Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017IP0021

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Frar 2017 dwar kontroll tar-Reġistru u kompożizzjoni tal-gruppi ta' esperti tal-Kummissjoni (2015/2319(INI))

    ĠU C 252, 18.7.2018, p. 52–55 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    18.7.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 252/52


    P8_TA(2017)0021

    Kontroll tar-Reġistru u kompożizzjoni tal-gruppi ta' esperti tal-Kummissjoni

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Frar 2017 dwar kontroll tar-Reġistru u kompożizzjoni tal-gruppi ta' esperti tal-Kummissjoni (2015/2319(INI))

    (2018/C 252/06)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Mejju 2016 li tistabbilixxi regoli orizzontali dwar il-ħolqien u l-funzjonament tal-gruppi ta' esperti tal-Kummissjoni (C(2016)3301),

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kummissjoni – Qafas għall-gruppi ta' esperti tal-Kummissjoni: regoli orizzontali u r-reġistru pubbliku (C(2016)3300),

    wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea (1),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' April 2016 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014, Taqsima III – Il-Kummissjoni u l-aġenziji eżekuttivi (2),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-Kumitat għall-Baġits (A8-0002/2017),

    A.

    billi esprima t-tħassib tiegħu fir-rigward tal-funzjonament tal-qafas preċedenti għall-gruppi ta' esperti tal-Kummissjoni ta' Novembru 2010 (3), li kien twaqqaf bl-għan li jintroduċi innovazzjonijiet operattivi sinifikanti sabiex isaħħu t-trasparenza u l-koordinazzjoni tal-ħidma interistituzzjonali;

    B.

    billi, b'mod partikolari, il-Kumitat għall-Baġits tiegħu, fid-dawl tan-nuqqas ta' trasparenza u l-iżbilanċ fil-kompożizzjoni ta' ċertu għadd ta' gruppi ta' esperti, u minħabba l-ħtieġa li jiżgura li l-kompożizzjoni tal-gruppi ta' esperti tikseb bilanċ ġust f'termini ta' għarfien espert u ta' opinjonijiet rappreżentati, adotta riżervi baġitarji fl-2011 u l-2014 u fformola talbiet li għadhom ma ġewx aċċettati għar-riforma tagħhom;

    C.

    billi studju riċenti kkummissjonat minnu identifika nuqqas ta' trasparenza mifrux kif ukoll żbilanċ fil-kompożizzjoni ta' ċertu għadd ta' gruppi ta' esperti (4);

    D.

    billi l-kompożizzjoni bilanċjata u t-trasparenza huma prekundizzjonijiet essenzjali biex l-għarfien espert jirrifletti b'mod adegwat il-ħtiġijiet għal azzjoni regolatorja u biex tittrawwem il-leġittimità ta' dan l-għarfien espert u ta' din l-azzjoni regolatorja f'għajnejn iċ-ċittadini Ewropej;

    E.

    billi l-Ombudsman Ewropew, fl-inkjesta strateġika (5) tagħha, ressqet rakkomandazzjoni dwar il-kompożizzjoni tal-gruppi ta' esperti tal-Kummissjoni, b'mod partikolari b'enfasi fuq il-ħtieġa għal trasparenza akbar fi ħdan il-gruppi ta' esperti;

    F.

    billi qabel ma adottat id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni impenjat ruħha ma' rappreżentanti tal-Parlament u mal-Ombudsman Ewropew;

    G.

    billi l-Kummissjoni ppreżentat lill-Parlament dokument ta' ħidma tas-servizzi tal-Kummissjoni, b'reazzjoni għar-rakkomandazzjonijiet li jinsabu f'dokument ta' ħidma tar-Rapporteur tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit;

    H.

    billi, sfortunatament, minkejja dan, la d-dokument ta' ħidma tas-servizzi tal-Kummissjoni, u lanqas id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, ma jipprovdu soluzzjonijiet għat-tħassib kollu mqajjem mill-Parlament;

    1.

