b'Kopertura Ġeostazzjonarja (EGNOS) u Galileo – u pprevedew ftehim dwar l-istruttura ta' governanza tal-programmi;

1.

Jilqa' l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni intitolata “Strateġija Spazjali għall-Ewropa” u jappoġġja l-impenn sħiħ tal-Kummissjoni biex timmassimizza l-benefiċċji ekonomiċi u soċjetali tal-ispazju, iżżid l-użu tat-teknoloġiji u l-applikazzjonijiet spazjali biex jiġu appoġġjati l-politiki pubbliċi, filwaqt li trawwem settur spazjali Ewropew globalment kompetittiv u innovattiv, issaħħaħ l-awtonomija tal-Ewropa fl-ispazju kif ukoll ir-rwol tal-Ewropa bħala attur globali u l-kooperazzjoni internazzjonali fl-ispazju;

2.

Ifakkar lill-Kummissjoni li huwa ferm importanti li tiżgura l-kontinwità tal-programmi spazjali tal-UE u li tirrifletti fuq l-evoluzzjoni futura ta' Galileo u Copernicus, partikolarment sabiex jinħoloq ambjent ta' investiment pożittiv u prevedibbli fis-settur downstream; iqis li dan jista' jintlaħaq biss jekk ikunu garantiti fondi pubbliċi għall-programmi emblematiċi spazjali u tkun garantita infrastruttura ta' data downstream fuq terminu twil filwaqt li tkun rikonoxxuta l-ħtieġa ta' involviment sinifikanti tas-settur privat;

3.

Jenfasizza l-kisbiet fl-ispazju tal-Istati Membri, tal-Aġenzija Spazjali Ewropea (ESA) u tal-Organizzazzjoni Ewropea għall-Esplojtazzjoni ta' Satelliti Meteoroloġiċi (EUMETSAT) bl-użu ta' teknoloġiji ġodda, missjonijiet ta' esplorazzjoni, u l-kapaċitajiet ta' meteoroloġija u osservazzjoni tad-Dinja;

4.

Jemmen li huwa meħtieġ li jiġu evalwati l-programmi Galileo u Copernicus qabel ma l-Kummissjoni tippreżenta l-proposti leġiżlattivi ġodda tagħha bħala parti mill-QFP li jmiss; iqis li din l-evalwazzjoni għandha tindirizza, fost affarijiet oħra: ir-rwol futur tal-Aġenzija Ewropea GNSS (GSA) f'Galileo u l-irwol potenzjali tagħha f'Copernicus; il-mod li bih tiġi ssimplifikata r-relazzjoni tal-GSA mal-ESA; kif ukoll il-qasma preżenti bejn il-kompiti ċentrali u dawk iddelegati tal-aġenzija; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, biex tiżgura li l-GSA jkollha l-kapaċità li twettaq kompiti ġodda qabel ma dawn ikunu kkonferiti lilha;

5.

Jenfasizza li r-riżultat tal-evalwazzjoni għandu wkoll jiddaħħal f'diskussjonijiet futuri dwar ir-relazzjoni bejn l-UE u l-ESA, filwaqt li titqies id-dikjarazzjoni konġunta bejn l-UE u l-ESA ffirmata fis-26 ta' Ottubru 2016; jitlob lill-Kummissjoni biex, f'kooperazzjoni mal-ESA, tistudja l-possibilitajiet differenti li jistgħu jwasslu biex ix-xenarju istituzzjonali kkumplikat fil-governanza tal-ispazju Ewropew jista' jiġi ssimplifikat, sabiex b'hekk tittejjeb l-allokazzjoni tar-responsabilitajiet fl-interess ta' effettività u kosteffiċjenza akbar;

6.

Jenfasizza li l-GSA jenħtieġ li jkollha persunal adegwat sabiex tissalvagwardja l-funzjonament bla xkiel u l-isfruttar tal-programmi Ewropej tal-GNSS; jitlob lill-Kummissjoni tirrevedi l-adegwatezza tar-riżorsi allokati lill-GSA, filwaqt li tqis il-kompiti attwali u futuri tagħha; iqis li l-politika u l-proċedura b'rabta mar-reklutaġġ tal-persunal jenħtieġ li jiġu adattati fid-dawl tal-kompiti l-ġodda li ġew ikkonferiti lill-GSA, f'konformità mal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013;

7.

Jenfasizza li sabiex jiffaċċja l-isfidi attwali u futuri, il-baġit li jmiss tal-UE jenħtieġ li jinkludi baġit spazjali akbar minn dak attwali biex tiġi appoġġjata l-katina tal-valur sħiħa (segment spazjali u terrestri, osservazzjoni tad-Dinja, navigazzjoni u komunikazzjonijiet) u li jeħtieġ ikun żgurat matul ir-rieżami tal-QFP li jmiss; itenni li l-iżvilupp ta' swieq downstream b'suċċess jiddependi b'mod partikolari fuq l-implimentazzjoni f'waqtha u l-iżvilupp kontinwu tal-programmi Galileo u Copernicus, u li l-finanzjament adegwat tagħhom jingħata prijorità; jenfasiżża l-bżonn li jiġu ppreservati u żviluppati l-valur miżjud Ewropew u l-kontribuzzjoni unika tal-programmi spazjali tal-UE meta jittieħdu deċiżjonijiet baġitarji fil-QFP li jmiss;

8.

