Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017DC0773

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Insaħħu l-Ġestjoni tad-Diżastri fl-UE: rescUE Solidarjetà u Responsabbiltà

    COM/2017/0773 final

    Brussell, 23.11.2017

    COM(2017) 773 final

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

    Insaħħu l-Ġestjoni tad-Diżastri fl-UE: rescUE
    Solidarjetà u Responsabbiltà


    1.Introduzzjoni

    L-Ewropa qiegħda dejjem aktar tiffaċċja l-impatti drammatiċi ta’ avvenimenti estremi ta’ temp imprevedibbli u terremoti bir-riżultat ta’ telf ta’ ħajja, il-qerda ta’ proprjetà u l-wirt kulturali. Dan kellu spiża traġika fuq il-ħajja u l-għajxien. In-nazzjonijiet tal-Ewropa ddeċidew li jibnu l-Unjoni Ewropea (UE) biex jippromwovu l-ġid komuni tagħhom u jaffaċċjaw l-avversità flimkien, waqt li kull wieħed minnhom isir aktar b’saħħtu permezz tal-għaqda u s-solidarjetà. Ewropa li tipproteġi hija waħda li jkollha l-mezzi sabiex tirreaġixxi b’mod deċiżiv.

    It-tibdil fil-klima qed jamplifika l-impatt ta’ avvenimenti estremi tat-temp fl-Ewropa u madwar id-dinja 1 . It-tendenzi ewlenin juru kif it-tibdil fil-klima qed jikkontribwixxi għal żieda fl-intensità ta’ nirien fil-foresti u perjodi itwal tal-istaġun tan-nirien fil-foresti fin-Nofsinhar tal-Ewropa, l-espansjoni ta’ żoni suxxettibbli għan-nar lejn it-Tramuntana, kif ukoll żieda fil-maltempati u r-riskji ta’ għargħar. 2 Sa mill-1980, kif ukoll il-prezz uman, l-Istati Membri tal-UE tilfu aktar minn EUR 360 biljun f’avvenimenti estremi tat-temp u tal-klima. 3 Fl-istess ħin, avvenimenti estremi bħan-nirien tal-foresti qegħdin ukoll jaggravaw it-tibdil fil-klima permezz ta’ żieda fl-emissjoni ta’ gassijiet serra 4 .

    L-2017 rat firxa wiesgħa ta’ diżastri. B’kollox, aktar minn 200 persuna nqatlu minn diżastri naturali fl-Ewropa fl-2017 5 . Dan l-aħħar, ċikluni tropikali laqtu b’mod qawwi r-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE u t-territorji extra-Ewropej fil-Karibew. L-Uragan Ophelia kkawża għargħar għall-għarrieda fl-Irlanda u fir-Renju Unit u affettwa partijiet kbar mill-Majjistral tal-Ewropa. Maltempati qawwija fatali wara l-mewġiet intensivi ta’ sħana laqtu lill-Ewropa Ċentrali iktar kmieni dan is-sajf.

    Fuq kollox, l-2017 rat serje diżastruża ta’ nirien fil-foresti. Aktar minn miljun ettaru ta’ foresti ġew meqruda, kważi tliet darbiet tal-medja tal-UE għal ħames snin, li nofshom kienu fil-Portugall biss. Dan jirrappreżenta żona erba’ darbiet id-daqs tal-Lussemburgu jew aktar minn għaxar darbiet iż-żona ta’ Berlin. Ħafna nies tilfu ħajjithom traġikament. Biss biss fil-Portugall, inqatlu aktar minn 100 ruħ, bejn Ġunju u Ottubru. In-nirien irriżultaw fil-qerda sinifikanti tal-proprjetà u f’impatti kbar fuq l-ekonomija inklużi l-infrastruttura tan-netwerks, in-negozji (kummerċjali u industrijali), l-attivitajiet agrikoli u wkoll forestali. Fil-Portugall biss, id-dannu ekonomiku dirett ta’ avvenimenti ta’ nirien fil-foresti bejn Ġunju u Settembru huwa stmat għal kważi EUR 600 miljun, li jirrappreżentaw 0,34 % tal-Introjtu Nazzjonali Gross tal-Portugall. In-nirien tal-foresti qed isiru wkoll realtà f’lokalitajiet ġodda, bin-nirien tal-2017 li affettwaw partijiet mill-Irlanda u minn Greenland.

    L-aħħar sentejn raw ukoll ħsara serja minn terremoti. It-terremot il-kbir li laqat l-Italja Ċentrali f’Awwissu 2016 kienet segwit minn tliet terremoti kbar oħra fix-xhur li segwew. 290 persuna ġew irrappurtati maqtula; il-wirt kulturali kif ukoll bosta bliet fir-reġjuni tal-Umbria, il-Lazio u l-Marche ġew meqruda, u l-attività ekonomika kienet affettwata b’mod gravi mix-xokkijiet. Iktar kmieni dan is-sajf, il-gżira Griega ta’ Kos, kif ukoll it-Turkija fil-viċinat, intlaqtu minn terremot li rriżulta f’għadd ta’ persuni mejta, mijiet ta’ korrimenti u diżordni kbira f’ekonomija dipendenti ħafna fuq it-turiżmu.

    Barra dawn id-diżastri ambjentali, l-Ewropa ntlaqtet minn inċidenti terroristiċi b’bosta vittmi, inkluż għadd kbir ta’ każijiet ta’ ħruq kumplessi li kienu jeħtieġu attenzjoni immedjata. Il-vajrusijiet tal-Ebola u z-Zika servew bħala tfakkira wkoll f’dak li għandu x’jaqsam mar-riskju minn epidemiji u emerġenzi tas-saħħa.