    Jilqa' b'sodisfazzjon id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Mejju 2016 li tistabbilixxi regoli orizzontali dwar il-ħolqien u l-funzjonament tal-gruppi ta' esperti tal-Kummissjoni, iżda jiddispjaċih għall-fatt li, minkejja l-bosta organizzazzjonijiet nongovernattivi li wrew l-interess tagħhom, il-Kummissjoni ma organizzatx konsultazzjoni pubblika sħiħa; itenni l-importanza li terġa' tingħata l-ħajja lit-tipi ta' involviment tar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u tas-sħab soċjali f'oqsma kruċjali bħalma huma t-trasparenza u l-funzjonament tal-istituzzjonijiet Ewropej;

    2.

    Jirrimarka li, permezz tal-adozzjoni tar-regoli orizzontali l-ġodda, ħafna mit-tħassib espress preċedentement mill-Parlament jidher li ġie solvut, partikolarment it-tħassib dwar il-ħtieġa għal sejħiet pubbliċi għall-applikazzjonijiet għall-għażla tal-membri ta' gruppi ta' esperti u fir-rigward tar-reviżjoni tar-Reġistru tal-gruppi ta' esperti tal-Kummissjoni u l-ħolqien ta' sinerġija bejn dan ir-Reġistru, ir-Reġistru ta' Trasparenza tal-Kummissjoni u tal-Parlament, u dawk ir-regoli dwar il-ħtieġa li jiġu evitati kunflitti ta' interess, speċjalment rigward esperti li jinħatru f'kapaċità personali;

    3.

    Jinnota li t-trasparenza u l-koordinazzjoni tal-attivitajiet interistituzzjonali huma tal-akbar importanza, billi jgħinu biex jintlaħaq bilanċ xieraq mill-perspettiva tal-għarfien espert u tal-opinjonijiet rappreżentati fil-kompożizzjoni tal-gruppi ta' esperti, sabiex itejbu l-operat tagħhom; jilqa', għaldaqstant, il-fatt li issa l-proċess ta' għażla qed isir pubblikament; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-esperjenza prattika u l-kwalifiki tal-esperti jeħtieġu jsiru evidenti; huwa tal-fehma li l-proċess tal-għażla kollu għandu jiggarantixxi livell għoli ta' trasparenza u għandu jiġi rregolat minn kriterji aktar ċari, aktar konċiżi u b'enfasi partikolari fuq l-esperjenza prattika tal-kandidati flimkien mal-kwalifiki akkademiċi tagħhom u fuq il-kunflitti ta' interess potenzjali li jista' jkollhom;

    4.

    Jilqa' l-fatt li diġà ġiet stabbilita rabta bejn il-gruppi ta' esperti tar-Reġistru tal-Kummissjoni u r-Reġistru tat-Trasparenza, biex b'hekk jiġi żgurat titjib fit-trasparenza;

    5.

    Jiddispjaċih li t-tentattiv biex titwettaq konsultazzjoni pubblika dwar l-istabbiliment tar-regoli l-ġodda ma rnexxiex; jistieden lill-Kummissjoni taġixxi b'mod trasparenti u b'mod responsabbli lejn iċ-ċittadini tal-UE;

    6.

    Ifakkar li nuqqas ta' trasparenza għandu effett negattiv fuq il-fiduċja li ċ-ċittadini tal-UE għandhom fl-istituzzjonijiet tal-UE; jemmen li r-riforma effikaċi tas-sistema tal-gruppi ta' esperti tal-Kummissjoni, imsejsa fuq prinċipji ċari ta' trasparenza u kompożizzjoni bilanċjata, se ttejjeb id-disponibbiltà u l-affidabbiltà tad-data, li mbagħad tgħin biex iżżid il-fiduċja tan-nies fl-UE;

    7.