Jistieden lill-Kummissjoni biex teżamina l-possibbiltà li tieħu vantaġġ mis-sinerġiji bejn il-programmi spazjali tal-UE, sabiex jiżdiedu l-effikaċja u l-kosteffiċjenza; jemmen ukoll li l-iskambju tal-informazzjoni bejn l-aġenziji tal-UE involuti fil-politika spazjali tal-UE jenħtieġ li jiġi intensifikat sabiex jintlaħqu aktar l-effetti ta' sinerġija; jindika l-konverġenza dejjem akbar tal-oqsma ta' attività differenti; jistieden lill-Kummissjoni tippubblika rapport annwali dwar in-natura u l-estent tal-kooperazzjoni bejn l-aġenziji tal-UE;

9.

Jenfasizza l-importanza li jiġi identifikat u indirizzat kwalunkwe ostakolu eżistenti għall-funzjonament tas-suq intern fil-qasam tal-prodotti u s-servizzi bbażati fuq l-ispazju;

L-isfruttament totali tal-benefiċċji tal-ispazju għas-soċjetà u għall-ekonomija tal-UE

10.

Jenfasizza li l-programmi spazjali u s-servizzi tagħhom huma assi ewlenin f'oqsma politiċi u f'setturi tal-ekonomija bħall-enerġija, il-klima, l-ambjent, is-sigurtà u d-difiżà, is-saħħa, l-agrikoltura, il-forestrija, is-sajd, it-trasport, it-turiżmu, is-suq diġitali u l-komunikazzjoni mobbli, il-politika reġjonali u l-ippjanar lokali; jemmen li hemm potenzjal enormi biex jiġu indirizzati sfidi bħalma huma l-migrazzjoni, il-ġestjoni tal-fruntiera u l-iżvilupp sostenibbli; jenfasizza wkoll l-importanza ta' strateġija spazjali Ewropea għal politika marittima komprensiva tal-UE; jinnota wkoll il-benefiċċji sinifikanti għas-soċjetà li jġib miegħu l-użu ekonomiku tas-satelliti u tas-sistemi ta' telerilevament;

11.

Jistieden lill-Kummissjoni taċċellera l-isfruttament ekonomiku sħiħ tal-programmi Galileo, EGNOS u Copernicus permezz ta': l-istabbiliment ta' miri adegwati għall-kummerċjalizzazzjoni; it-titjib tal-aċċess għal, u l-ipproċessar ta', data ta' Copernicus sabiex l-intrapriżi, partikolarment l-SMEs u n-negozji ġodda, ikunu jistgħu jiżviluppaw applikazzjonijiet abbażi tad-data spazjali; l-iżgurar ta' integrazzjoni aħjar ma' servizzi diġitali oħra – bħal sistemi ta' trasport intelliġenti, is-sistema Ewropea tal-ġestjoni tat-traffiku ferrovjarju, is-servizzi tal-informazzjoni tax-xmajjar, SafeSeaNet, kif ukoll sistemi ta' navigazzjoni konvenzjonali – u t-twessieh tal-potenzjal tas-soluzzjonijiet spazjali; jenfasizza l-benefiċċji għaċ-ċittadini u n-negozji tan-navigazzjoni bis-satellita u ta' data u ta' servizzi ta' osservazzjoni tad-Dinja;

12.

Jilqa' l-azzjonijiet tal-Kummissjoni fl-akkwist ta' pjattaformi cloud għad-data dwar l-osservazzjoni tad-Dinja, biex jiġi żgurat li l-Ewropa tgawdi l-benefiċċju ekonomiku sħiħ tal-programmi emblematiċi tagħha tal-ispazju u biex jiġu stabbiliti aċċess tal-utent u bini ta' kompetenza sostenibbli; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tħaffef il-ħidma tagħha f'dan il-qasam sabiex l-ewwel pjattaformi tad-data jistgħu jsiru operattivi fl-2018; jemmen li s-sejħiet għal offerti kollha għal dawn il-pjattaformi jenħtieġ li jkunu miftuħin għall-atturi privati;

13.

Jitlob lill-Kummissjoni biex tivvaluta l-funzjonament tal-Entitajiet Fdati ta' Copernicus, b'mod partikolari bil-għan li jiġu ssimplifikati l-proċeduri ta' offerti tagħhom, sabiex ikun eħfef għall-SMEs biex japplikaw;

14.