    L-Ewropa mhijiex waħedha. Inċidenti madwar id-dinja kollha qed isegwu l-istess xejriet li qegħdin imorru għall-agħar: l-Istat ta’ California ntlaqat din is-sena minn nirien suċċessivi fil-foresti ta’ intensità kbira li ħarqu aktar minn 200 elf ettaru, aktar minn darbtejn mill-medja nazzjonali ta’ ħames snin 6 ; Il-Brażil jista’ jħares lejn l-2017 bħala l-agħar sena fir-rekords tiegħu rigward in-nirien fil-foresti 7 ; Iktar minn nofs miljun ettaru inqerdu minn nirien fil-foresti fiċ-Ċilì bejn Lulju 2016 u Frar 2017, fil-ġlieda li matulha l-Unjoni Ewropea pprovdiet assistenza attiva 8 Is-sena 2017 rat ukoll għadd ta’ għargħar devastanti fl-Afrika u fl-Asja, kif ukoll terremoti distruttivi mad-dinja kollha, b’xokkijiet fatali fil-Messiku f’Settembru, li ħallew aktar minn 270 vittma, waqqgħu għexieren ta’ blokkijiet bini u kissru mijiet ta’ binijiet storiċi. It-terremot li laqat ir-reġjun mal-fruntiera tal-Iraq u l-Iran fit-12 ta’ Novembru ta’ din is-sena ħalla mill-inqas 420 persuna mejta, sfaw midruba aktar minn 7,000 ruħ,u ġarrab ħsara lill-wirt kulturali u lil eluf ta’ djar, filwaqt li ħalla ħerba fil-provvista tas-servizzi bażiċi tal-ilma u tal-enerġija. Iċ-Ċilì u t-Turkija kienu wkoll affettwati minn terremoti din is-sena.

    Billi sfidi ġodda jimponu modi ġodda ta’ kif wieħed jaġixxi, din il-Komunikazzjoni tistabbilixxi kif l-UE tista’ tirrispondi aħjar għall-isfida essenzjali li tħares liċ-ċittadini minn dawn id-diżastri b’mod aktar effikaċi. Hija tispjega dwar kif jista’ jintuża approċċ aktar ambizzjuż u komprensiv fuq skala tal-UE biex wieħed jirreaġixxi b’mod aktar effiċjenti u effettiv, filwaqt li fl-istess ħin ikun żgurat li l-Istati Membri jużaw l-istrumenti kollha għad-dispożizzjoni tagħhom biex jipprevjenu, iħejju u jirreaġixxu għad-diżastri.

    2.    Ir-reazzjoni tal-UE sal-Lum

    Il-Mekkaniżmu tal-Unjoni Ewropea għall-Protezzjoni Ċivili 9 (UCPM) qiegħed għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri u tal-pajjiżi terzi li jistgħu jattivawh meta jfaqqa’ diżastru u l-kapaċitajiet nazzjonali tagħhom ma jkunux biżżejjed. Huwa jiffunzjona fuq bażi volontarja li biha Stat Membru jew pajjiż terz joħroġ talba għall-għajnuna permezz taċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea għal Reazzjoni f’Każ ta’ Emerġenza (ERCC) u Stati Membri oħrajn jiddeċiedu jekk jagħmlux offerta ta’ assistenza jew le. Sabiex ikun hemm prevedibbiltà, inħolqot “Riżerva Volontarja ta’ Assi”. L-Istati Membri jipprovdu assi li l-Kummissjoni tista’ titlob, iżda l-Istati Membri mhumiex obbligati joffru l-assistenza. U ħafna drabi l-Istati Membri ma kinux kapaċi, speċjalment meta diversi Stati Membri kienu qed jiffaċċjaw l-istess diżastri simultanjament.

    F’dawn l-aħħar snin, minħabba l-klima u fenomeni oħra, il-kapaċità tal-Istati Membri biex jgħinu lil xulxin marret għall-agħar billi l-kapaċitajiet proprji ta’ kull Stat Membru ta’ sikwit laħqu l-limiti tagħhom.

    B’mod parallel, l-inċentivi għall-Istati Membri li joffru l-assistenza tagħhom permezz tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili huma baxxi ħafna peress li l-baġit tal-UE jiffinanzja biss parti mill-ispejjeż tat-trasport. Madankollu, f’ħafna operazzjonijiet it-trasport minn A għal B mhuwiex l-iktar parti għalja: l-ispejjeż operattivi huma ħafna ogħla mill-ispejjeż tat-trasport. Pereżempju, l-ispejjeż tat-trasport ta’ sptar fuq il-post huma biss frazzjoni tal-ispejjeż operattivi tagħha li jammontaw għal madwar EUR 6 miljun fix-xahar. It-titjira ta’ ajruplan minn Franza għall-Portugall hija wkoll irħas meta mqabbla mal-ispiża meħtieġa biex l-ajruplan jopera hemnhekk għal diversi jiem. Il-baġit tal-UE ma jiffinanzjax l-ispiża tat-tħaddim ta’ dawn l-assi.

    B’konsegwenza ta’ dan, il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili ta’ spiss ma jwassalx għar-riżultati mistennija. Pereżempju, kien biss f’10 każijiet minn 17-il talba li saru meta nirien ħakmu l-foresti din is-sena, li ġiet effettivament mogħtija l-assistenza. Xi drabi, r-rispons kien wisq bil-mod. L-impatt kien drastiku wkoll minħabba d-disponibbiltà limitata ta’ ajruplani tat-tifi tan-nar u l-flotta, kemm fin-numru kif ukoll fil-perjodu operattiv tagħhom, f’għadd ta’ Stati Membri affettwati. Id-disponibbiltà limitata ta’ ajruplani tat-tifi tan-nar huwa wkoll aggravat mill-fatt li n-natura speċifika ta’ dawn l-ajruplani u l-ispiża għolja tal-produzzjoni tagħhom tfisser li mhumiex faċilment disponibbli fis-suq. Dawn iċ-ċirkostanzi kellhom impatt enormi fuq l-effettività tal-kapaċità rilevanti impenjata minn qabel għal rispons Ewropew ikkoordinat, u wrew in-nuqqas ta’ mezzi fuq livell tal-UE. Dan juri wkoll li l-inċentivi llum mhumiex biżżejjed biex jibnu kapaċità tal-protezzjoni ċivili tal-UE qawwija, u li din tkun lesta li tintuża biex tgħin f’reazzjoni għad-diżastri fi Stati Membri oħra. Fi ftit kliem, id-diżastri estensivi din is-sena wrew li issa lħaqna l-limiti tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili, kif inhi strutturata u kif tiffunzjona llum il-ġurnata.

