Elija las funciones experimentales que desea probar

Este documento es un extracto de la web EUR-Lex

Documento 52017IP0042

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Frar 2017 dwar pestiċidi b'riskju baxx ta' oriġini bijoloġika (2016/2903(RSP))

    ĠU C 252, 18.7.2018, p. 184/188 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    18.7.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 252/184


    P8_TA(2017)0042

    Pestiċidi bijoloġiċi b'riskju baxx

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Frar 2017 dwar pestiċidi b'riskju baxx ta' oriġini bijoloġika (2016/2903(RSP))

    (2018/C 252/18)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE (1) u 91/414/KEE, u b'mod partikolari l-Artikoli 22 u 47, l-Artikolu 66(2) u l-Anness II, il-punt 5 tagħha,

    wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/128/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta1-21 ta' Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja biex jinkiseb użu sostenibbli tal-pestiċidi (2), u b'mod partikolari l-Artikoli 12 u 14 tagħha,

    wara li kkunsidra l-abbozz ta' Regolament tal-Kummissjoni li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti fir-rigward il-kriterji għall-approvazzjoni ta' sustanzi attivi b'riskju baxx (D046260/01,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Ġunju 2016 dwar soluzzjonijiet teknoloġiċi għal agrikoltura sostenibbli (3),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Ġunju 2016 dwar it-tisħiħ tal-innovazzjoni u tal-iżvilupp ekonomiku fil-ġestjoni futura tal-farms Ewropej (4),

    wara li kkunsidra l-“pjan ta' implimentazzjoni biex iżżid id-disponibbiltà tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti b'riskju baxx u tiġi aċċellerata l-implimentazzjoni tal-ġestjoni integrata tal-organiżmi ta' ħsara fi Stati Membri” żviluppat mill-Grupp ta' Esperti dwar il-protezzjoni tal-pjanti u approvata mill-Kunsill fit-28 ta' Ġunju 2016,

    wara li kkunsidra l-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni kontra t-theddid li qed jiżdied ta’ Reżistenza Antimikrobika (COM(2011)0748), u l-Pjan segwenti dwar ir-Reżistenza Antimikrobika (AMR) Pjan ta’ Azzjoni li se jiġi mniedi mill-Kummissjoni fl-2017,

    wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar il-pestiċidi bijoloġiċi b'riskju baxx (O-000147/2016 – B8-1821/2016),

    wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni mressqa mill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,

    wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    A.

    billi l-użu ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti konvenzjonali huwa dejjem aktar suġġet għal dibattitu pubbliku, minħabba r-riskji li dawn jippreżentaw għas-saħħa tal-bniedem, għall-annimali u għall-ambjent;

    B.

    billi n-numru ta' sustanzi attivi disponibbli fis-suq tal-UE li jintużaw għall-protezzjoni tal-pjanti qiegħed jonqos; billi l-bdiewa tal-UE għadhom jeħtieġu varjetà ta' għodod għall-ħarsien tal-għelejjel;

    C.

    billi huwa importanti li jiġi promoss l-iżvilupp ta' proċeduri jew tekniki alternattivi biex titnaqqas id-dipendenza fuq il-pestiċidi konvenzjonali;

    D.

    billi l-evitar tal-ħela tal-ikel huwa prijorità fl-UE, u l-aċċess għal soluzzjonijiet xierqa ta' protezzjoni tal-pjanti huwa essenzjali fil-prevenzjoni tal-ħsara kkawżata minn pesti u mard li tirriżulta fl-iskart tal-ikel; billi skont il-FAO, 20 % tal-produzzjoni tal-frott u l-ħxejjex fl-Ewropa jintilfu fl-għelieqi (5);

    E.

    billi huwa xorta possibbli li jinstabu residwi mhux mixtieqa ta' pestiċidi fil-ħamrija, fl-ilma u fl-ambjent in ġenerali, u anke ċertu perċentwal ta' prodotti agrikoli li joriġinaw mill-pjanti jew l-annimali jista' jkun fih residwi ta' pestiċidi ogħla mil-livelli massimi tar-residwi għall-pestiċidi;

    F.

