Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017DC0376

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Insaħħu l-Innovazzjoni fir-Reġjuni tal-Ewropa: Strateġiji għal tkabbir reżiljenti, inklużiv u sostenibbli

    COM/2017/0376 final

    Brussell, 18.7.2017

    COM(2017) 376 final

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    Insaħħu l-Innovazzjoni fir-Reġjuni tal-Ewropa:
    Strateġiji għal tkabbir reżiljenti, inklużiv u sostenibbli

    {SWD(2017) 264 final}


    1.EKONOMIJA MODERNA U TRANŻIZZJONI ĠUSTA GĦAR-REĠJUNI TAL-UE

    L-Ewropa qed tesperjenza perjodu ta’ bidla monumentali. Globalizzazzjoni, awtomazzjoni, dekarbonizzazzjoni, teknoloġiji emerġenti u diġitali: kollha għandhom impatt fuq l-impjiegi, is-setturi industrijali, il-mudelli ta’ negozju, l-ekonomija u s-soċjetà kollha kemm hi. L-għajnuna liċ-ċittadini biex jadattaw għal dawn il-bidliet profondi u lill-ekonomija tal-UE biex issir aktar reżiljenti hija indispensabbli. Fil-Karta ta’ Riflessjoni dwar il-Ġestjoni tal-Globalizzazzjoni 1 , il-Kummissjoni enfassizzat l-opportunitajiet u l-isfidi li ċ-ċittadini u r-reġjuni tal-Ewropa qed jaffaċċjaw. Dan ifisser li neħtieġu nantiċipaw u niġġestixxu l-modernizzazzjoni ta’ strutturi ekonomiċi u soċjali eżistenti, filwaqt li nżommu f’moħħna li llum, iktar minn qatt qabel, kwistjonijiet lokali saru globali u kwistjonijiet globali saru lokali. Għal dan l-għan, l-Ewropa teħtieġ strateġija fit-tul, li tinvolvi azzjoni fil-livelli kollha, li tibda bidla fundamentali fit-teknoloġija, l-ekonomija u l-finanzi.

    L-UE għandha rwol kruċjali fl-appoġġ lir-reġjuni u lill-Istati Membri kollha biex jattivaw il-potenzjal tagħhom għall-innovazzjoni, il-kompetittività u l-impjiegi u t-tkabbir sostenibbli. Dan jinsab fil-qalba tad-diversi inizjattivi li diġà ttieħdu, fuq in-naħa regolatorja 2 kif ukoll permezz tal-Pjan ta’ Investiment biex tinħoloq sensiela stabbli ta’ proġetti marbuta mal-prijoritajiet ewlenin tal-UE. Barra minn hekk, fi snin riċenti, il-Kummissjoni ħeġġet lill-gvernijiet nazzjonali u reġjonali biex jiżviluppaw strateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti għar-riċerka u l-innovazzjoni 3 . L-għan kien li jitħeġġu r-reġjuni Ewropej kollha jidentifikaw il-vantaġġi kompetittivi speċifiċi tagħhom, bħala bażi għall-prijoritizzazzjoni ta’ investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni skont il-politika ta’ koeżjoni bejn l-2014 u l-2020. Sussegwentement, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kumitat tar-Reġjuni enfasizzaw il-ħtieġa li jinbena iktar fuq dan l-approċċ sabiex jiżdied il-potenzjal tal-innovazzjoni tar-reġjuni kollha 4 .

    Minħabba l-ħtieġa li naħdmu flimkien b’mod konġunt fuq il-livelli kollha, minn dak lokali għal dak Ewropew, li nirrispondu għal dawn l-isfidi u li ngħinu l-Ewropa tistagħna fid-dinja moderna 5 , din il-Komunikazzjoni u d-dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjaha, javvanzaw l-approċċ ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti pass wieħed ‘il quddiem u jindirizzaw l-isfidi prinċipali li ġejjin:

    ·Jagħtu spinta lill-potenzjali tar-reġjuni Ewropej għall-innovazzjoni u l-kompetittività, bħala bażi għal mudell ta’ tkabbir sostenibbli;

    ·Iżidu l-kooperazzjoni interreġjonali, li hija element ewlieni f’ekonomiji globalizzati;

    ·Isaħħu l-fokus fuq reġjuni fi tranżizzjoni industrijali u li huma inqas żviluppati;

    ·Itejbu u jibnu fuq ħidma konġunta bejn il-politiki u l-programmi tal-UE li jappoġġaw l-innovazzjoni.

    F’dan il-kuntest, firxa ta’ azzjonijiet pilota ffokati huma mressqa, li se jiffaċilitaw l-esperjenza ta’ żvilupp u mod usa’ kif wieħed iħares lejn l-iżvilupp u t-tkabbir ekonomiku tar-reġjuni Ewropej. L-għan aħħari huwa li jippermettu r-reġjuni Ewropej kollha li jibnu fuq l-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti sabiex fl-aħħar jilliberaw il-potenzjal tagħhom għall-bidla teknoloġika, id-dekarbonizzazzjoni tad-diġitalizzazzjoni u l-modernizzazzjoni industrijali.

    2.SPEĊJALIZZAZZJONI INTELLIĠENTI: PATTI REĠJONALI GĦALL-INNOVAZZJONI, IT-TKABBIR U L-IMPJIEGI

    L-approċċ ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti ġie integrat fil-politika ta’ koeżjoni riformata għall-2014-2020, li kienet maħsuba biex timmassimizza l-impatt pożittiv fuq it-tkabbir u l-impjiegi.

    Strateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti jippermettu reġjuni li jibdlu l-bżonnijiet, is-saħħiet u l-vantaġġi kompetittivi tagħhom fi prodotti u servizzi li jistgħu jitqiegħdu fis-suq. Huma għandhom l-għan li jagħtu prijorità lil investimenti pubbliċi tar-riċerka u l-innovazzjoni permezz ta’ approċċ minn isfel għal fuq għal trasformazzjoni ekonomika tar-reġjuni, jibnu fuq il-vantaġġi kompetittivi reġjonali u jiffaċilitaw opportunitajiet tas-suq ġodda fi ktajjen tal-valur interreġjonali u Ewropej ġodda. Jgħinu lir-reġjuni biex jantiċipaw, jippjanaw u jakkumpanjaw il-proċess ta’ modernizzazzjoni ekonomika tagħhom.

