Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017DC0721

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar garanziji koperti mill-baġit ġenerali Sitwazzjoni fil-31 ta' Diċembru 2016

COM/2017/0721 final

Brussell, 1.12.2017

COM(2017) 721 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar garanziji koperti mill-baġit ġenerali
Sitwazzjoni fil-31 ta' Diċembru 2016

{SWD(2017) 435 final}


WERREJ

1.Introduzzjoni

2.Operazzjonijiet garantiti mill-baġit tal-UE u mekkaniżmi oħra tal-ġestjoni ta’ kriżijiet.

3.Evoluzzjoni tal-operazzjonijiet garantiti

3.1.Operazzjonijiet immaniġġati direttament mill-Kummissjoni

3.1.1.Il-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbilizzazzjoni Finanzjarja (il-MESF)

3.1.2.Faċilità tal-Bilanċ tal-Pagamenti (BOP)

3.1.3.Self ta’ Assistenza Makrofinanzjarja (MFA)

3.1.4.Self mill-Euratom

3.2.L-evoluzzjoni tal-operazzjonijiet ta' finanzjament estern tal-BEI

4.Riskji koperti mill-baġit tal-UE

4.1.Definizzjoni ta' riskju

4.2.Kompożizzjoni totali tar-riskju

4.3.Riskju annwali kopert mill-baġit tal-UE

4.3.1.Esponiment tal-Istat Membru

4.3.2.Esponiment ta' pajjiż terz

5.Il-Fond ta’ Garanzija għal Azzjonijiet esterni

5.1.Attivazzjoni ta' garanziji

5.1.1.Pagamenti mir-riżorsi ta' flus kontanti

5.1.2.Pagamenti mill-baġit tal-UE

5.1.3.Sejħiet fuq il-Fond ta’ Garanzija u rkupri

5.2.Evoluzzjoni tal-Fond

6.Il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS).

1.Introduzzjoni

L-għan ta' dan ir-rapport huwa li jiġu mmonitorjati r-riskji tal-kreditu sostnuti mill-baġit tal-UE li jirriżultaw mill-garanziji mogħtija u mill-operazzjonijiet ta' għoti b'self implimentati direttament mill-Unjoni Ewropea jew indirettament permezz tal-garanzija mogħtija għall-proġetti ta' finanzjament tal-BEI barra l-Unjoni.

Dan ir-rapport huwa ppreżentat skont l-Artikolu 149 tar-Regolament Finanzjarju 1 li jobbliga lill-Kummissjoni biex tippreżenta rapport annwali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-garanziji tal-baġit tal-UE u r-riskji korrispondenti.

Ir-rapport huwa strutturat kif ġej: It-taqsima 2 tfakkar il-karatteristiċi ewlenin tal-operazzjonijiet garantiti mill-baġit tal-UE; diversi mekkaniżmi ta' mmaniġġar tal-kriżijiet addizzjonali oħra, li ma jimplikaw l-ebda riskju għall-baġit tal-UE, huma ppreżentati wkoll. It-taqsima 3 tispjega l-evoluzzjoni tal-operazzjonijiet garantiti. It-taqsima 4 tenfasizza r-riskji ewlenin koperti mill-baġit tal-UE. It-taqsima 5 tiddeskrivi l-attivazzjoni tal-garanziji u l-evoluzzjoni tal-Fond ta' Garanzija għall-azzjonijiet esterni ("il-Fond") 2 filwaqt li t-taqsima 6 tiddeskrivi l-evoluzzjoni tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) 3 .

Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni (SWD) jikkumplimenta dan ir-rapport b'sett ta' tabelli u noti ta' spjegazzjoni dettaljati. Huwa jipprovdi wkoll analiżi makroekonomika tal-pajjiżi li jibbenefikaw minn self u/jew garanziji tal-UE, li jirrappreżentaw il-biċċa l-kbira tal-iskopertura tal-Fond.

2.Operazzjonijiet garantiti mill-baġit tal-UE u mekkaniżmi oħra tal-ġestjoni ta’ kriżijiet.

Ir-riskji koperti mill-baġit tal-UE jirriżultaw minn varjetà ta' operazzjonijiet ta' għoti b'self u ta' garanziji li jistgħu jinqasmu f'erba’ kategoriji:

2.1 Self mogħti mill-Unjoni Ewropea b’objettivi makroekonomiċi

Tali self jikkonsisti minn (1) self ta’ Assistenza Makrofinanzjarja 4 ("MFA") lil pajjiżi terzi, (2) self għall-Bilanċ tal-Pagamenti 5 ("BOP") li jagħti appoġġ lill-Istati Membri li ma jużawx l-euro li qegħdin jiffaċċjaw diffikultajiet fil-bilanċ tal-pagamenti u (3) self mogħti skont il-Mekkaniżmu Ewropew għall-Istabbilizzazzjoni Finanzjarja ("EFSM") 6 li jagħti appoġġ lill-Istati Membri kollha li jkunu qed jiffaċċjaw, jew huma mhedda serjament minn diffikulatjiet ekonomiċi finanzjarji serji kkawżati minn avvenimenti eċċezzjonali lil hinn mill-kontroll tagħhom. Dawn huma attivati flimkien ma' appoġġ finanzjarju mogħti mill-Fond Monterarju Internazjonali (FMI);

2.2 Self b’objettivi mikroekonomiċi

Din l-intestatura tirreferi għal self mill-Euratom.

2.3 Il-finanzjament mill-Bank Ewropew tal-Investiment ("il-BEI") ta' operazzjonijiet fi stati li mhumiex Stati Membri tal-UE ("finanzjament estern tal-BEI") koperti b'garanziji tal-UE 7 .

Il-finanzjament estern garantit tal-BEI, is-self tal-MFA u tal-Euratom lil pajjiżi terzi ilhom mill-1994 jiġu koperti mill-Fond ta' Garanzija għall-Azzjonijiet esterni (“il-Fond”), filwaqt li s-self tal-BOP, l-EFSM u l-Euratom lill-Istati Membri jiġi kopert direttament mill-baġit tal-UE.

Il-Fond ikopri inadempjenzi fuq self u garanziji fuq self mogħtija lil stati mhux Stati Membri tal-UE jew għal proġetti fi stati mhux Stati Membri tal-UE. Ġie stabbilit:

·biex jipprovdi "riżerva ta' likwidità" sabiex ikun evitat li wieħed jirrikorri għall-baġit tal-UE kull darba li jkun hemm inadempjenza jew pagament tard fuq self garantit; kif ukoll

·biex joħloq strument ta' dixxiplina baġitarja billi jistabbilixxi qafas finanzjarju għall-iżvilupp tal-politika tal-UE fuq garanziji ta' self mill-UE u l-BEI lil pajjiżi terzi 8 .

