Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017DC0124

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW Kawżi ewlenin ta' żbalji u l-azzjonijiet meħuda (l-Artikolu 32(5) tar-Regolament Finanzjarju)

    COM/2017/0124 final

    Brussell, 28.2.2017

    COM(2017) 124 final

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

    Kawżi ewlenin ta' żbalji u l-azzjonijiet meħuda (l-Artikolu 32(5) tar-Regolament Finanzjarju)


    Werrej

    I.    Introduzzjoni u Sommarju Eżekuttiv    

    II.    Ħarsa Ġenerali    

    1.    Il-kuntest    

    1.1.    Il-baġit tal-UE u kif jiġi implimentat    

    1.2.    Is-sorveljanza tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE min-naħa tal-Kummissjoni    

    1.3.    Talbiet kemm mill-Parlament Ewropew kif ukoll mill-Kunsill fil-Kwittanza tal-2014    

    2.    Metodoloġija fir-rigward tal-analiżi ta’ livelli persistentement għoljin ta’ żbalji    

    2.1.    Definizzjonijiet u kriterji bażiċi    

    2.2.    L-approċċi tal-Kummissjoni u tal-Qorti sabiex jistmaw il-livelli ta’ żbalji    

    a)    L-approċċ tal-Kummissjoni biex tistma l-livelli ta’ żbalji    

    b)    L-approċċ tal-Qorti biex tistma l-livelli ta’ żbalji    

    c)    Tqabbil tar-riżultati tal-approċċi tal-Kummissjoni u tal-Qorti    

    3.    Is-sitwazzjoni għall-baġit tal-UE kollu kemm hu    

    3.1    L-isforzi kontinwi tal-Kummissjoni biex jitnaqqas il-livell globali ta’ żbalji    

    3.2    Tipi ta’ żbalji identifikati mill-Kummissjoni u l-Qorti    

    3.3    Konsegwenzi tal-karattru pluriennali ta’ parti sinifikanti min-nefqa tal-UE    

    3.4    Spiża tal-kontrolli u s-simplifikazzjoni    

    3.5    Il-ħtieġa li jittejbu aktar is-sistemi eżistenti ta’ ġestjoni u kontroll, b’mod partikolari l-kontrolli tal-ewwel livell fl-Istati Membri    

    III.    Is-sitwazzjoni fir-rigward tad-diversi intestaturi tal-QFP    

    1.    Introduzzjoni    

    2.    Subintestatura 1A) tal-QFP – Kompetittività - Riċerka u Innovazzjoni (jiġifieri d-DĠ "Riċerka u Innovazzjoni" – RTD - u Netwerks tal-Komunikazzjonijiet, Kontenut u Teknoloġija - CNECT)    

    2.1. Livell ta’ żbalji    

    2.2.    Il-kawżi prinċipali tal-iżbalji    

    a)    L-għanijiet u l-prijoritajiet tal-politika    

    b)    Eliġibbiltà    

    c)    Il-kawża tan-nuqqas ta’ sejbien tal-iżbalji - dgħufijiet fis-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll.    

    2.3.    Azzjoni ta’ rimedju meħuda    

    a)    Simplifikazzjoni    

    b)    Tisħiħ tas-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll    

    c)    Qafas Legali 2014 – 2020: Aktar simplifikazzjoni, iżda wkoll oqsma b’żieda fir-riskju    

    3.    Subintestatura 1B) tal-QFP – 'Koeżjoni'    

    3.1.    Subintestatura 1B tal-QFP – DĠ “Politika Reġjonali u Urbana” (REGIO)    

    3.1.1.    Livell ta’ żbalji    

    3.1.2.    Il-kawżi prinċipali tal-iżbalji    

    3.1.3.    Azzjoni ta’ rimedju meħuda    

    a)    Simplifikazzjoni    

    b)    Tisħiħ tas-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll    

    c)    Qafas Legali 2014 – 2020: Dispożizzjonijiet imsaħħa dwar il-kontroll u l-akkontabilità    

    3.2    Subintestatura 1B) tal-QFP – DĠ “Impjiegi, Affarijiet soċjali u Inklużjoni” (EMPL)    

    3.2.1.    Livell ta’ żbalji    

    3.2.2.    Il-kawżi prinċipali tal-iżbalji    

    3.2.3.    Azzjoni ta’ rimedju meħuda    

    a)    Simplifikazzjoni    

    b)    Tisħiħ tas-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll    

    c)    Qafas Legali 2014 – 2020: Dispożizzjonijiet imsaħħa dwar il-kontroll u l-akkontabilità    

    4.    Intestatura 2 tal-QFP – Riżorsi Naturali    

    4.1.    Livelli ta’ żbalji    

    4.2.    Il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG)    

    4.2.1.    Il-kawżi prinċipali tal-iżbalji    

    4.2.2.    Azzjoni ta’ rimedju meħuda    

    4.3.    Il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR)    

    4.3.1.    Il-kawżi prinċipali tal-iżbalji    

    4.3.2.    Azzjonijiet ta’ rimedju meħuda    

    a)    Simplifikazzjoni    

    b)    Tisħiħ tas-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll    

    c)    Qafas Legali 2014 – 2020: Titjib sinifikanti    

    5.    Intestatura 4 tal-QFP – Ewropa Globali    

    5.1.    Livelli ta’ żbalji    

    5.2.    DĠ “Kooperazzjoni Internazzjonali u Żvilupp” (DEVCO)    

    5.2.1.    Il-kawżi prinċipali tal-iżbalji    

    5.2.2.    Azzjonijiet ta’ rimedju meħuda    

    a)    Simplifikazzjoni    

    b)    Tisħiħ tas-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll    

    c)    Qafas Legali 2014 – 2020    

    5.3.    DĠ “Politika Ewropea tal-Viċinat u Negozjati għat-Tkabbir” (NEAR/ELARG)    

    5.3.1.    Il-kawżi prinċipali tal-iżbalji    

    5.3.2.    Azzjonijiet ta’ rimedju meħuda    

    IV.    Konklużjonijiet    

    1.    Il-ġestjoni finanzjarja tjiebet b’mod sinifikanti u dan wassal għal tnaqqis fil-livell ta’ żbalji    

    2.    Il-Kummissjoni u l-Qorti jaqblu fil-valutazzjoni tagħhom rigward il-livell u l-kawżi prinċipali tal-iżbalji    

    3.    Il-ħtieġa li jitqies il-karattru pluriennali ta’ parti sinifikanti min-nefqa tal-UE    

    4.    L-ispejjeż tal-ġestjoni u l-kontrolli u l-ħtieġa ta’ aktar simplifikazzjoni    

    5.    Il-Kummissjoni kontinwament tieħu azzjonijiet sabiex tindirizza l-kawżi prinċipali u l-impatt finanzjarju tal-iżbalji    



    I.Introduzzjoni u Sommarju Eżekuttiv

    Il-Komunikazzjoni preżenti tipprovdi analiżi bir-reqqa tal-kawżi ewlenin ta' żbalji fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE u l-azzjonijiet meħuda, f'konformità mal-Artikolu 32(5) tar-Regolament Finanzjarju 1 . Hija twieġeb għat-talbiet tal-Parlament Ewropew 2 u tal-Kunsill 3 għall-preżentazzjoni ta' rapport dwar "livelli għolja persistenti ta' żball u l-kawżi tagħhom". Il-Komunikazzjoni hija bbażata fuq informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni li fil-parti l-kbira tkopri ħlasijiet għall-perjodu ta' programmar 2007-2013.

    Skont l-Artikolu 317 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (it-Trattat), hija prinċipalment ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni li tassigura li l-baġit jintefaq b’mod korrett.

    Filwaqt li l-Kummissjoni hija finalment responsabbli għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE, madwar 80% tan-nefqa fil-fatt tiġi esegwita direttament mill-Istati Membri b'ġestjoni kondiviża. Dan huwa partikolarment il-każ għall-Politika Agrikola Komuni u l-Fondi Strutturali u ta’ Investiment. Sabiex tkun assigurata ġestjoni finanzjarja tajba, il-qafas regolatorju jitlob li l-Istati Membri jaħtru awtoritajiet ta’ implimentazzjoni (Aġenziji tal-Pagamenti għall-Agrikoltura u Awtoritajiet ta’ Ġestjoni għall-Koeżjoni) u korpi esterni tal-awditjar (Korpi taċ-Ċertifikazzjoni għall-Agrikoltura u Awtoritajiet tal-Awditjar għall-Koeżjoni) li jwettqu madwar 19 000 awditu fuq il-post kull sena. L-20% l-oħra tal-baġit tal-UE jiġu implimentati taħt ġestjoni diretta jew indiretta, permezz ta’ partijiet terzi, b’mod partikolari istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej jew internazzjonali, bħall-Bank Ewropew tal-Investiment jew l-Aġenzija tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati.

    Wara eżami bir-reqqa tal-affidabbiltà tal-ħidma mwettqa mill-awdituri esterni, il-Kummissjoni tapplika l-kunċett ta’ “Awditu Uniku” fejn kull livell ta’ kontroll jibni fuq dak ta’ qablu. Dan l-approċċ, li għandu l-għan li jevita d-duplikazzjoni tal-ħidma ta’ kontroll u jnaqqas in-nefqa amministrattiva globali tal-attivitajiet ta’ kontroll u awditjar kif ukoll il-piż għall-benefiċjarji finali, jirriżulta f’madwar 250 awditu mwettqa kull sena mid-dipartimenti differenti tal-Kummissjoni fl-oqsma tal-Koeżjoni u l-Agrikoltura 4 .

    Għall-modi ta’ ġestjoni diretta u indiretta, is-sorveljanza tal-Kummissjoni hija bbażata fuq il-ħidma tal-unitajiet ta’ verifika/awditjar ex post tagħha u/jew fuq ir-riżultati ta’ awdituri esterni b’kuntratt (eż. għall-qasam tal-“Kooperazzjoni Internazzjonali u l-Iżvilupp” u l-“Politika Ewropea tal-Viċinat u n-Negozjati għat-Tkabbir”).

    Il-Kummissjoni Ewropea tipproduċi rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tal-baġit, ir-Rapport Annwali dwar il-Ġestjoni u l-Prestazzjoni 5 , kif ukoll Rapporti Annwali dettaljati tal-Attività fid-diversi servizzi tal-Kummissjoni. Flimkien huma jipprovdu stampa ġenerali komprensiva bbażata fuq l-informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni annwali tal-baġit u l-kontribut tan-nefqa pubblika għar-riżultati fuq il-post. Barra minn hekk, dawn ir-rapporti jinkludu valutazzjoni tal-funzjonament tas-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll mid-Direttur Ġenerali rilevanti, riżervi li jidentifikaw dgħufijiet possibbli, u analiżi dettaljata li turi ġestjoni finanzjarja tajba.

    Għal skopijiet ta’ ġestjoni u akkontabilità, id-dipartimenti tal-Kummissjoni jipprovdu l-aħjar stimi tal-livelli ta’ żbalji fil-qasam ta’ responsabbiltà tagħhom, billi jqisu l-informazzjoni rilevanti kollha, inklużi r-riżultati ta’ kontrolli u awditi ta’ kampjuni statistikament rappreżentattivi, u billi jużaw il-ġudizzju professjonali. Din il-valutazzjoni twassal għall-istimi, min-naħa tal-Kummissjoni, tal-livell ta’ żbalji fl-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE f’żewġ punti fil-proċess: l-ammonti stmati f’riskju fil-mument tal-pagament/rappurtar u l-ammonti stmati f’riskju fl-għeluq, jiġifieri ladarba jkunu ġew implimentati l-azzjonijiet korrettivi kollha rigward l-ammonti mħallsa bi żball. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tippubblika Komunikazzjoni annwali dwar il-Protezzjoni tal-Baġit tal-UE 6 fejn tagħti aktar dettalji dwar il-miżuri ta’ prevenzjoni u korrezzjoni. Dawn iż-żewġ rapporti issa huma inklużi fil-Pakkett ta’ Rappurtar Finanzjarju Integrat 7 u b’hekk tingħata stampa sħiħa tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE fis-sena ta’ qabel.

    Skont l-Artikolu 287 tat-Trattat, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri (il-Qorti) tipprovdi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill Dikjarazzjoni ta’ Aċċertament (DAS) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet sottostanti. Il-Qorti tistma l-livelli ta’ żbalji, abbażi ta’ kampjuni statistiċi, billi tuża r-Rata ta’ Żball l-Aktar Probabbli, il-Limitu l-baxx ta' żball u l-Limitu l-għoli ta' żball għal kull Intestatura tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP), u għan-nefqa mill-baġit kollu kemm hu. Dawn l-iżbalji stmati jirriflettu n-nuqqas ta’ konformità mar-regoli legali u, għalhekk, il-legalità u r-regolarità mill-perspettiva tar-rekwiżiti amministrattivi, li ma għandhomx jiġu assimilati bi żball ma’ frodi jew ma’ nefqa li ma tikkorrispondix mas-servizzi jew prodotti realment mogħtija jew ir-riżultati miksuba 8 .

    Bis-saħħa ta’ din is-sistema b’saħħitha ta’ kontrolli f’diversi livelli, il-ġestjoni finanzjarja tjiebet b’mod sinifikanti matul dawn l-aħħar għaxar snin. L-iskrutinju kostanti mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Qorti wassal għal żieda fil-professjonalizzazzjoni tal-katina tal-kontroll sħiħa tal-fondi tal-UE mill-Kummissjoni għall-awtoritajiet tal-Istati Membri, Pajjiżi Terzi u Organizzazzjonijiet Internazzjonali.

    Barra minn hekk, matul dawn l-aħħar snin, l-istimi tal-iżbalji, mill-Kummissjoni u l-Qorti, wasslu għal konklużjonijiet dejjem aktar simili rigward il-livelli ta’ żbalji. L-istimi tal-Kummissjoni għall-Intestaturi tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) u l-oqsma l-aktar importanti ta’ nfiq huma fil-biċċa l-kbira fi ħdan il-medda tal-Qorti kif stabbilita mil-Limiti Superjuri u Inferjuri tal-Iżball.

    B’mod konsistenti mat-titjib fil-ġestjoni finanzjarja, ir-riżultati kemm tal-Kummissjoni kif ukoll tal-Qorti jindikaw li l-livelli ta’ żbalji qegħdin jonqsu (ara l-Graff 2). Dawn l-istimi annwali marru minn rati b’żewġ numri għal ċerti oqsma ta’ politika (b’mod partikolari l-“Koeżjoni”) qabel l-2009 għal livelli konsiderevolment aktar baxxi fil-preżent - taħt 5% fil-biċċa l-kbira tal-oqsma ta’ politika u qrib jew saħansitra anqas minn 2% f’xi oqsma. Barra minn hekk, ir-rati stmati ta’ żbalji jvarjaw ħafna skont il-qasam ta’ politika u l-iskemi ta’ għajnuna 9 .

    Minkejja l-progress li sar, il-Qorti sal-lum ma ħarġitx Dikjarazzjoni ta’ Aċċertament pożittiva billi r-rata annwali stmata ta’ żbalji għadha ma niżlitx taħt il-livell limitu ta’ materjalità ta’ 2%.

    Dan it-titjib, muri mit-tnaqqis fir-rata ta’ żbalji, kien jeħtieġ investiment sinifikanti ħafna f’termini ta’ kontrolli tas-settur pubbliku. Dan wassal għal spejjeż għoljin tal-kontrolli 10 f’xi oqsma, li jqajjem dubji dwar l-adegwatezza ta’ intensifikazzjoni ulterjuri tal-awditi u l-verifiki. Barra minn hekk, ir-regoli applikabbli ħafna drabi huma kumplessi ħafna biex jilħqu għanijiet ta’ politika ambizzjużi u mmirati. Barra dan, huma għandhom l-għan li jittrattaw ix-xenarji kollha possibbli u li jipprovdu l-akbar ċertezza possibbli dwar il-legalità u r-regolarità tan-nefqa, sabiex jiġu evitati l-korrezzjonijiet ex post.

    Barra minn hekk, kif muri mill-analiżijiet tal-Kummissjoni u l-Qorti, l-oqsma ta’ politika li huma soġġetti għal regoli anqas kumplessi ta’ eliġibbiltà juru livelli aktar baxxi ta’ żbalji.

    Dan jispjega ż-żieda dejjem tikber fit-talbiet mill-awtoritajiet pubbliċi u mill-benefiċjarji finali biex jitjiebu l-proporzjonalità u l-kosteffiċjenza tal-qafas legali u amministrattiv. Ma għandhomx jitwettqu aktar kontrolli, iżda kontrolli aħjar. Barra minn hekk, is-simplifikazzjoni tirrappreżenta l-aktar mod effettiv sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż u l-piż tal-kontroll u r-riskju ta’ żbalji.

    Biex isir aktar progress f’dan il-qasam, il-Kummissjoni fl-2015 nediet l-inizjattiva Baġit tal-UE ffukat fuq ir-Riżultati (BFOR). L-għan ewlieni tagħha huwa li tassigura li baġit tal-UE bi prestazzjoni tajba jikkonforma mar-regoli u jikkontribwixxi għar-riżultati mixtieqa. B’mod parallel ma’ integrazzjoni akbar ta’ konsiderazzjonijiet dwar il-prestazzjoni fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet matul iċ-ċiklu baġitarju sħiħ, din l-inizjattiva għandha l-għan li żżid il-ġestjoni finanzjarja tajba permezz ta’ qafas aktar solidu ta’ rapportar, metodoloġija aħjar kif jiġu stmati r-rati ta’ żbalji f’qafas pluriennali, regoli aktar sempliċi u kontrolli aktar effiċjenti u proporzjonati, sabiex jiġi massimizzat il-proporzjon tal-fondi pubbliċi li fil-fatt ikun qiegħed jikkontribwixxi għar-riżultati pożittivi fuq il-post.

    Sabiex tiġi mmirata l-azzjoni f’dan il-qasam, jitwettqu analiżijiet komprensivi tal-kawżi prinċipali attwali tal-iżbalji. Kemm il-Kummissjoni kif ukoll il-Qorti b’mod ġenerali waslu għall-istess konklużjonijiet dwar in-natura u l-kawżi prinċipali tal-livelli persistentement għoljin ta’ żbalji: dgħufijiet fis-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll, b’mod partikolari fl-Istati Membri, Pajjiżi Terzi u Organizzazzjonijiet/Aġenziji Internazzjonali. Din is-sitwazzjoni hija aggravata mill-qafas legali xi drabi kumpless li bih jiġu implimentati l-politiki tal-UE, kif jidher mir-rata ta’ żbalji li hija konsiderevolment aktar baxxa għar-reġimi bbażati fuq Opzjonijiet tal-Ispejjeż Simplifikati 11 jew reġimi ta’ “intitolament” 12 milli għall-iskemi bbażati fuq rimborż sħiħ tal-ispejjeż ex post.

    Għandu jiġi nnutat li l-iżbalji mhux neċessarjament ifissru li l-ammonti ddikjarati ħażin intużaw ħażin jew li l-għanijiet ta’ politika ma ntlaħqux.

    Matul is-snin, l-aktar tipi ta’ żbalji komuni li jirriżultaw minn din il-kombinazzjoni ta’ fatturi huma:

    a)Partiti ta’ nefqa mhux eliġibbli;

    b)Benefiċjarji/proġetti/perjodi ta’ implimentazzjoni mhux eliġibbli;

    c)Ksur tar-regoli dwar l-akkwist pubbliku u dwar l-għajnuna mill-Istat;

    d)Dokumentazzjoni affidabbli insuffiċjenti sabiex tappoġġa d-dikjarazzjonijiet tan-nefqa; u

    e)Dikjarazzjoni mhux korretta ta’ oqsma eliġibbli fil-qasam tal-agrikoltura.

    Il-Kummissjoni kontinwament tieħu azzjonijiet, kemm preventivi (bħal interruzzjonijiet u sospensjonijiet tal-pagamenti) kif ukoll korrettivi (bħal korrezzjonijiet finanzjarji u rkupri), sabiex tindirizza l-kawżi prinċipali u l-impatt ta’ livelli persistentement għoljin ta’ żbalji. Id-dejta disponibbli fuq l-ammonti approvati u implimentati kif ukoll l-istimi ta' korrezzjonijiet futuri juru li l-approċċ multiannwali jiżgura ġestjoni adegwata tar-riskji relatati mal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li jwasslu għal ammonti ta' riskji fl-għeluq ta' madwar 0.8 – 1.3% tal-nefqa relevanti totali 13 .

    Id-DĠ jimplimentaw miżuri mmirati sabiex isaħħu s-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll fuq livelli nazzjonali, Ewropej u internazzjonali 14 ; it-tagħlimiet meħuda mill-perjodi ta' programmazzjoni preċedenti wasslu għal titjib fit-tfassil ta’ ġenerazzjonijiet suċċessivi ta’ programmi 15 , u r-Reviżjoni ta’ Nofs it-Terminu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) 2014 - 2020 tinkludi pakkett sinifikanti ta’ proposti leġislattivi għas-simplifikazzjoni 16 tar-regoli applikabbli għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE.

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkoordina netwerk ta’ esperti tal-Istati Membri dwar il-Kontroll Intern li jippermetti l-identifikazzjoni u l-kondiviżjoni tal-prattika tajba sabiex jittejbu s-sistemi ta’ governanza ġenerali tas-settur pubbliku. Fil-qasam tal-prevenzjoni u l-kxif tal-frodi, l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u s-servizzi tal-Kummissjoni responsabbli għall-ġestjoni kondiviża jikkooperaw mal-Istati Membri permezz ta’ workshops, seminars, taħriġ u elaborazzjoni ta’ dokumenti ta’ gwida prattika. Filwaqt li r-regolamenti settorjali jitolbu li l-Istati Membri jimplimentaw miżuri effettivi u proporzjonati kontra l-frodi, il-Kummissjoni tippromwovi b’suċċess li dawn il-miżuri jiġu inkorporati fi Strateġiji Nazzjonali komprensivi kontra l-Frodi.

    Il-Komunikazzjoni preżenti l-ewwel tinkludi deskrizzjoni ġenerali tal-kuntest li fih jiġi implimentat il-baġit tal-UE (inkluża s-superviżjoni tal-Kummissjoni) sabiex ikunu assigurati l-legalità u r-regolarità tan-nefqa. Imbagħad l-Intestaturi differenti tal-QFP jiġu eżaminati fid-dawl tal-eżistenza ta’ livelli persistentement għoljin ta’ żbalji, il-kawżi prinċipali tagħhom u l-azzjonijiet ta’ rimedju meħuda mis-servizzi tal-Kummissjoni responsabbli.

    II.Ħarsa Ġenerali

    1.Il-kuntest

    1.1.Il-baġit tal-UE u kif jiġi implimentat

    Il-baġit tal-UE huwa strument sinifikanti sabiex jinkisbu l-għanijiet ta’ politika. In-nefqa laħqet EUR 145.2 biljun fl-2015, jew madwar EUR 285 għal kull ċittadin. Hija kienet tirrappreżenta 2.1 % tan-nefqa pubblika totali tal-Istati Membri tal-UE.

    Il-baġit tal-UE jiġi maqbul kull sena — fi ħdan il-kuntest tal-QFP — mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill skont l-Artikolu 322 tat-Trattat. L-assigurazzjoni li l-baġit jintefaq sewwa hija primarjament ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni. Kważi 80 % tal-baġit jiġi implimentat taħt dik li hija magħrufa bħala “ġestjoni kondiviża”, bl-Istati Membri jqassmu l-fondi lill-benefiċjarji u jimmaniġġjaw in-nefqa skont il-liġi tal-UE u nazzjonali (pereżempju, fil-każ tan-nefqa fil-qasam tal-“Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali” u n-nefqa fuq ir-“Riżorsi naturali”). L-20% l-oħra jiġu implimentati taħt ġestjoni diretta (mis-servizzi tal-Kummissjoni) jew indiretta (Pajjiżi Terzi/Organizzazzjonijiet Internazzjonali).

    Il-programmi jistgħu jinġabru flimkien ukoll skont il-mod kif tiġi determinata n-nefqa:

    Programmi ta’ intitolament, bil-pagament ikun ibbażat fuq l-issodisfar ta’ ċerti kundizzjonijiet, pereżempju fellowships għall-istudenti u r-riċerka (taħt in-nefqa għall-kompetittività), pagamenti diretti lill-bdiewa (taħt “Riżorsi naturali”), appoġġ dirett tal-baġit (taħt “Ewropa Globali”) jew salarji u pensjonijiet (taħt “Amministrazzjoni”).