    L-Istati Membri u r-reġjuni żviluppaw 'il fuq minn 120 strateġija ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti permezz tas-sħubija u tal-governanza f’diversi livelli u l-approċċ minn isfel għal fuq li jistabbilixxi l-prijoritajiet għal investimenti fir-riċerka u l-innovazzjoni għall-perjodu 2014-2020.

    Matul dan il-perjodu aktar minn EUR 40 biljun (u iktar minn EUR 65 biljun inkluż il-kofinanzjament nazzjonali) allokati lir-reġjuni permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali se jiffinanzjaw dawn il-prijoritajiet. B’mod ġenerali, l-appoġġ għar-riċerka, l-innovazzjoni u l-intraprenditorija huwa mistenni li jgħin 15 000 intrapriża biex jintroduċu prodotti ġodda fis-suq, jappoġġa 140 000 mikrointrapriża ġdida, u joħloq 350 000 impjieg ġdid sal-aħħar tal-perjodu ta’ programmazzjoni 6 . Barra minn hekk, EUR 1.8 biljun ġie programmat taħt il-Fond Soċjali Ewropew għat-tisħiħ tal-kapital uman fir-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u l-innovazzjoni. Prioritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali ġew identifikati u mmappjati fil-proċess tat-tfassil ta’ dawn l-istrateġiji 7 . 

    Eżempji ta’ prijoritajiet fi strateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti 8 :

    ·F’Emilia-Romagna, l-Italja, is-sħubija reġjonali identifikat is-saħħa u l-benessri bħala prijorità u qed tiġbor teknoloġiji abilitanti essenzjali differenti flimkien mal-biomediċina biex jiżviluppaw trapjanti bi preċiżjoni u impjanti personalizzati.

    ·F’Extremadura, Spanja, il-bdiewa u r-riċerkaturi qed jindirizzaw in-nuqqas ta’ kapaċità sabiex jilħqu d-domanda tas-suq matul l-eqqel tal-istaġun billi jipparteċipaw flimkien f’netwerk Ewropew li jiżviluppa biedja b’teknoloġija għolja.

    ·F’Lapland, il-Finlandja, speċjalizzazzjoni intelliġenti kkontribwiet sabiex tiġi żviluppata l-pożizzjoni ewlenija tar-reġjun u jiġu kkummerċjalizzati r-riżorsi naturali Artiki filwaqt li jitwettaq żvilipp sostenibbli u jinħolqu l-impjiegi.

    Sabiex tiġi żgurata l-effikaċja tal-investimenti għall-politika reġjonali, jridu jiġu stabbiliti l-istrateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti (“kundizzjonalità ex-ante”) qabel ma jasal l-appoġġ finanzjarju tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali fir-riċerka u l-innovazzjoni fil-perjodu 2014-2020.

    Barra minn hekk, biex tappoġġa l-proċess, il-Kummissjoni stabbiliet Pjattaforma ta’ Speċjalizzazzjoni Intelliġenti 9 , li mill-2012, tikkonsulta lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali dwar kif ifasslu u jimplimentaw l-istrateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti tagħhom. Tiffaċilita t-tagħlim reċiproku, il-ġbir ta’ dejta, l-analiżi, u opportunitajiet ta’ netwerking għal madwar 170 reġjun u 180-il gvern nazzjonali tal-UE.

    Dawn l-istrateġiji ta’ spiss jinvolvi setturi tradizzjonali bħal prodotti agroalimentari, forestrija, turiżmu u tessut li jevolvu permezz ta’ innovazzjoni inkrementali. Iżda jinkludu wkoll setturi relatati mal-iskjerament ta’ teknoloġiji faċilitanti ewlenin, innovazzjoni ta’ servizzi u soluzzjonijiet effiċjenti fir-riżorsi fl-enerġija, it-trasport l-ambjent, l-ekonomija ċirkolari, in-nanoteknoloġija, u s-saħħa li jistgħu joħolqu swieq u industriji kompletament ġodda. L-istrateġiji huma mibnija fuq proċess kollaborattiv li jiffaċilita l-innovazzjoni mmexxija mid-domanda u soluzzjonijiet kollettivi.

    Dawn l-istrateġiji huma għodda qawwija li jgħinu biex politiki u strumenti orizzontali fil-livell nazzjonali u tal-UE jissarrfu għal-livelli reġjonali u lokali, u jinħolqu rabtiet fl-ekosistemi ta’ innovazzjoni u ninkoraġġixxu innovazzjoni soċjali usa’. Jikkontribwixxu għal ekonomija Ewropea aktar kompetittiva u reżiljenti għall-globalizzazzjoni, u jiżguraw li tiġġenera r-riżorsi meħtieġa biex tipprovdi għal tqassim ġust tal-benefiċċji tagħha.

    3.sfidi ewlenin u l-passi li jmiss: tingħata spinta lit-tkabbir immexxi mill-innovazzjoni

    Filwaqt li evalwazzjonijiet previsti taħt ir-regolamenti tal-politika ta’ koeżjoni se jgħinu aktar jidentifikaw is-saħħiet u d-dgħufijiet tal-approċċ attwali, huwa ċar li strateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti diġà bdew jagħmlu kontribuzzjoni sinjifikanti f’termini ta’ orjentazzjoni mill-ġdid tal-politika ta’ koeżjoni tal-Unjoni Ewropea, li l-vantaġġ kompetittiv tal-Ewropa jiddependi fuq il-kapaċità tagħha li tippromwovi mudelli ġodda ta’ tkabbir f’livelli reġjonali, billi jimmiraw l-investimenti lejn setturi innovattivi b’potenzjal tat-tkabbir sinjifikanti u valur miżjud għoli.

    Għal dan l-għan, jeħtieġ li jiġu identifikati u indirizzati erba’ sfidi:

    ·Nirriformaw iktar is-sistemi tar-riċerka u l-innovazzjoni fir-reġjuni;

    ·Inżidu l-kooperazzjoni fl-investiment fl-innovazzjoni fir-reġjuni;

    ·Insaħħu r-riċerka u l-innovazzjoni f’reġjuni fi tranżizzjoni industrijali u li huma inqas żviluppati;

    ·Nużaw is-sinerġiji u l-komplementarjetajiet bejn il-politiki u l-istrumenti tal-UE.

