Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017DC0138

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI Verifika ex-post tal-addizzjonalità għall-perjodu 2007-2013

    COM/2017/0138 final

    Brussell, 23.3.2017

    COM(2017) 138 final

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

    Verifika ex-post tal-addizzjonalità għall-perjodu 2007-2013


    1.INTRODUZZJONI

    L-addizzjonalità hija prinċipju tal-politika ta’ koeżjoni tal-Unjoni Ewropea li għandha l-għan li tiżgura li l-Fondi Strutturali 1 jikkomplementaw imma ma jieħdux post l-infiq pubbliku ekwivalenti ta’ Stat Membru.

    L-Artikolu 15 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 jispeċifika li l-Kummissjoni għandha tivverifika l-addizzjonalità fl-objettiv ta’ Konverġenza f’kooperazzjoni ma’ kull Stat Membru kkonċernat sal-aħħar tal-2016 u għandha tippubblika r-riżultati ta’ dan l-eżerċizzju. Iżda, skont ir-regolamenti, minkejja li l-Kroazja għandha sena addizzjonali għal dan il-proċess ta’ verifika, l-awtoritajiet Kroati ddeċidew li jissottomettu d-dokumentazzjoni kollha sena kmieni.

    Għalhekk, dan ir-rapport jagħlaq il-verifika ta’ addizzjonalità għall-perjodu ta’ pprogrammar 2007-2013 wara li twettqu l-verifiki ex-ante u ta’ nofs it-terminu fl-2007 u fl-2011–2012 rispettivament.

    L-addizzjonalità hija meqjusa bħala rrispettata jekk l-infiq strutturali medju 2 mill-Istat Membru matul il-perjodu 2007-2013, f’termini reali 3 kien, ta’ mill-inqas, indaqs mal-livell determinat fil-bidu tal-perjodu, jew mal-livell rivedut fil-verifika ta’ nofs it-terminu fl-2011 u fl-2012 (“il-linja ta’ referenza”) biex jittieħed kont tal-bidliet sinifikanti fis-sitwazzjoni ekonomika 4 .

    Dan ir-rapport jiġbor fil-qosor ir-riżultati tal-verifika ex-post imwettqa fl-2016 għall-perjodu ta’ pprogrammar 2007–2013 kollu 5 . Il-konformità mal-addizzjonalità f’dan il-perjodu probabbli kienet l-iktar waħda ta’ sfida sa issa; tirreferi għas-snin tal-agħar tnaqqis fir-ritmu ekonomiku li l-UE għaddiet minnhom f’diversi deċennji. It-tnaqqis sinifikanti fl-attività ekonomika li beda fl-2008 kellu impatt profond fuq il-finanzi pubbliċi fl-Istati Membri u ta lok għal pjanijiet ta’ konsolidazzjoni fiskali stretti mmirati prinċipalment sabiex tiġi żgurata s-sostenibbiltà fil-finanzi pubbliċi. Ir-riżultat kien tnaqqis sinifikanti fl-investiment pubbliku 6 .

    Il-verifika ex-post wasslet għal tliet sejbiet ewlenin:

    L-ewwel nett, il-livell aggregat tal-infiq strutturali mill-Istati Membri fir-reġjuni ta’ konverġenza għall-perjodu 2007–2013 (EUR 94,4 biljun fuq il-medja annwali għall-perjodu 2007-2013) kien ta’ madwar EUR 1,2 biljun anqas mil-livell stipulat ex-ante (EUR 95,6 biljun) u EUR 13 biljun ogħla mil-livell ta’ aggregazzjoni li kien stipulat f’nofs it-terminu (EUR 81,4 biljun), minkejja xi differenzi sinifikanti fost l-Istati Membri. B’mod ġenerali, l-ikbar differenzi huma kkonċentrati fl-Istati Membri li l-iktar kienu affettwati mit-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku u mill-kriżi fil-finanzi pubbliċi.