    Jenfasizza li r-regoli l-ġodda għandhom japplikaw b'mod strett u ugwali għal kull grupp ta' esperti tal-Kummissjoni, irrispettivament mit-titolu tagħhom (b'hekk huma inklużi gruppi speċjali, ta' livell għoli jew gruppi “straordinarji” oħra, u gruppi formali jew informali), li mhumiex esklussivament magħmula minn rappreżentanti tal-Istati Membri jew immexxija mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 98/500/KE tal-20 ta' Mejju 1998 dwar it-twaqqif ta' Kumitati ta' Djalogu Settorjali biex iġibu 'il quddiem id-djalogu bejn is-sħab soċjali fuq livell Ewropew; itenni li r-regoli l-ġodda jridu jiżguraw rappreżentazzjoni bilanċjata permezz tal-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti tal-partijiet interessati kollha;

    8.

    Huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandha tagħmel progress biex ikun hemm kompożizzjoni aktar bilanċjata tal-gruppi ta' esperti; jikkundanna l-fatt, madankollu, li għad ma ssirx distinzjoni espliċita bejn il-partijiet li jirrappreżentaw interessi ekonomiċi u dawk li jirrappreżentaw interessi mhux ekonomiċi, b'mod li jkun iggarantit l-ogħla livell ta' trasparenza u bilanċ; jenfasizza l-ħtieġa li, f'dan ir-rigward, fis-sejħa pubblika għal applikazzjoni, il-Kummissjoni tikkjarifika l-mod kif tiddefinixxi kompożizzjoni bilanċjata u liema huma l-interessi li hija tfittex li jkunu rappreżentati meta jiġu stabbiliti l-gruppi ta' esperti; jikkunsidra għalhekk li huwa importanti li jiġu involuti l-Parlament u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali bil-għan li tingħata definizzjoni aktar bilanċjata ta' dik id-distinzjoni;

    9.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex, meta toħloq gruppi ta' esperti ġodda jew meta tbiddel il-kompożizzjoni ta' dawk li diġà jeżistu, tiddikjara b'mod ċar, f'sejħa pubblika għall-applikazzjonijiet, kif tiddefinixxi kompożizzjoni bilanċjata, liema huma l-interessi li hija tfittex li jiġu ppreżentati, u għalfejn, u saħansitra biex tiġġustifika kwalunkwe devjazzjoni possibbli mill-kompożizzjoni bilanċjata kif definit minn qabel, meta jkunu stabbiliti l-gruppi ta' esperti;

    10.

    Jirrimarka, f'dan il-kuntest u fir-rigward tal-paragrafi 34-45 tal-opinjoni tal-Ombudsman imsemmija hawn fuq, li, għalkemm il-Kummissjoni għadha ma ddefinietx formalment il-kunċett tagħha ta' “bilanċ”, dan tal-aħħar m'għandux jinftiehem bħala r-riżultat ta' eżerċizzju aritmetiku, iżda pjuttost bħala r-riżultat tal-isforzi biex jiġi żgurat li l-membri ta' grupp ta' esperti, flimkien, ikollhom l-għarfien espert tekniku u l-varjetà ta' perspettivi meħtieġa biex iwettqu l-mandat tal-grupp ta' esperti kkonċernat; jikkunsidra li l-kunċett ta' bilanċ għandu, għalhekk, jinftiehem f'relazzjoni mal-mandat speċifiku ta' kull grupp ta' esperti individwali; jikkunsidra li l-kriterji li jiddeterminaw jekk grupp ta' esperti huwiex bilanċjat jew le għandhom jinkludu l-kompiti tal-grupp, l-għarfien espert tekniku meħtieġ, il-partijiet interessati li probabbli l-aktar li jkunu milquta mill-kwistjoni, l-organizzazzjoni ta' gruppi ta' partijiet interessati, u proporzjon adegwat ta' interessi ekonomiċi u mhux ekonomiċi;

    11.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex minnufih tinvestiga jekk huwiex meħtieġ mekkaniżmu ġdid ta' lmenti, jekk id-definizzjoni ta' kompożizzjoni bilanċjata hix qed tiġi kkontestata minn partijiet interessati jew jekk l-arranġamenti attwali humiex adegwati; jitlob li l-Parlament ikun assoċjat f'dan il-mekkaniżmu ta' kontroll;

    12.

