Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017DC0152

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-implimentazzjoni tal-obbligu ta' żona ta' konċentrazzjoni ekoloġika skont l-iskema ta' pagamenti diretti ta' ekoloġizzazzjoni

    COM/2017/0152 final

    Brussell, 29.3.2017

    COM(2017) 152 final

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    dwar l-implimentazzjoni tal-obbligu ta' żona ta' konċentrazzjoni ekoloġika skont l-iskema ta' pagamenti diretti ta' ekoloġizzazzjoni

    {SWD(2017) 121 final}


    1. Introduzzjoni

    Ir-riforma tal-2013 tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) introduċiet skema ta’ pagamenti diretti ta’ ekoloġizzazzjoni 1 ("ekoloġizzazzjoni"). L-għan kien li tkompli tittejjeb il-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali marbuta mal-biedja permezz ta’ pagamenti għal prattiki li huma ta’ benefiċċju għall-ambjent u għall-klima. Minbarra d-diversifikazzjoni tal-għelejjel u l-manutenzjoni tal-bur permanenti, l-ekoloġizzazzjoni tirrikjedi li l-bdiewa jirriżervaw 5 % tar-raba’ tagħhom għaż-żoni ta' konċentrazzjoni ekoloġika (EFAs).

    Dan ir-rapport, li jiffoka fuq l-2015 u l-2016, jissodisfa rekwiżit legali li l-Kummissjoni 2 teżamina l-progress fl-implimentazzjoni tal-obbligu tal-EFA. Filwaqt li jikkondividi wkoll l-osservazzjonijiet preliminari dwar l-effetti ambjentali potenzjali tal-EFA abbażi tal-għażliet magħmula mill-Istati Membri u l-bdiewa, huwa importanti li jiġi enfasizzat li dan mhuwiex kejl tal-impatti ambjentali reali.

    Ir-rapport jaġġorna u jestendi fuq xi aspetti tar-rieżami tal-ekoloġizzazzjoni tal-2016 wara sena ta’ applikazzjoni, 3 imwettaq bħala parti mill-programm REFIT tal-Kummissjoni 4 . Ir-rieżami tal-2016 eżamina l-impatt tal-ekoloġizzazzjoni fuq il-potenzjal tal-produzzjoni, il-kundizzjonijiet ekwi u kkunsidra diversi aspetti ta’ simplifikazzjoni. Bħala segwitu l-Kummissjoni ressqet diversi bidliet fil-leġiżlazzjoni sekondarja dwar l-ekoloġizzazzjoni 5 , billi ffokat l-aktar fuq l-EFAs 6 . Dawn kellhom l-għan li jissimplifikaw u jikkjarifikaw ir-regoli rilevanti, filwaqt li jżidu l-effett ambjentali tagħhom. Huma għandhom isiru applikabbli sa mhux aktar tard mill-2018 7 (sa Marzu 2017 8 il-bidliet għadhom mhumiex fis-seħħ).

    Dan ir-rapport se jikkontribwixxi għall-evalwazzjoni usa’ tal-ekoloġizzazzjoni, inklużi l-benefiċċji ambjentali tal-EFAs, li mistennija titlesta sal-aħħar tal-2017 jew sal-bidu tal-2018 9 . Ir-rapport se jikkontribwixxi wkoll għar-rapport dwar il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-PAK, li mistenni jiġi ffinalizzat fl-2018 10 . L-osservazzjonijiet fil-Kapitolu 3 ta’ dan ir-rapport ma jippreġudikawx l-evalwazzjoni tal-ekoloġizzazzjoni, li se tkun komprensiva fuq l-aspetti kollha tagħha, inklużi l-EFAs.

    1.1.L-obbligu tal-EFA

    Ħafna mill-ħabitats siewja u l-bijodiversità li jinkoraġġixxu jiddependu fuq is-sistemi tal-biedja. Madankollu, l-isforzi sabiex tiġi ssalvagwardjata din il-bijodiversità mhumiex rikonoxxuti mis-swieq u, għalhekk mhumiex riflessi fil-prezzijiet li jirċievu l-bdiewa għall-prodotti agrikoli tagħhom. Filwaqt li l-preservazzjoni tal-bijodiversità tiddependi fuq prattiki ta’ ġestjoni xierqa, dawn il-prattiki — xprunati minn pressjonijiet kompetittivi — esperjenzaw bidla, b’żieda fl-ispeċjalizzazzjoni u fl-intensifikazzjoni tal-produzzjoni f’xi erjas u b'abbandun tal-art f’oħrajn. Dan joħloq pressjonijiet fuq il-bijodiversità, għandu effetti detrimentali fuq il-ħamrija, l-ilma u l-klima, iżda jpoġġi wkoll il-potenzjal tal-produzzjoni fit-tul tas-settur agrikolu f’riskju.

    L-għan tar-rekwiżit tal-EFA huwa "b’mod partikolari, […] jissalvagwardjaw u jtejbu l-bijodiversità fl-azjendi agrikoli" 11 . Flimkien mal-obbligi l-oħrajn tal-ekoloġizzazzjoni, dan jifforma parti mill-PAK eżistenti u minn politiki oħrajn tal-UE ddedikati għall-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali, inkluża l-bijodiversità 12 . L-ekoloġizzazzjoni, li hija parti mill-ewwel pilastru tal-PAK, għandha l-għan li tiżgura li l-bdiewa kollha tal-UE li jirċievu appoġġ għall-introjtu u jwasslu benefiċċji ambjentali u klimatiċi bħala parti mill-attività agrikola tagħhom. Il-prattiki meħtieġa skont l-obbligu tal-EFA huma maħsuba, bħall-prattiki l-oħrajn tal-ekoloġizzazzjoni, biex ikunu sempliċi, ġeneralizzati, mhux kuntrattwali u annwali. Il-bdiewa jiġu ppremjati talli jadottaw prattiki favorevoli għall-bijodiversità, li mhux bilfors jinvolvu bidla f’kull azjenda agrikola. Meta dawn il-prattiki jkunu diġà applikati, l-obbligu tal-EFA jiggarantixxi ż-żamma tagħhom kontra l-pressjonijiet kompetittivi li jiffaċċjaw il-bdiewa. Meta ma jkunux preżenti, dawn għandhom jiġu implimentati.

