Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017DC0342

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-eżerċizzju tas-setgħa li tadotta atti delegati mogħtija lill-Kummissjoni skont id-Direttiva 2016/802/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2016 dwar tnaqqis tal-kontenut tal-kburit f'ċerti karburanti likwidi

    COM/2017/0342 final

    Brussell, 28.6.2017

    COM(2017) 342 final

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    dwar l-eżerċizzju tas-setgħa li tadotta atti delegati mogħtija lill-Kummissjoni skont id-Direttiva 2016/802/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2016 dwar tnaqqis tal-kontenut tal-kburit f'ċerti karburanti likwidi


    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U
    LILL-KUNSILL
    dwar l-eżerċizzju tas-setgħa li tadotta atti delegati mogħtija lill-Kummissjoni skont id-Direttiva 2016/802/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2016 dwar tnaqqis tal-kontenut tal-kubrit f'ċerti karburanti likwidi

    1. INTRODUZZJONI

    Id-Direttiva 2016/802/UE 1 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 (kodifikazzjoni) dwar tnaqqis tal-kontenut tal-kubrit f’ċerti karburanti likwidi għandha l-għan li tipprevjeni u tikkontrolla t-tniġġis tal-arja kkawżat minn emissjonijiet tossiċi li jirriżultaw mill-kombustjoni ta’ karburanti likwidi, inklużi karburanti għal użu marittimu b’kontenut għoli ta’ kubrit, li jipperikolaw is-saħħa tal-bniedem u lill-ambjent u jikkontribwixxu għal depożitu aċiduż.

    Din id-Direttiva tagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati biex tadatta dawn l-Artikoli u l-Annessi għall-progress xjentifiku u tekniku, b’mod partikolari, sabiex tiġi żgurata l-konsistenza ma’ strumenti rilevanti adottati mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) u, kif xieraq, ma’ strumenti oħra tal-UE jew standards internazzjonali:

    ·il-punti minn (a) sa (e) u (p) tal-Artikolu 2 li jistabbilixxu definizzjonijiet u speċifikazzjonijiet għall-karburanti koperti mid-Direttiva;

    ·il-punt (b)(i) tal-Artiklu 13(2) dwar teħid ta’ kampjuni u analiżi ta’ karburant għal użu marittimu għal kombustjoni abbord waqt li jkun qed jiġi kkonsenjat lill-vapuri;

    ·l-Artikolu 13(3) jistabbilixxi l-metodu ta’ referenza għad-determinazzjoni tal-kontenut tal-kubrit ta’ karburanti likwidi;

    ·l-Annessi I u II li jistabbilixxu valuri u kriterji ekwivalenti għall-użu tal-metodi tat-tnaqqis tal-emissjonijiet imsemmija fl-Artikolu 8.

    2. BAŻI ĠURIDIKA

    Dan ir-rapport huwa meħtieġ skont l-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2016/802/UE. Skont din id-dispożizzjoni, il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-atti delegati għal perjodu ta’ ħames snin mis-17 ta’ Diċembru 2012 u hija meħtieġa tfassal rapport dwar is-setgħat delegati mill-inqas disa’ (9) xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ ħames snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġġedded awtomatikament għal perjodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jirrevokaha b’konformità mal-Artikolu 16(2).

    3. EŻERĊIZZJU TAD-DELEGA

    L-eżerċizzju tas-setgħa tqies meħtieġ għall-adattament ta’ diversi dispożizzjonijiet previsti fid-Direttiva għall-progress xjentifiku u tekniku. Mill-aħħar emenda għad-dispożizzjonijiet ġuridiċi (2012) 2 ’l hawn, madankollu, ma kien hemm l-ebda żviluppi sinifikanti fil-qasam tal-ispeċifikazzjonijiet tal-karburanti u l-kubrit fil-verifika tal-karburant skont l-istandards jew il-metodi ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet, u dan ħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tuża s-setgħat delegati mogħtija mid-Direttiva.

    Madankollu, minħabba d-dħul fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2020, skont l-Artikolu 6(1)(b) tad-Direttiva, tar-rekwiżit aktar strett ta’ 0.50 % kubrit fil-karburant għall-vapuri li jbaħħru fl-ilmijiet tal-UE barra ż-Żoni ta’ Kontroll tal-Emissjonijiet tal-Kubrit (SOx-ECAs), kif ukoll globalment, jistgħu jidħlu fis-suq tal-UE metodi tat-tnaqqis tal-emissjonijiet u tal-karburanti marittimi ġodda biex tiġi żgurata l-konformità mar-rekwiżit iktar strett. Barra minn hekk, l-IMO qed taħdem attwalment fuq standards rilevanti ġodda u dispożizzjonijiet tekniċi oħra. Iż-żewġ żviluppi x’aktarx ikunu jeħtieġu li l-Kummissjoni tuża s-setgħat delegati tagħha biex tiżgura li d-Direttiva tiġi adattata għall-progress xjentifiku u tekniku, u tkun konsistenti mal-istandards adottati mill-IMO.

    4. KONKLUŻJONI

    Matul l-aħħar ħames snin, il-Kummissjoni ma eżerċitatx is-setgħat delegati kkonferiti lilha skont id-Direttiva 2016/802/UE. Hija tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jieħdu nota ta’ dan ir-rapport.

    (1)  ĠU L 132, 21.5.2016, p. 58–78
    (2)  ĠU L 327, 27.11.2012, p. 1.
    Top