Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017DC0787

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW Il-pakkett dwar il-prodotti: Insaħħu l-fiduċja fis-Suq Uniku

    COM/2017/0787 final

    Brussell, 19.12.2017

    COM(2017) 787 final

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

    Il-pakkett dwar il-prodotti: Insaħħu l-fiduċja fis-Suq Uniku


    1.Insaħħu s-suq uniku għall-prodotti

    Is-suq uniku għall-prodotti huwa waħda mill-akbar kisbiet tal-Unjoni Ewropea. Se niċċelebraw il-25 anniversarju tiegħu fl-2018. Il-pedament tiegħu huwa l-fiduċja, bejn il-konsumaturi, in-negozji u l-awtoritajiet. Il-konsumaturi u l-ħaddiema jridu jkunu fiduċjużi li l-prodotti li jixtru u jużaw huma sikuri. In-negozji jrid ikollhom il-fiduċja li hemm kundizzjonijiet ekwi fejn ir-regoli japplikaw għal kulħadd u jipproteġu lil kulħadd bl-istess mod. B’mod partikolari l-intrapriżi żgħar u medji (SMEs) għandhom jinħelsu mill-burokrazija, biex tiġi promossa l-intraprenditorija u l-ħolqien tal-impjiegi. Il-fiduċja li ppermettiet integrazzjoni mingħajr preċedenti tas-swieq fi ħdan l-UE, kienet u għadha waħda mis-sisien tat-tkabbir ekonomiku. Il-valur miżjud tal-industrija waħdu kiber b’25 % fl-UE27 (23 % fl-UE28) f’termini reali mill-2009 ’l hawn. Is-sehem tiegħu bħala proporzjon tal-ekonomija għalhekk żdied b’mod sinjifikanti mill-2009 ’l hawn minn 15.5 % (14.7 % fl-UE28) għal 17.1 % (16.1 % fl-UE28) illum il-ġurnata 1 .

    Kif tissottolinja l-Istrateġija għal Suq Uniku 2 , l-UE u s-Suq Uniku jeħtieġ li jadattaw għal ambjent li qiegħed jinbidel. L-ostakoli fis-swieq tal-prodotti u s-servizzi jxekklu, l-effiċjenza, il-produttività u l-kompetittività tal-ekonomija Ewropea. Ħafna drabi n-negozji jħossuhom maħnuqa b’regolamentazzjoni skaduta u diffiċli żżejjed u mhux kapaċi jsibu l-informazzjoni meħtieġa. Barra minn hekk, nuqqas ta’ osservanza tar-regoli tal-UE dwar il-prodotti jxekkel il-ħolqien ta’ kundizzjonijiet verament ekwi.

    Kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kunsill Ewropew approvaw l-għanijiet tal-Istrateġija għal Suq Uniku u talbu lill-Kummissjoni biex tneħħi l-ostakoli li għad fadal u biex tiffaċilita s-soluzzjonijiet 3 . Konsegwentement u skont l-Aġenda tal-Mexxejja l-Kunsill Ewropew se janalizza l-progress li sar fir-rigward tal-iskadenzi tal-2018 tal-Istrateġiji għal Suq Uniku f'Marzu 2018 4 .

    Għas-suq uniku tal-prodotti, baqa’ b’mod partikolari żewġ dgħufijiet strutturali li jridu jiġu indirizzati malajr sabiex jinkiseb il-potenzjal sħiħ tiegħu u biex tiġi ġġustifikata l-fiduċja. Il-potenzjal qiegħed hemm, il-konsumaturi, in-negozji u l-awtoritajiet huma ppreparati; irridu biss nipprovdu l-ambjent neċessarju biex dan jaħdem.

    L-ewwel dgħufija strutturali tas-suq uniku tal-prodotti hija relatata mal-infurzar tar-regoli ta' sigurtà armonizzati tal-UE fir-rigward tal-prodotti. Minkejja regoli ferm estensivi tas-sigurtà, għad hemm wisq prodotti mhux sikuri u illeċiti fis-suq. Dawn il-prodotti jikkawżaw riskji kbar għall-konsumaturi. Dawn ma jiksbux il-valur għal flushom u jistgħu ikunu esposti għal riskji tas-saħħa. Nuqqas ta’ infurzar tar-regoli tal-prodotti tal-UE m’għandhomx jirriżultaw f’vantaġġ inġust għal dawk li deliberatament jippruvaw jevitaw regoli ta’ sigurtà essenzjali. Il-Kummissjoni riċentement adottat miżuri biex ittejjeb l-azzjoni tal-infurzar kontra ksur tad-drittjiet tal-proprjetà intellettwali 5 . Iżda wasal iż-żmien ta’ aktar ħidma f’ġieh il-konformità. F’suq id-daqs tas-Suq Uniku, l-awtoritajiet tal-infurzar fl-Istati Membri jridu jikkooperaw sewwa ma’ xulxin sabiex ineħħu l-prodotti mhux sikuri mis-suq b’mod effettiv u fil-pront.

    It-tieni dgħufija strutturali għandha x’taqsam ma’ prodotti li ma jaqgħux taħt ir-regoli ta’ sigurtà armonizzati tal-prodotti tal-UE, jew jaqgħu parzjalment biss taħt dawn ir-regoli, pereżempju fil-qasam tal-għamara, oġġetti ta’ fuq il-mejda u xi prodotti tal-kostruzzjoni. Prodotti ta’ dan it-tip jistgħu jiġu kkunsidrati siguri u li huma konformi mal-interess pubbliku fi Stat Membru wieħed, iżda jistgħu jiffaċċjaw diffikultajiet tal-aċċess għas-suq fi Stat Membru ieħor. Jista’ jkun hemm differenzi leġittimi minħabba speċifiċitajiet nazzjonali. Madankollu, kull tip ta’ rifjut jenħtieġ li jkun debitament iġġustifikat u spjegat abbażi ta’ tħassib ta’ politika pubblika. Għandha tingħata assistenza biex ikun hemm fehim aħjar u eventwalment jingħelbu l-ostakoli għall-aċċess għas-suq ta’ dawn il-prodotti. Jeħtieġ li jitjiebu l-opportunitajiet ta’ negozju, u dan huwa speċjalment rilevanti għall-SMEs.