    Sabiex jikkonformaw mar-rekwiżit tal-EFA, il-bdiewa li għandhom raba’ akbar minn 15-il ettaru iridu jiżguraw li tal-anqas 5 % minnha tkun "żona ta’ konċentrazzjoni ekoloġika" ddedikata għal elementi ekoloġikament ta’ benefiċċju, magħżula minn menu ta’ "tipi ta’ EFA" mħejjija mill-awtoritajiet nazzjonali tagħhom minn lista komuni tal-UE. Din il-lista tal-UE tkopri firxa wiesgħa ta’ karatteristiċi jew erjas li jimmiraw direttament għall-bijodiversità, bħal karatteristiċi ta’ art mistrieħa jew pajsaġġ, jew indirettament, billi jnaqqsu l-użu tal-inputs u/jew itejbu l-protezzjoni tal-ħamrija, bħall-għelejjel intermedji jew l-għelejjel li jiffissaw in-nitroġenu 13 . L-erjas tal-EFA jiġu kkalkolati bl-użu ta’ fatturi ta’ ponderazzjoni li jirriflettu kull karatteristika tal-EFA u l-importanza tagħha għall-bijodiversità. Il-fatturi ta’ ponderazzjoni jvarjaw minn 0.3 (pereżempju għall-għelejjel intermedji) u 0.7 (għelejjel li jiffissaw in-nitroġenu) sa 2 (sisien tal-ħaxix).

    L-Istati Membri għandhom diversi għażliet sabiex ifasslu t-tipi ta’ EFA: pereżempju, meta jagħżlu l-lista nazzjonali tagħhom, jistgħu jibnu fuq il-prattiki li diġà qegħdin japplikaw il-bdiewa, u/jew ir-rekwiżiti supplimentari (pereżempju, il-metodi ta’ produzzjoni) għal xi EFAs sabiex jiżguraw jew itejbu l-effettività tagħhom. Taħt ċerti kundizzjonijiet, lill-bdiewa tagħhom jistgħu joffrulhom ukoll diversi EFAs alternattivi abbażi ta’ "ekwivalenza". Xi bdiewa huma eżentati minn dan ir-rekwiżit abbażi ta’, pereżempju, il-post fejn jinsab ir-razzett tagħhom ("eżenzjoni tal-foresti"), id-daqs tiegħu jew l-użu tal-art.

    Lil hinn mill-kundizzjonalità, il-prattiki tal-EFA jistgħu jiġu ssupplimentati b’miżuri volontarji taħt il-programmi ta’ żvilupp rurali (PŻR) li jiffinanzjaw attivitajiet aktar impenjattivi mmirati lejn ħtiġijiet speċifiċi relatati mal-ambjent u l-klima.

    1.2.Metodoloġija, sorsi ta’ dejta u limitazzjonijiet

    Dan ir-rapport huwa bbażat fuq id-dejta disponibbli dwar l-implimentazzjoni attwali tal-EFA. Filwaqt li jinkludi osservazzjonijiet preliminari tal-effetti ambjentali potenzjali, dan ma jikkostitwixxi ebda evalwazzjoni per se kif definita fil-Linji Gwida tal-Kummissjoni dwar Regolamentazzjoni Aħjar 14 .

    Sabiex jivvaluta s-sitwazzjoni attwali tal-implimentazzjoni, ir-rapport juża d-deċiżjonijiet annwali dwar l-għażliet tat-tipi ta’ EFA pprovduti lill-Kummissjoni mill-awtoritajiet tal-Istati Membri 15 .
    Dawn id-deċiżjonijiet huma disponibbli għas-snin 2015, 2016 u 2017. Ir-rapport juża wkoll id-dejta dwar l-għażliet tal-EFA attwali tal-bdiewa ("dejta dwar l-adozzjoni") abbażi tad-dikjarazzjonijiet tal-bdiewa ("żoni ddikjarati") għall-2015 u l-2016 u nnotifikati għal kull reġjun mill-Istati Membri 16 .

    Il-kwalità tal-analiżi tal-Kummissjoni tiddependi fuq il-puntwalità u l-kompletezza tar-rapportar. Dan huwa limitat minħabba li xi notifiki mhumiex kompluti jew għadhom neqsin. Id-dejta dwar l-adozzjoni tal-EFA għall-2015 hija disponibbli għall-Istati Membri kollha minbarra Franza; id-dejta għall-2016 ġiet sottomessa minn 19-il Stat Membru biss 17 .

    L-osservazzjonijiet dwar l-effetti ambjentali potenzjali ma għandhomx l-għan li jkejlu l-impatti reali, iżda minflok jikkonsistu f’simulazzjonijiet li japplikaw valuri ddeterminati minn qabel assenjati għall-għażliet disponibbli, li jistrieħu fuq:

    studju miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni 18 (JRC) bl-użu ta’ ‘kalkolatur tal-EFA’, għodda ta’ mmudellar ibbażata fuq il-letteratura xjentifika;

    rieżami tal-letteratura magħżula 19 .

    Il-kalkolatur tal-EFA jikkunsidra l-impatti ambjentali potenzjali tal-EFAs permezz ta’ sistema ta’ punteġġi li tirrifletti l-karatteristiċi tat-tipi ta’ EFA u l-kuntest agronomiku tagħhom, iżda ma tikkwantifikax l-impatti reali. Il-kalkolatur tal-EFA, li għall-bidu kien maħsub biex jintuża fil-livell tal-azjendi agrikoli, jestrapola u jaggrega r-riżultati fil-livell tal-azjendi agrikoli għal-livell reġjonali abbażi tad-dejta dwar l-adozzjoni attwali pprovduta mill-Istati Membri għall-2015. Dan jillimita kemxejn il-preċiżjoni tar-riżultati.

    Osservazzjoni ewlenija oħra hija li dawn l-effetti potenzjali jiġu kkunsidrati biss fid-dawl tal-karatteristiċi ewlenin tal-EFA, mingħajr ma jiġu investigati kriterji kwalitattivi oħrajn, bħall-prattiki ta' ġestjoni u l-perjodu ta’ żamma. L-effetti jiġu stmati f’termini relattivi bejn it-tipi ta’ EFA u mingħajr ma tiġi kkunsidrata linja bażi (xenarju ta’ referenza). L-analiżi ħarset lejn disa’ kategoriji ta’ kompożizzjonijiet ta’ EFA aggregati fil-livell reġjonali NUTS-3, 20 kif jidher fl-Illustrazzjoni 4. Ġew ikkunsidrati wkoll aspetti bħall-kuntest reġjonali u l-kompożizzjoni tal-ispeċi.