Jenfasizza l-ħtieġa li l-leġiżlazzjoni tkun “reżistenti għall-ispazju”, u jtenni t-talba tiegħu, magħmula fir-riżoluzzjoni tiegħu msemmija hawn fuq dwar il-kummerċjalizzazzjoni tas-suq spazjali, lill-Kummissjoni biex twettaq “verifika spazjali” b'mod sistematiku qabel ma tressaq kwalunkwe proposta leġiżlattiva u mhux leġiżlattiva ġdida; jistieden lill-Kummissjoni biex tneħħi l-ostakoli għall-użu ta' teknoloġiji spazjali mis-settur pubbliku, eż. għall-monitoraġġ tal-konformità ma' leġiżlazzjoni Ewropea ġdida u eżistenti; jemmen li l-politika pubblika tista' titjieb b'mod konsiderevoli bl-użu ta' teknoloġija spazjali, filwaqt li tibni fuq eżempji bħal l-eCall u t-takografu diġitali; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistimulaw il-kummerċjalizzazzjoni tat-teknoloġija spazjali mill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali Ewropej, pereżempju permezz ta' xiri ta' data jew servizzi Ewropej ta' osservazzjoni tad-Dinja biex jintlaħqu l-objettivi tal-politika;

15.

Jiġbed l-attenzjoni għall-proġett pilota dwar spazju aktar nadif bl-irtirar mill-orbita ta' apparat spazjali jew bl-introduzzjoni ta' apparat innovattiv, li jkun imfassal biex jittestja l-fattibbiltà u l-effettività ta' Inizjattiva Teknoloġika Konġunta (JTI) futura applikata għas-settur spazjali; jirrikonoxxi li riżorsi adegwati, kemm pubbliċi kif ukoll privati, huma essenzjali sabiex tiġi żgurata s-sostenibbiltà u l-kompetittività tas-settur spazjali Ewropew, u biex jiġi żviluppat ir-rwol tal-UE bħala attur globali fl-ispazju;

16.

Jemmen li l-kontribut ta' Copernicus fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima jenħtieġ li jkompli jiġi żviluppat; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi mill-aktar fis possibbli l-kapaċitajiet ibbażati fuq Copernicus biex tissorvelja l-emissjonijiet ta' gassijiet serra, inklużi l-emissjonijiet ta' CO2, li attwalment qed jiġu żviluppati taħt Orizzont 2020 (11), bil-għan li jiġu indirizzati l-ħtiġijiet minquxa fil-ftehim tal-COP 21 u biex tkun possibbli l-implimentazzjoni effiċjenti tiegħu; jappoġġja l-iżvilupp ta' satelliti futuri ddedikati għall-monitoraġġ tas-CO2 u tal-metan;

17.

Jilqa' d-dikjarazzjoni tas-servizzi inizjali ta' Galileo tal-15 ta' Diċembru 2016; jenfasizza li l-użu mifrux tas-sinjal Galileo huwa prekundizzjoni għall-iżvilupp ta' suq downstream b'saħħtu għal applikazzjonijiet u servizzi b'bażi spazjali u li jenħtieġ li jittieħdu miżuri adegwati – inkluż, fejn xieraq, miżuri regolatorji – sabiex il-kumpatibbiltà sħiħa ma' Galileo u EGNOS issir l-istandard għal apparati mibjugħa fl-UE u biex jiġi nkoraġġit l-użu ta' apparat predispost għal Galileo u Egnos fis-suq globali; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tikkunsidra miżuri biex issaħħaħ il-kompetittività tal-industrija Ewropea downstream tal-GNSS;

18.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-arloġġi bbażati fuq il-GNSS fi strutturi kritiċi jkunu predispost għas-sistemi Galileo u EGNOS, peress li dan hu ferm rilevanti minn perspettiva ta' sigurtà;

19.

Jenfasizza l-abilità tas-satelliti li jipprovdu kapaċità kbira ħafna ta' konnettività bla interruzzjoni, partikolarment f'żoni remoti u fir-reġjuni l-aktar imbiegħda, u dan hu essenzjali biex jingħeleb id-distakk diġitali, għall-iżvilupp ta' netwerks ta' veloċitajiet għolja u għall-espansjoni tan-netwerks tal-Internet tal-Oġġetti, li jagħtu lok għal servizzi bħal dawk ta' sewqan awtonomu, flotta intelliġenti u ġestjoni tal-merkanzija, applikazzjonijiet ta' governanza elettronika, ta' tagħlim elettroniku u ta' saħħa elettronika; jenfasizza l-komplementarjetà tat-teknoloġiji terrestri u bbażati fuq l-ispazju għat-twassil ta' netwerks ta' kapaċità għolja ħafna; jinsisti li l-Kummissjoni tirrikonoxxi dan u tqis kif xieraq il-kontribut tas-satelliti f'dan il-qasam; jenfasizza wkoll il-ħtieġa li jkunu riservati meded ta' frekwenza adegwati għall-operat ta' dawn is-servizzi satellitari; jitlob li dan jiġi indirizzat fil-ħidma leġislattiva attwali dwar in-netwerks tat-telekomunikazzjoni u b'investimenti xierqa fl-R&Ż; huwa tal-fehma wkoll li l-Istrateġija Spazjali għall-Ewropa jenħtieġ li tiġi implimentata f'koordinazzjoni mal-istrateġiji diġitali tal-Kummissjoni, u bl-appoġġ tal-Istati Membri u tal-industrija, sabiex jiġi promoss użu effettiv u mmexxi mid-domanda tal-komunikazzjonijiet bis-satellita u tiġi nkoraġġita konnettività minn kullimkien fl-UE kollha;

20.