    3.1.Nirriformaw iktar is-sistemi tar-riċerka u l-innovazzjoni fir-reġjuni

    Kif intwera matul il-proċess tas-Semestru Ewropew 10 , ir-riforma tas-sistemi tar-riċerka u l-innovazzjoni għandha dimensjoni reġjonali ċara li għandha tħaddan tliet elementi trasversali: riċerka u innovazzjoni, trasformazzjoni industrijali, u finanzi u investiment 11 .

    Bħala prerekwiżit għal investiment tal-politika ta’ koeżjoni, l-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti kkontribwiet għat-twettiq ta’ riformi f’madwar nofs l-Istati Membri 12 u għenet tindirizza ħafna sfidi tar-riċerka u l-innovazzjoni. Madankollu, f’ċerti każijiet, il-parteċipazzjoni żbilanċjata ta’ rappreżentanti minn diversi setturi li jinkludu r-riċerka, l-industrija, l-edukazzjoni għolja, l-amministrazzjoni pubblika u s-soċjetà ċivili dgħajfu l-isforzi ta’ riforma usa’. Għaldaqstant attenzjoni kbira tal-istrateġiji kienet fuq li twaqqa’ dawn il-ħitan bejn l-entitajiet amministrattivi varji u titjieb il-governanza f’diversi livelli.

    Sforzi ta’ riformi jeħtieġ li jiġu intensifikati sabiex jinħoloq ambjent tan-negozju favorevoli u amministrazzjoni pubblika effiċjenti u trasparenti sabiex titrawwem l-innovazzjoni u jiżdied id-dinamiżmu fis-swieq tal-prodotti u s-servizzi u jitjiebu l-kundizzjonijiet għall-ħolqien u t-tkabbir tal-mikrointrapriżi ġodda 13 . Fl-istess ħin, dawn l-isforzi għandhom ukoll jinkoraġġixxu investiment fil-ħiliet u l-kapital uman 14 f’konformità mal-Iskemi ta’ Kooperazzjoni Settorjali dwar il-Ħiliet 15 , l-Aġenda Mġedda tal-UE għall-Edukazzjoni Għolja 16 kif ukoll biex isir użu aħjar tar-raggruppamenti u jingħata appoġġ lill-politika tal-SMEs. Il-Koalizzjoni għall-Ħiliet u l-Impjiegi Diġitali 17 jista’ jkollha rwol importanti f’dan il-proċess, biex tgħin lis-suq tax-xogħol jirreaġixxi għat-trasformazzjoni diġitali madwar l-UE. Dan se jiġi kkumplimentat bid-djalogu dwar l-eċċellenza tal-politika tar-ragruppamenti 18 .

    ·Il-Kummissjoni se żżid l-isforzi tagħha biex tpoġġi għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali, meta tintalab u f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u r-reġjuni kkonċernati, l-appoġġ disponibbli tal-UE biex jiffaċilita t-tfassil, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tar-riformi ta’ politika fir-riċerka u l-innovazzjoni.

    ·Il-Pjattaforma ta’ Speċjalizzazzjoni Intelliġenti tkompli tipprovdi appoġġ biex jiġu implimentati strateġija ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti nazzjonali u reġjonali. Barra minn hekk, meta tintalab, il-Faċilità ta’ Appoġġ tal-Politika ta’ Orizzont 2020 tgħin lill-Istati Membri jindirizzaw ostakli fis-sistemi tagħhom ta’ riċerka u innovazzjoni, inklużi dawk relatati mal-implimentazzjoni effettiva ta’ strateġija ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti.

    ·Barra minn hekk, is-Servizz ta’ Sostenn għar-Riforma Strutturali, li jopera meta jintalab mill-Istati Membri, huwa disponibbli biex jgħin fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ riformi li jistgħu jtejbu l-ambjent tan-negozju, is-suq tax-xogħol, kif ukoll jipprovdi lil persuni bil-ħiliet, l-edukazzjoni u t-taħriġ meħtieġ fis-swieq tax-xogħol tal-lum u ta’ għada 19 .

    Sabiex il-kontribut tar-riformi strutturali għall-innovazzjoni jiġi massimizzat, l-Istati Membri huma mistiedna li jirrinforzaw id-djalogu mal-partijiet ikkonċernati kollha fil-kors tal-proċess tas-Semestru Ewropew, inklużi r-reġjuni u l-awtoritajiet lokali. Għandhom ukoll jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet identifikati fi strateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti billi jżidu l-kwalità u t-trasparenza tar-riċerka u tas-sistema ta’ edukazzjoni għolja, jiżguraw finanzjament kompettittiv tar-riċerka, isaħħu t-trasferiment tal-għarfien, jorbtu l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali ma’ sistemi ta’ innovazzjoni u jikkontribwixxu għall-informazzjoni dwar il-ħiliet u t-tlaqqigħ tal-ħiliet f’konformità mal-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet 20 .

    3.2.Inżidu l-kooperazzjoni fl-investiment fl-innovazzjoni madwar ir-reġjuni

    Strateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti ntużaw sabiex jagħtu spinta lil politika aktar effettiva dwar l-innovazzjoni u imbottatura lill-kooperazzjoni interreġjonali dwar katini tal-valur ġodda bejn il-fruntieri. Ir-rabta bejn l-atturi tar-riċerka u l-innovazzjoni mal-partijiet interessati industrijali tgħin tisfrutta l-komplementarjetajiet fl-iżvilupp tat-tfassil tal-prodotti u l-proċess. Dan se jgħin jibni u jifforma mill-ġdid il-ktajjen ta’ valur għall-UE kollha billi jippromwovi s-sinerġija ta’ investiment bejn is-settur privat u dak pubbliku. Il-ħolqien ta’ sensiliet stabbli ta’ proġetti li jaqblu mal-prijoritajiet strateġiċi identifikati għandhom jiġu żviluppati mill-partijiet interessati rilevanti flimkien.

    Għaldaqstant huwa neċessarju li tiġi żviluppata iktar id-dimensjoni interreġjonali u transkonfinali permezz tal-ħolqien ta’ opportunitajiet ta’ investiment interreġjonali li se tiffaċilita l-iskalar tal-innovazzjoni reġjonali u lokali, kif diġà inagħtaw spinta fil-kuntest tal-Komunikazzjoni dwar l-Enerġija Nadifa għall-Ewropej kollha 21 .

