EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017DC0237

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI Programm ta' Karattru Indikattiv fil-qasam Nukleari ippreżentat skont l-Artikolu 40 tat-Trattat Euratom - Finali (wara l-opinjoni tal-KESE)

COM/2017/0237 final

Brussell, 12.5.2017

COM(2017) 237 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

Programm ta' Karattru Indikattiv fil-qasam Nukleari

ippreżentat skont l-Artikolu 40 tat-Trattat Euratom - Finali (wara l-opinjoni tal-KESE)

{SWD(2017) 158 final}


1.Introduzzjoni

Din il-Komunikazzjoni dwar Programm ta’ Karattru Indikattiv fil-qasam Nukleari (programme indicatif nucléaire /PINC), rekwiżit skont l-Artikolu 40 tat-Trattat Euratom, tipprovdi ħarsa ġenerali lejn l-investimenti fl-UE għall-istadji kollha taċ-ċiklu tal-ħajja nukleari. Hija l-ewwel waħda ppreżentata mill-Kummissjoni wara l-inċident ta’ Fukushima Daiichi f’Marzu 2011.

L-enerġija nukleari hija parti mit-taħlita tal-enerġeija ta’ nofs l-Istati Membri tal-UE. F’dawk il-pajjiżi li jagħżlu li jużawha, l-enerġija nukleari għandha rwol fl-iżgurar tas-sigurtà tal-provvista tal-elettriku. F’dan il-kuntest, l-Istrateġija tal-Unjoni tal-Enerġija 1 u l-Istrateġija Ewropea għas-Sigurtà tal-Enerġija 2 saħqu fuq l-ħtieġa li l-Istati Membri japplikaw l-ogħla standards ta’ sikurezza, ta’ sigurtà, ta’ maniġġjar tal-iskart u ta’ nonproliferazzjoni kif ukoll jiddiversifikaw il-provvisti tal-fjuwil nukleari. Dan se jgħin biex jinkisbu l-objettivi tal-qafas għall-klima u l-enerġija għall-2030.

Bħalissa l-UE hija waħda mit-tliet ekonomiji ewlenin 3 li jiġġeneraw aktar minn nofs l-elettriku tagħhom minn sorsi ta’ enerġija b’livell baxx ta’ karbonju (madwar 58 % 4 ).

Il-PINC jipprovdi bażi għal diskussjoni dwar kif l-enerġija nukleari tista’ tgħin biex jintlaħqu l-objettivi tal-enerġija tal-UE. Peress li s-sikurezza nukleari għadha l-prijorità assoluta tal-Kummissjoni, dan se jinkludi b’mod speċifiku l-investimenti relatati mat-titjib tas-sikurezza wara Fukushima u dawk relatati mal-operat fit-tul ta’ impjanti eżistenti tal-enerġija nukleari. Barra minn hekk, billi l-industrija nukleari tal-UE miexja lejn fażi ġdida karatterizzata minn żieda fl-attivitajiet fil-fażi finali taċ-ċiklu tal-ħajja, il-PINC se jikkontribwixxi għal dibattitu infurmat dwar il-ħtiġijiet assoċjati tal-investiment u tal-immaniġġjar tar-responsabbiltajiet nukleari.

Il-PINC jindirizza wkoll il-ħtieġa għall-investiment f’reatturi għar-riċerka u ċ-ċiklu tal-fjuwil assoċjat, inkluża l-produzzjoni ta’ isotopi radjuattivi mediċi.

2.Enerġija nukleari

2.1.Żviluppi riċenti fil-politika nukleari

Hemm 129 reattur tal-enerġija nukleari joperaw f’14-il Stat Membru, b’kapaċità totali ta’ 120 GWe u b’età medja viċin it-30 sena. Huwa previst li jinbnew impjanti ġodda f’10 Stati Membri, u fil-Finlandja, fi Franza u fis-Slovakkja diġà bdew jinbnew erba’ reatturi. Il-Finlandja, l-Ungerija u r-Renju Unit għandhom proġetti oħra li jinsabu fil-proċess tal-ħruġ tal-liċenzji, filwaqt li l-proġetti fi Stati Membri oħra (il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, il-Litwanja, il-Polonja u r-Rumanija) qegħdin fi stadju preparatorju. Dan l-aħħar ir-Renju Unit ħabbar l-intenzjoni tiegħu li sal-2025 jagħlaq l-impjanti kollha ta’ produzzjoni tal-enerġija bil-faħam u li d-diskrepanza fil-kapaċità timtela prinċipalment b’impjanti ġodda tal-gass u tal-enerġija nukleari.

Matul id-deċennji li ġejjin ħafna pajjiżi fl-Ewropa u fil-bqija tad-dinja se jiddependu mill-enerġija nukleari biex jipproduċu parti mill-elettriku tagħhom. L-UE għandha l-aktar qafas reġjonali avvanzat legalment vinkolanti u infurzabbli għas-sikurezza nukleari fid-dinja u, minkejja l-fehmiet diverġenti fost l-Istati Membri dwar l-elettriku nukleari, hemm rikonoxximent komuni dwar il-ħtieġa li jiġu żgurati l-ogħla standards possibbli għall-użu sikur u responsabbli tal-enerġija nukleari u għall-protezzjoni taċ-ċittadini mir-radjazzjoni.

Mill-aħħar aġġornament tal-PINC fl-2008, it-territorju nukleari tal-UE għadda minn tibdil sinifikanti bl-organizzazzjoni tal-valutazzjonijiet komprensivi tar-riskji u tas-sikurezza (“stress tests”) tar-reatturi tal-enerġija nukleari tal-UE wara l-inċident ta’ Fukushima Daiichi u l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni importanti dwar is-sikurezza nukleari 5 , l-iskart radjuattiv u l-immaniġġjar ta’ fjuwil użat 6 u l-protezzjoni mir-radjazzjoni 7 .

Filwaqt li l-istress tests sabu li l-istandards ta’ sikurezza tal-impjanti tal-enerġija nukleari fl-UE, fl-Iżvizzera u fl-Ukrajna kienu għoljin, ġie rakkomandat li jsir aktar titjib. L-operaturi nukleari qed jimplimentawhom skont il-pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali tagħhom. Il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja l-implimentazzjoni ta’ dawk il-pjanijiet permezz tal-Grupp ta’ Regolaturi Ewropew dwar is-Sikurezza Nukleari.

