Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017DC0123

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar il-kwalità tad-dejta fiskali li rrapportaw l-Istati Membri fl-2016

    COM/2017/0123 final

    Brussell, 9.3.2017

    COM(2017) 123 final

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    dwar il-kwalità tad-dejta fiskali li rrapportaw l-Istati Membri fl-2016


    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    dwar il-kwalità tad-dejta fiskali li rrapportaw l-Istati Membri fl-2016

    WERREJ

    1.    Sfond    3

    2.    Sejbiet ewlenin dwar ir-rapportar tal-2016 dwar il-livelli tad-defiċit u tad-dejn tal-gvern    3

    2.1.    Puntwalità, affidabbiltà u kompletezza    3

    2.1.1.    Puntwalità    3

    2.1.2.    Affidabbiltà    4

    2.1.3.    Kompletezza tat-tabelli u tal-informazzjoni ta’ appoġġ    4

    2.1.4.    Tabella supplimentari għar-rapportar tal-intervent tal-gvern bħala appoġġ għall-istituzzjonijiet finanzjarji    6

    2.1.5.    Kwestjonarju dwar is-self intergovernattiv    6

    2.2.    Konformità mar-regoli tal-kontabbiltà u l-konsistenza tad-dejta statistika    6

    2.2.1.    Skambju ta’ informazzjoni u kjarifiki    6

    2.2.2.    Żjarat ta’ djalogu u żjarat metodoloġiċi    7

    2.2.3.    Pariri speċifiċi minn Eurostat    7

    2.2.4.    Kwistjonijiet metodoloġiċi riċenti    8

    2.2.5.    Konsistenza mal-kontijiet sottostanti tal-gvern    8

    2.3.    Pubblikazzjoni    9

    2.3.1.    Pubblikazzjoni taċ-ċifri ewlenin u tabelli dettaljati ta’ rapportar    9

    2.3.2.    Riżervi dwar il-kwalità tad-dejta    

    2.3.3.    Emendi għad-dejta rrapportata    

    2.3.4.    Pubblikazzjoni tal-metadejta (inventarji)    

    3.    Konklużjonijiet    


    1.Sfond

    L-Artikolu 8(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 dwar l-applikazzjoni tal-Protokoll dwar il-proċedura tal-iżbilanċ eċċessiv (EDP) anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea 1 jirrikjedi li l-Kummissjoni (Eurostat) tirrapporta b’mod regolari lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-kwalità tad-dejta reali li rrapportaw l-Istati Membri. Dan ir-rapport annwali jipprovdi valutazzjoni kumplessiva dwar il-puntwalità, l-affidabbiltà, il-kompletezza u l-konsistenza tad-dejta u l-konformità tagħha mar-regoli tal-kontabbiltà. Il-Kummissjoni adottat ir-rapport preċedenti (dwar id-dejta tal-2015) fit-23 ta’ Marzu 2016 2 .

    Eurostat regolarment jivvaluta l-kwalità tad-dejta reali li rrapportaw l-Istati Membri u tal-kontijiet sottostanti ġenerali tas-settur tal-gvern. F’Ottubru 2014 dawn il-kontijiet ġew kompilati għall-ewwel darba b’konformità mar-Regolament (UE) Nru 549/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar is-sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali fl-Unjoni Ewropea (ESA 2010) 3 . Din il-valutazzjoni tikkonċentra fuq il-fatturi li jispjegaw id-defiċit/l-eċċess ġenerali tal-gvern u l-bidliet fid-dejn ġenerali tal-gvern. L-Istati Membri jibagħtu dik l-informazzjoni lil Eurostat darbtejn fis-sena bħala parti mit-“Tabelli ta’ notifika tal-EDP”, mill-“Kwestjonarju relatat mat-tabelli ta’ notifika tal-EDP”, mit-“Tabella supplimentari dwar l-interventi tal-gvern bħala appoġġ għall-istituzzjonijiet finanzjarji” u kif ukoll permezz ta’ kjarifiki bilaterali. Eurostat iżomm ukoll kuntatt mal-Istati Membri billi jagħmel żjarat regolari għal taħditiet dwar l-EDP.

    Dan ir-rapport huwa bbażat fuq is-sejbiet u r-riżultati ewlenin tad-dejta tal-EDP li rrapportaw l-Istati Membri fl-2016. Jiffoka fuq l-aħħar rapporti sottomessi f’Ottubru 2016. Fejn xieraq, jagħmel tqabbil mad-dejta mibgħuta f’April 2016 u fl-2015.

    2.Sejbiet ewlenin dwar ir-rapportar tal-2016 dwar il-livelli tad-defiċit u tad-dejn tal-gvern

    2.1.Puntwalità, affidabbiltà u kompletezza

    2.1.1.Puntwalità

    L-Istati Membri huma meħtieġa jirrapportaw id-dejta reali u ppjanata tal-EDP tagħhom lil Eurostat darbtejn fis-sena, qabel l-1 ta’ April u qabel l-1 ta’ Ottubru 4 . Ir-rapportar tal-EDP tal-2016 kopra mill-2012 sal-2016. Iċ-ċifri għall-2016 huma dawk ippjanati mill-awtoritajiet nazzjonali, filwaqt li ċ-ċifri mill-2012 sal-2015 huma dejta reali 5 . Skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 479/2009, Eurostat jivvaluta d-dejta reali li rrapportaw l-Istati Membri, iżda mhux id-dejta ppjanata.