    Kooperazzjoni interreġjonali u rbit sostenibbli iktar b’saħħithom u strateġiċi bejn ekosistemi reġjonali skont l-oqsma ta’ prijorità tal-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti jistgħu jżidu l-kompetittività u r-reżiljenza, kif muri mill-inizjattiva Vanguard.

    L-Inizjattiva Vanguard għal tkabbir ġdid permezz ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti hija xprunata minn impenn politiku tar-reġjuni li jużaw l-istrateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti biex isaħħu t-tkabbir ġdid permezz ta’ innovazzjoni intraprenditorjali minn isfel għal fuq u tiġdid industrijali f’oqsma ta’ prijorità Ewropej. Bħalissa tletin reġjun huma parti minn din l-inizjattiva.

    L-Inizjattiva Vanguard tfittex li tmexxi bl-eżempju fl-iżvilupp tal-kooperazzjoni interreġjonali u governanza biex tgħin raggruppamenti u ekosistemi reġjonali jiffukaw fuq żoni ta’ prijorità għal industriji emerġenti u trasformanti. Reġjuni tal-Vanguard ifittxu li jisfruttaw komplementarjetajiet identifikati fl-istrateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti sabiex jiżviluppaw raggruppamenti ta’ klassi dinjija u netwerks ta’ raggruppamenti, b’mod partikolari permezz ta’ demostraturi pilota u fuq skala kbira.

    Dan wassal lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi, bl-appoġġ tal-Pjattaforma tal-Ispeċjalizzazzjoni Intelliġenti tagħha, pjattaformi tematiċi dwar il-modernizzazzjoni industrijali, l-enerġija u prodotti agroalimentari biex tgħin lil reġjuni jaħdmu flimkien fuq il-prijoritajiet ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti tagħhom, jinvolvu lil dawk li jfasslu l-politiki, ir-riċerkaturi, in-negozju, ir-raggruppamenti u s-soċjetà ċivili 22 . Dawn il-pjattaformi jipprovdu opportunità unika għal min ifassal il-politika fil-livell nazzjonali, reġjonali u tal-UE li jikkondividu l-esperjenza sabiex jindirizzaw dawn il-prijoritajiet f’kuntest reġjonali, fejn il-bidla nħasset l-iktar.

    Sal-lum il-Pjattaformi ta’ Speċjalizzazzjoni Intelliġenti Tematiċi jlaqqgħu flimkien 100 reġjun li jaħdmu flimkien fi 17-il sħubija interreġjonali fuq suġġetti komuni li jrawmu l-innovazzjoni, ir-rabtiet tal-katina tal-valur u jiżviluppaw investimenti konġunti, bl-appoġġ mis-servizzi tal-Kummissjoni:

    ·Il-pjattaforma ta’ modernizzazzjoni industrijali tinkludi sħubijiet dwar il-manifattura avvanzata, il-manifattura sostenibbli, il-bijoekonomija, l-istampar 3D, teknoloġiji mediċi, tessuti innovattivi, industrija 4.0, sports u prodotti nanoabilitati ġodda.

    ·Il-pjattaforma tal-enerġija tinkludi sħubijiet dwar bijoenerġija, enerġija rinnovabbli marina, grilji intelliġenti, enerġija solari u bini sostenibbli.

    ·Il-pjattaforma ta’ prodotti agroalimentari tinkludi sħubijiet dwar biedja b’teknoloġija avvanzata, traċċabbiltà, bijoekonomija u prodotti agroalimentari u sistemi elettroniċi intelliġenti.

    Huma meħtieġa aktar sforzi biex jiġu integrati inizjattivi kbar oħra Ewropej ma’ dawn il-pjattaformi u s-sħubijiet reġjonali tagħhom, biex jiġu ffaċilitati l-kummerċjalizzazzjoni u l-iskalar tal-proġetti interreġjonali ta’ innovazzjoni tagħhom u biex jingħata inċentiv għal investiment tan-negozju. Il-Pjattaformi ta’ Speċjalizzazzjoni Intelliġenti tematiċi għandhom jintużaw ukoll biex tiġi approfondita l-kooperazzjoni bejn ir-reġjuni inqas żviluppati, reġjuni fi tranżizzjoni industrijali u dawk aktar avvanzati, biex jiffaċilitaw it-tranżizzjoni industrijali u teknoloġiċi tagħhom.

    ·Il-Kummissjoni se tistabbilixxi, fi sħubija mill-qrib mal-Istati Membri kkonċernati, azzjoni pilota sal-aħħar tal-2017 biex taħdem b’kollaborazzjoni mill-qrib b’ħames sa għaxar sħubijiet tematiċi li jirrappreżentaw lil dawk li jfasslu l-politiki, riċerkaturi, negozji u atturi oħra tal-innovazzjoni. Appoġġ għall-iżvilupp tal-azzjoni pilota se jkun ipprovdut mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali.

    ·L-għan se jkun li jittestjaw metodi biex jiġu kkummerċjalizzati u skalati proġetti ta’ innovazzjoni interreġjonali li għandhom il-potenzjal li jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta’ ktajjen tal-valur Ewropej. Dawn is-sħubijiet jistgħu jinkludu l-manifattura avvanzata u l-industrija 4.0, il-bijoekonomija, big data, enerġija, tranżizzjoni għal karbonju baxx, mobbiltà kkollegata u nadifa, is-saħħa, ċibersigurtà, l-ilma u l-innovazzjoni f’setturi tradizzjonali. Din il-ħidma se tibni fuq ir-relazzjoni ta’ ħidma mill-qrib żviluppata bejn is-servizzi tal-Kummissjoni u s-sħubijiet żviluppati fil-kuntest tal-Pjattaformi ta’ Speċjalizzazzjoni Intelliġenti tematiċi, u dwar l-inizjattivi ta’ innovazzjoni rilevanti tal-UE 23 . 

    Bl-appoġġ tal-Kummissjoni l-Istati Membri u r-reġjuni għandhom jibnu fuq ir-raggruppamenti u l-Komunità ta’ Konoxxenza u Innovazzjoni (KICs) tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija, biex jiżviluppaw sensiliet ta’ investiment għal proġetti li huma bankabbli għall-appoġġ minn strumenti finanzjarji, b’mod partikolari permezz tal-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi, li jgħin jattira investiment privat billi jappoġġa proġetti innovattivi li jaf jeħtieġu kopertura tar-riskju.