Id-Direttiva emendata dwar is-Sikurezza Nukleari5 żżid il-livell tal-istandards tas-sikurezza nukleari. Tistabbilixxi objettiv ambizzjuż madwar l-UE kollha biex jitnaqqas ir-riskju ta’ inċidenti u jiġu evitati rilaxxi radjuattivi kbar. Barra minn hekk din tintroduċi l-ħtieġa ta’ sistema Ewropea ta’ evalwazzjonijiet bejn il-pari, fejn kwistjonijiet speċifiċi ta’ sikurezza għandhom jiġu riveduti kull sitt snin. Dawn ir-rekwiżiti għandhom dejjem jitqiesu meta jsir investiment f’installazzjonijiet nukleari ġodda u kull fejn ikun raġonevolment prattikabbli meta jiġu modernizzati l-installazzjonijiet eżistenti.

Fil-bidu tal-2015, il-Euratom kellha rwol ewlieni fl-iżgurar tal-adozzjoni tad-Dikjarazzjoni ta’ Vjenna. Din torbot lill-partijiet kontraenti tal-Konvenzjoni dwar is-Sikurezza Nukleari tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika biex jilħqu standards ta’ sikurezza li huma ekwivalenti għall dawk stabbiliti fid-Direttiva emendata dwar is-Sikurezza Nukleari. Bl-espansjoni tal-enerġija nukleari madwar il-kontinenti kollha u bl-involviment ta’ ħafna bejjiegħa, hu importanti li tiġi żgurata l-applikazzjoni dinjija ta’ standards għoljin tas-sikurezza u li dawn ma jiġux mhedda bl-użu ta’ teknoloġija orħos jew skaduta.

Il-qafas ġuridiku tal-UE jeħtieġ trasparenza u parteċipazzjoni pubblika msaħħa fi kwistjonijiet nukleari, kif ukoll li titjieb il-koperazzjoni bejn il-partijiet ikkonċernati kollha. Id-direttivi dwar is-sikurezza nukleari, l-iskart radjuattiv u l-protezzjoni mir-radjazzjoni msemmija hawn fuq kollha jistabbilixxu rekwiżiti dwar id-disponibbiltà tal-informazzjoni u l-parteċipazzjoni pubblika. Bħalissa l-Kummissjoni qed teżamina mill-ġdid l-implimentazzjoni ta’ dawn ir-rekwiżiti fid-direttivi li diġà ġew trasposti fil-liġi tal-UE, u beħsiebha tippromwovi l-aqwa prattiki. Dawn se japplikaw ukoll għad-Direttivi li għad iridu jiġu trasposti. Il-Kummissjoni għandha l-għan li tiżgura li l-pubbliku jkollu aċċess għal informazzjoni affidabbli u, fejn xieraq, ikun jista’ jipparteċipa fi proċess trasparenti ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet.

Il-koperazzjoni fost l-awtoritajiet tas-sikurezza nukleari tal-Istati Membri tal-UE issa hija stabbilita sew fost il-Grupp ta’ Regolaturi Ewropew dwar is-Sikurezza Nukleari. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tkompli tippromwovi d-djalogu bejn il-partijiet ikkonċernati – inkluża s-soċjetà ċivili – permezz tal-Forum Ewropew dwar l-Enerġija Nukleari, imma mhux esklussivament bih.

Matul l-aħħar sentejn, id-djalogu mal-partijiet ikkonċernati u mas-soċjetà ċivili kopra kwistjonijiet bħat-tħejjija u r-rispons għall-emerġenzi, ir-rwol tal-enerġija nukleari fl-Unjoni tal-Enerġija u s-sigurtà tal-provvista, l-UE bħala mexxejja dinjija fis-sikurezza nukleari, il-ħolqien ta’ suq għad-dekummissjonar fl-Ewropa, u l-involviment kruċjali tas-soċjetà ċivili. Flimkien mar-rapport li jmiss lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar id-Direttiva dwar l-Iskart Radjuattiv, dawn joħolqu bażi soda għal aktar trasparenza u dibattitu. Barra minn hekk, jeħtieġ li jsir sforz akbar biex jittejbu l-komunikazzjoni u l-impenn sabiex it-tħassib tas-soċjetà ċivili jinftiehem aħjar u biex tittejjeb il-komunikazzjoni u l-ispjegazzjoni lill-pubbliku dwar l-aspetti tar-riskju u tas-sikurezza fil-forom kollha tat-teknoloġija nukleari.

Kif ukoll, se tkompli tingħata attenzjoni akbar lis-sigurtà nukleari. Kif enfasizzat fil-konklużjonijiet tas-Summit dwar is-Sigurtà Nukleari tal-2016, il-ġlieda kontra atti b’intenzjoni ħażina ta’ natura nukleari u radjoloġika titlob koperazzjoni internazzjonali. Dan jinkludi l-iskambju ta’ informazzjoni f’konformità mal-liġijiet u l-proċeduri nazzjonali tal-Istati.

2.2.Suq nukleari tal-UE u żviluppi ewlenin

Is-suq tal-enerġija nukleari tal-UE jrid jiġi eżaminat fil-kuntest globali, minħabba l-impatt potenzjali tal-iżviluppi f’reġjuni oħra fuq l-industrija nukleari tal-UE, is-sikurezza globali, is-sigurtà, is-saħħa u l-opinjoni pubblika. Għandha tkompli tissaħħaħ il-koperazzjoni mal-kandidati tal-UE u mal-pajjiżi tal-viċinat, b’mod partikolari mal-Ukrajna, mal-Belarussja, mat-Turkija u mal-Armenja. Fl-Ukrajna diġà twettqu stress tests tas-sikurezza, filwaqt li fl-2016 dawn għandhom jintemmu fl-Armenja u huma ppjanati li jsiru fil-Belarussja u fit-Turkija.

L-industrija nukleari tal-UE tinsab fuq quddiem nett fid-dinja fil-qasam tat-teknoloġija fis-segmenti kollha tal-industrija nukleari u timpjega direttament bejn 400 000 u 500 000 persuna 8 , filwaqt li tiffaċilita madwar 400 000 impjieg addizzjonali 9 . Din it-tmexxija tista’ tkun ta’ vantaġġ importanti madwar id-dinja. Huwa stmat li sal-2050 10 , il-ħtiġijiet ta’ investiment relatati mal-enerġija nukleari fis-suq globali se jlaħħqu madwar EUR 3 triljuni, bil-maġġoranza mistennija tkun fl-Asja. L-għadd ta’ pajjiżi li joperaw reatturi tal-enerġija nukleari u l-kapaċità nukleari installata fil-livell globali mistennija jiżdiedu sal-2040. Il-kapaċità nukleari installata taċ-Ċina weħedha hija prevista li tiżdied b’125 GWe, valur ogħla mill-kapaċità attwali fl-UE (120 GWe), fl-Istati Uniti (104 GWe) u fir-Russja (25 GWe).

