Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017IP0012

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta' Frar 2017 dwar approċċ integrat għall-Politika tal-Isport: governanza tajba, aċċessibilità u integrità (2016/2143(INI))

    ĠU C 252, 18.7.2018, p. 2–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    18.7.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 252/2


    P8_TA(2017)0012

    Approċċ integrat għall-Politika tal-Isport: governanza tajba, aċċessibbiltà u integrità

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta' Frar 2017 dwar approċċ integrat għall-Politika tal-Isport: governanza tajba, aċċessibilità u integrità (2016/2143(INI))

    (2018/C 252/01)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 165 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jispeċifika l-għanijiet tal-politika tal-isport tal-UE,

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Jannar 2011 bit-titolu “L-Iżvilupp tad-Dimensjoni Ewropea fl-Isport” (COM(2011)0012),

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Grupp ta' Esperti tal-UE dwar il-Governanza Tajba bl-isem “The Principles for Good Governance of Sport in the EU” (Il-Prinċipji ta' Governanza Tajba tal-Isport fl-UE) ta' Ottubru 2013,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar l-Isport tal-Massa bl-isem “Grassroots Sport – Shaping Europe” (L-Isport tal-Massa – Insawru l-Ewropa) ta' Ġunju 2015,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar id-Diplomazija fl-Isport ta' Ġunju 2016,

    wara li kkunsidra l-programm Erasmus+, li għandu l-għan li jindirizza t-theddid transkonfinali għall-intergrità tal-isport, jippromwovi u jappoġġja l-governanza tajba fl-isport, il-karrieri doppji tal-isportivi u l-attivitajiet ta' volontarjat fl-isport, flimkien mal-inklużjoni soċjali u l-opportunitajiet indaqs,

    wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni dwar l-Isport (COM(2007)0391),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Ġunju 2015 dwar l-iżvelar reċenti ta' każijiet ta' korruzzjoni fl-ogħla livelli tal-FIFA (1),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2013 dwar il-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus: rakkomandazzjonijiet dwar azzjonijiet u inizjattivi li għandhom jittieħdu (2),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Settembru 2013 dwar il-logħob tal-azzard onlajn fis-suq intern (3),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2013 dwar ix-xiri tal-logħob u l-korruzzjoni fl-isport (4),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' Frar 2012 dwar id-dimensjoni Ewropea fl-isport (5),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Mejju 2008 dwar il-White Paper dwar l-Isport (6),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' Marzu 2007 dwar il-futur tal-futbol professjonali fl-Ewropa (7),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Ġunju 2010 dwar l-aġenti tal-plejers fl-isports (8),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Novembru 2013 dwar il-Qatar: is-sitwazzjoni tal-ħaddiema migranti (9),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2016 dwar ir-rwol tad-djalogu interkulturali, id-diversità kulturali u l-edukazzjoni fil-promozzjoni tal-valuri fundamentali tal-UE (10),

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-31 ta' Mejju 2016 dwar it-tisħiħ tal-integrità, it-trasparenza u l-governanza tajba fl-avvenimenti sportivi ewlenin,

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta' Mejju 2015 dwar il-massimizzazzjoni tar-rwol tal-isport tal-massa fl-iżvilupp tal-ħiliet trasversali, speċjalment fost iż-żgħażagħ,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2014 dwar Pjan ta' Ħidma tal-Unjoni Ewropea għall-Isport (2014–2017),

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta' Novembru 2013 dwar il-kontribut tal-isport għall-ekonomija tal-UE, b'mod partikolari biex jiġi indirizzat il-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-inklużjoni soċjali tagħhom,

    wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2013 dwar il-promozzjoni transettorjali ta' attività fiżika favur is-saħħa,

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-18 ta' Novembru 2010 dwar ir-rwol tal-isport bħala sors u mutur ta' inklużjoni soċjali attiva (11),

    wara li kkunsidra l-konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa tat-3 ta' Lulju 2016 dwar approċċ integrat għas-sikurezza, is-sigurtà u s-servizzi waqt partiti tal-futbol u avvenimenti sportivi oħra,

    wara li kkunsidra l-konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa tat-18 ta' Settembru 2014 dwar il-manipulazzjoni ta' kompetizzjonijiet sportivi,

    wara li kkunsidra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea u d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar kwistjonijiet relatati mal-isport, l-imħatri u l-logħob tal-azzard,

    wara li kkunsidra l-Aġenda Globali għall-2030 dwar l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 6 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A8-0381/2016),

    A.

    billi, bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona fl-2009, l-Unjoni Ewropea kisbet kompetenza speċifika għall-isport biex tibni u timplimenta politika kkoordinata tal-isport tal-UE li hija appoġġjata minn linja baġitarja speċifika, u biex tiżviluppa kooperazzjoni ma' korpi internazzjonali fil-qasam tal-isport, filwaqt li tqis in-natura speċifika tal-isport u tirrispetta l-awtonomija tal-istrutturi governattivi tal-isport;

    B.

    billi l-isport għandu rwol prominenti fil-ħajja ta' miljuni ta' ċittadini tal-UE; billi l-isport tad-dilettanti u l-isport professjonali mhumiex biss kwistjoni ta' kapaċitajiet atletiċi, riżultati pożittivi u kompetizzjonijiet fl-isport, iżda jagħtu wkoll kontribut soċjali, edukattiv, ekonomiku, kulturali u unifikanti sinifikanti lill-ekonomija u s-soċjetà tal-UE, kif ukoll lill-objettivi strateġiċi u l-valuri soċjali tal-UE;

    C.

    billi l-isport jirrappreżenta settur kbir tal-ekonomija tal-UE li qed jikber malajr u jagħti kontribut importanti għat-tkabbir, l-impjiegi u s-soċjetà, anke fil-livell lokali, b'effetti fuq il-valur miżjud u l-impjiegi li jaqbżu l-medja tar-rati ta' tkabbir; billi l-impjiegi relatati mal-isport ġew stmati li huma ekwivalenti għal 3,51 % tal-impjiegi totali tal-UE, u s-sehem tal-valur miżjud gross relatat mal-isport għal EUR 294 biljun (2,98 % tal-valur miżjud gross totali tal-UE);

    D.

    billi l-isport mhuwiex biss realtà ekonomika li qed tikber, iżda wkoll fenomenu soċjali li jagħti kontribut importanti lill-objettivi strateġiċi u lill-valuri soċjali tal-Unjoni Ewropea bħat-tolleranza, is-solidarjetà, il-prosperità, il-paċi, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-fehim fost in-nazzjonijiet u l-kulturi;

    E.

    billi l-ipprattikar tal-isport jikkontribwixxi għal kwalità tal-ħajja aħjar, jevita l-mard u għandu rwol fundamentali fit-tisħiħ tal-iżvilupp personali u l-kundizzjoni tas-saħħa;

    F.

    billi l-konformità mad-drittijiet bażiċi tax-xogħol hija essenzjali għall-atleti professjonisti;

    G.

    billi l-isport jikkontribwixxi wkoll għall-integrazzjoni tan-nies u jmur lil hinn mir-razza, ir-reliġjon u l-etniċità;

    H.

    billi l-integrità tal-isport hija ta' importanza kbira jekk il-kredibilità tiegħu u l-attrazzjoni tiegħu għandhom jiġu promossi;

    I.