    It-tieni nett, l-Istati Membri kollha ħlief il-Greċja kkonformaw mal-linji ta’ referenza ta’ addizzjonalità tagħhom għall-perjodu 2007–2013, b’dawk oriġinarjament stabbiliti fuq verifika ex-ante fl-Oqfsa ta’ Referenza Strateġika Nazzjonali (NSRF) rispettivi, jew b’dawk riveduti fil-verifika ta’ nofs it-terminu. Sitta mill-Istati Membri huma taħt il-linja ta’ referenza stabbilita fuq verifika ex-ante imma ’il fuq mil-linja ta’ referenza finali (ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, l-Italja, il-Litwanja, l-Ungerija u l-Portugall) b’riżultat tar-reviżjoni ’l isfel deċiża waqt il-verifika ta’ nofs it-terminu.

    It-tielet nett, il-verifika ex-post ikkonfermat in-nuqqasijiet tal-metodu għall-verifika tal-addizzjonalità li diġà ġiet identifikata fil-verifika ta’ nofs it-terminu. Il-volum tal-informazzjoni li trid tiġi sottomessa huwa ta’ piż sinifikanti għall-Istati Membri u jippreżenta diffikultajiet ta’ verifika għall-Kummissjoni minħabba problemi ta’ tqabbil bejn id-diversi metodi użati mill-Istati Membri biex jiġu vverifikati l-addizzjonalità u s-statistiċi uffiċjali disponibbli fl-UE. Dawn huma wħud mir-raġunijiet għaliex il-verifika tal-addizzjonalità għall-perjodu 2014–2020 ġiet sostanzjalment simplifikata u allinjata mal-governanza ekonomika tal-UE. Minkejja li ġiet riveduta, l-addizzjonalità tibqa’ element ewlieni fl-arkitettura tal-politika ta’ koeżjoni għall-perjodu 2014-2020 sabiex tinkoraġġixxi investimenti li jsaħħu t-tkabbir.

    2.IL-KUNTEST EKONOMIKU FIL-PERJODU TA’ PPROGRAMMAR 2007-2013

    L-implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni fil-perjodu 2007–2013 seħħet fil-kuntest ekonomiku l-iktar diffiċli minn meta ġiet introdotta l-politika ta’ koeżjoni tal-UE. Il-PDG reali fl-2013 fl-UE kien xorta waħda aktar baxx milli kien fl-2007 minħabba l-impatt kbir fit-tnaqqis tar-ritmu ekonomiku li beda fl-2008 u li intensifika iktar tard. It-tkabbir annwali tal-PDG 7 kien negattiv fl-2009 (-4,4%) u fl-2012 (-0,5%) u staġna kważi għalkollox fl-2008 (0,4%) u (0,2%) fl-2013. It-tkabbir annwali medju tal-PDG mistenni għall-UE-27 fil-perjodu 2007-2009 8 fiż-żmien meta ġew deċiżi l-linji ta’ referenza kien ta’ 2,6%, ċifra li tikkumpara mar-rata osservata ta’ -0,3%.

    It-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku wassal għal deterjorazzjoni kbira fis-suq tax-xogħol. Fl-UE28 kien hemm żieda kostanti minn 7% fl-2008 għal 10,9% fl-2013 fir-rata armonizzata tal-qgħad. L-impatt fuq is-suq tax-xogħol kien wieħed partikolarment serju fl-Istati Membri li l-iktar kienu affettwati minn tnaqqis fl-attività ekonomika. Pereżempju, ir-rata tal-qgħad fil-Greċja żdiedet minn 7,8% fl-2008 għal 27,5% fl-2013 u minn 8,2% fl-2007 għal 26,1% fl-2013 fi Spanja. Kien hemm ukoll deterjorament sinifikanti fil-kundizzjonijiet soċjali fl-UE kollha u f’xi Stati Membri, b’mod partikolari. Il-perċentwal tal-persuni f’riskju ta’ faqar jew ta’ esklużjoni soċjali żdied minn 23,7% fl-2008 għal 24,5% fl-2013 b’xi Stati Membri li qabżu l-medja tal-UE b’mod sinifikanti fi tmiem il-perjodu ta’ pprogrammar (eż. 48% fil-Bulgarija, 41,9% fir-Rumanija jew 35,7% fil-Greċja).