Il-Kummissjoni qed tbassar tnaqqis fil-kapaċità tal-ġenerazzjoni nukleari fil-livell tal-UE sal-2050, wara li qieset id-deċiżjonijiet ta’ xi Stati Membri li jnaqqsu gradwalment l-enerġija nukleari jew li jnaqqsu s-sehem tagħha fit-taħlita tal-enerġija tagħhom 11 , . Din ix-xejra se titreġġa’ lura sal-2030 għax qed jitbassar li mal-grilja se jiġu konnessi reatturi ġodda u se jiġi estiż it-tul tal-ħajja ta’ oħrajn. Sal-2050, il-kapaċità nukleari għandha tiżdied bi ftit u tibqa’ stabbli bejn 95 u 105 GWe 12 (il-Figura 1). Billi fl-istess perjodu mistennija tiżdied id-domanda għall-elettriku, is-sehem tal-elettriku nukleari fl-UE se jonqos mil-livell attwali tiegħu ta’ 27% għal madwar 20%.



Figura 1 - Kapaċità nukleari totali tal-UE (GWe)

Sal-2050, l-investiment ta’ sostituzzjoni fil-kapaċità x’aktarx ikun fir-reatturi l-aktar avvanzati, bħal EPR, AP 1000, VVER 1200, ACR 1000 u ABWR.

3.Ħtiġijiet tal-investiment nukleari qabel l-2050

Se jkunu meħtieġa investimenti sinifikanti biex tiġi appoġġjata t-trasformazzjoni tas-sistema tal-enerġija f’konformità mal-Istrateġija tal-Unjoni tal-Enerġija. Bejn l-2015 u l-2050 13 iridu jiġi investiti bejn EUR 3.2 u EUR 4.2 triljun fil-provvista tal-enerġija tal-UE. L-investimenti fis-settur nukleari huma parti żgħira mill-isforz kumplessiv u jridu jseħħu fi ħdan il-qafas stabbilit fil-leġiżlazzjoni tal-UE.

Skont l-Artikolu 41 tat-Trattat Euratom, il-proġetti l-ġodda ta’ investiment nukleari għandhom jiġu notifikati lill-Kummissjoni. Mill-2008, ġie nnotifikat total ta’ 48 proġett. Disgħa kienu għal faċilitajiet iddedikati għal attivitajiet relatati mal-fażi inizjali, 20 għal modifiki maġġuri jew għal titjib fl-impjanti tal-enerġija nukleari relatati ma’ operat fit-tul jew għal titjib wara Fukushima, sebgħa għal reatturi kummerċjali jew ta’ riċerka ġodda u 12 għal installazzjonijiet relatati mal-fażi finali. Il-proġetti kollha rċevew opinjoni mhux vinkolanti mill-Kummissjoni, li pprovdiet kummenti u/jew suġġerimenti lill-Istati Membri dwar titjib li jrid jiġi kkunsidrat meta jawtorizzaw il-proġetti. Ingħatat attenzjoni partikolari għas-sikurezza, għall-immaniġġjar tal-iskart, għas-salvagwardji, u għas-sigurtà ta’ kwistjonijiet ta’ provvista.

Aktar tard din is-sena il-Kummissjoni se tipproponi aġġornament u definizzjoni aħjar tar-rekwiżiti għal dawn in-notifiki li, flimkien mar-Rakkomandazzjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 103 tat-Trattat Euratom 14 , se jsaħħu l-kapaċità tal-Kummissjoni biex tiżgura li l-investimenti l-ġodda u l-ftehimiet bilaterali ma’ pajjiżi terzi fil-qasam tal-enerġija nukleari jikkonformaw mat-Trattat Euratom u jirriflettu l-aktar kunsiderazzjonijiet riċenti dwar is-sigurtà tal-provvista.



3.1.Investimenti fil-fażi inizjali taċ-ċiklu tal-fjuwil

Il-proċess tal-fabbrikazzjoni tal-fjuwil (il-fażi inizjali taċ-ċiklu tal-fjuwil) jinkludi passi differenti mill-esplorazzjoni tal-minerali tal-uranju u l-estrazzjoni mill-minjieri sal-fabbrikazzjoni tal-assemblaġġi tal-fjuwil.

Filwaqt li l-attivitajiet ta’ estrazzjoni tal-uranju mill-minjieri huma limitati fl-UE, madwar id-dinja hemm disponibbli riżorsi abbundanti tal-uranju. Il-kumpaniji Ewropej jikklassifikaw fost il-produtturi ewlenin fid-dinja tal-fjuwil nukleari. 

Id-domanda tal-UE għall-uranju naturali tirrappreżenta madwar terz tad-domanda globali u tinkiseb minn firxa diversifikata ta’ fornituri. Fl-2014, il-Każakistan (27%) kien il-fornitur ewlieni, segwit mir-Russja (18 %), u min-Niġer (15 %). L-Awstralja u l-Kanada rrappreżentaw 14 % u 13 % rispettivament.

Skont l-Istrateġija Ewropea għas-Sigurtà tal-Enerġija, il-Kummissjoni qed tieħu azzjoni biex jiġi żgurat suq intern li jaħdem tajjeb għall-fjuwils nukleari u biex tkompli tissaħħaħ is-sigurtà tal-provvista. L-Aġenzija Fornitriċi tal-Euratom tivvaluta kontinwament dawn il-kwistjonijiet fid-deċiżjonijiet tagħha dwar kuntratti ta’ provvista, b’attenzjoni partikolari għall-proġetti ta’ binjiet ġodda.

Filwaqt li xi kumpaniji joffru pakketti integrati b’servizzi li jkopru ċ-ċiklu tal-fjuwil nukleari, il-Kummissjoni se tiżgura li din il-kapaċità ma tkunx ta’ ostaklu għal kumpaniji oħrajn li joperaw f’segment wieħed taċ-ċiklu nukleari, minħabba li dan jillimita l-kompetizzjoni fis-suq.