    Fl-istess ħin, huwa ċar li l-impatt potenzjali tad-diżastri jistgħu jitnaqqsu permezz ta’ prevenzjoni effettiva: it-tnaqqis sostanzjali tal-impatti ekonomiċi fuq l-għargħar gravi fl-Ewropa Ċentrali fl-2013 meta mqabbla ma’ avvenimenti simili fl-2002 jista’ jiġi spjegat parzjalment permezz ta’ miżuri effettivi ta’ prevenzjoni tar-riskju u ta’ protezzjoni mill-għargħar introdotti mill-2002 10 .

    L-esperjenza sa issa, għandha tagħlimiet importanti:

    1.    Fil-każ ta’ avvenimenti estremi multipli jew frekwenti bħal dawk tal-2017, hija meħtieġa kapaċità addizzjonali. L-użu tagħha għandu wkoll ikun kemm jista’ jkun effiċjenti.

    2.    Mekkaniżmu ta’ solidarjetà li jiffunzjona jrid jkollu struttura ta’ inċentiv b’saħħtu biżżejjed li jinkoraġġixxi l-kondiviżjoni tal-assi ta’ rispons bejn il-fruntieri.

    3.    Analiżi tar-riskju kif xieraq flimkien ma’ sforzi ta’ prevenzjoni mmirati fuq żmien qasir u fit-tul, li jsirilhom monitoraġġ effikaċi huma l-bażijiet tat-tħejjija u r-reazzjoni effettivi fil-każijiet ta’ diżastri.

    4.    L-istrumenti kollha disponibbli tal-UE, bħalma huma l-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE), jeħtieġ li jintużaw fil-kapaċità sħiħa tagħhom, f’dak li għandu x’jaqsam mal-prevenzjoni u l-ġestjoni tad-diżastri, filwaqt li s-sinerġiji bejniethom jeħtieġ li jintużaw kollha kemm huma.

    It-tisħiħ tal-ġestjoni tad-diżastri fl-UE wkoll ifisser li nagħtu ħarsa kritika lejn il-prevenzjoni tad-diżastri fl-Istati Membri, kif ukoll lejn il-miżuri tal-UE li jappoġġaw il-prevenzjoni. Jenħtieġ b’mod urġenti approċċ kompletament integrat lejn il-prevenzjoni, it-tħejjija u r-rispons għad-diżastri fl-Unjoni u fl-Istati Membri tagħha. Aħna nafu li l-investiment fil-prevenzjoni jsalva l-ħajjiet u l-għajxien; jeħtieġ għalhekk immirar effiċjenti għar-riskji tad-diżastri.

    3.Ewropa li Tipproteġi: rescEU

    L-Unjoni kollha kemm hi teħtieġ li tantiċipa r-riskji emerġenti u li qed jinbidlu, kemm dawk naturali kif ukoll dawk ikkawżati mill-bniedem. Għalhekk, kapaċità tal-UE fil-ġestjoni tad-diżastri aktar robusta u komprensiva hi prerekwiżit biex tingħata protezzjoni aħjar lill-poplu, lill-komunitajiet, lill-interessi ekonomiċi u lill-ambjent. Jeħtieġ li l-UE ttejjeb il-kontribuzzjonijiet tal-politiki u l-istrumenti kollha tagħha biex tissaħħaħ il-kapaċità għall-prevenzjoni tad-diżastri, għat-tħejjija u r-reazzjoni għalihom u l-irkupru minnhom. Dan jibni s-solidarjetà Ewropea u r-responsabbiltà fil-livelli kollha.

    Il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tintroduċi bidliet fil-leġiżlazzjoni attwali tal-protezzjoni ċivili li tkun tippermetti lill-Ewropa li tieħu pass kbir ’il quddiem fl-għan tagħha li tipprevjeni d-diżastri naturali u dawk magħmula mill-bniedem, kif ukoll tħejji u tirrispondi għalihom kemm fl-Unjoni kif ukoll barra minnha.

    Il-bidliet għandhom l-objettivi li ġejjin:

    a) Li jsaħħu l-abbiltà kollettiva tal-UE u tal-Istati Membri biex jirrispondu għad-diżastri, u jindirizzaw in-nuqqasijiet ta’ kapaċità attwali u emerġenti, bl-istabbiliment ta’ sistema doppja għall-kapaċità ta’ reazzjoni: riżerva dedikata tal-kapaċitajiet ta’ reazzjoni kkontrollata fil-livell tal-Unjoni, li għandha tkun magħrufa bħala rescEU; flimkien ma’ kontribuzzjoni aktar effettiva u dinamika mill-Istati Membri permezz ta’ Riżerva Ewropea għall-Protezzjoni Ċivili.

    b) Li jsaħħu l-punt fokali fuq azzjonijiet ta’ prevenzjoni bħala parti miċ-ċiklu tal-ġestjoni tar-riskju tad-diżastri, kif ukoll jirrinforzaw il-koerenza ma’ politiki ewlenin oħrajn tal-UE li taġixxi, fost l-oħrajn, fil-qasam tal-adattament għat-tibdil fil-klima, il-prevenzjoni tad-diżastri u r-rispons għad-diżastri;

    c) Li jiżguraw li l-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili jkun flessibbli u effettiv fil-proċeduri amministrattivi tiegħu b’appoġġ għall-operazzjonijiet ta’ emerġenza.

    3.1.    It-tisħiħ tar-reazzjoni tal-UE għad-diżastri

    Approċċ komuni tal-UE jfisser li tista’ tkun disponibbli aktar kapaċità għal skjerament fi żmien partikolari. Fid-dawl ta’ dan, il-proposta għandha żewġ linji biex timla in-nuqqasijiet fil-kapaċità li jippermettu lill-Unjoni biex kollettivament issaħħaħ ir-rispons għad-diżastri.

    L-ewwel, sabiex tipprovdi reazzjoni tal-UE koerenti u sinifikanti għad-diżastri u jingħelbu n-nuqqasijiet tas-sistema volontarja attwali taħt il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili, il-Kummissjoni Ewropea se tistabbilixxi b’urġenza riżerva ddedikata ta’ assi tal-UE: rescEU. rescEU se tkun magħmula minn kapaċitajiet li jippermettu lill-UE li tindirizza d-diżastri li matul l-aħħar ftit snin, affettwaw in-nisġa soċjali inġenerali tal-Ewropa. Dawn il-kapaċitajiet jinkludu ajruplani tat-tifi tan-nar fil-foresti mill-ajru, ippumpjar ta’ kapaċità għolja, tiftix u salvataġġ urban u l-bini ta’ kapaċità għal riskji għas-saħħa pubblika, bħal sptarijiet fuq il-post u timijiet mediċi ta’ emerġenza. Jekk ikun hemm kapaċità ppruvata ġdida, il-Kummissjoni, permezz ta’ att delegat, tidentifika l-kapaċitajiet addizzjonali li jistgħu jsiru parti minn rescEU.

