EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017DC0517

Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2017 ta’ Malta u li twassal opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-2017 ta' Malta

COM/2017/0517 final

Brussell, 22.5.2017

COM(2017) 517 final

Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2017 ta’ Malta

u li twassal opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-2017 ta' Malta


Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2017 ta’ Malta

u li twassal opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-2017 ta' Malta

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni tal-politika ekonomika, 1 u partikolarment l-Artikolu 5(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, 2

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew, 3

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)Fis-16 ta’ Novembru 2016, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, 4 li ta bidu għas-Semestru Ewropew ta’ koordinazzjoni tal-politika ekonomika tal-2017. Il-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir ġew approvati mill-Kunsill Ewropew fid-9–10 ta’ Marzu 2017. Fis-16 ta’ Novembru 2016, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija, 5 li fih hija ma identifikatx lil Malta bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru kellha titwettaq analiżi fil-fond. Fl-istess ġurnata, il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro. Din ir-Rakkomandazzjoni ġiet approvata mill-Kunsill Ewropew fid-9–10 ta’ Marzu 2017 u adottata mill-Kunsill fl-21 ta’ Marzu 6 .

(2)Bħala pajjiż li l-munita tiegħu hija l-euro, u fid-dawl tal-interkonnessjonijiet mill-qrib bejn l-ekonomiji fl-unjoni ekonomika u monetarja, Malta għandha tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa u f’waqtha tar-Rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro li hija riflessa fir-rakkomandazzjoni 2 ta’ hawn taħt.

(3)Ir-rapport għal kull pajjiż tal-2017 għal Malta 7 ġie ppubblikat fit-22 ta’ Frar 2017. Dan ivvaluta l-progress li għamlet Malta fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati mill-Kunsill fit-12 ta’ Lulju 2016, is-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet adottati fis-snin preċedenti u l-progress li għamlet Malta lejn il-miri nazzjonali tagħha ta’ Ewropa 2020. 8  

(4)Fit-18 ta’ April 2017, Malta ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tagħha tal-2017 u, fit-2 ta’ Mejju 2017, Malta ressqet il-Programm ta’ Stabbiltà tagħha tal-2017. Biex jiġu kkunsidrati l-konnessjonijiet ta’ bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess żmien.

(5)Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti ġew ikkunsidrati fil-programmi tal-Istati Membri għall-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (Fondi SIE) li jkopru l-perjodu 2014–2020. Kif previst mil-leġiżlazzjoni li tirregola l-Fondi SIE, 9 fejn ikun meħtieġ l-appoġġ tal-implimentazzjoni ta’ rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti, il-Kummissjoni tista’ titlob lil Stat Membru li jirrieżamina u jemenda l-programmi tal-Fondi SIE rilevanti tiegħu. Il-Kummissjoni pprovdiet aktar linji gwida dwar l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli. 10

(6)Bħalissa Malta qiegħda fil-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Fil-programm ta’ Stabbiltà tiegħu għall-2017, il-gvern jippjana li jżomm surplus f’termini nominali matul il-perjodu 2017–2020. L-objettiv baġitarju ta’ terminu medju — pożizzjoni baġitarja bilanċjata f’termini tal-PDG — se jibqa’ jiġi ssodisfat b’marġni pożittiv tul il-perjodu tal-programm. Skont il-Programm ta’ Stabbiltà, il-proporzjoni ta’ dejn tal-gvern mal-PDG huwa mistenni li jibqa’ taħt il-valur ta’ referenza ta’ 60 % tal-PDG u li jibda jonqos minn 58.3% tal-PDG fl-2016 għal 47.6% fl-2020. Ix-xenarju makroekonomiku li fuqu huma bbażati dawn il-projezzjonijiet baġitarji huwa plawżibbli għall-2017 u kawt għall-2020–2018. Fl-istess ħin, hemm riskji possibbli ta’ implimentazzjoni relatati mal-eżekuzzjoni baġitarja.

(7)Fit-12 ta’ Lulju 2016, għall-2017 il-Kunsill irrikkomanda lil Malta tikseb aġġustament fiskali annwali ta’ 0.6 % tal-PDG lejn l-objettiv baġitarju ta’ terminu medju. Dejta dwar l-eżitu tindika li Malta diġà laħqet l-objettiv baġitarju tagħha ta’ terminu medju fl-2016. Abbażi tat-tbassir tar-rebbiegħa 2017 tal-Kummissjoni, il-bilanċ strutturali huwa mbassar li se jiżdied minn surplus ta' 0,4 % tal-PDG fl-2017 għal 0.7% tal-PDG fl-2018, u b’hekk jibqa’ aktar mill-objettiv baġitarju fuq terminu medju. B’mod ġenerali, il-Kunsill hu tal-opinjoni li Malta hi projettata li tkun konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir fl-2017 u fl-2018.