    It-tnaqqis fl-attività ekonomika u d-deterjorament tas-suq tax-xogħol u tal-kundizzjonijiet soċjali wasslu għal pressjoni dejjem tiżdied fuq l-infiq pubbliku. Dan l-infiq pubbliku żdied f’daqqa fl-2008 u fl-2009 għal proporzjon medju fl-UE ta’ gvern ġenerali tan-nefqa totali mal-PDG ta’ aktar minn 50% tal-PDG fl-UE, l-ogħla li qatt kien mill-1995. Dan ġara l-aktar minħabba s-stabbilizzaturi awtomatiċi, li jispjegaw ukoll il-fatt il-għala d-dħul tal-gvern ma żdied assolutament xejn. fil-fatt, is-sors ewlieni ta’ dħul tal-gvern (taxxi u kontribuzzjonijiet soċjali) naqas f’termini assoluti 9 . L-istabilizzaturi awtomatiċi ġeneralment huma definiti bħala dawk l-elementi ta’ politika fiskali li jnaqqsu l-piżijiet tat-taxxa u li jżidu l-infiq pubbliku mingħajr azzjoni diskrezzjonarja mill-gvern. Pereżempju huma immedjatament jipprovdu sostituzzjoni tad-dħul meta l-qgħad jibda jiżdied. Iż-żieda fil-proporzjon tan-nefqa totali mill-gvern mal-PDG fil-verità hija riflessa l-iktar fl-infiq għall-protezzjoni soċjali, li mill-2009 ’l hemm, kien madwar 2,5 punti perċentwali tal-PDG ogħla bħala medja mil-livelli ta’ qabel il-kriżi. Iż-żieda fl-infiq għall-protezzjoni soċjali kienet saħansitra ogħla f’xi Stati Membri li kienu l-aktar affettwati mit-tnaqqis fil-PDG. Iż-żieda fil-piż tal-interessi fuq id-dejn tal-Gvern kienet sinifikanti wkoll f’dawn il-pajjiżi, b’aktar minn 2 punti perċentwali tal-PDG meta mqabbel mal-livelli ta’ qabel il-kriżi f’xi wħud minnhom.

    Ir-riżultat ta’ pressjoni dejjem tiżdied fuq l-infiq mill-gvern u l-istaġnar fid-dħul tal-gvern kien żieda qawwija fuq il-proporzjon tad-defiċit mal-PDG fil-maġġoranza tal-Istati Membri. Dan laħaq il-quċċata ta’ medja tal-UE ta’ -6,6% fl-2009 minn -0,9% fl-2007 u xorta kien aktar minn -3% (-3,3% tal-PDG) fl-2013. Fl-2010 kien hemm aktar minn 20 Stat Membru li kienu taħt il-Proċedura ta’ Defiċit Eċċessiv, il-parti korrettiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Id-dejn gross tal-amministrazzjoni ġenerali żdied minn 57,6 % fl-2007 għal 85,7 % tal-PDG fl-2013 fl-UE. Dawn ix-xejriet qajmu xi tħassib dwar is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi għal xi pajjiżi, li f’xi każijiet, inbidlet f’assistenza finanzjarja esterna minn istituzzjonijiet Ewropej u internazzjonali taħt il-kondizzjoni tal-implimentazzjoni ta’ programmi ta’ aġġustament ekonomiku.

    Figura 1: L-infiq pubbliku u investiment pubbliku u defiċit u dejn tal-Gvern

    Iż-żieda fl-infiq pubbliku mal-PDG ma implikatx investiment pubbliku ogħla fl-UE matul il-perjodu kollu ta’ pprogrammar. Għall-kuntrarju, kien hemm tnaqqis sinifikanti fl-investiment pubbliku fl-Istati Membri li l-iktar kienu affettwati mit-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku u mill-kriżi fil-finanzi pubbliċi. B’mod ġenerali, dawn huma l-Istati Membri bl-ogħla devjazzjonijiet mil-linja ta’ referenza inizjali (Figura 2, Assi X) Kien ċar li l-investiment pubbliku kien il-partita tan-nefqa li kien qed iġarrab l-ogħla tnaqqis, anke wara li l-pakketti ta’ rkupru ekonomiku ddeċidew kemm fuq livelli Ewropej kif ukoll dawk nazzjonali, li jikkumpensaw l-effetti negattivi tat-tnaqqis fil-PDG u l-impjiegi matul l-ewwel snin tal-kriżi. Dan il-fatt jispjega għaliex ċerti Stati Membri jikkonformaw mal-addizzjonalità mingħajr ma jnaqqsu l-linja ta’ referenza fil-mument tal-verifika ta’ nofs il-perjodu u dan minkejja tnaqqis sinifikanti fl-investiment pubbliku matul it-tieni parti tal-perjodu ta’ pprogrammar.

