Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017DC0372

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW Il-Ħdax-il Rapport Annwali tas-sena 2016 dwar l-implimentazzjoni ta' għajnuna Komunitarja taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 389/2006 tas-27 ta’ Frar 2006 li jistabbilixxi strument ta’ sostenn finanzjarju għall-inkoraġġiment tal-iżvilupp ekonomiku tal-komunità Turko-Ċiprijotta

COM/2017/0372 final

Brussell, 7.7.2017

COM(2017) 372 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

Il-Ħdax-il Rapport Annwali tas-sena 2016 dwar l-implimentazzjoni ta' għajnuna Komunitarja taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 389/2006 tas-27 ta’ Frar 2006 li jistabbilixxi strument ta’ sostenn finanzjarju għall-inkoraġġiment tal-iżvilupp ekonomiku tal-komunità Turko-Ċiprijotta


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

Il-Ħdax-il Rapport Annwali tas-sena 2016 dwar l-implimentazzjoni ta' għajnuna Komunitarja taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 389/2006 tas-27 ta’ Frar 2006 li jistabbilixxi strument ta’ sostenn finanzjarju għall-inkoraġġiment tal-iżvilupp ekonomiku tal-komunità Turko-Ċiprijotta

1.Introduzzjoni

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 389/2006 1 (ir-“Regolament dwar l-Għajnuna”) huwa l-bażi għall-għajnuna lill-komunità Turko-Ċiprijotta (KTĊ) u jirrikjedi rapportar annwali lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew. Dan ir-rapport ikopri s-sena 2016.

2.Programmar tal-għajnuna

Bejn l-2006 u t-tmiem tal-2016, ġew programmati EUR 450.2 miljun għal operazzjonijiet taħt ir-Regolament dwar l-Għajnuna. L-ammont impenjat f'Diċembru 2016 għall-programm annwali tal-2016 kien ta’ 33,408,392 2 . Il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) 2014-20 jipprovdi perspettiva pluriennali għall-programm b’dispożizzjoni għal fondi annwali stabbli. Madankollu, il-programm ta’ għajnuna huwa ta’ natura temporanja, bil-għan li tiġi ffaċilitata r-riunifikazzjoni ta’ Ċipru, u kemm ir-Regolament dwar l-Għajnuna kif ukoll ir-Regolament tal-Kunsill Nru 1311/213 3 , li jistabbilixxu l-QFP jippermettu reviżjoni fil-każ ta’ riunifikazzjoni.

3.Il-mekkaniżmi ta' implimentazzjoni

Il-programm huwa implimentat fiż-żoni tar-Repubblika ta' Ċipru, li fihom il-Gvern tar-Repubblika ta' Ċipru ma jeżerċitax kontroll effettiv u fejn l-applikazzjoni tal-acquis hija temporanjament sospiża skont il-Protokoll 10 tat-Trattat ta' Adeżjoni. L-għajnuna hija implimentata primarjament permezz ta’ ġestjoni diretta mill-Kummissjoni Ewropea, iżda xi proġetti huma ġestiti b’mod mhux dirett mill-Programm ta’ Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti (UNDP), il-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ) u mill-British Council.

Il-Kummissjoni topera f’kuntest politiku, legali u diplomatiku uniku. Filwaqt li jitħarsu l-prinċipji ta’ ġestjoni finanzjarja tajba, jenħtieġu arranġamenti ad hoc biex jiġi implimentat il-programm. Fi programmi ta' għajnuna ffinanzjati mill-UE, u f'ċirkostanzi normali, il-ftehimiet ma’ gvern benefiċjarju jistabbilixxu l-qafas legali tal-għajnuna għall-iżvilupp. Ma jistgħu jsiru l-ebda arranġamenti bħal dawn għall-għajnuna lill-KĊT. Il-ġestjoni u l-mitigazzjoni tar-riskju inerenti huma parti mir-responsabbiltà tal-Kummissjoni u l-miżuri adottati jinkludu l-monitoraġġ tal-kuntratti u l-provvediment ta’ sostenn intensiv lill-benefiċjarji, kundizzjonijiet ta’ pagamenti riveduti, u approċċ kawt fl-użu ta’ garanziji bankarji. L-għajnuna tinkludi ammont sinifikanti ta’ appoġġ permezz ta’ għotjiet, li jirrikjedi ġestjoni intensiva fir-riżorsi.

Sabiex jiġi żgurat li l-implimentazzjoni ssir b’suċċess u b'mod sostenibbli f’dan l-ambjent, il-KTĊ jenħtieġ li tkun impenjata bis-sħiħ fit-tħejjija għall-introduzzjoni tal-acquis wara l-qbil.

It-Tim tal-Programm jopera permezz tal-Uffiċċju ta’ Sostenn għall-Programmi tal-UE (EU Programme Support Office, EUPSO) li jinsab fil-parti tat-Tramuntana ta’ Nikosija. Ir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni f’Ċipru tospita wkoll laqgħat, seminars u konferenzi stampa u tikkomunika mal-pubbliku Ċiprijott fil-gżira kollha, anki dwar il-Programm ta' Għajnuna, kif ukoll permezz tal-Infopoint tal-UE, li huwa ffinanzjat mill-Programm ta’ Għajnuna.

4.L-implimentazzjoni matul il-perjodu ta’ rapportar

4.1.Ħarsa ġenerali

Il-Kummissjoni tkompli timplimenta r-Regolament dwar l-Għajnuna bl-għan ġenerali li tappoġġa r-riunifikazzjoni. Il-Kummissjoni tinsab lesta biex tadatta l-programm wara l-ftehimiet milħuqa fit-taħditiet għal soluzzjoni u bħala miżura għat-tisħiħ tal-fiduċja, ittieħdet azzjoni biex jiġi ffinanzjat il-ftuħ ta’ żewġ punti ta’ qsim ġodda.