Jekk pajjiżi terzi jsiru Stati Membri, is-self marbut ma' dawn il-pajjiżi ma jibqax kopert mill-Fond u r-riskju jkollu jiġġarrab direttament mill-baġit tal-UE. Il-Fond hu fornut mill-baġit tal-UE u jrid jinżamm f'ċertu perċentwal tal-ammont pendenti tas-self jew tal-garanziji fuq is-self koperti mill-Fond. Dan il-perċentwal, magħruf bħala r-rata fil-mira, bħalissa huwa ta' 9 % 9 . Jekk ir-riżorsi tal-Fond ma jkunux biżżejjed, il-baġit tal-UE jipprovdi l-fondi neċessarji.

2.4 Il-finanzjament mill-Bank Ewropew tal-Investiment (“BEI”) u l-Fond Ewropew tal-Investiment (“FEI”) ta’ operazzjonijiet fl-Istati Membri koperti mill-garanziji tal-UE - Il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS)

Il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) huwa l-qafas tal-pjan ta’ investiment għall-Ewropa, immirat lejn it-tisħiħ tat-tkabbir ekonomiku u l-kompetittività fit-tul fl-Unjoni Ewropea.

Il-Garanzija tal-UE tkopri parti mill-operazzjonijiet ta’ finanzjament u investiment, iffirmati mill-BEI fil-qafas tat-Tieqa għall-Infrastruttura u l-Innovazzjoni (“IIW”) u mill-FEI fil-qafas tat-Tieqa għall-SMEs (“SMEW”) filwaqt li l-parti l-oħra titwettaq b’riskju għall-Grupp tal-BEI.

Il-BEI u l-FEI huma responsabbli li jivvalutaw u jimmonitorjaw ir-riskju tal-operazzjonijiet individwali u jirrapportaw lura lill-Kummissjoni u lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

Fond ta' Garanzija tal-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (FG tal FEIS) 10

Skont l-Artikolu 12 tar-Regolament FEIS 11 , il-FG tal-FEIS għandu jikkostitwixxi riżerva ta' likwidità li minnha jitħallas il-BEI fil-każ li ssir eżerċitazzjoni fuq il-garanzija tal-UE. B'konformità mal-Ftehim dwar il-FEIS bejn l-UE u l-BEI, is-sejħiet jitħallsu mill-FG tal-FEIS jekk l-ammont tagħhom ikun iktar mill-fondi għad-dispożizzjoni tal-BEI fil-kont tal-FEIS. Il-kont tal-FEIS, immaniġġjat mill-BEI, ġie stabbilit għall-għan li jinġabar d-dħul tal-UE li jirriżulta minn operazzjonijiet FEIS taħt il-garanzija tal-UE u ammonti rkuprati u sa fejn iwassal il-bilanċ disponibbli, għall-ħlas ta' sejħiet taħt il-garanzija tal-UE.

Il-FG tal-FEIS jiġi fornut progressivament, b'kont meħud taż-żieda fl-iskopertura li ġġarrab il-Garanzija tal-UE.

Skont l-Artikolu 12(4), ir-riżorsi tal-FG tal-FEIS huma mmaniġġjati direttament mill-Kummissjoni u investiti b'konformità mal-prinċipju tal-ġestjoni finanzjarja tajba skont regoli prudenzjali xierqa.

2.5 Mekkaniżmi tal-ġestjoni ta’ kriżijiet li mhumiex koperti mill-baġit tal-UE

Bħala parti mir-reazzjoni għall-kriżi, ġew stabbiliti diversi mekkaniżmi oħra li, madankollu, ma jimplikaw l-ebda riskju għall-baġit tal-UE:

- il-Faċilità tas-Self għall-Greċja (GLF) 12 li hija ffinanzjata permezz ta' self bilaterali mill-Istati Membri l-oħra taż-żona tal-euro lill-Greċja u mmaniġġata ċentralment mill-Kummissjoni.

- Il-Faċilità Ewropea ta' Stabbiltà Finanzjarja (EFSF) 13 L-EFSF inħolqot mill-Istati Membri taż-żona tal-euro bħala mekkaniżmu ta' salvataġġ temporanju f'Ġunju 2010 sabiex tipprovdi assistenza finanzjarja lil Stati Membri taż-żona euro fil-qafas ta' programm ta' aġġustament makroekonomiku. It-Trattat li jistabbilixxi mekkaniżmu ta' salvataġġ permanenti, il-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà (MES) daħal fis-seħħ fis-27 ta' Settembru 2012. Mill-1 ta' Lulju 2013, l-EFSF qed tkompli bil-programmi fis-seħħ tagħha għall-Greċja (flimkien mal-FMI u xi Stati Membri) kif ukoll għall-Irlanda u l-Portugall (flimkien mal-FMI, xi Stati Membri u l-UE/EFSM) 14 iżda ma għadhiex involuta fi programmi ta' finanzjament jew ftehimiet ta' faċilità ta' self ġodda.

- Il-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà (MES) 15 : Il-MES huwa komponent importanti ta' strateġija komprensiva tal-UE maħsuba biex tissalvagwardja l-istabbiltà finanzjarja fiż-żona tal-euro billi jipprovdi assistenza finanzjarja lill-Istati Membri taż-żona tal-euro li jkunu qed jesperjenzaw jew ikunu mhedda minn diffikultajiet ta' finanzjament. Dan huwa organizzazzjoni intergovernattiva skont id-dritt internazzjonali pubbliku, ibbażat fil-Lussemburgu, b'kapaċità effettiva ta' għoti ta' self ta' EUR 500 000 miljun.

3.Evoluzzjoni tal-operazzjonijiet garantiti 

Din it-taqsima tispjega l-evoluzzjoni tal-operazzjonijiet garantiti; l-ewwel ta' dawk immaniġġati direttament mill-Kummissjoni u t-tieni, ta' dawk immaniġġati mill-BEI.



Tabella 1: Ammonti pendenti totali koperti mill-baġit tal-UE fil-31 ta' Diċembru 2016, (f'miljuni ta' EUR)

Kapital Pendenti

Imgħax Dovut

Totali

%

Stati Membri*

Euratom

241,06

0,80

241,86

0,29%

Bilanċ tal-Pagamenti

4 200,00

71,60

4 271,60

5,13 %

Il-BEI

1 651,32

13,15

1 664,47

2,00 %

EFSM

46 800,00

655,79

47 455,79

57,01 %

Subtotal tal-Istati Membri**

52 892,38

741,34

53 633,72

64,43 %

Pajjiżi Terzi***

AMF

2 946,60

17,30

2 963,90

3,56 %

Euratom

10,37

0,02

10,39

0,01 %

BEI****

26 482,04

156,89

26 638,94

32,00 %

Subtotal tal-pajjiżi terzi

29 439,01

174,21

29 613,23

35,57 %

Totali

82 331,40

915,55

83 246,95

100,00 %

*    Dan ir-riskju hu kopert direttament mill-baġit tal-UE. Dan jinkludi wkoll is-self tal-Euratom u tal-BEI li ngħata lil
Pajjiżi tal-Istati Membri qabel l-adeżjoni tagħhom mal-UE.