    Figura 2: Differenza bejn il-linja ta’ referenza ex-ante u l-infiq strutturali ex-post (Assi X) u t-tkabbir medju tal-PDG fil-perjodu 2007-2013 (Assi Y)

    Sors: Kalkoli tal-Eurostat u tal-Kummissjoni



    3.IL-PROĊESS TA’ VERIFIKA EX-POST GĦALL-PERJODU 2007-2013

    Il-21 Stat Membru kkonċernati mill-verifika tal-addizzjonalità (dawk li għandhom ta’ mill-inqas reġjun wieħed ta’ Konverġenza fil-perjodu 2007-2013) kellhom jissottomettu l-informazzjoni neċessarja u t-tabelli korrispondenti bid-dejta finali sal-31 ta’ Jannar 2016. Dan sar, iżda xi Stati Membri ssottomettew l-informazzjoni tard, f’xi każijiet, b’ħafna xhur.

    Wara li ġiet sottomessa l-informazzjoni mill-Istati Membri, il-Kummissjoni ċċekkjat il-konsistenza ta’ dik l-informazzjoni max-xejriet tal-investiment pubbliku osservati fil-Klassifikazzjoni tal-Funzjonijiet tal-Gvern 10 (COFOG) li tiġi provduta mill-Eurostat skont is-sistema Ewropea tal-kontijiet (ESA 2010). F’xi każijiet, il-Kummissjoni użat ukoll informazzjoni disponibbli pubblikament fuq l-infiq nazzjonali jew talbet speċifikament għal informazzjoni addizzjonali mingħand l-awtoritajiet nazzjonali permezz ta’ skambji bilaterali frekwenti. Pereżempju, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet nazzjonali biex jagħtu iżjed kjarifika dwar id-dejta u l-metodoloġiji użati għall-kalkolu tal-infiq f’kategoriji speċifiċi tan-nefqa, jew biex jagħtu informazzjoni addizzjonali dwar l-infiq strutturali skont ir-reġjun jew f’korporazzjonijiet pubbliċi. Il-proċess ippermetta r-riżoluzzjoni tal-maġġoranza tad-diskrepanzi u f’ħafna każijiet wassal għal emenda fil-livell ta’ nfiq propost inizjalment lill-Kummissjoni (eż. għall-Bulgarija, Spanja, il-Latvja, l-Ungerija u l-Polonja).

    Minn perspettiva metodoloġika, l-istabbilixximent tal-infiq strutturali minn Stat Membru kien kompitu diffiċli, kif diġà ġie kkonstatat fuq l-istadju ta’ nofs it-terminu tal-verifika. Min-naħa tal-Istati Membri, dan kien jikkonsisti fil-ġbir u l-aggregar ta’ dejta ad hoc dwar l-investiment pubbliku skont il-qasam tematiku u mid-diversi livelli ta’ gvern, inkluż l-iżolament tal-infiq f’xi reġjuni meta parti biss mill-pajjiż kienet eliġibbli għall-objettiv ta’ Konverġenza. Il-metodoloġija proposta minn Stati Membri ta’ spiss intużat biss għall-iskop ta’ verifika tal-addizzjonalità. Min-naħa tal-Kummissjoni, l-ikbar ostakolu kien il-komparabbiltà bejn id-dejta mhux armonizzata pprovduta mill-Istati Membri u dik disponibbli fl-istatistiċi uffiċjali Ewropej li għaliha ma ġiet prevista l-ebda distinzjoni reġjonali għal dejta ġenerali tal-gvern. Il-verifika tal-infiq minn korporazzjonijiet pubbliċi wkoll kienet problematika peress li mhijiex maqbuda b’mod armonizzat. F’dawk il-każijiet, il-Kummissjoni talbet lill-Istati Membri biex jipprovdu rapporti pubbliċi ċċertifikati minn verifiki interni jew esterni.