    Din il-kapaċità tal-protezzjoni ċivili Ewropea se tikkomplementa l-kapaċitajiet tar-rispons nazzjonali eżistenti li diġà qed jikkontribwixxu għar-rispons Ewropew ikkoordinat.

    rescEU tkun magħmula minn kapaċitajiet mikrija jew leased permezz ta’ arranġamenti tal-UE jew akkwistati b’iffinanzjar sħiħ mill-UE. L-ispejjeż kollha ta’ dawn il-kapaċitajiet ikunu kompletament koperti minn finanzjament tal-UE, bil-Kummissjoni żżomm il-kontroll operattiv ta’ dawn l-assi u tiddeċiedi dwar l-użu tagħhom. Matul l-operazzjonijiet, l-Istat rikjedenti jiżgura li l-attivitajiet tal-kapaċitajiet u tat-timijiet ta’ rescEU jkunu eżegwiti skont l-użu operattiv miftiehem mal-Kummissjoni.

    It-tieni, huwa propost li tissaħħaħ u tiġi ssimplifikata l-istruttura ta’ inċentivi attwali tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili. L-UE għandha tipprovdi aktar adattament, tiswija, operattiv, inkluż kofinanzjament tat-trasport (75 %) għall-ispiża ta’ kapaċitajiet ta’ reazzjoni impenjati minn qabel tal-Istati Membri f’Riżerva Ewropea ta’ assi għall-Protezzjoni Ċivili — assi li fuqhom tista’ tistrieħ ir-reazzjoni għall-kriżi tal-UE fi kwalunkwe punt partikolari ta’ żmien. Minħabba li l-UE qed tagħti aktar appoġġ finanzjarju lil dawn l-assi, wara li tkun waslet l-attivazzjoni tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili, dawn l-assi jkunu disponibbli għall-iskjerament wara talba tal-Kummissjoni, sakemm Stat Membru ma jkunx iffaċċjat b’sitwazzjoni eċċezzjonali li taffettwa b’mod sostanzjali t-twettiq tal-kompiti nazzjonali. Dan jikkostitwixxi bidla sinifikanti meta mqabbel mas-sitwazzjoni tal-lum.

    Fl-istess ħin, il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili għandu jieqaf jikkofinanzja l-użu tal-assi li huma pprovduti fuq bażi ad hoc mingħajr ebda possibbiltà ta’ tbassir dwar id-disponibbiltà reali tagħhom fi żminijiet ta’ diżastru.

    Ewropa li tipproteġi trid ukoll tkun kapaċi tirreaġixxi fil-pront għad-diżastri mingħajr katina twila ta’ proċeduri burokratiċi. rescEU se ssolvi din il-problema billi tipprovdi sistema robusta u kredibbli tal-kapaċità ta’ reazzjoni immedjata li tista’ tintuża meta mitluba mill-istati li ma jkunux jistgħu jlaħħqu ma’ diżastru u ma jirċivux biżżejjed assistenza esterna. rescEU se tkun disponibbli meta l-kapaċitajiet nazzjonali ma jkunux biżżejjed jew meta ma jkunux jistgħu jlaħħqu mad-domanda. Madankollu, fl-istess ħin, hija mhux se tkun sostitut għall-isforzi fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali: il-livelli kollha jeħtieġu jsaħħu t-tħejjija fi żminijiet li fih ix-xenarju tar-riskju qed jinbidel.

    Il-proposta tinkludi wkoll dispożizzjonijiet biex tiżgura li l-iżborżament ta’ fondi tal-UE permezz tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili ikun akkumpanjat minn viżibbiltà adegwata lejn lill-Unjoni.

    Bis-saħħa ta’ dan, l-Unjoni Ewropea ikollha Mekkaniżmu tal-Protezzjoni Ċivili li jistrieħ fuq żewġ pilastri kumplementari: kondiviżjoni kredibbli tal-assi tal-Istati Membri tar-Riżerva Ewropea għall-Protezzjoni Ċivili flimkien ma’ rescEU bħala l-aħħar għażla u kapaċità li tista’ tiġi mmobilizzata minnufih. Ir-riżultat ikun sistema kkaratterizzata mis-simplifikazzjoni, tnaqqis sinifikanti tal-burokrazija u, aktar importanti minn hekk, reazzjoni aktar rapida u aktar xierqa. Mekkaniżmu tal-Protezzjoni Ċivili li jipprovdi valv ta’ sikurezza żejjed għall-ħarsien taċ-ċittadini tagħna meta jfiġġ id-diżastru.

    3.2.    Prevenzjoni u Tħejjija b’Saħħithom permezz tal-Protezzjoni Ċivili

    It-tisħiħ tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili jpoġġi l-prevenzjoni tad-diżastri u t-tnaqqis tar-riskji fil-qalba tal-isforzi tagħna fil-ġestjoni tar-riskju tad-diżastri. Azzjonijiet ta’ prevenzjoni huma meħtieġa biex inaqqsu l-impatti ta’ perikli u biex is-soċjetajiet isiru aktar b’saħħithom meta jerġa’ jfiġġ diżastru, filwaqt li jnaqqsu wkoll il-ħtiġijiet ta’ rispons. Iż-żieda tar-reżiljenza tal-infrastruttura tal-UE, tal-ekosistemi u tas-soċjetatjiet hija element essenzjali ta’ prevenzjoni effettiva tad-diżastri.

    Investiment bir-reqqa mill-Istati Membri fil-monitoraġġ tal-prevenzjoni u t-tħejjija huwa ta’ importanza kruċjali għall-istabbiliment ta’ rescEU. Jeħtieġ li l-prevenzjoni tad-diżastri, bħala l-bażi għal ġestjoni effettiva tad-diżastri, tkun marbuta mill-qrib mal-attivitajiet ta’ tħejjija u ta’ reazzjoni, u integrata b’mod aktar strateġiku mal-azzjonijiet tal-Mekkaniżmu msaħħaħ tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili. Għal dan l-għan, il-proposta attwali tinkludi dispożizzjoni biex il-Kummissjoni tkun tista’ titlob, timmonitorja u tirrapporta dwar l-implimentazzjoni ta’ pjanijiet ta’ prevenzjoni u tħejjija.