    Għalhekk, il-Kummissjoni llum qed tipproponi "pakkett dwar il-prodotti" li se jindirizza b’mod komprensiv dawn id-dgħufijiet għal suq uniku tal-prodotti li jiffunzjona aħjar. Dan jinkludi żewġ proposti leġiżlattivi ambizzjużi. L-ewwel waħda għandha l-għan li ssaħħaħ il-konformità u l-infurzar tar-regoli tal-UE dwar il-prodotti 6 . It-tieni waħda għandha l-għan li tirrivitalizza u tiffaċilita l-użu tar-rikonoxximent reċiproku fis-Suq uniku 7 . Il-"pakkett dwar il-prodotti" huwa kompletat minn Rapport dwar it-tħaddim tad-Direttiva (UE) 2015/1535 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika mill-2014 sal-2015 8 , Rapport dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 9 kif ukoll miżuri legali nonvinkolanti spjegati f’din il-Komunikazzjoni li għandhom l-għan li joħolqu l-fiduċja fis-Suq Uniku.

    2.Fiduċja fl-infurzar tar-regoli tal-UE dwar il-prodotti

    Is-sikurezza tal-konsumatur u l-ħarsien tal-ambjent huma s-sisien tas-suq uniku għall-prodotti. Madwar l-UE, aħna qbilna dwar regoli tas-sigurtà u ambjentali komuni sabiex jipproteġuna kontra l-perikli għas-sigurtà, it-tniġġis u l-ħsara ambjentali. Madankollu, bosta konsumaturi ġew żgwidati konxjament u deliberatament meta xtraw karozza diżil. Sfortunatament, il-karozzi ma kinux l-uniċi oġġetti fejn kien hemm kompetizzjoni inġusta bl-evitar tar-regoli. Kuljum fl-Ewropa jinbiegħu ammonti kbar ta’ prodotti mhux sikuri. Dan ivarja minn prodotti ttikkettati ħażin sa prodotti li jippreżentaw riskji serji għas-saħħa jew għall-ambjent. Bejn l-2011 u l-2017, kien hemm madwar 2,500 inċident fejn prodotti illegali kellhom jiġu rtirati mis-suq 10 . U din probabbilment hija parti żgħira biss mill-problema.

    Ir-regoli tal-UE dwar il-prodotti jkopru proporzjoni kbir tal-prodotti manifatturati kollha fl-UE. Dawn għandhom valur ta’ EUR 2 400 biljun u huma prodotti jew distribwiti minn madwar 5 miljun negozju. Ir-regoli tal-UE jippermettu ċ-ċirkolazzjoni libera tal-prodotti madwar l-Unjoni filwaqt li jassiguraw livell għoli ta’ protezzjoni ambjentali, tas-saħħa u tas-sikurezza. Għal bosta setturi, bħall-ġugarelli u t-tagħmir elettriku, l-UE għandha modi mhux burokratiċi limitati kif tippermetti l-aċċess għas-suq. Biex is-suq uniku jaħdem, huma meħtieġa kundizzjonijiet ekwi għan-negozji, b’regoli ċari u livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur. Il-fiduċja u kundizzjonijiet ekwi diġà huma miksuba f’setturi oħra bħal oġġetti tal-ikel, is-saħħa tal-pjanti jew is-saħħa tal-annimali abbażi ta’ regoli stretti maqbula fil-livell tal-UE.

    Qegħdin ngħixu wkoll f’dinja affettwata dejjem aktar minn bidliet soċjetali bħall-globalizzazzjoni u d-diġitalizzazzjoni. Il-prodotti u l-ktajjen tad-distribuzzjoni madwar l-UE huma dejjem aktar interkonnessi. Min-naħa l-oħra, l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq nazzjonali huma neqsin mir-riżorsi u huma limitati għat-territorju nazzjonali tagħhom. Neħtieġu perspettiva Ewropea għall-infurzar. Ħafna drabi, l-investigazzjonijiet mibdija fi Stat Membru partikolari jintemmu fil-fruntiera nazzjonali. Sabiex tingħeleb din id-diskrepanza, is-sorveljanza tas-suq trid tkun konsistenti, irrispettivament minn jekk il-prodott isirx barra jew ġewwa l-UE, jew jekk jinxtarax online jew offline.

    F’konformità ma’ inizjattivi oħra tal-UE bħall-Istrateġija għall-Politika Industrijali 11 , l-Istrateġija għal Suq Uniku Diġitali 12 u r-reviżjoni ta’ nofs it-terminu tagħha, 13 u l-pjan ta’ azzjoni għall-ġestjoni doganali 14 , il-Kummissjoni għalhekk tipproponi li jiżdied l-infurzar tar-regoli komuni tal-UE dwar is-sikurezza. Il-konsumaturi jeħtieġ li jerġgħu jiksbu l-fiduċja li l-prodotti li jixtru online jew offline huma sikuri. Jekk jinqalgħu problemi, jeħtieġ li jkollna l-qafas korrett sabiex jiġu indirizzati r-riskji u jerġgħu jiġu stabbiliti kundizzjonijiet ekwi.