**    Din iċ-ċifra ma tinkludix operazzjonijiet tal-FEIS, fejn EUR 4 392 miljun ġew żborżati sad-data tar-rappurtar...

***    Ir-riskju kopert mill-Fond huwa limitat għal 20,03 biljun.

****    Self surrogat lill-UE wara li jiġu inklużi l-inadempjenzi tas-Sirja fuq self mill-BEI
(ammont: EUR 247,20 miljun). Dan is-self ġie kompletament indebolit fid-Dikjarazzjonijiet Finanzjarji tal-UE tal-2015 u tal-2016.

It-Tabelli A1, A2a, A2b u A3 tad-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni jagħtu tagħrif iktar iddettaljat dwar dawn l-ammonti pendenti, b'mod partikolari f'termini tal-limitu massimu, tal-ammonti żborżati u tar-rati ta' garanzija kkonċernati.

3.1.Operazzjonijiet immaniġġati direttament mill-Kummissjoni 

3.1.1.Il-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbilizzazzjoni Finanzjarja (il-MESF)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tad-9/10 ta' Mejju 2010, il-Kunsill Ecofin ippreveda volum massimu tal-mekkaniżmu ta' EUR 60 000 miljun 16 . Barra minn hekk, l-Istati Membri taż-żona tal-euro kienu lesti biex jikkumplimentaw dawn ir-riżorsi jekk ikun meħtieġ. L-Artikolu 2(2) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 407/2010 17 jillimita l-ammont pendenti ta' self jew ta' linji ta' kreditu li għandhom jingħataw lill-Istati Membri għall-marġni disponibbli skont il-limitu tar-riżorsi proprji tagħhom għall-approprjazzjonijiet ta' pagament.

Wara d-deċiżjonijiet tal-Kunsill li tingħata assistenza finanzjarja mill-Unjoni lill-Irlanda 18 (sa EUR 22 500 miljun) u lill-Portugall 19 (sa EUR 26 000 miljun), l-iżborżi laħqu EUR 22 500 miljun lill-Irlanda u EUR 24 300 miljun lill-Portugall (l-EUR 1 700 miljun li fadal ma ġiex mitlub mill-Gvern Portugiż). Għalhekk l-EFSM fadallu kapaċità ta’ EUR 13,200 miljun sabiex ikun jista’ jipprovdi assistenza ulterjuri, jekk din tkun meħtieġa 20 .

F'April 2013, il-Grupp tal-Euro/ECOFIN iddeċieda li jżid il-maturità massima medja peżata tas-self tal-EFSM minn 12,5-il sena għal 19,5-il sena, u b'hekk joffri possibilità lill-pajjiżi benefiċjarji biex jitolbu għall-estensjoni tal-maturitajiet tas-self sal-2026 (segment b'segment).

Żviluppi matul l-2016

Talba biex jitwal self tal-EFSM ta' EUR 4,75 biljun mogħti lill-Portugall fl-2011 - li kien dovut fit-3 ta’ Ġunju 2016 - waslet mingħand il-Portugall fil-11 ta' Jannar 2016. Is-self kien ġie rifinanzjat fi tliet tranżazzjonijiet b'maturitajiet fl-2023 (EUR 1,5 biljun), fl-2031 (EUR 2,25 biljun) u fl-2036 (EUR 1 biljun). Wara din l-estensjoni tal-maturità, il-maturità medja ponderata tas-self tal-EFSM lill-Portugall issa huwa ta’ 14,9-il sena.

3.1.2.Faċilità tal-Bilanċ tal-Pagamenti (BOP)

L-assistenza finanzjarja tal-UE fuq terminu medju permezz tal-faċilità tal-bilanċ tal-pagamenti ġiet riattivata fl-aħħar tal-2008 biex tgħin lill-Ungerija u sussegwentement lil-Latvja u lir-Rumanija biex jerġgħu jistabbilixxu l-fiduċja fis-suq għal impenn totali ta' EUR 14 600 miljun, li minnhom ġew żborżati EUR 13 400.

Żviluppi matul l-2016

L-Ungerija ħallset lura s-segment finali tagħha ta' self ta' EUR 1 500 miljun f'April 2016. L-ammont pendenti ta' self tal-BOP għalhekk naqas minn EUR 5 700 miljun għal EUR 4 200 miljun fl-2016.

Fil-31 ta' Diċembru 2016, il-faċilità tal-bilanċ tal-ħlasijiet kien fadlilha kapaċità ta' EUR 44 800 miljun, mill-volum massimu kumplessiv ta' EUR 50 000 miljun, biex tipprovdi aktar assistenza, f'każ ta' bżonn.

3.1.3.Self ta’ Assistenza Makrofinanzjarja (MFA)

Bħala regola ġenerali, id-deċiżjonijiet tal-MFA huma meħuda mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill (l-Artikolu 212 tat-TFUE). Madankollu, il-Kunsill jista' jadotta d-deċiżjoni fuq proposta mill-Kummissjoni meta s-sitwazzjoni f'pajjiż terz tkun teħtieġ għajnuna finanzjarja urġenti (l-Artikolu 213 tat-TFUE) u din il-proċedura ntużat fit-tieni pakkett ta' MFA għall-Ukrajna fl-2014.

Żviluppi matul l-2016

L-ewwel segment (EUR 10 miljun minn EUR 15-il miljun) tas-self mogħti lir-Repubblika Kirgiża 21 ġie żborżat f'April 2016.

Fis-6 ta' Lulju 2016, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill iddeċidew li jipprovdu assistenza makrofinanzjarja lit-Tuneżija 22 ta' ammont massimu ta' EUR 500 miljun fil-forma ta' self (tliet ħlasijiet parzjali ta’ EUR 200, 150 u 150 miljun).

Fl-14 ta' Diċembru 2016, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill iddeċidew li jipprovdu assistenza makrofinanzjarja lir-Renju Ħaxemita tal-Ġordan 23 ta' ammont massimu ta' EUR 200 miljun fil-forma ta' self (żewġ ħlasijiet parzjali ta’ EUR 100 miljun).

Fir-rigward tal-ħlasijiet lura, EUR 70 miljun tħallsu lura mill-pajjiżi benefiċjarji (il-Bożnija-Ħerzegovina EUR 4 miljun, l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja EUR 10 miljun, il-Montenegro EUR 1,34 miljun u s-Serbja EUR 54,66 miljun).

L-ammont pendenti ta' self tal-MFA naqas minn EUR 3 006,6 miljun għal
EUR 2 946,6 miljun bejn il-31 ta' Diċembru 2015 u l-31 ta' Diċembru 2016. Self lill-Ukraina jirrappreżenta 75 % tal-iskopertura totali tal-AMF.

Żviluppi li seħħew wara l-31 ta' Diċembru 2016 (sat-30 ta’ Ġunju 2017)

It-tieni porzjon tas-self mogħti lill-Ukraina taħt it-tielet programm MFA-III 24 (EUR 600 miljun) ġie żborżat f’April 2017.