    Il-proposta għal leġiżlazzjoni ġdida ssaħħaħ ukoll l-appoġġ għal azzjonijiet ta’ prevenzjoni tad-diżastri permezz tal-enfasi fuq l-importanza tal-adattament għat-tibdil fil-klima, is-sistemi ta’ twissija bikrija, it-tħejjija għad-diżastri (pereżempju taħriġ u eżerċizzji), u inizjattivi għall-ġestjoni tal-għarfien, bħal dawk imwettqa miċ-Ċentru ta’ Għarfien għall-Ġestjoni tar-Riskju tad-Diżastri (DRMKC, Disaster Risk Management Knowledge Centre) 11 l-iskambju tal-aħjar prattiki, it-trasferiment ta’ teknoloġija, u l-iżgurar li l-użu ta’ standards u protokolli differenti ma jfixklux l-iskjerament effettiv. Il-proposta tipprevedi wkoll mekkaniżmi ta’ konsultazzjoni speċifiċi sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tlaqqa’ flimkien l-Istati Membri b’interessi komuni speċifiċi biex iħaddmu konkretament il-mod li bih jindirizzaw kwistjonijiet speċifiċi bħan-nirien fil-foresti.

    Din l-inizjattiva tiftaħ ukoll il-bieb għall-iżvilupp ta’ Netwerk Ewropew ta’ Għarfien għall-Protezzjoni Ċivili, filwaqt li tikkollabora ma’ inizjattivi bħalma huma ċ-Ċentru ta’ Għarfien għall-Ġestjoni tar-Riskju tad-Diżastri, li għandhom isaħħu l-komponent ta’ taħriġ tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili, ibbażat fuq kooperazzjoni mill-qrib mal-istrutturi nazzjonali rilevanti dwar il-kwistjoni. L-objettiv tan-Netwerk ta’ Għarfien ikun it-tisħiħ tal-effiċjenza tal-ġestjoni komuni tad-diżastri min-naħa tal-UE. Jentħieġ li dan jiġi stabbilit bħala netwerk pan-Ewropew ta’ taħriġ speċjalizzat u ta’ ċentri tal-eżerċizzji, li fih jixxerdu l-aħjar prattiki Ewropej u internazzjonali, jissaħħu l-interoperabbiltà u l-miżuri ta’ appoġġ tan-nazzjon ospitanti u jitwettqu eżerċizzji konġunti tal-UE. Fl-aħħar nett, dan in-Netwerk Ewropew tal-Għarfien għall-Protezzjoni Ċivili se jgħin biex irawwem il-kooperazzjoni u l-fehim reċiproku, u biex fl-Unjoni tinbena kultura ta’ tħejjija komuni meta jitfaċċaw id-diżastri. Permezz ta’ aktar kooperazzjoni, taħriġ konġunt u eżerċizzji bbażati fuq xenarji, tiżdied l-effiċjenza tat-tħejjija u r-reazzjoni komuni tal-UE għad-diżastri.

    3.3    Simplifikazzjoni

    Il-proposta tfittex li tissimplifika l-proċeduri amministrattivi sabiex jitnaqqas id-dewmien fl-implimentazzjoni tal-assistenza. Hija tissimplifika s-sistema attwali billi:

    ·tintroduċi kategorija waħda biss ta’ assi ta’ reazzjoni li l-użu tagħhom jinħtieġ kofinanzjament mill-Istati Membri u mill-baġit tal-UE, jiġifieri mir-Riżerva Ewropea għall-Protezzjoni Ċivili.

    ·Tintroduċi rata unika ta’ kofinanzjament (75 %) b’rabta mal-adattament, it-tiswija, it-trasport u l-ispejjeż operattivi għall-assi li huma mir-Riżerva Ewropea għall-Protezzjoni Ċivili.

    ·Qed tiġi introdotta referenza speċifika għall-użu ta’ somom għal kull unità, somom f’daqqa u rati fissi fir-rigward tal-kofinanzjament tal-ispejjeż tat-trasport sabiex jitjiebu kemm il-konsistenza kif ukoll l-effiċjenza.

    ·ġew inklużi dispożizzjonijiet speċifiċi li jillimitaw l-attivazzjonijiet tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili għal perjodu ta’ 90 jum (sakemm ma jiġix iġġustifikat mod ieħor) sabiex jiċċara l-ambitu u jkun inċentivat l-użu ta’ assi fil-fażi ta’ reazzjoni immedjata.

    AZZJONIJIET EWLENIN:

    L-Istati Membri fil-Kunsill u l-Parlament Ewropew jadottaw il-leġiżlazzjoni li temenda l-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili.

    L-Istati Membri jieħdu miżuri preparatorji biex ikunu lesti li jimpenjaw kapaċitajiet addizzjonali għar-Riżerva Ewropea għall-Protezzjoni Ċivili hekk kif tiġi adottata l-leġiżlazzjoni.

    Bħala l-ewwel eżempju ta’ mekkaniżmu speċifiku ta’ konsultazzjoni, il-Kummissjoni tistabbilixxi struttura li tippermetti l-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni sistematiċi, regolari u mill-qrib bejn l-Istati Membri affettwati, qabel u matul kull staġun tan-nirien fil-foresti.

    Il-Kummissjoni tieħu l-miżuri preparatorji kollha biex tistabbilixxi kuntratt ta’ kera jew ta’ leasing li jikkonferixxi lil rescEU l-kapaċitajiet previsti.

    Il-Kummissjoni se tiffaċilita d-diskussjonijiet mal-industrija biex tħaffef il-produzzjoni tal-kapaċitajiet li mhumiex faċilment disponibbli fis-suq, bħal pereżempju ajruplani tat-tifi tan-nar.

    L-Istati Membri jħejju pjanijiet ta’ prevenzjoni u ta’ tħejjija u jibgħatuhom lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Jannar 2019, sabiex il-Kummissjoni tkun f’pożizzjoni li tirrieżamina u tgħin lil dawk l-Istati Membri li jistgħu jkunu jeħtieġu appoġġ addizzjonali.