    F’termini ta’ impatti potenzjali, il-fokus huwa fuq il-bijodiversità, li hija l-għan ambjentali primarju tal-EFA; is-simulazzjoni tiffoka fuq id-diversità u l-popolazzjonijiet tal-ispeċijiet bl-użu tal-klassifikazzjoni ta’ EUNIS 21 tal-gruppi ta’ speċijiet: amfibji, għasafar, invertebrati, mammiferi, rettili u pjanti terrestri.

    Barra minn hekk, meta wieħed iqis għan ambjentali usa’ tal-EFA, l-impatti potenzjali fuq is-servizzi tal-ekosistema (il-benefiċċji li n-nies jieħdu mill-ekosistemi 22 ) u l-klima jitqiesu wkoll sabiex jiġu identifikati l-kobenefiċċji u l-kompromessi potenzjali li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tal-obbligu tal-EFA.

    Is-simulazzjoni fuq is-servizzi tal-ekosistema tuża l-Klassifikazzjoni Internazzjonali Komuni tas-Servizzi tal-Ekosistema (Common International Classification of Ecosystem Services) u tkopri d-dakkir u t-tixrid taż-żerriegħa, il-kontroll tal-organiżmi ta’ ħsara u tal-mard, il-kundizzjoni kimika tal-ilma ħelu, l-istabbilizzazzjoni tal-massa u l-kontroll tar-rati ta’ erożjoni.

    Fejn rilevanti, ir-rapport jikkunsidra wkoll il-kontribut mill-partijiet ikkonċernati, inkluż f’format ta’ grupp ta’ djalogu ċivili u grupp ta’ esperti, u b’reazzjoni għall-konsultazzjoni pubblika tal-Kummissjoni dwar l-ekoloġizzazzjoni mwettqa bejn Diċembru 2015 u Marzu 2016 23 . Ir-rapport jikkunsidra wkoll
    studju dwar l-għażliet tal-Istati Membri fir-rigward tal-PAK 24 , filwaqt li l-istħarriġ u l-istatistika annwali tal-Eurostat dwar l-istruttura tal-azjendi agrikoli jintużaw bħala informazzjoni kuntestwali.

    L-għażliet tal-Istati Membri, id-dejta dwar l-adozzjoni tal-bdiewa, il-metodoloġija u l-bibljografija huma ppreżentati f’aktar dettall fid-dokument ta’ ħidma tal-persunal ta’ akkumpanjament.

    2. Implimentazzjoni — is-sitwazzjoni attwali

    2.1. L-għażliet tal-EFA tal-Istati Membri

    Fl-2015, il-firxa ta’ tipi ta’ EFA kienet tvarja ferm bejn l-Istati Membri

    Abbażi tad-deċiżjonijiet tal-Istati Membri għall-2015, joħorġu r-raggruppamenti ta’ Stati Membri li ġejjin, kif jidher fl-Illustrazzjoni 1:

    14-il Stat Membru offrew lista estensiva ta’ tipi ta’ EFA (minn 10 sa 19). Kollha għażlu l-art mistrieħa, l-imsaġar ta’ newba qasira, l-għelejjel li jiffissaw in-nitroġenu, il-biċċiet ta’ art ta’ lqugħ (minbarra r-Repubblika Ċeka), l-għelejjel intermedji/il-kopertura veġetali (minbarra l-Italja) u mill-inqas erba’ tipi differenti ta’ karatteristiċi tal-pajsaġġ minn disgħa (primarjament siġar fi grupp u siġar f’linja).

    Disa’ Stati Membri oħrajn għażlu lista intermedja. Kollha kemm huma għażlu l-art mistrieħa, l-erjas b’għelejjel li jiffissaw in-nitroġenu (minbarra d-Danimarka) u inqas minn ħames tipi differenti ta’ karatteristiċi tal-pajsaġġ.

    Ħames Stati Membri offrew għażla limitata ta’ tipi ta’ EFA (massimu ta’ erbgħa). Kollha kemm huma għażlu l-għelejjel li jiffissaw in-nitroġenu, l-art mistrieħa (minbarra n-Netherlands) u karatteristika waħda tal-pajsaġġ jew l-ebda waħda.

    Id-dejta turi li l-Istati Membri ppreferew erjas b’għelejjel li jiffissaw in-nitroġenu, l-art mistrieħa u l-karatteristiċi tal-pajsaġġ fuq ettari ta’ agroforestrija, meded ta’ ettari eliġibbli tul it-truf tal-foresti u art imtarrġa.

    Għall-imsaġar ta’ newba qasira, l-għelejjel intermedji jew il-kopertura veġetali u l-għelejjel li jiffissaw in-nitroġenu, l-Istati Membri ntalbu jelenkaw l-ispeċijiet ta’ siġar jew għelejjel sabiex b’hekk ikunu jistgħu jottimizzaw il-kontribut ta’ dawn l-EFAs għall-bijodiversità. Intgħażlet diversità wiesgħa ta’ speċijiet.

    Bejn l-2015 u l-2017 kien hemm ftit Stati Membri li adattaw l-għażliet tagħhom, primarjament għal-lista ta’ EFAs u b’mod limitat

    Mill-2015 kien hemm disa’ Stati Membri li biddlu d-deċiżjonijiet tagħhom, primarjament dwar l-għażla tat-tipi ta’ EFA (Illustrazzjoni 1). Minn dawn, sitta estendew l-għażliet tal-bdiewa tagħhom għal tipi ta’ EFA oħrajn, apparentement wara li waqqfu s-sistema amministrattiva meħtieġa sabiex jimmonitorjaw l-applikazzjoni tagħhom. It-tlieta li jifdal irtiraw xi tipi ta’ EFA minħabba l-adozzjoni baxxa ħafna tagħhom fost il-bdiewa.