    Proġetti li huma min-natura tagħhom żgħar jistgħu jiġu raggruppati flimkien fi pjattaformi ta’ investiment, jgħaqqdu flimkien fondi differenti tal-UE bl-aktar mod effiċjenti u jinvolvu s-settur privat fejn xieraq.

    3.3.Insaħħu r-riċerka u l-innovazzjoni f’reġjuni fi tranżizzjoni industrijali u li huma inqas żviluppati

    Reġjuni inqas żviluppati għadhom jaffaċċjaw ostakli marbuta mal-frammentazzjoni u s-sostenibbiltà tal-infrastrutturi tar-riċerka u l-innovazzjoni u ta’ spiss jesperjenzaw diffikultajiet fil-bini ta’ ambjenti istituzzjonali u legali li jwasslu għall-innovazzjoni 24 . Filwaqt li speċjalizzazzjoni intelliġenti hija relevanti għar-reġjuni kollha, reġjuni anqas żviluppati jeħtieġu attenzjoni speċifika fir-rigward ta’ kapital uman, żvilupp tal-ħiliet u proċess ta’ innovazzjoni iktar inklużiv. Atturi ta’ innovazzjoni f’reġjuni anqas żviluppati ta’ spiss ma jkunux konnessi sew mal-komunità usà tar-riċerka u innovazzjoni u ma’ ktajjen tal-valur globali.

    Reġjuni fi tranżizzjoni industrijali jaffaċċaw sfidi speċifiċi, notevolment fejn din hija assoċjata ma’ nuqqas ta’ bażi ta’ ħiliet xierqa, kostijiet ta’ unità lavorattiva għoljin u deindustrijalizzazzjoni. Dawn ir-reġjuni jistgħu ma jkunux kapaċi jiġbdu biżżejjed investiment minn barra r-reġjun sabiex jinkoraġixxu l-innovazzjoni permezz tal-iżvilupp ta’ ktajjen ta’ provvista ġodda, kif ukoll biżżejjed strutturi u ditti ta’ riċerka kummerċjali li jkunu jistgħu jiffurmaw il-bażi għal modernizzazzjoni industrijali wiesgħa. Jista’ jkun hemm iktar dgħufijiet fil-kapaċità li jiġu sfruttati l-opportunitajiet ta’ finanzjament offruti mill-fondi disponibbli taħt programmi Ewropej għar-riċerka u l-innovazzjoni u l-kompetittività industrijali 25 , filwaqt li ma jingħatawx il-livell ta’ appoġġ disponibbli għal reġjuni inqas żviluppati fil-qafas tal-politika ta’ koeżjoni.

    Appoġġ kontinwu għal tagħlim reċiproku huwa għaldaqstant essenzjali. Il-Kummissjoni pprovdiet appoġġ permezz ta’ aċċess għal espert indipendenti, l-assistenza teknika bħal TAIEX Peer 2 Peer 26 u l-Pjattaforma Speċjalizzazzjoni Intelliġenti 27 . Dan ippermetta lil reġjuni biex jadottaw l-aħjar prattiki, jirreferenzjaw l-istrutturi tagħhom ma’ standards dinjin, jimmappjaw id-diversità ta’ kapaċitajiet tar-riċerka u l-innovazzjoni u l-komplementarjetajiet fir-reġjuni tal-UE, u jindirizzaw id-dgħufijiet tagħhom.

    L-investiment fil-kapital uman u l-iżvilupp tal-ħiliet, pereżempju fis-settur tal-ICT, l-appoġġ tal-ħolqien ta’ negozju, il-ġustizzja u l-governanza elettronika, huwa pprovdut mill-Fond Soċjali Ewropew b’konformità mal-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet. Il-Fond Soċjali Ewropew jappoġġa wkoll reġjuni anqas żviluppati fil-modernizzazzjoni tal-amministrazzjoni tagħhom b’mira lejn riformi, regolamentazzjoni aħjar u governanza tajba.

    Il-ħtieġa li tinfirex l-eċċellenza u titwessa’ l-parteċipazzjoni ġiet appoġġata wkoll permezz tat-Timijiet u Ġemellaġġi ta’ Orizzont 2020, tal-presidenzi taż-Żona Ewropea tar-Riċerka u l-azzjonijiet tal-COST 28 u l-proġett “Taraġ lejn l-Eċċellenza” 29 . Barra minn hekk, il-proġett ta’ Reġjuni li Għadhom Lura 30 jipprovdi appoġġ immirat skont il-politika ta’ koeżjoni lil reġjuni anqas żviluppati sabiex jimplimentaw speċjalizzazzjoni intelliġenti permezz ta’ miżuri li jibnu l-kapaċità, ir-riforma amministrattiva u monitoraġġ u evalwazzjoni msaħħa.

    Skont il-proġett ta’ Reġjuni li Għadhom Lura, il-Kummissjoni Ewropea u l-esperti tal-Bank Dinji, flimkien mal-awtoritajiet nazzjonali u lokali tal-Polonja, kien qed jaħdmu matul l-aħħar sena biex isibu soluzzjonijiet li jagħtu spinta lill-iżvilupp ekonomiku fir-reġjuni bi dħul baxx ta’ Podkarpackie u Świętokrzyskie, fil-Polonja tal-Lvant. Azzjonijiet jinkludu għarfien tat-trasferiment mill-akkademja għan-negozji lokali, pereżempju fl-industrija tal-ajruspazju f’Podkarpackie, l-aġġornament tal-ambjent reġjonali għan-negozji, u t-titjib tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol lokali.

    L-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija permezz tal-Iskema ta’ Innovazzjoni Reġjonali tiegħu jgħin ukoll biex titwessa’ l-parteċipazzjoni 31 . Finalment, l-iżvilupp tan-netwerk pan-Ewropew ta’ Ċentri ta’ Innovazzjoni Diġitali 32 u infrastrutturi oħra ta’ riċerka u innovazzjoni se jgħinu lil SMEs jiġġestixxu t-trasformazzjoni diġitali tagħhom.

    Miżuri ta’ politika mmirati jistgħu jgħinu biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet speċifiċi ta’ dawn ir-reġjuni u biex jimplimentaw b’suċċess l-istrateġija ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti tagħhom, b’lenti partikolari fuq it-tagħlim reċiproku u l-iskambju ta’ prattiki tajbin fl-implimentazzjoni tal-politika tal-innovazzjoni, fil-governanza u fil-monitoraġġ.