L-operazzjonijiet fl-2016 inkludew il-kontinwazzjoni ta’ għadd ta’ proġetti stabbiliti u ta’ suċċess, bħal boroż ta’ studju tal-UE u miżuri għat-tisħiħ tal-fiduċja, għall-appoġġ lill-Kumitat dwar Persuni Nieqsa (Committee on Missing Persons, CMP) u lill-Kumitat Tekniku għall-Wirt Kulturali (Technical Committee on Cultural Heritage, TCCH).

L-għajnuna pprovduta lis-setturi ekonomiċi ewlenin fit-tħejjija għal soluzzjoni ssaħħet permezz ta’ proġetti għall-iżvilupp tas-settur privat, u rurali u r-riżorsi umani.

Għad jeżistu lakuni konsiderevoli fil-kapaċità tal-benefiċjarji biex l-acquis jiġi implimentat b’mod effettiv, u biex jintlaħaq dan l-għan jenħtieġ adattament estensiv. Madankollu, il-KTĊ għandha fehim aktar b’saħħtu rigward l-isfidi.

L-appoġġ f’forma ta’ għotjiet jibqa’ element importanti tal-programm. Il-Kummissjoni kompliet tirrikorri għal esternalizzazzjoni, biex tiżgura li l-għotjiet jaslu għand il-benefiċjarji b’mod effiċjenti u f’waqtu.

Mill-2008, l-Unità għall-Ġestjoni tal-Proġetti (Project Management Unit, PMU), li ġiet stabbilita permezz ta’ kuntratt ta’ servizz ta’ assistenza teknika pprovdiet servizzi li jappoġġaw l-implimentazzjoni ta’ skemi ta’ għotjiet. Din l-Unità għall-Ġestjoni tal-Proġetti tkompli tipprovdi għajnuna prezzjuża lill-Kummissjoni fir-rigward taż-żieda fl-effiċjenza u l-assigurazzjoni fil-ġestjoni operattiva, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ ta’ skemi ta’ għotjiet.

Kwistjoni waħda li għadha għaddejja tirrigwarda l-kostruzzjoni tan-netwerk tad-drenaġġ ta' Famagusta, li ġie tterminat mill-Kummissjoni f’Diċembru 2013. It-tilwima mal-kuntrattur preċedenti ma ġietx solvuta. Madankollu, fl-2016, kumpanija tal-inġinerija kkuntrattata mill-Kummissjoni għamlet studju bir-reqqa fuq ix-xogħlijiet rimedjali meħtieġa, l-ispiża tagħhom u l-ispeċifikazzjonijiet rilevanti tal-offerta. Dan l-istudju qiegħed jiġi ffinalizzat.

Fl-aħħar tas-sena, inġenerali kienu għaddejjin 252 kuntratt taħt il-Programm.

Fir-rigward tal-amministrazzjoni tal-Kummissjoni, fl-2016 il-kompiti u r-riżorsi ta’ dak li qabel kien it-Task Force għall-komunità Turko-Ċiprijotta ġie trasferit lis-Servizz ta’ Sostenn għar-Riforma Strutturali (Structural Reform Support Service, SRSS) tas-Segretarjat Ġenerali. Is-Servizz ta’ Sostenn għar-Riforma Strutturali għandu l-kompitu li jikkoordina x-xogħol tas-servizzi kollha tal-Kummissjoni involuti biex jappoġġaw il-proċess ta’ soluzzjoni ta’ Ċipru taħt l-awspiċji tan-NU. Flimkien mat-tim li jappoġġa lir-Rappreżentant Personali tal-President Juncker, dan ifforma unità ġdida għall-“Appoġġ għal Soluzzjoni f’Ċipru”. Dan it-trasferiment ma biddilx il-mandat mogħti lill-Kummissjoni taħt ir-Regolament dwar l-Għajnuna.

4.2.Il-progress skont l-objettivi

L-objettiv globali tal-Programm dwar l-Għajnuna huwa li tiġi ffaċilitata r-riunifikazzjoni ta’ Ċipru billi jitħeġġeġ l-iżvilupp ekonomiku tal-KTĊ, b’enfasi partikolari fuq l-integrazzjoni ekonomika tal-gżira, fuq it-titjib tal-kuntatti bejn iż-żewġ komunitajiet u mal-UE, u fuq it-tħejjija għall-acquis. L-attivitajiet li saru fl-2016 fir-rigward ta' kull objettiv tar-Regolament dwar l-Għajnuna jinkludu:

4.2.1.Objettiv 1: L-iżvilupp u r-ristrutturar tal-infrastruttura

Il-parti tat-tagħmir tat-telekomunikazzjoni tan-Netwerk tal-Ġenerazzjoni li Jmiss għat-twassil ta’ servizzi tad-dejta (internet), li hija diġà aċċettata b’mod provviżorju kienet qed taħdem mingħajr inċidenti kbar. Madankollu, is-sistema għall-iffatturar meħtieġa għall-forniment ta’ servizzi bil-vuċi għadha ma tlestietx. Saru diskussjonijiet mal-fornitur dwar kif u meta jistgħu jiġu eżegwiti testijiet finali għall-konsenja ta’ Ċertifikat Provviżorju ta’ Aċċettazzjoni sħiħ fl-2017.

Kompliet l-assistenza teknika rigward is-sigurtà tat-traffiku sabiex il-benefiċjarju jiġi megħjun biex iwettaq ir-riformi fis-settur. Wara valutazzjoni komprensiva tas-sitwazzjoni, saret enfasi biex jiġi emendat il-proċess ta’ reġistrazzjoni għall-vetturi bħala l-ewwel pass fit-twaqqif ta’ sistema tal-ispezzjoni tal-vetturi allinjata mal-istandards internazzjonali.