It-tieni porzjon tas-self mogħti lill-Georgia taħt il-MFA (13-il miljun) ġie żborżat f’Mejju 2017.

3.1.4.Self mill-Euratom

Is-self tal-Euratom lill-Istati Membri jew f'ċerti pajjiżi eliġibbli li mhumiex membri (bħalissa l-Federazzjoni Russa, l-Armenja, l-Ukrajna) għandu limitu massimu ta' EUR 4 000 miljun, li minnhom diġà ġew żborżati madwar 92 %. EUR 326 miljun jibqgħu taħt id-Deċiżjoni tal-EUR 4 000 miljun.

Self ta' EUR 300 miljun lill-Ukrajna, li se jkunu ddedikati għall-aġġornament tas-sikurezza tal-faċilitajiet nukleari eżistenti ġie ffirmat fis-7 ta' Awwissu 2013 u l-Ftehim ta’ Garanzija ġie ratifikat mill-Parlament Ukren fil-15 ta’ Mejju 2014. Is-self se jiġi pprovdut f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp li b’mod parallel se jipprovdi self ieħor ta’ EUR 300 miljun.

Fis-27 ta' Mejju 2015, il-Kummissjoni awtorizzat żborżi taħt self tal-Euratom lill-Energoatom f’ammont ta’ mhux aktar minn EUR 100 miljun, soġġett li l-Energoatom ikun ħareġ l-ammont tas-self mogħti mill-BERŻ f’ammont li ma jkunx inqas minn EUR 50 miljun. Minħabba dewmien fl-implimentazzjoni tal-proġett, mill-31 ta’ Diċembru ma seħħew l-ebda żborżi tal-Euratom.

Dan is-self jibbenefika minn garanziji tal-iStat li jkopru 100 % tal-ammonti pendenti fi tmiem is-sena.

Żviluppi matul l-2016

Ma sar l-ebda żborż fl-2016. L-ammonti mħallsa lura kienu jikkonsistu fi EUR 22,62 miljun mill-Bulgarija, EUR 19-il miljun mir-Rumanija u EUR 7,1 miljun mill-Ukrajna.

Żviluppi li seħħew wara l-31 ta' Diċembru 2016

L-ewwel segment tal-Euratom ta’ EUR 50 miljun ġie żborżat f’Mejju 2017.

3.2.L-evoluzzjoni tal-operazzjonijiet ta' finanzjament estern tal-BEI

Żviluppi matul l-2016

Fl-ambitu tal-mandat ġenerali tal-BEI li jkopri l-perjodu mill-2014 sal-2020, ammont totali ta'
EUR 10 741 miljun kien ġie ffirmat fil-31 ta' Diċembru 2016, li minnu EUR 1 882 miljun biss kienu ġew żborżati f'dik id-data, u dan ħalla kapital pendenti ta' EUR 1 893 miljun (ara t-Tabella A3 tad-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal). Għal aktar tagħrif dwar il-pajjiżi koperti mill-mandati tal-BEI, ara t-Tabelli A1, A3 u A4 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal.

Għall-mandati esterni tal-BEI ta' qabel, ara t-Tabella A3 tad-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal.

Inadempjenzi fuq pagamenti tal-imgħax u ħlasijiet lura ta' self mill-Gvern Sirjan komplew fl-2016. Il-BEI talab lill-Fond ta' Garanzija biex ikopri dawn l-inadempjenzi (ara l-paragrafu 5.1.3 hawn taħt).

L-ammonti pendenti fil-31 ta' Diċembru 2016 għad-diversi faċilitajiet imsemmija f'din it-taqsima huma ppreżentati fit-taqsima 3 hawn fuq (Tabella 1).

4.Riskji koperti mill-baġit tal-UE

4.1.Definizzjoni ta' riskju

Ir-riskju merfugħ mill-baġit tal-UE ġej mill-ammont ta’ kapital u ta’ imgħax pendenti fir-rigward tal-operazzjonijiet garantiti.

Għall-fini ta' dan ir-rapport, jintużaw żewġ metodi għall-evalwazzjoni tar-riskji merfugħa mill-baġit tal-UE (direttament jew indirettament permezz tal-Fond):

"Ir-riskju totali kopert" huwa bbażat fuq is-somma tal-ammont totali tal-kapital pendenti għall-operazzjonijiet ikkonċernati f'data speċifika, inkluż l-imgħax dovut 25 .

L-approċċ baġitarju definit bħala “ir-riskju annwali merfugħ mill-baġit tal-UE” huwa bbażat fuq il-kalkolu tal-ammont massimu ta’ pagamenti dovuti li l-UE jkollha tħallas f’sena finanzjarja jekk wieħed jassumi li l-pagamenti kollha tas-self garantit ikunu inadempjenti 26 .

4.2.Kompożizzjoni totali tar-riskju

Sal-2010 ir-riskju massimu f’termini ta’ ammonti pendenti totali koperti kien prinċipalment marbut mas-self mogħti lill-pajjiżi terzi. Mill-2011 'l hawn, il-kriżi finanzjarja affettwat b'mod qawwi fuq il-finanzi pubbliċi tal-Istati Membri u dan wassal għal żieda fl-attività tas-self tal-UE biex issostni ħtiġijiet ta' finanzjament sovran fl-Istati Membri.

Bħala konsegwenza ta' dan, il-kompożizzjoni tar-riskju nbidlet. Fil-31 ta' Diċembru 2016, 64 % tal-ammont pendenti totali 27 jirrigwarda operazzjonijiet tat-teħid ta' self marbuta ma' self lill-Istati Membri li huwa kopert direttament mill-baġit tal-UE (imqabbla ma' 45 % fil-31.12.2010).

4.3.Riskju annwali kopert mill-baġit tal-UE

B'referenza għas-self pendenti fil-31 ta' Diċembru 2016 (ara t-Tabella 1 hawn fuq) l-ammont massimu li l-UE jkollha tħallas matul is-sena 2017 (direttament jew permezz tal-Fond) - jekk wieħed jassumi li s-self garantit kollu jkun inadempjenti - huwa ta' EUR 5 777 miljun. Dan jirrappreżenta l-ħlasijiet tal-kapital u l-imgħax mis-self garantit dovut fl-2017, jekk wieħed jassumi li s-self inadempjenti ma jkunx aċċellerat (għad-dettalji ara t-Tabella A4 fid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal).

4.3.1.Esponiment tal-Istat Membru

Fl-2017, l-UE se terfa' riskju annwali massimu marbut mal-operazzjonijiet mal-Istati Membri (SM) ta' EUR 2 858 miljun (49,5 % tar-riskju annwali totali). Dan ir-riskju jikkonċerna:

(a) self tal-BEI u/jew self tal-Euratom mogħti qabel l-adeżjoni tal-SM mal-UE;

(b) is-self mogħti taħt il-faċilità tal-BOP, u

(c) is-self mogħti fl-iskema EFSM.

