Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017DC0741

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW dwar l-evalwazzjoni ta' nofs it-terminu tal-Programm għall-iskambju, l-assistenza u t-taħriġ għall-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar (il-Programm "Pericles 2020")

    COM/2017/0741 final

    Brussell, 6.12.2017

    COM(2017) 741 final

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW EMPTY

    dwar l-evalwazzjoni ta' nofs it-terminu tal-Programm għall-iskambju, l-assistenza u t-taħriġ għall-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar (il-Programm "Pericles 2020")

    {SWD(2017) 443 final}
    {SWD(2017) 444 final}


    1.Introduzzjoni

    Il-programm Pericles 2020 (minn hawn ’il quddiem “il-Programm”), huwa stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 331/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2014 (minn hawn ’il quddiem “ir-Regolament”) 1 għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-31 ta’ Diċembru 2020 2 . Il-programm Pericles 2020 huwa programm ta’ skambju, assistenza u taħriġ bl-għan li jiġu promossi azzjonijiet għall-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar. Il-baġit għall-implimentazzjoni tal-programm attwali huwa ta’ madwar EUR 1 miljun fis-sena.

    Il-programm Pericles 2020 issostitwixxa l-programm Pericles. L-ewwel programm ġie stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/923/KE tas-17 ta’ Diċembru 2001 għal perjodu ta’ erba’ snin (mill-1 ta’ Jannar 2002 sal-31 ta’ Diċembru 2005) u ġie estiż bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/849/KE tal-20 ta’ Novembru 2006 sal-31 ta’ Diċembru 2013.

    L-objettiv ġenerali tal-Programm attwali huwa li jipprevjeni u jiġġieled kontra l-iffalsifikar u l-frodi relatata, biex b’hekk tissaħħaħ il-kompetittività tal-ekonomija tal-Unjoni u tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi 3 . B’mod aktar speċifiku, il-Programm jipproteġi karti tal-flus u muniti tal-euro kontra l-iffalsifikar u l-frodi relatata, billi jappoġġa u jissupplimenta l-attivitajiet meħuda mill-Istati Membri u billi jassisti lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti (minn hawn ’il quddiem “CNAs”) u lill-awtoritajiet Ewropej sabiex jiżviluppaw bejniethom u mal-Kummissjoni kooperazzjoni regolari u mill-qrib flimkien ma' skambju tal-aħjar prattiki, inklużi, fejn xieraq, pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali 4 .

    Skont l-Artikolu 13(4) tar-Regolament, għandha tiġi ppreżentata evalwazzjoni indipendenti ta’ nofs it-terminu (minn hawn’ il quddiem l-“Evalwazzjoni”) tal-Programm mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2017. L-Evalwazzjoni twettqet minn kuntrattur estern bl-użu ta’ Kuntratt Qafas eżistenti tal-Kummissjoni. Grupp ta’ Tmexxija Bejn is-Servizzi (ISSG) stabbilit mid-DĠ ECFIN assista l-evalwatur għall-iżgurar tal-kontroll tal-kwalità.

    Din il-Komunikazzjoni takkumpanja Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal (SWD) u r-rapport tal-kuntrattur dwar l-Evalwazzjoni.

    L-Evalwazzjoni kopriet it-tipi differenti ta’ azzjonijiet imwettqa jew implimentati skont il-Programm fl-2014, l-2015 u l-ewwel (1) semestru tal-2016.

    Skont l-Artikolu 13 (4) tar-Regolament, l-Evalwazzjoni indirizzat, fost l-oħrajn, il-kisbiet tal-objettivi tal-azzjonijiet kollha, ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza, is-sostenibbiltà, il-valur miżjud u l-koerenza filwaqt li tqiesu l-elementi kollha meħtieġa biex jappoġġjaw deċiżjoni biex iġġedded, temenda jew tissospendi l-miżuri/it-tipi ta’ azzjonijiet iffinanzjati taħt il-Programm. Skont l-Evalwazzjoni s-sejbiet kollha jikkonverġu lejn valutazzjoni ġeneralment pożittiva mingħajr ambigwità. B’mod partikolari, l-Evalwazzjoni turi li l-Programm mar tajjeb ħafna f’dak li għandu x’jaqsam mal-kriterji kollha ta’ evalwazzjoni msemmija hawn fuq filwaqt li tqies li hemm lok għal xi titjib.