    L-għan tas-suq uniku għall-prodotti huwa l-ħolqien ta’ opportunitajiet ekonomiċi, it-tisħiħ tal-kompetittività u li l-UE tkun kapaċi tindirizza l-isfidi ta’ ekonomija globali. Fl-istess ħin, kif issottolinja d-dokument ta’ riflessjoni tal-Kummissjoni dwar il-ġestjoni tal-globalizzazzjoni, l-UE jeħtieġ li taġixxi u terġa' tistabbilixxi kundizzjonijiet ekwi għal kulħadd b’infurzar b’saħħtu tar-regoli tal-UE 15 . F’suq uniku miftuħ, ir-regoli qegħdin hemm biex jipproteġu s-sikurezza taċ-ċittadini tal-UE. Huwa jista’ jiffunzjona tajjeb biss jekk ikun jista’ jiġi ggarantit livell għoli ta’ fiduċja f’din il-protezzjoni. L-infurzar b’saħħtu huwa vitali sabiex ikun assigurat li l-kompetizzjoni sseħħ bejn prodotti konformi, u mhux bejn prodotti konformi u oħrajn mhux konformi.

    a)    Infurzar intelliġenti f’suq uniku mingħajr fruntieri 

    Is-sorveljanza tas-suq hija mmaniġġjata mill-Istati Membri, u b’kull raġun. Huma qegħdin fl-aħjar pożizzjoni sabiex jimmonitorjaw is-swieq tagħhom u jimponu penali jekk ikun meħtieġ, minħabba li huma l-eqreb għal kwalunkwe inċident, l-ewwel li jirreaġixxu u l-aktar familjari mal-ekonomija nazzjonali tagħhom.

    Madankollu, l-infurzar purament nazzjonali mhuwiex suffiċjenti. Hemm aktar minn 500 awtorità tas-sorveljanza tas-suq distinti (minn 1 sa aktar minn 200 għal kull Stat Membru) li jivviġilaw Suq Uniku wieħed għal prodotti speċifiċi. In-negozji ħafna drabi jkunu bbażati f’post differenti mill-awtorità tas-sorveljanza tas-suq li tinduna bi problema. Dan iwassal għal diffikultajiet fir-rigward tal-istabbiliment tal-liġi u l-ġurisdizzjoni applikabbli, l-aċċess għall-ġustizzja u l-infurzar tad-deċiżjonijiet. Fornituri diżonesti fil-preżent qed jabbużaw minn din il-frammentazzjoni tas-suq, għad-detriment tas-sikurezza tal-konsumaturi u tal-prodotti.

    Minkejja r-rieda ta’ azzjoni fil-livell nazzjonali, l-infurzar fis-suq uniku għall-prodotti ta’ sikwit huwa mxekkel min-nuqqas ta’ riżorsi (persunal, baġit, kapaċità tal-laboratorju), koordinazzjoni u skambju. In-negozjanti diżonesti jistgħu jagħmlu l-flus billi jqiegħdu fis-suq prodotti mhux sikuri iżda huma l-awtoritajiet li jridu jġorru l-ispejjeż, eż. billi jħallsu sabiex jinqerdu prodotti mhux sikuri. F’suq uniku integrat għall-prodotti, għalhekk jeħtieġ li l-ħidma tal-awtoritajiet nazzjonali għall-kontroll ta’ prodotti mhux sikuri tkun ikkoordinata aħjar, sabiex in-negozjanti diżonesti ma jkunux jistgħu jinħbew wara l-fruntieri u t-tweġiba għan-nuqqas ta’ konformità mar-regoli tal-UE tkun konsistenti madwar l-Unjoni kollha.

    Għalhekk, dan il-pakkett huwa pass kbir lejn infurzar aktar intelliġenti, li fejn hemm bżonn, jikkumplimenta u jsaħħaħ il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni eżistenti u futura dwar l-armonizzazzjoni 16 :

    L-awtoritajiet tal-infurzar se jaħdmu flimkien aktar mill-qrib permezz ta’ uffiċċji uniċi ta’ kooperazzjoni. L-użu ta’ evidenza, rapporti ta’ testijiet u deċiżjonijiet ta’ Stat Membru ieħor se jsir aktar faċli. Se jkun hemm il-preżunzjoni li jekk prodott jinstab li ma jikkonformax mar-regoli tal-UE dwar il-prodotti fi Stat Membru partikolari, l-evidenza u d-deċiżjonijiet jistgħu jiġu trasferiti għal Stat Membru ieħor, sabiex jiġi faċilitat l-infurzar madwar l-UE.

    L-azzjonijiet kontra prodotti mhux konformi jistgħu jkunu effettivi biss meta l-awtoritajiet jaqsmu aktar informazzjoni dwar l-investigazzjonijiet u l-prodotti illegali. Il-Kummissjoni se timpenja ruħha b’mod aktar intensiv fl-iżgurar tal-ġbir tal-għarfien komuni fost l-awtoritajiet tal-infurzar u l-konverġenza tal-għodod differenti tal-IT bħalma huma s-Sistema ta’ Twissija Rapida għal prodotti perikolużi mhux tal-ikel (RAPEX) u s-Sistema ta’ Informazzjoni u Komunikazzjoni għas-Sorveljanza tas-Suq (ICSMS) sabiex tiffaċilita l-ħidma ta’ infurzar tal-awtoritajiet.

    Barra minn hekk, indikaturi tas-sorveljanza tas-suq affidabbli għandhom jassiguraw li jkun hemm fehim komuni tal-isfidi li tiffaċċja s-sorveljanza tas-suq.