L-Impjant għat-Trattament tad-Drenaġġ bikomunali ta’ Nikosija (Wastewater Treatment Plant, WWTP) f’Mia Milia/Haspolat ilu jipproduċi ilma nadif mill-2012, iżda għad hemm proġetti relatati xi jsiru. It-tfassil ta’ kollettur prinċipali tad-drenaġġ ġdid li jservi lil Nikosija u li huwa konness mal-Impjant għat-Trattament tad-Drenaġġ bikomunali għamel progress tajjeb u bdiet it-tħejjija tal-offerta għax-Xogħlijiet biex tinbena s-sistema tad-drenaġġ. Iż-żewġ komunitajiet laħqu ftehim dwar il-kondiviżjoni tal-effluwent trattat tal-Impjant għat-Trattament tad-Drenaġġ; qed isir studju tal-fattibilità u t-tfassil tas-sistema ta’ distribuzzjoni saż-żona buffer, b’għajnuna għall-promozzjoni ta’ użu agrikolu tal-ħama tad-drenaġġ stabilizzata prodotta mill-impjant.

Fl-2016, kumpanija tal-inġinerija għamlet studju biex tidentifika x-xogħlijiet rimedjali meħtieġa għan-netwerks tad-drenaġġ ta’ Famagusta u l-ispiża tagħhom. Dan l-istudju qiegħed jiġi ffinalizzat.

L-għajnuna fis-settur tal-iskart solidu kompliet permezz ta’ azzjonijiet differenti. Kien hemm dewmien fl-installazzjoni ta’ faċilità ġdida ta’ sterilizzazzjoni għat-trattament ta’ skart mediku perikoluż, minħabba li l-bini tal-benefiċjarju ma kienx lest biex jakkomoda t-tagħmir il-ġdid. Dan kien eventwalment solvut u l-implimentazzjoni tal-proġett reġa’ beda fit-tmiem is-sena. Barra minn hekk, tħejja fajl tal-offerta għall-estensjoni tal-miżbliet ta’ Koutsoventsis/Güngör, inklużi l-ispeċifikazzjonijiet għal unità tat-trattament tal-lissija. Ġew ikkonsenjati erba’ (4) trakkijiet għat-trasport tal-iskart, li jsaħħu l-flotta disponibbli għall-komunitajiet lokali biex jiġi ttrasportat l-iskart lejn il-miżbla ċentrali. Madankollu, l-investiment addizzjonali fi trakkijiet tal-iskart, kif ukoll f’infrastruttura (stazzjonijiet ta’ trasferiment tal-iskart, għeluq ta’ miżbliet illegali), jeħtieġu aktar tħejjija min-naħa tal-benefiċjarju. Tħejja u ġie offrut proġett għall-istabbiliment ta’ sistema għall-ġbir, it-trasport u t-trattament ċentrali għall-prodotti sekondarji mill-annimali, li huma l-aktar perikolużi għas-saħħa tal-bniedem. Fl-aħħar nett, ġiet indirizzata wkoll il-ġestjoni tal-iskart solidu fi skemi ta’ għotjiet li jappoġġaw is-soċjetà ċivili u l-komunitajiet lokali.

Il-benefiċjarju għarraf lill-Kummissjoni li xtaq jieħu f’idejh il-finalizzazzjoni tal-kostruzzjoni ta’ ċentri ta’ informazzjoni u ta’ ġestjoni f’erba’ żoni potenzjali ta’ Natura 2000 billi juża l-baġit tiegħu stess. Dan il-bini li huwa parzjalment mibni kien is-suġġett ta’ kuntratt mitmum fl-2011 u kellu jitlesta taħt Ftehim ta’ Delega mal-UNDP, li ġie iffirmat fl-2014.

4.2.2.Objettiv 2: Il-promozzjoni tal-iżvilupp soċjali u ekonomiku

Kompliet l-Assistenza Teknika għas-Settur Privat (Technical Assistance to the Private Sector, TAPS), li ġiet imnedija f’Novembru 2015. Dan il-proġett għandu l-għan li jippromwovi t-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi tas-settur privat. Huwa jipprovdi assistenza teknika lil korpi lokali biex iħejju għall-applikazzjoni tal-acquis f’oqsma marbutin mal-iżvilupp tas-settur privat. L-appoġġ jieħu l-forma ta’ studji analitiċi u t-tħejjija ta’ strateġiji, inkluż, pereżempju, il-finalizzazzjoni tal-Istrateġija ta’ Intrapriżi Żgħar u ta’ Daqs Medju u l-Pjan ta’ Azzjoni. Dan jgħin ukoll lill-Mikrointrapriżi u l-Intrapriżi Żgħar (MSMEs) biex iħejju għall-acquis billi jiġu appoġġati l-Organizzazzjonijiet ta’ Appoġġ għan-Negozju, li jsaħħu l-kapaċità ta’ dawn l-organizzazzjonijiet f’dak li għandu x’jaqsam ma’ organizzazzjoni u forniment tas-servizzi.

F’Settembru 2016, ġie ffirmat kuntratt uniku ma’ espert estern: biex tiġi vvalutat l-vijabbiltà ta’ strateġija tal-innovazzjoni f’konformità mal-Orizzont 2020 u l-kunċett ta’ tkabbir SMART; u biex jiġu investigati mudelli possibbli tal-integrazzjoni maż-żoni kkontrollati mill-gvern.