Tabella 2: Klassifikazzjoni tal-Istati Membri skont ir-riskju annwali merfugħ mill-baġit tal-UE fl-2017 (f'miljuni ta' EUR)

Klassifikazzjoni

Il-pajjiż

Self

Riskju annwali massimu

Perċentwal ta’ riskju tal-pajjiż fir-rigward tar-riskju annwali tal-SM

Perċentwal ta’ riskju tal-pajjiż fir-rigward tar-riskju annwali totali (SM u mhux SM)

1

Ir-Rumanija

a+b)

1 453,75

50,9 %

25,2 %

2

L-Irlanda

c)

607,25

21,2 %

10,5 %

3

Il-Portugall

c)

591,22

20,7 %

10,2 %

4

Il-Bulgarija

a)

73,39

2,6 %

1,3 %

5

Il-Kroazja

a)

38,01

1,3 %

0,7 %

6

Il-Latvja

a+b)

26,34

0,9 %

0,5 %

7

Ir-Repubblika Ċeka

a)

25,93

0,9 %

0,4 %

8

Il-Polonja

a)

21,53

0,8 %

0,4 %

9

Ir-Repubblika Slovakka

a)

14,24

0,5 %

0,2 %

10

Il-Litwanja

a)

4,42

0,2 %

0,1 %

11

L-Ungerija

a)

2,12

0,1 %

0,04 %

Totali

2 858,20

100 %

49,5 %

4.3.2.Esponiment ta' pajjiż terz

Fl-2017, il-Fond se jerfa' riskju annwali massimu marbut mal-esponiment għal pajjiżi terzi ta' EUR 2 918,8 miljun (50,5 % tar-riskju annwali totali). Ir-riskju marbut mal-pajjiżi terzi jirrigwarda s-self tal-BEI, self tal-MFA u tal-Euratom (id-dettalji huma inklużi fit-Tabella A2b tad-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal). Il-Fond ikopri s-self garantit li jikkonċerna lil pajjiżi terzi b'dati ta' maturità li jestendu sal-2042.

Il-pajjiżi li qegħdin fl-ewwel 10 postijiet (minn tmienja u erbgħin) huma kklassifikati hawn taħt skont il-ħlasijiet lura dovuti fl-2017. Huma jirrappreżentaw EUR 2 415-il miljun jew 83 % tar-riskju annwali relatat ma' pajjiżi terzi merfugħ mill-Fond. Il-qagħda ekonomika ta' dawk il-pajjiżi hija analizzata u diskussa fil-punt 3 tad-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal. L-affidabbiltà kreditizja, kif ivvalutata mill-aġenziji tal-klassifikazzjoni hija wkoll indikata fit-tabella ta' kull pajjiż.



Tabella 3: Klassifikazzjoni tal-10 pajjiżi terzi bl-ogħla esponiment skont ir-riskju annwali merfugħ mill-baġit tal-UE fl-2017 (f'miljuni ta' EUR)

Klassifikazzjoni

Il-pajjiż

Riskju annwali massimu

Il-piż tal-pajjiż fir-rigward tar-riskju annwali tal-pajjiżi terzi

Il-piż tal-pajjiż fir-rigward tar-riskju annwali totali (SM u mhux SM)

1

It-Turkija

1 025,74

35,1 %

17,8 %

2

It-Tuneżija

283,98

9,7 %

4,9 %

3

L-Eġittu

278,37

9,5 %

4,8 %

4

Il-Marokk

221,09

7,6 %

3,8 %

5

Is-Serbja

204,78

7,0 %

3,5 %

6

L-Afrika t'Isfel

99,73

3,4 %

1,7 %

7

L-Ukrajna

88,12

3,0 %

1,5 %

8

Il-Libanu

85,15

2,9 %

1,5 %

9

Il-Brażil

65,14

2,2 %

1,1 %

10

Il-Bożnija-Ħerzegovina

62,94

2,2 %

1,1 %

Total (l-ewwel 10)

2 415,03

82,7 %

41,8 %

5.Il-Fond ta’ Garanzija għal Azzjonijiet esterni

5.1.Attivazzjoni ta' garanziji

5.1.1.Pagamenti mir-riżorsi ta' flus kontanti

Il-baġit tal-UE b’mod provviżorju jkopri s-servizz ta’ dejn f’dati ta’ skadenza f’każ li d-debitur jonqos milli jħallas lura s-self tiegħu lill-UE fil-ħin. Il-Kummissjoni tagħmel użu mir-riżorsi ta’ flus kontanti tagħha biex tevita d-dewmien u kwalunkwe kost li jirriżulta meta hija twettaq l-operazzjonijiet ta' self tagħha 28 .

Filwaqt li wieħed iżomm f’moħħu li l-maġġoranza ta’ nfiq iseħħ matul l-ewwel tliet xhur ta’ kull sena, it-tifdija tad-dejn hija strutturata għax-xhur ta’ warajhom kif ukoll fil-bidu ta’ kull xahar meta l-bilanċi kontanti jkunu l-ogħla.

Fl-2016, intużaw flus kontanti b’ammont ta’ madwar EUR 1 miljun għal perjodu limitat ta’ 16-il ġurnata minħabba inadempjenza teknika għal ħlas wieħed ta’ debitur wieħed.

5.1.2.Pagamenti mill-baġit tal-UE 

F’każ li Stat Membru wieħed jew aktar ma jissodisfawx l-obbligi legali tagħhom u li r-riżorsi proprji tal-UE huma insuffiċjenti, il-Kummissjoni tista’ tuża r-riżorsi disponibbli tal-baġit tal-UE u tipprijoritizza l-ħlas lura ta’ djun fuq infiq ieħor mhux obbligatorju. Skont il-QFP, jekk dan ma jkunx biżżejjed, il-leġiżlazzjoni tal-UE tobbliga lill-Istati Membri biex jipprovdu kontribuzzjonijiet addizzjonali meħtieġa biex jitħallas lura d-dejn u jiġi bbilanċjat il-baġit, sa massimu ta’ 1,20% tal-ING tal-UE. Jekk ikun hemm il-bżonn, il-leġiżlazzjoni tal-UE tippermetti lill-Istati Membri biex jikkontribwixxu b’mod indipendenti mis-sehem tagħhom għall-baġit tal-UE.

Minħabba li ma kienx hemm inadempjenzi mill-Istati Membri matul is-sena 2016, ma ntalbet l-ebda approprjazzjoni.

5.1.3.Sejħiet fuq il-Fond ta’ Garanzija u rkupri

Fil-każ ta' ħlas tardiv mill-benefiċjarju ta' self lill-pajjiżi terzi mogħti jew garantit mill-UE, l-UE ssejjaħ lill-Fond ta’ Garanzija biex ikopri l-inadempjenza fi żmien tliet xhur mit-talba.

L-ammonti eżerċitati mill-BEI jinġibdu mill-kont tal-Fond ta’ Garanzija wara awtorizzazzjoni mis-servizzi tal-Kummissjoni. Meta l-UE tagħmel pagament skont il-Garanzija tal-UE, hija tkun surrogata fid-drittijiet u r-rimedji tal-BEI  29 .