    L-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar se jiksbu aktar appoġġ għall-koordinazzjoni u t-twettiq tal-kompiti tagħhom. Se jiġi stabbilit netwerk tal-Unjoni dwar il-konformità tal-prodotti. Dan in-netwerk se jipprovdi appoġġ amministrattiv għall-investigazzjonijiet konġunti meħtieġa sabiex jiġu kkoordinati l-azzjonijiet ta’ infurzar ta’ ’l fuq minn 500 awtorità nazzjonali. In-netwerk se jippermetti lill-awtoritajiet li jiġbru flimkien l-għarfien, jorganizzaw skambji ta’ uffiċjali, jiżviluppaw stampa ta’ intelligence komuni, u jfasslu metodi effiċjenti għal kontrolli aktar immirati u bbażati fuq ir-riskju. Huwa se jipprovdi wkoll taħriġ standard għall-ispetturi u jassisti fl-akkwist konġunt tal-kapaċità ta’ ttestjar tal-prodotti. In-netwerk se jdaħħal fis-sorveljanza tas-suq il-perspettiva Ewropea komuni li hija neċessarja f’suq Ewropew komuni. Madankollu, is-sussidjarjetà se tiġi rrispettata b’mod sħiħ. L-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq nazzjonali biss se jinfurzaw deċiżjonijiet konkreti dwar in-negozjanti.

    Hija essenzjali wkoll kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn in-negozji u l-awtoritajiet tal-infurzar. Iż-żewġ partijiet jeħtieġ li jafdaw lil xulxin. Huma previsti l-oqsma ta’ kooperazzjoni aktar mill-qrib li ġejjin:

    ·Informazzjoni dwar il-konformità: Il-manifatturi jikkunsidraw li huma għandhom ikunu l-ewwel li jiġu kkuntattjati jekk ikun hemm suspett li l-prodotti tagħhom ma jkunux qegħdin jirrispettaw ir-regoli. B’dan il-mod, huma jkunu jistgħu jintervjenu immedjatament, jeliminaw l-inkomprensjonijiet jew jieħdu miżuri korrettivi, jekk ikun meħtieġ. Huma jkunu jafu wkoll jekk il-prodott inkwistjoni jkunx qiegħed jinbiegħ xi mkien ieħor. Il-biċċa l-kbira tal-manifatturi li jbigħu fl-Unjoni diġà għandhom rappreżentant li jista’ jiġi kkuntattjat faċilment. Din il-prattika tajba se ssir obbligatorja 17 .

    ·Il-“Ftehimiet ta’ Sħubija dwar il-Konformità” mal-awtoritajiet lokali tagħhom se jippermettu lin-negozji li jiksbu pariri dwar kwistjonijiet ta’ konformità.

    ·In-negozji u l-awtoritajiet jistgħu jikkonkludu “memoranda ta’ qbil” dwar proġetti konġunti għall-identifikazzjoni ta’ prodotti mhux konformi 18 .

    ·Billi l-prevenzjoni u l-infurzar jimxu id f’id, in-negozji fl-UE u madwar id-dinja jistgħu jfittxu parir regolatorju mingħand “Punti ta’ Kuntatt għall-Prodotti” nazzjonali 19 .

    Għal suq uniku sikur u li jiffunzjona, in-negozji u l-konsumaturi jridu jkunu jafu bir-regoli u jkollhom l-informazzjoni li għandhom bżonn sabiex jirreaġixxu u jaddattaw. L-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq iridu jippubblikaw is-sejbiet tagħhom, speċjalment meta jillimitaw il-kummerċjalizzazzjoni ta’ ċerti prodotti.

    b)    Infurzar fil-fruntieri esterni

    Il-konsumaturi għandhom jistennew l-istess livell ta’ protezzjoni għall-prodotti manifatturati ġewwa jew barra mill-UE. F’dinja globalizzata, li jiġi assigurat li l-prodotti importati jissodisfaw ukoll ir-rekwiżiti tal-UE u ma jikkompetux b’mod inġust billi jiksru r-regoli tal-UE, jibqa’ ta’ sfida. Fil-prinċipju, il-prodotti importati għandhom jiġu ċċekkjati mad-dħul fis-suq uniku. Madankollu minħabba l-volum biss tal-importazzjonijiet huwa impossibbli li jiġu ċċekkjati l-kunsinni kollha. Aktar minn 30 % tal-prodotti kollha fis-swieq tal-UE kienu importazzjonijiet fl-2015. Huma kellhom valur stmat ta’ kważi EUR 750 biljun 20 .

    Kummerċ fi prodotti armonizzati: produzzjoni mibjugħa u kummerċ ma’ pajjiżi mhux tal-UE (2008-2015, UE-28), EUR biljuni

    Sors: Prodcom - Statistika skont il-prodott, EUROSTAT (2016)

    Ir-regoli dwar l-infurzar fil-fruntieri esterni jeħtieġ li jiġu adattati għar-realtajiet ġodda tas-seklu 21, inkluż l-ammont dejjem jiżdied ta’ bejgħ online, u l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni l-ġdid.

    Il-proposta l-ġdida tadatta l-kuntest legali attwali għar-regoli doganali l-ġodda. Hija tipprovdi aktar ċarezza għall-kontrolli fuq il-prodotti li jidħlu fl-UE, u għall-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali u l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq.

    Hija tissimplifika wkoll il-burokrazija għall-importaturi. In-negozji fdati se jibbenefikaw minn kontrolli eħfef u, b’riżultat ta’ dan, l-awtoritajiet se jkunu jistgħu jikkonċentraw l-isforzi tagħhom fejn ir-riskju għas-sikurezza tal-prodotti hija l-akbar. 

    Barra minn hekk, meta l-awtoritajiet tal-infurzar ikollhom dubji dwar il-legalità ta’ prodott, huma se jissospendu r-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera fl-UE sakemm jirċievu evidenza xierqa li l-prodott huwa tajjeb sabiex jinbiegħ fl-UE.

    c)    Akkreditazzjoni u markar CE

    Filwaqt li r-regoli tas-sorveljanza tas-suq attwali jeħtieġu titjib, ir-regoli tal-UE għall-akkreditazzjoni u l-markar CE dehru li jaħdmu raġonevolment tajjeb. Din il-komunikazzjoni hija akkumpanjata minn rapport li jissottolinja l-importanza ta’ sistema mmexxija tajjeb u affidabbli ta’ akkreditazzjoni u valutazzjoni tal-konformità li fuqha tkun ibbażata l-politika tal-UE u li ssaħħaħ il-fiduċja fis-sikurezza tal-prodotti.