Barra minn hekk, fi Frar 2016, ġie ffirmat Ftehim ta’ Delega mal-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ) biex il-kumpaniji Turko-Ċiprijotti jingħataw aċċess għal fondi ta’ kreditu u biex jiġi pprovdut appoġġ għat-tisħiħ tal-kapaċità lill-konsulenti tan-negozji lokali. In-negozji huma wkoll appoġġati direttament permezz ta’ għotjiet. Erbgħa u għoxrin proġett iffinanzjati taħt l-Iżvilupp tal-SMEs: L-iskema ta' għotjiet ta’ Immodernizzar ta' Prodotti u Servizzi baqgħet miftuħa sat-tmiem l-2016.

Fil-qasam tal-iżvilupp rurali, tnediet assistenza teknika biex tiġi żviluppata l-kapaċità tas-servizzi konsultattivi għall-azjendi agrikoli, inkluża t-tħejjija ta’ strateġija. Mid-39 proġett mogħtija fl-2013 skont it-Tielet (3) skema tal-għotja għall-Iżvilupp Rurali, fl-2016, intemmew 13 oħra b’suċċess.

F'nofs l-2015 inbdiet assistenza teknika, li kompliet fl-2016, għat-tisħiħ tal-kapaċità tas-servizzi veterinarji biex tiġi żgurata u ssorveljata l-konformità ma’ standards tas-saħħa tal-annimali u rekwiżiti sanitarji oħra għall-kontroll tal-mard tal-annimali u kummerċ futur tal-prodotti tal-annimali. Dan il-kompitu jibqa’ sfida partikolari.

Tnieda proġett ta’ metroloġija biex jiġu żviluppati servizzi analitiċi fil-komunità Turko-Ċiprijotta sal-livell fejn ikunu jistgħu jiġu invokati, biex ikun hemm appoġġ għall-analiżi tal-oġġetti tal-ikel u prodotti b’mod konformi mar-rekwiżiti tal-acquis tal-UE f’oqsma ewlenin.

Fit-8 ta’ April 2016, ġiet ippubblikata r-raba’ (4) sejħa għal proposti għal Żvilupp Komunitarju, b’baġit allokat ta’ EUR 4.85 miljun. Din l-iskema ta’ għotjiet ġodda toffri lill-komunitajiet lokali l-opportunità li jippreżentaw proposti biex itejbu l-effiċjenza u l-kwalità tas-servizzi. Il-prijoritajiet prinċipali huma s-servizzi tal-immaniġġjar tal-iskart, it-tindif u s-servizzi ambjentali, is-servizzi soċjali maħsubin għall-anzjani, in-nisa, it-tfal u ż-żgħażagħ, l-annimali li jgħixu fit-toroq, is-servizzi ta’ ġestjoni, is-servizzi ta’ kontroll ta’ organiżmi ta' ħsara u l-bini tal-kapaċità u t-tisħiħ ta’ strutturi ta’ ġestjoni. L-evalwazzjonijiet tal-proposti li waslu għadhom għaddejjin.

Fis-settur tal-edukazzjoni, fl-2016 ingħataw 15-il għotja taħt l-iskema ta’ EUR 1.5 miljun għall-Innovazzjoni u l-Bidla fl-Edukazzjoni VI. L-objettivi tagħhom jinkludu t-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta’ istruzzjoni/tagħlim, proġetti konġunti ma’ skejjel Griegi Ċiprijotti, u t-titjib tal-kapaċitajiet għall-intraprenditorija u t-tagħlim tul il-ħajja. Mill-15-il proġett, disa’ (9) qed jiġu implimentati minn skejjel u sitta (6) minn organizzazzjonijiet ta’ tagħlim tul il-ħajja.

Fl-ewwel nofs tal-2016 tnediet skema ta’ għotja ġdida ta’ EUR 1.5 miljun għall-Innovazzjoni u l-Bidla fl-Edukazzjoni VII, li tkopri l-istess objettivi bħas-sejħa preċedenti għal proposti. L-evalwazzjoni tal-proposti għadha għaddejja wkoll.

Fl-2016, it-tieni proġett ta’ assistenza teknika għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali u s-Suq tax-Xogħol (VETLAM II) iffoka b’mod partikolari fuq ir-rieżami u l-aġġornament tal-qafas tal-kwalifiki u l-bini ta’ kapaċità għas-servizzi tal-impjieg. Huwa ippjanat li l-proġett jintemm f’Novembru 2018.

Filwaqt li jibni fuq ir-riżultati tal-ħidma analitika preċedenti, it-tieni fażi tal-programm ta’ monitoraġġ ekonomiku mmexxi mill-Bank Dinji pprovda analiżi fil-fond u assistenza teknika addizzjonali f’oqsma importanti. Il-programm iffoka fuq l-analiżi fiskali u l-korpi finanzjarjament sostenibbli tal-amministrazzjoni pubblika, l-effetti ekonomiċi, kummerċjali tar-riunifikazzjoni, l-iżvilupp tas-settur privat u l-inklużjoni soċjali u l-monitoraġġ makroekonomiku. Huwa ppjanat li dan il-programm jitlesta fit-tieni nofs tal-2017.