Fil-passat saru investimenti kbar fil-kapaċitajiet ta’ konverżjoni u ta’ arrikkiment, u fis-snin li ġejjin l-attenzjoni se tkun fuq l-immodernizzar tagħhom sabiex tinżamm it-tmexxija teknoloġika tal-UE. Dwar il-fabbrikazzjoni ta’ fjuwil nukleari, il-kapaċità bbażata fl-UE se tkun kapaċi tkopri l-ħtiġijiet kollha tagħha għal reatturi tat-tip oċċidentali, filwaqt li l-iżvilupp u l-liċenzjar ta’ assemblaġġi ta’ fjuwil għal reatturi tat-tip Russu se jieħdu xi ftit tas-snin (sakemm ikun hemm suq suffiċjenti disponibbli biex l-investiment ikun attraenti għall-industrija). Il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja l-fażi inizjali taċ-ċiklu tal-fjuwil u tuża l-istrumenti kollha disponibbli għad-dispożizzjoni tagħha biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista fl-UE, id-diversifikazzjoni u l-kompetizzjoni globali.

3.2.Investimenti u ambjent tan-negozju għal impjanti tal-enerġija nukleari ġodda

L-Istati Membri kollha li joperaw impjanti tal-enerġija nukleari qed jinvestu biex itejbu is-sikurezza. Minħabba l-età medja tal-flotta nukleari tal-UE, diversi Stati Membri qed jiffaċċjaw ukoll deċiżjonijiet ta’ politika dwar is-sostituzzjoni jew l-operat fit-tul tal-impjanti tal-enerġija nukleari tagħhom.

Fil-Figura 1 jintwera li mingħajr programmi ta’ operat fit-tul, sal-2030 madwar 90% tar-reatturi eżistenti se jingħalqu, u dan se jwassal għall-ħtieġa li jiġu sostitwiti ammonti kbar ta’ kapaċità. Meta l-Istati Membri jiddeċiedu li jipproċedu bl-operat fit-tul ta’ reatturi, se jkun hemm bżonn approvazzjoni regolatorja nazzjonali u titjib tas-sikurezza biex tiġi żgurata l-konformità mad-Direttiva dwar is-Sikurezza Nukleari. Ikunu xi jkunu l-għażliet tal-Istati Membri, sal-2050 se jkollu jiġi sostitwit 90% tal-kapaċità ta’ produzzjoni tal-elettriku nukleari eżistenti.

Sabiex tinżamm kapaċità ta’ ġenerazzjoni nukleari ta’ bejn 95 u 105 GWe fl-UE sal-2050 u lil hinn, jeħtieġ li jkun hemm aktar investimenti matul il-35 sena li ġejjin. Se jiġu investiti bejn EUR 350 u 450 biljun f’impjanti ġodda biex tinbidel il-biċċa l-kbira tal-kapaċità tal-enerġija nukleari eżistenti. Billi l-impjanti l-ġodda tal-enerġija nukleari huma ddisinjati biex joperaw għal mill-inqas 60 sena, dawn l-impjanti l-ġodda se jiġġeneraw l-elettriku sal-aħħar tas-seklu.

Jeżistu għadd ta’ fatturi li jinfluwenzaw id-disponibbiltà tal-finanzi għall-investimenti f’kapaċità nukleari ġdida. Għaż-żewġ komponenti ewlenin tal-kostijiet, il-kostijiet ta’ kostruzzjoni mingħajr imgħax(overnight cost) 15 u l-kostijiet ta’ finanzjament, id-durata mistennija tal-kostruzzjoni u r-rata ta’ skont tal-proġett għandhom rwol sinifikanti.

F’diversi Stati Membri tal-UE qed jiġu eżaminati jew qed jintużaw diversi mudelli ta’ finanzjament, bħall-iskema tal-Kuntratt għad-Differenza 16 proposta għall-proġett Hinkley Point C fir-Renju Unit jew il-mudell Mankala 17 propost għall-proġett Hanhikivi fil-Finlandja.

Uħud mill-proġetti ġodda, innovattivi fl-UE ġarrbu dewmien u aktar kostijiet milli kienu ippjanat. Proġetti futuri li jużaw l-istess teknoloġija għandhom jibbenefikaw mill-esperjenza miksuba u għandhom jisfruttaw l-opportunitajiet għat-tnaqqis tal-kostijiet, bil-kundizzjoni li tkun stabbilita politika xierqa.

Din il-politika għandha tiffoka fuq it-titjib tal-koperazzjoni bejn ir-regolaturi meta jinħarġu liċenzji għal reatturi ġodda u fuq l-inkoraġġiment ta’ standardizzazzjoni ta’ disinji ta’ reatturi nukleari mill-industrija. Minbarra t-titjib tal-kosteffiċjenza, dan jgħin biex impjanti ġodda tal-enerġija nukleari jkunu aktar sikuri.

Il-proċess tal-ħruġ tal-liċenzji, filwaqt li jaqa’ fil-kompetenza esklussiva tar-regolaturi nazzjonali tas-sikurezza, joffri opportunitajiet għal koperazzjoni msaħħa, eż. fil-passi ta’ qabel il-ħruġ tal-liċenzji jew fiċ-ċertifikazzjoni tad-disinn.

L-għan tal-kollaborazzjoni dwar ir-rekwiżiti għall-ħruġ tal-liċenzji għandu jkun sabiex jiġi żgurat li disinn li huwa meqjus sikur f’pajjiż wieħed ma jkollux għalfejn jiġi mmodifikat sostanzjalment biex jissodisfa r-rekwiżiti tal-liċenzji xi mkien ieħor, u b’hekk jitnaqqsu kemm il-ħin u kemm il-kostijiet. F’dan il-qasam il-Kummissjoni beħsiebha tikkonsulta lill-Grupp ta’ Regolaturi Ewropej dwar is-Sikurezza Nukleari u lin-Netwerk Ewropew ta’ Organizzazzjonijiet fis-settur tas-Sikurezza Teknika.