    Problema oħra li ltaqgħu magħha xi Stati Membri (eż. il-Polonja) kienet il-bidliet fil-metodoloġija użata mill-Istat Membru biex jiġi identifikat l-infiq rilevanti għall-addizzjonalità. It-titjib introdott fis-sistemi biex jaqbdu l-infiq rilevanti aħjar ma jippermettix il-komparabbiltà sħiħa tal-infiq rilevanti fost il-perjodi diversi ta’ pprogrammar.

    Barra minn hekk, id-differenzi fil-metodoloġiji għall-kalkolu tal-infiq strutturali fost l-Istati Membri jagħmlu l-komparabbiltà tagħhom waħda diffiċli u jistgħu jintroduċu xi tendenza sinifikanti fil-valutazzjoni mill-Kummissjoni. Il-mod kif l-Istati Membri jirreġistraw u jikklassifikaw l-infiq għall-iskop ta’ addizzjonalità jvarja sostanzjalment minn Stat Membru għal ieħor.

    L-iskambji varji bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri ppermettew biex tiġi provduta assigurazzjoni sinifikanti fuq l-affidabbiltà u l-konsistenza tal-informazzjoni pprovduta għall-verifika tal-addizzjonalità. Ladarba l-livell ta’ nfiq reali u l-metodoloġija użata ġie miftiehem bejn l-awtoritajiet nazzjonali u l-Kummissjoni, il-Kummissjoni kkomunikat ir-riżultat b’ittra lill-Istati Membri kkonċernati.

    4.INFIQ STRUTTURALI FIR-REĠJUNI TA’ KONVERĠENZA FIL-PERJODU 2007-2013

    Ir-riżultati tal-verifika ex-post huma miġbura fil-qosor fit-Tabella 1 li tikkumpara l-livell ex-post tal-infiq strutturali annwali medju fil-perjodu 2007-2013 b’linja ta’ referenza miftiehma ex-ante jew b’dik riveduta fil-verifika ta’ nofs it-terminu. L-infiq strutturali annwali medju (EUR 94,4 biljun), espress fil-prezzijiet tal-2006, bħala medja, kien xi 1% iktar baxx milli kemm ġie stmat inizjalment (EUR 95,6 biljun) imma xi 16% ogħla mis-somma aggregata tal-linji bażi kif riveduti fil-verifika ta’ nofs it-terminu (EUR 81,4 biljun). Id-differenza pożittiva hija dovuta l-aktar minħabba l-infiq strutturali mill-Istati Membri, li l-linja ta’ referenza tagħhom ma kinitx riveduta fil-verifika ta’ nofs it-terminu u li allura tissuġġerixxi li t-tnaqqis tal-linja ta’ referenza f’għaxar Stati Membri kien wieħed ibbilanċjat kif ukoll realistiku.

    Tabella 1: Livelli ta’ referenza u infiq strutturali attwali 11

    Madanakollu, hemm differenzi sinifikanti bejn l-Istati Membri meta jsir paragun bejn il-linja ta’ referenza ex-ante u ex-post. Pereżempju, l-infiq strutturali attwali għall-perjodu 2007-2013 kien 35% iktar baxx mil-linja ta’ referenza ex-ante fil-Greċja. Il-varjazzjoni hija aktar minn 25% fl-Italja u bejn 10% u 20% fl-Ungerija, fil-Litwanja u fil-Portugall. Min-naħa l-oħra, l-infiq strutturali attwali għall-perjodu 2007-2013 kien sinifikament ogħla mil-linja ta’ referenza inizjali f’xi Stati Membri, b’ammonti li jaslu sa 97% fis-Slovakkja, 80% f’Malta u aktar minn 50% fil-Polonja. Hemm korrelazzjoni sinifikanti bejn l-infiq strutturali u l-impatt tat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku fl-Istat Membru. L-Istati Membri l-iżjed affettwati mill-kriżi huma dawk li l-aktar li jonfqu inqas milli mistenni. Spanja hija l-eċċezzjoni ewlenija għal dan minħabba l-livelli għolja ta’ nfiq sal-2010, inkluż 2 pakketti ta’ rkupru ekonomiku adottati biex jilqgħu l-effetti tat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku.