4.2.3.Objettiv 3: It-trawwim tar-rikonċiljazzjoni, il-miżuri ta’ tisħiħ tal-fiduċja, u l-appoġġ lis-soċjetà ċivili

Il-Kumitat għall-Persuni Nieqsa (CMP) appoġġat mill-Programm ta' Għajnuna permezz ta’ arranġament ta’ ġestjoni mhux dirett mal-UNDP, kompla l-ħidma tiegħu fuq il-post u fil-laboratorju. Sat-tmiem l-2016, mit-total ta’ 2001 persuna nieqsa, il-Kumitat għall-Persuni Nieqsa eżuma 1192 sett ta’ fdalijiet, li 740 minnhom ġew ġenetikament identifikati. Wara tnaqqis ta’ identifikazzjonijiet fl-2015 minħabba awditu ta’ proċeduri ta’ ttestjar tad-DNA, fl-2016 ir-rata żdiedet għan-numri kbar irreġistrati fl-2013 u l-2014. Infetħu pożizzjonijiet addizzjonali għall-investigaturi u fl-Lulju twaqqaf proġett ta’ arkivju. Fi Frar 2016, mexxejja reliġjużi għamlu appell konġunt liċ-Ċiprijotti biex jippreżentaw informazzjoni. Ġie ppubblikat ktieb dwar ix-xogħol tax-xjentisti tas-CMP bi tliet lingwi. Dan il-ktieb ġie ppreżentat f’Ċipru u f’avvenimenti tan-Nazzjonijiet Uniti fi New York, il-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar f’Ġinevra u l-Parlament Ewropew fi Brussell, fejn l-Presidenti Schulz u Juncker ġeddew l-appoġġ sħiħ tagħhom għal dan il-proġett, li huwa strumentali għar-rikonċiljazzjoni f’Ċipru. F’Diċembru 2016, ġie estiż il-Ftehim ta’ Delega mal-UNDP biex jipprovdi finanzjament għall-operazzjonijiet tal-Kumitat għal Persuni Nieqsa anki għall-2017, għal ammont ta’ EUR 2.6 miljun. Aktar appoġġ mill-UE lill-operazzjonijiet tal-KPN se jkun ibbażat fuq l-istrateġija aġġornata tagħha għall-2018–2020. B’mod globali, matul il-perjodu 2006-2016, l-UE kkontribwiet iktar minn 80 % tal-finanzjament totali pprovdut lis-CMP mid-donaturi kollha.

Il-Protezzjoni tal-Wirt Kulturali permezz tal-Kumitat Tekniku bikomunali dwar il-Wirt Kulturali (Technical Committee on Cultural Heritage, TCCH) baqgħet komponent ewlieni tar-rikonċiljazzjoni u l-azzjonijiet ta’ tisħiħ tal-fiduċja taħt il-Programm ta’ Għajnuna. Matul l-2016, l-istadji ewlenin tal-programm kienu l-bidu ta’ miżuri ta’ konservazzjoni fil-Bastjun ta’ Martinengo u is-swar Venezjani bejn it-tarzna l-antika u t-Torri Othello/iċ-Ċittadella f’Famagusta. Barra minn hekk, fl-2016 beda x-xogħol ta’ konservazzjoni ta’ Agia Marina/Gurpinar, knisja Maronita li tinsab fis-sit militari, li fl-aħħar sar aċċessibbli fl-2016. Matul l-2016, ġiet iffinalizzata l-ewwel fażi tal-konservazzjoni ta’ Agios Panteleimonas f’Myrtou/ir-raħal ta’ Çamlıbel.

F’Diċembru 2016, ġie ffirmat Ftehim ta’ Delega għall-ħames (5) fażi tal-programm ta’ protezzjoni tal-Wirt Kulturali mal-UNDP. Fil-futur, se tkompli tingħata attenzjoni partikolari lill-konservazzjoni u l-ħarsien ta’ siti restawrati mill-komunitajiet benefiċjarji.

B’rispons għal inizjattiva taż-żewġ mexxejja Ċiprijotti għal miżuri ġodda ta’ tisħiħ tal-fiduċja, fl-2015 il-Kummissjoni aġixxiet malajr biex jiġu riallokati r-riżorsi meħtieġa għall-ftuħ tal-punti tal-qsim ġodda f’Deryneia u Lefka-Apliki. Fil-bidu tal-2016, ġie ffirmat ftehim ta’ Delega mal-UNDP rigward xogħlijiet fin-naħa ta’ fuq tal-Linja l-Ħadra, li huwa mistenni li se jitlestew fl-ewwel nofs tal-2017.

Fl-2016 l-appoġġ għas-soċjetà ċivili kompla b’żewġ modi. Assistenza teknika (Spazju Ċiviku) li tipprovdi tisħiħ ta’ kapaċitajiet għal Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili (OSĊ) u fl-2016 kompliet il-promozzjoni ta’ netwerking u azzjonijiet konġunti ma’ OSĊ Ċiprijotti Griegi u oħrajn tal-UE. Għall-ewwel l-isforzi ikkonċentraw fuq il-ħolqien ta’ ambjent favorevoli għall-iżvilupp ta’ Soċjetà Ċivili u inkoraġġixxew inizjattivi ta’ ċittadinanza attiva permezz tal-mekkaniżmu “Grow Civic”. Barra minn hekk, it-tmintax-il għotja mogħtija taħt l-iskemi ta’ għotjiet tas-“Soċjetà Ċivili fl-Azzjoni IV u V” fl-2016 kienu għadhom għaddejjin. Huma ffinanzjaw firxa ta’ azzjonijiet fl-oqsma tal-ambjent, id-drittijiet tal-bniedem, l-arti u l-isport, li jinkoraġġixxu l-involviment taċ-ċittadini u l-iskambji bejn komunitajiet differenti f’dawn l-oqsma.