    Sal-aħħar tal-2017 u fi sħubija mill-qrib mal-Istati Membri relevanti, il-Kummissjoni se tistabbilixxi azzjoni pilota li tinvolvi għadd limitat ta’ reġjuni ta' test li jesprimu l-interess tagħhom li jaħdmu abbażi tal-istrateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti rispettivi tagħhom sabiex jippromwovu innovazzjoni fuq bażi wiesgħa biex jiġu indirizzati l-isfidi tat-tranżizzjoni industrijali. L-azzjoni se tfittex li tiffaċilita l-użu kkombinat ta’ strumenti eżistenti tal-UE u programmi ġestiti mill-Kummissjoni flimkien mar-riżorsi disponibbli mill-politika ta’ koeżjoni, bil-għan li tiġi aċċellerata l-adozzjoni tal-innovazzjoni, jitneħħew l-ostakli għall-investiment u tkun faċilitata l-kisba ta’ ħiliet u tipprepara għall-bidla industrijali u soċjali. Appoġġ għall-iżvilupp tal-azzjoni pilota se jkun mogħti mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali b’appoġġ ta’ pariri mmirati mill-Osservatorju Ewropew għall-Bidla Industrijali u r-Raggruppamenti.

    L-Istati Membri, b’appoġġ mill-Kummissjoni, għandhom jindirizzaw il-ħtiġijiet ta’ reġjuni anqas żviluppati billi jsaħħu l-attenzjoni fuq innovazzjoni b’bażi wiesgħa u miftuħa, governanza kollaborattiva ġdida, sħubijiet interreġjonali ġodda, żvilupp ta’ kapaċitajiet sabiex tiġi assorbita teknoloġija ġdida, isiru konnessjonijiet bejn l-ekonomija lokali mar-riċerka ta’ klassi dinjija, u titwessa’ l-parteċipazzjoni f’netwerks tal-innovazzjoni globali.

    3.4.Nużaw is-sinerġiji u l-komplementarjetajiet bejn il-politiki u l-istrumenti tal-UE

    Attwalment, jeżistu għadd sostanzjali ta’ programmi u strumenti ta’ politika reġjonali, nazzjonali u Ewropej sabiex jinkoraġġixxu l-innovazzjoni, it-tkabbir u l-impjiegi jew jippromwovu l-kooperazzjoni interreġjonali 33 . Rabta aħjar ta’ dawn il-politiki u l-istrumenti bejn livelli differenti ta’ governanza hija meħtieġa biex jiżdied l-impatt tagħhom fit-twassil tal-prijoritajiet Ewropej ewlenin. Għaldaqstant hemm ħtieġa li s-sinerġiji jiġu sfruttati bis-sħiħ u l-komplementarjetajiet jiġu żviluppati bejn il-fondi tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni, il-politika ta’ koeżjoni u l-kompetittività industrijali sabiex jipprovdu investiment essenzjali. L-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti tipprovdi qafas strateġiku biex jiġu żviluppati dawn il-komplementarjetajiet 34 .

    Biex jintlaħaq dan l-għan, il-Kummissjoni diġà ressqet firxa wiesgħa ta’ miżuri fil-kuntest tal-proposti għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-2020-2014 35 .

    Il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, Orizzont 2020, u l-politika ta’ koeżjoni jippermettu li l-fondi jiġu kkombinati fi proġett wieħed. Ir-regolamenti għal Orizzont 2020 u l-politika ta’ koeżjoni allinjaw ir-regoli għal opzjonijiet ta’ kost simplifikati u żiedu l-possibbiltà li jonfqu iktar fondi tal-politika ta’ koeżjoni barra żoni tal-programmi. Il-Kummissjoni ppubblikat ukoll linji gwida dwar kif il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi jiġi kkombinat ma’ fondi tal-politika ta’ koeżjoni.

    Il-Kummissjoni nediet għadd ta’ inizjattivi (bħall-inizjattiva Taraġ għall-Eċċellenza u Tikketta tal-Eċċellenza) u pprovdiet gwida biex tinkoraġġixxi u tiffaċilita sinerġiji 36 bejn strumenti ta’ politika differenti. Ipproponiet iktar simplifikazzjoni biex tiffaċilita l-kombinazzjoni kumplessa attwali ta’ finanzjament minn Orizzont 2020 u l-politika ta’ koeżjoni 37 .

    Il-proġett pilota Taraġ għall-Eċċellenza jgħin biex jingħalaq id-distakk fl-innovazzjoni bejn reġjuni tal-UE billi jappoġġa l-implimentazzjoni ta’ strateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti billi jiżviluppa u jisfrutta l-komplementarjetajiet bejn il-politika ta’ koeżjoni, Orizzont 2020 u programmi oħrajn ta’ finanzjament mill-UE. L-inizjattiva Tikketta tal-Eċċellenza tgħin lil SMEs biex isibu finanzjament alternattiv taħt il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u sorsi oħra għall-ideat ta’ proġetti ta’ innovazzjoni tagħhom li ġew evalwati bħala eċċellenti taħt Orizzont 2020 iżda li ma setgħux jiġu sostnuti minħabba riżorsi limitati.

    Ir-rappreżentanti ta’ investiment tal-Kummissjoni jistgħu jipprovdu appoġġ 38 fil-post fl-Istati Membri lill-awtoritajiet pubbliċi u l-promoturi sabiex jinħolqu sensiliet stabbli ta’ proġetti li jimmassimizzaw l-impatt tal-fondi tal-UE u bl-użu tal-għarfien espert taċ-Ċentru Ewropew ta’ Konsulenza għall-Investimenti 39 . 

    L-evidenza tissuġġerixxi li kien hemm titjib fil-koordinazzjoni fil-livell tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni 40 fil-ġestjoni strateġika ta’ investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni. Madankollu, fil-livell tal-proġett għad hemm bżonn għal ċarezza ikbar tal-irwoli, ir-responsabbiltajiet u l-koordinazzjoni, speċjalment f'relazzjoni mar-regoli ta’ eliġibbiltà, l-akkwist u l-għajnuna mill-istat u ma’ proġetti transnazzjonali 41 .