    billi l-isport għandu natura speċifika li hija bbażata fuq strutturi ta' volontarjat u li hija prerekwiżit tal-funzjonijiet edukattivi u soċjali tiegħu;

    J.

    billi l-iskandli reċenti ta' korruzzjoni fl-isport, u fl-organizzazzjonijiet sportivi fil-livell Ewropew u dak internazzjonali, ħassru l-immaġni tal-isport billi qajmu tħassib u mistoqsijiet dwar il-bżonn ta' riformi ġenwini u strutturali tal-korpi u l-organizzazzjonijiet ta' tmexxija tal-isport filwaqt li titqies id-diversità kbira tal-istrutturi tal-isport f'pajjiżi Ewropej differenti u l-fatt li l-organizzazzjonijiet sportivi huma min-natura tagħhom fil-biċċa l-kbira awtoregolatorji;

    K.

    billi kemm l-isport professjonali kif ukoll dak tal-massa għandhom rwol ewlieni fil-promozzjoni globali tal-paċi, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u s-solidarjetà, iġibu benefiċċji tas-saħħa u ekonomiċi għas-soċjetajiet u għandhom rwol essenzjali fl-enfasizzar tal-valuri edukattivi u kulturali fundamentali kif ukoll fil-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali;

    L.

    billi l-governanza tajba fl-isport jenħtieġ li tirrispetta r-regolamentazzjoni xierqa tal-isport permezz ta' prinċipji ta' ġestjoni effettiva, trasparenti, etika u demokratika, governanza partiċipattiva, u proċessi u strutturi bil-parteċipazzjoni tal-partijiet ikkonċernati;

    M.

    billi l-organizzazzjonijiet sportivi huma responsabbli mill-iżgurar ta' standards ta' governanza u ta' integrità għoljin u għandhom jgħolluhom iktar, u jaderixxu magħhom fiċ-ċirkostanzi kollha, sabiex terġa' tinkiseb il-fiduċja taċ-ċittadini u tiżdied il-fiduċja pubblika fil-valur pożittiv tal-isport;

    N.

    billi politiki bbilanċjati li għandhom l-għan li jżidu t-trasparenza finanzjarja, l-istabilità u l-kredibilità fl-isport huma kruċjali biex jittejbu l-istandards finanzjarji u ta' governanza;

    O.

    billi l-mudell Ewropew tal-isport organizzat huwa bbażat fuq il-prinċipji ta' territorjalità u nazzjonalità, b'federazzjoni waħda għal kull dixxiplina, u b'mekkaniżmi ta' solidarjetà bejn l-isport tal-atleti tal-ogħla livell u dak tal-massa, kif ukoll fuq ir-relegazzjoni u l-promozzjoni, kompetizzjonijiet miftuħa u rridistribuzzjoni finanzjarja;

    P.

    billi r-rikonoxximent tal-prinċipju ta' federazzjoni unika għal kull sport huwa ta' rilevanza partikolari u jsib l-għeruq tiegħu fl-importanza soċjali tal-isport bħala l-aħjar mezz biex jitħarsu l-interessi tal-isport u l-benefiċċji li jipprovdi lis-soċjetà;

    Q.

    billi huwa leġittimu u neċessarju għall-partijiet ikkonċernati kollha li jiġi meħtieġ li kwalunkwe kompetizzjoni sportiva tintlagħab u tiġi deċiża skont ir-regoli tal-logħba rikonoxxuti fuq livell internazzjonali;

    R.

    billi t-tribunali sportivi għandhom rwol ċentrali fil-garanzija tal-universalità tar-regoli tal-logħba, id-dritt għal proċess ġust f'kawżi relatati mal-isport u l-governanza tajba, peress li dawn jikkostitwixxu l-aktar mezzi xierqa ta' soluzzjoni tat-tilwimiet fil-qasam tal-isport b'konformità mad-drittijiet proċedurali fundamentali tal-UE;

    S.

    billi l-ammonti dejjem jiżdiedu ta' flus li jiċċirkolaw fis-settur tal-isport u fl-organizzazzjonijiet involuti wasslu għal talbiet ta' governanza u trasparenza aħjar; billi l-isport, bħala attività ekonomika, huwa kkonfrontat minn sensiela ta' skandli ta' xiri tal-logħob li jinvolvu diversi reati u attivitajiet illegali oħra bħall-ħasil tal-flus, il-korruzzjoni u t-tixħim;

    T.

    billi l-prattiki tad-doping li qed jiżdiedu huma theddida għall-integrità u r-reputazzjoni tal-isport peress li dawn jiksru l-valuri u l-prinċipji etiċi tal-isport bħal-logħob ġust, u billi l-użu tad-doping jipperikola b'mod serju s-saħħa tal-atleti kkonċernati, u ħafna drabi jikkawża ħsara serja u permanenti, u billi l-ġlieda kontra d-doping hi kwistjoni ta' interess pubbliku u ta' saħħa pubblika;

    U.

    billi kwalunkwe att ta' vjolenza, ħulliganiżmu u diskriminazzjoni diretta kontra grupp ta' persuni jew membru ta' tali grupp, sew jekk fl-isport tad-dilettanti jew f'dak professjonali, iħammeġ l-immaġni tiegħu u jiskoraġġixxi lill-ispettaturi milli jattendu avvenimenti sportivi;

    V.

    billi l-promozzjoni tal-isport għall-persuni b'diżabilità intellettwali u fiżika għandha tkun prijorità ewlenija fil-livell Ewropew, nazzjonali u lokali;

    W.

    billi l-parteċipazzjoni u l-viżibilità tan-nisa fl-isport u l-kompetizzjonijiet sportivi jeħtieġ li jitjiebu;

    X.

    billi l-atleti, b'mod partikolari l-minuri, iħabbtu wiċċhom ma' pressjonijiet ekonomiċi u jiġu ttrattati bħala oġġetti u, għalhekk, għandhom jiġu protetti kontra kwalunkwe forma ta' abbuż, vjolenza jew diskriminazzjoni li jistgħu jseħħu waqt il-parteċipazzjoni tagħhom fl-isport;

    Y.

    billi fl-isports tat-timijiet fl-Ewropa hemm tendenza dejjem tikber u inkwetanti ta' sjieda minn partijiet terzi li permezz tagħha l-plejers, li spiss ikunu ta' età żgħira ħafna, ikunu parzjalment jew integralment proprjetà ta' investituri privati u ma jistgħux jiddeterminaw aktar it-toroq li jridu jaqbdu fil-karrieri tagħhom;

    Z.

    billi l-prattiki ħżiena marbuta mal-aġenti u t-trasferimenti tal-plejers wasslu għal każijiet ta' ħasil tal-flus, frodi u sfruttament tal-minuri;

    AA.

    billi l-isport tal-massa joffri opportunitajiet biex tiġi indirizzata d-diskriminazzjoni, jitrawmu l-inklużjoni, il-koeżjoni u l-integrazzjoni soċjali u jsir kontribut siewi għall-iżvilupp tal-ħiliet trasversali;

    AB.

    billi numru dejjem jiżdied ta' klabbs jiddependu prinċipalment fuq is-suq tat-trasferimenti biex jifformaw it-timijiet tagħhom, meta għandhom jagħtu aktar attenzjoni lit-taħriġ lokali;

    AC.