    billi r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 jiddefinixxi kriterji għall-identifikazzjoni ta' sustanzi b'riskju baxx li japplikaw indipendentement mill-oriġini tas-sustanzi u billi l-pestiċidi b'riskju baxx jistgħu jkunu ta' oriġini kemm bijoloġika kif ukoll sintetika;

    G.

    billi l-pestiċidi ta' oriġini bijoloġika huma ġeneralment meqjusin bħala pestiċidi bbażati fuq mikro-organiżmi, materjali botaniċi, kimiċi derivati bijoloġikament jew semjokimiċi (bħal feromoni u diversi żjutijiet essenzjali); billi l-qafas regolatorju attwali dwar il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (6) ma jagħmilx distinzjoni bejn prodotti kimiċi bijoloġiċi u dawk sintetiċi għall-protezzjoni tal-pjanti;

    H.

    billi studji xjentifiċi reċenti ddikjaraw li l-esponiment subletali għal ċerti erbiċidi jista' jikkawża tibdil negattiv fis-suxxettibilità antibijotika fil-batterji (7) u li l-kombinazzjoni ta' użu kbir ta' erbiċidi u antibijotiċi fil-prossimità tal-annimali u l-insetti tal-irziezet tista' twassal għal użu akbar ta' antibijotiċi billi possibilment jiġu kompromessi l-effetti terapewtiċi tal-dawn l-istess antibijotiċi;

    I.

    billi l-prodotti ta' protezzjoni tal-pjanti b'riskju baxx ta' oriġini bijoloġika jistgħu jikkostitwixxu alternattiva vijabbli għall-prodotti konvenzjonali għall-protezzjoni tal-pjanti, kemm għall-bdiewa konvenzjonali kif ukoll għal dawk organiċi, u jikkontribwixxu għal agrikoltura aktar sostenibbli; billi xi prodotti ta' protezzjoni tal-pjanti ta' oriġini bijoloġika għandhom modi ġodda ta' kif jaħdmu, li huma ta' benefiċċju sabiex tevolvi r-reżistenza għall-pestiċidi konvenzjonali u tista' tillimita l-impatt fuq l-organiżmi li mhumiex fil-mira; billi prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti b’riskju baxx ta’ oriġini bijoloġika għandhom ikunu fost l-alternattivi ppreferuti għal utenti mhux professjonali u għal ġonna tad-dar, flimkien ma’ metodi ta’ kontroll jew ta’ prevenzjoni mhux kimiċi oħrajn;

    J.

    billi, sabiex jintlaħqu b'mod adegwat il-ħtiġijiet alimentari u tal-għalf, l-użu ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti huwa neċessarju u billi l-prinċipju ta' prekawzjoni (8) huwa applikat fil-proċedura għall-awtorizzazzjoni ta' tali prodotti u tas-sustanzi attivi tagħhom;

    K.

    billi l-proċess twil ta' approvazzjoni u ta' reġistrazzjoni qabel ma jiġu kummerċjalizzati l-pestiċidi bijoloġiċi b'riskju baxx jirrappreżenta ostakolu ekonomiku importanti għall-manifatturi;

    L.

    billi l-implimentazzjoni tal-ġestjoni integrata tal-organiżmi ta' ħsara hija obbligatorja fl-Unjoni skont id-Direttiva 2009/128/KE; billi l-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali għandhom ipoġġu aktar enfasi fuq l-użu sostenibbli ta’ pestiċidi għall-protezzjoni tal-pjanti b’riskju baxx, inklużi alternattivi;

    M.

    billi skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009, is-sustanzi attivi huma approvati fil-livell tal-Unjoni, filwaqt li l-awtorizzazzjoni ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jkun fihom dawn is-sustanzi attivi huma f'idejn l-Istati Membri;

    N.

    billi l-Artikolu 22 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 jippermetti li sustanzi attivi jiġu approvati bħala sustanzi attivi b'riskju baxx fejn dawn jissodisfaw il-kriterji ġenerali u dawk speċifiċi tal-approvazzjoni u ta' riskju baxx speċifikati fl-Anness II, punt 5; billi l-Artikolu 47 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 jiddisponi li l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom biss sustanzi attivi b'riskju baxx, li ma jkunx fihom sustanza ta' tħassib, ma jeħtiġux miżuri speċifiċi għat-taffija tar-riskji u jkunu effettivi biżżejjed għandhom jiġu awtorizzati bħala prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti b'riskju baxx;