Jenfasizza r-rwol importanti tal-Fond Strutturali u ta' Investiment Ewropew (FSIE) biex jistimula swieq spazjali downstream, l-aktar importanti permezz tal-akkwist pubbliku, inkluż f'pajjiżi li għad ma għandhomx settur spazjali kbir, filwaqt li jinnota li dan jenħtieġ li jkun indirizzat fid-diskussjonijiet li għaddejjin dwar il-futur tal-politika ta' koeżjoni; jappoġġja l-introduzzjoni ta' miżuri tal-bini ta' kapaċità mmirati biex jassistu lill-Istati Membri u lir-reġjuni b'kapaċitajiet spazjali emerġenti; jenfasizza l-fatt li d-dimensjoni reġjonali hija essenzjali biex il-benefiċċji tal-ispazju jaslu għand iċ-ċittadini u li l-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali jista' joħloq sinerġiji ma' strateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti u mal-Aġenda Urbana tal-UE; jappoġġja, għalhekk, involviment akbar tal-awtoritajiet reġjonali u lokali f'politika spazjali tal-UE ta' suċċess, li tinkludi r-Reġjuni l-Iktar Imbiegħda u l-Pajjiżi u t-Territorji extra-Ewropej; jenfasizza l-fatt li l-Kumitat tar-Reġjuni jenħtieġ li jkun membru sħiħ tal-forum tal-utenti ta' Copernicus sabiex tiġi enfasizzata l-importanza tal-atturi reġjonali u lokali bħala utenti tad-data ta' Copernicus;

21.

Jenfasizza li utenti bħall-SMEs u l-awtoritajiet lokali u reġjonali għad mhumiex konxji biżżejjed tal-opportunitajiet inklużi dawk offruti mill-Bank Ewropew tal-Investiment, għal proġetti b'rabtiet ma' Galileo jew Copernicus, u li d-disseminazzjoni mmirata ta' informazzjoni dwar dawn l-opportunitajiet jeħtieġ li tkun imtjeba mingħajr dewmien;

22.

Jirrikonoxxi r-rwol ta' teknoloġiji spazjali, u taż-żewġ programmi spazjali emblematiċi tal-UE, sabiex it-trasport fuq l-art, dak marittimu, bl-ajru u fl-ispazju jkunu aktar intelliġenti, aktar sikuri u aktar siguri u sostenibbli, u integrati f'setturi strateġiċi futuri bħalma huma l-karozzi konnessi u misjuqa awtomatikament, u l-vetturi tal-ajru mingħajr ekwipaġġ; jemmen li l-Istrateġija Spazjali tista' tikkontribwixxi għall-ħtiġijiet ġodda tat-trasport ta' konnettività sigura u bla xkiel, u pożizzjonament, intermodalità u interoperabilità aktar sodi; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tinkludi lill-partijiet interessati tat-trasport fid-djalogu mas-settur spazjali sabiex tiżgura t-trasparenza, u tiffaċilita l-introduzzjoni tat-teknoloġija spazjali fis-suq tat-trasport bil-għan li ssaħħaħ il-kompetittività tas-servizzi tat-trasport tal-UE fis-suq Ewropew u f'dak globali; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu attenzjoni lill-iżvilupp tat-turiżmu spazjali:

23.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġja l-implimentazzjoni tal-inżul bi proċedura EGNOS kemm għal ajruporti iżgħar, kif wkoll għal ajruporti akbar; itenni l-vantaġġi finanzjarji u l-preċiżjoni, ir-reżiljenza u s-sikurezza miżjuda li EGNOS tista' tipprovdi għall-użu ta' applikazzjonijiet kritiċi għas-sikurezza bħall-inżul tal-inġenji tal-ajru, u jtenni l-importanza li tiżdied il-kopertura ta' EGNOS għax-Xlokk u l-Lvant tal-Ewropa, bħala prijorità kif ukoll ulterjorment lejn l-Afrika u l-Lvant Nofsani; iqis ukoll li Galileo jista' jkollu rwol ewlieni fil-kontroll tat-traffiku tal-ajru bħala l-bażi għat-tranżizzjoni minn sorveljanza bbażata fuq ir-radar għal waħda bbażata fuq is-satellita;

24.

Jenfasizza, barra minn hekk, l-importanza ta' inġenji tal-ajru attrezzati b'teknoloġija tax-Xandir ta' Sorveljanza Awtomatika Dipendenti (ADS-B) bbażati fl-ispazju u ta' operaturi li jiġu obbligati jgħammru l-inġenji tal-ajru bl-ADS-B sabiex jiżguraw il-preċiżjoni u l-affidabilità ta' insegwiment f'ħin reali tal-inġenju tal-ajru, u biex jiffrankaw il-fjuwil;

25.