    Il-Kummissjoni tikkoordina l-iskambju ta’ informazzjoni mal-Istati Membri dwar tħejjija u rispons transsettorjali għad-diżastri fuq skala kbira, inklużi l-attakki terroristiċi fil-qasam tal-protezzjoni ċivili.

    4.    Kumplimentarjetà ma’ oqsma oħra ta’ politika tal-UE li jirrigwardaw il-ġestjoni ta’ Diżastri

    Livell ogħla ta’ solidarjetà u ta’ responsabbiltà b’reazzjoni u tħejjija jrid ikun akkumpanjat mill-miżuri ta’ prevenzjoni meħtieġa biex jitnaqqsu r-riskji fuq perjodu ta’ żmien itwal. Dan bla dubju se jfisser koordinazzjoni aħjar tal-politiki tal-UE iżda wkoll aktar koordinazzjoni fil-livell nazzjonali, inkluża ma’ atturi reġjonali u lokali, u bejn id-diversi għodod u strumenti li l-Istati Membri għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri dejjem iktar qed jiġu integrati f’għadd ta’ politiki tal-UE. L-Istrateġija tal-UE dwar l-Adattament għat-Tibdil fil-Klima, pereżempju, tappoġġja azzjoni tal-UE għar-reżistenza kontra t-tibdil fil-klima billi jiġi promoss l-adattament fis-setturi vulnerabbli ewlenin u fis-sinerġija mal-ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri. Tali kunsiderazzjonijiet huma wkoll integrati fl-istrumenti finanzjarji, inklużi l-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej, il-Fond ta’ Solidarjetà, fil-leġiżlazzjoni ambjentali (eż. pjanijiet għall-ġestjoni tal-għargħar u soluzzjonijiet ibbażati fuq l-ekosistemi), fir-riċerka u l-innovazzjoni 12 , fl-istrateġija ta’ adattament għat-tibdil fil-klima, fit-theddid transfruntier serju għas-saħħa u aktar 13 . Bl-istess mod, verifika akbar tar-riskji tad-diżastri għall-investimenti fl-UE tikkontribwixxi għat-tisħiħ tar-reżiljenza u tat-tkabbir sostenibbli.

    Il-biċċa l-kbira tal-fondi tal-UE li jappoġġaw l-attivitajiet ta’prevenzjoni u l-ġestjoni tad-diżastri huma attwalment ipprogrammati permezz tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej:

    ×Matul il-perjodu 2014-2020, kważi EUR 8 biljun ġew allokati minn 20 Stat Membru għal adattament għat-tibdil fil-klima u l-prevenzjoni u l-ġestjoni tad-diżastri permezz tal-fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni, li jfisser li huma l-akbar sors ta’ finanzjament tal-UE f’dan il-qasam 14 .

    ×Il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) jinkludi qasam iffukat fuq l-appoġġ għall-prevenzjoni u l-ġestjoni tar-riskji tal-azjendi agrikoli taħt il-prijorità tiegħu għall-iżvilupp rurali. Dan il-fond jappoġġa wkoll miżuri forestali li jinkludu miżuri speċifiċi dwar il-prevenzjoni tan-nirien fil-foresti u r-restawr tal-foresti. Madwar EUR 2,3 biljun ġew allokati speċifikament matul il-perjodu 2014-2020 għal dan l-għan. Il-biċċa l-kbira tal-miżuri ppjanati biex jappoġġaw l-investimenti 15 f’azzjonijiet ta’ prevenzjoni biex jitnaqqsu l-konsegwenzi ta’ diżastri naturali u avvenimenti katastrofiċi 16 kif ukoll għar-restawr ta’ art agrikola u l-potenzjal tal-produzzjoni 17 għad iridu jiġu eżegwiti fil-perjodu ta’ programmazzjoni attwali.

    Barra minn hekk, mindu ġie stabbilit il-Fond ta’ Solidarjetà tal-UE fl-2002 bħala strument ta’ finanzjament mill-ġdid għal operazzjonijiet ta’ emerġenza u ta’ rkupru wara diżastri naturali kbar, il-Kummissjoni tat ammont totali ta’ aktar minn EUR 5 biljun f’assistenza finanzjarja mill-UE għall-interventi wara d-diżastri.

    Il-prekundizzjonijiet fir-rigward tal-prevenzjoni u l-ġestjoni tar-riskju tad-diżastri kif ukoll l-adattament għat-tibdil fil-klima għall-attribuzzjoni tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej qed jiġu wkoll implimentati biex jiġi żgurat infiq effikaċi u effiċjenti: jeħtieġ jiġu stabbiliti valutazzjonijiet tar-riskji nazzjonali jew reġjonali, għall-investimenti fil-prevenzjoni tar-riskju, inkluż f’dak kollu li għandu x’jaqsam mal-adattament u mal-ġestjoni tat-tibdil fil-klima. Il-kundizzjonalità ipprovdiet inċentiv għall-Istati Membri biex jimplimentaw bidliet strutturali fis-sistemi tagħhom tal-ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri u biex isaħħu l-kapaċità amministrattiva tagħhom, u jtejbu l-kwalità tal-investimenti tagħhom.

    It-tisħiħ tal-prevenzjoni fl-UE jiddependi wkoll fuq bażi ta’ għarfien qawwi sostnut minn appoġġ xjentifiku, u t-tixrid effettiv ta’ evidenza estensiva, it-tagħlimiet miksuba, prattiki tajba u r-riżultati tal-proġetti. Li wieħed jifhem ir-riskji ta’ diżastri huwa prerekwiżit għas-sensibilizzazzjoni tar-riskji u għall-iżvilupp ta’ kultura ta’ riskju fl-UE.

    Għadd ta’ politiki u fondi oħra tal-UE jistgħu jappoġġaw l-isforzi ta’ rkupru u ta’ rispons, inkluż permezz tar-restawr ta’ azzjonijiet taħt il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, tal-flessibbiltà tal-programmi ffinanzjati mill-Politika ta’ Koeżjoni, kif ukoll permezz tal-attivazzjoni tal-Fond ta’ Solidarjetà tal-UE. Barra minn hekk, il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà, bħala espressjoni qawwija ta’ solidarjetà tal-UE, jagħti l-possibbiltà liż-żgħażagħ li jappoġġaw il-komunitajiet li jaħdmu għall-prevenzjoni tad-diżastri jew li joffru l-assistenza għall-irkupru minnhom.