Il-proċedimenti ta' rkupru jitwettqu mill-BEI f'isem l-UE fir-rigward tal-ammonti surrogati 30 .

Self mill-BEI għal proġetti fis-Sirja

Sa minn Diċembru 2011, il-BEI esperjenza inadempjenzi fuq ċerti pagamenti ta' mgħax u ħlasijiet lura ta' self mill-Gvern Sirjan. Minħabba li t-talbiet għall-ħlas uffiċjali baqgħu ma rnexxewx, il-BEI għamel talba lill-Fond ta’ Garanzija f’Mejju 2012. L-evoluzzjoni tas-sejħiet li jikkorrispondi għal self inadempjenti fis-Sirja hija ppreżentata fit-Tabella 4a.

Tabella 4a: Sejħiet fuq il-Fond ta' Garanzija minħabba self inadempjenti fis-Sirja (f'miljuni ta' EUR)

Sena (Irtirar mill-kont tal-Fond ta’ Garanzija fil-)

Għadd ta' sejħiet imħallsa

Ammont tal-pagamenti parzjali dovuti

Penali u l-imgħaxijiet dovuti 31

Ammont irkuprat

Totali

2012

2

24,0

0,0

2,2

21,8

2013

8

59,3

1,4

0,0

60,7

2014

8

58,7

1,5

0,0

60,2

2015

8

58,7

1,5

0,0

60,2

2016

12

103,8

2,4

0,0

106,2

Totali

38

304,4

6,8

2,2

309,1

Fil-31 ta' Diċembru 2016, il-kapital totali ta' self garantit pendenti relatat mas-Sirja kien jammonta għal EUR 555 miljun 32 , bis-selfa finali timmatura fl-2030.

TAV Tunisie S.A. (Ajruport ta’ Enfidha)

Fid-29 ta’ Ġunju 2016, il-BEI sejjaħ il-garanzija tal-UE taħt il-mandat ta’ self estern fir-rigward ta’ self lil Tav Tunisie S.A. (l-ajruport ta’ Enfidha).

Fid-29 ta’ Settembru 2016, il-Kummissjoni Ewropea ħallset EUR 4,65 miljun (ħlas ta’ arretrati u mgħax) lill-BEI għal sejħa ta’ garanzija msemmija hawn fuq, li bħalissa qed tiġi diskussa mal-BEI.

Is-sejħa dwar il-Fond li jikkorrispondi għal self inadempjenti għal TAV Tunisie S.A. (l-ajruport ta’ Enfidha) tinsab fit-Tabella 4b.

Tabella 4b: Sejħa fuq il-Fond ta' Garanzija relatata ma’ TAV Tunisie S.A. (l-ajruport ta’ Enfidha) (f'miljuni ta' EUR)

Sena ta’ rtirar

Għadd ta' sejħiet imħallsa

Ammont tal-pagamenti parzjali dovuti

Penali u l-imgħax dovut32 

Ammont irkuprat

Totali

2016

1

4,56

0,09

0,00

4,65

Totali

1

4,56

0,09

0,00

4,65

Fil-31 ta' Diċembru 2016, il-kapital totali ta' self garantit pendenti relatat ma’ TAV Tunisie S.A. (l-ajruport ta’ Enfidha) kien jammonta għal EUR 64,4 miljun 33 , bis-selfa finali timmatura fl-2028.

Żviluppi li seħħew wara l-31 ta' Diċembru 2016 (sat-30 ta’ Ġunju 2017)

Sal-aħħar ta’ Ġunju 2017, ġew rreġistrati sitt sejħiet addizzjonali relatati mas-Sirja għal ammont totali ta’ EUR 28,38 miljun (inkluż imgħax u l-penali) u sejħa waħda addizzjonali relatata ma’ TAV Tunisie S.A. (l-ajruport ta’ Enfidha) għal ammont totali ta’ EUR 2,21 miljun (inkluż imgħax u penali).

5.2.Evoluzzjoni tal-Fond

Skont ir-Regolament tal-Fond ta' Garanzija, il-Fond għandu jilħaq livell xieraq (ammont fil-mira), stabbilit għal 9 % tat-total tal-obbligazzjonijiet kapitali pendenti li jinħolqu minn kull operazzjoni, flimkien mal-imgħaxijiet dovuti. Jeżisti mekkaniżmu ta' provvediment biex jiġi żgurat li l-ammont fil-mira jintlaħaq.

Fuq il-bażi tal-mekkaniżmu ta' provvediment, il-baġit tal-UE ħallas EUR 257,12 miljun lill-Fond fi Frar 2016, filwaqt li fi Frar 2017, il-pagament rispettiv kien jammonta għal EUR 240,54 miljun.

Fil-31 ta' Diċembru 2016, l-assi netti 34 tal-Fond kienu jammontaw għal EUR 2 505,14 miljun. Il-proporzjon bejn l-assi netti u l-obbligazzjonijiet kapitali pendenti 35 (EUR 29 365,98 miljun), skont it-tifsira tar-Regolament tal-Fond ta' Garanzija kien inqas mill-ammont fil-mira. Konsegwentement, provvediment ta' EUR 137,80 miljun iddaħħal fil-baġit preliminari tal-UE tal-2018.

Għandu jittieħed rieżami li jqis il-parametri ewlenin tal-Fond, b'mod partikolari r-rata fil-mira, fil-mument tar-rieżami ta' nofs il-perjodu tal-mandat ta' self estern tal-BEI. Għalhekk, evalwazzjoni tal-Fond ta' Garanzija twettqet minn kuntrattur estern filwaqt li tqies il-profil tar-riskju tal-fond u l-effettività tiegħu fid-dawl tal-evoluzzjoni tal-finanzjament estern kopert mill-Fond u r-riskji relatati. Ir-rapport ġie ppreżentat f’Awwissu 2016 u l-konklużjoni ewlenija kienet li Rata fil-Mira ta’ 9 % għadha titqies bħala ottimali għal-livell ta’ riskju attwali tal-portafoll ta’ self, anke f’xenarju ta’ tnaqqis supplimentari fil-klassifikazzjoni tad-debituri prinċipali. Għalhekk, ir-Rata fil-Mira ta’ 9% tibqa’ kif inhi.

6.Il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS)  36 .

Il-Garanzija tal-UE tkopri l-operazzjonijiet ta' finanzjament u investiment iffirmati mill-BEI fil-qafas tat-Tieqa għall-Infrastruttura u l-Innovazzjoni ("IIW") u mill-FEI fil-qafas tat-Tieqa għall-SMEs 37 ("SMEW"). Parti minn dawn l-operazzjonijiet hija koperta mill-Garanzija tal-UE, filwaqt li l-parti l-oħra titwettaq b'riskju għall-Grupp tal-BEI.