Jenfasizza l-importanza tal-programmi spazjali tal-UE għall-kwistjonijiet relatati mal-baħar u dawk marittimi, għall-attivitajiet tas-sajd u għall-ekonomija blu b'mod ġenerali, pereżempju: fl-indirizzar tas-sajd illegali, mhux iddikjarat u mhux regolat; fis-sorveljanza u l-valutazzjoni tal-istat u tas-saħħa tal-oċeani u tal-istokkijiet tal-ħut; fl-appoġġ tal-produttività tal-farms tal-ħut; fl-iffaċilitar tar-riċerka marittima; u fl-għoti ta' servizzi ta' tiftix u salvataġġ kif ukoll tal-konnessjonijiet satellitari għal tagħmir mediku abbord; jinnota, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa ta' kapaċitajiet ta' sorveljanza oċejanika u ta' koordinazzjoni tajba bbażati fl-ispazju bejn is-servizzi ta' Galileo, EGNOS u Copernicus;

It-trawwim ta' settur tal-ispazju Ewropew globalment kompetittiv u innovattiv

26.

Jenfasizza li s-suċċess u l-kompetittività tas-settur spazjali, u tal-iżvilupp ta' teknoloġiji innovattivi huwa dipendenti ħafna fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni; jitlob it-tisħiħ u l-estensjoni tal-linja baġitarja ddedikata għall-ispazju taħt il-Programm Qafas 9; jenfasizza l-importanza ta' kooperazzjoni sħiħa bejn l-UE, l-ESA u l-Istati Membri sabiex tiġi żgurata l-effiċjenza u jiġu evitati d-duplikazzjonijiet, b'mod partikolari f'oqsma fejn diversi atturi jipprovdu finanzjament għar-riċerka; jemmen li r-riċerka u l-innovazzjoni jenħtieħ li jkunu mħeġġa u ffinanzjati biex jibbenefikaw minn firxa wiesgħa ta' teknoloġiji spazjali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex testendi l-użu tal-istrument għall-SMEs għaż-żieda ta' opportunitajiet ta' negozju fi prodotti u servizzi bbażati fuq l-ispazju kemm fi ħdan Orizzont 2020 kif ukoll fi Programmi Qafas futuri;

27.

Jistieden lill-Kummissjoni, fil-kuntest tal-akkwist pubbliku, rtiżgura trattament ġust tal-intrapriżi tal-UE fil-konfront ta' intrapriżi minn pajjiżi terzi, speċjalment billi tqis il-prezzijiet li l-kumpanijiet jitolbu lil klijenti oħra fid-dinja kollha fi sforz biex tiżgura li jiġu rrispettati r-regoli u li l-parteċipanti ewlenin tas-suq jimxu ma' prattiki ġusti, bil-għan li jkunu żgurati kundizzjonijiet ugwali; jinnota li l-industrija spazjali Ewropea qiegħda tħabbat wiċċha ma' kompetizzjoni internazzjonali dejjem aktar ħarxa; jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni li ssaħħaħ l-użu ta' skemi innovattivi tal-akkwist;

28.

Jenfasizza l-importanza li tissaħħaħ il-bażi industrijali Ewropea u tiġi ggarantita l-awtonomija strateġika tal-UE billi jiġu ddiversifikati s-sorsi tal-provvista u jsir l-aħjar użu tal-fornituri multipli tal-UE; iqis, għalhekk, li jeħtieġ li jiġi promoss b'mod bilanċjat l-involviment tal-industrija fil-livelli kollha, u jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja s-settur spazjali Ewropew tul il-katina kollha tal-valur; jemmen li r-raggruppamenti spazjali jista' jkollhom rwol utli fi strateġija industrijali spazjali;

29.

Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja l-iżvilupp fl-Ewropa kollha ta' mudelli u teknoloġiji kummerċjali spazjali ġodda li kapaċi jirrevoluzzjonaw is-settur u jnaqqsu l-ispejjeż (pereżempju, teknoloġiji Ewropej li permezz tagħhom isir possibbli li jintbagħtu satelliti żgħar fl-ispazju, bħal bżieżaq jew lanċjaturi riutilizzabbli);

30.

Jitlob lill-Kummissjoni, bil-għan li jinħolqu kundizzjonijiet ekwi għan-negozji, biex tikkunsidra s-sitwazzjoni u l-ħtiġijiet tal-SMEs meta tiddetermina t-tul ta' kuntratti pubbliċi fil-qasam tal-infrastruttura u s-servizzi spazjali;

31.

Jenfasizza l-ħtieġa li jsir investiment b'mod aktar deċiżiv fl-edukazzjoni u t-taħriġ taċ-ċittadini Ewropej fil-qasam tal-ispazju anke sabiex ikunu jistgħu jiġu sfruttati b'mod sħiħ l-opportunitajiet maħluqa matul il-bidla lejn soċjetà diġitali; jenfasizza l-importanza tal-kisbiet tal-politika spazjali fl-ispirazzjoni ta' ġenerazzjonijiet futuri u fit-trawwim ta' sens ta' identità Ewropea; jenfasizza, għalhekk, il-ħtieġa li jitkompla u jkompli jitrawwem approċċ koordinat għal edukazzjoni Ewropea dwar l-spazju li tista' tattira liż-żgħażagħ biex isegwu karrieri fix-xjenza u t-teknoloġija spazjali;

32.