    Ifakkar li, fil-passat, mhux dejjem kien possibbli li l-Kummissjoni ssib biżżejjed esperti li jirrappreżentaw lill-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs), lill-konsumaturi, lit-trade unions jew lil organizzazzjonijiet oħra ta' interess pubbliku ġenerali, u li ħafna drabi dan kien kawża tal-ispejjeż involuti, jew fit-teħid tal-liv jew, pereżempju fil-każ ta' SMEs, biex isibu mod kif jissostitwixxu l-ħin li jqattgħu fil-gruppi ta' esperti, minn hawn 'il quddiem imsejħa “spejjeż alternattivi”;

    13.

    Jitlob, għalhekk, li l-Kummissjoni tesplora modi biex tiffaċilita u tħeġġeġ il-parteċipazzjoni ta' organizzazzjonijiet jew gruppi soċjali li m'humiex rappreżentati biżżejjed fil-gruppi ta' esperti, billi tevalwa, inter alia, id-dispożizzjonijiet tagħha għal rimborż ta' spejjeż b'mod effiċjenti u ekwu, inklużi modi possibbli biex tkopri l-infiq għal kwalunkwe “spiża alternattiva” ta' dan it-tip, filwaqt li jkun rispettat kif xieraq il-prinċipju ta' proporzjonalità;

    14.

    Jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta l-iżvilupp ta' sistema ta' allowances li tappoġġa lill-gruppi li mhumiex rappreżentati biżżejjed sabiex jiksbu l-għarfien espert meħtieġ biex ikunu jistgħu jipparteċipaw/jieħdu sehem b'mod sħiħ u effikaċi fil-grupp ta' esperti;

    15.

    Jistieden lill-Kummissjoni tagħmilha possibbli biex l-organizzazzjonijiet nongovernattivi Ewropej jiġu rappreżentati fil-gruppi ta' esperti minn rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet li jkunu l-membri tagħhom fil-livell nazzjonali, meta jingħatalhom mandat ċar mill-organizzazzjonijiet Ewropej;

    16.

    Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li – anke jekk, minkejja arranġamenti speċifiċi, għadu mhux possibbli li jinstabu biżżejjed esperti li jirrappreżentaw l-interessi rilevanti kollha – il-grupp ta' esperti konċernat jieħu l-miżuri kollha xierqa, pereżempju permezz ta' proċeduri ta' votazzjoni ponderati, biex jiżgura li r-rapporti finali ta' dawn il-gruppi ta' esperti effettivament jirrappreżentaw l-interessi rilevanti kollha b'mod bilanċjat;

    17.

    Ifakkar li kemm il-Parlament kif ukoll l-Ombudsman Ewropew irrakkomandaw lill-Kummissjoni biex tippubblika l-aġendi, id-dokumenti ta' sfond, il-minuti tal-laqgħat u d-deliberazzjonijiet tal-gruppi ta' esperti, sakemm maġġoranza kwalifikata tal-membri tagħhom tiddeċiedi li jkun hemm bżonn li laqgħa speċifika jew parti minn laqgħa jibqgħu sigrieti, u jiddispjaċih li l-Kummissjoni qed tippersisti f'sistema fejn il-laqgħat jibqgħu sigrieti sakemm ma jkunx hemm maġġoranza sempliċi tal-membri tal-gruppi ta' esperti li tiddeċiedi li d-deliberazzjonijiet għandhom isiru pubbliċi; iqis li huwa essenzjali li tiġi implimentata l-akbar trasparenza possibbli, u jistieden lill-Kummissjoni tipprevedi li l-laqgħat u l-minuti jsiru pubbliċi;

    18.