    B’mod ġenerali, l-importanza li jingħata kontribut għall-prevenzjoni tad-diżastri u r-reazzjoni għalihom għandha tiġi kkunsidrata wkoll meta l-oqsma rilevanti tal-acquis tal-UE jkunu qed jiġu aġġornati.

    AZZJONIJIET EWLENIN

    L-Istati Membri jużaw il-possibilitajiet kollha ta’ finanzjament skont il-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE sabiex jakkwistaw, jadattaw u jimmodernizzaw il-kapaċitajiet.

    Il-Kummissjoni tikkunsidra għal wara l-2020 li tagħmel użu minn valutazzjonijiet tar-riskju u dispożizzjonijiet għall-ippjanar tal-ġestjoni tar-riskju 18 bħala kondizzjonalità ex-ante, kemm skont il-Politika ta’ Koeżjoni kif ukoll skont il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali.

    Il-Kummissjoni tikkunsidra kif ir-regoli għal wara l-2020 jistgħu jiffaċilitaw il-kapaċitajiet għar-respons għad-diżastri kofinanzjati li jiġu żviluppati permezz tal-fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni użati fil-kuntest tar-Riżerva Ewropea ta’ assi ta’ rispons għall-Protezzjoni Ċivili.

    Il-Kummissjoni, sas-sajf tal-2018, tissorvelja l-investimenti ppjanati fil-programmi rilevanti kollha u tiddiskuti bidliet possibbli mal-Istati Membri. Jenħtieġ li l-Istati Membri jimmiraw lejn l-implimentazzjoni tal-finanzjament li jifdal għal proġetti speċifiċi u, fejn meħtieġ, il-Kummissjoni timmodifika l-programmi mingħajr dewmien.

    L-Istati Membri jużaw il-possibilità ta’ rati ta’ kofinanzjament miżjuda jew azzjonijiet ta’ rkupru/restawr wara diżastri naturali taħt il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej.

    Il-Kummissjoni tikkunsidra, għal wara l-2020, kif għandha tħaffef il-proċeduri biex temenda l-programmi rilevanti tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej, b’mod partikolari wara diżastru 19 .

    Il-Kummissjoni tikkapitalizza fuq ir-reviżjonijiet tal-leġiżlazzjonijiet u l-proċessi rilevanti tal-UE biex dawn isaħħu bil-qawwa l-konsiderazzjonijiet għall-prevenzjoni tad-diżastri, fuq il-livelli kollha rilevanti ta’ governanza.

    Il-Kummissjoni tniedi Kampanja ta’ Komunikazzjoni u ta’ Promozzjoni dwar il-prevenzjoni tad-diżastri b’enfasi partikolari fuq in-nirien tal-foresti, is-sħanat qawwija u avvenimenti oħra ta’ temp estrem ikkawżat mill-klima, biex ittejjeb is-sensibilizzazzjoni fil-konfront ta’ azzjoni preventiva.

    L-Istati Membri u l-Kummissjoni jippromwovu ġabra u tixrid ta’ dejta aktar sistematiċi dwar it-telf, biex jittejjeb il-ġbir ta’ dejta dwar it-telf u biex din tal-aħħar tintuża għal ippjanar aħjar f’dak li għandu x’jaqsam mal-prevenzjoni u l-adattament tal-klima.

    5.    Konklużjoni

    Is-sekwenza ta’ diżastri qerrieda fl-2017, li rriżultat fi spiża għolja ferm fuq il-livell ekonomiku, ambjentali u tal-bniedem, uriet il-ħtieġa li tissaħħaħ is-solidarjetà Ewropea u r-responsabbiltà tal-UE u tal-Istati Membri tagħha f’dak li jirrigwarda l-prevenzjoni, it-tħejjija u r-reazzjoni għad-diżastri. It-tibdil fil-klima qiegħed ikollu rwol imperattiv li qed jaggrava l-isfidi u kkontribwixxa lejn żieda fil-frekwenza u l-intensità tad-diżastri naturali. Ewropa li tipproteġi trid tkun ukoll f’pożizzjoni li tipprevjeni, tħejji u tirreaġixxi għall-isfidi li jaffettwaw l-istruttura tas-soċjetajiet tagħna. rescEU hija pass kbir ’il quddiem li tagħti l-kapaċità lill-Unjoni u lill-Istati Membri tagħha li jagħmlu dan.

    Li wieħed jibni fuq il-prinċipju tal-prevenzjoni ta’ riskji identifikati, u l-adattament għal dawn ir-riskji meta l-prevenzjoni sħiħa tkun impossibbli, għandu jkun dmir, mhix għażla li trid issir, u rescUE, bil-kapaċità li tirreaġixxi malajr u b’mod effiċjenti daqs kemm huwa umanament possibbli, se ssaħħaħ b’mod sostanzjali l-kapaċitajiet tal-ġestjoni tar-riskju tad-diżastri fl-UE.

    rescEU se twassal għal sitwazzjoni li fiha l-pajjiżi kollha jkollhom il-prevenzjoni ta’ diżastri integrata fil-politiki kollha tagħhom, li fiha l-pajjiżi jkunu għamlu arranġamenti li jiggarantixxu livell sodisfaċenti ta’ kapaċità ta’ reazzjoni u jkunu jistgħu jiddependu fuq l-assistenza tal-UE f’każ ta’ diżastri li l-iskop jew in-natura tagħhom ikunu eċċezzjonali, u fejn l-intervent tal-UE huwa ġustifikat. B’ħarsa ’l quddiem, l-Unjoni Ewropea u l-istati parteċipanti fil-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili se jkunu f’pożizzjoni li jikkonċentraw għal kollox fuq l-iżvilupp tal-kapaċitajiet ta’ reazzjoni tagħhom abbażi tar-riskji tal-ġejjieni.