Jenfasizza li l-parteċipazzjoni fil-programmi fakultattivi tal-ESA, li fil-qafas tagħhom in-negozji Ewropej u l-universitajiet jew l-istituti ta' riċerka jistgħu jipparteċipaw fit-tħejjija ta' teknoloġiji avvanzati għal missjonijiet u sistemi spazjali, hija għodda bażika u fundamentali biex tiġi żviluppata l-kapaċità tal-industrija spazjali Ewropea; jenfasizza li l-involviment f'tali programmi jiftaħ it-triq għall-intraprenditorija f'dan il-qasam, u għall-aċċess għal proġetti xjentifiċi intensivi ħafna fit-teknoloġija u fl-għarfien, u dan jista' jkollu wkoll impatt pożittiv fis-settur tat-trasport;

It-tisħiħ tal-awtonomija tal-Ewropa fl-aċċess u fl-użu tal-ispazju f'ambjent mingħajr periklu u sikur

33.

Ifakkar li l-programmi spazjali tal-UE huma ta' natura ċivili u jtenni l-impenn tiegħu biex l-ispazju jibqa' post mhux militarizzat; jirrikonoxxi madankollu d-dimensjoni strateġika tas-settur spazjali għall-Ewropa u l-ħtieġa li jittejbu s-sinerġiji bejn l-aspetti ċivili u ta' sigurtà u tad-difiża u biex jiġu użati l-kapaċitajiet tal-ispazju biex ikunu ssodisfati l-ħtiġijiet ta' sigurtà u ta' sikurezza, filwaqt li jittieħed kont tal-ambjent ġeografiku u tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni; jemmen li l-Kummissjoni jenħtieġ li tanalizza s-sinerġiji bejn il-programmi spazjali Ewropej u l-Pjan ta' Azzjoni Ewropew għad-Difiża propost f'Novembru 2016 biex tiġi żgurata l-koerenza globali f'dan il-qasam strateġiku;

34.

Jistieden lill-Kummissjoni tiġbor flimkien it-talbiet tal-klijenti istituzzjonali mill-Unjoni Ewropea u mill-Istati Membri biex jiġi żgurat aċċess indipendenti, kosteffettiv u affidabbli għall-ispazju permezz tal-użu tal-lanċjaturi Ewropej Ariane, Vega u l-evoluzzjonijiet futuri tagħhom; jemmen li dan huwa tal-akbar importanza strateġika għal funzjonijiet ta' ġestjoni ta' kontinġenza u ta' kriżijiet kif ukoll għal politika ta' sigurtà u difiża Ewropea reżiljenti;

35.

Jappoġġja l-għan tal-Kummissjoni li tivvaluta modi differenti li bihom tappoġġja l-faċilitajiet Ewropej ta' infrastrutturi tal-illanċjar, fejn dan ikun meħtieġ biex jintlaħqu l-għanijiet u l-ħtiġijiet tal-politika tal-UE f'termini ta' awtonomija, sigurtà u kompetittività; jenfasizza, għaldaqstant, l-importanza strateġika tal-Port Spazjali Ewropew ibbażat f'Kourou (il-Guyana Franċiża) u l-ħtieġa li tingħata attenzjoni kbira fir-rigward tal-benefiċċji ekonomiċi u soċjali għat-territorju fejn jinsab;

36.

Ifakkar li l-kunċett ta' aċċess indipendenti għall-ispazju ma jistax jiġi dissoċjat mill-kapaċità indipendenti tal-Ewropa li tiddisinja, tiżviluppa, tillanċja, topera u tisfrutta sistemi spazjali;

37.

Jinnota li hemm nuqqas ta' viżibbiltà dwar il-kontinwazzjoni tal-programm ta' lanċjaturi fl-Ewropa lil hinn mit-tlieta sa erba' snin li ġejjin (Ariane 6 u Vega C), u dwar is-sitwazzjoni finanzjarja ta' dan il-programm; jesprimi tħassib dwar in-nuqqas ta' programm ta' llanċjar fuq terminu medju sa twil; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreżenta programm ta' ħidma dwar il-lanċjaturi fl-Ewropa għall-20 sena li ġejjin;

38.

Jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġixxi l-iżvilupp ta' tekonoloġiji tal-illanċjar alternattivi u l-inklużjoni ta' prinċipji ta' ekodisinn fil-lanċjaturi u fl-assi spazjali kollha;

39.

Iqis li fil-ġenerazzjoni tas-sistemi tas-satellita li jmiss jenħtieġ li tiġi żviluppata aktar is-sigurtà tal-infrastruttura ta' Galileo, inkluż is-segment tal-art, il-kapaċità ta' użu doppju ta' Galileo u Copernicus, flimkien ma' preċiżjoni u kriptaġġ aħjar; ifakkar li s-Servizz Pubbliku Regolat (PRS) ta' Galileo ristrett għal utenti awtorizzati mill-gvernijiet jista' jkollu rwol importanti fil-futur biex iwieġeb għat-theddid li qed jevolvi, b'mod partikolari fil-każ ta' kriżi;

40.