F'Ottubru ġie mniedi l-Forum tas-Soċjetà Ċivili (Civil Society Forum, CSF), li jiltaqa' kull tliet xhur, u jintuża bħala pjattaforma fejn l-OSĊ jistgħu jesprimu l-aspettattivi u l-prijoritajiet tagħhom. Dan il-Forum jaġixxi bħala katalist għall-promozzjoni tal-OSĊ u jippromwovi ċittadinanza attiva. Minn nofs Settembru sa nofs Ottubru, sar għall-ewwel darba xahar sħiħ ta’ azzjonijiet tal-OSĊ taħt l-isem ta’ “Open Door Festival”; l-għan ta’ dawn l-azzjonijiet kien li l-pubbliku jiġi mgħarraf dwar l-attivitajiet tal-passat u tal-preżent u jiġi promoss il-volontarjat fost nies ta’ kull età. Matul il-Festival, aktar minn 40 assoċjazzjoni, fondazzjoni, pjattaforma, inizjattiva u attivist fetħu l-bibien tagħhom u organizzaw aktar minn 80 avveniment, inklużi avvenimenti ta’ jiem għall-pubbliku u attivitajiet oħra orjentati lejn il-komunità.

4.2.4.Objettiv 4: Il-KĊT titqarreb lejn l-UE

Għas-snin akkademiċi 2014–16, il-ġestjoni ta’ boroż ta’ studju lill-UE kienet f’idejn il-British Council. Dan l-arranġament ġie estiż għal tliet snin oħra permezz ta’ Ftehim ta’ Delega ffirmat mal-British Council f’Diċembru 2016, li jkopri s-snin akkademiċi 2017-20. Permezz tal-EUR 1.92 miljun disponibbli taħt is-sejħa tal-2016 setgħu jiġu ffinanzjati 151 borża ta’ studju għas-sena akkademika 2016/2017. Dawn il-boroż ta’ studju appoġġaw studenti żgħażagħ matul l-ewwel sena ta’ studji f’livell universitarju tal-ewwel grad, l-istudenti gradwati fil-programmi ta’ masters u ta’ dottorat tagħhom, u riċerkaturi u professjonisti biex ikunu jistgħu jiżviluppaw aktar il-ħiliet u l-għarfien tagħhom f’diversi Stati Membri tal-UE. Mill-2007, il-Programm ta’ Boroż ta’ Studju żgura l-aċċess għall-boroż ta’ studju għal aktar minn 1000 student Turko-Ċiprijott u professjonist. Il-kontinwità ta’ din l-iskema hija kkunsidrata bħala essenzjali. Bħala parti mill-attivitajiet tal-ġestjoni tal-Programm ta’ Boroż ta’ Studju, il-British Council organizza jiem bit-titlu "Study in Europe", biex jipprovdi informazzjoni lill-istudenti dwar il-possibilitajiet ta’ studju fl-UE. Dan kompla wkoll jiżviluppa netwerk ta’ alumni u se jissorvelja l-impatt fuq perjodu medju, pereżempju, ir-rata ta’ ritorn ta’ studenti lejn Ċipru u s-suċċess biex isibu impjieg.

Fil-komunità Turko-Ċiprijotta hemm domanda għolja għal informazzjoni dwar l-UE. L-Infopoint tal-UE, li huwa ġestit flimkien mar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Ċipru, beda jiffunzjona fil-bidu tal-2015 b’baġit totali ta’ EUR 1,545,000 għal perjodu ta’ 30 xahar. Dan wassal għal livell għoli ta’ viżibbiltà għall-UE, il-politiki tagħha u l-Programm ta’ Għajnuna. Sa issa, l-Infopoint tal-UE organizza diversi seduti/avvenimenti dwar suġġetti varji, inkluż l-ambjent (l-ilma, l-enerġija, il-ġestjoni tal-iskart, inkluż ir-riċiklaġġ, u l-bijodiversità), l-agrikoltura organika, is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol, is-sikurezza tal-ikel, il-benessri tal-annimali u s-saħħa tal-annimali. Huwa kopra wkoll temi bħad-drittijiet tal-bniedem, id-drittijiet ta’ persuni b’diżabbiltà, id-drittijiet tat-tfal, l-ugwaljanza bejn is-sessi, id-drittijiet tal-LGBT, u d-drittijiet tal-konsumatur. Fl-2016, l-Infopoint tal-UE organizza 47 avveniment (li minnhom 35 f’Nikosija) inkluż Jum l-Ewropa, il-Ġimgħa Ewropea Kontra r-Razziżmu, il-Ġimgħa Ewropea taż-Żgħażagħ u l-Jum Internazzjonali taż-Żgħażagħ, Lejla Ewropea tar-Riċerkaturi, Jum tal-UE Kontra t-Traffikar, il-Ġimgħa tal-Mobilità u s-Sigurtà tat-Traffiku, il-Ġimgħa Ewropea tal-Isport, u l-Ġimgħa Ewropea tal-SMEs. Dawn l-avvenimenti kien ġibdu aktar minn 4,382 parteċipant, turija ta' interess akbar fost il-komunità (2,383 parteċipant fl-avvenimenti tal-2015). 

Matul l-2016, tqassmu 5,139 prodott ta’ informazzjoni u 12-il fuljett (b’kollox mill-ftuħ tal-Infopoint, 11,429 u 20 rispettivament). Saru 564 artiklu tal-aħbarijiet u matul l-2016 dehru 32 riklam televiżiv fuq il-midja lokali (923 u 82, rispettivament, mill-bidu tal-proġett). It-traffiku fuq il-paġna ta’ Facebook “Abbilgi” ikkonferma wkoll il-popolarità tal-attivitajiet (3,896 “like” ġdida fl-2016 u minn mindu fetħet l-għadd totali ta’ likes żdied għal 8,471). L-Infopoint tal-UE appoġġa wkoll il-promozzjoni tas-Sejħiet għal Proposti kollha u proġetti oħrajn ta’ Programmi ta’ Għajnuna u avvenimenti permezz ta’ messaġġi fuq Facebook/noti ta’ tfakkir, kartelluni fil-ħwienet, l-ospitar ta’ avvenimenti u tnedija ta’ proġetti ġodda fl-ispazji pubbliċi tagħha. Huwa stabbilixxa sħubija strateġika ma’ proġetti oħra ffinanzjati mill-UE u l-proġetti ta’ assistenza teknika bħalma hu l-iżvilupp tas-Soċjetà Ċivili (Spazju Ċiviku), l-iżvilupp tas-Settur Privat, il-Qerda ta’ Mard tal-Annimali, il-Ġestjoni tal-Iskart, kif ukoll mad-dipartimenti rilevanti u l-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili fil-komunità Turko-Ċiprijotta. 