Dwar l-istandardizzazzjoni, il-kodiċijiet tal-kostruzzjoni jintużaw bħala referenza komuni mill-atturi kollha involuti fid-disinn u fil-bini ta’ impjanti tal-enerġija u ta’ faċilitajiet nukleari oħra 18 . Minħabba l-feġġa ta’ bejjiegħa potenzjali ġodda u l-ħtieġa li jiġi żgurat il-kontroll ta’ kull mudell/teknoloġija ġdid/a, ikun ta’ benefiċċju li l-bejjiegħa u l-fornituri jiġu mħeġġa jidħlu f’inizjattiva biex iżidu l-istandardizzazzjoni tal-komponenti u tal-kodiċijiet tagħhom sabiex jiġi żgurat:

(a) proċess ta’ akkwist aktar mgħaġġel;

(b) komparabbiltà akbar u standards ta’ sikurezza ogħla u aktar trasparenti;

(c) kapaċità akbar tal-operaturi li jikkontrollaw it-teknoloġija u l-ġestjoni tal-għarfien.

Minħabba l-enfasi fuq l-ottimizzazzjoni tal-użu ta’ riżorsi eżistenti kif ukoll fuq ir-rikonoxximent reċiproku biex jinfetħu aktar opportunitajiet, il-Kummissjoni qed issegwi mill-qrib il-ħidma tal-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni biex tara liema għażliet politiċi potenzjali huma meħtieġa fil-livell tal-UE.

3.3.Investimenti u ambjent tan-negozju relatati ma’ titjib tas-sikurezza u mal-operat fit-tul ta’ impjanti eżistenti tal-enerġija nukleari

Sabiex tkompli titjieb is-sikurezza nukleari, li hija responsabbiltà ewlenija tal-operaturi nukleari taħt is-superviżjoni tal-awtoritajiet regolatorji kompetenti nazzjonali, qed isiru sforzi regolari biex tiżdied ir-robustezza tal-impjanti tal-enerġija nukleari, speċjalment wara rieżamijiet speċifiċi, rieżamijiet perjodiċi tas-sikurezza jew rieżamijiet bejn il-pari bħall-istress tests tal-UE.

Ħafna operaturi fl-Ewropa esprimew l-intenzjoni li joperaw l-impjanti tal-enerġija nukleari tagħhom fuq perjodu itwal minn dak previst fid-disinn oriġinali tagħhom. Mill-perspettiva tas-sikurezza nukleari, biex impjant tal-enerġija nukleari jibqa’ jitħaddem, l-impjant għandu bżonn żewġ affarijiet: juri u jibqa’ konformi mar-rekwiżiti regolatorji applikabbli; u t-titjib tas-sikurezza tal-impjant safejn ikun raġonevolment prattikabbli.

Fid-dawl tal-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri, huwa stmat li sal-2050 se jkollhom jiġu investiti bejn EUR 45-50 biljun fl-operat fit-tul tar-reatturi eżistenti. Il-proġetti ta’ investiment relatati jeħtieġ li jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 41 tat-Trattat Euratom, li mbagħad dwarhom il-Kummissjoni tippubblika l-fehmiet tagħha.

Skont il-mudell u l-età tar-reattur, ir-regolaturi nazzjonali jassumu li l-għoti ta’ programmi ta’ operat fit-tul se jfisser l-estensjoni tal-ħajja tagħhom b’medja ta’ minn 10 sa 20 sena.

Korpi regolatorji u tal-utilitajiet iridu jħejju, jeżaminaw u japprovaw il-każijiet ta’ sikurezza relatati ma’ dawn il-pjanijiet skont id-Direttiva emendata dwar is-Sikurezza Nukleari. It-tisħiħ tal-koperazzjoni fost ir-regolaturi fil-proċessi tal għoti tal-liċenzji, pereżempju bit-twaqqif ta’ kriterji komuni, se jgħin biex jiġi żgurat rispons adegwat u f’waqtu għall-isfida.

3.4.Żieda fl-attivitajiet fil-fażi finali taċ-ċiklu tal-fjuwil: sfidi u opportunitajiet

Il-fażi finali taċ-ċiklu tal-fjuwil se teħtieġ dejjem aktar attenzjoni. Huwa stmat li sal-2025 se jingħalqu ’l fuq minn 50 reattur mill-129 wieħed li attwalment joperaw fl-UE. Se jkun hemm bżonn ippjanar bir-reqqa u koperazzjoni msaħħa fost l-Istati Membri. Kull Stat Membru tal-UE li jopera impjanti tal-enerġija nukleari se jkollu jieħu deċiżjonijiet politikament sensittivi fuq id-disponiment ġeoloġiku u l-immaniġġjar fit-tul tal-iskart radjuattiv. Huwa importanti li l-azzjonijiet u d-deċiżjonijiet ta’ investiment dwar dawn il-kwistjonijiet ma jiġux posposti, għaliex l-aċċettazzjoni tal-enerġija nukleari mis-soċjetà ċivili hija relatata mill-qrib mal-kapaċità li jintwerew soluzzjonijiet responsabbli, sikuri u sostenibbli għall-immaniġġjar tal-iskart.

3.4.1.Fjuwil użat u Mmaniġġjar tal-iskart radjuattiv

Id-Direttiva dwar il-Fjuwil Użat u l-Iskart Radjuattiv tistabbilixxi rekwiżiti legalment vinkolanti, għall-immaniġġjar sikur, responsabbli u fit-tul ta’ skart radjuattiv u ta’ fjuwil użat, bl-objettiv li jiġu evitati piżijiet żejda fuq ġenerazzjonijiet futuri. L-Istati Membri għamlu sforzi sinifikanti favur l-implimentazzjoni tad-Direttiva.

Kull Stat Membru huwa liberu li jiddefinixxi l-politika tiegħu dwar iċ-ċiklu tal-fjuwil. Il-fjuwil użat jista’ jitqies jew bħala riżorsa prezzjuża li tiġi riproċessata jew bħala skart radjuattiv li se jmur direttament għar-rimi. Tkun xi tkun l-għażla, jenħtieġ li tiġi indirizzata l-għażla tar-rimi ta’ skart ta’ livell radjuattiv għoli, li jiġi sseparat waqt ir-riproċessar jew dik tal-fjuwil użat li jitqies bħala skart.

Franza u r-Renju Unit għandhom faċilitajiet ta’ riproċessar operattivi, għalkemm ir-Renju Unit iddeċieda li sal-2018 jagħlaqhom. Fl-2014 għadd ta’ reatturi fil-Ġermanja, fi Franza u fin-Netherlands użaw fjuwil ta’ ossidi mħallta (MOX) .