    Illustrazzjoni 1 — L-għadd ta’ tipi ta’ EFA magħżula fl-2015 għal kull Stat Membru/reġjun u l-bidliet fis-snin sussegwenti

    Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jużaw għażliet maħsuba biex jirrikonoxxu l-kontribuzzjoni ta’ mekkaniżmi oħrajn tal-PAK għall-bijodiversità

    22 Stat Membru nnominaw bħala EFAs mill-inqas element wieħed meħtieġ jew protett minn regoli ta’ kundizzjonalità, jiġifieri l-biċċiet ta’ art ta’ lqugħ u/jew karatteristika tal-pajsaġġ waħda jew aktar protetta/i taħt dawk ir-regoli. Sitta ddeċidew li ma jikkunsidraw l-ebda karatteristika bħal din. Bl-istess mod, erbgħa minn fost il-ħames Stati Membri li setgħu jagħmlu dan offrew lill-bdiewa l-vantaġġ tal-eżenzjoni tal-foresti ta’ EFA. Mill-2016 kien hemm tliet Stati Membri biss li bdew japplikaw l-ekwivalenza għal EFA (l-Italja, in-Netherlands u l-Awstrija).



    L-għażliet maħsuba biex isaħħu l-effettività tat-tipi ta’ EFA rarament jintgħażlu

    Għalkemm l-Istati Membri għandhom diversi modi kif isaħħu l-effettività tal-EFAs, dawn rarament intużaw. Pereżempju, l-ebda wieħed mit-13-il Stat Membru/reġjun li għażlu l-għadajjar bħala tip ta’ EFA ma stabbilixxa kriterji għall-iżgurar tal-valur naturali tagħhom. Bl-istess mod, minn fost il-31 Stat Membru/reġjun, kien biss il-Belġju (il-Vallonja) li poġġa restrizzjonijiet tal-input fuq erjas b’għelejjel li jiffissaw in-nitroġenu, filwaqt li 4 biss minn 21 (il-Belġju (il-Fjandri), il-Belġju (il-Vallonja), il-Ġermanja u n-Netherlands) għamlu dan għall-għelejjel intermedji. Żewġ Stati Membri biss (in-Netherlands u l-Polonja) ppermettew lill-bdiewa jgħaqqdu l-isforzi tagħhom sabiex joħolqu EFAs kontigwi li jkunu aħjar għall-ambjent (approċċ kollettiv).

    L-għażliet tal-Istati Membri jidhru li huma xprunati mill-ħtieġa li jinstab bilanċ bejn il-massimizzazzjoni tal-flessibbiltà għall-bdiewa u l-minimizzazzjoni tal-kumplessità amministrattiva

    Abbażi tal-evidenza miġbura 25 sa issa, l-għażliet tal-Istati Membri li jirrigwardjaw l-implimentazzjoni jidhru li huma xprunati, fost l-oħrajn, minn dawn li ġejjin:

    ix-xewqa li joffru lill-bdiewa kemm jista’ jkun għażliet, li jagħtuhom iċ-ċans li jisfruttaw il-prattiki tas-soltu;

    il-kost tal-konformità mar-rekwiżiti speċifiċi tal-kontroll u tal-immappjar tal-elementi ta’ EFA permanenti f’saff iddedikat tas-Sistema ta’ Identifikazzjoni tal-Irqajja’ tal-Art;

    id-deċiżjonijiet meħuda taħt strumenti oħrajn tal-PAK (pereżempju, miżuri ta’ agroforestrija appoġġjati mill-RDPs) jew li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE (pereżempju, l-istabbiliment obbligatorju ta’ għelejjel intermedji skont il-Programmi ta’ Azzjoni dwar in-Nitrati 26 );

    iċ-ċirkostanzi lokali u l-kundizzjonijiet ambjentali (pereżempju, il-preżenza ta’ art imtarrġa jew l-abbundanza ta’ veġetazzjoni seminaturali).

    F’dan l-istadju, ma jistax jiġi stabbilit jekk xi wieħed minn dawn l-elementi kellux rwol dominanti.

    2.2. L-adozzjoni ta’ tipi ta’ EFA mill-bdiewa

    L-obbligu tal-EFA jkopri l-biċċa l-kbira tar-raba’ tal-UE. Il-kopertura tal-art tidher li kienet stabbli bejn l-2015 u l-2016

    Fl-2015, 70 % tar-raba’ totali tal-UE 27 kienet taqa’ taħt l-obbligu tal-EFA. Fl-2016, il-proporzjon kien ta’ 69 %. Il-parti li jifdal tar-raba’:

    mhijiex koperta mis-sistema ta’ pagamenti diretti (pereżempju, il-bidwi ma applikax għall-għajnuna);

    hija eżentata minħabba d-daqs tal-azjenda agrikola (inqas minn 15-il ettaru ta’ raba’);

    tappartjeni għal azjendi agrikoli organiċi jew azjendi agrikoli li jaqgħu taħt l-iskema tal-bdiewa żgħar;

    għandha proporzjon għoli ta’ bur; jew inkella

    tinsab f’pajjiżi li japplikaw l-eżenzjoni tal-foresti.



    Fil-livell tal-UE, il-perċentwal ta’ erjas EFA ddikjarati mill-bdiewa huwa kważi d-doppju tal-5 % meħtieġ fil-livell tal-azjendi agrikoli. It-tliet EFAs ewlenin huma marbuta ma’ erjas produttivi jew potenzjalment produttivi.

    Fl-2015, 8 miljun ettaru ta’ art ġew iddikjarati bħala EFA, li kienu jirrappreżentaw 13 % tar-raba’ li taqa’ taħt l-obbligu u 10 % wara l-applikazzjoni tal-fatturi ta’ ponderazzjoni (il-perċentwali jistgħu jvarjaw fil-livell tal-azjendi agrikoli). Dan huwa ferm ogħla mir-rekwiżit regolatorju ta’ 5 % fil-livell tal-azjendi agrikoli. Fl-2016, il-figuri kienu 15 % u 10 % rispettivament, b’żieda żgħira ta’ 130 000 ettaru.

    Fl-2015, l-aktar tipi ta’ EFA ddikjarati b’mod frekwenti kienu dawk marbuta ma’ erjas agrikoli produttivi jew potenzjalment produttivi (Illustrazzjoni 2):

    għelejjel li jiffissaw in-nitroġenu (37.4 % tal-EFA fiżika fuq l-art);

    għelejjel intermedji (33.2 %);

    art mistrieħa (25.9 %).

    Wara li ġew applikati l-fatturi ta’ ponderazzjoni, l-għelejjel li jiffissaw in-nitroġenu u l-għelejjel intermedji laħqu 54 % tal-EFAs ponderati totali (39 % u 15 % rispettivament). Dan kien 5.4 % tar-raba’ taħt l-obbligu u jidher li kkontribwixxa sabiex jinqabeż il-perċentwal ta’ 5 % meħtieġ fil-livell tal-azjendi agrikoli. Erjas oħrajn, bħall-karatteristiċi tal-pajsaġġ u l-biċċiet ta’ art ta’ lqugħ, laħqu 1.7 % u 0.7 %, rispettivament.