4.2.5.Objettivi 5-6: It-tħejjija biex il-komunità Turko-Ċiprijotta tkun tista' ddaħħal u timplimenta l-acquis

L-istrument ta' Assistenza Teknika u Skambju ta’ Informazzjoni (TAIEX) tal-Kummissjoni jintuża biex jiġu implimentati l-objettivi 5 u 6 tar-Regolament dwar l-Għajnuna u b’hekk jgħin biex il-KTĊ titħejja għall-implimentazzjoni tal-acquis bil-ħsieb tal-irtirar tas-sospensjoni tiegħu mad-dħul fis-seħħ ta’ qbil komprensiv għall-problema ta’ Ċipru.

L-għajnuna tkompliet fl-2016 madwar l-istess 16-il qasam, jew "settur", ewlieni tal-acquis bħal fis-snin preċedenti. B’kollox, l-għadd ta’ avvenimenti organizzati fl-2016 kien ta’ 220. L-azzjonijiet TAIEX inkludew missjonijiet ta’ esperti, korsijiet ta’ taħriġ, workshops u żjarat ta’ studju. Il-partijiet ikkonċernati tal-KTĊ urew kuxjenza ogħla b’mod sinifikanti tar-rekwiżiti tal-acquis fis-setturi tat-TAIEX attivi.

L-appoġġ għall-kummerċ min-naħa għall-oħra tal-Linja l-Ħadra (ir-Regolament 866/2004) kompla. L-esperti indipendenti fl-2016 kienu involuti fit-twettiq ta' spezzjonijiet fitosanitarji regolari tal-patata u l-prodotti taċ-ċitru, billi jieħdu kampjuni tal-għasel għall-analiżi u jipproduċu lista aġġornata ta’ bastimenti li jistgħu jikkummerċjalizzaw il-qabda tagħhom fuq in-naħa l-oħra tal-Linja l-Ħadra.

4.3.Eżekuzzjoni finanzjarja (kuntratti u pagamenti)

4.3.1.Għoti ta' kuntratti

L-impenji legali kienu ta’ EUR 15.5 miljun fl-2016. Il-volum totali naqas meta mqabbel mas-sena preċedenti, għalkemm in-numru totali ta’ tranżazzjonijiet żdied.

4.3.2.Pagamenti

Il-pagamenti fl-2016 kienu jammontaw għal EUR 21,4 miljun.

4.4.Il-monitoraġġ

Il-Kummissjoni għandha responsabbiltà diretta għall-implimentazzjoni tal-biċċa l-kbira tal-proġetti (ġestjoni diretta). Il-livell ta’ monitoraġġ mill-persunal tal-Kummissjoni huwa għoli ħafna, b’kuntatti regolari ma’ kuntratturi, żjarat fuq il-post, laqgħat fuq il-post u kumitati ta’ tmexxija ta’ laqgħat. L-Unità għall-Ġestjoni tal-Proġetti kompliet tappoġġa lill-Kummissjoni fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta’ kuntratti ta’ għotjiet/proġetti mogħtija lil komunitajiet lokali għall-iżvilupp tagħhom, l-SMEs u l-intrapriżi rurali, l Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili, u lil skejjel u organizzazzjonijiet ta’ edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali, filwaqt li tappoġġa wkoll il-benefiċjarji tal-għotjiet fl-applikazzjoni tar-regoli tal-UE għall-għoti tal-kuntratti, inkluż għal akkwist sekondarju.

Il-monitoraġġ tat-TAIEX sar permezz tal-Gruppi tat-Tmexxija tal-Proġett bl-għan li jkun hemm rendikont, evalwazzjoni u ppjanar tal-progress għall-perjodu futur. Il-loġistika tat-TAIEX hija monitorjata permezz tas-Sistema online għall-Ġestjoni tat-TAIEX.

4.5.Awditjar u kontrolli

Fil-bidu tal-2016, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri rrappurtat dwar is-segwitu tal-awditu tal-Programm ta’ Għajnuna tal-2012 tal-KĊT. Skont is-sejbiet tagħha, l-ebda azzjoni ta’ segwitu ma hija meħtieġa. Barra minn hekk, sar awditu estern dettaljat tal-mekkaniżmi ta’ kontroll interni sabiex jiġi identifikat titjib potenzjali fl-assigurazzjoni wara t-trasferiment tal-2015 tat-Task Force lid-Direttorat Ġenerali għall-Politika Reġjonali u Urbana. L-awdituri irrappurtaw fl-2016 u s-sejbiet tagħhom kienu miġbura fl-integrazzjoni tat-Task-Force preċedenti fis-Servizz ta’ Sosten għar-Riforma Strutturali. Fil-ħarifa tal-2016, id-DĠ NEAR wettaq awditu ex-post fuq tranżazzjonijiet ta’ pagamenti magħżula u l-akkwisti relatati u l-proċeduri kuntrattwali taħt ġestjoni diretta, li jirrapporta li kienu ħielsa minn żbalji materjali. Ġie ffirmat ukoll kuntratt għall-verifika tal-ispiża ta’ 15-il għotja li ngħataw taħt l-iskema ta' għotjiet għal Żvilupp tal-SMEs III: l-immodernizzar tal-prodotti u s-servizzi. Din il-ħidma se tkompli matul l-2017.