    O.

    billi, fil-preżent, huma biss sebgħa s-sustanzi attivi kklassifikati bħala “riskju baxx”, li minnhom sitta huma sustanzi attivi ta’ oriġini bijoloġika, li huma approvati fl-Unjoni; billi l-Kummissjoni tagħti prijorità għall-valutazzjoni ta' sustanzi attivi b'riskju baxx preżunt fil-programm għat-tiġdid tagħha;

    P.

    billi l-pestiċidi bijoloġiċi b'riskju baxx ġew irrifjutati l-awtorizzazzjoni minn ċertu numru ta' Stati Membri minħabba l-perċezzjoni tal-effikaċja iktar baxxa tagħhom meta mqabbla ma' pestiċidi kimiċi sintetiċi, bla ebda kunsiderazzjoni tal-innovazzjoni li għaddejja fis-settur tal-pestiċidi bijoloġiċi b'riskju baxx, bla kunsiderazzjoni tal-benefiċċji tal-effiċjenza tar-riżorsi għall-biedja organika u bla kunsiderazzjoni tal-ispejjeż agrikoli u ambjentali ta' ċerti prodotti oħra għall-protezzjoni tal-pjanti;

    Q.

    billi l-qafas regolatorju attwali jiddisponi ċerti inċentivi għal sustanzi attivi b'riskju baxx u prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti b'riskju baxx, jiġifieri l-ewwel perjodu ta' approvazzjoni itwal għal sustanzi attivi b'riskju baxx ta' 15 snin skont l-Artikolu 22 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, u inqas minn 120 jum għall-awtorizzazzjoni ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti b'riskju baxx skont l-Artikolu 47 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009; billi, madankollu, dawn l-inċentivi regolatorji japplikaw biss fi tmiem il-proċedura tal-approvazzjoni, ladarba sustanza attiva tiġi kklassifikata bħala ta' riskju baxx;

    R.

    billi l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2009/128/KE jistipula li l-użu ta' pestiċidi għandu jkun minimizzat u projbit f'ċerti żoni speċifiċi, bħal żoni użati mill-pubbliku ġenerali u żoni protetti; billi f'tali każi għandhom jittieħdu miżuri xierqa għall-ġestjoni tar-riskju u l-użu ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti b'riskju baxx u miżuri ta’ kontroll bijoloġiku għandu jitqies qabel kollox; billi xi Stati Membri għal żmien twil ipprojbixxew l-użu tal-pestiċidi f'tali żoni speċifiċi;

    S.

    billi l-Kummissjoni ssottomettiet lill-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf (Kumitat dwar il-PAFF) abbozz ta’ regolament li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 rigward il-kriterji għall-approvazzjoni ta’ sustanzi attivi b’riskju baxx; billi dan l-abbozz jipprovdi preżunzjoni ta' status ta' riskju baxx għas-sustanzi attivi li huma mikro-organiżmi;

    Kunsiderazzjonijiet ġenerali

    1.

    Jenfasizza l-ħtieġa li tiżdied id-disponibbiltà ta' pestiċidji b'riskju baxx ta' oriġini bijoloġika mingħajr fl-Unjoni, u dan mingħajr aktar dewmien;

    2.

    Jenfasizza l-fatt li l-bdiewa għandu jkollhom aktar għodod disponibbli għalihom biex jipproteġu l-għelejjel tagħhom u biex jiddeċiedu liema miżura tipproteġi l-għelejjel tagħhom bl-aħjar mod u bl-aktar mod sostenibbli; jinkoraġġixxi, għaldaqstant, użu usa' ta' għodod differenti inklużi pestiċidi bijoloġiċi b'riskju baxx, b'osservanza tal-prinċipju ta' ġestjoni integrata tal-organiżmi ta' ħsara;

    3.