    Il-proporzjon ta’ EFA fil-livell tal-UE msemmi aktar 'il fuq baqa’ pjuttost stabbli fl-2016, għalkemm b’varjazzjoni madwar l-Istati Membri: l-erjas taħt art mistrieħa, karatteristiċi tal-pajsaġġ u biċċiet ta’ art ta’ lqugħ naqsu, filwaqt li dawk taħt għelejjel intermedji u għelejjel li jiffissaw in-nitroġenu żdiedu.

    Barra minn hekk, id-dejta dwar it-tipi ta’ EFA turi li fl-2015 l-art mistrieħa ddikjarata bħala EFA kienet tirrappreżenta 34 % tal-erjas totali ta’ art mistrieħa rrapportati fl-istatistika tal-Eurostat għall-Istati Membri kkonċernati. Dawn l-erjas totali naqsu b’24 % mill-2000 sal-2014, iżda żdiedu bi ftit fl-2015.

    Mill-2013, l-erjas ta’ għelejjel tal-legumi fl-UE, kif irrapportati mill-Eurostat, żdiedu b’20 %. L-għelejjel li jiffissaw in-nitroġenu ddikjarati bħala EFA, li ntgħażlu mill-Istati Membri kollha minbarra d-Danimarka, koprew 49 % ta’ dawn l-erjas fl-2015. Ir-rwol speċifiku ta’ EFA fil-fatturi differenti li jinfluwenzaw ix-xejriet tal-erjas ta’ għelejjel tal-legumi jeħtieġ li jiġi vvalutat aktar.

    Illustrazzjoni 2 — Tqassim tal-erjas iddikjarati bħala EFA skont it-tip ta’ EFA ewlenin, fil-livell tal-UE, qabel u wara li jiġu applikati l-fatturi ta’ ponderazzjoni

    Qabel il-fatturi ta' ponderazzjoni                Wara l-fatturi ta' ponderazzjoni

    Sors: Dejta dwar l-adozzjoni tal-Istati Membri, 2015 (UE-27, m'hemmx dejta disponibbli għal Franza)

    Id-distribuzzjoni tat-tipi ta’ EFA fil-livell reġjonali u tal-Istati Membri turi mudelli ġeografiċi ċari

    L-analiżi tal-kompożizzjoni ta’ EFA fil-livell tal-Istati Membri (Illustrazzjoni 3) u fil-livell reġjonali NUTS-3 (Illustrazzjoni 4) tiżvela diversi mudelli:

    Proporzjon sostanzjali tal-karatteristiċi tal-pajsaġġ u tal-biċċiet ta’ art ta’ lqugħ jinstab biss fl-Irlanda, fir-Renju Unit u f’Malta.

    L-art mistrieħa tinsab aktar f’pajjiżi Mediterranji bħal Spanja, il-Portugall u Ċipru u fi Stati Membri li jinsabu fir-reġjun bijoġeografiku boreali, bħall-Finlandja u l-Latvja.

    L-għelejjel li jiffissaw in-nitroġenu huma prevalenti fil-Kroazja, fir-Repubblika Ċeka, fl-Italja, fil-Polonja u fir-Rumanija.

    L-għelejjel intermedji huma aktar mifruxa fil-Belġju, fid-Danimarka, fil-Ġermanja, fil-Lussemburgu u fin-Netherlands.

    Illustrazzjoni 3 — Tqassim tat-tipi ewlenin ta’ erjas EFA, wara li jiġu applikati l-fatturi ta’ ponderazzjoni

    Sors: Dejta dwar l-adozzjoni tal-Istati Membri, 2015 (UE-27, m'hemmx dejta disponibbli għal Franza)

    Illustrazzjoni 4 — Distribuzzjoni ġeografika tal-kategoriji tat-tipi ewlenin ta’ EFA għal kull reġjun ta’ NUTS 3

    Sors: Dejta dwar l-adozzjoni tal-Istati Membri, 2015. M'hemmx dejta disponibbli għal Franza u l-Iskozja. Id-dejta tal-Italja għadha soġġetta għal verifika. Ir-reġjuni mhux ikklassifikati fil-Finlandja jinsabu taħt l-eżenzjoni tal-foresti.

    Ġew applikati prattiki ekwivalenti għall-EFA fi tliet Stati Membri

    L-introduzzjoni ta’ prattiki ekwivalenti għall-EFAs fi tliet Stati Membri rriżultaw f’41 000 ettaru ta’ erjas EFA ekwivalenti fl-2015, l-aktar fl-Awstrija (kważi 39 000 ettaru abbażi ta’ miżuri agroambjentali klimatiċi, li jirrappreżentaw 65 % tal-erjas EFA tal-pajjiż). Fin-Netherlands, l-iskemi ta’ ċertifikazzjoni koprew b’mod partikolari l-ġmiem madwar l-għelieqi u kienu jammontaw għal 2 700 ettaru (5 % tal-EFAs totali fil-pajjiż) fl-2015. L-Italja ilha tapplika l-ekwivalenza mill-2016 u d-dejta dwar l-adozzjoni għadha mhijiex disponibbli.

    Id-determinanti ewlenin li jintużaw b’mod komuni sabiex jiġu spjegati d-deċiżjonijiet tal-bdiewa jidhru li japplikaw ukoll għall-adozzjoni tagħhom tal-EFA

    Kemm il-letteratura xjentifika kif ukoll ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika jissuġġerixxu li l-fatturi li jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tal-bdiewa dwar it-tip ta’ EFA li jridu jadottaw jaqgħu bejn wieħed u ieħor fi tliet kategoriji:

    determinanti ekonomiċi li jħeġġuhom jagħżlu l-inqas tip ta’ EFA għalja u l-aktar waħda produttiva;

    fatturi politiċi u amministrattivi bħal:

    olista ristretta ta’ tipi ta’ EFA magħmula disponibbli mill-awtoritajiet nazzjonali (pereżempju, il-pajjiżi jkunu għażlu biss tlieta jew erba’ tipi ta’ EFA);

    oil-livell ta’ riskju li jiġu vverifikati u jinstabu li mhumiex konformi (pereżempju, jekk il-ġmiem madwar għalqa jaqbżux il-wisa’ massima);

    oil-livell ta’ piż amministrattiv (pereżempju, dan jista’ jitnaqqas bl-użu ta’ formola ta’ applikazzjoni waħda mimlija minn qabel bil-karatteristiċi tal-pajsaġġ kollha jikkwalifikaw bħala EFAs);

    il-perċezzjonijiet u l-għarfien tal-bdiewa dwar l-obbligu ta’ EFA.