    L-infiq strutturali mill-Istati Membri kellu t-tendenza li jonqos fit-tieni nofs tal-perjodu ta’ pprogrammar. Il-livelli l-iktar għoljin tal-infiq strutturali fil-fatt seħħew fl-ewwel tliet snin tal-perjodu (sal-2009); bdew jonqsu fl-2010 u wara niżlu b’mod sinifikanti mill-2011 ’lil hemm mat-tnaqqis fir-ritmu tal-attività ekonomika u l-pressjoni dejjem jiżdied fuq il-finanzi pubbliċi. Għal din ir-raġuni, xi Stati Membri talbu lill-Kummissjoni biex tnaqqas il-linji ta’ referenza tagħha waqt il-verifika ta’ nofs it-terminu tal-addizzjonalità, kif previst fil-qafas legali, bil-ħsieb li jinġiebu aktar konformi mal-bidla sinifikanti fis-sitwazzjoni ekonomika. Il-Kummissjoni finalment iddeċidiet li tnaqqas il-linja ta’ referenza għal għaxar Stati Membri 12 . Il-linji ta’ referenza tnaqqsu b’ta’ mill-inqas 20% f’ħames Stati Membri (il-Greċja, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja u l-Portugall) u b’ta’ mill-inqas 10% f’erba’ Stati Membri oħra (ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, l-Ungerija u r-Renju Unit).

    L-infiq strutturali rilevanti għal addizzjonalità jinkludi l-kofinanzjament mill-gvernijiet nazzjonali fi ħdan il-qafas Ewropew tal-politika ta’ koeżjoni. Mill-EUR 94,4 biljun ta’ nfiq strutturali medju għal kull sena, xi EUR 9,7 biljun jikkorrispondu għall-kofinanzjament nazzjonali ta’ proġetti mwettqa fil-qafas tal-politika ta’ koeżjoni. L-ogħla ishma jinsabu fil-Portugall u l-Polonja fejn il-kofinanzjament nazzjonali jammonta għal madwar 25% tal-infiq strutturali totali ffinanzjat mill-Istati Membru. Fir-rigward tal-finanzjament tal-UE, l-infiq totali mill-FEŻR u l-FSE kien madwar EUR 21,4 biljun, li jammonta għal xi 18% tal-infiq strutturali totali meta jiġu kkunsidrati kemm is-sorsi tal-UE kif ukoll dawk finanzjarji (EUR 117 biljun). Dan is-sehem huwa aktar minn 40% f’pajjiżi bħal-Litwanja jew il-Portugall. Is-sehem medju tal-FEŻR u l-FSE kellu t-tendenza li jiżdied matul l-aħħar snin tal-perjodu ta’ pprogrammar minħabba t-tnaqqis fl-infiq strutturali mill-Istati Membri.

    L-infiq strutturali eżegwit tul il-perjodu ta’ pprogrammar kollu jammonta għal EUR 819 biljun meta jiġu inklużi kemm il-finanzjament nazzjonali kif ukoll il-Fondi Strutturali. Din is-somma tammonta għal madwar 4,2% tal-PDG ta’ reġjuni ta’ konverġenza u madwar 2% tal-infiq pubbliku totali tal-21 Stat Membru kkonċernati mill-addizzjonalità fl-istess perjodu.

    Meta jitqabblu r-riżultati mal-perjodu ta’ pprogrammar preċedenti (mill-2000-2006 jew mill-2004-2006), l-infiq strutturali żdied b’2% minkejja l-impatt tat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku. Dan huwa prinċipalment minħabba ż-żieda fl-infiq strutturali fl-Istati Membri li ssieħbu fl-Unjoni Ewropea fl-2004 jew wara l-2004 (kien hemm żieda ta’ 30% f’kull Stat Membru ħlief fir-Repubblika Ċeka, il-Litwanja u l-Ungerija fejn l-infiq strutturali naqas). L-infiq strutturali naqas ukoll fil-Ġermanja, fil-Greċja, fl-Italja u fil-Portugall bħala riżultat tal-effett tat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku u ta’ xi nfiq eċċezzjonali fil-perjodu 2000-2006 (eż. il-logħob Olimpiku tal-2004 fil-Greċja u l-infiq relatat mar-riunifikazzjoni fil-Ġermanja).