F’ħafna Stati Membri diġà hemm stabbiliti faċilitajiet ta’ rimi għal skart radjuattiv ta’ livell baxx u ta’ livell intermedju. Sabiex jgħaddu mill-kliem għall-fatti, l-operaturi bnew l-ewwel faċilitajiet fid-dinja għad-disponiment ġeoloġiku għal skart ta’ livell għoli u għal fjuwil użat. Dawn il-faċilitajiet huma mistennija jibdew joperaw fil-Finlandja, fl-Iżvezja u fi Franza bejn l-2020 u l-2030. Kumpaniji Ewropej oħrajn għandhom jieħdu vantaġġ minn dan l-għarfien espert sabiex jikkonsolidaw il-ħiliet u l-għarfien meħtieġa u jiżviluppaw opportunitajiet kummerċjali fuq livell globali.

Hemm potenzjal għal koperazzjoni bejn l-Istati Membri, fosthom il-kondiviżjoni tal-aqwa prattiki jew saħansitra permezz ta’ repożitorji kondiviżi. Filwaqt li r-repożitorji kondiviżi huma legalment possibbli skont id-Direttiva, għad hemm diversi kwistjonijiet x’jissolvew, b’mod partikolari l-komunikazzjoni mal-pubbliku u l-bini ta’ aċċettazzjoni pubblika. Pass kritiku ieħor huwa li jiġi determinat min finalment ikun responsabbli għall-iskart radjuattiv li għandu jintrema bħala parti minn approċċ multinazzjonali.

Stati Membri li joperaw impjanti tal-enerġija nukleari bħalissa jużaw faċilitajiet għall-ħżin ta’ skart għal bejn 40 u 100 sena. Madankollu, il-ħżin ta’ skart radjuattiv, inkluż il-ħżin fit-tul, huwa soluzzjoni temporanja u mhux alternattiva għar-rimi.

3.4.2.Dekummissjonar

Madwar id-dinja ftit hemm esperjenza fid-dekummissjonar ta’ reatturi tal-enerġija. Sa Jannar 2016 fl-Ewropa ngħalqu b’mod permanenti 90 reattur tal-enerġija nukleari. Madankollu, s’issa 3 reatturi biss ġew dekummissjonati għalkollox 19 (kollha fil-Ġermanja).

Il-kumpaniji Ewropej għandhom l-opportunità li jsiru mexxejja globali billi jiżviluppaw il-ħiliet meħtieġa fis-suq domestiku, li jinkludu miżuri biex titħeġġeġ il-parteċipazzjoni tal-SMEs. L-użu tal-aqwa prattiki fl-istadji differenti tal-proċess tad-dekummissjonar, inkluż permezz ta’ approċċ gradwali li jippermetti l-benefiċċju mit-tnaqqis kontinwu tal-perikli radjoloġiċi, għandu jġib titjib fl-effiċjenza u fis-sikurezza. L-aqwa prattiki jistgħu jiġu promossi bil-ftuħ ta’ ċentru Ewropew ta’ eċċellenza, li jlaqqa’ l-atturi pubbliċi u privati, jew billi jiġi stabbilit taħt il-Grupp ta’ Finanzjament tad-Dekummissjonar.

3.4.3.Rekwiżiti għall-finanzjament għall-fjuwil użat, l-immaniġġjar u d-dekummissjonar tal-iskart radjuattiv

Id-Direttiva dwar il-Fjuwil Użat u l-Iskart Radjuattiv tirrikonoxxi li l-operaturi huma responsabbli għalkollox għall-immaniġġjar tal-iskart radjuattiv mill-ġenerazzjoni sar-rimi finali. Il-finanzjament għandu jiġi akkumulat mill-operaturi mis-snin bikrin ta’ operat u jkun delimitat sabiex safejn ikun possibbli jittaffa r-riskju tar-responsabbiltajiet finanzjarji għall-gvernijiet. L-Istati Membri jiggarantixxu dan il-prinċipju billi jwaqqfu u jżommu programmi nazzjonali li jinkludu valutazzjoni tal-kostijiet u l-iskema ta’ finanzjament applikabbli.

Abbażi tal-aħħar informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri 20 , f’Diċembru 2014 l-operaturi nukleari Ewropej stmaw li sal-2050 se jkun hemm bżonn ta’ EUR 263 biljun għad-dekummissjonar nukleari u għall-immaniġġjar tal-iskart radjuattiv, b’EUR 123 biljun minnhom għad-dekummissjonar u b’EUR 140 biljun għall-immaniġġjar tal-fjuwil użat u tal-iskart radjuattiv, kif ukoll għad-disponiment ġeoloġiku fil-fond.

L-Istati Membri pprovdew ukoll dejta dwar l-assi li jsostnu dawn l-investimenti mistennija, li ammontaw għal madwar EUR 133 biljun. Normalment, dawn l-assi jinġabru f’fondi dedikati, ħafna drabi miġbura flimkien għad-dekummissjonar u għall-immaniġġjar tal-iskart radjuattiv. Il-metodu l-aktar użat għall-ġbir ta’ fondi huwa kontribuzzjoni fissa bbażata fuq l-elettriku prodott mill-impjanti tal-enerġija nukleari rilevanti.

L-Istati Membri japplikaw metodi differenti biex jistmaw il-kostijiet għat-twettiq tal-attivitajiet tal-fażi finali taċ-ċiklu tal-fjuwil nukleari. Bl-għajnuna tal-Grupp ta’ Finanzjament tad-Dekummissjonar, il-Kummissjoni se tkompli tiġbor aktar dejta addizzjonali, u fasslet rapport dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Iskart Radjuattiv u l-Fjuwil Użat.

4.Applikazzjonijiet li ma jużawx elettriku

It-teknoloġiji nukleari u tar-radjazzjoni għandhom ħafna applikazzjonijiet fis-settur tal-mediċina, tal-industrija, tal-agrikoltura u tar-riċerka, b’benefiċċji sostanzjali għas-soċjetà fl-Istati Membri kollha.

Kull sena fl-Ewropa jsiru aktar minn 500 miljun proċedura dijanjostika bl-użu ta’ raġġi-X jew b’isotopi radjuattivi, u aktar minn 700 000 ħaddiem Ewropew fil-kura tas-saħħa jużaw teknoloġija nukleari u tar-radjazzjoni kuljum. Hemm suq Ewropew vibranti għat-tagħmir għat-teħid ta’ immaġini għal skopijiet mediċi. Għandu valur ta’ aktar minn EUR 20 biljun u jgawdi minn rati ta’ tkabbir annwali ta’ madwar 5%.