    F’dan l-istadju, ma jistax jiġi stabbilit jekk xi wieħed minn dawn l-elementi kellux rwol dominanti.

    3. Osservazzjonijiet dwar l-effetti ambjentali u klimatiċi potenzjali tal-EFAs

    Dan il-kapitolu jispjega fid-dettall l-effetti ambjentali possibbli tal-miżuri tal-EFA, kif żvelati mill-kalkolatur tal-EFA ippreżentat fit-Taqsima 1.2 u rieżami tal-letteratura magħżula. Is-simulazzjonijiet tal-kalkolatur tal-EFA jikkunsidraw l-impatti potenzjali tal-kompożizzjoni ta’ EFA fil-livell reġjonali NUTS-3 permezz ta’ punteġġi aggregati li ma għandhomx jitqiesu bħala valuri assoluti. Ir-riżultati jirriflettu l-karatteristiċi u l-kuntest tat-tipi ta’ EFA, iżda ma jikkwantifikawx l-impatti reali, li jiddependu wkoll fuq il-prattiki tal-ġestjoni fil-livell tal-azjendi agrikoli li s-simulazzjonijiet ma jkoprux.

    Billi l-kalkolatur tal-EFA jkopri marġinalment biss l-impatti possibbli fuq il-mitigazzjoni u l-adattament tal-klima, twettqet ukoll valutazzjoni kwalitattiva għal dak l-aspett.

    3.1. Impatti potenzjali fuq il-bijodiversità

    Il-karatteristiċi tal-pajsaġġ u l-art mistrieħa jidhru li huma l-aktar tipi ta’ EFA ta’ benefiċċju għall-bijodiversità

    Il-kalkolatur tal-EFA jissuġġerixxi li l-kompożizzjonijiet kollha tat-tipi ta’ EFA osservati fil-livell reġjonali NUTS-3 jista’ jkollhom impatt pożittiv fuq il-bijodiversità, għalkemm fi gradi differenti. L-aktar punteġġ baxx kien għar-reġjuni fejn l-għelejjel intermedji kienu aktar minn 70 %. L-ogħla impatt pożittiv potenzjali kien assoċjat mal-kompożizzjonijiet ta’ EFA fejn il-karatteristiċi tal-pajsaġġ kienu l-aktar prominenti (aktar minn 50 % tal-EFA totali tar-reġjun), segwiti mill-kompożizzjoni fejn kienet prominenti l-art mistrieħa (aktar minn 70 %).

    Għall-gruppi ta’ speċijiet, l-analiżi tindika impatt pożittiv tal-karatteristiċi tal-pajsaġġ fuq l-invertebrati, l-għasafar u l-pjanti terrestri, filwaqt li, għar-rettili u l-amfibji, il-preżenza ta’ biċċiet ta’ art ta’ lqugħ u art mistrieħa tagħti punteġġi ta’ impatt pożittiv ogħla.

    Is-sejbiet minn letteratura xjentifika oħra jirrikonoxxu wkoll dawn l-osservazzjonijiet. Barra minn hekk, jissuġġerixxu li, fost il-karatteristiċi tal-pajsaġġ, l-aktar impatt pożittiv potenzjali fuq il-bijodiversità huwa assoċjat mas-sisien tal-ħaxix, il-ġmiem madwar l-għelieqi u l-ħitan tal-ġebel tradizzjonali, minħabba li dawn jipprovdu ħabitats għall-insetti u l-artropodi, l-għasafar u l-pjanti.

    L-EFAs jistgħu jkunu aktar ta’ benefiċċju għall-bijodiversità, sakemm ikun hemm fis-seħħ prattiki ta’ ġestjoni xierqa

    L-osservazzjonijiet jindikaw l-importanza tal-prattiki tal-ġestjoni fit-titjib tal-effetti ambjentali tal-EFAs.

    Ir-riżultati tal-kalkolatur tal-EFA jissuġġerixxu li l-impatt pożittiv fuq il-bijodiversità x’aktarx li jvarja skont ir-rekwiżiti tal-ġestjoni differenti għal kull tip ta’ EFA. Pereżempju, għall-art mistrieħa, jiddependi fuq il-kopertura u l-ispeċijiet li jinżergħu. Għall-bijodiversità u, b’mod partikolari, għall-pollinaturi, iż-żrigħ ta’ fjuri selvaġġi għandu l-ogħla impatt, filwaqt li jħalli l-ħamrija l-inqas mikxufa. Ir-riġenerazzjoni naturali hija wkoll mod tajjeb għat-trawwim tal-bijodiversità u d-dakkir.

    Minbarra n-natura tal-kopertura, il-letteratura tindika wkoll l-importanza ta’ modi mhux intensivi ta’ ġestjoni ta’ EFAs mhux produttivi, bħaż-żamma tal-art mistrieħa għal perjodu twil jew in-nuqqas ta’ użu ta’ pestiċidi minħabba li dawn inaqqsu t-tfixkil tal-ħabitats rilevanti, b’mod partikolari matul il-perjodu tat-tgħammir tal-għasafar.

    Iż-żrigħ ta’ taħlitiet ta’ speċijiet taħt kopertura veġetali jew ta’ għelejjel intermedji jidher li għandu impatt pożittiv fuq il-bijodiversità. Tabilħaqq, skont il-letteratura, l-effetti pożittivi jistgħu jissaħħu jekk it-taħlitiet ikun fihom taħlitiet ta’ pjanti maħsuba biex minnhom jibbenifikaw il-pollinaturi u l-għasafar, u meta jitħallew jiffjorixxu u joħorġu ż-żahar.