    2.Valutazzjoni dwar it-tiġdid, il-modifika jew is-sospensjoni possibbli tal-Programm

    It-tkomplija tal-Programm attwali

    Il-Kummissjoni hija tal-opinjoni 5 li l-Programm għandu jkompli sal-iskadenza naturali tiegħu fl-2020 ibbażat fuq l-argumenti li ġejjin, li huma enfasizzati fl-Evalwazzjoni:

    ·Kollox jindika li l-objettivi ġenerali u speċifiċi huma rilevanti u li se jibqgħu tali matul il-ħajja tal-Programm;

    ·L-azzjonijiet tal-Programm kienu implimentati u ippjanati b’mod tipiku u kisbu r-riżultati intenzjonati li jkollhom influwenza tanġibbli diretta fuq l-attivitajiet operattivi għall-protezzjoni tal-euro;

    ·Il-waqfien tal-Programm jista’ jkollu effetti detrimentali serji, li de facto jagħmluha impossibbli li jitwettqu l-istess tip ta’ attivitajiet transnazzjonali fuq skala komparabbli, billi l-valur miżjud tal-Programm jinsab essenzjalment fil-kapaċità tiegħu li jappoġġa forom ta’ kooperazzjoni transnazzjonali u internazzjonali li mhumiex aċċessibbli għall-awtoritajiet nazzjonali. Bħala eżempju, il-partijiet ikkonċernati tal-UE jaqblu li l-inizjattivi, bħalma huma l-istabbiliment ta’ djalogu (ikun kemm ikun inizjali u preliminari) mal-awtoritajiet Ċiniżi jew l-istabbiliment ta’ unitajiet kontra l-falsifikazzjoni fl-Amerika Latina, ma kinux ikunu possibbli mingħajr l-appoġġ ipprovdut mill-Programm.

    Il-Kontinwazzjoni tal-Programme wara l-2020

    Fuq il-bażi tal-valutazzjoni magħmula fl-Evalwazzjoni, il-Kummissjoni tkompli tappoġġa 6  l-kontinwazzjoni tal-Programm lil hinn mill-2020 minħabba l-valur miżjud tal-UE tiegħu, l-impatt u s-sostenibbiltà tiegħu fit-tul:

    ·Il-protezzjoni tal-munita unika Ewropea bħala ġid pubbliku, li tintuża minn 19-il Stat Membru tal-UE u lil hinn minnha, għandha dimensjoni transnazzjonali ċara. Għalhekk, il-protezzjoni tal-euro tmur lil hinn mill-interess u mir-responsabbiltà tal-Istati Membri individwali tal-UE u għandha minnha nnifisha tiġi żgurata fil-livell tal-UE. Il-valur tal-UE miżjud tal-Programm jinsab fl-enfasi tiegħu fl-appoġġ ta’ kooperazzjoni transnazzjonali u multidixxiplinari bejn grupp ristrett ta’ CNAs speċjalizzati ħafna, bħall-banek ċentrali nazzjonali, il-pulizija, l-awtoritajiet ġudizzjarji u l-laboratorji tekniċi li kieku kienu jkunu impossibbli li jintlaħqu minn dawn l-awtoritajiet nazzjonali;

    ·Is-sostenibbiltà tar-riżultati miksuba, se tiddependi b’mod sinifikanti fuq il-kontinwazzjoni tal-Programm sal-iskadenza naturali tiegħu u lil hinn mill-2020. Il-partijiet ikkonċernati jikkonfermaw li huma ma kinux ikunu kapaċi jwettqu l-azzjonijiet transnazzjonali implimentati mingħajr l-appoġġ tal-Programm u ma jkunux kapaċi jimplimentaw azzjonijiet simili fil-ġejjieni f’każ li l-programm ma jkomplix. Barra minn hekk, id-diskontinwità jkollha impatt negattiv fuq it-tisħiħ tal-kapaċità istituzzjonali tal-awtoritajiet nazzjonali, li tikkostitwixxi l-“impenn ewlieni” tal-Programm.

    Il-kontinwazzjoni tal-Programm wara l-2020 bħala programm awtonomu

    Il-Kummissjoni taqbel mal-valutazzjoni tal-Evalwazzjoni dwar il-kontinwazzjoni tal-Programm bħala programm awtonomu lil hinn mill-2020.

    L-eliminazzjoni ta’ Pericles 2020 bħala programm awtonomu jew l-inkorporazzjoni potenzjali tiegħu ma’ programmi oħra tal-UE biex jinkisbu ekonomiji ta’ skala, tkun twassal għal telf ta’ speċifiċità, u aktar importanti minn hekk, għal erożjoni konsiderevoli tal-kompetenzi tal-qafas ta’ effikaċja għolja li jipproteġi l-euro. L-iffrankar potenzjali mil-lat finanzjarju li jkun hemm ikun jolqot b’mod negattiv il-livell attwali tal-protezzjoni tal-euro u l-ħila tal-Kummissjoni u tal-partijiet ikkonċernati biex jirreaġixxu malajr għat-theddid emerġenti. Min-naħa l-oħra, l-iffrankar xorta waħda jintlaħaq permezz tal-azzjonijiet organizzati kollettivament taħt il-Programm, b’kuntrast ma’ inizjattivi nazzjonali individwali (potenzjali).