    Skemi ta’ rimborż tal-ispejjeż, fejn l-UE tirrimborża l-ispejjeż eliġibbli għal attivitajiet eliġibbli, pereżempju proġetti ta’ riċerka (taħt in-nefqa għall-“Kompetittività”), skemi ta’ investiment fl-Iżvilupp Reġjonali u Rurali (taħt “Koeżjoni” u “Riżorsi Naturali”), skemi ta’ taħriġ (taħt “Koeżjoni”) u proġetti ta’ żvilupp (taħt “Ewropa Globali”). Madankollu, għandu jiġi nnotat li l-użu tal-“Opzjonijiet tal-Ispejjeż Simplifikati” taħt il-politika ta’ “Koeżjoni”, fejn il-finanzjament huwa bbażat fuq il-kunsinnabbli jew ir-riżultati miksuba (pereżempju, l-għadd ta’ persuni li jkunu qegħdin jipparteċipaw f’operazzjoni ta’ taħriġ vokazzjonali taħt il-FSE), huwa simili fin-natura tiegħu għall-kunċett ta’ “intitolament”, billi mhumiex ibbażati fuq l-ispejjeż attwali mġarrba.

    1.2.Is-sorveljanza tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE min-naħa tal-Kummissjoni

    Bil-modalità ta’ ġestjoni kondiviża, il-Kummissjoni teżerċita sorveljanza mill-qrib fuq il-ħidma tal-awtoritajiet għall-programmi nazzjonali permezz tal-interventi tal-awdituri tagħha u permezz ta’ eżamijiet komprensivi tal-informazzjoni ppreżentata mill-Istati Membri. Din l-informazzjoni taqa’ taħt żewġ tipi:

    L-ewwel kategorija tiġi pprovduta mill-awtoritajiet nazzjonali (bħall-Aġenziji tal-Pagamenti fil-qasam tal-agrikoltura jew l-Awtoritajiet ta’ Ġestjoni fil-qasam tal-“Koeżjoni”), li jitolbu u jirċievu fondi tal-UE mingħand il-Kummissjoni u mbagħad iħallsuhom (parzjalment permezz ta’ Korpi Intermedjarji) lill-benefiċjarji finali.

    It-tieni tip tiġi pprovduta mill-awdituri esterni nazzjonali, li huma indipendenti mill-implimentazzjoni tal-programmi (bħall-Korpi taċ-Ċertifikazzjoni fil-qasam tal-agrikoltura jew l-Awtoritajiet tal-Awditjar fil-qasam tal-“Koeżjoni”) li jipprovdu assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tas-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll u tat-tranżazzjonijiet sottostanti.

    Fejn il-Kummissjoni wara eżami bir-reqqa tikkonkludi li tista’ toqgħod fuq il-ħidma ta’ kontroll ta’ dawn l-awdituri esterni nazzjonali, hija tapplika l-kunċett ta’ “Awditu Uniku”. Dan il-kunċett jirreferi għal sistema ta’ kontroll u awditu intern li hija bbażata fuq l-idea li kull livell ta’ kontroll u awditu jibni fuq dak ta’ qablu. “Awditu Uniku” għandu l-għan li jipprevjeni d-duplikazzjoni tal-ħidma ta’ kontroll u awditjar u jnaqqas l-ispiża globali tal-attivitajiet ta’ kontroll u awditjar fil-livelli kemm tal-Istati Membri kif ukoll tal-Kummissjoni. Huwa għandu l-għan ukoll li jnaqqas il-piż amministrattiv fuq min ikun qed jiġi awditjat. Bħala l-istituzzjoni finalment responsabbli għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE, il-Kummissjoni hija fil-quċċata tal-piramida tal-“Awditu Uniku”.

    Taħt ġestjoni diretta u indiretta, is-sorveljanza tal-Kummissjoni hija bbażata fuq il-ħidma tal-unitajiet ta’ verifika/awditjar ex post tagħha u/jew fuq il-konklużjonijiet tal-awdituri esterni taħt kuntratt, li ġeneralment iwettqu kontrolli ex post.

    1.3.Talbiet kemm mill-Parlament Ewropew kif ukoll mill-Kunsill fil-Kwittanza tal-2014

    Il-livelli ta’ nfiq irregolari mill-baġit tal-UE kienu sinifikanti għal bosta snin. Ta’ tħassib partikolari huma dawk l-oqsma b’livelli persistentement għoljin ta’ żbalji u l-kawżi possibbli tagħhom.

    L-Artikolu 32(5) tar-Regolament Finanzjarju jistipula: “Jekk il-livell ta’ żbalji jkun persistentement għoli, il-Kummissjoni għandha tidentifika d-dgħufijiet fis-sistemi ta’ kontroll, tanalizza l-kostijiet u l-benefiċċji ta’ miżuri korrettivi possibbli u tieħu jew tipproponi azzjoni xierqa bħas-simplifikazzjoni, it-titjib tas-sistemi ta’ kontroll u d-disinn mill-ġdid tal-programmi jew tas-sistemi ta’ twassil”. Fid-dawl ta’ dan ir-rekwiżit, il-Parlament Ewropew 17 u l-Kunsill 18 fil-qafas tal-proċedura ta’ kwittanza tal-2014 talbu lill-Kummissjoni biex tippreżenta rapport dwar il-“livelli persistentement għoljin ta’ żbalji u l-kawżi prinċipali tagħhom”. Dan ir-rapport iwieġeb għal din it-talba.

    2.Metodoloġija fir-rigward tal-analiżi ta’ livelli persistentement għoljin ta’ żbalji

    2.1.    Definizzjonijiet u kriterji bażiċi

    Żball iseħħ meta tranżazzjoni ma titwettaqx skont id-dispożizzjonijiet legali, regolatorji u kuntrattwali applikabbli, li għalhekk tirrendi n-nefqa ddikjarata (u rimborżata), waħda irregolari 19 .

    F’dan il-kuntest, huwa importanti li jitqies dan li ġej:

    Żball ma jfissirx li l-fondi għebu, intilfu jew inħlew.

    Minkejja l-eżistenza tal-iżbalji, il-fondi b’mod ġenerali ntużaw għall-iskopijiet maħsuba tagħhom u għall-proġetti approvati. Għalkemm kien hemm dgħufijiet fl-implimentazzjoni tal-proġetti jew instabu nefqiet ineliġibbli, il-kwalità jew it-twettiq tal-proġetti mhux neċessarjament kienu affettwati.

    Żball mhux neċessarjament ifisser frodi. Filwaqt li l-iżbalji jinvolvu l-ksur ta’ ċerti kundizzjonijiet għall-finanzjament, frodi huwa qerq intenzjonali. Huwa kruċjali li jiġi nnotat li l-każijiet misjuba ta’ frodi jikkostitwixxu perċentwal marġinali 20 . Madankollu, f’konformità mat-tolleranza żero għall-frodi u l-korruzzjoni segwita mill-Kummissjoni, id-dipartimenti kollha tal-Kummissjoni issa fasslu strateġija kontra l-frodi u bħalissa qegħdin ikomplu jtejbu l-għodod tagħhom għall-prevenzjoni u l-kxif tal-frodi.

    Għalhekk, għal dan ir-rapport, il-Kummissjoni kkunsidrat il-kriterji bażiċi li ġejjin:

    Il-livelli ta’ żbalji jirrigwardaw nefqa irregolari identifikata mill-Kummissjoni, l-awtoritajiet nazzjonali u/jew mill-Qorti.

    Persistentement għoljin tfisser dawk il-livelli ta’ żbalji li għalihom l-impatt jew ir-riskji finanzjarji jkunu ogħla mil-livell limitu ta’ materjalità (2%) fuq għadd ta’ snin. Għal dan ir-rapport ġew ikkunsidrati tliet snin (mill-2013 sal-2015).

    Id-dejta hija sintetizzata abbażi ta’ “familji” ta’ politiki u servizzi tal-Kummissjoni skont l-Intestaturi tal-QFP 2014 - 2020.

    L-analiżi li ġejja tkopri prinċipalment is-sitwazzjoni tal-pagamenti li jirrigwardaw il-perjodu ta’ programmazzjoni preċedenti (2007 - 2013). Dan minħabba li l-livell ta’ implimentazzjoni tal-programmi/proġetti relatati mal-perjodu ta’ programmazzjoni l-ġdid 2014 - 2020 għadu ma jipprovdix lill-Kummissjoni dejta suffiċjenti għal valutazzjoni sinifikattiva ta’ livelli persistentement għoljin ta’ żbalji. Madankollu, ir-rapport jeżamina jekk it-tagħlimiet meħuda mill-perjodu ta’ programmazzjoni 2007 - 2013 ittiħdux inkonsiderazzjoni meta ġew elaborati l-bażijiet ġuridiċi l-ġodda għall-perjodu 2014 - 2020. Il-Kummissjoni se timmonitorja mill-qrib jekk is-sistemi l-ġodda u/jew ir-regoli ġodda tal-eliġibbiltà jindirizzawx b’mod effettiv il-problemi misjuba fl-imgħoddi billi:

    Jipprevjenu l-iżbalji: u/jew

    Jidentifikawhom u jikkoreġuhom.

    2.2.L-approċċi tal-Kummissjoni u tal-Qorti sabiex jistmaw il-livelli ta’ żbalji

    a)L-approċċ tal-Kummissjoni biex tistma l-livelli ta’ żbalji

    Kif spjegat fir-Rapport Annwali dwar il-Ġestjoni u l-Prestazzjoni (AMPR) tal-2015, il-Kummissjoni tkejjel il-livell ta’ żbalji sabiex tivvaluta jekk l-operazzjonijiet finanzjarji jkunux ġew implimentati f’konformità mad-dispożizzjonijiet regolatorji u kuntrattwali applikabbli. Dan sabiex tinkiseb assigurazzjoni dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet sottostanti u sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ twettaq ir-responsabbiltajiet ta’ eżekuzzjoni u ta’ superviżjoni tal-baġit billi timplimenta miżuri ta’ prevenzjoni u korrettivi meta jiġu identifikati irregolaritajiet serji. Il-livell ta’ żball huwa definit bħala l-aħjar stima tan-nefqa jew id-dħul misjuba li kienu qegħdin jiksru d-dispożizzjonijiet regolatorji u kuntrattwali applikabbli fiż-żmien li kienu awtorizzati l-operazzjonijiet finanzjarji. Din l-istima jagħmilha l-Uffiċjal Awtorizzanti billi jqis l-informazzjoni kollha rilevanti u billi juża l-ġudizzju professjonali.

    Il-Kummissjoni tuża tliet indikaturi biex tkejjel il-livell ta’ żbalji:

    L-ammont f’riskju - il-livell ta’ żbalji espress bħala ammont assolut, fil-valur.

    Ir-rata ta’ żball - il-livell ta’ żbalji espress bħala perċentwal tan-nefqa.

    Ir-Rata ta’ Żbalji Residwi - il-livell ta’ żbalji wara li jkunu ġew implimentati l-miżuri korrettivi, espress bħala perċentwal.

    Il-livell ta’ żbalji jiġi mkejjel jew stmat f’diversi mumenti fiż-żmien, skont il-qasam ta’ politika individwali:

    Fil-mument tal-pagament/rapportar; meta jkunu ġew implimentati xi miżuri korrettivi iżda jkunu se jiġu implimentati oħrajn fi snin suċċessivi.

    Fil-mument tal-għeluq (annwali jew finali), meta jkunu ġew implimentati l-miżuri korrettivi kollha. Fil-każ ta’ programmi pluriennali, dan jirreferi għat-tmiem tal-implimentazzjoni tal-programm. Fil-każ ta’ nfiq jew programmi annwali, dan jiġi kkalkulat fit-tmiem ta’ perjodu pluriennali li jkopri l-implimentazzjoni tal-miżuri korrettivi, skont il-qasam ta’ politika jew il-programm.

    It-terminu “miżuri korrettivi” jirreferi għad-diversi kontrolli li jsiru wara li jiġi awtorizzat il-pagament, bil-għan li jiġu identifikati u korretti l-iżbalji permezz ta’ korrezzjonijiet u rkupri finanzjarji 21 .

    Fi ħdan dan il-qafas ġenerali, kull dipartiment tal-Kummissjoni japplika l-iżjed approċċ adattat sabiex jipprovdi, għal skopijiet ta’ ġestjoni, stima realistika tal-livell ta’ żbalji għall-oqsma ta’ politika taħt ir-responsabbiltà tiegħu. Id-Direttorat Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (AGRI) u d-DĠ għall-”Koeżjoni” f’dan il-kuntest jirreferu għar-rati ta’ żbalji validati, billi l-kalkolu tar-rata huwa bbażat prinċipalment fuq id-dejta validata/jew aġġustata mogħtija mill-awtoritajiet tal-Istati Membri li jwettqu jew kontrolli ta’ ġestjoni, jew kontrolli u awditi ex post abbażi ta’ kampjuni statistikament rappreżentattivi. Id-DĠ AGRI u d-DĠ għall-”Koeżjoni” jiddeterminaw safejn jistgħu joqogħdu fuq id-dejta nazzjonali u, b’mod partikolari jibbażaw ukoll fuq il-konklużjonijiet tal-ħidma tal-unitajiet ta’ verifika/awditjar ex post tagħhom. Id-DĠ tal-“familji” tar-Riċerka u r-Relazzjonijiet Esterni jiffukaw l-analiżi tal-iżbalji tagħhom fuq kombinazzjoni tar-Rati ta’ Żbalji Misjuba u/jew Residwi, ibbażati fuq l-awditi ta’ kontroll ex post ipprovduti mill-awdituri tagħhom stess u/jew minn awdituri taħt kuntratt (għad-dettalji ara s-Sezzjoni III “Is-sitwazzjoni fir-rigward tad-diversi Intestaturi tal-QFP”).

    b)L-approċċ tal-Qorti biex tistma l-livelli ta’ żbalji

    Il-Qorti hija l-awditur estern tal-UE. L-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jitlob li hija tipprovdi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill Dikjarazzjoni ta’ Aċċertament (DAS) “esterna” dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet sottostanti.

    Il-Qorti tistma l-livelli ta’ żbalji, abbażi ta’ kampjuni statistiċi, billi tuża r-Rata ta’ Żball l-Aktar Probabbli (MLE) għall-Intestaturi tal-QFP, u għan-nefqa mill-baġit kollu kemm hu. L-iżbalji kwantifikati biss huma parti mill-kalkolu. Il-perċentwal tal-Aktar Żball Probabbli huwa stima statistika tal-perċentwal probabbli ta’ żbalji fil-popolazzjoni. Eżempji ta’ żbalji huma l-ksur kwantifikabbli tar-regolamenti, ir-regoli, u l-kundizzjonijiet ta’ kuntratti u ta’ għotjiet, li jkunu applikabbli. Il-Qorti tistma wkoll il-Limitu l-Baxx ta' Żball (LEL) u l-Limitu l-Għoli ta' Żball (UEL) (ara l-Graff 1) 22

    Graff 1 - L-istima, min-naħa tal-Qorti, tal-livell ta’ żbalji

    Il-perċentwal taż-żona skura taħt il-kurva jindika l-probabbiltà li l-livell ta’ żbalji tal-popolazzjoni jkun bejn il-Limitu l-baxx ta' żball u l-Limitu l-għoli ta' żball.

    c)Tqabbil tar-riżultati tal-approċċi tal-Kummissjoni u tal-Qorti

    Id-dipartimenti tal-Kummissjoni pprovdew lill-Istati Membri noti ta’ gwida, seminars u taħriġ dwar il-kampjunar statistiku biex hekk il-Kummissjoni setgħet tibbaża fuq 95 % tad-dejta ta’ kontroll ipprovduta mill-partijiet interessati (bħall-Awtoritajiet tal-Awditjar u l-Korpi taċ-Ċertifikazzjoni tal-Istati Membri li wettqu madwar 19 000 awditu fl-2015), li jirrifletti progress enormi meta mqabbel mal-bidu tal-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013. Madankollu, għad hemm lok għal titjib. Dan ifisser li l-Kummissjoni trid tuża l-ġudizzju professjonali biex taġġusta parti mid-dejta riċevuta (għad-dettalji ara s-Sezzjoni III “Is-sitwazzjoni fir-rigward tad-diversi Intestaturi tal-QFP”).

    Il-Kummissjoni tikkunsidra li, meta jitqiesu l-preċiżjoni relattiva tal-approċċi rispettivi u r-riżultati miksuba, il-livelli ta’ żbalji rrappurtati fir-Rapporti Annwali tal-Attività (AARs) tad-DĠ tal-Kummissjoni kif ukoll l-istimi pprovduti fir-Rapport Annwali dwar il-Ġestjoni u l-Prestazzjoni (AMPR – li qabel kien jissejjaħ Rapport ta’ Sinteżi), b’mod ġenerali jaqblu mal-livelli stmati ta’ żbalji, min-naħa tal-Qorti, għas-snin 2014 u 2015 (ara l-Graff 2).

    Graff 2 - Il-meded tal-Kummissjoni rigward il-livelli stmati ta’ żbalji fil-mument tal-pagament u l-meded globali ta’ żbalji tal-Qorti (mill-2013 sal-2015)*

    * Il-linji li jgħaqqdu l-livelli differenti ta’ żbalji ma għandhomx jitqiesu bħala evoluzzjoni kontinwa, iżda pjuttost jgħinu sabiex jitqabblu aħjar il-meded ta’ żbalji.

    L-istima, min-naħa tal-Kummissjoni, tal-livelli ta’ żbalji għas-snin 2013 u 2014 kienet ibbażata fuq il-ħlasijiet (il-pagamenti magħmula, inkluż l-prefinanzjament). Sabiex ikun hemm approċċ aktar konservattiv, l-istima tal-livelli ta’ żbalji għall-2015 inbidlet minn waħda bbażata fuq il-ħlasijiet għal waħda bbażata fuq id-dovuti (jiġifieri l-pagamenti magħmula, eskluż il-prefinanzjament imħallas u inkluż il-prefinanzjament approvat). Ara wkoll l-AMPR tal-2015 (p. 49).

    Sors: Ir-Rapporti Annwali tal-Qorti għas-snin finanzjarji 2013 sa 2015. Ir-Rapport ta’ Sinteżi tal-Kummissjoni għas-snin finanzjarji 2013 u 2014 u l-AMPR tal-Kummissjoni għall-2015.

    Minħabba li r-riżultati tal-Kummissjoni u tal-Qorti huma simili, l-analiżijiet li ġejjin tal-livelli persistentement għoljin ta’ żbalji huma bbażati fuq l-indikaturi kollha miksuba permezz taż-żewġ approċċi deskritti hawn fuq. It-terminu ġenerali użat għal dawn l-indikaturi huwa “livell stmat ta’ żbalji”.

    3.Is-sitwazzjoni għall-baġit tal-UE kollu kemm hu

    3.1L-isforzi kontinwi tal-Kummissjoni biex jitnaqqas il-livell globali ta’ żbalji

    Anki jekk, minħabba l-approċċi differenti applikati mill-Kummissjoni u l-Qorti, ir-riżultati mhumiex direttament paragunabbli, tajjeb li jiġi sottolinjat li:

    Iż-żewġ metodoloġiji jippermettu l-istima ta’ medda ta’ żbalji 23 ;

    Il-medda tal-Qorti hija aktar wiesgħa (fl-2014 bejn 3.3% u 5.4% u fl-2015 bejn 2.7% u 4.8%) mill-medda tal-Kummissjoni (fl-2014 bejn 2.6% u 3.6% u fl-2015 bejn 2.3% u 3.1%); u

    Iż-żewġ meded jirkbu fuq xulxin għas-snin 2014 u 2015 (iż-żona oskurata bl-aħmar fil-Graff 2 – fl-2014 bejn 3.3% u 3.6% u fl-2015 bejn 2.7% u 3.1%).

    Għalkemm il-metodi applikati mill-Kummissjoni u l-Qorti jagħtu indikazzjonijiet ċari li l-livell globali stmat ta’ żbalji qiegħed jonqos, (il-livell minimu ta’ żbalji tal-Kummissjoni għall-2013 huwa 2.8%, għall-2014 huwa 2.6% u għall-2015 huwa 2.3%; il-LEL tal-Qorti għall-2013 huwa 3.5%, għall-2014 huwa 3.3% u għall-2015 huwa 2.7%), huma juru wkoll li l-livell ta’ żbalji xorta għadu ogħla mil-livell limitu ta' materjalità ta’ 2%. Għalhekk, il-Qorti ħarġet DAS negattiva. Għalkemm dan il-fatt donnu jissuġġerixxi mod ieħor, fir-realtà l-livell ta’ konformità tal-Kummissjoni mar-rekwiżiti legali tjieb b’mod konsiderevoli. Il-livelli ta’ żbalji niżlu minn rati b’żewġ ċifri għal ċerti oqsma ta’ politika (b’mod partikolari l-“Koeżjoni”) fil-perjodi ta’ programmazzjoni 2000 – 2006 u qabel, għal livelli konsiderevolment aktar baxxi fil-preżent (anqas minn 5% fil-biċċa l-kbira tal-oqsma ta’ politika u qrib jew saħansitra anqas minn 2% f’xi oqsma). L-iskrutinju kostanti mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Qorti wassal għal aktar “professjonalizzazzjoni” tal-katina tal-kontroll sħiħa tal-fondi tal-UE mill-Kummissjoni għall-awtoritajiet tal-Istati Membri, Pajjiżi Terzi u Organizzazzjonijiet Internazzjonali.

    B’mod partikolari, it-titjib ulterjuri tal-ħidma tal-unitajiet ta’ verifika/awditjar ex post tal-Kummissjoni, it-tisħiħ tas-sistemi eżistenti u/jew l-introduzzjoni ta’ sistemi ġodda kif ukoll il-miżuri ġodda ta’ simplifikazzjoni kienu elementi importanti f’dan l-isforz kontinwu.

    Il-Kummissjoni tiffaċilita wkoll netwerk ta’ esperti tal-Istati Membri dwar il-Kontroll Intern. Dan in-netwerk ta’ Kontroll Intern Pubbliku (PIC) jippermetti li jiġu identifikati u skambjati prattiċi tajba sabiex jittejbu s-sistemi ta’ governanza tas-settur pubbliku. In-netwerk ikopri t-totalità tas-sistemi ta’ Kontroll Intern tal-Istati Membri u l-konferenza li jmiss dwar il-PIC, prevista għal Ġunju 2017, se tirreferi, b’mod parzjali, għall-arranġamenti ta’ governanza għall-ġestjoni tal-fondi tal-UE. Sabiex isir aktar progress, fl-2015 il-Viċi President tal-Kummissjoni K. Georgieva nediet l-inizjattiva “Baġit tal-UE ffukat fuq ir-Riżultati (BFOR)” sabiex timmassimizza l-effettività tal-baġit tal-Unjoni sabiex jappoġġa t-tkabbir, l-impjiegi u l-istabilità fl-Ewropa, iżda wkoll biex tnaqqas il-livelli ta’ żbalji permezz ta’ aktar miżuri ta’ simplifikazzjoni u kontrolli aħjar. L-għan ewlieni huwa li tassigura li baġit tal-UE bi prestazzjoni tajba jikkonforma mar-regoli u jikkontribwixxi għar-riżultati mixtieqa. L-ispejjeż tal-awditjar u l-kontroll għandhom jitnaqqsu, filwaqt li fl-istess ħin jitnaqqsu l-iżbalji fin-nefqa u jiġi mħares aħjar il-Baġit tal-UE.

    Rigward il-politiki kontra l-frodi, ikkoordinati mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF), il-QFP 2014-2020 ġie msaħħaħ f’termini ta’ valutazzjoni tar-riskju ta’ frodi, il-prevenzjoni u s-sejbien tal-frodi. Għall-ġestjoni kondiviża, ir-regolamenti settorjali jitolbu li l-Istati Membri jimplimentaw miżuri effettivi u proporzjonati kontra l-frodi, b’kont meħud tar-riskji identifikati, u jieħdu l-passi neċessarji biex jipprevjenu, isibu u jissanzjonaw b’mod effettiv il-frodi u l-irregolaritajiet u jirrimborżaw l-ammonti irregolari lill-baġit tal-UE.

    Madankollu, lil hinn mir-rekwiżiti regolatorji immedjati, il-Kummissjoni tinkoraġġixxi lill-Istati Membri sabiex jinkorporaw dawn il-miżuri kontra l-frodi fi Strateġija Nazzjonali Kontra l-Frodi sabiex ikun assigurat monitoraġġ aħjar tal-ġlieda kontra l-frodi detrimentali għall-interessi finanzjarji tal-UE u dawk tal-Istati Membri, kif ukoll sabiex ikunu assigurati prattiċi omoġenji u effettivi, speċjalment fejn l-istrutturi organizzattivi jkunu deċentralizzati.