    billi l-isport jitqies bħala dritt fundamentali għal kulħadd u billi kulħadd għandu jkollu dritt ugwali biex jieħu sehem fl-attività fiżika u fl-isport;

    AD.

    billi, b'mod ġenerali, l-attività fiżika qed tistaġna minkejja evidenza qawwija li din ittejjeb is-saħħa personali, inkluża s-saħħa mentali u l-benesseri, u billi b'konsegwenza ta' dan l-Istati Membri jiffrankaw b'mod sinifikanti f'termini ta' nefqa pubblika fuq is-saħħa, u minkejja tendenza dejjem tikber lejn l-isport rikreazzjonali, bħall-ġogging, li jiġi wkoll ipprattikat barra minn struttura organizzata;

    AE.

    billi l-avvenimenti u l-attivitajiet sportivi, u b'mod partikolari l-kompetizzjonijiet internazzjonali ewlenin, juru l-benefiċċji pożittivi tal-isport u għandhom impatt soċjali, ekonomiku u ambjentali;

    AF.

    billi t-timijiet nazzjonali għandhom rwol essenzjali mhux biss f'termini ta' trawwim ta' identità nazzjonali u ta' ispirazzjoni lill-atleti żgħażagħ biex jilħqu l-ogħla livell ta' prestazzjoni sportiva, iżda anki billi jippromwovu s-solidarjetà bl-isport tal-massa;

    AG.

    billi l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali ulterjuri tal-atleti huma parti kruċjali biex dawn jitħejjew għall-karrieri tagħhom fl-aħħar tal-karrieri sportivi tagħhom;

    AH.

    billi l-investiment fi u l-promozzjoni tat-taħriġ u fl-edukazzjoni ta' atleti żgħażagħ b'talent fil-livell lokali huma kruċjali għall-iżvilupp fit-tul u r-rwol tal-isport fis-soċjetà;

    AI.

    billi l-voluntiera huma s-sinsla tal-isport organizzat, billi jipprovdu għall-iżvilupp u l-aċċessibilità tal-attivitajiet sportivi, speċjalment fil-livell tal-massa; billi, barra minn hekk, dan joffri opportunità eċċellenti oħra ta' taħriġ u ta' edukazzjoni mhux formali għaż-żgħażagħ, kemm internazzjonalment kif ukoll flimkien ma' programmi ta' kooperazzjoni u żvilupp f'żoni barra l-UE fejn jeħtieġ li d-djalogu jissaħħaħ u l-politika esterna tal-UE tiġi appoġġjata;

    AJ.

    billi l-isport, fl-aktar sens wiesa' tiegħu, jirrappreżenta sistema ta' valuri għal komunità, u billi dawn il-valuri jiffurmaw il-bażi ta' lingwa kondiviża li tisboq l-ostakli kulturali u lingwistiċi kollha; billi dan jista' jgħin u għandu jitqies bħala opportunità biex jissaħħu d-djalogu u s-solidarjetà ma' pajjiżi terzi, biex tiġi promossa l-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet bażiċi tal-bniedem fid-dinja kollha u biex tiġi appoġġjata l-politika esterna tal-UE;

    AK.

    billi l-każjiet ta' ksur tad-dritt ta' proprjetà intellettwali tal-organizzazzjonijiet sportivi, inkluż fil-forma ta' piraterija diġitali, speċjalment it-trażmissjoni diretta mingħajr liċenzja ta' avvenimenti sportivi, iqajmu tħassib serju għall-finanzjament fuq terminu twil tal-isport, fil-livelli kollha;

    AL.

    billi l-libertà tal-istampa għandha tiġi żgurata fl-avvenimenti sportivi kollha;

    AM.

    billi l-isport jista' jikkontribwixxi sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020;

    L-integrità u l-governanza tajba tal-isport

    1.

    Jirrepeti li l-ġlieda kontra l-korruzzjoni fl-isport teħtieġ sforzi transnazzjonali u kooperazzjoni bejn il-partijiet ikkonċernati kollha, inklużi l-awtoritajiet pubbliċi, l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi, l-industrija tal-isport, l-atleti u l-partitarji;

    2.

    Jistieden lill-organizzazzjonijiet sportivi internazzjonali, Ewropej u nazzjonali jimpenjaw ruħhom biex ikollhom prattiki ta' governanza tajba u biex jiżviluppaw kultura ta' trasparenza u finanzjament sostenibbli, billi jagħmlu disponibbli għall-pubbliku rekords finanzjarji u l-kontijiet tal-attivitajiet, inklużi l-obbligi ta' divulgazzjoni fir-rigward tal-kumpens tal-ogħla diriġenti u l-limiti tal-mandati;

    3.

    Iqis li l-iżvilupp ta' kultura ta' trasparenza għandu jiġi kkumplimentat minn separazzjoni aħjar tas-setgħat fil-korpi ta' tmexxija tal-isport, tqassim aħjar bejn l-attivitajiet kummerċjali u ta' karità u proċeduri awtoregolatorji interni aħjar biex jikxfu, jidentifikaw, jinvestigaw u jissanzjonaw reati marbuta mal-isport u attivitajiet illegali fl-organizzazzjonijiet sportivi;

    4.

    Ifakkar li l-governanza tajba, li jenħtieġ li tkun prijorità fil-Pjan ta' Ħidma tal-UE għall-Isport li jmiss, trid tkun kundizzjoni għall-awtonomija tal-organizzazzjonijiet sportivi, f'konformità mal-prinċipji tat-trasparenza, tar-responsabilità, tal-opportunitajiet indaqs, tal-inklużjoni soċjali u tad-demokrazija, inkluża inklużività xierqa tal-partijiet ikkonċernati;

    5.

    Jisħaq fuq il-ħtieġa ta' politika ta' tolleranza żero għall-korruzzjoni u tipi oħra ta' kriminalità fl-isport;

    6.

    Jissottolinja li l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' governanza tajba fl-isport, flimkien mal-monitoraġġ, is-superviżjoni u l-istrumenti legali xierqa, hija fattur ewlieni li jgħin biex tinqered il-korruzzjoni u abbużi oħra;

    7.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, u lill-organizzazzjonijiet sportivi u lill-entitajiet li jressqu kandidaturi, jiżguraw li l-offerti biex jiġu ospitati avvenimenti kbar jikkonformaw mal-istandards ta' governanza tajba, mad-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol, u mal-prinċipju tad-demokrazija, sabiex ikun żgurat impatt soċjali, ekonomiku u ambjentali pożittiv fuq il-komunitajiet lokali, filwaqt li jiġu rrispettati d-diversità u t-tradizzjonijiet bil-għan li jiġu garantiti wirt sostenibbli u kredibilità fl-isport;

    8.

    Huwa tal-opinjoni li l-pajjiżi li jressqu kandidaturi għal avvenimenti sportivi jew li jospitawhom jeħtieġ li jimplimentaw ippjanar, organizzazzjoni, implimentazzjoni, parteċipazzjoni u segwitu ta' dawn l-avvenimanti li jkunu soċjalment, ambjentalment u ekonomikament responsabbli; jistieden lill-organizzazzjonijiet sportivi u lill-pajjiżi li jospitaw tali avvenimenti biex jevitaw tibdil mhux mixtieq fl-ambjent fejn jgħixu r-residenti lokali, inkluż l-ispostament ta' popolazzjonijiet lokali;

    9.

    Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa bord ta' impenn u tesplora l-possibilità li jinħoloq kodiċi ta' kondotta fl-oqsma ta' governanza tajba u integrità fl-isport; huwa tal-fehma li l-organizzazzjonijiet sportivi jenħtieġ li jistabbilixxu regoli dwar it-trasparenza, standards etiċi, kodiċi ta' kondotta għall-korpi superviżorji, il-kumitati eżekuttivi u l-membri tagħhom, kif ukoll politiki u prattiki operattivi li jiggarantixxu l-indipendenza u l-konformità mar-regoli stabbiliti; jemmen, barra minn hekk, li l-esplorazzjoni ta' strumenti ġodda għall-kooperazzjoni bejn il-gvernijiet, l-organizzazzjonijiet sportivi u l-UE tista' tgħin biex jiġu indirizzati ftit mill-isfidi attwali li qed tiffaċċja l-industrija sportiva;

    10.

    Iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħtu finanzjament pubbliku għall-isport, suġġett għall-konformità mal-istandards minimi ta' governanza, monitoraġġ u rapportaġġ stabbiliti u disponibbli għall-pubbliku;

    11.

    Jemmen li t-titjib tal-governanza tajba u l-integrità fl-isport jeħtieġ bidla fil-mentalità tal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha; jappoġġja l-inizjattivi meħuda mill-organizzazzjonijiet sportivi u mill-partijiet ikkonċernati rilevanti oħra biex itejbu l-istandards ta' governanza sportiva u jsaħħu d-djalogu u l-kooperazzjoni mal-awtoritajiet lokali u nazzjonali;

    12.

    Jitlob lill-organizzazzjonijiet sportivi biex sal-2018 iressqu, u jimplimentaw kif dovut, proposti konkreti biex itejbu l-istandards ta' governanza tajba għall-organizzazzjonijiet sportivi, il-korpi governattivi sportivi u l-assoċjazzjonijiet membri tagħhom, u biex jippubblikaw ir-riżultati; jenfasizza li monitoraġġ xieraq huwa essenzjali f'dan ir-rigward;

    13.

    Jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu x-xiri tal-logħob bħala reat kriminali speċifiku u jiżguraw li kwalunkwe attività kriminali, bħax-xiri tal-logħob u l-korruzzjoni fl-isports, tkun suġġetta għal proċedimenti ġudizzjarji u sanzjoni xierqa, fejn dan għadu mhux il-każ, peress li x-xiri tal-logħob u l-manipulazzjoni tal-kompetizzjonijiet sportivi jiksru l-etika u l-integrità tal-isport u diġà huma suġġetti għal sanzjonijiet mill-awtoritajiet sportivi;

    14.

    Jirrimarka li l-isfidi assoċjati mal-investigazzjoni ta' każijiet internazzjonali ta' xiri tal-logħob jeħtieġu l-iskambju ta' informazzjoni transkonfinali u l-kooperazzjoni bejn il-korpi sportivi, l-awtoritajiet statali u l-operaturi tal-logħob tal-azzard, fil-qafas tal-pjattaformi nazzjonali, sabiex jiġi identifikat, investigat u jitressaq quddiem il-ġustizzja x-xiri tal-logħob; Jistieden lill-Istati Membri jikkunsidraw li jdaħħlu, fejn għadhom m'għamlux dan, servizzi ta' prosekuzzjoni dedikati inkarigati speċifikament biex jinvestigaw każijiet ta' frodi fl-isports; ifakkar, f'dan ir-rigward, li r-raba' Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus iddaħħal rekwiżit għall-fornituri tal-logħob tal-azzard biex iwettqu kontrolli ta' diliġenza dovuta fuq tranżazzjonijiet għoljin;

    15.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsibu soluzzjoni li tippermetti lill-UE u l-Istati Membri tagħha jiffirmaw u jirratifikaw il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-manipulazzjoni tal-kompetizzjonijiet sportivi bil-għan li din tiġi implimentata u ratifikata b'mod sħiħ, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tappoġġja u tiffaċilita dan il-proċess u tiżgura li dan ikun segwit b'mod effettiv;

    16.

    Ifakkar lill-Kummissjoni dwar il-wegħda tagħha li toħroġ rakkomandazzjoni dwar l-iskambju tal-aħjar prattiki fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra it-tqarriq tal-logħob relatat mal-azzard u jħeġġiġha tippubblika din ir-rakkomandazzjoni mingħajr dewmien;

    17.

    Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ ir-rabtiet interistituzzjonali mal-Kunsill tal-Ewropa, u sussegwentement tiżviluppa programmi operattivi kkoordinati li jiżguraw l-aktar użu effiċjenti tar-riżorsi;

    18.

    Jappoġġja, u jinkoraġġixxi iktar, il-prevenzjoni, l-edukazzjoni u l-kampanji ta' sensibilizzazzjoni u l-programmi ta' informazzjoni li jservu biex jipprovdu lill-atleti, il-kowċis, l-uffiċjali u l-partijiet ikkonċernati rilevanti fil-livelli kollha b'pariri dwar it-theddid tax-xiri tal-logħob, id-doping u kwistjonijiet oħra relatati mal-integrità, inklużi r-riskji li jistgħu jiltaqgħu magħhom u modi kif jistgħu jirrapportaw approċċi dubjużi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipproponu miżuri konkreti biex dawn jiddaħħlu fil-Pjan ta' Ħidma li jmiss tal-UE, bħal programmi u proġetti pilota, immirati li jiżguraw li ż-żgħażagħ jingħataw edukazzjoni ċivika fl-isport minn età kemm jista' jkun żgħira;

    19.

    Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tkompli tappoġġja l-proġetti kontra d-doping permezz tal-programm Erasmus+, filwaqt li tivvaluta l-impatt tiegħu u tiżgura li dan jikkumplimenta b'mod utli l-iskemi ta' finanzjament eżistenti fil-ġlieda kontra d-doping;

    20.

    Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja l-governanza tajba fi proġetti ta' ġestjoni tal-isport permezz tal-programm Erasmus+;

    21.

    Jistieden lill-Istati Membri jappoġġjaw il-kontrolli tad-doping, il-programmi ta' ttestjar nazzjonali u l-leġiżlazzjonijiet li jippermettu l-koordinazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-istat u l-aġenziji kontra d-doping; jistieden lill-Istati Membri jippermettu lil dawn tal-aħħar jistabbilixxu programmi ta' monitoraġġ estensiv għad-doping, u jipproċessaw u jiskambjaw id-data b'konformità mar-regoli attwali u futuri dwar il-protezzjoni tad-data tal-UE;

    22.

    Jinnota l-importanza tal-Aġenzija Dinjija tal-Antidoping (World Anti-Doping Agency – WADA) għall-monitoraġġ u l-koordinazzjoni ta' politiki u regoli kontra d-doping fid-dinja kollha; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaħdmu mill-qrib mal-Aġenzija Dinjija tal-Antidoping, il-UNESCO u l-Kunsill tal-Ewropa bil-għan li jevitaw u jiġġieldu kontra d-doping b'mod iktar effikaċi billi jsaħħu l-impenji legali u politiċi tal-Kodiċi Dinji Kontra d-Doping (World Anti-Doping Code – WADAC); jistieden lill-UE tinkoraġġixxi l-iskambju ta' informazzjoni u tal-aħjar prattiki dwar il-politiki dwar is-saħħa u l-prevenzjoni fil-ġlieda kontra d-doping;

    23.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jinkoraġġixxu u jiffaċilitaw in-negozjar tal-ftehimiet bejn il-pajjiżi li jippermettu lit-timijiet ta' kontroll tad-doping awtorizzati kif xieraq minn pajjiżi oħra iwettqu testijiet, filwaqt li jirrispettaw id-drittijiet fundamentali tal-atleti, b'konformità mal-Konvenzjoni Internazzjonali kontra d-doping fl-isport;

    24.