    ·Il-Kummissjoni se tkompli taħdem fi djalogu mill-qrib ma’ awtoritajiet nazzjonali u reġjonali sabiex tindirizza l-komplessitajiet fl-użu kkombinat ta’ strumenti differenti tal-UE sabiex timmassimizza l-investiment fi proġetti li jimmiraw lejn riċerka u innovazzjoni, kompetittività u produttività. Bl-għajnuna tar-rappreżentanti ta’ investiment fuq il-post u permezz ta’ Ċentru Ewropew ta’ Konsulenza għall-Investimenti, il-Kummissjoni se toffri assistenza biex timmassimizza l-mobilizzazzjoni tal-kapital mis-settur privat.

    ·Il-Kummissjoni se taħdem f’kooperazzjoni mill-qrib ma’ awtoritajiet nazzjonali u reġjonali ukoll sabiex tiffaċilita u tiċċara l-użu kkombinat ta’ fondi differenti fir-rigward ta’ għajnuna mill-istat, l-akkwist pubbliku u l-kooperazzjoni interreġjonali.

    ·Il-Kummissjoni se tqis il-possibilitajiet li tipprovdi assistenza fuq il-post permezz ta’ rappreżentanti dedikati ta’ investiment. Dawn ir-rappreżentanti jkunu jaġixxu bħala l-ewwel punt ta’ kuntatt għall-partijiet interessati lokali sabiex jimmassimizzaw l-impatt ta’ fondi differenti tal-UE. Ikunu jaġixxu fuq talba u jibagħtu r-rikjesti speċifiċi għand il-faċilitajiet ikkonċernati fi ħdan iċ-Ċentru Ewropew ta’ Konsulenza għall-Investiment sabiex jinkoraġġixxu aktar il-kombinament ta’ fondi differenti.

    ·Il-Kummissjoni se tipprovdi lill-partijiet ikkonċernati b’immappjar komprensiv tal-atturi ta’ appoġġ u faċilitajiet mill-aktar avvanzati f’ekosistemi reġjonali sabiex irawmu sħubijiet transreġjonali u aċċess għall-kompetenzi.

    ·Il-Kummissjoni se tkompli taħdem mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill fil-kuntest tad-diskussjonijiet li għaddejjin dwar ir-Regolament Omnibus 42 biex ikomplu jiffaċilitaw l-investimenti transnazzjonali, bħall-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet barra ż-żona tal-programm.

    L-Istati Membri huma mħeġġa biex jaħdmu mill-qrib mal-partijiet interessati biex jagħmlu użu sħiħ mill-possibbiltajiet ta’ simplifikazzjoni li huma attwalment disponibbli. L-awtoritajiet ta’ ġestjoni fl-Istati Membri għall-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej għandhom jorganizzaw sejħiet simplifikati dedikati għal proġetti li rċevew it-Tikketta ta’ Eċċellenza abbażi tal-prattika tajba żviluppata fir-Repubblika Ċeka, l-Italja, il-Polonja u Spanja.

    4.KONKLUŻJONIJIET

    L-UE, l-Istati Membri tagħha u r-reġjuni kollha qed iħabbtu wiċċhom ma’ sfidi fil-kuntest tal-globalizzazzjoni. Din id-dinja ġdida ġġib magħha opportunitajiet li Ewropa trid taħtaf filwaqt li tibqa’ impenjata favur distribuzzjoni ġusta tal-benefiċċji riżultanti. Huwa essenzjali li jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tal-innovazzjoni sabiex tiġi mmodernizzata l-ekonomija, sabiex nappoġġaw il-mudell soċjali tal-UE u l-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini Ewropej. Jeħtieġ li l-Ewropa tagħti s-setgħa, tiddefendi u tipproteġi liċ-ċittadini, ir-reġjuni u l-industrija tagħha sabiex toħloq il-ġid u l-impjiegi li ċ-ċittadini tal-Ewropa jistennew. Sabiex tilħaq dan, huwa meħtieġ li l-politiki u l-istrumenti tal-UE jaħdmu flimkien b’mod ikkoordinat, bejn il-livelli differenti ta’ governanza, sabiex javvanzaw lejn tkabbir sostenibbli, reżiljenti u inklużiv fil-livell territorjali.

    F'dan il-kuntest, l-istrateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti diġà qed jagħmlu differenza billi jtejbu l-kwalità tal-investiment tal-politika ta’ koeżjoni għall-innovazzjoni u għaldaqstant saru parti integrali fl-approċċ tal-Ewropa lejn l-innovazzjoni. Qed tagħmel differenza wkoll fil-mod kif ir-reġjuni Ewropej qed ifasslu u jimplimentaw il-politika ta’ innovazzjoni tagħhom u jinvolvu n-negozji.

    L-esperjenza miksuba s’issa ma’ programmi attwali tal-politika ta’ koeżjoni, flimkien mal-azzjonijiet u l-proġetti pilota ppreżentati f’din il-Komunikazzjoni, se jipprovdu kontribut utli fit-tħejjija għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni ser tissorvelja l-progress fl-implimentazzjoni ta’ dawn l-azzjonijiet. L-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti tirrappreżenta mod ġdid ta’ ħidma flimkien, li tiżgura parteċipazzjoni lokali u reġjonali aktar b’saħħitha fit-teħid ta’ deċiżjonijiet, liema potenzjal jista’ jiġi skalat għall-benefiċċju tar-reġjuni tal-UE u għall-UE b’mod sħiħ. Dan l-approċċ jista’ jiġi rreplikat u użat f’kuntest usa’ bħala għodda utli biex jiġi implimentat il-baġit ġejjieni tal-UE 43 bl-aktar mod effettiv.