    B’mod parallel, l-OLAF u d-DĠ REGIO, EMPL, MARE, AGRI u HOME jikkooperaw mal-Istati Membri fil-qasam tal-prevenzjoni u s-sejbien tal-frodi permezz ta’ workshops, seminars, taħriġ u elaborazzjoni ta’ dokumenti ta’ gwida prattika.

    Biex tindika t-triq ’il quddiem, il-Kummissjoni adottat pakkett dwar l-Analiżi ta’ Nofs it-Terminu (MTR) / Reviżjoni tal-QFP 2014 - 2020. Huwa jibni fuq l-isforzi ta’ modernizzazzjoni u t-titjib miksub fil-QFP preżenti. F’dan il-kuntest aktar simplifikazzjoni se tkun fundamentali.

    Il-Kummissjoni tipproponi f’att uniku ("Omnibus"), reviżjoni ambizzjuża tar-regoli finanzjarji ġenerali 24 . Dan l-att jinkludi wkoll bidliet korrispondenti fir-regoli finanzjarji settorjali stabbiliti fi 15-il att leġislattiv li jirrigwardaw programmi pluriennali relatati, pereżempju, mal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej jew l-agrikoltura. Aktar milli jerġgħu jiftħu d-dibattitu ta' politika l-bidliet proposti huma tekniċi biex jippermettu ftehim ta' malajr, sabiex iż-żieda fis-simplifikazzjoni u l-flessibbiltà jibbenefikaw l-infiq matul it-tieni nofs tal-QFP kurrenti.

    Huwa propost it-titjib li ġej fir-Reviżjoni Omnibus tar-Regolament Finanzjarju u r-regoli settorjali:

    Is-simplifikazzjoni għall-benefiċjarji ta’ fondi tal-UE;

    Mogħdija minn diversi saffi ta’ kontrolli għal kontrodipendenza fuq l-awditjar, il-valutazzjoni jew l-awtorizzazzjoni, u l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti tar-rapportar;

    Ikun jista’ jiġi applikat sett wieħed ta’ regoli għall-azzjonijiet ibridi kif ukoll interoperabbiltà miżjuda tal-istrumenti differenti u l-modi ta' ġestjoni;

    Użu aktar effettiv tal-istrumenti finanzjarji, kombinazzjoni ta’ miżuri jew strumenti;

    Ġestjoni baġitarja iktar flessibbli;

    Enfasi fuq ir-riżultati u s-simplifikazzjoni tar-rapportar; u

    Amministrazzjoni tal-UE aktar sempliċi u effiċjenti.

    Il-miżuri għandhom l-għan li jnaqqsu r-riskji ta' żbalji inkluż il-possibbiltà ta' pagamenti bażati fuq l-output u l-kundizzjonijiet, it-tneħħija tal-prinċipju tal-ebda profitt, is-simplifikazzjoni tar-regola tal-għotja nonkumulattiva u żieda fl-użu tal-opzjonijiet tal-ispejjeż simplifikati (pagamenti f'daqqa, kostijiet tal-unità u rati fissi).

    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-MTR kienet tinkludi wkoll xi indikaturi intiżi għall-QFP li jmiss: kwistjonijiet bħad-durata tiegħu u riforma koerenti kemm tan-nefqa kif ukoll tal-finanzjament.

    3.2Tipi ta’ żbalji identifikati mill-Kummissjoni u l-Qorti

    Il-Kummissjoni u l-Qorti jaqblu dwar l-aktar tipi komuni ta’ żbalji, li huma:

    a)Nefqa ta' partiti mhux eliġibbli;

    b)Benefiċjarji/proġetti/perjodi ta’ implimentazzjoni mhux eliġibbli;

    c)Ksur tar-regoli dwar l-akkwist pubbliku u dwar l-għajnuna mill-Istat;

    d)Dokumentazzjoni affidabbli insuffiċjenti sabiex tappoġġa d-dikjarazzjonijiet tan-nefqa; u

    e)Dikjarazzjoni mhux korretta ta’ oqsma eliġibbli fil-qasam tal-agrikoltura.

    Graff 3 – Il-kontribut stmat tad-diversi tipi ta’ żbalji għal-livelli stmati ta’ żbalji (medja matul il-perjodu 2013 - 2015) 25

     

    3.3Konsegwenzi tal-karattru pluriennali ta’ parti sinifikanti min-nefqa tal-UE

    Skont ir-Regolament Finanzjarju (l-Artikolu 2(r)), ir-riskji jridu jiġu mmaniġġjati billi jiġi applikat approċċ pluriennali:

    “..kontroll tfisser kwalunkwe miżura meħuda biex tingħata garanzija raġonevoli rigward [.......] il-prevenzjoni, id-detezzjoni u l-korrezzjoni ta’ frodi u ta’ irregolaritajiet u s-segwitu tagħhom, u l-ġestjoni adegwata tar-riskji relatati mal-legalità u mar-regolarità tat-tranżazzjonijiet sottostanti, b’kont meħud tan-natura pluriennali tal-programmi kif ukoll tan-natura tal-pagamenti kkonċernati. Il-kontrolli jistgħu jinvolvu diversi verifiki, kif ukoll l-implimentazzjoni ta’ kwalunkwe politika u proċedura għall-kisba tal-objettivi deskritti fl-ewwel sentenza; ...”

    L-implimentazzjoni ta’ kontrolli komprensivi dettalji ex ante fuq il-(miljuni) ta’ pagamenti kollha mwettqa mill-Kummissjoni, l-Istati Membri, Pajjiżi Terzi, eċċ. sabiex jipprevjenu l-iżbalji mill-bidu, twassal għal spejjeż projbittivi f’termini ta’ riżorsi u ħin. Għalhekk, is-sistemi kollha jinkludu kontrolli ex post matul il-ħajja jew fl-għeluq tal-programmi u l-proġetti. Barra minn hekk, fejn jinstabu żbalji, l-applikazzjoni ta’ mekkaniżmi korrettivi (jiġifieri l-korrezzjonijiet u l-irkupri finanzjarji) tipproteġi l-baġit tal-UE minn infiq magħmul bi ksur tal-liġi 26 .

    Fid-dawl tal-karattru pluriennali ta’ parti sinifikanti min-nefqa tal-UE, huwa evidenti li livell definittiv ta’ żball jista’ jiġi stabbilit biss fl-għeluq tal-programmi, meta jkunu ġew applikati s-saffi kollha tal-kontrolli.

    Bi tweġiba għal talba mill-Parlament Ewropew 27 , id-dipartimenti tal-Kummissjoni kkumplimentaw għall-ewwel darba, fil-kuntest tal-AMPR għall-2015, l-aħjar stimi tagħhom tal-ammonti f’riskju għall-baġit taħt ir-responsabbiltà tagħhom bi stimi tal-korrezzjonijiet li huma jistennew li jimplimentaw fil-ġejjieni.

    Il-korrezzjonijiet futuri stmati huma l-ammonti ta’ nfiq bi ksur tad-dispożizzjonijiet regolatorji u kuntrattwali applikabbli li d-DĠ jistma b’mod konservattiv. Dawn l-ammonti se jiġu identifikati u korretti permezz tal-kontrolli implimentati wara li jiġi awtorizzat il-pagament, jiġifieri ma jiġux inklużi biss il-korrezzjonijiet implimentati fil-mument tar-rapportar iżda wkoll dawk li se jiġu implimentati fis-snin ta’ wara. L-istimi tad-DĠ huma bbażati fuq l-ammont medju ta’ korrezzjonijiet u rkupri finanzjarji fl-aħħar snin, u aġġustati fejn meħtieġ, b’mod partikolari sabiex jiġu newtralizzati (i) elementi li ma għadhomx aktar validi taħt il-qafas legali l-ġdid u (ii) avvenimenti ta’ darba.

    Il-korrezzjonijiet futuri stmati jirrappreżentaw bejn 1.5% u 1.9% tan-nefqa totali rilevanti. L-ammont stmat f’riskju fl-għeluq wara l-implimentazzjoni tal-miżuri korrettivi kollha jirrappreżenta bejn 0.8% u 1.3% tan-nefqa totali fl-2015. Għalhekk, il-mekkaniżmi korrettivi pluriennali jipproteġu adegwatament il-baġit tal-UE minn infiq bi ksur tal-liġi 28 .

    3.4Spiża tal-kontrolli u s-simplifikazzjoni

    In-nuqqas ta’ sejbien tal-iżbalji huwa riskju inerenti ta’ sistema ta’ ġestjoni. Huwa rikonoxxut b’mod ġenerali li t-tnaqqis tar-rati ta’ żball għal żero jwassal għal spejjeż għoljin mhux realistiċi kemm għall-benefiċjarji kif ukoll għall-awtoritajiet. Il-Qorti stabbiliet il-“livell limitu ta' materjalità” għal 2% tal-ammonti awditjati. Madankollu, dan il-livell limitu ma ġiex stabbilit fuq il-bażi tal-aspettattivi tal-partijiet interessati jew fuq analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji tal-kontrolli li huma neċessarji sabiex tiġi assigurata l-konformità mal-obbligi legali. Minflok, il-livell ta’ 2% ta’ materjalità ġie derivat minn prattiċi żviluppati għall-awditjar tal-affidabbiltà tal-kontijiet. Madankollu, is-sistemi li jassiguraw stampa vera u ġusta tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji huma ġeneralment anqas kumplessi u għaljin minn dawk li jridu jiġu implimentati sabiex tiġi pprovduta assigurazzjoni rigward il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom ikunu bbażati l-kontijiet.

    It-Tabella 1 tindika l-ispiża ġenerali tal-kontrolli (spiża tal-verifiki ex ante, il-kontrolli u l-evalwazzjonijiet ex post mis-servizzi tal-Kummissjoni/Stati Membri, Pajjiżi Terzi/Organizzazzjonijiet Internazzjonali) relatati mal-legalità/regolarità tat-tranżazzjonijiet stmati mid-DĠ fir-Rapporti Annwali tal-Attività tagħhom.

    Tabella 1 – Spejjeż tal-kontrolli

    Spejjeż tal-kontrolli bħala % tan-nefqa tal-2015

    AGRI

    4.6% 29

    REGIO

    2.3% 30

    EMPL

    5% 31

    RTD

    2.3% 32

    DEVCO

    5.11% 33

    NEAR

    3.6% 34

    CNECT

    1.75% 35

    Il-Kummissjoni tinnota li, minkejja tnaqqis fil-livelli stmati ta’ żbalji, xorta għadu ogħla mil-livell limitu ta’ materjalità ta’ 2%. Madankollu, li jiżdiedu l-livelli preżenti ta’ kontrolli u awditjar ma tistax titqies bħala t-triq ’il quddiem. Kif muri fit-Tabella 1, l-ispejjeż (u l-piż amministrattiv) tal-kontrolli diġà huma għoljin. Barra minn hekk, hemm perċezzjoni ġenerali fost il-benefiċjarji li huma maħnuqa bl-għadd ta’ kontrolli. Għalhekk, it-tnaqqis fil-livelli persistentement għoljin ta’ żbalji ma għandux jinkiseb permezz ta’ aktar kontrolli, iżda pjuttost permezz ta’ kontrolli aħjar. Fil-fatt, it-tisħiħ tal-kontrolli ewlenin fis-sistemi eżistenti tal-Istati Membri jippermetti tnaqqis fil-livelli ta’ żbalji mingħajr ma tkun meħtieġa żieda fir-riżorsi.

    Barra minn hekk, il-partijiet interessati kollha jirrikonoxxu li s-simplifikazzjoni hija t-triq ’il quddiem billi tnaqqas ir-riskju ta’ żball u għandha impatt pożittiv fuq l-ispejjeż tal-ġestjoni u l-kontroll, u l-piż 36 . Il-miżuri ta’ simplifikazzjoni li ġew implimentati wasslu b’mod partikolari għall-introduzzjoni tal-kunċett tal-“Opzjonijiet tal-Ispejjeż Simplifikati (SCOs)” li jipprevjenu l-iżbalji mill-bidu, u t-tnaqqis tad-“Dettalji Żejda Mhux Meħtieġa” (ara aktar dettalji fit-Taqsima III - “Is-sitwazzjoni fid-diversi Intestaturi tal-QFP”).

    3.5Il-ħtieġa li jittejbu aktar is-sistemi eżistenti ta’ ġestjoni u kontroll, b’mod partikolari l-kontrolli tal-ewwel livell fl-Istati Membri

    L-analiżijiet tal-Kummissjoni u tal-Qorti jaqblu li fil-qasam tal-ġestjoni kondiviża, għadd sinifikanti ta’ żbalji setgħu ġew evitati jew misjuba u korretti permezz ta’ kontrolli tal-ewwel livell mill-korpi ta’ ġestjoni fl-Istati Membri. Kif muri mir-Rapporti Annwali tal-Qorti f’dawn l-aħħar snin, għal kważi nofs l-irregolaritajiet skoperti mill-Qorti, l-awtoritajiet nazzjonali kellhom informazzjoni suffiċjenti (pereżempju, mill-benefiċjarji finali, l-awdituri esterni jew mill-kontrolli tagħhom stess) sabiex jipprevjenu jew isibu u jikkoreġu l-iżbalji qabel ma jiddikjaraw in-nefqa lill-Kummissjoni. Barra minn hekk, xi wħud mill-iżbalji rrappurtati mill-Qorti kienu kkawżati mill-awtoritajiet nazzjonali nfushom. Kieku ntużat l-informazzjoni kollha disponibbli, il-livelli ta’ żbalji kienu jkunu ferm eqreb tal-livell limitu ta’ materjalità ta’ 2% jew saħansitra aktar baxxi minnu.

    Kienu identifikati nuqqasijiet simili għall-ġestjoni diretta u indiretta (ara t-Tabella 2).



    Tabella 2 - Perċentwal ta’ żbalji li kellhom jiġu evitati jew identifikati u korretti mill-Istati Membri jew Pajjiżi Terzi qabel id-dikjarazzjoni tan-nefqa lil u l-pagamenti mis-servizzi tal-Kummissjoni*

    Intestatura

    Ir-Rapport Annwali tal-2013

    Ir-Rapport Annwali tal-2014

    Ir-Rapport Annwali tal-2015

    Rata ta’ żbalji (1)

    % ta’ żbalji li setgħu ġew evitati jew identifikati u korretti

    (2)

    Rata minima ta’ żbalji

    (1) - (2)

    Rata ta’ żbalji

    (3)

    % ta’ żbalji li setgħu ġew evitati jew identifikati u korretti (4)

    Rata minima ta’ żbalji

    (3) - (4)

    Rata ta’ żbalji (5)

    % ta’ żbalji li setgħu ġew evitati jew identifikati u korretti (6)

    Rata minima ta’ żbalji

    (5) – (6)

    Riċerka u politiki interni oħra/Kompetittività / H1A

    4%

    4%

    5.6%

    2.8%

    2.8%

    4.4%

    0.6%

    3.8%

    Kompetittività, Politika reġjonali, enerġija
    u trasport / H1B

    6.9%

    3%

    3.9%

    6.1%

    3.3%

    2.8%

    5.2%

    2.4%

    2.8%

    Kompetittività, Impjiegi
    u affarijiet soċjali / H1B

    3.1%

    1.3%

    1.8%

    3.7%

    3.2%

    0.5%

    Agrikoltura: appoġġ għas-suq u appoġġ dirett / H2

    3.6%

    1.1%

    2.5%

    2.9%

    0.6%

    2.3%

    2.2%

    0.3%

    1.9%

    Żvilupp rurali, ambjent, sajd u saħħa / H2

    6.7%

    4.7%

    2%

    6.2%

    3.3%

    2.9%

    5.3%

    1.7%

    3.6%

    Ewropa Globali / H4

    2.6%

    2.6%

    2.7%

    0.2%

    2.5%

    2.8%

    1%

    1.8%

    *Sors: ir-Rapporti Annwali tal-Qorti għas-snin finanzjarji 2013 sa 2015.

    III.Is-sitwazzjoni fir-rigward tad-diversi intestaturi tal-QFP

    1.Introduzzjoni

    F’konformità mar-riżultati tal-ħidma ta’ awditjar tal-Kummissjoni nnifisha u d-dejta pprovduta mill-Kummissjoni fir-Rapporti Annwali tal-Attività tagħha għall-perjodu mill-2013 sal-2015 (ara s-sezzjonijiet hawn isfel), l-oqsma li għalihom il-livelli stmati ta’ żbalji kienu persistentement għoljin kienu:

    Fl-Intestatura 1A) tal-QFP, il-Politika dwar ir-Riċerka u l-Innovazzjoni;

    Fl-Intestatura 1B) kemm il-Politika Reġjonali u Urbana kif ukoll il-Politika dwar l-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, (din tal-aħħar, madankollu, sa ċertu punt anqas);

    L-Intestatura 2 kollha, Riżorsi Naturali, (iżda l-FAEG – Miżuri tas-Suq u Appoġġ Dirett – li jirrappreżenta l-parti prinċipali tan-nefqa kien affettwat minn livell ta’ żbalji qrib il-livell limitu ta’ materjalità);

    L-Intestatura 4 kollha, Ewropa Globali (iżda sa ċertu punt anqas mill-Intestaturi l-oħra kollha).

    L-istess oqsma kienu identifikati mill-Qorti billi r-Rata ta’ Żball l-Aktar Probabbli rrappurtata kull sena minnha baqgħet persistentement ogħla mil-livell limitu ta’ materjalità ta’ 2% (ara l-Graff 4) għal dawn l-Intestaturi u l-oqsma 37 .

    Graff 4 – Ir-Rati ta’ Żball l-Aktar Probabbli tal-Qorti għall-oqsma differenti ta’ politika matul il-perjodu mill-2013 sal-2015*

    * Il-Qorti waqfet tipprovdi stimi speċifiċi tal-livelli ta’ żbalji għad-DĠ “Politika Reġjonali u Urbana” - H1B (REGIO) u 'Impjiegi, Affarijiet Soċjali u Inklużjoni' (EMPL) – H1B-għall-2015.

    Il-linji li jgħaqqdu l-livelli differenti ta’ żbalji ma għandhomx jitqiesu bħala evoluzzjoni kontinwa, iżda pjuttost jgħinu sabiex jitqabblu aħjar il-meded ta’ żbalji.

    Sors: Ir-Rapporti Annwali tal-Qorti għas-snin finanzjarji 2013 sa 2015

    Skont il-Qorti, il-mudelli differenti tar-riskju tal-iskemi bbażati fuq ir-rimborż (fejn il-pagament mill-baġit tal-UE huwa bbażat fuq l-ispejjeż eliġibbli għal attivitajiet eliġibbli) u l-intitolamenti (fejn il-pagament mill-baġit tal-UE huwa bbażat fuq l-issodisfar ta’ ċerti kundizzjonijiet) pjuttost milli fuq il-modi ta’ ġestjoni (kondiviża, diretta u indiretta) jinfluwenzaw il-livelli ta’ żbalji fid-diversi oqsma ta’ nfiq 38 . Billi l-awditi tal-Kummissjoni jipprovdu riżultati simili, is-sezzjonijiet li ġejjin jinkludu analiżi tal-possibbiltajiet li r-rimborżi bbażati fuq l-ispejjeż eliġibbli jiġu sostitwiti b’pagamenti bbażati fuq l-intitolamenti jew, tal-anqas, billi jiġu introdotti miżuri ta’ simplifikazzjoni, bħal pereżempju “Opzjonijiet tal-Ispejjeż Simplifikati (SCOs)”, somom f’daqqa jew rati fissi.

    2.Subintestatura 1A) tal-QFP – Kompetittività - Riċerka u Innovazzjoni (jiġifieri d-DĠ "Riċerka u Innovazzjoni" – RTD - u Netwerks tal-Komunikazzjonijiet, Kontenut u Teknoloġija - CNECT) 39

    2.1. Livell ta’ żbalji

    Rigward l-FP7, ir-rata ta’ żbalji rappreżentattiva kkalkulata abbażi tal-kampjun komuni hija 4.47%. Hija bbażata fuq 298 awditu magħluq fil-31 ta’ Diċembru 2015 minn 324 tranżazzjoni magħżula.

    Wara l-ħidma ta’ awditjar tal-Kummissjoni stess dwar is-Seba’ Programm Qafas (FP 7), fejn intużaw 3 336 riżultat ta’ awditjar mill-2008 sal-2015, il-livell globali ta’ żbalji li nstab għall-2015 ivarja bejn 4.47 - 5%. Dan jaqbel mal-medda ġenerali tal-Qorti ta’ 2 – 6.7% għall-analiżi tagħha tal-Intestatura “Kompetittività”, b’Rata ta’ Żball l-Aktar Probabbli ta’ 4.4% (ara l-Graff 5). Għandu jiġi nnotat, madankollu, li ċ-ċifri globali jistgħu jaħbu differenzi f’ċerti sottopartijiet tal-FP7. B’mod partikolari, l-għotjiet taħt l-Iskemi tal-Kunsill Ewropew tar-Riċerka (ERC) u Marie-Curie jinkludu għadd ta’ kriterji simplifikati ta’ eliġibbiltà, kostijiet unitarji u rati fissi li jnaqqsu r-riskju ta’ nefqa mhux eliġibbli u jwasslu għal livelli ta’ żbalji ta’ anqas minn 2%, bħal pereżempju:

    Rati fissi għal xi spejjeż tal-persunal u spejjeż indiretti;

    Rekwiżiti simplifikati għar-reġistrazzjoni tal-ħin; u

    Għotjiet għal benefiċjarju wieħed b’firxa limitata ta’ benefiċjari mis-settur pubbliku.

    Dawn il-kriterji simplifikati ta’ eliġibbiltà huma adatti minħabba l-għanijiet partikolari, u l-benefiċjarji partikolari fil-mira ta’ dawn il-miżuri. Madankollu, l-użu tagħhom għall-benefiċjarji kollha ma jippermettix li s-servizzi tar-riċerka jilħqu l-objettivi differenti kollha stabbiliti fil-politika dwar ir-riċerka.

    Ir-Rata ta’ Żbalji Residwi tal-FP7 hija ferm eqreb tal-livell limitu ta’ materjalità (2.88% għad-DĠ RTD u 2.58% għad-DĠ CNECT). Għandu jiġi nnotat li l-iżball residwu finali għas-Sitt Programm Qafas, wara li kienu implimentati l-kontrolli u l-irkupri kollha, spiċċa qrib ħafna jew saħansitra aktar baxx mil-livell ta’ materjalità, li jissottolinja l-importanza ta’ perspettiva pluriennali.

    L-ammont globali f’riskju fil-mument tal-pagament għan-nefqa totali tal-2015 tad-DĠ RTD ivarja bejn EUR 107 u 125 miljun (2.1 sa 2.5%). Il-korrezzjonijiet futuri stmati b’mod konservattiv huma ta’ EUR 46 miljun (0.9%). L-ammont stmat f’riskju fl-għeluq huwa bejn EUR 61 u 79 miljun (1.2 sa 1.6%).

    L-ammont globali f’riskju fil-mument tal-pagament għan-nefqa totali tal-2015 tad-DĠ CNECT ivarja bejn EUR 63 u 66 miljun (3.7 sa 3.9%). Il-korrezzjonijiet futuri stmati b’mod konservattiv huma ta’ EUR 22 miljun (1.3%). L-ammont stmat f’riskju fl-għeluq huwa bejn EUR 40 u 44 miljun (2.4 sa 2.6%).

    Għall-qasam ta’ politika “Riċerka, Industrija, Spazju, Trasport u Enerġija” sħiħ, l-ammont globali stmat f’riskju fil-mument tal-pagament ivarja bejn EUR 259 sa 290 miljun (2.1 sa 2.3%), filwaqt li l-ammont stmat f’riskju fl-għeluq ivarja bejn EUR 132 sa 163 miljun, li jikkorrispondi għal 1.1 sa 1.3% tan-nefqa rilevanti għall-2015.

    Graff 5 - Il-livelli stmati ta’ żbalji, tal-Kummissjoni, għall-FP7 u r-rati ta’ żbalji tal-Qorti għall-qasam tal-“Kompetittività/Politiki Interni” mill-2013-15*

    4,4 %

    * Il-linji li jgħaqqdu l-livelli differenti ta’ żbalji ma għandhomx jitqiesu bħala evoluzzjoni kontinwa, iżda pjuttost jgħinu sabiex jitqabblu aħjar il-meded ta’ żbalji.

    Fir-Rapport Annwali għas-sena finanzjarja 2013, il-Qorti eżaminat dan il-qasam ta’ politika fil-Kapitolu 8 tagħha “Riċerka u politiki interni oħra”.

    Il-“livell minimu ta’ żbalji tal-Kummissjoni” huwa l-istima ta’ punt għas-sena inkwistjoni; il-“Livell Massimu ta’ Żbalji tal-Kummissjoni” huwa l-livell finali mistenni ta’ żbalji.