4.1.Evalwazzjoni

Se jkun meħtieġ titjib sinifikanti fl-istatistika tal-KTĊ biex jakkumpanja l-implimentazzjoni futura tal-acquis.

Wara l-valutazzjoni tal-2014 tal-operazzjonijiet tas-CMP minn Equipo Argentino de Antropologia Forense (EAAF), saru tliet żjarat oħra minn EEAF fl-2016; dawn ġew iddedikati għal operazzjonijiet fuq il-post u taħriġ ta’ xjenzati. Evalwazzjoni ex post ta’ skemi tal-għotjiet għall-SMEs ġiet ikkuntrattata lill-PMU u kienet skedata biex tibda fil-bidu ta’ Jannar 2017. 

4.2.L-Informazzjoni, il-Pubbliċità u l-Viżibilità

Inġenerali, fl-2016 kien hemm 138 azzjoni ta’ viżibilità u komunikazzjoni. Il-punti ewlenin fl-2016 kienu: żjajjar rurali sa erba’ (4) postijiet differenti barra Nikosija, kondiviżjoni ta’ informazzjoni ma’ gruppi ta’ nisa rigward il-politiki ta’ żvilupp rurali tal-UE u l-appoġġ disponibbli tal-UE u l-opportunitajiet, avveniment ta’ informazzjoni pubblika tal-Kumitat Tekniku dwar il-Patrimonju Kulturali; sessjonijiet ta’ żvilupp tal-ħiliet għaż-żgħażagħ f’diversi postijiet biex jissaħħu l-ħiliet għall-impjiegi taż-żgħażagħ qiegħda u biex jiġu promossi l-impjiegi lokali u fl-UE/il-portali ta’ volontarjat; il-European Science and Fun Day, li fiha pparteċipaw 600 student tal-iskejjel sekondarji. Jum l-Ewropa ġiet iċċelebrata b’avveniment estern fuq skala kbira b’aktar minn 450 parteċipant. Il-Ġimgħa l-Ħadra ġiet iċċelebrata permezz ta’ għadd ta’ avvenimenti, inkluż bord, wiri ta’ film, avveniment fil-beraħ għal kampanja ta’ sensibilizzazzjoni, kompetizzjoni ta’ ġbir ta’ batteriji, li wasslet għal ġbir ta’ aktar minn 2.000 kg ta’ batteriji użati minn 41 skola. Ġiet organizzata wkoll Kompetizzjoni ta’ Vidjo Qasir dwar is-Sikurezza tat-Traffiku biex titqajjem kuxjenza fost iż-żgħażagħ.

4.3.Konsultazzjonijiet mal-Gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru

Saru laqgħat mar-rappreżentanti tal-Gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru, b’mod partikolari meta uffiċjali għolja tal-Kummissjoni żaru l-gżira. Il-Kummissjoni tkompli tiddependi fuq il-kooperazzjoni tal-Gvern għal verifika ta' drittijiet tal-proprjetà, u tiltaqa’ wkoll regolarment mar-Rappreżentanza Permanenti fi Brussell. F’Marzu 2016, kif isir kull sena, il-Kummissjoni għamlet preżentazzjoni ġenerali tal-iżviluppi tas-sena preċedenti taħt il-Programm ta’ Għajnuna, ospitat mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin.

5.Konklużjonijiet

Il-Kummissjoni tibqa’ impenjata biex tappoġġa l-proċess ta’ qbil taħt l-awspiċji tan-NU, u għandha tagħmel użu mill-possibilitajiet kollha taħt il-programm biex tiffaċilita inizjattivi li jirriżultaw mill-proċess.

Il-Kummissjoni tkompli tagħti assistenza taħt ir-Regolament dwar l-Għajnuna biex tiġi ffaċilitata r-riunifikazzjoni ta’ Ċipru bl-inkoraġġiment tal-iżvilupp ekonomiku tal-komunità Ċiprijotta Torka, permezz ta’ ħidma fis-sitt objettivi tagħha. Intwera li l-appoġġ tat-TAIEX u appoġġ għal proġetti taħt l-Objettivi 1 u 2 tal-Programm ta’ Għajnuna (l-investimenti fl-infrastruttura u provvisti, għotjiet ta’ assistenza teknika) kellu impatt pożittiv fuq il-ħidma tal-Kumitat Ad Hoc bikomunali dwar it-tħejjijiet tal-UE, li jopera taħt l-awspiċji tan-NU, minħabba li l-parteċipanti tal-KĊT urew titjib sinifikattiv fl-għarfien tal-acquis. Matul l-2016, l-assistenza kompliet tiffoka fuq oqsma li jippreżentaw problemi partikolari f’konformità futura mal-acquis.

Minħabba r-restrizzjonijiet ta’ kapaċità, riżorsi umani u finanzjarji limitati u n-nuqqasijiet fit-tlestija għall-introduzzjoni futura tal-acquis, is-sostenibbiltà tal-proġetti għandha tiġi kkunsidrata bir-reqqa. Il-Kummissjoni baqgħet attiva fl-appoġġ ta’ proġetti partikolarment kumplessi għall-perjodi wara t-trasferiment lill-benefiċjarji. Madankollu, proġetti kbar tal-infrastruttura issa qed joperaw u qed jitħaddmu b’suċċess mill-benefiċjarji. Ir-rekord tal-assistenza tal-passat u l-maturità tal-proġetti se jkunu riflessi fl-eżerċizzji ta’ programmar tal-futur.

(1)

   ĠU L65, 7.3.2006, p.5.

(2)

   Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2016) 6688.

(3)

     ĠU L347, 2.12.2013, p.884.

Top