    Jenfasizza l-ħtieġa li tiżied id-disponibilità ta’ għodod ta’ ġestjoni tal-organiżmi ta’ ħsara għal biedja organika li jikkonformaw mar-rekwiżiti kemm tal-biedja organika, kif ukoll tal-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi;

    4.

    Jenfasizza li d-domanda tal-konsumaturi għal ikel sikur li jkun kemm li wieħed jiflaħ iħallsu kif ukoll prodott b'mod sostenibbli għandha tiġi sodisfatta;

    5.

    Jenfasizza li, sabiex jiġu promossi l-iżvilupp u l-użu ta' pestiċidi bijoloġiċi ġodda ta' riskju baxx; l-evalwazzjoni tal-effikaċja u tar-riskji tagħhom, kif ukoll dik tal-kapaċità tagħhom biex jaqdu l-bżonnijiet ambjentali, sanitarji u ekonomiċi tal-agrikoltura, meta mqabbla ma' pestiċidi kimiċi sintetiċi eżistenti għandha tkun imfassla b'tali mod li l-bdiewa jingħataw livell xieraq ta' protezzjoni tal-pjanti;

    6.

    Jenfasizza l-importanza ta’ dibattitu pubbliku dwar id-disponibbiltà ta’ alternattivi konvenzjonali dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u għażla usa’ ta’ sustanzi disponibbli għall-bdiewa u l-produtturi agrikoli, inklużi prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti b’riskju baxx ta’ oriġini bijoloġika u miżuri ta’ kontroll bijoloġiku oħra, sabiex jinstabu soluzzjonijiet li huma l-aktar vijabbli f’termini ekonomiċi, ambjentali u tas-saħħa; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żgurati s-sostenibbiltà tal-protezzjoni tal-għelejjel; jinkoraġġixxi aktar riċerka u innovazzjoni dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti b’riskju baxx ta’ oriġini bijoloġika;

    7.

    Jilqa' l-“pjan ta' implimentazzjoni biex iżżid id-disponibbiltà tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti b'riskju baxx u tiġi aċċellerata l-implimentazzjoni tal-ġestjoni integrata tal-organiżmi ta' ħsara fl-Istati Membri” kif approvat mill-Kunsill; jistieden lill-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-Organizzazzjoni Ewropea u Mediterranja dwar il-Protezzjoni tal-Pjanti (EPPO) biex isegwu l-implimentazzjoni ta' dan il-pjan;

    Azzjoni immedjata

    8.

    Jitlob li jkun hemm adozzjoni rapida tal-abbozz ta’ Regolament li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 rigward il-kriterji għall-approvazzjoni ta’ sustanzi attivi b’riskju baxx li l-Kummissjoni ssottomettiet lill-Kumitat dwar il-PAFF; jistieden lill-Kummissjoni taġġorna b'mod kontinwu l-kriterji b'konformità mal-għarfien xjentifiku l-iktar aġġornat;

    9.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu prijorità lill-evalwazzjoni bijoloġika, l-awtorizzazzjoni u r-reġistrazzjoni ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti b'riskju baxx, filwaqt li jżommu livell għoli ta' valutazzjoni tar-riskju;

    10.

    Jistieden lill-Istati Membri jinkludu l-użu ta' pestiċidi bijoloġiċi b'riskju baxx fil-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali tagħhom dwar il-protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem;

    11.

    jinkoraġġixxi skambju ta' informazzjoni u ta' prattiki tajbin bejn l-Istati Membri dwar ir-riżultati tar-riċerka fil-ġlieda kontra l-organiżmi ta' ħsara, ħaġa li tippermetti li jinstabu soluzzjonijiet alternattivi vijabbli fil-qasam ambjentali, tas-saħħa u dak ekonomiku;

    12.

    Jistieden lill-Kummissjoni tidentifika s-sustanzi b'riskju baxx li diġà jinsabu fis-suq;

    Reviżjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti

    13.