    Sors: Ir-Rapporti Annwali tal-Qorti u r-Rapporti Annwali tal-Attività tad-DĠ RTD u CNECT għas-snin finanzjarji 2013 sa 2015

    2.2.Il-kawżi prinċipali tal-iżbalji

    a)L-għanijiet u l-prijoritajiet tal-politika

    Il-kamp ta’ applikazzjoni diversifikat (għanijiet imħallta u popolazzjoni mħallta ta’ benefiċjarji) tal-politika tar-riċerka għandu impatt fuq ir-rata ta’ żbalji. Il-Programm Qafas huwa maħsub sabiex jattira numri kbar ta’ parteċipanti (diġà aktar minn 50 000 parteċipazzjoni f’Orizzont 2020) madwar l-Unjoni Ewropea u d-dinja. L-Intrapriżi Żgħar u Medji (SMEs) u l-parteċipanti ġodda ġew inkoraġġiti b’mod partikolari, anki jekk huwa magħruf li r-rata ta’ żbalji għal dawn il-kategoriji hija ferm ogħla (minn 2.5 għal 3 darbiet aktar) milli għal parteċipanti oħra. Bl-istess mod, il-biċċa l-kbira tal-proġetti għandhom karattru multinazzjonali u “b’ħafna benefiċjarji”, essenzjali sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ politika tal-programm, iżda huma aktar suxxettibbli għall-iżbalji milli proġetti “b’benefiċjarju wieħed”.

    b)Eliġibbiltà

    In-nuqqas ta’ rispett tal-kriterji ta’ eliġibbiltà (nefqa mhux eliġibbli) huwa l-unika kawża sostanzjali ta’ żball għall-programmi ta’ riċerka. Dan it-tip ta’ żball jinqala’ f’kull tip ta’ nefqa. L-akbar kontribut għal-livell globali ta’ żbalji jiġi minn:

       Spejjeż tal-persunal ikkalkulati b’mod skorrett;

       “Spejjeż diretti oħra” mhux eliġibbli minħabba deprezzament ikkalkulat b’mod ħażin, jew minħabba dokumentazzjoni inadegwata tax-xiri u l-ispejjeż tal-ivvjaġġar, eċċ.;

       Spejjeż indiretti mhux eliġibbli bbażati fuq rati żbaljati tal-ispejjeż ġenerali; u

       Kategoriji ta’ spejjeż ineliġibbli mhux marbuta mal-proġett.

    Skont il-ħidma ta’ awditjar tal-Kummissjoni nnifisha, dawn it-tipi ta’ żbalji jammontaw għal aktar minn 87% tar-rata ta’ żbalji li nstabet. Il-Qorti tasal għall-istess konklużjoni billi hija tindika li 86% tal-iżbalji misjuba kienu jirrigwardaw ir-rimborż ta’ spejjeż tal-persunal u spejjeż indiretti mhux eliġibbli ddikjarati mill-benefiċjarji.

    c)Il-kawża tan-nuqqas ta’ sejbien tal-iżbalji - dgħufijiet fis-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll.

    L-akbar parti tal-iżbalji li ma nstabux ġejja miċ-Ċertifikati dwar id-Dikjarazzjonijiet Finanzjarji (CFS) ipprovduti minn awdituri esterni jew uffiċjali pubbliċi kompetenti u indipendenti. Il-kwalità varjabbli tas-CFS hija problema magħrufa fil-“familja” tar-Riċerka. Minkejja din id-dgħufija, is-servizzi tar-riċerka kkalkulaw li r-rata ta’ żbalji tkun bħala medja 50% aktar baxxa jekk ikun hemm CFS. Madankollu, huwa ċar li dawn ma jevitawx l-iżbalji kollha.

    Fl-2014 il-Qorti identifikat li 2.8% mir-rata ta’ żbalji totali ta’ 5.6% kellha tinstab mill-arranġamenti ta’ kontroll qabel il-pagament. Fl-2015 dan l-iżball kien jammonta għal 0.6% minn 4.4%. F’dan il-kuntest, saru sforzi addizzjonali sabiex tiġi pprovduta gwida u titqajjem sensibilizzazzjoni, speċjalment għall-awdituri taċ-ċertifikazzjoni.

    Graff 6 – Il-valutazzjonijiet, min-naħa tal-Kummissjoni u tal-Qorti, tal-kawżi prinċipali tal-iżbalji

    a)Il-Kummissjoni

    b)Il-Qorti 40

    2.3.Azzjoni ta’ rimedju meħuda

    a)Simplifikazzjoni

    L-opzjonijiet tal-ispejjeż simplifikati diġà jintużaw f’diversi oqsma tal-FP7 u Orizzont 2020 (ara hawn isfel):

    L-ispejjeż unitarji għall-persunal taħt l-Iskema Marie Sklowodska-Curi, kienu estiżi għall-maniġers sidien tal-SMEs mill-2011 ’il quddiem;

    Rata fissa għall-ispejjeż indiretti, opzjoni fl-FP7, applikata b’mod ġenerali taħt Orizzont 2020; u

    Somma f’daqqa għall-ewwel fażi tal-iskema għall-SMEs.

    Dawn l-opzjonijiet se jiġu mwessgħa meta jistgħu jkunu utli, f’termini ta’ tnaqqis fil-livelli ta’ żbalji u fil-piż amministrattiv, kif ukoll sabiex jintlaħqu l-prijoritajiet ta’ politika.

    Għall-mudell tal-ispejjeż, il-konsultazzjoni mal-partijiet interessati għal Orizzont 2020 talbet lill-partijiet interessati sabiex jikkunsidraw jekk finanzjament permezz ta’ somma f’daqqa (ibbażat fuq ir-riżultati) ikunx mod xieraq sabiex tiġi ffinanzjata r-riċerka b’mod ġenerali. Dan ikun jirrappreżenta skema ta’ intitolament li hija bbażata fuq prezz fiss li jiġi maqbul bil-quddiem, għax-xogħol li jkun irid isir. Skema ta’ finanzjament bħal din ibbażata fuq ir-riżultati tevita kwalunkwe żball ta’ eliġibbiltà.

    Il-partijiet interessati b’mod ġenerali ma kinux favur din l-opzjoni, fejn ippreferew li tinżamm metodoloġija ta’ “rimborż”, speċjalment minħabba t-tħassib li dan ma jkunx l-aħjar mod kif jiġu appoġġati l-isforzi tar-riċerka madwar l-UE. Mingħajr ma jitqajmu dubji li skema bħal din jista’ jkollha benefiċċji biex tnaqqas ir-rata ta’ żbalji f’termini finanzjarji, jista’ jkollha firxa ta’ spejjeż u effetti sekondarji li ma jkunux mixtieqa.

    Madankollu, wara l-osservazzjonijiet tal-Qorti dwar ir-riskji aktar baxxi ta’ żbalji fl-iskemi ta’ intitolament, il-Kummissjoni se tkompli tesplora possibbiltajiet għall-introduzzjoni ta’ skemi ta’ finanzjament ibbażati fuq ir-riżultati. Għall-2018 hija ppjanata skema pilota li tippermetti valutazzjoni aħjar tal-ispejjeż u l-benefiċċji ta’ bidla fil-mudell tal-ispejjeż.

    Kif spjegat hawn fuq, il-Kummissjoni diġà proponiet numru ta' bidliet fir-regoli finanzjarji ġenerali biex tnaqqas ir-riskji ta' żbalji, inkluż l-użu estiż tal-opzjonijiet ta' spejjeż simplifikati (ara taqsima 3.1).

    b)Tisħiħ tas-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll

    Is-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll għar-riċerka huma eżaminati b’mod kontinwu. Il-ħolqien taċ-Ċentru Komuni ta’ Appoġġ li jkopri s-servizzi kollha li jimplimentaw ir-riċerka se jġib vantaġġi f’termini ta’ għodod tal-IT u għodod kummerċjali komuni, u servizz komuni tal-awditjar. Madankollu, f’konformità mal-prinċipju tal-kosteffettività, il-mudell tas-assigurazzjoni xorta se jkun ibbażat prinċipalment fuq awditi ex post, b’kontrolli ex ante dettaljati limitati. Ir-raġunijiet huma li l-kontrolli ex ante huma għaljin, speċjalment minħabba l-għadd kbir ta’ parteċipazzjonijiet iffinanzjati (diġà 50,000 taħt Orizzont 2020), u jistgħu jipprovdu biss assigurazzjoni parzjali jekk ma jkunx hemm żjarat fuq il-post. Għadd kbar ta’ kontrolli ex ante dettaljati joħolqu wkoll piż amministrattiv kbir fuq il-benefiċjarji, filwaqt li l-leġislazzjoni titlob lill-Kummissjoni tnaqqas dawn il-piżijiet.

    Għal Orizzont 2020, Ċertifikat dwar id-Dikjarazzjonijiet Finanzjarji se jkun meħtieġ biss fit-tmiem tal-proġett, u mhux għall-istadju tal-pagamenti interim. Dan se jfisser li l-effett pożittiv taċ-Ċertifikati dwar id-Dikjarazzjonijiet Finanzjarji se jinħass aktar tard, li jista’ jkollu effett temporanju fuq il-livelli ta’ żbalji. Fi kliem ieħor, l-analiżijiet futuri tal-livelli ta’ żbalji f’dan il-qasam iridu jikkunsidraw il-karattru plurinennali tas-sistema ta’ kontroll.

    c)Qafas Legali 2014 – 2020: Aktar simplifikazzjoni, iżda wkoll oqsma b’żieda fir-riskju

    Filwaqt li nżammu s-simplifikazzjonijiet eżistenti, iddaħħlu aktar għal Orizzont 2020:

       Rata unika ta’ finanzjament għall-għotjiet kollha msemmija fis-sejħa għall-proposti:

       Rata fissa għall-ispejjeż indiretti għall-għotjiet kollha;

       Użu estiż ta’ kostijiet unitarji, rati fissi u somom f’daqqa għal xi spejjeż f’xi programmi;

       Rekwiżiti simplifikati għar-reġistrazzjoni tal-ħin, speċjalment għall-persunal li jkun qiegħed jaħdem full time fuq il-proġett;

       Regoli simplifikati għall-kalkolu tas-sigħat produttivi;

       Regoli aktar sempliċi għall-użu tal-konsulenti; u

       Proċeduri simplifikati għar-rikonoxximent tal-ispejjeż tas-sottokuntrattar u ta’ partijiet terzi.

    Id-dikjarazzjoni finanzjarja li qiegħda takkumpanja l-leġiżlazzjoni proposta stmat li dawn is-simplifikazzjonijiet jnaqqsu l-Livell Massimu rappreżentattiv tal-Iżball minn 5% għal madwar 3.5%. Il-mira għar-Rata ta’ Żbalji Residwi jew l-ammont f’riskju fl-għeluq kellha tkun kemm jista’ jkun qrib 2%, iżda mhux neċessarjament taħtha.

    Is-simplifikazzjonijiet proposti kienu ġeneralment aċċettati mill-Awtorità Leġiżlattiva. Madankollu, hija inkludiet għadd ta’ elementi li jistgħu jwasslu għal żieda fl-iżbalji:

       Mira ogħla ta’ parteċipazzjoni għall-Intrapriżi Żgħar u Medji (meta wieħed jaf li l-SMEs huma riskju akbar minn benefiċjarji oħra);

       Il-possibbiltà li jintalbu l-ispejjeż għal infrastrutturi kbar tar-riċerka;

       Perjodu ta’ żmien imqassar għall-għotja (għalhekk żmien imnaqqas għall-kontrolli); u

       Limitu ta’ EUR 8,000 fis-sena għal kull ekwivalenti ta’ ingaġġ full-time għar-“remunerazzjoni addizzjonali”.

    Se jiġu proposti aktar simplifikazzjonijiet għar-regoli u l-proċessi matul il-perjodu tal-Programm Qafas.

    3.Subintestatura 1B) tal-QFP – 'Koeżjoni'

    Fl-2015, il-Qorti abbandunat l-approċċ tagħha li fil-Kapitolu dwar il-“Koeżjoni” tagħti rati ta’ żbalji separati għaż-żewġ DĠ għall-Fondi Strutturali, “Politika Reġjonali u Urbana” (REGIO) u “Impjiegi, Affarijiet Soċjali u Inklużjoni” (EMPL), minflok hija pprovdiet Rata ta’ Żball l-Aktar Probabbli globali ta’ 5.2% għall-qasam tal-“Koeżjoni”. Din tikkumpara mal-istima tad-DĠ għall-Fondi Strutturali ta’ Livell Superjuri tal-Iżball ta’ 5.1% u rata ta’ żbalji validata ta’ 2.9% (ara l-Graff 7).

    Il-korrezzjonijiet futuri stmati rrappurtati mid-DĠ REGIO u EMPL fl-2015 jammontaw għal EUR 1 435 miljun. B’riżultat ta’ din l-istima konservattiva ħafna, l-ogħla valur tal-ammont f’riskju fl-għeluq (EUR 1 267 miljun jew 2.3% tan-nefqa tal-2015 f’dan il-qasam ta’ politika) jista’ jkun stmat aktar milli suppost. Il-livell attwali ta’ korrezzjonijiet futuri se jiġi determinat abbażi tar-riskju attwali identifikat fl-għeluq, sabiex ikun assigurat li r-riskju residwu għal kull programm ikun taħt il-materjalità (2%)

    Graff 7 - Il-livelli stmati ta’ żbalji, min-naħa tal-Kummissjoni u tal-Qorti, għall-Intestatura 1B sħiħa mill-2013 sal-2015*

    * Il-linji li jgħaqqdu l-livelli differenti ta’ żbalji ma għandhomx jitqiesu bħala evoluzzjoni kontinwa, iżda pjuttost jgħinu sabiex jitqabblu aħjar il-meded ta’ żbalji.

    Sors: Ir-Rapporti Annwali tal-Qorti u r-Rapporti Annwali tad-DĠ REGIO u EMPL għas-snin finanzjarji 2013 sa 2015

    3.1.Subintestatura 1B tal-QFP – DĠ “Politika Reġjonali u Urbana” (REGIO) 

    3.1.1.    Livell ta’ żbalji 

    Għall-ġestjoni kondiviża, id-DĠ REGIO fl-2015 sostna li r-rata medja stmata tar-riskju marbuta mal-pagamenti tal-2015 għall-FEŻR u l-Fond ta’ Koeżjoni (perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013) kienet bejn 3 - 5.6% fuq bażi annwali, li hija b’mod ġenerali konsistenti mal-valutazzjoni globali tal-Qorti (ara l-Graff 7 għall-qasam sħiħ ta’ “Koeżjoni”).

    Id-DĠ REGIO jibbaża l-analiżi tiegħu fuq is-sejbiet tal-awditjar proprju tiegħu u d-dejta pprovduta mill-Awtoritajiet nazzjonali tal-Awditjar fir-Rapporti Annwali ta’ Kontroll (fir-rigward tan-nefqa ddikjarata fl-2014, twettqu madwar 7,300 awditu ta’ operazzjonijiet). Sabiex jassiguraw ruħhom mill-affidabbiltà tal-Awtoritajiet tal-Awditjar, l-awdituri tad-DĠ REGIO wettqu 58 missjoni ta’ awditjar. Mill-2009 twettqu aktar minn 300 missjoni ta’ awditjar li koprew 51 Awtorità tal-Awditjar responsabbli għas-sorveljanza ta’ 98.5% tal-Programmi tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali/Fond ta’ Koeżjoni. Barra minn hekk l-awdituri tad-DĠ REGIO jwettqu rieżami komprensiv tad-dokumenti tar-Rapporti Annwali ta’ Kontroll tal-Awtoritajiet tal-Awditjar u Opinjoni tal-Awditjar ikkumplimentat b’missjonijiet ta’ ġbir ta’ informazzjoni meta jkun meħtieġ. Barra minn hekk, id-DĠ REGIO rċieva mingħand l-Awtoritajiet tal-Awditjar tal-Istati Membri 446 rapport dwar l-awditi mwettqa tas-sistemi, li kienu analizzati bir-reqqa mid-DĠ (fl-2013 u fl-2014, id-DĠ REGIO eżamina aktar minn 540 rapport ta’ awditjar tas-sistemi).

    Rigward id-dejta “esterna” pprovduta mill-Istati Membri, id-DĠ REGIO jinnota li 95% tar-rati ta’ żbalji rrappurtati mill-Awtoritajiet tal-Awditjar kienu valutati bħala sors affidabbli ta’ informazzjoni sabiex jiġi kkalkulat ir-riskju għall-pagamenti tal-2015 (ara l-Graff 9). Għall-5% l-oħra, id-DĠ REGIO reġa’ kkalkula r-rata ta’ żbalji pprovduta mill-Awtoritajiet tal-Awditjar jew għamel stima tar-riskju b’rata fissa minħabba li r-rati rrappurtati ta’ żbalji ma kinux meqjusa bħala affidabbli jew li fid-data tal-valutazzjoni kienet inkisbet informazzjoni insuffiċjenti/inkonklussiva tal-awditjar sabiex tippermetti konferma sħiħa tar-rati rrappurtati ta’ żbalji.

    Graff 8 - Il-livelli stmati ta’ żbalji, min-naħa tal-Kummissjoni u tal-Qorti, fil-qasam tal-Politika Reġjonali u Urbana (DĠ REGIO) mill-2012 – 2015*

    * Il-Qorti waqfet tipprovdi stimi speċifiċi tal-livelli ta’ żbalji għad-DĠ REGIO għall-2015. B’mod eċċezzjonali, ġiet inkluża s-sena 2012 sabiex tingħata ħarsa ġenerali aktar sħiħa.

    Il-linji li jgħaqqdu l-livelli differenti ta’ żbalji ma għandhomx jitqiesu bħala evoluzzjoni kontinwa, iżda pjuttost jgħinu sabiex jitqabblu aħjar il-meded ta’ żbalji.

    Sors: Ir-Rapporti Annwali tal-Qorti għas-snin finanzjarji 2012 sa 2014 u r-Rapporti Annwali tal-Attività tad-DĠ REGIO għas-snin finanzjarji 2012 sa 2015.

    Graff 9 – Affidabbiltà tar-rati ta’ żbalji pprovduti mill-Awtoritajiet Nazzjonali tal-Awditjar lid-DĠ REGIO

    3.1.2.Il-kawżi prinċipali tal-iżbalji

    Fl-2015, id-DĠ REGIO identifika l-kawża prinċipali għall-iżbalji għall-perjodu 2007 - 2013 bħala defiċjenzi serji fis-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll relatati ma’ 67 programm fil-Belġju, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Italja, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovakkja, Spanja, ir-Renju Unit u għall-programmi tal-ETC, kif misjuba mill-Awtorità tal-Awditjar tal-programmi u/jew il-Kummissjoni. B’mod partikolari, dawn id-defiċjenzi jirrigwardaw wieħed jew diversi mill-elementi prinċipali li ġejjin:

       Il-verifiki tal-ġestjoni;

       Il-konformità mar-regoli dwar l-akkwist pubbliku, l-għajnuna mill-Istat, il-proġetti li jiġġeneraw dħul u l-eliġibbiltà;

       Il-proċeduri għall-għażla tal-operazzjonijiet;

       Ir-rati għolja ta’ żbalji wara awditu tal-operazzjonijiet;

       L-attivitajiet ta’ ċertifikazzjoni;

       Il-ħidma tal-awditjar (rata ta’ żbalji mhux affidabbli minħabba xogħol mhux komplut, irregolaritajiet fl-akkwist mhux misjuba jew kwantifikati adegwatament għal għadd limitat ta’ Programmi Operazzjonali).

    L-Akkwist Pubbliku, l-għajnuna mill-Istat u l-ineġibbiltà kienu t-tliet sorsi ewlenin ta' żbalji identifikati mill-Qorti matul l-aħħar snin.

    B’mod partikolari minħabba dawn id-defiċjenzi fis-sistemi, ir-rata validata ta’ żbalji hija ogħla minn 5% u/jew ir-riskju residwu kumulattiv ogħla minn 2%. Fost fatturi oħra, id-defiċjenzi fis-sistemi huma dovuti għall-istrutturi kumplessi ta’ ġestjoni f’xi Stati Membri u l-persunal li jinbidel ta’ spiss f’xi awtoritajiet li jwassal għal telf tal-għarfien espert jew allokazzjoni insuffiċjenti ta’ persunal.

    Huma kkawżati wkoll mill-fatt li r-regoli nazzjonali jew reġjonali li jridu jiġu applikati għall-implimentazzjoni tal-programmi jistgħu jkunu aktar esiġenti minn dawk previsti fil-leġislazzjoni nazzjonali għal infiq simili ffinanzjat minn sorsi nazzjonali jew minn dak li jkun meħtieġ għall-konformità mar-regoli tal-UE (magħruf bħala “Gold Plating”).

    Il-verifiki tal-ġestjoni mwettqa mill-Awtoritajiet ta’ Ġestjoni u l-Korpi Intermedjarji tagħhom baqgħu t-tħassib ewlieni fir-rigward tad-dgħufija tas-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll. B’mod partikolari n-natura formali tal-verifiki tal-ġestjoni, il-verifiki insuffiċjenti tal-proċeduri tal-akkwist pubbliku, l-istruttura/organizzazzjoni insuffiċjenti tal-Awtoritajiet ta’ Ġestjoni jew tal-Korpi Intermedjarji u n-nuqqas ta’ taħriġ u superviżjoni fil-każ ta’ delega tar-responsabbiltajiet, huma l-problemi ewlenin. Madankollu, għandu jiġi nnotat li hemm differenza sinifikanti fil-kwalità bejn il-verifiki tal-ġestjoni mwettqa mill-Awtoritajiet ta’ Ġestjoni u l-kontrolli mill-Awtoritajiet tal-Awditjar li huma kkunsidrati bħala affidabbli f’95% tal-każijiet u li l-ħidma tagħhom hija ċentrali għall-kunċett ta’ “Awditu Uniku”.

    It-tipi ta’ żbalji identifikati mid-DĠ REGIO, minħabba dawn id-dgħufijiet fis-sistemi, jaqblu mal-valutazzjoni tal-Qorti fir-Rapport Annwali tagħha għall-2015 (ara l-Graff 10).

    Graff 10 – Il-valutazzjoni, min-naħa tal-Qorti, tal-kawżi prinċipali ta’ żbalji fir-rigward tad-DĠ REGIO 41

    3.1.3.Azzjoni ta’ rimedju meħuda

    Id-DĠ REGIO jeżerċita b’mod rigoruż ir-rwol superviżorju tiegħu billi jassigura li l-Istati Membri jindirizzaw id-dgħufijiet fis-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll tagħhom, billi:

       Jaġġorna l-valutazzjoni tar-riskju tal-awditjar tiegħu b’mod konġunt mad-DĠ EMPL u MARE billi jqis ir-riżultati u l-informazzjoni kumulattiva disponibbli kollha mill-awditjar;

       Jassigura eżami kontinwu tal-kwalità tal-awditi mwettqa mill-Awtoritajiet tal-Awditjar u jimmonitorja l-istatus ta’ “Awditu Uniku” mogħti lill-programmi sa issa; u

       Japplika interruzzjonijiet f’waqthom tal-pagamenti malli jinstabu/jiġu rrappurtati nuqqasijiet sinifikanti u jipproponi lill-Kummissjoni li tiddeċiedi dwar sospensjonijiet tal-pagamenti u l-korrezzjonijiet finanzjarji kull meta jkun meħtieġ, sakemm l-Istati Membri ma jaċċettawx li l-ewwel japplikaw il-korrezzjonijiet finanzjarji neċessarji.

    Barra minn hekk, id-DĠ REGIO se jkompli jimplimenta l-inizjattivi li ġejjin biex itaffi r-riskji u d-dgħufijiet ewlenin li ġew identifikati:

    a)Simplifikazzjoni

    Is-simplifikazzjoni fl-implimentazzjoni tal-fondi tal-UE hija pilastru ewlieni tal-inizjattiva “Baġit tal-UE ffukat fuq ir-Riżultati”. Ir-regolamenti għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014 - 2020 joffru firxa wiesgħa ta’ opportunitajiet għas-simplifikazzjoni u t-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi. Dawn jinkludu sett ta’ regoli komuni għall-Fondi SIE kollha, l-użu estiż tal-Opzjonijiet tal-Ispejjeż Simplifikati, perjodi ta’ żamma iqsar għad-dokumenti għall-benefiċjarji u ċ-ċaqliqa lejn koeżjoni elettronika.

    Il-pakkett ta’ Direttivi dwar l-Akkwist Pubbliku vvotat mill-Parlament Ewropew fil-15 ta’ Jannar 2014 u adottat mill-Kunsill fil-11 ta’ Frar 2014 se jgħin biex jiġu simplifikati aktar ir-regoli għall-atturi kollha.