    Is-sejbiet dwar l-għażla tal-ispeċijiet japplikaw ukoll għall-għelejjel li jiffissaw in-nitroġenu, għalkemm is-simulazzjonijiet urew ukoll li l-Vicia faba tista’ tikseb punteġġ kemxejn aħjar minn speċijiet oħrajn. Fir-rigward ta’ tipi ta’ EFA oħrajn, l-impatti pożittivi potenzjali tal-għelejjel li jiffissaw in-nitroġenu jistrieħu wkoll fuq it-tip ta’ ġestjoni, bħall-frekwenza tal-kultivazzjoni u l-ġestjoni estensiva.

    3.2. Impatti potenzjali oħrajn

    3.2.1. Impatti potenzjali fuq is-servizzi tal-ekosistema

    Il-karatteristiċi tal-pajsaġġ jipprovdu l-aqwa riżultati f’termini tal-impatt pożittiv potenzjali tagħhom fuq is-servizzi tal-ekosistema

    Ir-riżultati tal-kalkolatur tal-EFA jissuġġerixxu li minn fost il-kompożizzjonijiet tat-tipi ta’ EFA differenti fil-livell reġjonali NUTS-3, il-preżenza ta’ karatteristiċi tal-pajsaġġ prevalenti f’aktar minn 50 % tal-EFA totali tar-reġjun turi l-aktar impatt potenzjali pożittiv fuq is-servizzi tal-ekosistema b’mod ġenerali.

    L-analiżi ulterjuri tal-letteratura xjentifika tindika li l-impatt pożittiv tal-karatteristiċi tal-pajsaġġ fuq is-servizzi tal-ekosistema jista’ jissaħħaħ permezz tal-iżgurar tad-diversità tal-fjuri, l-istruttura tal-veġetazzjoni u l-ġestjoni xierqa tagħhom. Għall-biċċiet ta’ art ta’ lqugħ, il-post fejn jinsabu u d-dimensjonijiet tagħhom huma fundamentali.

    Tipi ta’ EFA oħrajn jista’ jkollhom ċertu impatt pożittiv fuq xi servizzi tal-ekosistema, speċjalment jekk jiddaħħlu fis-seħħ regoli ta’ ġestjoni partikolari u jekk l-għażla tal-ispeċijiet miżrugħa tissodisfa rekwiżiti speċifiċi

    L-għelejjel intermedji jmorru tajjeb f’termini tal-impatt tagħhom fuq il-kundizzjoni kimika tal-ilma ħelu. Is-simulazzjonijiet mill-kalkolatur tal-EFA juru, pereżempju, li l-impatt tagħhom jista’ jissaħħaħ permezz tal-użu ta’ taħlitiet ta’ speċijiet differenti. Huma juru wkoll li l-aktar speċijiet komunement iddikjarati mill-bdiewa għall-għelejjel intermedji (pereżempju, Lolium perenne, Lolium multiflorum, Sinapis alba u Raphanus sativus) jiksbu punteġġi aħjar meta jinżergħu bħala taħlita minflok bħala speċijiet weħidhom. Barra minn hekk, l-ispeċijiet b’rekwiżiti ta’ nutrijenti u sistemi ta’ tkabbir tal-għeruq differenti jistgħu jkunu aktar effikaċi fit-tnaqqis tar-riskju ta’ lissija tan-nitroġenu.

    L-impatt pożittiv tal-art mistrieħa fuq is-servizzi tal-ekosistema jidher li jiddependi wkoll fuq l-għażla tal-ispeċijiet miżrugħa: it-taħlitiet ta’ żerriegħa selvaġġa u ta' art mistrieħa għerja b’qasbija xitwija u veġetazzjoni li tiġi riġenerata b’mod naturali jmorru aħjar mill-ħaxix. Madankollu, kwalunkwe kopertura fuq art mistrieħa hija apprezzata, hekk kif il-ħamrija mikxufa tikseb l-aktar punteġġi baxxi fuq is-servizzi tal-ekosistema u jista’ jkollha impatti negattivi minħabba r-riskju ogħla ta’ erożjoni tal-ħamrija. L-art mistrieħa tagħti wkoll riżultati aħjar jekk titħalla mhux maħduma għal perjodu twil.

    L-impatt tal-għelejjel li jiffissaw in-nitroġenu jista’ jiddependi wkoll fuq l-għażla tal-ispeċijiet u l-ġestjoni: it-tnaqqis tal-frekwenza tal-kultivazzjoni jnaqqas il-lissija tan-nitroġenu, l-iskol tal-fosfat u r-riskju ta’ erożjoni tal-ħamrija.

    3.2.2. Impatti potenzjali fuq il-klima

    Minn perspettiva tal-adattament għall-klima, l-introduzzjoni ta’ EFA tista’ tgħin fir-reżiljenza tal-azjenda agrikola għall-klima, pereżempju, permezz tal-provvista akbar ta’ karatteristiċi tal-pajsaġġ. Il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima tista’ tissaħħaħ permezz taż-żieda fl-użu ta’ għelejjel ta’ legumi u l-ispostament li jirriżulta ta’ fertilizzant tan-nitroġenu b’iffissar tan-nitroġenu. Barra minn hekk, il-benefiċċji fuq il-ħażniet tal-karbonju fil-ħamrija permezz tal-agroforestrija u t-tisġir, meta jiġu implimentati, jistgħu jtejbu s-sekwestru tal-karbonju mill-użu tal-art tal-UE.

    Is-sekwestru tal-karbonju fil-ħamrija huwa direttament dipendenti fuq il-bijodiversità tal-ħamrija. Dan jenfasizza r-rabtiet u s-sinerġiji possibbli bejn it-titjib tal-bijodiversità fl-azjendi agrikoli u l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima.

    4. Konklużjonijiet

    Is-sena 2016 kienet it-tieni sena tal-applikazzjoni tal-obbligu ta’ EFA. Id-dejta miġbura sa issa minn 19-il Stat Membru tissuġġerixxi li ftit li xejn saru bidliet fit-tieni sena, la fil-mod ta’ kif l-awtoritajiet nazzjonali jmexxu s-sistema u lanqas mill-bdiewa, li ġeneralment issodisfaw l-obbligu bl-istess mod bħall-ewwel sena. B’riżultat ta’ dan, kważi ma kien hemm l-ebda bidla fil-proporzjon ta’ art taħt l-EFA, l-erjas globali li l-bdiewa ddikjaraw bħala EFA u l-proporzjon ta’ tipi ta’ EFA differenti f’dawn l-erjas.