Jiġbed l-attenzjoni dwar il-vulnerabilità tal-infrastruttura spazjali għal interferenza jew attakk minn atturi statali u mhux statali u għal firxa ta' theddid ieħor, inkluż kolliżjonijiet ma' tifrik spazjali jew satelliti oħra; itenni l-importanza li jiġu żgurati infrastruttura u komunikazzjoni ta' natura kritika kif ukoll l-iżvilupp ta' teknoloġiji reżiljenti; jirrikonoxxi l-importanza dejjem akbar tal-ispazju u t-teknoloġiji bbażati fuq l-ispazju għal użu doppju, b'mod partikolari fil-komunikazzjonijiet, fl-intelligence, fis-sorveljanza u fir-rikonjizzjoni, fir-rispons għad-diżastri u l-kontroll tal-armi, u jissottolinja l-importanza vitali tal-kapaċitajiet spazjali fil-ġlieda kontra t-terroriżmu; iħeġġeġ aktar investimenti sabiex jitħaffef l-iżvilupp ta' kapaċitajiet ġodda fil-qasam tal-ispazju u t-teknoloġija; jemmen li huwa neċessarju li jissaħħu l-kapaċitajiet li jindirizzaw theddidiet emerġenti fil-qasam tal-ispazju, li min-naħa tagħhom jistgħu jsaħħu l-kapaċità tas-settur spazjali tal-Ewropa biex jirrispondi għal swieq, atturi u teknoloġiji li jinbidlu;

41.

Jistieden lill-Kummissjoni timmitiga r-riskji ppreżentati mit-tifrik spazjali billi ssaħħaħ is-servizzi attwali ta' sorveljanza u insegwiment fl-ispazju (SST) bil-ħsieb li tistabbilixxi programm għal sistema indipendenti li kapaċi tirrikonoxxi t-theddid mit-tifrik spazjali, filwaqt li tirfed miżuri li jevitaw kolliżjoni u li fuq terminu twil, attivament tneħħi t-tifrik; jappoġġja l-pjan biex jiġi estiż l-ambitu ta' SST tal-UE li jippermetti tbassir tat-temp mill-ispazju, u jipproponi enfasi addizzjonali fuq oġġetti qrib id-dinja biex jilqa' kontra r-riskju potenzjalment katastrofiku li tali oġġett jaħbtu mad-Dinja; jenfasizza l-fatt li jenħtieġ li jkomplu jiġu żviluppati u jiġu estiżi l-kapaċitajiet u l-kompetenzi f'dawn l-oqsma, inklużi dawk diġà disponibbli fl-ESA; jafferma mill-ġdid il-ħtieġa li tiġi pprovduta kemm jista' jkun data miftuħa sabiex jitħeġġu r-riċerka u l-innovazzjoni;

42.

Ifakkar fl-importanza dejjem tikber taċ-ċibersigurtà għal programmi spazjali, u jinnota li din il-problema hija partikolarment serja peress li parti kbira tal-ekonomija tagħna tiddependi fuq servizzi relatati mal-ispazju; jistieden lill-Kummissjoni biex timmitiga r-riskji għall-assi spazjali tal-UE billi tieħu miżuri adegwati, inkluż fejn xieraq l-użu ta' kriptaġġ, għall-protezzjoni ta' infrastruttura relatata mal-ispazju kontra t-theddid ċibernetiku; jitlob, għalhekk, lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-aġenziji rilevanti kollha jkollhom pjanijiet ta' kontinġenza fis-seħħ għal ċiberattakki possibbli;

43.

Iqis l-inizjattiva Govsatcom ippjanata bħala waħda promettenti ħafna biex jiġi żgurat l-aċċess għal servizzi siguri, effiċjenti u kosteffettivi għall-atturi istituzzjonali Ewropej, li tindirizza l-ħtiġijiet f'firxa wiesgħa ta' oqsma, filwaqt, li fl-istess ħin, tistimula t-tkabbir, il-kompetittività u l-innovazzjoni fis-settur Ewropew kollu tat-telekomunikazzjonijiet bis-satellita; jistieden lill-Kummissjoni sabiex, jekk il-valutazzjoni tal-impatt tkun suffiċjentement pożittiva, tfassal l-inizjattiva Govsatcom ippjanata b'mod kosteffettivi – li tista' tinkludi l-ġabra u l-qism tal-ħiliet, jew ix-xiri ta' servizzi minn satelliti ta' komunikazzjoni kummerċjali – u biex tiżgura li l-inizjattiva toħloq valur miżjud sinifikanti u tevita li tiddupplika strutturi eżistenti;

44.

Jenfasizza l-importanza ta' politika Ewropea dwar l-ispazju komprensiva, li għandha l-għan li tikkontribwixxi b'mod effettiv għat-titjib tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni billi tipprovdi lill-istituzzjonijiet rilevanti intelligence indipendenti, bħall-għarfien tas-sitwazzjoni f'ħin reali;

It-tisħiħ tar-rwol tal-Ewropa bħala attur globali u l-promozzjoni tal-kooperazzjoni internazzjonali

45.

Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-assi spazjali u l-kapaċitajiet industrijali spazjali tal-UE fl-aspetti rilevanti kollha tar-relazzjonijiet esterni tagħha;

46.