    Ir-regoli komuni għall-Fondi SIE għall-perjodu 2014 - 2020 ġew simplifikati meta mqabbel ma’ perjodi preċedenti. Huma joffru firxa aktar wiesgħa ta’ opportunitajiet ta’ simplifikazzjoni bħall-opzjonijiet tal-ispejjeż simplifikati, modi simplifikati sabiex jitqiesu proġetti u strumenti finanzjarji li jiġġeneraw id-dħul. Iċ-ċaqliqa lejn koeżjoni elettronika għandha tissimplifika wkoll il-ħajjiet tal-benefiċjarji.

    Id-DĠ REGIO bħalissa qiegħed jivvaluta safejn id-dispożizzjonijiet il-ġodda kkontribwew sabiex jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi għall-benefiċjarji u għas-simplifikazzjoni. Tnedew diversi studji sabiex jikkontribwixxu għall-valutazzjoni tal-adozzjoni tal-miżuri ta’ simplifikazzjoni. Barra minn hekk, ġie stabbilit “Grupp ta’ Livell Għoli dwar is-Simplifikazzjoni” għall-benefiċjarji, u l-għan tiegħu huwa li janalizza l-implimentazzjoni tal-opportunitajiet ta’ simplifikazzjoni fl-Istati Membri u r-reġjuni u jagħmel rakkomandazzjonijiet sabiex titjieb l-adozzjoni tal-miżuri ta’ simplifikazzjoni għall-perjodu 2014 - 2020 u dwar it-triq ’il quddiem għal wara l-2020. Mill-20 ta’ Ottubru 2015, il-Grupp ta’ Livell Għoli kellu diversi laqgħat biex jiddiskuti diversi suġġetti fid-dettall: il-Governanza elettronika, l-Opzjonijiet tal-Ispejjeż Simplifikati, l-aċċess għall-finanzjament tal-UE għall-SMEs u l-Istrumenti Finanzjarji u l-awditi. Huwa diġà adotta l-ewwel konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet tiegħu dwar il-Governanza elettronika u l-Opzjonijiet tal-Ispejjeż Simplifikati.

    Fuq il-bażi ta’ dawn l-ewwel rakkomandazzjonijiet, il-Kummissjoni dan l-aħħar ipproponiet aktar simplifikazzjoni u simplifikazzjoni aktar ambizzjuża fir-regoli li jirregolaw il-Fondi SIE, notevolment ir-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni 42 , b’mod partikolari biex twessa’ b’mod konsiderevoli l-kamp ta’ applikazzjoni tal-opzjonijiet tal-ispejjeż simplifikati u tagħmel l-użu tagħhom obbligatorju għall-operazzjonijiet ta’ anqas minn EUR 100 000. Apparti dan, l-adottar ta' possibbiltà ġdida proposta fir-Regolament Finanzjarju, finanzjament bażat fuq l-issodisfar tal-kundizzjonijiet relatati mal-progress fl-implimentazzjoni, aktar milli bbażat fuq l-ispejjeż tal-operazzjonijiet ikun permess. Il-Kummissjoni pproponiet ukoll anqas rekwiżiti għall-użu tal-Pjanijiet ta' Azzjoni Konġunta, miżuri ta' simplifikazzjoni għal operazzjonijiet li jiġġeneraw id-dħul u proġetti ewlenin, aktar kjarifikazzjoni tar-regoli għall-istrumenti finanzjarji, u numru ta' bidliet oħrajn. Dawn il-proposti jinsabu fir-regolament “Omnibus” adottat mill-Kummissjoni f’Settembru 2016 (ara t-taqsima 3.1 hawn fuq).

    Il-Qorti għamlet rakkomandazzjoni fir-Rapport Annwali tagħha tal-2015 biex tagħmel analiżi ffokata tar-regoli tal-eliġibbiltà nazzjonali għall-perjodu ta' programmar 2014-2020 u l-Kummissjoni tipprevedi li twettaq it-tali analiżi għall-programmi li sistematikament preżentaw livell għoli ta' żbalji u hekk urew ambitu potenzjali għal regoli aktar simplifikati.

    b)Tisħiħ tas-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll

    Matul il-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013, is-servizzi tal-Kummissjoni introduċew azzjonijiet immirati sabiex itejbu l-kapaċità amministrattiva fl-Istati Membri. Dan ikompli taħt il-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020. Minbarra l-azzjonijiet speċifiċi definiti għal kull programm, id-DĠ REGIO qiegħed jimplimenta inizjattivi trasversali sabiex itaffi r-riskji u d-dgħufijiet ewlenin li kienu identifikati. L-azzjonijiet li diġà ġew implimentati jew għaddejjin jinkludu b’mod partikolari:

    Inizjattiva ġenerali dwar il-kapaċità amministrattiva. Fl-2015, l-attività kienet tirrigwarda prinċipalment:

    Skambju ta’ għarfien espert bejn il-pari bejn awtoritajiet li jimmaniġġjaw il-programmi “strument ta’ Assistenza Teknika u Skambju ta' Informazzjoni (TAIEX) REGIO PEER 2 PEER”. Sa Novembru 2016, kienu approvati 109 skambji u minn dawn, ġew implimentati b’feedback pożittiv 70 skambju li kienu jinvolvu 1,142 parteċipant.

    Programm ta’ taħriġ strateġiku għall-Awtoritajiet ta’ Ġestjoni, ta’ Ċertifikazzjoni u tal-Awditjar u għall-Korpi Intermedjarji dwar l-implimentazzjoni tar-Regolamenti 2014 – 2020. Sa issa attendew għall-erba’ moduli differenti ta’ taħriġ xi 540 espert dwar il-programmi u desk officers mill-Istati Membri kollha.

    Qafas ta’ Kompetenza għall-ġestjoni u l-implimentazzjoni effiċjenti tal-FEŻR u l-Fond ta’ Koeżjoni, li għandu l-għan li jappoġġa l-professjonalizzazzjoni ulterjuri tal-ġestjoni tal-fondi.

    Workshops speċifiċi b’kooperazzjoni mal-OLAF fil-15-il Stat Membru l-iżjed affettwati dwar l-implimentazzjoni ta’ miżuri effettivi u proporzjonati kontra l-frodi/kontra l-korruzzjoni sabiex tiżdied is-sensibilizzazzjoni dwar ir-riskji u aċċettazzjoni akbar li huma possibbli miżuri ta’ prevenzjoni. Id-Direttorat ta' Verifika ta' DĠ REGIO ukoll promova b'mod attiv, f'kooperazzjoni mill-qrib ma' DĠ EMPL, l-użu mill-awtoritajiet nazzjonali relevanti ta' "Arachne", għodda preventiva għall-ikklassifikar tar-riskju żviluppata mill-Kummissjoni.

    Patti ta’ Integrità Pilota b’kooperazzjoni ma’ Transparency International. Qed jiġu stabbiliti 17-il Patt ta’ Integrità pilota fi 11-il Stat Membru għal perjodu ta’ erba’ snin mill-2016.

    Dwar l-akkwist pubbliku, ġew stabbiliti pjanijiet ta’ azzjoni ddedikati għat-tisħiħ tal-kapaċità f’dan il-qasam mid-DĠ REGIO f’kooperazzjoni mill-qrib mad-DĠ Suq Intern, Industrija, Intraprenditorija u SMEs, id-DĠ Kompetizzjoni u DĠ oħra għall-Fondi SIE, u l-implimentazzjoni tagħhom kompliet matul l-2015. Il-pjanijiet ta’ azzjoni kienu approvati mill-Kummissjoni u jinkludu:

    f’Ottubru 2015 kienet ippubblikata bil-lingwi kollha tal-UE Gwida dwar l-Akkwist Pubbliku għall-Prattikanti dwar l-evitar tal-iżbalji fi proġetti ffinanzjati minn Fondi SIE; il-gwida se tiġi aġġornata biex tkopri d-Direttivi ġodda dwar l-Akkwist Pubbliku li d-data tal-għeluq għat-traspożizzjoni tagħhom kienet it-18 ta’ April 2016;

    Monitoraġġ tal-pjanijiet ta’ azzjoni dwar il-kondizzjonalità ex ante dwar l-akkwist pubbliku b’fokus fuq dawk l-Istati Membri li għadhom qegħdin jimplimentaw il-pjanijiet ta’ azzjoni tagħhom, inkluż l-għoti ta’ appoġġ individwalizzat lill-Istati Membri li mhumiex qegħdin jissodisfaw il-kondizzjonalità ex ante;

    Ġie disseminat b’mod estensiv studju ta’ rendikont tas-sitwazzjoni dwar l-akkwist pubbliku li jinkludi aktar minn 50 eżempju ta’ prattika tajba fl-akkwist pubbliku madwar l-UE. Huwa jinkludi wkoll 28 profil tal-pajjiż b’rakkomandazzjonijiet konkreti.

    Promozzjoni tat-trasparenza u d-dejta miftuħa dwar l-akkwist pubbliku, fosthom permezz tal-inizjattiva għall-Patti ta’ Integrità pilota msemmija aktar ’il fuq.

    F’Marzu 2015 ġie adottat ukoll pjan ta’ azzjoni dwar l-għajnuna mill-Istat imfassal mid-DĠ REGIO b’kooperazzjoni mill-qrib mad-DĠ Kompetizzjoni. L-għan tiegħu huwa li jżid is-sensibilizzazzjoni u l-fehim dwar is-suġġett, itejjeb il-kooperazzjoni bejn id-diversi atturi involuti fil-monitoraġġ tal-għajnuna mill-Istat fl-Istati Membri, u jipprovdi appoġġ proattiv lill-Istati Membri u r-reġjuni tal-UE fl-applikazzjoni korretta tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. Huwa jinkludi miżuri għal:

    Rieżami tal-prattiċi tajba eżistenti u d-disseminazzjoni tagħhom;

    Programmi ta’ taħriġ strateġiku, inkluż taħriġ espert u speċifiku għall-pajjiż, ippjanat għat-tieni nofs tal-2015 u l-bidu tal-2016;

    Skambji bejn il-Kummissjoni u l-Awtoritajiet tal-Awditjar, għal aktar disseminazzjoni tal-listi ta’ kontroll tal-awditjar adattati għar-reviżjonijiet tal-2014 fil-GBER (Regolament għall-Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa) 43 ;

    Assistenza individwalizzata lill-Istati Membri li ma jkunux qegħdin jissodisfaw il-kondizzjonalità ex ante dwar l-għajnuna mill-Istat biex tgħinhom jimplimentaw il-pjan ta’ azzjoni tagħhom.

    Rigward l-Awtoritajiet tal-Awditjar, hemm fis-seħħ azzjonijiet regolari għall-bini tal-kapaċità amministrattiva (laqgħat tekniċi, diskussjonijiet dwar il-metodoloġija, fora għall-iskambji ta’ prattiċi tajba) sabiex jassiguraw qafas robust ta’ awditjar konġunt. Il-gwida għall-Istati Membri tiġi kontinwament imtejba u diskussa mal-Awtoritajiet tal-Awditjar f’laqgħat tekniċi.

    Is-suġġetti prinċipali ttrattati fil-laqgħat, il-workshops jew l-azzjonijiet immirati dedikati huma l-ġlieda kontra l-frodi/korruzzjoni, il-metodoloġija tal-awditjar għall-akkwist pubbliku jew l-għajnuna mill-Istat, it-tekniki rakkomandati ta’ kampjunar statistiku għal riżultati konklużivi u affidabbli tal-awditjar u l-implimentazzjoni effettiva tal-elementi regolatorji ġodda 2014 - 2020 (bħall-awditjar tal-indikaturi tal-prestazzjoni jew il-koeżjoni elettronika).

    F’dawn l-aħħar snin, id-DĠ REGIO eżamina l-ħidma tal-aktar Awtoritajiet tal-Awditjar importanti li jkopru aktar minn 98% tal-allokazzjonijiet tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u tal-Fond ta’ Koeżjoni permezz ta’ awditi fuq il-post, inkluż it-twettiq mill-ġdid tal-awditi tal-operazzjonijiet sabiex jivvaluta l-konklużjonijiet tal-awditjar magħmula mill-Awtoritajiet tal-Awditjar. Huwa qiegħed jimmonitorja kontinwament is-sitwazzjoni fejn ingħata status ta’ “Awditu Uniku”. It-twettiq mill-ġdid fuq il-post, ta’ awditi li jinkludu l-benefiċjarji, assoċjat mal-ħruġ ta’ parir kontinwu, linji gwida dwar l-awditjar u għodod metodoloġiċi mis-servizzi tal-Kummissjoni, ippermetta bini komprensiv tal-kapaċità għall-Awtoritajiet tal-Awditjar mill-2009. B’riżultat ta’ dan, il-biċċa l-kbira tal-Awtoritajiet tal-Awditjar issa huma tal-istandard mistenni u jipprovdu lid-DĠ REGIO riżultati affidabbli tal-awditjar, kif muri fl-2015 (ara l-Graff 9).

    Id-DĠ REGIO segwa l-organizzazzjoni ta’ fora għal skambji dwar kwistjonijiet relatati mal-awditjar u azzjonijiet ta’ bini tal-kapaċità għall-benefiċċju tal-Awtoritajiet kollha tal-Awditjar permezz ta’ taħriġ immirat meta mitlub, dwar kwistjonijiet bħall-awditjar tal-akkwist pubbliku jew l-għajnuna mill-Istat, irrakkomanda tekniki ta’ kampjunar għal riżultati konklużivi u affidabbli tal-awditjar u sabiex tkun assigurata implimentazzjoni tajba tal-elementi ġodda għall-perjodu 2014 - 2020 bħall-awditjar tal-indikaturi tal-prestazzjoni u l-koeżjoni elettronika. Se jingħata feedback kontinwu lill-Awtoritajiet tal-Awditjar ibbażat fuq il-valutazzjoni tar-riżultati tal-awditi tagħhom tal-2015 għal fehim aħjar tad-dgħufijiet ewlenin li ġew identifikati u disseminazzjoni tal-prattiċi tajba fi ħdan il-komunità tal-awditjar.

    DĠ REGIO diġà introduċa fil-proċeduri ta' verifika tiegħu l-identifikazzjoni tal-prattiki ta' gold-plating u inkoraġġixxa lill-awtoritajiet ta' verifika biex jagħmlu l-istess. Barra minn hekk huwa se jimplimenta r-rakkomandazzjoni tal-Qorti fir-Rapport Annwali tal-2015 biex iwettaq analiżi ffokata tar-regoli nazzjonali tal-eliġibbiltà għall-perjodu ta' programmar 2014-2020.

    c)Qafas Legali 2014 – 2020: Dispożizzjonijiet imsaħħa dwar il-kontroll u l-akkontabilità

    Il-qafas ta’ assigurazzjoni għall-politika ta’ Koeżjoni fil-perjodu 2014-2020 ġie rivedut b’mod sostanzjali u jindirizza d-dgħufijiet mill-qafas regolatorju preċedenti fejn il-livell ta’ assigurazzjoni seta’ jvarja skont l-istadju taċ-ċiklu ta’ ġestjoni u kontroll.

    L-arkitettura riveduta tal-kontroll ġiet imsaħħa bis-saħħa tal-elementi ġodda li kienu introdotti, jiġifieri:

       Perjodu kontabilistiku ta’ tnax-il xahar mill-1 ta’ Lulju tas-sena n-1 sat-30 ta’ Ġunju tas-sena n;

       Iż-żamma ta’ 10% minn kull pagament interim b’rabta man-nefqa tas-sena kontabilistika, sabiex jiġi protett il-baġit tal-UE sakemm isir ix-xogħol kollu ta’ kontroll u verifika nazzjonali u jiġu ppreżentati l-kontijiet relatati;

       Is-sottomissjoni, għal kull programm, tal-kontijiet iċċertifikati għan-nefqa ddikjarata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-perjodu kontabilistiku, kif ukoll dokumenti ta’ akkumpanjament li jagħtu assigurazzjoni tal-preċiżjoni tal-kontijiet, il-funzjonament effettiv tas-sistema u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet sottostanti (Dikjarazzjoni ta’ Ġestjoni, sommarju annwali tal-kontrolli u l-awditi, Opinjoni tal-Awditjar ibbażata fuq ir-Rati ta’ Żbalji Residwi wara li jkunu tqiesu l-korrezzjonijiet kollha fuq livell nazzjonali u r-rapporti ta’ kontroll), sal-15 ta’ Frar tas-sena n+1;

       Il-pagament jew l-irkupru tal-bilanċ annwali dovut, wara l-aċċettazzjoni tal-kontijiet mill-Kummissjoni sal-31 ta’ Mejju tas-sena n+1; il-kontijiet għandhom jirriflettu l-korrezzjonijiet finanzjarji mwettqa sabiex ir-riskju residwu annwali jitniżżel taħt il-livell limitu ta’ materjalità ta’ 2% għal kull programm kull sena;

       L-applikazzjoni obbligatorja ta’ korrezzjonijiet finanzjarji netti fejn il-Kummissjoni (jew il-Qorti) tkun għadha qiegħda ssib irregolaritajiet li juru defiċjenzi serji fis-sistemi, sakemm ma jkunux diġà ġew identifikati jew korretti mill-awtoritajiet nazzjonali.

    L-aċċettazzjoni tal-kontijiet mill-Kummissjoni hija proċess wieħed ġdid, separat mill-valutazzjoni tal-legalità u r-regolarità kif prevista fir-regolament (l-Artikolu 139, ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni). Il-Kummissjoni trid taċċetta l-kontijiet sal-31 ta’ Mejju kull sena abbażi tal-Opinjoni tal-Awditjar ipprovduta mill-Awtoritajiet tal-Awditjar, jew tinforma lill-Istat Membru mod ieħor. Meta l-kontijiet jiġu aċċettati, il-Kummissjoni trid tikkalkula, imbagħad tħallas jew tirkupra l-bilanċ għas-sena, billi tqis il-livell ta’ nefqa ċċertifikat fil-kontijiet u kkonfermat mill-opinjoni tal-awditjar, il-pagament bil-quddiem ta’ kull sena u l-pagamenti interim isiru biż-żamma ta’ 10%.

    Madankollu, il-biċċa l-kbira tan-nefqa fil-kontijiet tal-programmi ma għandu jkun baqgħalha l-ebda livell materjali ta’ irregolaritajiet. Jekk dan ma jkunx il-każ (jew kif irrappurtat mill-Awtorità tal-Awditjar jew kif identifikat mill-awditi tal-UE), il-Kummissjoni tista’ tinterrompi l-pagament tal-bilanċ u tniedi immedjatament proċeduri ta’ korrezzjoni finanzjarja. Dawn il-korrezzjonijiet se jkunu netti jekk l-Istat Membru ma jaċċettax il-korrezzjonijiet (bħall-perjodu 2007 - 2013) jew jekk jindikaw defiċjenzi serji mhux misjuba/korretti jew irrappurtati qabel mill-Istat Membru (ġdida għall-perjodu 2014 - 2020).

    Il-proċess ta’ assigurazzjoni msaħħa għall-perjodu 2014 - 2020 se jkompli jqis il-kunċett ta’ “Awditu Uniku” li bih il-Kummissjoni tista’ tibbaża prinċipalment fuq il-kontrolli preċedenti mwettqa mill-Awtoritajiet tal-Awditjar, wara li tkun ivverifikat l-affidabbiltà tar-riżultati tal-awditi tagħhom. Fir-Regolament huma offruti possibbiltajiet addizzjonali għall-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ “Awditu Uniku” (l-Artikolu 148, ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni). Fl-istadju finali, l-awditi tal-konformità tal-Kummissjoni u l-applikazzjoni konsegwenti tal-korrezzjonijiet finanzjarji netti, fejn ikunu meħtieġa, għandhom jippermettu li tiġi pprovduta assigurazzjoni li l-livell residwu ta’ żbalji – wara li jiġu applikati l-korrezzjonijiet kollha – ikun anqas minn 2% għal kull programm, sena wara sena.

    Il-kondizzjonalitajiet ex ante huma element ewlieni tar-riforma tal-Fondi SIE: Huma għandhom l-għan li jassiguraw li jkun hemm fis-seħħ oqfsa regolatorji u politiċi adegwati u li jkun hemm kapaċità amministrattiva suffiċjenti qabel ma jsiru l-investimenti, u b’hekk itejbu l-effettività u l-effiċjenza tal-investiment appoġġat mill-Fondi SIE kif ukoll ta’ investimenti pubbliċi u privati oħra. Huma prekundizzjonijiet sabiex ikun assigurat li l-investimenti kofinanzjati jkunu effettivi u effiċjenti fi ħdan strateġiji koerenti u maħsuba tajjeb.

    Il-kondizzjonalitajiet ex ante jkopru wkoll kwistjonijiet ta’ kapaċità amministrattiva, akkwist pubbliku u għajnuna mill-Istat, il-kawżi prinċipali ta’ żbalji għall-politika ta’ “Koeżjoni”.

    Meta l-Istati Membri ma kkonformawx mal-kondizzjonalitajiet ex ante fil-mument tal-adozzjoni tal-programm, ġew maqbula pjanijiet ta’ azzjoni mal-Kummissjoni. Id-DĠ REGIO jimmonitorja bir-reqqa s-sitwazzjoni u jipprovdi għajnuna lill-Istati Membri fit-twettiq tal-pjanijiet ta’ azzjoni tagħhom.

    3.2Subintestatura 1B) tal-QFP – DĠ “Impjiegi, Affarijiet soċjali u Inklużjoni” (EMPL) 

    3.2.1.Livell ta’ żbalji

    Ir-rata medja ta’ żbalji kkalkulata mid-DĠ EMPL għall-2015 tvarja minn 3.0 - 3.6%, li b’mod ġenerali taqbel mal-valutazzjoni ġenerali tal-Qorti (ara l-Graff 7 relatata mal-qasam sħiħ tal-“Koeżjoni”). Minn mindu d-DĠ EMPL beda jistma r-rata ta’ żbalji proprja tiegħu fl-2011, l-istimi tiegħu kienu allinjati mill-qrib ħafna ma’ dawk tal-Qorti (jiġifieri: il-Livell Minimu ta’ Żbalji stmat mid-DĠ EMPL u l-Iżbalji l-Aktar Probabbli stmati mill-Qorti għall-perjodu mill-2011 sal-2014, kienu kif ġej: 2011: 2.0 vs 2.2%; 2012: 2.3 vs 3.2%; 2013: 2.6 vs 3.1% u 2014: 2.8 vs 3.7%, rispettivament, li juri s-solidità tal-metodoloġija ta’ assigurazzjoni tad-DĠ EMPL.

    Bħad-DĠ REGIO, id-DĠ EMPL ibbaża l-istima tiegħu fuq il-ħidma ta’ awditjar proprja tiegħu (51 missjoni ta’ awditjar fl-2015, li koprew 89 Awtorità tal-Awditjar minn 92, responsabbli għas-sorveljanza ta’ 115 minn 118-il Programm Operazzjonali) u d-dejta pprovduta mill-Awtoritajiet nazzjonali tal-Awditjar li fl-2015 wettqu 5 114-il awditu ta’ operazzjonijiet. Id-Direttorat għall-Awditi tad-DĠ EMPL eżamina bir-reqqa l-kalkoli magħmula mill-Awtoritajiet tal-Awditjar sabiex jassigura l-konsistenza mal-gwida u d-disponibbiltà ta’ ċifri konsolidati rappreżentattivi. Id-dejta tqieset bħala affidabbli f’95% tal-każijiet (ara l-Graff 12).


    3.2.1.

    Graff 11 – Il-livelli stmati ta’ żbalji, min-naħa tal-Kummissjoni u tal-Qorti, fil-qasam tal-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (DĠ EMPL) mill-2012 – 2015*

    * Il-Qorti waqfet tipprovdi stimi speċifiċi tal-livelli ta’ żbalji għad-DĠ EMPL fl-2015. B’mod eċċezzjonali, ġiet inkluża s-sena 2012 sabiex tingħata ħarsa ġenerali aktar sħiħa.

    Il-linji li jgħaqqdu l-livelli differenti ta’ żbalji ma għandhomx jitqiesu bħala evoluzzjoni kontinwa, iżda pjuttost jgħinu sabiex jitqabblu aħjar il-meded ta’ żbalji.

    Sors: Ir-Rapporti Annwali tal-Qorti għas-snin finanzjarji 2012 sa 2014 u r-Rapporti Annwali tal-Attività tad-DĠ EMPL għas-snin finanzjarji 2012 sa 2015.