    Il-perċentwal globali ta’ EFAs iddikjarati fuq ir-raba’ huwa kważi d-doppju tal-5 % meħtieġ fil-livell tal-azjendi agrikoli. Dan inkiseb permezz ta’ dipendenza prinċipalment fuq EFAs produttivi u potenzjalment produttivi: għelejjel li jiffissaw in-nitroġenu, għelejjel intermedji u art mistrieħa. EFAs oħrajn, inklużi l-karatteristiċi tal-pajsaġġ, ikkontribwew ftit biss għall-EFAs globali ddikjarati.

    L-analiżi tissuġġerixxi li l-benefiċċji ambjentali tat-tipi ta’ EFA jiddependu mhux biss fuq il-kwantità tagħhom, iżda wkoll fuq il-kwalità tagħhom, marbuta ma’ kundizzjonijiet u rekwiżiti ta’ ġestjoni speċifiċi bħal:

    it-tip ta’ għata tal-ħamrija għall-art mistrieħa, taħlitiet differenti ta’ għelejjel għall-għelejjel intermedji u ta’ gruppi ta’ għelejjel għall-għelejjel li jiffissaw in-nitroġenu;

    is-sistemi ta’ qtugħ, il-perjodi ta’ żamma u l-użu ta’ inputs kimiċi;

    id-diversità tal-istruttura ta’ veġetazzjoni għall-karatteristiċi tal-pajsaġġ, il-pożizzjoni u d-dimensjoni għall-biċċiet ta’ art ta’ lqugħ.

    Il-bidliet fil-leġiżlazzjoni sekondarja dwar l-ekoloġizzazzjoni segwiti bħalissa mill-Kummissjoni huma pass importanti lejn prattiki ta’ ġestjoni aħjar, flimkien ma’: (i) projbizzjoni fuq l-użu ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti fuq EFAs (potenzjalment) produttivi; (ii) kjarifika u ffissar tal-perjodi ta’ żamma għal xi tipi ta’ EFA; u (iii) simplifikazzjoni tar-rekwiżiti li setgħu jimpedixxu lill-bdiewa milli jużaw uħud mill-aktar EFAs ta’ benefiċċju għall-ambjent, jiġifieri l-karatteristiċi tal-pajsaġġ u l-biċċiet ta’ art ta’ lqugħ.

    Il-Kummissjoni se tkompli bir-riflessjoni tagħha fuq is-suġġett, inkluż bħala parti mill-evalwazzjoni li jmiss tal-ekoloġizzazzjoni. Dan ir-rapport se jservi ta’ kontribut utli għal dik l-evalwazzjoni, li se tħares lejn l-aspetti kollha tal-ekoloġizzazzjoni, inklużi l-EFAs. L-evalwazzjoni mbagħad tikkontribwixxi għall-fażi li jmiss tal-immodernizzar u s-simplifikazzjoni tal-PAK, sabiex timmassimizza l-kontribut tagħha għall-issodisfar tal-10 prijoritajiet tal-Kummissjoni u tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli.

    Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni ma tipproponix li r-Regolament (UE) Nru 1307/2013 jiġi emendat billi jiżdied il-perċentwal tal-EFA.

    (1)

    L-Artikoli 43 sa 47 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013.

    (2)

    Idem, l-Artikolu 46(1), it-tielet paragrafu.

    (3)

    SWD(2016) 218 final.

    (4)

    Il-Programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni.

    (5)

    Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 639/2014.

    (6)

    Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni tal-15 ta’ Frar 2017, C(2017)735.

    (7)

    B’għażla għall-Istati Membri li jimplimentawhom fl-2017.

    (8)

    Bħalissa għaddej skrutinju mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fuq l-emendi leġiżlattivi.

    (9)

    Ara l-Pjan ta’ Ġestjoni 2017 — L-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali; https://ec.europa.eu/info/publications/management-plan-2017-agriculture-and-rural-development_mt .

    (10)

    Skont l-Artikolu 110(5) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

    (11)

    Il-premessa 44 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013.

    (12)

    Fost l-oħrajn, ir-rieżami ta’ nofs il-mandat dwar l-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità sal-2020, COM(2015) 478 final.

    (13)

    It-tipi ta’ EFA huma ddikjarati fl-Artikolu 46(2) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 u speċifikati aktar fl-Artikolu 45 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 639/2014.

    (14)

    Ara COM(2015) 215 final u SWD(2015) 111 final.

    (15)

    L-għażliet saru mill-awtoritajiet ċentrali fl-Istati Membri kollha, minbarra l-Belġju u r-Renju Unit, fejn dawn saru mill-awtoritajiet reġjonali.

    (16)

    Abbażi tal-klassifikazzjoni NUTS-3 tar-reġjuni tal-UE.

    (17)

    Id-dejta dwar l-adozzjoni għall-2016 waslet minn 18-il Stat Membru (il-Belġju, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Estonja, Spanja, il-Kroazja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, l-Ungerija, Malta, l-Awstrija, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja, il-Finlandja) u minn żewġ pajjiżi tar-Renju Unit (Wales u l-Irlanda ta’ Fuq).

    (18)

    Għodda żviluppata mill-Università ta’ Hertfordshire bil-koordinazzjoni tal-JRC.

    (19)

    L-istudji disponibbli l-aktar rilevanti: Ecological Focus Area choices and their potential impacts on biodiversity ta' Evelyn Underwood u Graham Tucker, Institute for European Environmental Policy, Novembru 2016. Adding Some Green to the Greening: Improving the EU’s Ecological Focus Areas for Biodiversity and Farmers, Guy Pe’er et al, Conservation letters, Ġurnal ta’ Society for Conservation Biology, Diċembru 2016. Il-lista tas-sorsi kollha tinsab fl-SWD.

    (20)

     Ara http://ec.europa.eu/eurostat/web/nuts/overview .

    (21)

    Is-sistema ta’ informazzjoni dwar in-natura tal-Unjoni Ewropea.

    (22)

      http://ec.europa.eu/agriculture/consultations/greening/2015_mt .

    (23)

    L-immappjar u l-analiżi tal-implimentazzjoni tal-PAK: https://ec.europa.eu/agriculture/external-studies/mapping-analysis-implementation-cap_mt .

    (24)

    Ara nota 24 f’qiegħ il-paġna.

    (25)

    Skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE ("id-Direttiva dwar in-Nitrati").

    (26)

    Għad-disponibbiltà tad-dejta, ara l-Kapitolu 1.2.

    Top