Fl-UE jiġu operati tipi differenti ta’ reatturi għar-riċerka. Jintużaw għall-ittestjar ta’ materjal u ta’ fjuwil nukleari, kif ukoll għal riċerka bażika u għall-iżvilupp. Uħud jipproduċu wkoll isotopi radjuattivi mediċi għad-dijanjożi u l-kura ta’ diversi tipi ta’ mard, inkluż il-kanċer u d-disturbi kardjovaskulari u tal-moħħ. Aktar minn 10 000 sptar madwar id-dinja jużaw isotopi radjuattivi għad-dijanjożi in vivo jew għall-kura ta’ madwar 35 miljun pazjent fis-sena, li disa’ miljun minnhom huma Ewropej.

L-Ewropa hija t-tieni l-akbar konsumatur ta’ teknetju-99m (Tc-99m), l-aktar isotopu radjuattiv dijanjostiku użat. Bosta reatturi Ewropej għar-riċerka involuti fil-produzzjoni ta’ isotopi radjuattivi mediċi qed joqorbu t-tmiem tal-ħajja tagħhom, bil-provvista tal-isotopi radjuattivi mediċi ssir aktar fraġli u mistennija twassal għal skarsezzi serji.

Dan l-aħħar, fl-Unjoni Ewropea u l il hinn minnha, ittieħdet azzjoni biex jiġi kkoordinat l-operat tar-reatturi għar-riċerka u biex jiġu minimizzati l-interruzzjonijiet fil-produzzjoni ta’ isotopi radjuattivi, pereżempju t-twaqqif tal-Osservatorju Ewropew dwar il-Forniment ta’ Isotopi Radjuattivi Mediċi fl-2012 21 . Minkejja dawn l-isforzi, il-kwistjoni tal-kapaċità tal-isotopi radjuattivi mediċi, speċjalment fl-Ewropa, għad trid tiġi kkunsidrata sew mill-partijiet ikkonċernati kollha, għax huwa essenzjali li fl-Unjoni Ewropea jiġu żgurati d-dijanjożi medika u t-trattamenti ewlenin.

Il-Kummissjoni tqis li hemm bżonn ta’ approċċ Ewropew aktar ikkoordinat dwar l-użi tat-teknoloġija nukleari u tar-radjazzjoni li ma tużax elettriku.

5.Iż-żamma tat-tmexxija teknoloġika tal-UE fil-qasam nukleari permezz ta’ aktar attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp

Jeħtieġ li l-UE żżomm it-tmexxija teknoloġika tagħha fil-qasam nukleari, fosthom l-iżvilupp tal-enerġija mill-fużjoni permezz tar-Reattur Termonukleari Sperimentali Internazzjonali (ITER) 22 , biex ma tiżdiedx id-dipendenza mill-enerġija u mit-teknoloġija, u ħalli l-kumpaniji Ewropej jingħataw opportunitajiet ta’ negozju. Dan imbagħad se jappoġġa t-tkabbir, l-impjiegi u l-kompetittività tal-UE.

Il-Komunikazzjoni riċenti dwar Pjan tat-Teknoloġija Enerġetika Strateġika (SET) Integrat 23 tkompli tagħti aktar dettalji dwar il-fatt li l-prijorità għall-enerġija nukleari hija li jiġi appoġġat l-iżvilupp tat-teknoloġiji l-aktar avvanzati biex jinżamm l-ogħla livell ta’ sikurezza fir-reatturi nukleari u biex jitjiebu l-effiċjenza tal-operat, il-fażi finali taċ-ċiklu tal-fjuwil u d-dekummissjonar.

Kif enfasizzat mir-riċerka Ewropea u mill-partijiet ikkonċernati fl-industrija 24 , iż-żamma tat-tmexxija teknoloġika fil-qasam nukleari hija possibbli biss jekk l-Istati Membri interessati jżommu kapaċitajiet ta’ riċerka nukleari diversi u li jkunu ffinanzjati biżżejjed, fosthom l-aspetti tal-edukazzjoni u t-taħriġ. Madankollu, mhux se jkun faċli li l-Ewropa żżomm it-tmexxija fl-oqsma kollha fid-dawl taż-żieda ġmielha fil-kapaċità tal-ġenerazzjoni nukleari f’reġjuni oħrajn tad-dinja. Dan jenfasizza l-importanza tal-koperazzjoni fil-livell Ewropew, b’mod speċjali f’oqsma bħall-għarfien espert dwar is-sikurezza ta’ reatturi avvanzati u innovattivi.

Il-programm tal-Euratom li għaddej bħalissa jikkontribwixxi għal dawn l-objettivi billi jappoġġa r-riċerka nukleari u l-attivitajiet ta’ taħriġ immirati lejn titjib kontinwu tas-sikurezza, tas-sigurtà u tal-protezzjoni mir-radjazzjoni fil-qasam nukleari, b’hekk jikkontribwixxi għad-dekarbonizzazzjoni fit-tul tas-sistema tal-enerġija.

Il-proġett tal-ITER huwa pass ewlieni lejn l-istabbiliment tar-rwol futur tal-fużjoni fix-xenarji tal-enerġija wara l-2050. Fl-2016, sar progress sinifikanti dwar l-ITER fit-termini tar-reviżjoni tax-xenajru bażiku tal-proġett. F’Ġunju 2016, il-Partijiet tal-ITER qablu dwar skeda ġdida u dwar l-istimi tal-kostijiet għall-perjodu sal-2025. F’Novembru 2016, taw l-appoġġ tagħhom għal xenarju bażiku rivedut kompletament sal-2035, li huwa soġġett għal approvazzjoni politika finali fl-2017.

Li tkompli twettaq ir-riċerka u l-iżvilupp hija esenzjali biex l-UE tibqa’ minn ta’ quddiem nett fil-qasam tat-teknoloġija nukleari u biex tiżviluppa l-aqwa standards tas-sikurezza, tas-sigurtà, tal-immaniġġjar tal-iskart u tan-nonproliferazzjoni.. Dan jimplika investiment kontinwu fir-riċerka u fit-taħriġ/fl-edukazzjoni, kif ukoll fl-infrastruttura tar-riċerka nukleari.