    (1)

     IPCC, Climate Change 2014: Impacts, Adaptation, and Vulnerability (Tibdil fil-Klima 2014: Impatti, Adattament, u Vulnerabbiltà). Parti A: Aspetti globali u Settorjali. Kontribuzzjoni tal-Grupp ta’ Ħidma II għall-Ħames Rapport ta’ Valutazzjoni tal-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima, 2014

    (2)

    Ir-Rapport tal-EEA (Aġenzija Ewropea għall-Ambjent) Nru 1/2017, 25/01/2017, Climate change, impacts and vulnerability in Europe 2016 (It-tibdil fil-klima, impatti u vulnerabbiltà fl-Ewropa 2016).

    (3)

    Il-projezzjonijiet qed jistmaw ammont ta’ mwiet ta’ 152,000 fl-UE biss bejn l-2071 u l-2100 (jiġifieri żieda ta’ 50 darba aktar mit-telf kurrenti relatat mal-klima) b’riżultat dirett ta’ riskji ta’ perikli relatati ma’ temp estrem jekk ma tittieħed ebda azzjoni biex jiġu protetti ċ-ċittadini, filwaqt li dawk fin-Nofsinhar tal-Ewropa mistennija li jkunu l-aktar milquta: Ara Forzieri, Giovanni et al., “Increasing risk over time of weather-related hazards to the European population”, (Żieda fir-riskju ta’ perikli matul iż-żmien relatati mat-temp għall-popolazzjoni Ewropea), 2017.

    (4)

    Ir-Rapport tal-Bord Intergovernattiv dwar il-Tibdil fil-Klima, 2014: Mitigation of Climate Change (Il-Mitigazzjoni tat-Tibdil fil-Klima).

    (5)

    EM-DAT, 2017

    (6)

    L-istatistika tkopri l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2017 sat-22 ta’ Ottubru 2017. Ara l-Istat ta’ California (California State), CAL FIRE service,

    (7)

    Brazil National Institute for Space Research (l-Istitut Nazzjonali Brażiljan għar-Riċerka Spazjali),

    (8)

    Ara l-Portal tal-ERCC, Ċilì — “Forest fires EU support" (Appoġġ mill-UE għan-nirien tal-foresti) tat-02 ta’ Frar, 2017.

    (9)

     Id-Deċiżjoni 1313/2013/UE. Din il-Komunikazzjoni hija skont l-Artikolu 34 tad-Deċiżjoni. 

    (10)

    Ara http://europa.eu/rapid/press-release_IP-13-907_en.htm  

    (11)

    Eżempji ta’ inizjattivi DRMKC bħal dawn jinkludu l-iżvilupp kontinwu u l-inkorporazzjoni tar-riżultati tar-riċerka l-aktar innovattivi

    (12)

    Orizzont 2020 diġà ffinanzja aktar minn EUR 20 miljun fi proġetti ta’ riċerka marbuta man-nirien fil-foresti. Ir-riċerka futura prevista għall-2020 se tindirizza rispettivament: "Il-Ġestjoni l-Ġdida adattata, imsejsa fuq l-ekosistema, inklużi soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura, għat-tnaqqis tar-riskju ta’ nirien tal-foresti fl-UE (traduzzjoni mhux uffiċjali)" (EUR 15-il miljun) u “Ir-Reżiljenza tal-Foresti” bl-għan li jiġu żviluppati referenzi ta’ gwida ġodda għall-prevenzjoni tar-riskju tan-nirien tal-foresti u deċiżjonijiet ibbażati fuq ir-riskju dwar l-aħjar għażliet ta’ adattament (EUR 10 miljun). Fl-2018 se tiġi żviluppata aġenda ta’ innovazzjoni u riċerka strateġika dwar il-ġestjoni tar-riskju tan-nirien tal-foresti fl-UE abbażi tal-ħtiġijiet identifikati f’rieżami xjentifiku u politiku ta’ proġetti ta’ riċerka ffinanzjati mill-UE u tar-rakkomandazzjonijiet li jirriżultaw mill-workshop ta’ bosta partijiet ikkonċernati dwar kif wieħed għandu jittratta n-nirien kbar fl-Ewropa (“How to face mega-fires in Europe) li se jsir f’Lisbona, f’Jannar/Frar 2018.

    (13)

    Ara d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, intitolat “Action Plan on the Sendai Framework for Disaster Risk Reduction 2015-2030”, (Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Qafas ta’ Sendai għat-Tnaqqis tar-Riskju ta’ Diżastri 2015–2030), SWD (2016) 205

    (14)

    Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali: EUR 4,2 biljun; Fond ta' Koeżjoni: EUR 3,7 biljun;

    (15)

    Ir-rati ta’ kofinanzjament jistgħu jitilgħu sa 80 % għal investimenti individwali u sa 100 % għal investimenti kollettivi

    (16)

    Fil-perjodu 2014-2020, inkluż: mit-EUR 3,8 biljun previsti għal investimenti biex itejbu r-reżiljenza u l-valur ambjentali tal-ekosistemi tal-foresti, 13,4 % qed jiġu attwalment eżegwiti; mit-EUR 354 miljun previsti għal servizzi ambjentali u klimatiċi b’rabta mal-foresti, u l-promozzjoni ta’ approċċi bbażati fuq l-ekosistema preventiva, 7,2 % ġew eżegwiti; mit-EUR 2,7 biljun previsti għal għodod ta’ ġestjoni tar-riskju, bħal assigurazzjoni, fondi mutwi, u appoġġ għall-istabbilizzazzjoni tal-introjtu, 7,2 % ġew eżegwiti.

    (17)

    Mit-EUR 2,1 biljun ippjanati għall-perjodu 2014-2020, li minnhom 10,4 % ġew attwalment eżegwiti

    (18)

    Dispożizzjonijiet bħal l-eżistenza ta’ pjanijiet ta’ ġestjoni tar-riskju għad-diżastri meħtieġa skont il-leġiżlazzjoni tal-Protezzjoni Ċivili;
    pjanijiet ta’ ġestjoni tar-riskju għall-għargħar ibbażati fuq id-Direttiva tal-UE dwar l-Għargħar; jew jistgħu jitqiesu miżuri bbażati fuq l-ekosistemi biex iżidu r-reżiljenza tal-foresti kontra n-nirien.

    (19)

    Wara n-nirien tal-foresti tal-2017 fil-Portugall, intużaw proċeduri aċċellerati biex jemendaw il-programmi operattivi.

    Top