Skont l-Artikolu 12 tar-Regolament FEIS, il-Fond ta’ Garanzija tal-FEIS ("FG tal-FEIS") għandu jikkostitwixxi riżerva ta' likwidità li minnha jitħallas il-BEI fil-każ li ssir eżerċitazzjoni fuq il-garanzija tal-UE. B'konformità mal-Ftehim dwar il-FEIS bejn l-UE u l-BEI, is-sejħiet jitħallsu mill-FG tal-FEIS jekk l-ammont tagħhom ikun iktar mill-fondi għad-dispożizzjoni tal-BEI fil-kont tal-FEIS. Il-kont tal-FEIS, immaniġġjat mill-BEI, ġie stabbilit għall-għan li jinġabar d-dħul tal-UE li jirriżulta minn operazzjonijiet FEIS taħt il-garanzija tal-UE u l-ammonti rkuprati u sa fejn iwassal il-bilanċ disponibbli, għall-ħlas ta' sejħiet taħt il-garanzija tal-UE.

Il-FG tal-FEIS jiġi fornut progressivament, b'kont meħud taż-żieda fl-iskopertura li ġġarrab il-Garanzija tal-UE.

Ir-riżorsi tal-FG tal-FEIS huma mmaniġġjati direttament mill-Kummissjoni u investiti b'konformità mal-prinċipju tal-ġestjoni finanzjarja tajba skont regoli prudenzjali xierqa.

Żviluppi matul l-2016

L-iskopertura tal-garanzija tal-UE b'relazzjoni mal-operazzjonijiet pendenti żborsati tal-FEIS mill-Grupp tal-BEI ammontat għal EUR 4 392 fil-31 ta' Diċembru 2016, mill-impenn legali ta' EUR 16-il biljun iggarantit mill-UE (l-Artikolu 11 tar-Regolament FEIS). L-ammont ta' EUR 4 392 miljun ġie mniżżel bħala obbligazzjoni kontinġenti fin-noti li jakkumpanjaw id-dikjarazzjonijiet finanzjarji tal-2016 tal-UE.

L-iskoperturi żborsati pendenti tal-IIW koperti mill-Garanzija tal-UE kienu ta’ EUR 4,02 biljun, li minnhom EUR 3,98 biljun kienu għal operazzjonijiet ta’ dejn u EUR 0,04 biljun għal operazzjonijiet ta’ titoli tat-tip ta’ ekwità 38 .

Fi tmiem l-2016 taħt l-SMEW, l-iskoperturi żborsati totali koperti mill-Garanzija tal-UE kienu ta’ EUR 369,7 biljun, li minnhom EUR 364,8 biljun kienu għal operazzjonijiet ta’ garanzija u
EUR 5 biljun għal operazzjonijiet ta’ titoli tat-tip ta’ ekwità.

L-assi netti tal-Fond ta’ Garanzija kienu ta’ EUR 1 020 miljun fil-31 ta’ Diċembru 2016.

Fi tmiem l-2016, it-total kumulat ta' firem taħt il-FEIS ammonta għal EUR 21,3 biljun li kopra 28 Stat Membru, li minnhom ammont ta’ EUR 14,2-il biljun kienu ffirmati 39 mill-BEI (121 operazzjoni) u EUR 7,1 biljun kienu ffirmati mill-FEI (225 operazzjoni). Kumplessivament, dan jirrappreżenta żieda sinifikanti meta mqabbel mal-2015, li fi tmiemha l-firem totali kienu jammontaw għal EUR 1,2 biljun.

Għal aktar tagħrif dwar il-ġestjoni tal-Fond ta’ Garanzija tal-FEIS, ara l-aħħar verżjoni tar-rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Qorti tal-Awdituri dwar il-ġestjoni tal-Fond ta’ Garanzija tal-fond Ewropew għal investimenti strateġiċi 40 u d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal (SWD) assoċjat.