    Graff 12 – Affidabbiltà tar-rati ta’ żbalji ppreżentati mill-Awtoritajiet nazzjonali tal-Awditjar lid-DĠ EMPL

    3.2.2.Il-kawżi prinċipali tal-iżbalji

    Bħad-DĠ REGIO, id-DĠ EMPL ikkonkluda li l-kawżi prinċipali tal-iżbalji kienu l-kumplessità tal-qafas legali fil-qasam tal-“Koeżjoni” u d-dgħufijiet fis-sistemi nazzjonali ta’ ġestjoni u ta' kontroll. Fl-2015, id-DĠ EMPL esprima riżerva rigward is-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll għal 23 Programm Operazzjonali speċifiku tal-FSE fil-Belġju, il-Kroazja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Italja, ir-Rumanija, is-Slovakkja, Spanja u r-Renju Unit għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2007 – 2013.

    Barra minn hekk, id-DĠ EMPL wettaq awditu tematiku speċifiku dwar il-verifiki tal-ġestjoni mill-awtoritajiet tal-Istati Membri. L-għan ġenerali ta’ dan l-awditu tematiku kien li jevalwa safejn is-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll konnessi mal-proċess ta’ verifika kienu jiffunzjonaw b’mod effettiv sabiex jipprevjenu, jew isibu u jikkoreġu żbalji u irregolaritajiet, u biex jikseb assigurazzjoni tal-legalità u r-regolarità tan-nefqa ddikjarata lill-Kummissjoni.

    Ir-riżultati ewlenin ta’ dan l-awditu kienu:

       F’diversi każijiet, l-awdituri tad-DĠ EMPL sabu li l-verifiki tal-ġestjoni twettqu fuq bażi sempliċement formali u b’hekk apparentement kienu rrispettati r-rekwiżiti legali, iżda kienu neqsin mill-ħarsa kritika dwar in-nefqa ddikjarata;

       Il-verifiki tal-ġestjoni ta’ proġetti li jimplimentaw (parti minn) l-attivitajiet tagħhom permezz ta’ akkwist pubbliku għandhom jiġu msaħħa. F’ħafna każijiet, ma kienx identifikat ksur fil-proċeduri ta’ akkwist mill-verifiki tal-ġestjoni, għalkemm twettqu kontrolli fuq il-post mill-Awtoritajiet ta’ Ġestjoni jew il-Korpi Intermedjarji tagħhom;

       L-għażla u l-approvazzjoni tal-proġetti ħafna drabi kienu nieqsa minn valutazzjoni kritika tal-kapaċità maniġerjali tal-Awtoritajiet ta’ Ġestjoni/Korpi Intermedjarji. Spiss, għadd importanti ta’ proġetti (ta’ valur żgħir) kienu approvati mingħajr ma tqiesu l-implikazzjonijiet tal-gwida u t-taħriġ meħtieġa għall-benefiċjarji, il-kost tal-verifiki li jridu jitwettqu mill-Awtoritajiet ta’ Ġestjoni/Korpi Intermedjarji, l-attività ta’ ġestjoni tar-riskju meħtieġa sabiex jiġu identifikati proġetti ta’ riskju għoli u l-valur miżjud jew l-impatt fuq is-suq tax-xogħol li jista’ jkollhom dawn l-elementi ta’ valur żgħir;

       Ħafna Awtoritajiet ta’ Ġestjoni kienu jiddependu fuq il-Korpi Intermedjarji tagħhom biex iwettqu l-verifiki tal-ġestjoni. Dawn il-Korpi Intermedjarji ħafna drabi kellhom aktar esperjenza u esperjenza aħjar biex jittrattaw il-naħa operattiva tas-suġġett u għalhekk id-deċiżjoni tal-Awtorità ta’ Ġestjoni li talloka r-responsabbiltà lil dawn il-Korpi Intermedjarji ħafna drabi kienet ġustifikata. Kien osservat, madankollu, li dawn il-Korpi Intermedjarji ħadu ftit li xejn taħriġ dwar il-lat amministrattiv tal-proċess u għalhekk, il-kompetenza u l-kapaċità li jwettqu verifiki effettivi tal-ġestjoni ħafna drabi kienu neqsin; u

       Kien hemm sitwazzjonijiet fejn il-verifiki tal-ġestjoni twettqu wara li n-nefqa kienet ġiet iċċertifikata lill-Kummissjoni. F’ħafna okkażjonijiet, din is-sitwazzjoni kienet provokata minn nuqqas ta’ riżorsi jew mill-pressjoni sabiex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tar-regoli tad-diżimpenn.

    It-tipi ta’ żbalji misjuba mid-DĠ EMPL, minħabba dawn id-dgħufijiet fis-sistemi, jaqblu mal-kawżi prinċipali tal-iżbalji identifikati mill-Qorti fir-Rapport Annwali tagħha tal-2015.

    Graff 13 - Il-valutazzjoni, min-naħa tal-Qorti, tal-kawżi prinċipali ta’ żbalji fir-rigward tad-DĠ EMPL 44

    3.2.3.Azzjoni ta’ rimedju meħuda

    Id-DĠ EMPL jeżerċita b’mod rigoruż ir-rwol superviżorju tiegħu billi jassigura li l-Istati Membri jindirizzaw id-dgħufijiet fis-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll tagħhom, billi:

       Jaġġorna l-valutazzjoni tar-riskju tal-awditjar tiegħu b’mod konġunt mad-DĠ REGIO u MARE billi jqis ir-riżultati u l-informazzjoni kumulattivI disponibbli kollha mill-awditjar;

       Jeżamina kontinwament il-kwalità tal-awditi mwettqa mill-Awtoritajiet tal-Awditjar; u

       Jimplimenta politika stretta ta’ twaqqif tal-pagamenti, sospensjoni tal-programmi operazzjonali u korrezzjonijiet finanzjarji kull meta jiġu identifikati nuqqasijiet serji, sakemm l-Istati Membri ma jaqblux li l-ewwel japplikaw l-pjan ta’ azzjoni u l-korrezzjonijiet finanzjarji meħtieġa.

    Barra minn hekk, id-DĠ EMPL se jkompli jimplimenta l-inizjattivi li ġejjin biex itaffi r-riskji u d-dgħufijiet ewlenin li ġew identifikati:

    a)Simplifikazzjoni

    Kif spjegat hawn fuq, il-Qorti indikat li l-ksur tar-regoli dwar l-eliġibbiltà tan-nefqa kien is-sors ewlieni ta’ żbalji għall-FSE. Dan huwa parzjalment dovut għall-obbligu tal-benefiċjarji li jkunu kapaċi jipprovdu evidenza dokumentarja sabiex jiġġustifikaw l-ispejjeż kollha imġarrba li huma jitolbu għar-rimborż. Alternattiva għal din is-sistema tradizzjonali bbażata fuq ir-rimborż tal-ispejjeż reali hija l-użu ta’ dawk li huma magħrufa bħala Opzjonijiet tal-Ispejjeż Simplifikati. L-Opzjonijiet tal-Ispejjeż Simplifikati jirrappreżentaw mod kif jiġu stabbiliti l-ispejjeż eliġibbli mhux abbażi ta’ dak li jkun fil-fatt intefaq (u li mbagħad ikun irid jiġi appoġġat b’evidenza dokumentarja), iżda abbażi ta’ ammonti predefiniti. Billi jagħmluha aktar faċli biex tiġi ġustifikata n-nefqa, l-Opzjonijiet tal-Ispejjeż Simplifikati mhux biss inaqqsu l-burokrazija, iżda wkoll ir-riskju li jsiru żbalji. Dan intwera mill-Qorti għal erba’ snin konsekuttivi, fejn ma sabitx żbalji kwantifikabbli meta eżaminat it-tranżazzjonijiet taħt l-Opzjonijiet tal-Ispejjeż Simplifikati fil-kampjun tagħha tal-FSE. Dan wassal lill-Qorti biex tikkonkludi li l-Opzjonijiet tal-Ispejjeż Simplifikati huma anqas suxxettibbli għall-iżbalji mill-ispejjeż reali.

    L-Opzjonijiet tal-Ispejjeż Simplifikati għandhom il-vantaġġ ukoll li jiffukaw il-finanzjament fuq l-outputs jew ir-riżultati miksuba, pjuttost milli fuq dak li ntefaq, kif isir bis-sistema tal-ispejjeż reali. Dan huwa konformi mal-objettiv tal-Kummissjoni li tagħmel l-implimentazzjoni tal-baġit tagħha iżjed orjentata lejn ir-riżultati u li timmassimizza l-impatt tal-flus minfuqa.

    L-għan tal-qafas regolatorju 2014 - 2020 huwa li jagħmel l-Opzjonijiet tal-Ispejjeż Simplifikati preċedenti applikabbli għall-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE) kollha. Barra minn hekk, l-opzjonijiet offruti ġew imwessgħa sabiex jindirizzaw xi wħud mil-limitazzjonijiet identifikati fil-perjodu ta’ programmazzjoni preċedenti.

    L-Opzjonijiet tal-Ispejjeż Simplifikati li jeżistu f’oqfsa għajr il-Fondi SIE jistgħu jerġgħu jintużaw, soġġetti għal xi kundizzjonijiet:

       Eżempju wieħed huwa l-Artikolu 67(5)(b) tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni li jippermetti li Opzjonijiet tal-Ispejjeż Simplifikati użati f’politika oħra tal-Unjoni jiġu applikati għal tipi simili ta’ operazzjonijiet u benefiċjarji fil-FSE. B’mod partikolari, dan jista’ jippermetti li metodi definiti f’Erasmus + jiġu applikati faċilment għal operazzjonijiet simili ffinanzjati mill-FSE.

       Bl-istess mod, l-Artikolu 67(5)(c) tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni jippermetti li Opzjonijiet tal-Ispejjeż Simplifikati applikati taħt skema ffinanzjata kompletament mill-Istat Membru jintużaw fl-FSE għal tipi simili ta’ operazzjonijiet u benefiċjarji.

    Dawn iż-żewġ metodi addizzjonali jippreżentaw opportunità kbira sabiex wieħed jikkapitalizza fuq is-simplifikazzjonijiet eżistenti: huma direttament applikabbli għal operazzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE) (bil-kundizzjoni li jkun għal tip simili ta’ operazzjoni u benefiċjarju u li l-iskema tkun għadha fis-seħħ) u l-valur tal-Opzjoni tal-Ispejjeż Simplifikati ma jkollux għalfejn jiġi awditjat, li jnaqqas il-kamp ta’ applikazzjoni u l-ispiża tal-kontroll potenzjali. Dawn iż-żewġ metodi jistgħu jiġu applikati bla sforzi mill-Istati Membri u għandhom riskju żgħir ħafna ta’ żbalji.

    Fl-aħħar nett, għall-iżgħar operazzjonijiet tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE) (anqas minn EUR 100,000 ta’ appoġġ pubbliku), jista’ jintuża abbozz ta’ baġit biex tiġi definita Opzjoni tal-Ispejjeż Simplifikati. Dan il-metodu ġie introdott biex jaħseb għall-obbligu tal-proġetti tal-FSE ta’ anqas minn EUR 50,000 ta’ appoġġ pubbliku li jużaw tip wieħed ta’ Opzjoni tal-Ispejjeż Simplifikati sabiex ikopru tal-anqas parti min-nefqa tagħhom (ħlief jekk isiru kompletament b’akkwist pubbliku jew taħt skema ta’ għajnuna mill-Istat).

    Il-bażi ġuridika ġdida tal-FSE (l-Artikolu 14 tar-Regolament dwar il-FSE) jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni tadotta skali standard ta’ kostijiet unitarji u somom f’daqqa. Dan jipprovdi ċertezza legali rigward il-metodu ta’ kalkolazzjoni għall-Opzjonijiet tal-Ispejjeż Simplifikati u jindirizza wieħed mill-ostakoli ewlenin identifikati mill-Istati Membri, jiġifieri l-biża’ tagħhom li l-metodoloġija għall-kalkolu tal-kost unitarju jew tas-somma f’daqqa tista’ tiġi kontestata mill-awdituri (nazzjonali jew tal-UE), li jwassal għal żball sistemiku. Il-validazzjoni ex ante tal-metodoloġija mill-Kummissjoni tassigura u tivvalida l-ħidma li ssir mill-Istati Membri.

    Billi l-Istati Membri jkunu jistgħu jitolbu finanzjament tal-UE abbażi ta’ Opzjonijiet tal-Ispejjeż Simplifikati, filwaqt li japplikaw sistema (nazzjonali) differenti għar-rimborż tal-benefiċjarji, il-bażi ġuridika ġdida tiftaħ ukoll il-possibbiltà tal-użu tal-Opzjonijiet tal-Ispejjeż Simplifikati mill-Istati Membri fejn, f’ċirkustanzi normali, ir-regoli nazzjonali ma jippermettux dawn il-metodi.

    Minħabba l-impatt pożittiv u d-diversi vantaġġi tal-Opzjonijiet tal-Ispejjeż Simplifikati u b’kont meħud tal-opportunitajiet ġodda introdotti mill-qafas legali 2014 - 2020, il-Kummissjoni stabbiliet mira politika ambizzjuża li sal-2017, 50% tan-nefqa tal-FSE tiġi implimentata permezz ta’ Opzjonijiet tal-Ispejjeż Simplifikati. Ir-rapport ta’ ħarsa ġenerali ppreżentat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fl-2015 wera li l-livell ippjanat ta’ implimentazzjoni tal-Opzjonijiet tal-Ispejjeż Simplifikati mill-Istati Membri fil-FSE għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014 - 2020 kien stmat għal madwar 35%, li huwa konsiderevolment ogħla mis-7% stmat għall-perjodu 2007-2013, iżda għadu mhux biżżejjed. Id-DĠ EMPL se jkompli jippromwovi l-użu tagħhom u jinkoraġġixxi lill-Istati Membri sabiex iżidu aktar l-adozzjoni tagħhom sabiex tintlaħaq il-mira ta’ 50%.

    Il-mira hija impetu sabiex jiżdied bil-kbir l-użu tal-Opzjonijiet tal-Ispejjeż Simplifikati sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv u r-riskju ta’ żbalji filwaqt li tiżdied il-konċentrazzjoni fuq ir-riżultati. Dan jinkoraġġixxi lill-partijiet kollha – il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-benefiċjarji, biex jimmassimizzaw l-isforzi tagħhom ħalli jgawdu mill-potenzjal tal-Opzjonijiet tal-Ispejjeż Simplifikati. Iżda dan ma għandux jitqies bħala tmiem fih innifsu.

    Bil-għan li tikseb aktar simplifikazzjoni, il-Kummissjoni introduċiet il-kunċett ta’ “Pjan ta’ Azzjoni Konġunt” (JAP).

    Il-JAP huwa mod kompletament ġdid u potenzjalment estensiv kif jiġu implimentati l-fondi SIE. JAP huwa operazzjoni li tiġi ġestita kompletament abbażi tal-outputs u r-riżultati li jridu jinkisbu. Huwa jista’:

       Jikkonsisti minn proġett wieħed jew grupp ta’ proġetti;

       Jirċievi appoġġ minn assi prijoritarju wieħed jew aktar ta’ programm wieħed jew aktar; u

       Ikun appoġġat minn strument wieħed jew aktar bħall-Fond Soċjali Ewropew, l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (YEI), il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u/jew il-Fond ta’ Koeżjoni.

    Il-proġetti għandhom jipproduċu l-outputs u r-riżultati neċessarji sabiex jintlaħaq l-għan tal-Pjan ta’ Azzjoni Konġunt. Il-pagamenti se jieħdu l-forma biss ta’ kostijiet unitarji u/jew somom f’daqqa marbutin mal-outputs u r-riżultati ta’ kull proġett.

    Billi tibni fuq din is-simplifikazzjoni l-Kummissjoni proponiet aktar titjib fil-kuntest tar-reviżjoni Omnibus (ara taqsima 3.1 hawn fuq). F'xi każijiet dispożizzjonijiet eżistenti taħt ir-Regolament FSE issa huma aġġornati u estiżi għal Fondi SEI oħra (użu obbligatorju tal-għażliet tal-ispejjeż simplifikati f'ċerti każijiet, rati fissi għal ċerti kostijiet tal-persunal). Il-proposti għar-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni (tneħħija ta' limitu massimu għall-użu ta' somom f'daqqa, anqas rekwiżiti għall-użu tal-JAP, possibbiltà ġdida għall-ħlasijiet bażati fuq kundizzjonijiet, taqsima 3.1.3(a) hawn fuq) huma kumplimentati minn bidliet korrispondenti fir-Regolament FSE u l-miżuri li jestendu l-użu ta' għażliet ta' spejjeż simplifikati taħt ir-Regolament dwar il-Fond għall-Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn.

    b)Tisħiħ tas-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll

    Id-DĠ EMPL se jibqa’ jaddatta u jirrevedi l-proċeduri u l-gwida tiegħu dwar il-ġestjoni kondiviża sabiex jassigura l-funzjonament tajjeb tas-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll fl-Istati Membri matul il-perjodu ta’ programmazzjoni preżenti (ara wkoll is-sezzjoni 3.1.3b) tad-DĠ REGIO).

    c)Qafas Legali 2014 – 2020: Dispożizzjonijiet imsaħħa dwar il-kontroll u l-akkontabilità

    Id-DĠ EMPL se jibbenefika mill-istess titjib magħmul fil-qafas legali għall-qasam tal-Koeżjoni għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014 - 2020 bħad-DĠ REGIO (ara s-sezzjoni 3.1.3 c), sabiex jissaħħu s-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll.

    4.Intestatura 2 tal-QFP – Riżorsi Naturali

    Il-Politika Agrikola Komuni (PAK) hija implimentata permezz ta’ żewġ Fondi (Pilastri): il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG, Pilastru I) jikkonsisti mill-miżuri ta’ appoġġ għas-suq u pagamenti diretti (FAEG); il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR, Pilastru II) jiffinanzja miżuri ta’ Żvilupp Rurali.

    Il-PAK topera taħt ġestjoni kondiviża b’aktar minn 8 miljun benefiċjarju madwar l-UE u d-Direttorat Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (DĠ AGRI) jaħdem mill-qrib mal-Istati Membri sabiex jassigura li l-fondi jitħallsu f’konformità mal-leġislazzjoni tal-UE.

    44.1.Livelli ta’ żbalji

    Fil-qafas tar-Rapporti Annwali tal-Attività tiegħu, id-DĠ AGRI jeżamina l-informazzjoni ppreżentata mill-Istati Membri dwar ir-riżultati tal-kontrolli mwettqa mill-Aġenziji tal-Pagamenti. Wara li jqisu l-opinjonijiet tal-Korpi taċ-Ċertifikazzjoni, l-awditi ex post mid-DĠ AGRI nnifsu (id-DĠ AGRI jwettaq madwar 140 missjoni ta’ awditjar kull sena) u s-sejbiet tal-Qorti, l-awdituri tad-DĠ AGRI jużaw il-ġudizzju professjonali tagħhom sabiex jistmaw l-ammonti u jikkalkulaw ir-rati ta’ żbalji aġġustati b’mod konservattiv għan-nefqa għal kull attività ta’ Bbaġitjar Ibbażat fuq l-Attività (ABB) għal kull Aġenzija tal-Pagamenti.

    It-Tabella 3 turi r-rati ta’ żbalji aġġustati tal-PAK, kif żvelati fir-Rapporti Annwali tal-Attività tad-DĠ AGRI u r-rati ta’ żbalji ppreżentati fir-Rapporti Annwali tal-Qorti għan-nefqa relatata mal-agrikoltura 45 .

    Tabella 3 – Il-livelli stmati ta’ żbalji, mill-Kummissjoni u l-Qorti, fil-qasam tal-Agrikoltura/ Riżorsi Naturali mill-2013 – 2015

    2013

    2014

    2015

    DĠ AGRI

    Il-Qorti 46

    DĠ AGRI

    Il-Qorti 47

    DĠ AGRI

    Il-Qorti

    FAEG

    2.70%

    3.6%

    2.61%

    2.2%

    1.47%

    2.2%

    FAEŻR

    5.19%

    6.7%

    5.09%

    6.0%

    4.99% 48

    5.3%

    PAK TOTALI

    3.26%

    M/A 49

    3.10%

    3.0%

    2.02%

    2.9%

    Tqabbil bejn il-livelli ta’ żbalji ppreżentati mill-Kummissjoni fir-Rapporti Annwali tal-Attività tagħha u mill-Qorti fir-Rapporti Annwali tagħha, juri li l-istituzzjonijiet it-tnejn waslu għal konklużjonijiet simili (ara l-Graffs 14 - 15).

    Graff 14 – Il-livelli stmati ta’ żbalji, mill-Kummissjoni u l-Qorti, fil-qasam tar-Riżorsi Naturali mill-2014 – 2015*

    *Mill-2014, il-Qorti tal-Awdituri waqfet tipprovdi meded ta’ żbalji għal kull fond. Minflok, hija ppreżentat meded ta’ żbalji għall-qasam ta’ politika sħiħ tar-“Riżorsi Naturali”.

    Il-linji li jgħaqqdu l-livelli differenti ta’ żbalji ma għandhomx jitqiesu bħala evoluzzjoni kontinwa, iżda pjuttost jgħinu sabiex jitqabblu aħjar il-meded ta’ żbalji.

    Sors: Ir-Rapporti Annwali tal-Qorti għas-snin finanzjarji 2014 u 2015 u r-Rapporti Annwali tal-Attività tad-DĠ AGRI għas-snin finanzjarji 2013 sa 2015.

    Għall-PAK sħiħa, ir-rata ta’ żbalji aġġustata ta’ 2.02% hija kważi konformi mal-livell limitu ta' materjalità.

    Graff 15 – Ir-rati stmati ta’ żbalji, mill-Kummissjoni u l-Qorti, għal kull fond (il-“Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija” (FAEG) u l-“Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali” (FAEŻR)) mill-2013 – 2015*

    *Sorsi: Ir-Rapporti Annwali tal-Qorti u r-Rapporti Annwali tal-Attività tad-DĠ AGRI għas-snin finanzjarji 2013 sa 2015.

    Matul dawn l-aħħar snin, il-livell ta’ żbalji għall-PAK tnaqqas għaż-żewġ Pilastri u baqa’ kostantement taħt il-medja tal-UE. Din ix-xejra pożittiva hija r-riżultat tal-pjanijiet ta’ azzjoni ta’ rimedju implimentati mill-Istati Membri. Qed tiġi offruta aktar gwida lill-Istati Membri dwar il-prevenzjoni u s-sejbien tal-iżbalji. Kull meta jkun meħtieġ, jiġu implimentati pjanijiet ta’ azzjoni mill-Istati Membri sabiex jindirizzaw nuqqasijiet partikolari fis-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll tagħhom.

    Għall-FAEG, it-tnaqqis fil-livell ta’ żbalji huwa pjuttost impressjonanti, b’mod partikolari għall-pagamenti diretti, li huma soġġetti għal kundizzjonijiet anqas kumplessi ta’ eliġibbiltà u huma regolati mis-Sistema Integrata ta’ Amministrazzjoni u Kontroll (SIAK), b’mod partikolari s-Sistema ta’ Identifikazzjoni tal-Irqajja’ tal-Art (LPIS). Kif ikkonfermat mill-Qorti, is-SIAK hija għodda tajba sabiex tinkiseb ġestjoni finanzjarja tajba u l-azzjonijiet ta’ rimedju meħuda mill-Istati Membri qegħdin kontinwament itejbu l-affidabbiltà tal-LPIS 50 .

    Ir-rata ta’ żbalji għall-Iżvilupp Rurali (iffinanzjat mill-FAEŻR), filwaqt li naqset matul l-aħħar snin, baqgħet, b’4.99%, konsiderevolment ogħla mil-livell limitu ta' materjalità. Dan irid jiġi indirizzat aktar u l-Kummissjoni hija impenjata li tassisti lill-Istati Membri jiġġieldu l-kawżi prinċipali tal-iżbalji. Huwa importanti wkoll li wieħed imur lil hinn miċ-ċifri u jara r-rata ta’ żbalji fil-perspettiva tal-għanijiet ta’ politika ambizzjużi li xi drabi jwasslu għal tfassil kumpless ta’ miżuri li huma diffiċli biex jiġu ċċekkjati u implimentati.