(8)Minkejja l-kisba tal-objettiv fuq medda ta’ tliet snin qabel id-data ta’ mira, iż-żidiet fl-infiq akbar għat-tkabbir potenzjali fil-produzzjoni. Jekk dan jibqa’ l-każ għal żmien twil, dan huwa ta’ sfida għas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi, speċjalment fil-każ ta’ xokkijiet mhux mistennija fid-dħul. L-awtoritajiet wettqu rieżamijiet tan-nefqa, f’xi oqsma tan-nefqa pubblika partikolarment rilevanti f’termini ta’ sostenibbiltà — il-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni u t-taħriġ u s-sigurtà soċjali. L-implimentazzjoni f’waqtha u effettiva tar-rakkomandazzjonijiet relatati se tiddetermina l-effettività tagħhom fil-kisba tal-għan tagħhom. Barra minn hekk, il-finanzi pubbliċi ta’ Malta għadhom qed jiffaċċjaw riskji ta’ sostenibbiltà fuq medda twila ta’ żmien minħabba l-ispejjeż marbuta mal-popolazzjoni li qiegħda tixjieħ, il-kura tas-saħħa, il-kura fit-tul u l-pensjonijiet. Iż-żieda għolja pproġettata fl-infiq marbut mal-età hija prinċipalment minħabba n-nefqa tal-pensjonijiet, li hija stmata li se tiżdied b’madwar 3.2 punti perċentwali tal-PDG sal-2060 skont Ir-Rapport dwar it-Tixjiħ tal-2015. Xi wħud mill-miżuri li reċentement ġew introdotti x’aktarx li jiġġeneraw tfaddil. Madankollu, dan l-iffrankar huwa improbabbli li jkun suffiċjenti biex jibbilanċja l-pressjonijiet tal-infiq li dejjem jiżdiedu u jtejjeb b’mod deċiżiv is-sostenibbiltà fuq medda twila ta’ żmien. Miżuri oħra jistgħu, għalhekk, ikunu meħtieġa.

(9)Malta ressqet għadd ta’ miżuri biex tindirizza l-isfida doppja tas-sostenibbiltà u l-iżgurar ta’ introjtu adegwat wara l-irtirar maħluqa mis-sistema tal-pensjoni. Il-miżuri introdotti fil-baġit tal-2017 huma mistennija jbaxxu moderatament ir-riskju ta’ faqar għal persuni anzjani u jtejbu xi ftit ir-rata netta tas-sostituzzjoni tal-pensjoni minima garantita. B’mod ġenerali, indikaturi dwar l-adegwatezza tal-pensjonijiet għadhom jindikaw li hemm lok konsiderevoli għal aktar titjib, inkluż dwar it-tnaqqis tad-distakk kbir fil-kopertura bejn is-sessi.

(10)Il-konġestjoni tat-traffiku fit-toroq saret ostaklu għan-negozju, u l-ispejjeż esterni tagħha (ekonomiċi u ambjentali) ġew stmati għal EUR 274 miljun fis-sena u huma mistennija li jiżdiedu. Barra minn hekk, l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra mit-traffiku jkomplu jikbru u Malta x’aktarx li tonqos milli tilħaq il-miri tal-emissjonijiet tagħha tal-2020. Malta adottat Strateġija Nazzjonali għat-Trasport ambizzjuża b’orizzont sal-2050 u Pjan Ewlieni għat-Trasport Operattiv sal-2025. Dawn jinkludu sett differenti ta’ miżuri biex jiġi razzjonalizzat l-użu ta’ karozzi privati, jiġu promossi soluzzjonijiet ta’ mobilità alternattivi u jsir użu aktar effiċjenti ta’ sistemi ta’ trasport multimodali u kollettivi. Filwaqt li dawn il-miżuri huma mistennija li jagħmlu titjib sinifikanti, il-konġestjoni għadha mbassra li tiżdied u l-gassijiet b’effett serra mit-trasport jonqsu modestament biss sal-2030.

(11)Is-sistema finanzjarja hija kkaratterizzata minn għadd sinifikanti ta’ istituzzjonijiet barranin attratti mill-ambjent fiskali favorevoli, fost oħrajn. Malta hija l-uniku Stat Membru tal-UE li tuża sistema ta’ imputazzjoni sħiħa tat-tassazzjoni tal-kumpaniji u toffri skema ta’ kreditu fuq it-taxxa rimborsabbli. Hija għandha netwerk estensiv ta’ trattati ta’ tassazzjoni doppja, u għandha status ta’ residenza tat-taxxa attraenti għall-individwi. Is-superviżjoni tan-negozju orjentat internazzjonalment, madankollu, hija diffiċli. Is-settur finanzjarju jwettaq il-parti l-kbira tal-attivitajiet tiegħu barra minn Malta. Il-kapaċità ta’ awtorità ta’ superviżjoni relattivament żgħira li tissorvelja sistema kbira, b’mod partikolari fis-settur tal-assigurazzjoni, iżda wkoll fis-settur bankarju, tinsab taħt pressjoni. L-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta, f’konsultazzjoni mal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), reċentement talbet l-irtirar tal-liċenzja bankarja ta’ fornitur ta’ servizzi bankarji fuq l-internet żgħir li jiġbor id-depożiti wkoll barra minn Malta.