    3.Magħquda fid-diversità fis-suq uniku għall-prodotti: Rikonoxximent reċiproku

    Fejn ma hemmx regoli komuni tal-UE għall-prodotti, pereżempju fil-qasam ta’ oġġetti għall-kura tat-tfal jew cash registers, il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku għandu jassigura li prodott li jkun legalment kummerċjalizzat fi Stat Membru partikolari jista’ jinbiegħ ukoll fi kwalunkwe Stat Membru ieħor — sakemm dan ikun sikur u jirrispetta l-interess pubbliku 21 . Madankollu, ta’ sikwit in-negozji llum il-ġurnata ma jistgħux jistrieħu fuq ir-rikonoxximent reċiproku biex jiksbu aċċess għas-suq madwar l-UE. B’mod partikolari l-intrapriżi żgħar u medji jirrappurtaw diffikultajiet serji meta jippruvaw jiddependu fuq ir-rikonoxximent reċiproku biex ibigħu l-prodotti tagħhom fi Stat Membru ieħor. L-Istati Membri jintroduċu rekwiżiti addizzjonali u duplikazzjoni tal-ittestjar, u dan iżid bla bżonn il-burokrazija u l-ispejjeż. Dan jiċħad lill-operaturi ekonomiċi mill-effiċjenzi tal-iskala tas-suq uniku, jgħolli l-prezzijiet għall-konsumaturi u jnaqqas il-kummerċ għad-detriment ta’ kulħadd 22 .

    L-awtoritajiet nazzjonali ħafna drabi ma għandhomx fiduċja fil-ġudizzju ta’ awtoritajiet minn Stati Membri oħra, li jirriżulta f’rekwiżiti addizzjonali u duplikazzjoni tal-ittestjar, u dan iżid bla bżonn il-burokrazija u l-ispejjeż. Barra minn hekk, il-kontestazzjoni ta’ deċiżjonijiet li jirrifjutaw jew li jillimitaw l-aċċess għas-suq fil-qorti tieħu fit-tul u tiswa ħafna flus għall-operaturi. Konsegwentement, in-negozji qed jiffaċċjaw spejjeż mhux mistennija minħabba li jridu jadattaw il-prodotti tagħhom għar-rekwiżiti ta’ diversi swieq nazzjonali u jiltaqgħu ma’ dewmien għad-dħul fis-suq u opportunitajiet mitlufa. Dan jolqot b’mod partikolari lill-intrapriżi żgħar u medji 23 .

    Dan irid jinbidel. Is-sistema eżistenti tista’ u hemm bżonn li titjieb. Il-Kummissjoni għalhekk tipproponi li żżid u tikkjarifika l-opportunitajiet eżistenti u li tiffaċilita l-aċċess għas-suq.

    Se jiġi segwit ukoll approċċ immirat u kooperattiv fir-rigward tal-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar it-Trasparenza tas-Suq Uniku (UE) Nru 2015/1535. Din id-Direttiva hija għodda importanti għall-evitar ta’ ostakoli għall-prodotti li mhumiex armonizzati jew li huma armonizzati biss parzjalment. L-Istati Membri huma obbligati jinnotifikaw kwalunkwe abbozz ta’ leġiżlazzjoni li jikkonċerna dawn il-prodotti sabiex l-ostakoli jkunu jistgħu jiġu evitati ex ante. F’konformità mar-riżultati tar-rapport dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva, ippubblikati llum ukoll, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom bżonn isolvu d-diffikultajiet fi stadju aktar bikri, jiffokaw fuq l-aktar tħassib mifrux u l-aktar oqsma ekonomikament sinifikanti fl-Istati Membri.

    a)    Mit-teorija għall-prattika

    Il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku għall-prodotti huwa derivat mit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) 24 . Dan ġie ripetutament sostnut u msaħħaħ mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Madankollu, il-qafas attwali ma kienx biżżejjed sabiex jassigura applikazzjoni konsistenti u effettiva. Għalhekk, qed tiġi proposta s-sostituzzjoni tar-Regolament dwar ir-Rikonoxximent Reċiproku 25 b’Regolament ġdid li jikkjarifika u jissimplifika l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti min-negozji u l-amministrazzjonijiet pubbliċi.

    L-aċċess għas-suq abbażi tar-rikonoxximent reċiproku għandu jiġi rifjutat biss jekk ikun hemm involut interess pubbliku leġittimu u proporzjonat. Illum, jekk ir-rifjut ikun illeġittimu jew sproporzjonat, l-uniku mod biex tiġi kkontestata d-deċiżjoni huwa permezz tal-qrati nazzjonali. Proċessi bħal dawn huma twal u jqumu l-flus, u ma jissodisfawx il-ħtiġijiet speċifiċi tar-rikonoxximent reċiproku. Il-kontestazzjoni ta’ deċiżjoni li tirrifjuta l-aċċess għas-suq tista’ tiswa bejn EUR 10 000 u EUR 100 000 għal kull prodott u għal kull suq. In-negozji jiddikjaraw li dan huwa l-akbar ostakolu biex ir-rikonoxximent reċiproku jaħdem mingħajr problemi. F’ħafna każijiet, aktar milli jiffaċċjaw eżiti inċerti, in-negozji jispiċċaw jadattaw il-prodotti tagħhom bi spiża addizzjonali — bi spejjeż korrispondenti għall-konsumaturi u telf għall-effiċjenza tal-ekonomija Ewropea.