    (1) Il-Karta ta’ Riflessjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Ġestjoni tal-Globalizzazzjoni - COM(2017) 240 final.
    (2)  10 Prijoritajiet tal-Kummissjoni ta’ Juncker.
    (3) COM(2010) 553 final.
    (4) Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta’ Ġunju 2016 dwar “Politika ta’ Koeżjoni aktar favur ir-riċerka u l-innovazzjoni, intelliġenti u sempliċi u l-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej b’mod aktar ġenerali”, Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta’ Jannar 2014 dwar is-speċjalizzazzjoni intelliġenti: eċċellenza fin-netwerking għal Politika ta’ Koeżjoni soda (2013/2094(INI)), riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta’ Settembru 2016 dwar il-Politika ta’ Koeżjoni u l-Istrateġiji ta’ Riċerka u Innovazzjoni għall-Ispeċjalizzazzjoni Intelliġenti (RIS3) (2015/2278(INI)), L-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tat-22 ta’ Marzu 2017 dwar “Strateġiji għall-Ispeċjalizzazzjoni Intelliġenti (RIS3): l-impatt għar-reġjuni u l-kooperazzjoni interreġjonali”.
    (5) Mid-daħla għall-pubblikazzjoni “Industrija fl-Ewropa” (Frar 2017) tal-President tal-Kummissjoni Ewropea, Jean-Claude Juncker.
    (6) Kif ippjanat fil-programmi operazzjonali għall-2014-2020:  https://cohesiondata.ec.europa.eu/themes .
    (7) bażi ta’ dejta EYE@RIS3: http://s3platform.jrc.ec.europa.eu/eye-ris3  
    (8) L-implimentazzjoni ta’ Strateġiji ta’ Speċjalizzazzjoni Intelliġenti- Manwal. Il-Kummissjoni Ewropea,  http://s3platform.jrc.ec.europa.eu/s3-implementation-handbook  
    (9) http://s3platform.jrc.ec.europa.eu/  
    (10) Is-Semestru Ewropew huwa ċiklu ta’ koordinazzjoni tal-politika ekonomika u fiskali fl-UE. Huwa parti mill-qafas tal-governanza ekonomika tal-Unjoni Ewropea.
    (11) Id-Dikjarazzjoni Tematika tas-Semestru Ewropew “Riċerka u Innovazzjoni”  https://rio.jrc.ec.europa.eu/en/library/european-semester-thematic-fiche-research-and-innovation  
    (12) L-istudju “L-appoġġ tal-Fondi SIE għall-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiżi u għar-riformi strutturali fl-Istati Membri”, 2017, il-Kummissjoni Ewropea.
    (13) COM(2016) 733 final.
    (14) COM(2017) 90 final.
    (15) http://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=738&langId=en&pubId=7969  
    (16) COM(2017) 247 final.
    (17) https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/digital-skills-jobs-coalition  
    (18) Dan id-djalogu se jseħħ matul id-diskussjonijiet fil-Forum dwar il-Politika tar-Raggruppamenti Ewropew li jmiss.
    (19) Il-Programm tas-Servizz ta’ Sostenn għar-Riforma Strutturali 2017-2020, ir-Regolament (UE) Nru 2017/825.
    (20) COM(2016) 381 final.
    (21) COM(2016) 860 final.
    (22) Ara d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal akkumpanjanti għad-dettalji dwar sħubijiet reġjonali mnedija.
    (23) Pereżempju, is-Sħubijiet Pubbliċi Privati appoġġati minn Orizzont 2020 dwar il-bijoekonomija, il-manifattura avvanzata, u t-teknoloġiji ġodda tal-enerġija.
    (24) SWD(2017) 132 final.
    (25) Orizzont 2020 u COSME - il-programm Ewropew għal intrapriżi ta’ daqs żgħir u medji.
    (26) http://ec.europa.eu/regional_policy/index.cfm/en/policy/how/improving-investment/taiex-regio-peer-2-peer/  
    (27) http://s3platform.jrc.ec.europa.eu/  
    (28) Madwar 1 % tal-baġit ta’ Orizzont 2020 huwa allokat għal dan l-appoġġ lil pajjiżi b’inqas riċerka - https://ec.europa.eu/research/regions/index.cfm?pg=widening . COST tappoġġa n-netwerks ta’ riċerkaturi b’enfasi fuq riċerkaturi minn pajjiżi inqas iffukati fuq ir-riċerka.
    (29) http://s3platform.jrc.ec.europa.eu/stairway-to-excellence  
    (30) http://s3platform.jrc.ec.europa.eu/ris3-in-lagging-regions  
    (31) https://eit.europa.eu/activities/outreac/eit-regional-innovation-scheme-ris . Barra minn hekk, il-proġett Edukazzjoni Ogħla għal Speċjalizzazzjoni Intelliġenti (Higher Education for Smart Specialisation - HESS) jagħti pariri lir-reġjuni dwar kif itejbu l-involviment tal-istituzzjonijiet ta’ Edukazzjoni Ogħla - http://s3platform.jrc.ec.europa.eu/hess
    (32)   https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/digital-innovation-hubs  
    (33) Strumenti li jippromwovu l-kooperazzjoni bejn fruntieri reġjonali u nazzjonali jinkludu: Inizjattivi Konġunti ta’ Programmar u Teknoloġija u Sħubiji Pubbliċi-Privati kuntrattwali taħt Orizzont 2020, l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija, il-Komunità ta’ Konoxxenza u Innovazzjoni, l-Alleanza tal-Ħiliet u l-Għarfien Settorjali taħt l-Erasmus+, is-Sħubijiet Strateġiċi Ewropej tar-Raggruppamenti, in-Netwerk Enterprise Europe, is-Sħubijiet Ewropej għall-Innovazzjoni, in-Netwerk Start Up Regions, Interreg.
    (34) Permezz ta’ “azzjonijiet upstream” li jħejju lill-partijiet interessati biex jieħdu sehem f’Orizzont 2020, u “azzjonijiet downstream” li jisfruttaw u jxerrdu r-riżultati tar-riċerka u l-innovazzjoni, żviluppati taħt Orizzont 2020 u programmi preċedenti, l-Anness 1 għar-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni (UE) Nru 1303/2013.
    (35) COM(2011) 500 final.
    (36) http://ec.europa.eu/regional_policy/sources/docgener/guides/synergy/synergies_en.pdf  
    (37) COM(2016) 605 final.
    (38) COM(2016) 581 final.
    (39) http://www.eib.org/eiah/index.htm  
    (40) “L-użu tad-dispożizzjonijiet il-ġodda matul il-fażi ta’ programmazzjoni tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej”  http://ec.europa.eu/regional_policy/sources/policy/how/studies_integration/new_provision_progr_esif_report_en.pdf  
    (41) Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli għall-Monitoraġġ ta’ Simplifikazzjoni għal Benefiċjarji tal-Fondi SIE. https://ec.europa.eu/futurium/en/system/files/ged/hlg_16_0008_00_conclusions_and_recomendations_on_goldplating_final.pdf  
    (42) COM(2016) 605 final.
    (43) Il-Karta ta’ riflessjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-futur tal-finanzi tal-UE - COM(2017) 358 final.
    Top