6.Konklużjoni

Skont stima tal-Kummissjoni, l-enerġija nukleari mistennija tibqa’ komponent importanti tat-taħlita tal-enerġija tal-UE fl-orizzont tal-2050.

Għal dawk l-Istati Membri li jagħżlu li jużaw l-enerġija nukleari, għandhom jiġu żgurati l-ogħla standards ta’ sikurezza, ta’ sigurtà, ta’ mmaniġġjar tal-iskart u ta’ nonproliferazzjoni tul iċ-ċiklu kollu tal-fjuwil. Huwa kruċjali li tiġi żgurata l-implimentazzjoni rapida u bir-reqqa tal-leġiżlazzjoni adottata wara Fukushima. Riċerka nukleari tal-ogħla livell, inkluż permezz tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku tal-infrastruttura tar-riċerka nukleari, hija fundamentali fl-UE biex jiġi żgurat li l-UE żżomm il-kompetenza tagħha fil-qasam. Il-koperazzjoni fost ir-regolaturi nazzjonali fl-għoti tal-liċenzji u s-superviżjoni ġenerali hija kkunsidrata bħala vantaġġ.

Il-flotta nukleari fl-Ewropa qed teqdiem u hemm bżonn isiru investimenti sinifikanti meta l-Istati Membri jagħżlu li jtawlu l-ħajja ta’ ċerti reatturi (u jagħmlu t-titjib relatat mas-sikurezza), li jagħmlu l-attivitajiet mistennija tad-dekummissjonar u l-ħżin fit-tul ta’ skart nukleari. Hemm ukoll il-ħtieġa ta’ investimenti għas-sostituzzjoni ta’ impjanti nukleari eżistenti. Investimenti bħal dawn jistgħu parzjalment imorru wkoll għal impjanti nukleari ġodda. L-investimenti totali stmati fiċ-ċiklu tal-fjuwil nukleari bejn l-2015 u l-2050 huma proġettati li se jkumu bejn EUR 660 u EUR 770 biljun 25 .

Fl-aħħar nett, anki ż-żieda rapida fl-użu tal-enerġija nukleari barra l-UE (iċ-Ċina, l-Indja, eċċ) tfisser li l-UE għandha bżonn iżżomm it-tmexxija globali tagħha u l-eċċellenza fl-oqsma tat-teknoloġija u tas-sikurezza. Għal dan l-għan, se jkun meħtieġ investiment kontinwu fl-attivitajiet tar-riċerka u l-iżvilupp.

(1)

COM(2015)80.

(2)

COM(2014)330.

(3)

L-oħrajn huma l-Brażil u l-Kanada.

(4)

27.5 % minn sorsi nukleari u 29.2 % minn sorsi rinnovabbli, Eurostat, Mejju 2016.

(5)

ĠU L 219, 25.7.2014, p. 42–52

(6)

ĠU L 199, 2.8.2011, p. 48-56

(7)

ĠU L 13, 17.1.2014, p. 1-73

(8)

SWD(2014)299

(9)

  http://ec.europa.eu/research/energy/euratom/publications/pdf/study2012_synthesis_report.pdf  

(10)

Sors: L-Aġenzija għall-Enerġija Nukleari u l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija, 2015 (USD 1 = EUR 0,75)

(11)

Bħad-deċiżjoni tal-Ġermanja u l-liġi l-ġdida Franċiża dwar it-tranżizzjoni tal-enerġija

(12)

Stima skont l-analiżi li għamlet il-Kummissjoni waqt it-tħejjija tal-Qafas dwar il-Klima u l-Enerġija tal-2030. Ara SWD(2014)255 u SWD(2014)15

(13)

SWD(2014)255. Dan jinkludi investiment fil-grilja tal-elettriku, investiment f’impjanti tal-enerġija (inkluż tal-elettriku u tas-CHP) u f’bojlers tal-fwar. Sakemm ma jiġix iddikjarat mod ieħor, iċ-ċifri kollha f’din il-Komunikazzjoni huma espressi f’valuri kostanti.

(14)

Adottat fl-4 ta’ April 2016.

(15)

Il-kostijiet ta’ kostruzzjoni mingħajr imgħax jinkludu: il-kostruzzjoni, it-tagħmir prinċipali, l-istrumentazzjoni u l-kontroll, il-kostijiet indiretti u l-kostijiet relatati mal-pussess.

(16)

Kuntratti għad-differenza jinkludu primjum varjabbli skont il-prezz tas-suq għall-elettriku

(17)

Ftehim simili għas-sistema koperattiva ta’ impriżi magħrufa f’pajjiżi Ewropej oħra. Dan il-mudell jopera fuq bażi ta’ ebda profitt; l-azzjonisti jirċievu sehem relattiv tal-elettriku prodott mill-impjant tal-enerġija nukleari bil-prezz tal-kost

(18)

Dan jinkludi fornituri tat-teknoloġija, tal-periti, tal-inġiniera, tal-operaturi, kif ukoll tal-ispetturi u l-awtoritajiet tas-sikurezza

(19)

Dan ifisser li s-sit ma jibqax marbut b’kontroll regolatorju.

(20)

Kwestjonarji li ntbagħtu lill-membri tal-Grupp ta’ Finanzjament tad-Dekummissjonar kif ukoll Programmi Nazzjonali ppreżentati skont id-Direttiva 2011/70/Euratom, fejn disponibbli

(21)

  http://ec.europa.eu/euratom/observatory_radioisotopes.html

(22)

L-ITER huwa esperiment xjentifiku fuq skala kbira li l-għan tiegħu huwa li juri l-fattibbiltà teknoloġika u xjentifika tal-enerġija mill-fużjoni li qed tinbena fi Franza. Huwa sforz kollaborattiv internazzjonali bejn il-Partijiet tal-Ftehim dwar l-ITER: l-UE, iċ-Ċina, l-Indja, il-Ġappun, il-Korea t’Isfel, ir-Russja u l-Istati Uniti tal-Amerika.

(23)

COM(2015)6317.

(24)

 Dikjarazzjoni ta’ Intenzjoni dwar il-Miri Strateġiċi tal-Pjan SET fil-kuntest tal-Azzjoni 10: “Maintaining a high level of safety of nuclear reactors and associated fuel cycles during operation and decommissioning, while improving their efficiency” https://setis.ec.europa.eu/implementing-integrated-set-plan/nuclear-safety-ongoing-work  

(25)

Ara d-dettalji fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal (SWD(2016) 102 final).

Top