    5.KONKLUŻJONIJIET

    Il-perjodu ta’ pprogrammar 2007-2013 kien ikkaratterizzat minn deterjorament qawwi tal-kuntest ekonomiku u tal-kundizzjonijiet soċjali. It-tkabbir tal-PDG kien inqas minn dak li kien mistenni u kemm ir-rata tal-qgħad kif ukoll is-sehem ta' nies fir-riskju tal-faqar u l-esklużjoni soċjali żdiedu b’mod sinifikanti f’xi Stati Membri. Il-konformità mal-addizzjonalità kienet ta’ sfida f’dak il-kuntest minħabba l-pressjoni dejjem tiżdied fuq l-infiq soċjali, l-aktar fl-Istati Membri l-aktar affettwati mill-kriżi u minħabba l-miżuri ta’ konsolidazzjoni fiskali meħuda biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi. Dawn huma wħud mir-raġunijiet ewlenin li jispjegaw għala xi Stati Membri pproponew tnaqqis tal-linja ta’ referenza prevista fil-bidu fil-NSRF fil-verifika ex-ante.

    B’mod ġenerali, il-konformità mal-addizzjonalità hija spjegata l-aktar permezz tal-livelli ogħla ta’ nfiq imwettqa tul l-ewwel tliet snin tal-perjodu ta’ pprogrammar, jew għax din kienet qabel il-bidu tal-kriżi finanzjarja tal-2008 jew minħabba l-infiq eċċezzjonali li sar taħt il-pakketti ta’ rkupru ekonomiku adottati biex jiġġieldu l-effetti negattivi tat-tnaqqis f’daqqa fir-ritmu ekonomiku. L-infiq strutturali mbagħad naqas b’mod sinifikanti fil-maġġoranza tal-Istati Membri waqt it-tieni nofs tal-perjodu ta’ pprogrammar. Dan huwa kompletament konformi max-xejriet għall-investiment pubbliku osservati fid-dejta maħruġa mill-Eurostat.

    L-Istati Membri kollha kkonformaw mal-addizzjonalità, ħlief il-Greċja. Sitt Stati Membri kkonformaw mal-addizzjonalità minħabba r-reviżjoni ’l isfel fil-linja ta’ referenza fil-verifika ta’ nofs it-terminu fl-2010. Fil-bqija li huma, l-infiq strutturali kien’ il fuq mil-livell stabbilit fil-verifika ex-ante.

    Il-qafas legali jipprovdi li l-Kummissjoni tista’ tagħmel korrezzjoni finanzjarja fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità mal-addizzjonalità billi tikkanċella parti mill-kontribuzzjoni jew il-kontribuzzjoni kollha tal-Fondi Strutturali għall-Istat Membru kkonċernat 13 .

    In-nuqqas ta’ konformità mal-addizzjonalità fil-Greċja hija minħabba d-deterjorament qawwi u mhux mistenni fil-kuntest ekonomiku, fejn il-PDG reali waqa’ b’iktar minn 25% bejn l-2007 u l-2013, u mhux minħabba d-deċiżjonijiet konxji tal-gvernijiet Griegi dwar il-politika ekonomika. Il-Greċja ilha taħt assistenza finanzjarja esterna mill-2010 u soġġetta għal tliet programmi suċċessivi ta’ aġġustament ekonomiku, li sabiex tiġi rimedjata s-sitwazzjoni ekonomika ġenerali fil-Greċja trid tinkludi miżuri relatati mat-tnaqqis fl-investiment pubbliku b’impatt negattiv fuq l-abbiltà tagħha li tikkonforma mal-addizzjonalità. Ir-rieżamijiet trimesterjali tal-programmi ta’ aġġustament ekonomiku ġew meqjusa b’mod pożittiv mill-Kummissjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, mhix xierqa li tiġi imposta korrezzjoni finanzjarja.