    Huwa tal-opinjoni li d-doping huwa wkoll problema li qed tikber fis-settur tal-isport rikreattiv, fejn kampanji ta' edukazzjoni u informazzjoni u strutturi u ħarrieġa esperjenzati u professjonali huma meħtieġa biex jgħinu biex tiġi promossa imġiba sana fir-rigward tad-doping;

    25.

    Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jaħdmu mill-qrib mal-Aġenzija Dinjija tal-Antidoping u mal-Kunsill tal-Ewropa fid-definizzjoni ta' politika għall-protezzjoni tal-informaturi;

    26.

    Iħeġġeġ lill-organizzazzjonijiet sportivi u lill-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali jistabbilixxu sistemi koordinati kontra d-doping għall-monitoraġġ transkonfinali u jieħdu miżuri konkreti kontra l-manifattura u t-traffikar ta' sustanzi illegali li jtejbu l-prestazzjoni fid-dinja tal-isport;

    27.

    Jilqa' l-Konvenzjoni l-ġdida tal-Kunsill tal-Ewropa dwar Approċċ Integrat ta' Sikurezza, Sigurtà u Servizz f'Partiti tal-Futbol u Avvenimenti Sportivi oħra, u jħeġġeġ lill-Istati Membri jiffirmawha u jirratifikawha mingħajr dewmien; itenni l-proposta tiegħu biex fl-Ewropa jiddaħħal ir-rikonoxximent reċiproku tal-projbizzjonijiet mill-istadiums u l-iskambju ta' data f'dan ir-rigward;

    28.

    Jistieden lill-Kummissjoni tesplora modi ta' kondiviżjoni tal-informazzjoni fil-kuntest tal-vjolenza fl-isport permezz tan-netwerks eżistenti;

    29.

    Jinnota li t-theddida tat-terroriżmu titlob sforzi ġodda biex jiġu żgurati s-sikurezza u s-sigurtà operattivi waqt avvenimenti sportivi;

    30.

    Jenfasizza li l-korpi sportivi għandhom jiżguraw l-aċċess meħtieġ u opportunitajiet ta' ġbir ta' aħbarijiet fl-avvenimenti sportivi kollha għall-midja ta' aħbarijiet indipendenti sabiex jippermettulhom jaqdu r-rwol tagħhom bħala osservaturi importanti u kritiċi ta' avvenimenti sportivi u tal-amministrazzjoni sportiva;

    31.

    Jikkundanna bil-qawwa l-forom kollha ta' diskriminazzjoni fl-isport, kemm fil-grawnd kif ukoll barra l-grawnd, u jissottolinja l-ħtieġa li tali mġiba tiġi evitata fil-livelli kollha, li jitjiebu r-rappurtar u l-monitoraġġ ta' tali inċidenti u li jiġu promossi valuri fundamentali bħar-rispett, il-ħbiberija it-tolleranza u l-ispirtu ta' logħob ġust; huwa tal-fehma li l-organizzazzjonijiet sportivi li josservaw standards għoljin ta' governanza tajba huma mgħammra aħjar biex jippromwovu r-rwol tal-isport fis-soċjetà u biex jiġġieldu kontra r-razziżmu, id-diskriminazzjoni u l-vjolenza;

    32.

    Ifakkar fil-ħtieġa li tissaħħaħ il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin fl-isport, b'mod partikolari t-traffikar tat-tfal;

    33.

    Jilqa' l-prattiki awtoregolatorji tajbin bħall-inizjattiva tal-Fair Play Finanzjarju, fis-sens li dawn jinkoraġġixxu razzjonalità aktar ekonomika u standards aħjar ta' ġestjoni finanzjarja fl-isport professjonali b'fokus fuq terminu twil minflok fuq terminu qasir u b'hekk jikkontribwixxu għall-iżvilupp san u sostenibbli tal-isport fl-Ewropa; Jenfasizza li l-inizjattiva tal-Fair Play Finanzjarju ħeġġet standards ta' ġestjoni finanzjarja aħjar u għandha, għalhekk, tiġi applikata strettament;

    34.

    Jilqa' l-investiment trasparenti u sostenibbli fl-isport u fl-organizzazzjonijiet sportivi, dment li dawn ikunu suġġetti għal kontrolli stretti u rekwiżiti ta' divulgazzjoni u ma jkunux ta' ħsara għall-integrità tal-kompetizzjonijiet u l-atleti;

    35.

    Iqis il-mudell ta' sjieda fejn il-membri tal-klabbs iżommu l-kontroll tal-klabb (permezz tar-regola 50+1) bħala prattika tajba fl-UE, u jistieden lill-Istati Membri, lill-korpi tat-tmexxija tal-isport, lill-federazzjonjiet nazzjonali u lill-kampjonati biex jibdew djalogu u skambju kostruttiv fuq dan il-mudell;

    36.

    Jisħaq fuq il-fatt li l-atleti, b'mod partikolari l-minuri, għandhom ikunu protetti minn prattiki abbużivi bħas-sjieda minn parti terza, prattiki li jqajmu għadd ta' mistoqsijiet dwar l-integrità u l-etika ta' natura usa'; jappoġġja deċiżjonijiet minn korpi governattivi biex il-projbizzjoni tas-sjieda minn parti terza ta' plejers, u jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra il-projbizzjoni ta' sjieda ta' parti terza skont il-liġi tal-UE u jistieden lill-Istati Membri jieħdu miżuri addizzjonali biex jindirizzaw id-drittijiet tal-atleti;

    37.

    Iqis li hija meħtieġa valutazzjoni mill-ġdid tar-regoli li jippromwovu lill-plejers lokali sabiex jitwessgħu l-opportunitajiet għall-plejers żgħażagħ b'talent biex jilagħbu fl-ewwel tim tal-klabb tagħhom u b'hekk jissaħħaħ il-bilanċ kompetittiv fl-Ewropa kollha;

    38.

    Jistieden lill-korpi tat-tmexxija u lill-awtoritajiet nazzjonali fil-livelli kollha jieħdu miżuri li jiggarantixxu kumpens lill-klabbs li jħarrġu sabiex jiġi inkoraġġit ir-reklutaġġ u t-taħriġ tal-plejers żgħażagħ, b'konformità mas-Sentenza Bernard tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tas-16 ta' Marzu 2010;

    39.

    Itenni l-impenn tiegħu lejn il-mudell Ewropew tal-isport organizzat, fejn il-federazzjonijiet għandhom rwol ċentrali, peress li dan jibbilanċja l-bosta interessi diverġenti bejn il-partijiet ikkonċernati kollha, bħall-atleti, il-plejers, il-klabbs, il-kampjonati, l-assoċjazzjonijiet u l-voluntiera, b'rappreżentanza xierqa u demokratika u mekkaniżmi ta' trasparenza tul il-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet, u b'kompetizzjonijiet mifutħa bbażati fuq il-mertu sportiv; jitlob li jkun hemm iktar solidarjetà finanzjarja fil-livelli kollha;

    40.