    Il-proposta l-ġdida għar-rikonoxximent reċiproku tintroduċi proċedura ta’ soluzzjoni tal-problemi sabiex tipprovdi rimedji effettivi u terġa’ tistabbilixxi l-fiduċja fir-rikonoxximent reċiproku. L-ewwel, se jitfittxu soluzzjonijiet bonarji u prattiċi billi jintużaw il-mekkaniżmi eżistenti ta’ SOLVIT. Jekk id-djalogu jfalli, il-Kummissjoni tista’ tintervjenti fil-kwistjoni billi toħroġ Opinjoni, u fejn xieraq, tagħmel rakkomandazzjonijiet biex tassisti lill-partijiet biex isolvu l-każ. B’dan il-mod, in-negozji u l-Istati Membri esportaturi, minflok ma jistennew is-snin biex il-prodotti u l-liġijiet tagħhom jiġu rikonoxxuti minn Stati Membri oħra, se jkunu jafu x’għandhom jistennew fi ftit ġimgħat jew xhur. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tkun kapaċi li b’mod strateġiku timplimenta s-setgħat ta’ infurzar tagħha skont l-Artikolu 258 TFUE meta jiġu identifikati problemi sistematiċi f’setturi speċifiċi.

    Fil-preżent, in-negozji jridu jippruvaw li l-prodott tagħhom diġà jkun qiegħed jinbiegħ xi mkien ieħor fl-UE jekk ikunu jridu jiksbu rikonoxximent reċiproku. Il-firxa ta’ evidenza meħtieġa mill-awtoritajiet tvarja minn sempliċi fattura sa dikjarazzjoni tal-Istat Membru li l-prodott ġie legalment kummerċjalizzat. Biex ngħinu lin-negozji juru li l-prodott tagħhom diġà jissodisfa r-rekwiżiti ta’ Stat Membru ieħor, biex inserrħu moħħ l-awtoritajiet u niffaċilitaw il-kooperazzjoni transfruntiera, aħna nipproponu “dikjarazzjoni ta’ rikonoxximent reċiproku” sempliċi ġdida volontarja li trid timtela mill-operaturi ekonomiċi, u li se tnaqqas il-piż amministrattiv.

    Dawk involuti fir-rikonoxximent reċiproku ma jikkomunikawx tajjeb biżżejjed ma’ xulxin. Ta’ sikwit dan jiġri minħabba li s-setgħat u r-responsabbiltajiet għal regolamenti speċifiċi huma mifruxa, xi ħaġa li tikkumplika n-navigazzjoni madwar dawn il-kwistjonijiet ħafna drabi tekniċi ħafna. Għalhekk, qed nimmiraw li nsaħħu l-punti ta’ kuntatt għall-prodotti bħala kanal ta’ komunikazzjoni għar-rikonoxximent reċiproku 26 . Biex dawn il-punti ta’ kuntatt jingħarfu faċilment, tista’ tiġi żviluppata identità viżwali komuni. Il-kooperazzjoni transfruntiera bejn il-punti ta’ kuntatt se tissaħħaħ. Pjattaforma online se tippermetti lill-awtoritajiet li jikkonnettjaw ma’ xulxin.

    b)    Aktar kooperazzjoni u fiduċja aktar profonda

    Biex ir-rikonoxximent reċiproku jaħdem tajjeb huma meħtieġa l-kooperazzjoni u l-fiduċja. Dawn jgħinu sabiex jinbena fehim reċiproku tal-approċċi u t-tħassib nazzjonali differenti. Dan se jiġi promoss permezz ta’ skambji ta’ uffiċjali li jaħdmu f’setturi partikolarment problematiċi bħall-prodotti tal-kostruzzjoni. B’mod daqstant importanti, il-Kummissjoni se taħdem aktar mill-qrib ma’ pajjiżi u setturi speċifiċi biex ir-rikonoxximent reċiproku jaħdem.

    Il-Kummissjoni se tivvaluta wkoll il-benefiċċji possibbli għan-negozji u l-awtoritajiet pubbliċi jekk tiġi żviluppata ulterjorment il-lista ta’ prodotti eżistenti għar-rikonoxximent reċiproku 27 .

    Sabiex iżżid id-dipendenza u l-fiduċja tal-awtoritajiet nazzjonali fir-rikonoxximent reċiproku, il-Kummissjoni se tipprova tqajjem għarfien tal-awtoritajiet nazzjonali wkoll dwar kif jaħdem ir-rikonoxximent reċiproku permezz ta’ sforzi ta’taħriġ apposta. Dan se jkun immirat prinċipalment għall-amministrazzjonijiet nazzjonali (eż. fil-punti ta’ kuntatt għall-prodotti, id-dipartimenti responsabbli għal oqsma ta’ prodotti problematiċi, il-qrati nazzjonali, l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq u l-persunal ta’ SOLVIT) u n-negozji. Pakkett immirat ta’ “ħarreġ lil min iħarreġ” dwar ir-rikonoxximent reċiproku għall-awtoritajiet u n-negozji u “ġabra ta’ regoli dwar ir-rikonoxximent reċiproku” se jagħtu gwida komprensiva dwar kif għandu jiġi applikat ir-rikonoxximent reċiproku.

    Fl-aħħar nett, l-Istati Membri għandhom ikomplu jipprovdu espliċitament għar-rikonoxximent reċiproku fir-regoli tekniċi nazzjonali tagħhom, iżda għandhom jagħmlu dan b’mod li jinftiehem. Il-Kummissjoni għalhekk tħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex idaħħlu “klawsola dwar is-suq uniku” ċara u mhux ambigwa 28  fir-regolamenti tekniċi nazzjonali, u se tiżviluppa gwida speċifika għall-użu tagħha:

    “Il-prodotti legalment kummerċjalizzati fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea jew fit-Turkija, jew li joriġinaw u jkunu legalment kummerċjalizzati fi Stat tal-EFTA li jkun parti kontraenti għall-ftehim ŻEE huma preżunti kompatibbli ma’ din il-miżura. L-applikazzjoni ta’ din il-miżura hija soġġetta għar-Regolament [referenza].”