    Jenfasizza li l-utenti jeħtieġ jingħatalhom aċċess għal firxa ta' dokumenti (aġendi, dokumenti ta' referenza, diversi rapporti), bil-għan li jiġi żgurat monitoraġġ effiċjenti mill-partijiet interessati; huwa tal-fehma, barra minn hekk, li s-sit web tar-Reġistru tal-gruppi ta' esperti – kemm minnu nnifsu jew permezz ta' hyperlinks għal siti web rilevanti oħrajn – għandu jkun wieħed mill-istrumenti jew mill-mekkaniżmi li jintużaw biex tinkiseb informazzjoni aġġornata b'mod kostanti dwar l-iżviluppi politiċi, u b'hekk jiġi garantit livell għoli ta' trasparenza;

    19.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex minnufih tiżviluppa linji gwida speċifiċi – f'konsultazzjoni mal-partijiet interessati, inkluż il-Parlament – li jispjegaw kif hija tinterpreta d-dispożizzjoni li l-minuti tal-gruppi ta' esperti għandhom ikunu sinifikanti u kompluti, speċjalment meta dawn il-laqgħat ma jkunux pubbliċi, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, f'dan ir-rigward, tipprovdi t-trasparenza massima possibbli, li tinkludi l-pubblikazzjoni tal-aġenda, tad-dokumenti ta' sfond, tar-rekords tal-votazzjoni u tal-minuti dettaljati, flimkien mal-opinjonijiet kuntrarji f'konformità mar-rakkomandazzjoni tal-Ombudsman Ewropew;

    20.

    Ifakkar li, apparti l-esperti maħtura fil-kapaċità personali tagħhom, anke l-membri minn universitajiet, istituti ta' riċerka, ditti legali, gruppi ta' riflessjoni u konsulenzi Ewropej u oħrajn jista' jkollhom kunflitti ta' interess, u jitlob lill-Kummissjoni tiċċara kif hija tevita l-kunflitti ta' interess għal dawn il-kategoriji speċifiċi ta' esperti;

    21.

    Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura – waqt li tibni fuq eżempji pożittivi eżistenti – implimentazzjoni sistematika ta' regoli orizzontali mtejba permezz ta' superviżjoni ċentrali tal-implimentazzjoni ta' dawn ir-regoli orizzontali, u biex dan ma tiddelegahx lil Direttorati Ġenerali individwali;

    22.

    Jistieden lill-Kummissjoni tiddedika, b'mod partikolari, biżżejjed riżorsi għall-attivitajiet li għandhom x'jaqsmu mar-Reġistru, billi tiżviluppa metodi innovattivi u partikolarment effikaċi sabiex jinżamm aġġornat mingħajr ebda żball fattwali u/jew ommissjonijiet, u jippermetti l-esportazzjoni tad-data f'format li jinqara mill-magni;

    23.

    Jinnota li l-Kummissjoni ddikjarat li, sa tmiem l-2016, id-Direttorati Ġenerali kollha se jkollhom jimplimentaw il-qafas il-ġdid għall-gruppi ta' esperti tal-Kummissjoni, u jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta lill-Parlament rapport dwar l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni sa mhux aktar tard minn sena wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni, jiġifieri qabel l-1 ta' Ġunju 2017; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li, bħala parti mid-djalogu strutturat mal-Parlament, fi żmien is-sitt xhur li ġejjin tista' diġà ssir l-ewwel preżentazzjoni orali tar-rapport;

    24.

    Jissottolinja barra minn hekk li l-Kummissjoni, meta tkun qed tħejji u tabbozza atti delegati u ta' implimentazzjoni u fit-tfassil ta' linji gwida strateġiċi, jeħtiġilha tiżgura li d-dokumenti kollha, inklużi l-abbozzi tal-atti leġiżlattivi, iridu jaslu għand il-Parlament u l-Kunsill fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, kif maqbul fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet;

    25.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

    (1)  ĠU L 304, 20.11.2010, p. 47.

    (2)  ĠU L 246, 14.9.2016, p. 27.

    (3)  C(2010)7649 tal-10 ta' Novembru 2010.

    (4)  Dipartiment Tematiku D Affarijiet Baġitarji, Kompożizzjoni tal-gruppi ta' esperti tal-Kummissjoni u l-istatus tar-reġistru tal-gruppi ta' esperti, 2015.

    (5)  OI/6/2014/NF.


    Top