    F’dan il-kuntest, huwa importanti li wieħed jirrikonoxxi li l-Kummissjoni għandha miżuri korrettivi li jipproteġu adegwatament il-baġit tal-UE u li hija tapplikahom. Jiġu applikati korrezzjonijiet finanzjarji netti meta l-awditi tad-DĠ AGRI jiżvelaw irregolaritajiet u/jew defiċjenzi fis-sistemi ta’ kontroll. It-tqabbil tal-kapaċità korrettiva ex post tal-Kummissjoni mal-ammonti f’riskju identifikati fil-livell tal-pagamenti lill-benefiċjarji jagħti indikazzjoni solida tar-riskju finanzjarju li jifdal għall-baġit tal-UE, meta jitqiesu l-azzjonijiet korrettivi kollha. Għall-PAK, il-kapaċità korrettiva kienet stmata fil-livelli li ġejjin: fl-2013 EUR 802.9 miljun; fl-2014 EUR 863.49 miljun u fl-2015 EUR 1 065,7 miljun. Għall-2015, il-kapaċità korrettiva għall-PAK tikkorrispondi għal 1.87% tan-nefqa.

    L-ammont globali f’riskju fil-ħin tal-pagament għan-nefqa totali tal-2015 tad-DĠ AGRI huwa ta’ EUR 1 167 miljun (2.0%). Il-korrezzjonijiet futuri stmati b’mod konservattiv huma ta’ EUR 1,066 miljun (1.8%). L-ammont li jirriżulta f’riskju fl-għeluq huwa stmat għal EUR 101 miljun, li huwa 0.2% tan-nefqa fl-2015 għal dan il-qasam ta’ politika. Dan juri li hemm assigurazzjoni solida li r-riskju li jifdal għall-baġit tal-UE huwa konsiderevolment akbar baxx mil-livell limitu ta’ materjalità ta’ 2%.

    44.2.Il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) 

    4.2.1.Il-kawżi prinċipali tal-iżbalji

    Il-kawżi prinċipali tal-iżbalji fir-rigward tal-FAEG huma d-dikjarazzjoni eċċessiva tal-għadd ta’ ettari eliġibbli (riskju inerenti) u d-dejta mhux korretta tas-Sistema ta’ Identifikazzjoni tal-Irqajja’ tal-Art (LPIS) (defiċjenzi fis-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll fl-Istati Membri).

    4.2.2.Azzjoni ta’ rimedju meħuda

    Madwar 80% tan-nefqa tal-PAK hija mmaniġġjata taħt il-FAEG. Għall-pagamenti diretti (90% tan-nefqa tal-FAEG), il-ġestjoni u l-kontroll tan-nefqa jsiru permezz tas-Sistema Integrata ta’ Amministrazzjoni u Kontroll (SIAK), li tinkludi d-database tal-art eliġibbli (“Sistema ta’ Identifikazzjoni tal-Irqajja’ tal-Art” - LPIS). L-affidabbiltà tal-informazzjoni fis-Sistema Integrata ta’ Amministrazzjoni u Kontroll (u b’mod partikolari tad-database tal-LPIS) għalhekk hija kruċjali sabiex ikun assigurat li titħallas biss art eliġibbli. Din hija r-raġuni għaliex il-Kummissjoni tinkoraġġixxi lill-Istati Membri jwettqu aġġornamenti regolari tal-informazzjoni fil-LPIS tagħhom. Meta ma jsirux dawn l-aġġornamenti u jinstabu defiċjenzi fis-SIAK/LPIS, il-Kummissjoni titlob lill-Istati Membri jiżviluppaw u jimplimentaw pjanijiet ta’ azzjoni sabiex jindirizzaw dawk id-defiċjenzi. Dawn il-pjanijiet ta’ azzjoni kienu suċċess. Fir-Rapport Annwali tagħha tal-2015, il-Qorti kkonfermat li “Bis-saħħa tal-pjanijiet ta’ azzjoni stabbiliti mill-Kummissjoni u l-Istati Membri, l-affidabbiltà tad-dejta fil-LPIS matul dawn l-aħħar snin tjiebet b’mod kostanti 51 ”.

    L-affidabbiltà tas-SIAK, flimkien ma’ sensiela ta’ azzjonijiet li jkopru t-titjib fil-monitoraġġ, il-komunikazzjoni u l-miżuri ta’ rimedju mwettqa mill-Kummissjoni, tfisser li l-livell ta’ żbalji għall-FAEG sħiħ huwa relattivament baxx. Skont il-Qorti, dan kien ta’ 3.1% fl-2013; 2.2% fl-2014 (eskluża l-kundizzjonalità) u 2.2% fl-2015. Dawn iċ-ċifri huma paragunabbli ma’ dawk ippubblikati mid-DĠ AGRI fir-Rapporti Annwali tal-Attività tiegħu.

    44.3.Il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) 

    4.3.1.Il-kawżi prinċipali tal-iżbalji

    Madwar 20% tan-nefqa tal-PAK tiġi mmaniġġjata taħt il-FAEŻR, li huwa kofinanzjat mill-UE u l-baġits nazzjonali. Il-ġestjoni tal-FAEŻR hija bbażata fuq programmi pluriennali nazzjonali jew reġjonali fejn il-miżuri jistgħu jiġu adattati fuq livell nazzjonali u reġjonali biex jilħqu għanijiet speċifiċi. L-eliġibbiltà tat-talbiet għall-pagamenti tiġi verifikata mill-Aġenziji tal-Pagamenti tal-Istati Membri, qabel ma jsiru l-pagamenti lill-benefiċjarji.

    Id-DĠ AGRI għamel riżerva fir-Rapporti Annwali tal-Attività tiegħu mill-2007 (apparti mill-2010) fir-rigward ta’ parti min-nefqa jew in-nefqa kollha li tkopri l-Iżvilupp Rurali. Huwa jaqbel mal-valutazzjoni tal-Qorti rigward il-kawżi prinċipali tal-iżbalji f’dan il-qasam:

       Nefqa mhux eliġibbli, minħabba nuqqas ta’ konformità ma’ regoli u kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà ħafna drabi kumplessi b’mod partikolari għall-miżuri ta’ investiment; u

       Il-kumplessità tal-politika ta’ Żvilupp Rurali nnifisha u s-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll dgħajfa tal-Istati Membri.

    Miżuri oħra ta’ Żvilupp Rurali, anqas riskjużi, huma prinċipalment dawk relatati mal-erja jew mal-għadd ta’ annimali, bħall-impjenji agroambjentali jew dwar il-benessri tal-annimali. Dawn huma soġġetti għas-Sistema Integrata ta’ Amministrazzjoni u Kontroll, li tippermetti kontrolli effiċjenti u prevenzjoni tal-iżbalji (kif spjegat fis-sezzjoni dwar il-FAEG aktar ’il fuq).

    Ir-rati għoljin ta’ żbalji fin-nefqa fuq l-Iżvilupp Rurali mhux neċessarjament ifissru li l-ammonti ddikjarati ħażin intużaw ħażin jew li l-għanijiet ta’ politika ma ntlaħqux.

    4.3.2.Azzjonijiet ta’ rimedju meħuda

    a)Simplifikazzjoni

    Il-Kummissjoni qiegħda tinkoraġġixxi lill-Istati Membri jużaw, kull meta jkun possibbli, l-Opzjonijiet tal-Ispejjeż Simplifikati sabiex jevitaw l-iżbalji u jnaqqsu l-livell tar-riskju. Bħal fil-qasam tal-“Koeżjoni”, il-Qorti rrikonoxxiet li l-użu ta’ dawn il-metodi simplifikati għall-ispejjeż kien probabbli li jkun ta’ benefiċċju għall-partijiet kollha, billi jnaqqas il-formalitajiet amministrattivi u jista’ jillimita l-ammont ta’ żbalji relatati mal-preparazzjoni u l-verifika ta’ talbiet għall-pagamenti bbażati fuq fatturi u dokumenti tal-ħlas 52 .

    F’dan il-kuntest, għandu jiġi nnotat li l-miżuri ta’ simplifikazzjoni jirrappreżentaw prinċipju gwida għall-azzjoni ta’ rimedju kemm għall-FAEG kif ukoll għall-FAEŻR: mill-bidu tal-mandat tiegħu, is-simplifikazzjoni tal-PAK kienet waħda mill-prijoritajiet ewlenin tal-Kummissarju Hogan.

    Fil-bidu tal-2015 il-Kummissarju Hogan beda eżami komprensiv tal-acquis agrikolu sħiħ sabiex jidentifika l-potenzjal għas-simplifikazzjoni. Fl-istess ħin, huwa stieden lill-Istati Membri, il-partijiet interessati, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew sabiex iressqu proposti għas-simplifikazzjoni. Fil-11 ta’ Mejju 2015 il-Kunsill adotta l-konklużjonijiet dwar is-“Simplifikazzjonijiet tal-PAK”. Minn dan il-proċess ħarġu aktar minn 1500 proposta għas-simplifikazzjoni. L-eżami tal-proposti kollha li rriżultaw, bil-ħsieb tal-adozzjoni tagħhom, kien ibbażat fuq it-tliet prinċipji li ġejjin:

       Is-simplifikazzjoni għandha tkun prinċipalment għall-benefiċċju ta’ madwar 8 miljun benefiċjarju tal-PAK;

       Ma għandhomx jintefgħu dubji dwar id-deċiżjonijiet politiċi tar-riforma tal-2013; u

       Is-simplifikazzjoni ma għandhiex tipperikola l-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba tal-PAK.

    Il-Kummissjoni segwiet dan l-eżerċizzju billi nediet erba’ sensiliet ta’ azzjonijiet ta’ simplifikazzjoni li kienu jkopru l-ispettru sħiħ tal-politiki agrikoli – li kienu jinkludu kemm Regolamenti tal-Kummissjoni kif ukoll dokumenti ta’ gwida relatati.

    Il-proposta Omnibus (ara t-taqsima 3.1 hawn fuq) fiha emendi għall-erba' regolamenti bażiċi tal-PAK 53 . Hija tinvolvi bidliet tekniċi li jipprovdu aċċess eħfef għall-fondi tal-UE u miżuri ta' simplifikazzjoni li ma jbiddlux l-orjentazzjoni tal-politika. Għall-iżvilupp rurali l-bidliet jippromwovu użu aħjar tal-istrumenti finanzjarji, aktar flessibbiltà għall-għodod ta' stabbilizzazzjoni tal-għodod tal-programm, disponibbiltà aktar mgħaġġla għall-finanzi tal-UE u l-użu sħiħ tal-għażliet ta' spejjeż simplifikati billi jiġu allinjati r-regoli tal-FAERŻ mad-dispożizzjonijiet komuni tal-ESIF. Għal ħlasijiet diretti, ir-reġim ta' bidwi attiv isir volontarju, l-appoġġ għall-bdiewa żgħażagħ jiġi rinfurzat u jkun possibbli li jiġi separat mill-Appoġġ voluntarju akkoppjat. F'termini tal-miżuri tas-suq jingħata kkowċjar ta' azzjoni eliġibbli ta' tip ġdid taħt il-miżuri ta' kriżi u l-Assistenza Finanzjarja Nazzjonali ma tkunx tirrikjedi analiżi ta' każ b'każ mill-Kummissjoni.

    b)Tisħiħ tas-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll

    Il-Kummissjoni jkollha skambji regolari mal-Istati Membri dwar kwistjonijiet relatati mar-rati ta’ żbalji u pprovdiet sett komprensiv ta’ dokumenti ta’ gwida dwar miżuri ta’ Żvilupp Rurali u suġġetti orizzontali rilevanti oħra (pereż. l-Opzjonijiet tal-Ispejjeż Simplifikati, ir-regoli tal-akkwist pubbliku, il-verifikabbiltà u l-kontrollabbiltà tal-miżuri).

    Id-DĠ AGRI se jkompli jimmonitorja l-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ azzjoni, mill-perspettivi kemm ta’ awditjar kif ukoll operazzjonali, permezz ta’ laqgħat bilaterali, kumitati ta’ monitoraġġ, laqgħat ta’ reviżjoni annwali u seminars apposta.

    Id-DĠ AGRI se jkompli jipprovdi lill-Istati Membri rakkomandazzjonijiet u linji gwida, kif ukoll ixerred l-aħjar prattiċi, sabiex jitjiebu s-sistemi ta’ kontroll biex jiġu evitati l-iżbalji. In-Netwerk Ewropew għall-Iżvilupp Rurali diġà qiegħed jilgħab rwol ewlieni fit-taħriġ u fid-disseminazzjoni ta’ prattiċi tajba fl-Istati Membri.

    Barra minn hekk, id-DĠ AGRI implimenta ċertu għadd ta’ azzjonijiet maż-żmien, b’mod partikolari:

       Fl-2015, id-DĠ AGRI rrinforza l-pjanijiet ta’ azzjoni eżistenti biex jindirizza r-riżervi inklużi fir-Rapport Annwali tal-Attività tal-2014, fuq il-bażi ta’ kooperazzjoni u analiżi mtejba fi ħdan is-servizzi tal-Kummissjoni u djalogu intensiv mal-Istati Membri. B’dan l-approċċ, kienet stabbilita sistema mtejba ta’ rapportar mill-Istati Membri kollha dwar il-pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali jew reġjonali tagħhom għat-tnaqqis tar-rati ta’ żbalji. Dan jinkludi fokus rinforzat fuq segwitu regolari tas-sejbiet tal-awditi, kif ukoll indikaturi u stadji importanti mtejba għal skopijiet ta’ monitoraġġ. Fl-2014 id-DĠ AGRI żviluppa għodda speċifika tal-IT, li saret kompletament operattiva fl-2015, biex jiġbor u jimmaniġġa l-informazzjoni estratta mill-pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali jew reġjonali b’mod effiċjenti u konsistenti, u b’hekk jipprovdi ħarsa ġenerali u jiffaċilita segwitu xieraq. Fil-paragrafu 7.45, il-Qorti sabet li “Filwaqt li nħossu li l-pjanijiet ta’ azzjoni huma ġeneralment għodda tajba biex jiġu indirizzati l-kawżi tal-iżbalji, għad hemm lok għal aktar titjib fil-qasam tal-akkwist pubbliku”. Il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja mill-qrib l-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ azzjoni ta’ rimedju neċessarji minn dawk l-Istati Membri kkonċernati u tissospendi l-pagamenti meta dawn il-pjanijiet ta’ azzjoni ma jiġux implimentati sewwa.

       Mill-2013 ġew organizzati sitt seminars dwar ir-rati ta’ żbalji, li wieħed minnhom sar fl-2015. Dawn jippreżentaw is-sitwazzjoni attwali fl-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ azzjoni, il-kondiviżjoni tal-prattiċi tajba u l-għoti ta’ gwida. Dawn is-seminars jiġu organizzati b’mod konġunt fil-qafas tal-Kumitat għall-Iżvilupp Rurali u l-Kumitat dwar il-Fondi Agrikoli, sabiex ikun assigurat l-involviment kemm tal-Awtoritajiet ta’ Ġestjoni kif ukoll tal-Aġenziji tal-Pagamenti. Sadanittant, id-desks ġeografiċi jimmonitorjaw b’mod regolari l-pjanijiet ta’ azzjoni u s-segwitu tal-kwistjonijiet mal-Istati Membri f’laqgħat annwali u ad hoc, kumitati ta’ monitoraġġ u, jekk ikun rilevanti, fil-kuntest ta’ emendi fil-programmi.

       B’mod parallel, ġiet imsaħħa l-kapaċità ta’ awditjar tad-DĠ AGRI. L-għadd ta’ missjonijiet ta’ awditjar żdied mil-livell fl-2013 u l-awditi jindirizzaw kwistjonijiet speċifiċi relatati mar-rati ta’ żbalji.

       Fl-aħħar nett, id-DĠ AGRI qiegħed jinkoraġġixxi l-kooperazzjoni transreġjonali u jippromwovi t-taħriġ dwar suġġetti speċifiċi relatati ma’ implimentazzjoni aħjar tal-programmi u t-tnaqqis tal-iżbalji. L-għan ġenerali ta’ dawn l-avvenimenti huwa li jiffaċilitaw djalogu kostruttiv u miftuħ bejn l-atturi rilevanti, bil-għan li jiġu skambjati prattiċi tajba u jiġu stabbiliti linji gwida ċari.

    c)Qafas Legali 2014 – 2020: Titjib sinifikanti

    Il-qafas legali ġdid 2014 - 2020 għall-PAK jinkludi diversi regoli li jindirizzaw il-kawżi prinċipali tal-iżbalji (pereż. L-għadd limitat ta’ rekwiżiti dettaljati, il-pagamenti ta’ somom f'daqqa, rati fissi jew kostijiet standard). L-analiżi ex ante tal-programmi tal-Iżvilupp Rurali ġiet imsaħħa bl-Awtoritajiet ta’ Ġestjoni u l-Aġenziji tal-Pagamenti jwettqu valutazzjoni ex ante tal-verifikabbiltà u l-kontrollabbiltà tal-miżuri pprogrammati. Barra minn hekk, għall-FAEŻR, il-Kummissjoni issa għandha u tagħmel użu sħiħ minn għodod ta’ prevenzjoni ex ante bħal sospensjonijiet u interruzzjonijiet, li effettivament jipproteġu l-baġit tal-UE.

    Fl-Iżvilupp Rurali, madankollu, kif sottolinjat fl-introduzzjoni ta’ dan ir-rapport, meta titqies il-ħtieġa li jiġu bbilanċjati l-legalità u r-regolarità mal-kisbiet tal-għanijiet ta’ politika filwaqt li jitqiesu l-ispejjeż ta’ kunsinna, wieħed ma jistax jistenna bi kwalunkwe ċertezza legali li riskju finanzjarju li jifdal ta’ anqas minn 2% jista’ jinkiseb bi sforzi raġonevoli.

    5.Intestatura 4 tal-QFP – Ewropa Globali

    54.1.Livelli ta’ żbalji

    Id-DĠ “Kooperazzjoni Internazzjonali u Żvilupp” (DEVCO) u “Politika Ewropea tal-Viċinat u Negozjati għat-Tkabbir” (NEAR/ELARG) huma eżaminati f’dan ir-rapport billi huma l-aktar DĠ importanti tal-”familja” Relazzjonijiet Esterni f’termini finanzjarji.

    Id-DĠ DEVCO jiffoka l-analiżi tal-iżbalji tiegħu fuq ir-Rata ta’ Żbalji Residwi (RER) li huwa l-livell ta’ żbalji wara li jkunu ġew implimentati l-miżuri korrettivi. L-istima pprovduta mid-DĠ DEVCO hija komodament fi ħdan il-Limiti Superjuri u Inferjuri ta’ Żball żvelati mill-Qorti fir-Rapporti Annwali tagħha taħt il-Kapitolu “Relazzjonijiet Esterni/Ewropa Globali” għall-perjodu 2013-2015 (ara l-Graff 16).

    Il-verifiki ex ante u ex post tad-DĠ DEVCO/NEAR mill-kapaċitajiet ta’ kontroll proprji tiegħu jew minn awdituri taħt kuntratt koprew EUR 2,701.98 miljun fl-2015.

    L-ammont globali f’riskju fil-mument tal-pagament għan-nefqa totali tal-2015 tad-DĠ DEVCO huwa ta’ EUR 246 miljun (2.9%). Il-korrezzjonijiet futuri stmati b’mod konservattiv huma ta’ EUR 50 miljun (0.6%). L-ammont stmat f’riskju fl-għeluq huwa ta’ EUR 196 miljun (2.3%).

    Għall-qasam ta’ politika sħiħ tar-“Relazzjonijiet Esterni”, l-ammont globali stmat f’riskju fil-mument tal-pagament huwa ta’ EUR 281 miljun (2.9%), il-korrezzjonijiet futuri stmati b’mod konservattiv huma ta’ EUR 62 miljun (0.6%), u l-ammont stmat f’riskju fl-għeluq huwa ta’ EUR 219-il miljun (2.3%).

    Graff 16 – Il-livelli stmati ta’ żbalji, mill-Kummissjoni (Rati ta’ Żbalji Residwi żvelati mid-DĠ DEVCO) u l-Qorti, fil-qasam tar-“Relazzjonijiet Esterni' mill-2013 – 2015*

    *Il-linji li jgħaqqdu l-livelli differenti ta’ żbalji ma għandhomx jitqiesu bħala evoluzzjoni kontinwa, iżda pjuttost jgħinu sabiex jitqabblu aħjar il-meded ta’ żbalji.

    Sors: Ir-Rapporti Annwali tal-Qorti u r-Rapporti Annwali tal-Attività tad-DĠ DEVCO għas-snin finanzjarji 2013 sa 2015.

    54.2.DĠ “Kooperazzjoni Internazzjonali u Żvilupp” (DEVCO) 

    5.2.1.Il-kawżi prinċipali tal-iżbalji

    Id-DĠ DEVCO identifika l-kawżi prinċipali li ġejjin għall-iżbalji:

    Nuqqas ta’ osservanza tar-regoli tal-eliġibbiltà (57% tal-iżbalji misjuba):

       - Spejjeż imġarrba barra l-perjodu tal-proġett;

       - Spejjeż iddikjarati bħala diretti, iżda diġà magħduda bħala nefqa indiretta.

    Nuqqas ta’ osservanza tar-regoli tal-akkwist pubbliku (26% tal-iżbalji misjuba).

    Dokumentazzjoni insuffiċjenti jew nieqsa.    

    Din il-valutazzjoni b’mod ġenerali taqbel mas-sejbiet tal-Qorti għall-kapitolu sħiħ dwar “Ewropa Globali” (ara l-Graff 17).

    Graff 17 - Il-valutazzjoni, min-naħa tal-Qorti, tal-kawżi prinċipali ta’ żbalji għall-Intestatura 4 fl-2015 54

    5.2.2.Azzjonijiet ta’ rimedju meħuda

    a)Simplifikazzjoni

    Il-kawżi prinċipali tal-iżbalji huma l-kundizzjonijiet dettaljati żżejjed tal-għotjiet li jmorru lil hinn minn dawk li huwa legalment meħtieġa u li ma għandhom l-ebda valur miżjud rigward il-prestazzjoni u r-riżultati. It-tneħħija ta’ dawn l-elementi mhux meħtieġa fil-Gwida Prattika (PRAG) diġà saret. Id-DĠ DEVCO huwa involut f’diskussjonijiet mal-partijiet interessati tiegħu u jsiru laqgħat regolari bejn l-Unitajiet tal-Finanzi-Kuntratti-Awditjar sabiex jiddiskutu l-aktar sorsi komuni ta’ żbalji u l-modi biex jevitawhom. Kompliet tiġi promossa l-għodda ta’ ġestjoni finanzjarja għall-benefiċjarji tal-għotjiet u jsiru u jiġu adattati attivitajiet ta’ taħriġ dwar l-għotjiet.

    Kif spjegat hawn fuq, il-Kummissjoni diġà proponiet numru ta' bidliet relatati ma' għotjiet taħt ir-regoli finanzjarji ġenerali biex jitnaqqas ir-riskju ta' żbalji (ara t-taqsima 3.1).

    b)Tisħiħ tas-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll

    F’dan li ġej, l-azzjonijiet ippjanati huma ppreżentati għal kull mod ta’ ġestjoni:

    Għall-għotjiet taħt ġestjoni diretta, id-DĠ DEVCO identifika l-verifiki tan-nefqa mill-benefiċjarji, ta’ kwalità insuffiċjenti, bħala kawża prinċipali tal-iżbalji. Il-miżuri previsti jinkludu:

    Reviżjoni tat-Termini ta’ Referenza għall-verifiki tan-nefqa implimentati mill-benefiċjarji u mis-servizzi b’kuntratt, inkluża l-applikazzjoni ta’ kriterji għall-valutazzjoni tal-kwalità tar-rapporti;

    Użu tal-kuntratt ta’ qafas tal-awditjar sabiex jiġu kompletati l-verifiki insuffiċjenti tan-nefqa mwettqa mill-benefiċjarji;

    It-talba għal dokumenti ta’ sostenn għal tranżazzjonijiet magħżulin b’mod aleatorju relatati ma’ talbiet għall-pagament, u l-verifika tagħhom qabel ma jiġi approvat l-iżborż u/jew l-approvazzjoni tan-nefqa; u

    Simplifikazzjoni tal-proċeduri u l-kundizzjonijiet kuntrattwali għall-għotjiet.

    Fil-qasam ta’ nfiq taħt ġestjoni indiretta ma’ Organizzazzjonijiet Internazzjonali u Aġenziji tal-Istati Membri, il-kawżi prinċipali għall-iżbalji rikorrenti huma dokumentazzjoni insuffiċjenti jew nieqsa, missjonijiet ta’ verifika ta’ kwalità insuffiċjenti u approvazzjonijiet tard. Il-miżuri previsti jinkludu:

    F’każijiet estremi, is-sospensjoni tal-ġestjoni indiretta meta jkun hemm żbalji ripetuti jew nuqqas ta’ konformità mar-regoli għall-preżentazzjoni tad-dokumentazzjoni;

    L-adattament tat-Termini ta’ Referenza għal Missjonijiet ta’ Verifika lil Organizzazzjonijiet Internazzjonali għajr il-Bank Dinji u n-Nazzjonijiet Uniti;

    Sensibilizzazzjoni dwar u monitoraġġ tal-azzjoni għall-approvazzjoni ta’ pagamenti ta’ prefinanzjament magħmula lil Organizzazzjonijiet Internazzjonali aktar minn sentejn ilu (2013 u qabel);

    Laqgħat regolari ma’ Organizzazzjonijiet Internazzjonali sabiex tkun assigurata l-kooperazzjoni kontinwa fl-għoti ta’ informazzjoni fil-qafas tal-verifiki mill-Qorti u l-istudji dwar ir-Rata ta’ Żbalji Residwi; u

    Il-ħolqien ta’ unità ta’ punt fokali sabiex tikkoordina r-relazzjonijiet mal-Organizzazzjonijiet Internazzjonali fil-livelli kollha.