    Jilqa' l-Forum annwali tal-Isport tal-UE li jippromwovi djalogu annwali mal-partijiet ikkonċernati minn federazzjonijiet tal-isport internazzjonali u Ewropej, il-moviment Olimpiku, l-organizzazzjonijiet umbrella tal-isport Ewropej u nazzjonali u organizzazzjonijiet oħra relatati mal-isport; jirrimarka li l-istruttura ta' djalogu mal-partijiet ikkonċernati, il-funzjonijiet tal-forum u s-segwitu tad-diskussjoni jeħtieġ li jitjiebu aktar;

    41.

    Jilqa' l-isforzi tal-Kummissjoni, u tal-partijiet kkonċernati kollha, biex jippromwovu d-djalogu soċjali fl-isport, li huwa opportunità eċċellenti biex jiġi pprovdut bilanċ bejn id-drittijiet fundamentali u tax-xogħol tal-isportivi u n-natura ekonomika tal-isport bl-involviment tal-partijiet ikkonċernati kollha, inklużi s-sħab soċjali fid-diskussjoni u l-konklużjoni tal-ftehimiet; jirrikonoxxi r-responsabilità tal-organizzazzjonijiet sportivi li jimpenjaw ruħhom li jiżviluppaw kultura ta' trasparenza; jinsisti li l-UE għandha tippromwovi b'mod attiv standards minimi ta' impjieg u ta' xogħol għall-atleti professjonali fl-Ewropa kollha;

    42.

    Itenni t-talba tiegħu biex jiġu stabbiliti reġistri ta' trasparenza għall-pagament tal-aġenti sportivi, sostnuti minn sistema ta' monitoraġġ effiċjenti, bħal kamra tal-ikklirjar għal pagamenti u sanzjonijiet xierqa, b'kooperazzjoni mal-awtoritajiet pubbliċi rilevanti, sabiex jiġu indirizzati l-prattiki ħżiena tal-aġenti; itenni t-talba tiegħu biex l-aġenti sportivi jingħataw liċenzja u jiġu rreġistrati, kif ukoll biex jiddaħħal livell minimu ta' kwalifiki; jistieden lill-Kummissjoni tagħti segwitu għall-konklużjonijiet tal-istudju tagħha bl-isem “Study on sports agents in the European Union” (Studju dwar l-aġenti sportivi fl-Unjoni Ewropea), b'mod partikolari fir-rigward tal-osservazzjoni li l-aġenti huma ċentrali fi flussi finanzjarji li spiss ma jkunux trasparenti, u b'hekk ikunu suxxettibbli għal attivitajiet illegali;

    43.

    Jemmen li approċċ integrat għall-ugwaljanza bejn is-sessi fl-isport jista' jgħin biex jiġu evitati l-isterjotipi u jinħoloq ambjent soċjali pożittiv għal kulħadd; Jilqa' l-inizjattivi li jinkoraġġixxu l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-parteċipazzjoni ugwali f'karigi ta' teħid ta' deċiżjonijiet fl-isport, li jipperemettu lill-atleti nisa jirrikonċiljaw il-ħajja tal-familja mal-ħajja professjonali tagħhom, u li jfittxu li jnaqqsu d-differenza bejn il-pagi tan-nisa u tal-irġiel u d-disparitajiet fl-għotijiet, kif ukoll kwalunkwe tip ta' sterjotipu jew fastidju fl-isport; jitlob lill-assoċjazzjonijiet sportivi jagħtu attenzjoni partikolari lid-dimensjoni tal-ġeneru billi jħeġġu l-parteċipazzjoni tan-nisa fl-isport;

    L-inklużjoni soċjali, il-funzjoni soċjali u l-aċċessibilità tal-isport

    44.

    Jemmen li l-investiment fl-isports se jgħinna nibnu soċjetajiet uniti u inklużivi, inwarrbu l-ostakli u nagħmluha possibbli li n-nies jirrispettaw lil xulxin billi jibnu pontijiet bejn il-kulturi u bejn il-firdiet etniċi u soċjali, u nippromwovu messaġġ pożittiv ta' valuri kondiviżi, bħar-rispett reċiproku, it-tolleranza, il-kompassjoni, it-tmexxija, l-ugwaljanza fl-opportunitajiet u l-istat tad-dritt;

    45.

    Jilqa' l-avvenimenti sportivi transnazzjonali li jsiru f'diversi pajjiżi Ewropej sakemm dawn jikkontribwixxu għall-promozzjoni tal-valuri komuni ewlenin tal-UE bħall-pluraliżmu, it-tolleranza, il-ġustizzja, l-ugwaljanza u s-solidarjetà; ifakkar li l-attivitajiet u l-avvenimenti sportivi jippromwovu t-turiżmu fil-bliet u t-territorji Ewropej;

    46.

    Jenfasizza l-valur tal-ħiliet trasversali miksuba permezz tal-isport bħala parti mit-tagħlim mhux formali u informali, u jenfasizza ulterjorment ir-rabta bejn l-isport, l-impjegabilità, l-edukazzjoni u t-taħriġ;

    47.

    Jenfasizza r-rwol tal-isport fl-inklużjoni u l-integrazzjoni tal-gruppi żvantaġġjati; jilqa' inizjattivi li jagħtu lir-rifuġjati, lill-migranti u lil dawk li jfittxu l-asil il-possibilità li jikkompetu bħala atleti fil-kompetizzjonijiet sportivi;

    48.

    Jenfasizza l-importanza tal-edukazzjoni permezz tal-isport u l-potenzjal tal-isport li jgħin biex iż-żgħażagħ soċjalment vulnerabbli jerġgħu jqumu lura fuq saqajhom; jirrikonoxxi l-importanza tal-isport tal-massa fil-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni u l-ġlieda kontra dan il-fenomenu, u jinkoraġġixxi u jappoġġja inizjattivi f'dan ir-rigward; jilqa', f'dan ir-rigward, żewġ proġetti pilota adottati mill-Parlament Ewropew: “Sport as a tool for integration and social inclusion of the refugees” (L-isports bħala għodda għall-integrazzjoni u l-inklużjoni soċjali tar-refuġjati) u “Monitoring and coaching through sports of youngsters at risk of radicalisation” (“Il-monitoraġġ u t-taħriġ permezz tal-isports ta' żgħażagħ f'riskju ta' radikalizzazzjoni)”;

    49.

    Ifakkar li l-atleti żgħażagħ Ewropej spiss jiffaċċjaw sfidi fejn ikollhom jikkombinaw il-karrieri sportivi tagħhom mal-edukazzjoni u x-xogħol; jirrikonoxxi li l-edukazzjoni ogħla u t-taħriġ vokazzjonali huma kruċjali għall-għan li tiġi massimizzata l-inklużjoni futura ta' atleti fis-suq tax-xogħol; jappoġġja l-introduzzjoni ta' sistemi effettivi ta' karriera doppja, b'rekwiżiti minimi ta' kwalità u monitoraġġ xieraq tal-progress tal-programmi ta' karriera doppja fl-Ewropa, kif ukoll il-forniment ta' servizzi ta' gwida għall-karriera permezz ta' ftehimiet ma' universitajiet jew istituti ta' edukazzjoni ogħla; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiffaċilitaw il-mobilità transkonfinali tal-atleti, jarmonizzaw ir-rikonoxximent tal-kwalifiki tal-isport u tal-edukazzjoni, inkluża l-edukazzjoni mhux formali u informali miksuba permezz tal-isport, u jsaħħu l-iskambju ta' prattiki tajbin;

    50.

    Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat appoġġ finanzjarju sostenibbli għall-progammi ta' skambju ta' karriera doppja fil-livell tal-UE u dak nazzjonali permezz tal-kapitolu tal-isport tal-Erasmus+ u li titħeġġeġ iktar riċerka f'dan il-qasam; jistieden lill-Istati Membri jippromwovu, b'kollaborazzjoni mal-istituzzjonijiet edukattivi, l-iskambji transkonfinali ta' atleti u jipprovdu aċċess għal boroż ta' studju għall-atleti;

    51.

    Jappoġġja l-mobilità tal-kowċis u ta' fornituri oħra tas-servizzi (bħall-fiżjoterapisti u l-konsulenti dwar il-karriera doppja), u l-iskambju ta' prattiki tajbin, b'enfasi fuq ir-rikonoxximent tal-kwalifiki u l-innovazzjonijiet tekniċi;

    52.

    Jistieden lill-organizzazzjonijiet sportivi jippromvowu, flimkien mal-Istati Membri, standards minimi għall-kowċis li jinkludu kontrolli tal-kondotta kriminali, taħriġ fis-salvagwardja u l-protezzjoni tal-minuri u tal-adulti vulnerabbli, kif ukoll fil-prevenzjoni tad-doping u tax-xiri tal-logħob u fil-ġlieda kontrihom;

    53.

    Jenfasizza li n-nuqqas ta' attività fiżika huwa identifikat mid-WHO bħala r-raba' fattur ta' riskju ewlieni ta' mortalità globali, b'impatti u spejjeż soċjali u ekonomiċi diretti u indiretti konsiderevoli għall-Istati Membri; jinsab imħasseb li, minkejja l-flejjes konsiderevoli li ntefqu biex tiġi promossa l-attività fiżika, u minkejja l-impatt sinifikanti fuq is-saħħa ġenerali tan-nuqqas tagħha, il-livelli tal-attività fiżika qed jonqsu f'xi Stati Membri;

    54.

    Jistieden lill-organizzazzjonijiet sportivi u lill-Istati Membri jikkooperaw biex jappoġġjaw l-impjegabilità u l-mobilità tal-kowċis li qed ifittxu li jaħdmu fl-UE, permezz ta' impenn li jiġu żgurati l-kontrolli tal-kwalità tal-kompetenza tagħhom u l-istandards tal-kwalifiki u t-taħriġ;

    55.

    Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jagħmlu lill-attività fiżika prijorità politika fil-Pjan ta' Ħidma tal-Unjoni Ewropea għall-Isport li jmiss, speċjalment għaż-żgħażagħ u l-komunitajiet vulnerabbli minn żoni soċjalment deprivati fejn il-parteċipazzjoni fiżika hija baxxa;

    56.

    Jistieden lill-federazzjonijiet internazzjonali u nazzjonali, u lil fornituri oħra tal-edukazzjoni, jiżguraw li l-kwistjonijiet relatati mal-integrità fl-isport jiġu inklużi fil-kurrikulu tal-kwalifiki tat-taħriġ fl-isport;

    57.

    Jissottolinja li l-promozzjoni tal-edukazzjoni fiżika fl-iskejjel hija punt tad-dħul essenzjali għat-tfal biex jitgħallmu ħiliet għall-ħajja, attitudnijiet, valuri, għarfien u fehim, kif ukoll biex igawdu minn attività fiżika tul il-ħajja; ifakkar li l-parteċipazzjoni fl-isport fl-universitajiet u mill-persuni anzjani għandha rwol vitali fiż-żamma ta' stili ta' ħajja sani u fil-promozzjoni tal-interazzjoni soċjali;

    58.

    Iqis il-fatt li l-popolazzjoni tal-UE qed tixjieħ, u li għalhekk għandha tingħata attenzjoni speċifika lill-impatt pożittiv li l-attività fiżika jista' jkollha fuq is-saħħa u l-benesseri tal-anzjani;

    59.

    Jenfasizza l-fatt li l-isport u l-attività fiżika jenħtieġ li jiġu promossi b'mod aħjar fis-setturi politiċi kollha; jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet lokali u lill-muniċipalitajiet jippromwovu aċċess ugwali għall-attività fiżika; jirrakkomanda lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jinkoraġġixxu liċ-ċittadini biex jipprattikaw attivitajiet fiżiċi fuq bażi aktar regolari permezz ta' politiki u programmi xierqa dwar is-saħħa għall-ħajja ta' kuljum tagħhom;

    60.

    Jistieden lill-Istati Membri jippromwovu aħjar l-isport fost il-gruppi soċjalment esklużi u fost il-persuni li jgħixu f'żoni soċjalment deprivati, fejn il-parteċipazzjoni fl-isport spiss tkun baxxa, u jtejbu l-kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet mhux governattivi u mal-iskejjel attivi f'dan il-qasam, b'mod partikolari fl-ippjanar urban u fil-kostruzzjoni ta' faċilitajiet sportivi, sabiex jitqiesu l-ħtiġijiet speċjali tal-pubbliku u b'mod partikolari tal-gruppi vulnerabbli; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw aċċess sħiħ u ugwali għall-faċilitajiet sportivi pubbliċi fl-oqsma kollha u jippromwovu l-istabbiliment ta' klabbs sportivi ġodda, b'mod partikolari fiż-żoni rurali u urbani żvantaġġjati;

    61.

    Jenfasizza li l-persuni b'diżabilità għandu jkollhom aċċess ugwali għall-faċilitajiet sportivi kollha, u għat-trasport u faċilitajiet oħra, u l-persunal ta' appoġġ, li dan jeħtieġ, u jitlob li jkun hemm integrazzjoni akbar tal-komponenti kollha relatati mal-isport skont il-prinċipju li l-faċilitajiet sportivi għandhom ikunu aċċessibbli għal kulħadd; iħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw programmi sportivi inklużivi għall-persuni b'diżabilità fl-iskejjel u fl-universitajiet, inkluż billi jipprovdu kowċis imħarrġa u programmi adattati ta' attività fiżika, billi jibdew mil-livelli l-aktar baxxi fl-iskejjel, sabiex l-istudenti b'diżabilità jkunu jistgħu jipparteċipaw fil-lezzjonijiet tal-isport u fl-attivitajiet extrakurrikulari sportivi;

    62.

    Jagħraf ir-rwol fundamentali tal-Logħob Paralimpiku Internazzjonali fit-trawwim tal-kuxjenza, fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u fil-promozzjoni ta' aċċess għall-isport għall-persuni b'diżabilità; jistieden lill-Istati Membri jżidu l-isforzi lejn l-inklużjoni tal-persuni b'diżabilità f'attivitajiet sportivi u jżidu l-viżibilità fil-midja pubblika u x-xandir pubbliku tal-Logħob Paralimpiku u kompetizzjonijiet oħra li jinvolvu atleti b'diżabilità;

    63.

    Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiżguraw li t-tfal jipprattikaw l-isport f'ambjent sikur;

    64.

    Jilqa' l-inizjattivi meħuda biex jiġu promossi l-inklużjoni, l-integrità u l-aċċessibilità fl-isports permezz tal-użu ta' teknoloġiji ġodda u l-innovazzjoni;

    65.

    Jilqa' s-suċċess tal-Ġimgħa Ewropea tal-Isport, li għandha l-għan li tippromwovi l-isport, l-attività fiżika u stil ta' ħajja aktar san għal kulħadd fl-Ewropa kollha irrispettivament mill-età, l-isfond jew il-livell ta' saħħa fiżika, u jistieden lill-istituzzjonijiet u l-Istati Membri jieħdu sehem f'din l-inizattiva u jippromwovuha ulterjorment, filwaqt li jiżguraw li din tkun aċċessibbli għall-akbar għadd ta' persuni possibbli, partikolarment fl-iskejjel;

    66.

    Iqis li l-isports tradizzjonali huma parti mill-wirt kulturali Ewropew;

    67.

    Jilqa' l-istudju tal-Kummissjoni dwar l-ispeċifiċità tal-isport; jistieden lill-Kummissjoni u lill-organizzazzjonijiet sportivi jikkunsidraw passi ulterjuri biex tiġi żviluppata l-ispeċifiċità tal-isport;

    68.

    Jenfasizza li l-finanzjament huwa għodda politika importanti tal-UE li tintuża biex ittejjeb l-oqsma ewlenin tal-attività tal-UE fl-isport; jistieden lill-Kummissjoni talloka aktar fondi lill-isport fl-ambitu ta' Erasmus+, b'enfasi fuq l-isport u l-edukazzjoni tal-massa, u żżid il-viżibilità u l-aċċesibilità tiegħu sabiex ittejjeb l-integrazzjoni tal-isport fi programmi oħra ta' finanzjament bħall-FSIE jew il-Programm tas-Saħħa; jitlob li jkun hemm komunikazzjoni aħjar bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri sabiex dawn il-fondi jkunu jistgħu jintużaw b'mod aktar effikaċji u sabiex jiġi minimizzat il-piż amministrattiv fuq organizzazzjonijiet tal-isport tal-massa;

    69.

    Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jappoġġjaw miżuri u programmi li jippromwovu l-mobilità, il-parteċipazzjoni, l-edukazzjoni, l-iżvilupp tal-ħiliet u t-taħriġ tal-voluntiera fl-isport, kif ukoll ir-rikonoxximent tal-ħidma tagħhom; jirrakkomanda l-iskambju tal-aħjar prattiki fil-volontarjat billi tingħata daqqa t'id lill-promozzjoni tal-iżvilupp ta' prattiki u kultura tal-isports, inkluż permezz tal-linji previsti mill-programm Erasmus+;

    70.

    Jitlob lill-Kummissjoni toħroġ linji gwida rigward l-applikazzjoni tar-regoli antitrust filwaqt li jitqiesu l-miri soċjali, kulturali u edukattivi tal-isport sabiex ikun hemm iktar ċertezza legali; iqis, f'dan ir-rigward, li l-ebda organizzazzjoni sportiva, b'mod partikolari l-organizzazzjonijiet tal-isport tal-massa, ma għandha tiġi diskriminata meta tapplika għall-fondi pubbliċi fil-livell nazzjonali u lokali;

    71.

    Iqis li huwa kruċjali li l-mekkaniżmi ta' solidarjetà finanzjarja fl-isports jistabbilixxu r-rabta meħtieġa bejn l-isport professjonali u dak tad-dilettanti; jilqa', f'dan ir-rigward, il-kontribut li jagħtu l-lotteriji nazzjonali għall-isport tal-massa, u jħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw li l-operaturi tal-logħob tal-azzard bil-liċenzja jkunu suġġetti għal introjtu finanzjarju obbligatorju u ġust għall-isport tal-massa u l-proġetti mmirati biex itejbu l-aċċess tal-massa għall-isport, bil-ħsieb li tiġi żgurata s-sostenibilità, it-trasparenza u t-traċċabilità tagħhom, flimkien mal-kontributi finanzjarji li diġà saru permezz tal-bejgħ ta' drittijiet tal-midja u tax-xandir;

    72.

    Jisħaq li l-bejgħ tad-drittijiet televiżivi fuq bażi ċentralizzata, esklużiva u territorjali, bil-kondiviżjoni ekwa tad-dħul, huwa essenzjali għall-finanzjament sostenibbli tal-isport fil-livelli kollha u biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni ekwi;

    73.

    Jenfasizza li l-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fl-isport jhedded il-finanzjament fit-tul tiegħu;

    74.

    Jirrakkomanda li l-Istati Membri jdaħħlu u jużaw b'mod attiv is-sistemi tat-taxxa rispettivi tagħhom biex jappoġġjaw l-eżenzjoni mill-VAT, il-ħelsien mit-taxxa u forom oħra ta' inċentivi finanzjarji għall-isport tal-massa; jirrikonoxxi li r-regoli dwar l-għajnuna statali jenħtieġ li ma japplikawx għal tali appoġġ;

    75.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jallokaw aktar fondi biex jinfetħu grawnds sportivi u żoni tal-logħob rikreattiv pubbliċi sabiex tissaħħaħ l-aċċessibilità faċli għall-isport tal-massa;

    76.

    Iqis li s-sostenibilità u l-protezzjoni ambjentali għandhom jikkostitwixxu parti integrali mill-avvenimenti sportivi u li l-partijiet ikkonċernati sportivi jenħtieġ li jikkontribwixxu għall-Aġenda Globali għall-2030 dwar l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli;

    77.

    Iħeġġeġ lill-kumitati Olimpiċi nazzjonali u lill-federazzjonijiet sportivi tal-Istati Membri jadottaw u jużaw il-bandiera u s-simbolu tal-UE, flimkien ma' bnadar individwali u simboli nazzjonali fl-okkażjoni ta' avvenimenti sportivi internazzjonali;

    78.

    Jenfasizza li l-isport huwa fattur qawwi fil-ħolqien u t-tisħiħ ta' sentiment ta' appartenenza lokali, nazzjonali u anki Ewropea;

    79.

    Jenfasizza l-importanza li jkun hemm trasparenza sħiħa ta' sjieda fil-klabbs sportivi professjonali;

    o

    o o

    80.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jibgħat din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, u lill-federazzjonijiet u l-kampjonati sportivi Ewropej, internazzjonali u nazzjonali.

    (1)  ĠU C 407, 4.11.2016, p. 81.

    (2)  ĠU C 208, 10.6.2016, p. 89.

    (3)  ĠU C 93, 9.3.2016, p. 42.

    (4)  ĠU C 36, 29.1.2016, p. 137.

    (5)  ĠU C 239 E, 20.8.2013, p. 46.

    (6)  ĠU C 271 E, 12.11.2009, p. 51.

    (7)  ĠU C 27 E, 31.1.2008, p. 232.

    (8)  ĠU C 236 E, 12.8.2011, p. 99.

    (9)  ĠU C 436, 24.11.2016, p. 42.

    (10)  Testi adottati, P8_TA(2016)0005.

    (11)  ĠU C 326, 3.12.2010, p. 5.


    Top