    Il-proċess ta’ verifika ex-post ta’ addizzjonalità għall-perjodu 2007-2013 ġie ffaċċjat bid-dgħjufijiet li wasslu għar-riforma sostanzjali tal-metodoloġija għall-perjodu 2014-2020. L-eżerċizzju ta’ verifika kienet tenħtieġ riżorsi konsiderevoli kemm għall-Istati Membri kif ukoll għall-Kummissjoni. Il-konsistenza bejn id-dejta mhux armonizzata sottomessa mill-Istati Membri u dawk disponibbli skont il-klassifikazzjoni tal-infiq COFOG ma kinitx faċli biex tiġi żgurata, b’mod partikolari minħabba li m’hemm l-ebda allinjament mal-governanza ekonomika tal-UE ta’ dik tal-ewwel. Il-bidliet li saru minn xi Stati Membri fil-metodoloġija tagħhom, apparti li kienu pożittivi għax kellhom it-tendenza li jaqbdu n-nefqa rilevanti għall-addizzjonalità b’mod aħjar, kienu ta’ element ta’ diffikultà fit-tqabbil tal-infiq tul il-perjodi ta’ programmar.

    Dan ir-rapport jagħlaq il-verifika tal-addizzjonalità għall-perjodu ta’ pprogrammar 2007-2013.

    (1)

       L-addizzjonalità tikkonċerna biss il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u l-Fond Soċjali Ewropew (FSE). Il-Fond ta’ Koeżjoni ma jiġix ikkunsidrat.

    (2)

         Kif imsemmi fid-Dokument ta’ Ħidma Nru 3 tal-Kummissjoni ta’ Diċembru 2006, ‘l-infiq pubbliku nazzjonali eliġibbli jkopri l-infiq strutturali pubbliku jew ekwivalenti kollu li joħroġ mill-baġit tal-awtoritajiet tal-Istat jew tal-awtoritajiet reġjonali u lokali li jistgħu jibbenefikaw minn għajnuna mill-Fond Strutturali anke jekk parti biss minn din in-nefqa hija kofinanzjata mill-Fondi Strutturali’.

    (3)

       Espressi fi prezzijiet tal-2006.

    (4)

       L-Artikolu 15 jispeċifika li ‘il-Kummissjoni, f'konsultazzjoni mal-Istat Membru, tista' tiddeċiedi li timmodifika l-livell meħtieġ tal-infiq strutturali jekk is-sitwazzjoni ekonomika fl-Istat Membru kkonċernat tkun inbidlet b'mod sinifikanti minn dik eżistenti fil-mument tad-determinazzjoni tal-livell tal-infiq strutturali pubbliku jew ekwivalenti [deċiż fil-verifika ex-ante]’

    (5)

       L-Artikolu 15 jispeċifika wkoll li ‘il-Kummissjoni għandha tippubblika r-riżultati tal-verifika tal-addizzjonalità skont l-Istat Membru, inkluż il-metodoloġija u s-sorsi ta' informazzjoni, wara l-konklużjoni ta' kull wieħed mit-tliet stadji ta' verifika’.

    (6)

         L-investiment pubbliku huwa l-formazzjoni grossa tal-kapital fiss tal-gvern ġenerali (p.51g fis-Sistema Ewropea tal-Kontijiet 2010).

    (7)

       Sors: Eurostat, data ta’ ħruġ il-31ta’ Jannar 2017.

    (8)

       Previżjonijiet Ekonomiċi tal-Ħarifa tal-Kummissjoni Ewropea, 2007.

    (9)

       F’konformità mad-dħul mit-taxxi li kellu rwol ukoll bħala stabilizzatur awtomatiku.

    (10)

       Il- Klassifikazzjoni tal-funzjonijiet tal-gvern, imqassra għal COFOG, ġiet żviluppata fl-1999 fil-verżjoni kurrenti tagħha mill-  Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi   u ppubblikata mit-Taqsima tal-Istatistika tan-  Nazzjonijiet Uniti  bħala standard li jikklassifika l-għanijiet tal-attivitajiet tal-gvern.

    (11)

       Dejta sottomessa mill-Istati Membri għall-iskopijiet ta’ addizzjonalità, li f’xi każijiet kienet immodifikata bi ftehim mal-Kummissjoni.

    (12)

       Komunikazzjoni mill-Kummissjoni. Riżultati tal-verifika ta’ nofs it-terminu tal-addizzjonalità 2007-2013.COM(2013)104 finali.

    (13)

       L-Artikolu 99 tar-Regolament (UE) Nru 1083/2006.

    Top