    Dawn il-miżuri kollha jinsabu fis-seħħ.

    c)Qafas Legali 2014 – 2020

    Xi bidliet riċenti għamluha aktar faċli għall-imsieħba kontraenti tad-DĠ DEVCO sabiex jirrispettaw ir-regoli u għalhekk potenzjalment inaqqsu r-riskju ta’ żbalji:

    Il-proċeduri ta’ akkwist fi ħdan l-għotjiet: L-Anness IV tal-kuntratti ta’ għotja tad-DĠ DEVCO ġie simplifikat fl-2015, biex issa l-benefiċjarji ta’ għotjiet jistgħu jużaw ir-regoli kontabilistiċi proprji tagħhom filwaqt li jirrispettaw il-prinċipji bażiċi u l-kriterji tal-għoti.

    In-nuqqas ta’ dokumenti ta’ sostenn disponibbli: Fil-mudell tal-għotjiet tad-DĠ DEVCO tal-2016 kienet introdotta l-possibbiltà li jiġu aċċettati kopji tad-dokumenti ta’ sostenn waqt il-verifiki tan-nefqa. Dan isolvi l-problema rikorrenti ta’ kopji oriġinali mxerrda f’diversi pajjiżi, li mhux dejjem ikunu disponibbli meta l-awdituri jwettqu l-verifika tan-nefqa.

    Ir-rata tal-kambju fl-għotjiet: Mill-2015 huwa possibbli li l-benefiċjarji jużaw ir-regoli tagħhom dwar ir-rata tal-kambju għal skopijiet kontabilistiċi, bil-kundizzjoni li r-regoli jkunu dokumentati sewwa.

    B’mod ġenerali, (it-tfassil u l-funzjonament) tas-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll ġew imsaħħa u xi skemi ġew abbandunati minħabba konsiderazzjonijiet ta’ kosteffettività.

    54.3.DĠ “Politika Ewropea tal-Viċinat u Negozjati għat-Tkabbir” (NEAR/ELARG) 

    5.3.1.Il-kawżi prinċipali tal-iżbalji

    L-aktar kwistjonijiet komuni rigward l-iżbalji fid-DĠ NEAR jirrigwardaw:

       Żbalji marbuta mal-approvazzjoni tal-prefinanzjament:

       Kwistjoni ewlenija identifikata għan-NEAR kienu l-iżbalji marbuta mal-approvazzjoni tal-prefinanzjament. Il-Qorti kkritikat is-sistema għall-approvazzjoni tal-prefinanzjament, id-dokumenti ta’ sostenn użati għall-approvazzjoni u l-perjodiċità tal-approvazzjoni.

       Rapport ta’ verifika tan-nefqa:

       Rigward id-DĠ DEVCO, dgħufija identifikata mill-Qorti huma r-rapporti ta’ verifika tan-nefqa ppreparati mill-awdituri esterni, li l-Kummissjoni tibbaża fuqhom sabiex taċċetta ċerti spejjeż.

       Nuqqas ta’ konformità mal-obbligi legali u kuntrattwali

    5.3.2.Azzjonijiet ta’ rimedju meħuda

    Dwar l-approvazzjoni tal-prefinanzjament, id-DĠ NEAR ħa għadd ta’ azzjonijiet sabiex isolvi din il-kwistjoni:

    F’Diċembru 2015 ġie adottat manwal kontabilistiku ġdid għad-DĠ NEAR, li kkjarifika ulterjorment il-politika tad-DĠ NEAR għall-approvazzjoni tal-prefinanzjament;

    Ingħatat gwida lill-Uffiċjali Awtorizzanti b’Sottodelega u lill-persunal tagħhom, fejn ġew spjegati r-regoli għar-rikonoxximent tal-ispejjeż interim u l-approvazzjoni tal-prefinanzjament; u

    Il-qafas legali għall-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni II, għal “Ġestjoni Indiretta mal-Pajjiżi Benefiċjarji” implimenta proċedura aktar ċara u stabbilixxa obbligi ta’ rapportar għall-benefiċjarji fir-rigward tar-rikonoxximent tal-ispejjeż imġarrba.

    Għar-rapporti ta’ verifika tan-nefqa, id-DĠ NEAR/ELARG ikkollabora mill-qrib mad-DĠ DEVCO: Il-miżuri ta’ mitigazzjoni li ttieħdu jinkludu l-iżvilupp ta’ gradilja tal-kwalità sabiex jiġu valutati r-rapporti ta’ verifika tan-nefqa u jiġu rieżaminati t-termini ta’ referenza għall-verifika tan-nefqa. Barra minn hekk, jista’ jintuża l-kuntratt qafas tal-awditjar sabiex jitwettqu verifiki addizzjonali tan-nefqa meta jkun meħtieġ. Dawn il-miżuri kollha jinsabu fis-seħħ.

    Sabiex jiġu mitigati u mnaqqsa t-tipi ta’ żbalji relatati man-nuqqas ta’ konformità mal-obbligi kuntrattwali u legali, sar sforz kostanti mad-DĠ DEVCO fil-proċess sabiex jiġu rieżaminati b’mod regolari l-manwali u l-istruzzjonijiet bil-għan li dawn isiru aktar ċari (reviżjoni tal-PRAG, Pagoda 2). Barra minn hekk, jiġi pprovdut taħriġ fuq bażi regolari sabiex ikun assigurat li l-atturi rilevanti japplikaw ir-regoli u l-proċeduri korretti.

    IV.    Konklużjonijiet

    1.Il-ġestjoni finanzjarja tjiebet b’mod sinifikanti u dan wassal għal tnaqqis fil-livell ta’ żbalji

    Il-livell ta’ konformità mar-rekwiżiti legali fl-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE tjieb b’mod konsiderevoli matul dawn l-aħħar snin. L-iskrutinju kostanti mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Qorti wassal għal żieda fil-professjonalizzazzjoni tal-katina tal-kontroll sħiħa tal-fondi tal-UE mill-Kummissjoni għall-awtoritajiet tal-Istati Membri, Pajjiżi Terzi u Organizzazzjonijiet Internazzjonali. B’riżultat ta’ dan, il-livelli ta’ żbalji tnaqqsu minn rati b’żewġ ċifri għal ċerti oqsma ta’ politika (b’mod partikolari l-Koeżjoni) għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2000 – 2006 u qabel, għal livelli konsiderevolment aktar baxxi fil-preżent (anqas minn 5% fil-biċċa l-kbira tal-oqsma ta’ politika u qrib jew saħansitra anqas minn 2% f’xi oqsma).

    2.Il-Kummissjoni u l-Qorti jaqblu fil-valutazzjoni tagħhom rigward il-livell u l-kawżi prinċipali tal-iżbalji

    Il-Kummissjoni u l-Qorti jaqblu li l-kawżi prinċipali għal-livelli persistentement għoljin ta’ żbalji huma d-dgħufijiet fis-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll, speċjalment fl-Istati Membri, Pajjiżi Terzi u Organizzazzjonijiet/Aġenziji Internazzjonali, kif ukoll il-qafas legali kumpless li fih jiġu implimentati l-politiki tal-UE.

    Barra minn hekk, meta jitqiesu l-preċiżjoni relattiva tad-diversi approċċi użati u r-riżultati miksuba, il-livelli ta’ żbalji rrappurtati fir-Rapporti Annwali tal-Attività tad-dipartimenti tal-Kummissjoni kif ukoll l-istimi pprovduti fir-Rapport Annwali dwar il-Ġestjoni u l-Prestazzjoni, b’mod ġenerali jaqblu mal-livelli ta’ żbalji stmati mill-Qorti għas-snin 2014 u 2015.

    3.Il-ħtieġa li jitqies il-karattru pluriennali ta’ parti sinifikanti min-nefqa tal-UE

    Fid-dawl tal-karattru pluriennali ta’ parti sinifikanti min-nefqa tal-UE, livell definittiv ta’ żbalji jista’ jiġi stabbilit biss fl-għeluq tal-programmi, meta jkunu ġew applikati s-saffi kollha tal-kontrolli. L-“Ammont f’Riskju fl-Għeluq” li ġie stmat wara l-implimentazzjoni tal-miżuri korrettivi kollha jirrappreżenta bejn 0.8% u 1.3% tan-nefqa totali fl-2015. Għalhekk, il-mekkaniżmi korrettivi pluriennali jipproteġu adegwatament il-baġit tal-UE minn infiq bi ksur tal-liġi.

    4.L-ispejjeż tal-ġestjoni u l-kontrolli u l-ħtieġa ta’ aktar simplifikazzjoni

    L-ispejjeż għaljin preżenti ta’ ġestjoni u kontroll jqajmu dubji dwar il-benefiċċju taż-żieda ulterjuri fl-intensità u l-isforzi tal-awditjar. Ma għandhomx jitwettqu aktar kontrolli, iżda kontrolli aħjar. Barra minn hekk, is-simplifikazzjoni tirrappreżenta l-aktar mod effettiv sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż u l-piż tal-kontroll u r-riskju ta’ żbalji. L-oqsma ta’ politika li huma soġġetti għal sistemi b’saħħithom ta’ ġestjoni u kontroll u regoli ta’ eliġibbiltà anqas kumplessi huma wkoll anqas suxxettibbli għall-iżbalji. Għalhekk, it-titjib ulterjuri tas-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll fil-livelli kollha u s-simplifikazzjoni tar-regoli jibqgħu kompiti kostanti. F'dan il-kuntest, f'Settembru tal-2016 il-Kummissjoni proponiet reviżjoni ambizzjuża tar-Regolament Finanzjarju u numru ta' regoli finanzjarji settorjali biex jinkisbu aktar simplifikazzjoni, flessibbiltà u iffokar fuq ir-riżultati.

    5.Il-Kummissjoni kontinwament tieħu azzjonijiet sabiex tindirizza l-kawżi prinċipali u l-impatt finanzjarju tal-iżbalji

    Il-Kummissjoni kontinwament tieħu azzjonijiet sabiex tindirizza l-kawżi prinċipali u l-impatt finanzjarju ta’ livelli persistentement għoljin ta’ żbalji, li xi wħud minnhom huma l-konsegwenza ta’ objettivi ambizzjużi ta’ politika u jistgħu fil-prattika jkunu jeħtieġu perjodu itwal ta’ żmien biex jagħtu l-frott, b’mod partikolari jekk ikunu marbuta ma’ rekwiżiti jew mekkaniżmi ta’ konsenja nazzjonali kumplessi. Għalkemm din l-analiżi ffukat fuq il-pagamenti għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2007 - 2013, it-tagħlimiet meħuda minn dak il-perjodu diġà ġew integrati fil-bażi ġuridika u s-sistemi mtejba għall-perjodu preżenti 2014 - 2020 (jiġifieri l-implimentazzjoni tal-korrezzjonijiet finanzjarji netti, u l-kontijiet, li huma ġodda fil-qasam tal-“Koeżjoni”, iżda diġà prattika preżenti fl-agrikoltura, l-“Opinjonijiet tal-Awditjar” rinforzati mill-Awtoritajiet tal-Awditjar u l-Korpi taċ-Ċertifikazzjoni nazzjonali, id-Direttivi l-ġodda dwar l-Akkwist Pubbliku, ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-kundizzjonalitajiet ex ante, ir-regoli simplifikati tal-eliġibbiltà u l-possibbiltajiet konsiderevolment miżjuda għall-użu tal-Opzjonijiet tal-Ispejjeż Simplifikati, pjuttost milli l-ispejjeż reali bħala bażi għar-rimborż u l-mekkaniżmu ta’ żamma ta’ 10% għall-“Koeżjoni”).

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni adottat pakkett dwar l-Analiżi ta’ Nofs it-Terminu (MTR)/Reviżjoni tal-QFP 2014 - 2020 li jibni fuq l-isforzi ta’ modernizzazzjoni u t-titjib miksub fil-QFP preżenti. L-inizjattiva “Baġit tal-UE ffukat fuq ir-Riżultati (BFOR)” bdiet turi proċess tanġibbli lejn sistema ta’ konsenja aktar effiċjenti u sempliċi li tipprovdi konformità mal-qafas legali iżda turi wkoll riżultati pożittivi fuq il-post. F’dan il-kuntest, se tkun fundamentali simplifikazzjoni kontinwa. Se jsir aktar progress fil-QFP li jmiss.

    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni se tkompli tipproteġi l-baġit tal-UE mill-impatt finanzjarju ta’ livelli persistentement għoljin ta’ żbalji billi tapplika miżuri ta’ prevenzjoni (bħall-interruzzjonijiet u s-sospensjonijiet tal-pagamenti) u tuża mekkaniżmi korrettivi (korrezzjonijiet u rkupri finanzjarji).

    (1) Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-UE u li jirrevoka r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002.
    (2) Rapport tal-Parlament Ewropew dwar il-kwittanza fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-UE għas-sena finanzjarja 2014, Taqsima III (2015/2154(DEC)).
    (3) Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-kwittanza li trid tingħata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014 (Dokument 5583/16 tat-02/02/2016).
    (4) Dawn il-kontrolli kienu jkopru l-ittestjar sostantiv (twettiq mill-ġdid tal-ħidma mwettqa mill-korpi esterni tal-awditjar) u l-awditjar tas-sistemi (valutazzjoni tal-funzjonament tas-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll fl-Istati Membri bħal pereżempju l-awditjar tal-approvazzjoni tal-konformità).
    (5) COM(2016) 446 final.
    (6) COM(2016) 486 final.
    (7) Il-“Pakkett ta’ Rappurtar Finanzjarju Integrat” jinkludi r-Rapport Annwali dwar il-Ġestjoni u l-Prestazzjoni, il-Komunikazzjoni dwar il-Protezzjoni tal-Baġit tal-UE, ir-Rapport Finanzjarju u l-Kontijiet tal-UE akkumpanjati mid-Diskussjoni u l-Analiżi tad-Dikjarazzjoni Finanzjarja.
    (8) Ir-Rapport tal-Kummissjoni dwar il-“Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea — Ġlieda kontra l-Frodi”, ippreparat b’kooperazzjoni mal-Istati Membri u adottat skont l-artikolu 325 tat-Trattat, għas-sena 2015 (COM(2016) 472 final) jindika li l-każijiet frodulenti misjuba u rrappurtati jammontaw għal madwar 0.4% tal-pagamenti magħmula (paġna 22).
    (9) Fil-qasam tal-“Koeżjoni”, il-Kummissjoni u l-Qorti jikkonkludu li l-livelli ta’ żbalji huma ta’ aktar minn 5%, filwaqt li għar-“Riżorsi Naturali” huma jvarjaw bejn 2 u 2.9% għall-2015. Barra minn hekk, id-“Dħul” u n-“Nefqa Amministrattiva” mhumiex affettwati minn livell materjali ta’ żbalji u l-kontijiet tal-UE ġew approvati mill-Qorti. Minbarra hekk, il-Qorti kkonkludiet li l-iskemi ta’ rimborż kienu aktar suxxettibbli għar-riskji mill-iskemi ta’ intitolament.
    (10) Ara t-Tabella 1.
    (11) Il-Qorti ma sabet ebda livell materjali ta' żball għall-intervenzjonijiet tal-Fond Soċjali Ewropew matul l-aħħar 4 snin, meta intużaw l-Opzjonijiet tal-Ispejjeż Simplifikati.
    (12) Bħall-pagamenti diretti għall-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG), l-għotjiet tal-Kunsill Ewropew tar-Riċerka (ERC) jew l-Iskemi Marie-Curie.
    (13) Ara r-Rapport ta' Prestazzjoni u Ġestjoni Annwali għas-sena finanzjarja 2015.
    (14) Ara s-sezzjoni III dwar is-“Sitwazzjoni ta’ livelli persistentement għoljin ta’ żbalji fir-rigward tal-Intestaturi differenti tal-QFP”
    (15) Kif muri mill-istrumenti u l-miżuri ġodda tal-QFP attwali 2014 – 2020, bħal pereżempju l-mekkaniżmu ta’ żamma għall-qasam tal-“Koeżjoni”, l-implimentazzjoni possibbli tal-korrezzjoni finanzjarja netta, l-“Opinjoni tal-Awditjar/Dikjarazzjonijiet ta’ Ġestjoni” mill-awtoritajiet nazzjonali, l-impatt tad-Direttivi l-ġodda dwar l-Akkwist Pubbliku, ir-rekwiżit li jirriżulta mill-kundizzjonalitajiet ex ante u r-regoli simplifikati tal-eliġibbiltà.
    (16) Il-Kummissjoni tipproponi f’att uniku, reviżjoni ambizzjuża tar-regoli finanzjarji ġenerali (COM(2016)605 final tal-14.9.2016). Dan l-att jinkludi wkoll bidliet korrispondenti għar-regoli finanzjarji settorjali stabbiliti fi 15-il att leġislattiv li jirrigwardaw programmi pluriennali relatati pereżempju mal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (Fondi SIE) jew l-Agrikoltura.
    (17) Ir-Rapport tal-Parlament Ewropew dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-UE għas-sena finanzjarja 2014, Taqsima III (2015/2154(DEC)).
    (18) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014 (id-Dokument 5583/16 tat-02/02/2016).
    (19) Id-definizzjoni legali ta’ irregolarità kontra l-baġit tal-UE hija speċifikata fl-artikolu 1(2) tar-Regolament 2988/95.
    (20) Wara r-Rapport tal-Kummissjoni tal-2015 dwar il-“Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea — Ġlieda kontra l-Frodi” (COM(2016) 472 final), il-każijiet ta’ frodi misjuba u rrappurtati jammontaw għal madwar 0.4% tal-pagamenti magħmula (paġna 22).
    (21) L-Anness 2 tar-Rapport Annwali tal-2015 dwar il-Ġestjoni u l-Prestazzjoni tal-Baġit tal-UE (COM(2016) 446 final).
    (22) Sors: L-Anness 1.1 tal-Kapitolu 1 tar-Rapporti Annwali tal-Qorti għas-snin finanzjarji 2013 sa 2015.
    (23) Għall-2013, il-Kummissjoni pprovdiet stima ta’ punt rigward il-livell ta’ żbalji (2.8%).
    (24)  COM(2016) 605 final tal-14.9.2016.
    (25) Ibbażata fuq id-dejta tal-Qorti pprovduta fir-Rapporti Annwali tagħha għas-snin finanzjarji 2013 sa 2015 u, fejn disponibbli, fir-Rapporti Annwali tal-Attività tad-dipartimenti tal-Kummissjoni.
    (26) Il-“Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-Protezzjoni tal-Baġit tal-UE” tipprovdi informazzjoni dettaljata dwar il-mekkaniżmi ta’ prevenzjoni u korrettivi li jipproteġu l-baġit tal-UE.
    (27) It-talba espressa mir-Rapporteur għall-Kwittanza tal-2014, is-Sinjura Martina Dlabajova, fil-kuntest tad-dibattitu dwar il-kwittanza tal-2014 għall-Kummissjoni fil-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit fit-23 ta’ Frar 2016. Ara wkoll il-paragrafu 54 tar-Riżoluzzjoni ta’ Kwittanza tal-Parlament għall-2014: baġit ġenerali tal-UE - il-Kummissjoni Ewropea u l-aġenziji eżekuttivi.
    (28) Għad-dettalji ara l-paġni 48 sa 51 tal-AMPR tal-2015.
    (29) AAR tad-DĠ AGRI 2015; paġna 77.
    (30) AAR tad-DĠ REGIO 2015; paġna 88.
    (31) AAR tad-DĠ EMPL 2015; paġna 72.
    (32) AAR tad-DĠ RTD 2015; paġni 90-91.
    (33) AAR tad-DĠ DEVCO 2015; paġna 61.
    (34) AAR tad-DĠ NEAR 2015; paġna 50.
    (35) AAR tad-DĠ CNECT 2015; paġna 60
    (36) Ir-“Rapport mill-Kummissjoni lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri, lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar it-tweġibiet tal-Istati Membri għar-Rapport Annwali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri” li jmiss se jipprovdi informazzjoni dwar l-analiżi tal-kawżi prinċipali tal-iżbalji mill-Istati Membri individwali.
    (37) Minħabba l-importanza relattivament baxxa tagħha f’termini ta’ volum u impatt finanzjarju fuq il-livell globali ta’ żbalji, l-Intestatura 3 “Sigurtà u Ċittadinanza” mhijiex koperta minn dan ir-rapport, u l-Qorti ma ħaditx kampjun rappreżentattiv għall-awditu tagħha relatat mar-Rapporti Annwali tal-2014 u tal-2015.
    (38) Għad-dettalji, ara l-paragrafi 1.21 sa 1.33 tar-Rapport Annwali tal-Qorti għas-sena finanzjarja 2015.
    (39) Din l-analiżi tikkonċentra fuq il-qasam tar-“Riċerka u Innovazzjoni” billi dan jirrappreżenta aktar minn 60% tal-allokazzjonijiet baġitarji għall-Intestatura 1A. Barra minn hekk, il-livelli stmati ta’ żbalji relatati mal-oqsma l-oħra tal-Politiki Interni huma fil-biċċa l-kbira taħt il-livell limitu ta’ materjalità ta’ 2%.B’mod aktar speċifiku, din is-sezzjoni identifikat l-aktar żewġ DĠ importanti tal-”familja” tar-Riċerka f’termini finanzjarji bl-ogħla ammont stmat f’riskju fil-mument tal-pagament, id-DĠ RTD u CNECT.
    (40) Sors: Ir-Rapport Annwali tal-Qorti għas-sena finanzjarja 2015, il-Figura 5.2 għall-Kapitolu 5 sħiħ dwar il-“Kompetittività.”
    (41) Ir-Rapport Annwali tal-Qorti għas-sena finanzjarja 2015, il-Figura 6.2, eskluż is-sehem tal-“Impjiegi u Affarijiet Soċjali” mill-iżbalji globali.
    (42) Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006
    (43) Ir-Regolament tal-Kummissjoni Nru 651/2014.
    (44) Ir-Rapport Annwali tal-Qorti għas-sena finanzjarja 2015, il-Figura 6.2, eskluż is-sehem mill-żball globali tal-“Politika Reġjonali u Urbana”.
    (45) Fil-valutazzjoni tagħha l-Qorti tinkludi l-FAEG, il-FAEŻR iżda wkoll in-nefqa relatata mal-ambjent, is-sajd u s-saħħa.
    (46)  Inkluża l-kundizzjonalità.
    (47) Eskluża l-kundizzjonalità.
    (48)  Esklużi l-ħlasijiet bil-quddiem imħallsa bħala prefinanzjament għall-QFP 2014-20 (4.16 % li jinkludi l-prefinanzjament).
    (49) Fir-Rapport Annwali tagħha għas-sena finanzjarja 2013, il-Qorti rrappurtat separatament dwar il-FAEG u dwar l-Iżvilupp Rurali u l-oqsma l-oħra ta’ politika (l-ambjent, is-sajd u s-saħħa).
    (50) Ara l-paragrafu 7.17 u 7.41 tar-rapport annwali tal-Qorti għas-sena finanzjarja 2015.
    (51) Ara r-Rapport Annwali tal-Qorti għas-sena finanzjarja 2015, il-paragrafu 7.17
    (52) Ara r-Rapport Annwali tal-Qorti għas-sena finanzjarja 2012, il-paragrafu 6.23, ir-Rapport Annwali għas-sena finanzjarja 2013, il-paragrafu 6.16, u r-Rapport Annwali għas-sena finanzjarja 2014, il-paragrafu 6.29.
    (53) Ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 dwar l-iżvilupp rurali, ir-Regolament (UE) 1306/2013 dwar il-finanzjament u kwistjonijiet orizzontali oħra tal-PAK, ir-Regolament (UE) 1307/2013 dwar pagamenti diretti lill-bdiewa u r-Regolament (UE) 1308/2013 dwar l-Organizzazzjoni Unika tas-Suq Komuni (CMO)
    (54) Ir-Rapport Annwali tal-Qorti għas-sena finanzjarja 2015; Figura 8.2
    Top