(12)Minkejja l-progress li sar, aktar titjib fl-effiċjenza tas-sistema ġudizzjarja għadu meħtieġ. Għalkemm miżuri ġodda dwar ċans ieħor u l-insolvenza ġew proposti mill-gvern, proċeduri twal ta’ insolvenza u kwittanza jagħmlu ħsara lill-kwalità tal-ambjent tan-negozju f’Malta. Barra minn hekk, il-qafas tal-ħelsien mid-dejn ma jipprovdi l-ebda limitu ta’ żmien, u b’hekk m’għandux ċertezza legali. Biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet, abbozz ta’ emenda għall-Att dwar il-Kumpaniji li jintroduċi bidliet konsiderevoli lill-qafas legali dwar l-insolvenza, bħall-possibbiltà tal-medjazzjoni, ġie ppreżentat u attwalment qed jiġi kkunsidrat mill-parlament nazzjonali. L-impatt ta’ dawn il-bidliet fl-ambitu u l-formulazzjoni finali tagħhom għad irid jiġi analizzat.

(13)Qed jitfaċċaw skarsezzi fl-impjieg fil-firxa kollha tal-ħiliet u l-aġġustament tal-provvista tal-ħiliet mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol għadu mhux komplut. Parti sostanzjali mill-forza tax-xogħol Maltija għad għandha rati baxxi ta’ kwalifiki. Filwaqt li l-kisba tal-edukazzjoni qed tiżdied, ir-rata ta’ dawk li jħallu l-iskola kmieni tibqa’ għolja u l-kisba ta’ ħiliet bażiċi fost iż-żgħażagħ għadha dgħajfa. L-aċċess u l-parteċipazzjoni fit-tagħlim tul il-ħajja — bl-involviment ta’ min iħaddem — qed jitjiebu, inkluż għal dawk b’ħiliet baxxi, iżda minħabba l-kobor tal-isfida, l-isforzi jridu jiġu sostnuti. Investimenti sinifikanti fis-sistema tal-edukazzjoni u t-taħriġ huma mistennija li jagħtu l-frott, speċjalment jekk il-miżuri jinżammu u jittejbu fil-futur, b’mod partikolari permezz tal-Kunsill għall-Ħiliet Nazzjonali li ġie stabbilit reċentement. Ir-rati tal-impjiegi qed jitjiebu b’mod stabbli u r-rata tal-qgħad niżlet taħt il-5 %. Madankollu, il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol għadha fost l-aktar baxxa fl-UE, b’mod partikolari għal ħaddiema aktar anzjani u nisa bi ftit kwalifiki, li jindika wkoll li fadal riskji tal-esklużjoni soċjali għal dawk li m’humiex mgħammra biex jaġġustaw għal ekonomija li qed tinbidel b’mod mgħaġġel. Għalhekk, l-investimenti tal-politika attwali jeħtieġ li jiġu sostnuti u żviluppi oħrajn għandhom jiġu mmonitorjati mill-qrib.

(14)Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika ta’ Malta u ppubblikatha fir-rapport għal kull pajjiż tal-2017. Hija vvalutat ukoll il-Programm ta’ Stabbiltà u l-Programm ta’ Riforma Nazzjonali u s-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lil Malta fi snin preċedenti. Hija mhux biss qieset ir-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli f’Malta imma qieset ukoll il-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-UE, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-UE billi jingħata kontribut fil-livell tal-UE għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri.

(15)Fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Stabbiltà u l-opinjoni tiegħu 11 hija riflessa b’mod partikolari fir-rakkomandazzjoni 1 ta’ hawn taħt,

B’DAN JIRRAKKOMANDA li Malta tieħu azzjoni fl-2017 u l-2018 biex:

1.Jitwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tar-rieżamijiet fuq l-infiq attwali għas-settur pubbliku aktar wiesa’ u jiġi introdott infiq pubbliku bbażat fuq il-prestazzjoni.

2.Tiġi żgurata superviżjoni effettiva mill-istituzzjonijiet finanzjarji tan-negozji orjentati internazzjonalment, b’liċenzja f’Malta f’kooperazzjoni mas-superviżuri ospitanti fil-pajjiżi fejn joperaw.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1) ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.
(2) COM(2017) 517 final.
(3) P8_ TA(2017)0038, P8_ TA(2017)0039, u P8_ TA(2017)0040.
(4) COM(2016) 725 finali.
(5) COM(2016) 728 finali.
(6) 2017/C92/01
(7) SWD(2017) 83 finali.
(8) COM(2017) 90 finali.
(9) L-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006, ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320.
(10)    COM(2014) 494 finali.
(11) Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97.
Top