    4.Konklużjoni

    Is-suq uniku għall-prodotti huwa wieħed mill-aqwa assi tal-UE. Huwa jagħti lill-UE vantaġġ kompetittiv biex tilħaq l-isfidi tal-flussi tal-kummerċ u tal-ktajjen tal-valur globalizzati. Biex nilħqu dawn l-isfidi, jeħtieġ li nassiguraw li s-Suq Uniku jiffunzjona b’suċċess, billi joffri l-opportunitajiet ta’ suq għan-negozji u livell għoli ta’ protezzjoni lil kulħadd. Dawk kollha involuti — il-pubbliku ġenerali, il-ħaddiema, il-konsumaturi, in-negozji u l-awtoritajiet — jeħtieġ li jiġu assigurati li jistgħu jaġixxu u jakkwistaw prodotti sikuri f’ambjent trasparenti u ġust fejn ir-regoli japplikaw b’mod ugwali għal kulħadd. Huma jridu jkunu kapaċi jafdaw li l-prodotti huma sikuri u konformi mal-liġi.

    L-għan ta’ dan il-Pakkett huwa l-garanzija li nistabbilixxu dan is-suq uniku trasparenti u ġust ta’ prodotti sikuri għal kulħadd. L-awtoritajiet u n-negozji se jiksbu fiduċja fir-rikonoxximent reċiproku bħala prinċipju li jipproteġi l-interess pubbliku għal kulħadd u jiftaħ aktar is-Suq Uniku. Konformità u infurzar imtejba se jsaħħu l-fiduċja tal-konsumaturi fis-sikurezza tal-prodotti mqiegħda fis-Suq Uniku. Dan huwa saħansitra aktar importanti f’dinja li b’pass mgħaġġel qiegħdha dejjem tinbidel u tintegra ruħha.

    Flimkien mal-proposti leġiżlattiv ta’ dan il-Pakkett, se naħdmu mill-qrib ukoll mal-awtoritajiet kompetenti u l-partijiet ikkonċernati, billi nieħdu l-passi neċessarji biex nibnu din il-fiduċja. Dan se jiżgura li diġà mil-lum stess, impatt u benefiċċji reali għal kulħadd jistgħu jagħmlu differenza fis-Suq Uniku għall-oġġetti ta’ għada.



    Appendiċi:    Skeda ta’ żmien proposta għall-miżuri “legali nonvinkolanti”

    2018:

    ·Klawsola dwar is-suq uniku

    ·Għaddejjin: Ottimizzazzjoni tal-konverġenza tal-għodod tal-IT għas-sorveljanza tas-suq (bħal RAPEX u ICSMS) f’konformità mal-bażi legali applikabbli.

    ·Applikazzjoni tal-indikaturi tas-sorveljanza tas-suq

    ·Tħejjija tal-kampanja ta’ sensibilizzazzjoni dwar ir-rikonoxximent reċiproku

    ·Elaborazzjoni tal-programm “ħarreġ lil min iħarreġ” għar-rikonoxximent reċiproku

    ·Approċċ kooperattiv għal setturi speċifiċi skont id-Direttiva dwar it-Trasparenza tas-Suq Uniku



    2019:

    ·Ġabra ta’ regoli dwar ir-rikonoxximent reċiproku

    ·Skambju ta’ uffiċjali

    ·Jiġi eżaminat l-iżvilupp ulterjuri tal-lista ta’ prodotti eżistenti għar-rikonoxximent reċiproku