Jemmen li l-iżgurar ta' ambjent spazjali paċifiku u sikur jirrikjedi impenn mas-sħab internazzjonali biex ikunu promossi normi ta' mġiba u sostenibbiltà responsabbli, l-aktar fir-rigward tal-esplorazzjoni tal-ispazju, u jistieden lill-Kummissjoni taħdem mill-qrib mas-SEAE u l-Istati Membri f'dan ir-rigward;

47.

Jenfasizza l-ħtieġa ta' koordinazzjoni internazzjonali dwar il-ġestjoni tat-tifrik u tat-traffiku spazjali, li se jiżdiedu minħabba l-installazzjoni ppjanata tal-hekk imsejħa “mega-kostellazzjonijiet” u minħabba orbiti qrib id-dinja li jistgħu jirriżultaw minn spejjeż dejjem aktar baxxi ta' llanċjar ta' satelliti;

48.

Jitlob lill-Kummissjoni sabiex timmonitorja l-objettivi eżistenti tas-settur privat f'oqsma bħal-isfruttar tal-ispazju, u biex tikkunsidra l-impatt li dawn jista' jkollhom fuq il-qafas legali attwali u, b'mod partikolari, fuq it-Trattat dwar l-Ispazju Extratmosferiku; iqis li l-prinċipji bażiċi tat-Trattat jenħtieġ li jiġu milqugħa u li jeħtieġ li tiġi evitata ġirja għal riżorsi fl-ispazju li faċilment jispiċċaw; iħeġġeġ lill-Istati Membri jaħdmu favur approċċ Ewropew ikkoordinat, u jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu rwol ta' tmexxija fin-negozjati biex jintlaħaq kunsens; jirrikonoxxi li l-ispazju huwa l-wirt komuni tal-umanità;

49.

Jilqa' b'sodisfazzjon l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tuża d-diplomazija ekonomika biex tiftaħ opportunitajiet ġodda ta' negozju għall-industrija spazjali Ewropea; jenfasizza li l-parteċipanti Ewropej fi swieq ta' pajjiżi terzi jenħtieġ li jkunu appoġġjati mill-Kummissjoni, mill-ESA u, fejn rilevanti, mill-awtoritajiet tal-Istati Membri b'mod individwali jew permezz tal-ESA, u minn korpi tal-Istati Membri bħall-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA); jirrakkomanda li l-pjanijiet għal tali appoġġ koordinat jitfasslu minn qabel;

L-iżgurar ta' twettiq effettiv

50.

Jenfasizza l-fatt li l-Parlament jenħtieġ li jkollu rwol attiv fl-iżvilupp tal-politika spazjali tal-UE u li jkun għal kollox involut fl-iskambji kollha mmexxija mill-Kummissjoni, il-Kunsill, is-SEAE u l-ESA dwar suġġetti relatati mal-ispazju;

51.

Iqis li l-appoġġ demokratiku huwa importanti għall-investiment fl-ispazju; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta strateġija ta' komunikazzjoni mfassla sew u komprensiva dwar il-benefiċċji tat-teknoloġiji spazjali għaċ-ċittadini u n-negozji; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, fl-implimentazzjoni ta' din l-istrateġija, tibbaża fuq it-tliet pilastri li ġejjin, li kull wieħed minnhom jindirizza grupp ta' udjenza importanti: (a) titqajjem sensibilizzazzjoni mal-pubbliku dwar il-ħtieġa ta' investimenti fl-ispazju; (b) l-SMEs u l-intraprendituri jiġu infurmati dwar l-opportunitajiet tal-programmi emblematiċi spazjali; (c) jiġi inkluż l-ispazju fl-edukazzjoni sabiex jitnaqqas id-distakk fil-ħiliet; jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta lill-Parlament pjan direzzjonali dwar il-ħolqien ta' din l-istrateġija ta' komunikazzjoni tagħha kemm jista' jkun malajr;

52.

Jistieden lill-Kummissjoni tfassal skeda ta' żmien għall-implimentazzjoni tal-miżuri proposti fl-istrateġija, tirraporta b'mod regolari dwar l-implimentazzjoni tagħhom, fejn meħtieġ, tipproponi leġiżlazzjoni u tfassal azzjonijiet addizzjonali konkreti u tanġibbli meħtieġa biex jintlaħqu f'waqthom l-għanijiet deskritti fl-istrateġija;

o

o o

53.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Aġenzija Spazjali Ewropea.

(1)  ĠU L 122, 24.4.2014, p. 44.

(2)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 1.

(3)  ĠU L 158, 27.5.2014, p. 227.

(4)  ĠU L 150, 20.5.2014, p. 72.

(5)  Testi adottati, P8_TA(2016)0267.

(6)  Testi adottati, P8_TA(2016)0268.

(7)  ĠU C 468, 15.12.2016, p. 12.

(8)  ĠU C 227 E, 6.8.2013, p. 16.

(9)  ĠU C 380 E, 11.12.2012, p. 1.

(10)  L-Iżvilupp tas-Suq Spazjali fl-Ewropa, Studju għall-Kumitat ITRE, Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni, Dipartiment Tematiku A, 2016, ISBN 978-92-823-8537-1.

(11)  https://ec.europa.eu/research/participants/data/ref/h2020/wp/2016_2017/main/h2020-wp1617-leit-space_en.pdf p. 48.


Top