    Jilqa' l-inizjattiva REFIT tal-Kummissjoni għall-2016 li twettaq evalwazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009; jenfasizza li l-proċess REFIT m'għandux iwassal biex jitbaxxew l-istandards ta' sikurezza tal-ikel u tal-protezzjoni tal-ambjent; Huwa konxju mill-fatt li r-reviżjoni ġenerali tar-Regolament sħiħ (KE) Nru 1107/2009 b'konnessjoni mal-evalwazzjoni REFIT tiegħu tista' tieħu bosta snin;

    14.

    Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi rivedut ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 sabiex jitrawwem l-iżvilupp, l-awtorizzazzjoni u t-tqegħid fis-suq tal-UE ta' pestiċidi bijoloġiċi b'riskju baxx; jinsab imħasseb li l-proċess attwali ta' awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti huwa subottimali fil-każ tal-pestiċidi b'riskju baxx ta' oriġini bijoloġika; josserva li l-proċess attwali ta' reġistrazzjoni tas-sustanzi bażiċi b'riskju baxx xi kultant fil-prattika jiġi kkonfigurat bħala tip ta' privattiva, ħaġa li tagħmilha diffiċli li prodott ibbażat fuq l-istess sustanza mhux reġistrata jintuża fi Stat Membru ieħor;

    15.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex tissottometti, qabel tmiem l-2018, proposta leġiżlattiva speċifika li temenda r-Regolament (KE) Nru 1107/2009, barra r-reviżjoni ġenerali b’rabta inizjattiva REFIT, bil-ħsieb li tiġi stabbilita proċedura mgħaġġla, valutazzjoni, awtorizzazzjoni tar-reġistrazzjoni għal pestiċidi b’riskju baxx ta’ oriġini bijoloġika;

    16.

    Jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm definizzjoni, fir-Regolament (KE) Nru 1107/2009, ta' “prodott ta' protezzjoni tal-pjanti ta' oriġini bijoloġika”, li tkopri l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li s-sustanza attiva tagħhom li hija mikro-organiżmu jew molekula li teżisti fin-natura, jew miksuba minn proċess naturali jew sintetizzata bħala identika għall-molekula naturali, b'kuntrast ma' prodotti ta' protezzjoni tal-pjanti li s-sustanza attiva tagħhomhija molekula sintetika li ma teżistix fin-natura,, irrispettivament mill-metodu ta' produzzjoni;

    17.

    Jistieden lill-Kummissjoni, fir-rapport tiegħu dwar l-evalwazzjoni tal-Pjanijiet ta' Azzjoni Nazzjonali meħtieġa skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2009/128/KE li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja biex jinkiseb użu sostenibbli tal-pestiċidi, biex tidentifika diskrepanzi fl-implimentazzjoni tad-Direttiva mill-Istati Membri u biex tinkludi rakkomandazzjonijiet robusti lill-Istati Membri biex jieħdu azzjoni immedjata sabiex inaqqsu r-riskju u l-impatt tal-użu tal-pestiċidi fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ambjent u biex jiżviluppaw u jintroduċu approċċi jew tekniki alternattivi bl-għan li titnaqqas id-dipendenza fuq l-użu tal-pestiċidi;

    o

    o o

    18.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

    (1)  ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.

    (2)  ĠU L 309, 24.11.2009, p. 71.

    (3)  Testi adottati, P8_TA(2016)0251.

    (4)  Testi adottati, P8_TA(2016)0252.

    (5)  FAO (2011) “Global Food Losses and Food Waste” (It-telf u l-ħela tal-ikel fil-livell globali).

    (6)  Il-kunċett ta' 'pestiċidi' jkopri wkoll il-prodotti bijoċidali li għalihom ma tapplikax din ir-riżoluzzjoni.

    (7)  eż. Kurenbach B, Marjoshi D, Amábile-Cuevas CF, Ferguson GC, Godsoe W, Gibson P, Heinemann JA. 2015. Sublethal exposure to commercial formulations of the herbicides dicamba, 2,4-dichlorophenoxyacetic acid, and glyphosate cause changes in antibiotic susceptibility in Escherichia coli and Salmonella enterica serovar Typhimurium. mBio 6(2):e00009-15. doi:10.1128/mBio.00009-15.

    (8)  L-Artikolu 1(4) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009.


    Arriba