    (1)      Sors Eurostat (Iċ-ċifri tal-2016 huma proviżorji). Dawn iċ-ċifri jinkludu l-industriji tal-manifattura, tal-estrazzjoni u tal-utilitajiet. Huma jeskludu s-servizzi għan-negozju u l-kostruzzjoni, li madankollu huma marbutin mill-qrib mal-industrija tal-UE, mhux l-anqas fl-isfond tar-rwol dejjem jikber tal-ktajjen tal-valur u tas-servitizzazzjoni.
    (2)      COM (2015) 550 final, Naġġornaw is-Suq Uniku: opportunitajiet aktar għaċ-ċittadini u għan-negozji”, 28.10.2015.
    (3)      Parlament Ewropew, Riżoluzzjoni dwar l-Istrateġija għal Suq Uniku, 26 ta’ Mejju 2016, P8_TA(2016)0237; Kunsill Ewropew, Konklużjonijiet, 15 ta’ Diċembru 2015.
    (4)      Kunsill Ewropew, l-Aġenda tal-Mexxejja, http://www.consilium.europa.eu/media/21594/leaders-agenda.pdf , Ottubru 2017.
    (5)      Ara l-pakkett dwar il-Proprjetà Intellettwali adotta mill-Kummissjoni fid-29. 11. 2017 li jinkludi diversi miżuri u notevolment Komunikazzjoni dwar sistema ta’ infurzar tal-Proprjetà Intellettwali bilanċjata li twieġeb għall-isfidi soċjetali tal-lum (SWD(2017) 430 final).
    (6)      Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli u proċeduri għall-konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni fir-rigward tal-prodotti u l-infurzar tagħha u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 305/2011, (UE) Nru 528/2012, (UE) Nru 2016/424, (UE) Nru 2016/425, (UE) Nru 2016/426 u (UE) Nru 2017/1369 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u d-Direttivi 2004/42/KE, 2009/48/KE, 2010/35/UE, 2013/29/UE, 2013/53/UE, 2014/28/UE, 2014/29/UE, 2014/30/UE, 2014/31/UE, 2014/32/UE, 2014/33/UE, 2014/34/UE, 2014/35/UE, 2014/53/UE, 2014/68/UE u 2014/90/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. (COM(2017)795).
    (7)      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fuq ir-rikonoxximent reċiproku tal-oġġetti kummerċjalizzati legalment fi Stat Membru ieħor (COM(2017)796).
    (8)      Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar it-tħaddim tad-Direttiva (UE) 2015/1535 mill-2014 sal-2015 (COM(2017)788).
    (9)    Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u għas-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 339/93 (COM(2017)789).
    (10)      Sors: RAPEX. Dan l-għadd ikopri biss prodotti li huma soġġetti għal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-armonizzazzjoni.
    (11)      COM(2017) 479 final, Ninvestu f’Industrija intelliġenti, innovattiva u sostenibbli: Strateġija mġedda għall-Politika Industrijali tal-UE.
    (12)      COM(2015) 192 final, Strateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa.
    (13)      https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/news/digital-single-market-mid-term-review.
    (14)      COM(2014) 527 final, l-Istrateġija u l-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE għall-ġestjoni tar-riskju doganali: L-indirizzar ta’ riskji, it-tisħiħ tas-sigurtà tal-katina tal-provvista u l-iffaċilitar tal-kummerċ.
    (15) Kummissjoni Ewropea, Dokument ta’ riflessjoni dwar il-ġestjoni tal-globalizzazzjoni, 10 ta’ Mejju 2017.
    (16)      B’konformità mal-prinċipju tal-lex specialis, il-proposta għal-Regolament ta’ infurzar għandha tapplika biss u sa fejn ma jeżistu ebda dispożizzjonijiet speċifiċi bl-istess għan, natura jew effett f’regoli eżistenti jew futuri oħra ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni. Dan huwa partikolarment rilevanti għal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li tkopri l-prekursuri tad-droga, apparat medikju, apparat mediku dijanjostiku in vitro; eċċ.
    (17)      Prodott jista’ biss isir disponibbli fis-suq jekk il-persuna li hija responsabbli mill-informazzjoni ta’ konformità hija stabbilità fl-Unjoni u tista’ tkun interlokutur dirett għall-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq. Din il-persuna tista’ tkun il-manifattur, l-importatur jew kwalunkwe operatur ekonomiku ieħor li jkun ingħata mandat mill-manifattur u għandha żżomm id-dokumentazzjoni teknika rilevanti meħtieġa, inkluża d-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE, meta jkun applikabbli, tal-prodott u tikkondividiha mal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq meta tintalab.
    (18)      Fil-kuntest ta’ ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, jintużaw Memoranda ta’ Qbil bejn is-sħab industrijali, ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar sistema ta’ infurzar tal-Proprjetà Intellettwali bilanċjata li twieġeb għall-isfidi soċjetali tal-lum (SWD(2017) 430 final), p. 8-9.
    (19)      https://ec.europa.eu/growth/single-market/goods/free-movement-sectors/mutual-recognition/contacts-list_fr.
    (20)      SWD(2017)466 — Dokument ta’ ħidma tal-persunal tas-servizzi tal-Kummissjoni, Valutazzjoni tal-Impatt li takkumpanja d-dokument Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli u proċeduri għall-konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni fir-rigward tal-prodotti u l-infurzar tagħha u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 305/2011, (UE) 2016/424, (UE) 2016/425, (UE) 2016/426 u (UE) Nru 2017/1369 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u d-Direttivi 2009/48/KE, 2010/35/UE, 2013/29/UE, 2013/53/UE, 2014/28/UE, 2014/29/UE, 2014/30/UE, 2014/31/UE, 2014/32/UE, 2014/33/UE, 2014/34/UE, 2014/35/UE, 2014/53/UE, 2014/68/UE u 2014/90/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
    (21)      Dawn l-interessi jinkludu pereżempju: il-moralità pubblika, l-ordni pubbliku jew is-sigurtà pubblika; il-protezzjoni tas-saħħa u l-ħajja ta’ bnedmin, annimali jew pjanti; il-protezzjoni tal-patrimonju nazzjonali ta’ valur artistiku, storiku jew arkeoloġiku; jew il-protezzjoni ta’ proprjetà industrijali u kummerċjali.
    (22)    Ara wkoll: "The Cost of Non- Europe in the Single Market, 'Cecchini Revisited', An overview of the potential economic gains from further completion of the European Single Market," http://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2014/510981 /EPRS STU(2014)510981 REVl_EN.pdf.
    (23)    Idem.
    (24) L-Artikoli 34 u 36 tat-Trattat tal-KE.
    (25)      Ir-Regolament (KE) Nru 764/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 li jistabbilixxi l-proċeduri relatati mal-applikazzjoni ta’ ċerti regoli tekniċi nazzjonali għal prodotti legalment kummerċjalizzati fi Stat Membru ieħor u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 3052/95/KE, ĠU L 218, 13.8.2008, p. 21.
    (26)      Il-punti ta’ kuntatt għall-prodotti” huma l-interfaċċja bejn in-negozju u l-amministrazzjonijiet nazzjonali u l-post sabiex wieħed isib informazzjoni dwar ir-regoli nazzjonali applikabbli kollha.
    (27)     http://ec.europa.eu/growth/single-market/goods/free-movement-sectors/mutual-recognition/products-list_en .
    (28)      Din ma tapplikax għal prodotti li joriġinaw minn Stati tal-EFTA u t-Turkija li ġew esklużi mill-ftehim ŻEE jew mill-unjoni doganali mat-Turkija (eż. ħut u prodotti tal-ħut).
    Top