    Barra minn hekk, is-sinerġija bejn il-ġestjoni tal-Programm minn naħa waħda, u t-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ politika u leġislazzjoni tal-UE għall-protezzjoni tal-euro (dwar il-prevenzjoni, l-infurzar u l-kooperazzjoni) min-naħa l-oħra, hija mill-aqwa, billi servizz wieħed tal-Kummissjoni huwa responsabbli għall-kwistjonijiet kollha relatati mal-euro.

    3.It-triq 'il quddiem

    Il-Kummissjoni taqbel mal-valutazzjoni tal-Evalwazzjoni li numru limitat ta’ CNAs japplikaw għall-finanzjament taħt il-Programm. B’mod partikolari, l-Italja, Franza u Spanja huma l-aktar implimentaturi frekwenti tal-azzjonijiet tal-Programm.

     

    F’dak ir-rigward il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-Italja, Franza u Spanja, flimkien mal-Ġermanja, huma responsabbli għal madwar tliet kwarti tal-euros foloz maqbuda fiċ-ċirkolazzjoni. Huma għaldaqstant iħarsu lejn il-problema tal-iffalsifikar tal-euro bi tħassib aktar serju minn dak ta’ Stati Membri oħra. L-applikazzjonijiet għal finanzjament taħt il-Programm minn CNAs ta’ Stati Membri oħra xi drabi jkunu limitati minħabba n-nuqqas ta’ persunal jew prijoritizzazzjoni baxxa. Barra minn hekk, l-Evalwazzjoni nnutat li xi CNAs m’għadhomx operattivi jew huma biss nominalment involuti fl-attivitajiet tal-protezzjoni tal-euro.

    Il-Kummissjoni diġà ħadet passi biex tħeġġeġ aktar parteċipazzjoni min-naħa tas-CNAs permezz ta’ approċċ aktar promozzjoniali. Dan wassal għal żieda ta’ CNAs għall-ewwel darba matul dawn l-aħħar sentejn fl-għadd ta’ CNAs mill-Bulgarija, mill-Awstrija, mill-Portugall u mir-Rumanija li qed japplikaw għall-finanzjament għall-ewwel darba.

    Il-Kummissjoni tikkondividi l-opinjoni tal-Evalwazzjoni li l-indikaturi tal-prestazzjoni użati attwalment mhumiex allinjati għal kollox man-natura tal-bini tal-kapaċità tal-attivitajiet tal-Programm. Għaldaqstant, jenħtieġ li jiġi kkunsidrat li l-indikaturi attwali jiġu ssostitwiti jew għall-inqas ikkumplimentati b’oħrajn kwalitattivi li jistgħu jaqbdu b’mod aktar preċiż ir-riżultati tal-azzjonijiet tal-Programm.

    Rigward l-indikaturi ta’ prestazzjoni, il-Kummissjoni se tivvaluta l-modifikazzjoni rrakkomandata meta tħejji l-Valutazzjoni tal-Impatt għall-possibbiltà ta’ ġenerazzjoni ġdida tal-Programm taħt il-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss.

    (1)

     Ir-Regolament (UE) Nru 331/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi programm ta' skambju, assistenza u taħriġ għall-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar (il-programm “Pericles 2020”) u li jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2001/923/KE, 2001/924/KE, 2006/75/KE, 2006/76/KE, 2006/849/KE u 2006/850/KE, ĠU L 103, 5.4.2014, p. 1.

    (2)

     Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/768 tal-11 ta’ Mejju 2015 estenda l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 331/2014 għall-Istati Membri mhux parteċipanti.

    (3)

     Kif imsemmi fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament.

    (4)

     Kif imsemmi fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-Regolament.

    (5)

    F’konformità mal-Artikolu 13 (4) tar-Regolament, l-Evalwazzjoni vvalutat l-elementi kollha meħtieġa għall-appoġġġ tad-deċiżjoni biex jew iġġedded, temenda jew tissospendi l-miżuri/it-tipi ta’ azzjonijiet iffinanzjati taħt il-Programm.

    (6)

    F’konformità mal-Artikolu 13 (5) tar-Regolament, l-Evalwazzjoni vvalutat ukoll l-impatt fit-tul u s-sostenibbiltà tal-effetti tal-Programm bl-għan li tissejjes deċiżjoni dwar il-possibbiltà ta’ tiġdid, ta’ modifika jew ta’ sospensjoni possibbli ta’ kull programm sussegwenti.

    Top