(1)    Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).
(2)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 480/2009 tal-25 ta' Mejju 2009 li jistabbilixxi Fond ta' Garanzija għall-azzjonijiet esterni (verżjoni kodifikata), imsejjaħ "ir-Regolament tal-Fond ta' Garanzija" (ĠU L 145, 10.6.2009, p. 10).
(3)      Ir-Regolament (UE) 2015/1017 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ġunju 2015 dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, iċ-Ċentru Ewropew ta’ Konsulenza għall-Investimenti u l-Portal Ewropew ta’ Proġetti ta’ Investiment u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1291/2013 u (UE) Nru 1316/2013 — il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (ir-“Regolament dwar il-FEIS”). ĠU L 169, 1.7.2015, p. 1.
(4)    L-assistenza makrofinanzjarja tista' tieħu wkoll il-forma ta' għotjiet lil pajjiżi terzi. Ir-referenzi għall-bażijiet ġuridiċi huma elenkati fl-Anness tat-Tabella A2B tad-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal.
(5)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 332/2002 tat-18 ta' Frar 2002 li jistabbilixxi faċilità li tipprovdi għajnuna finanzjarja għal żmien medju għall-bilanċi ta’ pagamenti tal-Istati Membri (ĠU L 53, 23.2.2002, p.1).
(6)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 407/2010 tal-11 ta' Mejju 2010 li jistabbilixxi mekkaniżmu Ewropew ta' stabbilizzazzjoni finanzjarja (ĠU L 118, 12.5.2010, p. 1).
(7)    Ir-referenzi għall-bażijiet ġuridiċi huma elenkati fl-Anness tat-Tabella A3 tad-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal.
(8)    Għalkemm ir-riskji esterni huma koperti in fine mill-baġit tal-UE, il-Fond ta' Garanzija jaġixxi bħala strument li jipproteġi l-baġit tal-UE mir-riskji ta' inadempjenzi fuq il-pagamenti. Għall-aħħar rapport annwali dwar il-Fond u l-immaniġġar tiegħu, ara COM(2017) 488 final tal-14.09.2017 u d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal li jakkumpanjah (SWD(2017)296 final tal-14.09.2017). Ir-rapport għall-2017 huwa mistenni li jkun disponibbli minn Settembru 2018 fuq http://eur-lex.europa.eu/homepage.html .
(9)    Għal rapport komprensiv dwar il-funzjonament tal-Fond u r-rata ta' provviżjonament fil-mira, ara COM(2014) 214 final tat-8.4.2014 u d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal (2014) 129 final
(10)      Għal aktar informazzjoni dwar il-ġestjoni tal-Fond ta’ Garanzija tal-FEIS, ara COM(2017)326 finali tas-16.6.2017.
(11)      Ir-Regolament (UE) 2015/1017 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ġunju 2015 dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, iċ-Ċentru Ewropew ta’ Konsulenza għall-Investimenti u l-Portal Ewropew ta’ Proġetti ta’ Investiment u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1291/2013 u (UE) Nru 1316/2013 — il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (ir-“Regolament dwar il-FEIS”). Il-ftehim dwar l-immaniġġjar tal-FEIS u dwar l-għoti tal-garanzija tal-UE ("il-Ftehim dwar il-FEIS") ġie ffirmat mill-Kummissjoni Ewropea u mill-Bank Ewropew tal-Investiment ("il-BEI") fit-22 ta' Lulju 2015. Emenda għal dan il-Ftehim ġiet iffirmata fil-21 ta’ Lulju 2016.
(12)    Dwar il-GLF: http://ec.europa.eu/economy_finance/assistance_eu_ms/greek_loan_facility/index_en.htm.
(13)     Dwar l-EFSF : http://www.efsf.europa.eu
(14)    Is-self mogħti skont l-UE/EFSM huwa ggarantit mill-baġit tal-UE.
(15)    Dwar il-MES: http://esm.europa.eu .
(16)    Ara l-Istqarrija għall-istampa dwar il-laqgħa straordinarja tal-Kunsill Ecofin tad-9/10 ta' Mejju 2010 ( http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_data/docs/pressdata/en/ecofin/114324.pdf ).
(17)      Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 407/2010 tal-11 ta' Mejju 2010 li jistabbilixxi mekkaniżmu Ewropew ta' stabbilizzazzjoni finanzjarja (ĠU L 118, 12.5.2010, p.1).
(18)    Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2011/77/UE tas-7 ta' Diċembru 2011 dwar l-għoti ta' assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-Irlanda (ĠU L 30, 4.2.2011, p. 348).
(19)    Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2011/344/UE tas-17 ta' Mejju 2011 dwar l-għoti ta' assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-Portugall (ĠU L 159, 17.6.2011, p. 88); ara wkoll ir-rettifika (ĠU L 178, 10.7.2012, p. 15).
(20)    Għal aktar informazzjoni dwar l-EFSM, ara wkoll ir-rapport mill-Kummissjoni dwar l-attivitajiet tal-għoti u t-teħid b'self tal-Unjoni Ewropea fl-2016, (COM(2016)387 final). Ir-rapport għall-2016 huwa mistenni li jkun disponibbli minn Ottubru 2017 fuq http://eur-lex.europa.eu/homepage.html.
(21)      Id-Deċiżjoni 1025/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2013 li tipprovdi assistenza makrofinanzjarja lir-Repubblika Kirgiża (ĠU L 283, 25.10.2013, p. 1).
(22)    Id-Deċiżjoni (UE) 2016/1112 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Lulju 2016 dwar l-għoti ta' assistenza makrofinanzjarja ulterjuri lit-Tuneżija (ĠU L 186, 09.07.2016, p. 1).
(23)    Id-Deċiżjoni (UE) 2016/2371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Diċembru 2016 li tipprevedi assistenza makrofinanzjarja lir-Renju Ħaxemita tal-Ġordan (ĠU L 352, 23.12.2016, p. 18).
(24)    Id-Deċiżjoni (UE) 2015/601 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2015 dwar l-għoti ta' assistenza makrofinanzjarja ulterjuri lill-Ukrajna (ĠU L 100/1, 17.04.2015).
(25)    Ara t-Tabella 1 tar-Rapport.
(26)    Għall-finijiet ta' dan il-kalkolu, wieħed jassumi li s-self inadempjenti ma jkunx ġie aċċellerat, jiġifieri jitqiesu biss il-pagamenti dovuti (ara wkoll it-Tabelli 2 u 3 tar-rapport u t-Tabella A4 tad-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal).
(27)      Ara t-Tabella 1.
(28)    Ara l-Artikolu 14 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 609/2014 tas-26 ta' Mejju 2014 dwar il-metodi u l-proċedura li jintużaw biex jitqiegħdu għad-dispożizzjoni r-riżorsi proprji tradizzjonali, dawk ibbażati fuq il-VAT u dawk ibbażati fuq l-ING u dwar il-miżuri li jissodisfaw il-ħtiġijiet fi flus kontanti (ĠU L 168, 7.6.2014, p. 39).
(29)    Ara l-Artikolu 8.7 tad-Deċiżjoni Nru 466/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 li tagħti garanzija tal-UE lill-Bank Ewropew tal-Investiment kontra telf minn operazzjonijiet ta' finanzjament li jappoġġaw proġetti ta' investiment barra mill-Unjoni Ewropea (ĠU L 135, 8.5.2014, p. 1).
(30)    Għal aktar tagħrif dwar il-proċedimenti ta’ rkupru, ara wkoll il-Ftehim ta’ Rkupru ffirmat fil-25 ta’ Lulju 2014 bejn l-Unjoni Ewropea u l-Bank Ewropew tal-Investiment li jirregola l-modalitajiet u l-proċeduri għall-irkupru ta’ pagamenti li saru mill-UE skont il-garanziji mogħtija minnha lill-BEI kontra telf minn operazzjonijiet ta’ finanzjament li jappoġġaw proġetti ta’ investiment barra mill-UE.
(31)      Il-penali u l-imgħaxijiet dovuti huma pretiżi mill-BEI biss mat-tieni talba ta' pagament ta' kull selfa individwali u jibdew mid-data tal-inadempjenza sad-data tal-pagament mill-Fond ta' Garanzija.
(32)      Dan jinkludi l-ammont ta’ EUR 304,43 miljun (prinċipali + imgħax) li kien diġà ssejjaħ mill-BEI.
(33)      Dan jinkludi l-ammont ta’ EUR 4,56 miljun (inkluż imgħax) li kien diġà ssejjaħ mill-BEI.
(34)    L-assi totali tal-Fond minbarra l-ammonti akkumulati li jridu jitħallsu (it-tariffi tal-BEI u l-miżati għall-verifika).
(35)    Inklużi l-interessi akkumulati.
(36)      Ir-Regolament (UE) 2015/1017 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ġunju 2015 dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, iċ-Ċentru Ewropew ta’ Konsulenza għall-Investimenti u l-Portal Ewropew ta’ Proġetti ta’ Investiment u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1291/2013 u (UE) Nru 1316/2013 — il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (ir-“Regolament dwar il-FEIS”). ĠU L 169, 1.7.2015, p. 1.
(37)      Intrapriżi mikro, żgħar jew ta’ daqs medju (SME).
(38)      Fi tmiem l-2016, l-iskoperturi (żborsati u mhux żborsati) totali ffirmati tal-portafoll tal-IIW li jibbenefikaw mill-Garanzija tal-UE kienu ta’ EUR 13,38-il biljun, li minnhom EUR 12,84-il biljun kienu għal operazzjonijiet ta’ dejn u EUR 0,54 biljun għal operazzjonijiet ta’ titoli tat-tip ta’ ekwità. Madankollu, minħabba l-kopertura tal-porzjon tal-ewwel telf tal-Garanzija tal-UE, telf potenzjali għall-baġit tal-UE taħt il-IIW kien limitat għal EUR 10,6 biljun.
(39)      Id-differenza bejn it-total tal-firem u l-iskoperturi ffirmati tiddependi minn diversi fatturi, bħal dawn tal-aħħar, minbarra s-sehem f’operazzjonijiet ta’ titoli tat-tip ta’ ekwità tal-BEI kif ukoll differenzi minħabba ripagamenti u rati tal-kambju barranin applikati.
(40)      L-aħħar verżjoni - COM(2017)326 final tas-16.6.2017.
Top