    Il-konformità mal-iskadenzi tar-rapportar kienet tajba ħafna. Fl-2016, l-Istati Membri kollha rrapportaw id-dejta reali tagħhom sal-iskadenza legali għaż-żewġ notifiki tal-EDP.

    2.1.2.Affidabbiltà

    Ir-reviżjonijiet li saru tan-notifiki tal-EDP ta’ bejn April 2016 u Ottubru 2016 kienu l-aktar dovuti għal aġġornamenti tad-dejta sors, primarjament bilanċi tal-ħidma u dejta tat-taxxa, u bidliet metodoloġiċi, bħal klassifikazzjonijiet mill-ġdid.

    Għall-2015, l-ikbar reviżjonijiet pożittivi, li juru tnaqqis fid-defiċit bħala perċentwal tal-PDG, saru fl-Ungerija (+0.4 pp), fil-Bulgarija, fid-Danimarka, fil-Lussemburgu u fis-Slovenja (+0.3 pp kull wieħed), u fis-Slovakkja u fl-Iżvezja (+0.2 pp kull wieħed). L-ikbar reviżjonijiet negattivi saru fl-Estonja (-0.3 pp, tnaqqis fl-eċċess), fil-Greċja (-0.3 pp, żieda fid-defiċit) u fir-Repubblika Ċeka (-0.2 pp, żieda fid-defiċit). L-ikbar reviżjonijiet ’il fuq tal-livell tad-dejn tal-2015 saru fil-Finlandja (+1.1 pp), fl-Iżvezja (+0.8 pp) u fil-Lussemburgu (+0.3 pp), filwaqt li fir-Rumanija l-livell tal-dejn ġie revedut ’l isfel (-0.5 pp).

    Ir-reviżjonijiet tal-PDG għandhom effett ta’ denominatur ikbar fuq il-proporzjonijiet tad-dejn tal-gvern milli fuq il-proporzjonijiet tad-defiċit tal-gvern. Ir-reviżjoni tal-PDG kellha impatt fuq il-proporzjon tad-dejn għal diversi Stati Membri. B’mod partikolari, ġew osservati żidiet fil-proporzjon tad-dejn għal Spanja (+0.5 pp), Franza u l-Lussemburgu (+0.4 pp kull wieħed) u l-Greċja (+0.3 pp), u tnaqqis għal Ċipru (-1.3 pp), il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka u l-Awstrija (-0.7 pp kull wieħed), l-Ungerija u l-Finlandja (-0.6 pp kull wieħed) u, finalment, tnaqqis sostanzjali għall-Irlanda (-15.1 pp 6 ). Ir-reviżjoni tal-PDG għandha impatt limitat fuq il-proporzjon tad-defiċit tal-Istati Membri kollha, ħlief għall-Irlanda (+0.4 pp) u għall-Bulgarija (+0.1 pp).

    2.1.3.Kompletezza tat-tabelli u tal-informazzjoni ta’ appoġġ

    Il-kompletezza tat-tabelli tar-rapportar hija obbligu legali u hija essenzjali sabiex Eurostat ikun jista’ jivvaluta l-kwalità tad-dejta kif xieraq. L-Artikolu 8(2) tar-Regolament (KE) Nru 479/2009 jipprevedi li l-Istati Membri jridu jittrażmettu lil Eurostat l-informazzjoni statistika rilevanti, li “(..) b’mod partikolari (...) tfisser:

    (a)    dejta minn kontijiet nazzjonali;

    (b)    inventarji;

    (c)    tabelli ta’ notifika tal-EDP;

    (d)    kwestjonarji u kjarifiki addizzjonali relatati man-notifiki.”

    Hemm erba’ tabelli ta’ notifika tal-EDP ewlenin. It-Tabella 1 tkopri r-rapportar tal-eċċess/tad-defiċit tal-gvern bħala total u skont is-sottosetturi tal-gvern, il-livelli tad-dejn bħala total 7 u skont il-kategorija tal-istrumenti finanzjarji. Tkopri wkoll il-PDG fil-prezz attwali tas-suq u n-nefqa tal-gvern dwar il-formazzjoni grossa tal-kapital fiss u fuq l-interessi. It-Tabelli 2A sa 2D jipprovdu d-dejta li tispjega t-tranżizzjoni bejn id-definizzjonijiet nazzjonali tal-bilanċ tal-gvern (imsejjaħ “bilanċ tal-ħidma” fil-metodoloġija nazzjonali tal-kontijiet) u l-eċċess/id-defiċit ta’ kull sottosettur tal-gvern (imsejjaħ “self nett/teħid ta’ self nett” fil-metodoloġija nazzjonali tal-kontijiet) 8 . It-Tabelli 3A sa 3D jipprovdu d-dejta li tispjega l-kontribuzzjonijiet tal-eċċess/tad-defiċit tal-gvern u fatturi rilevanti oħrajn għall-varjazzjoni fil-livell tad-dejn tal-gvern u fil-konsolidazzjoni tad-dejn. It-Tabella 4 tinkludi prinċipalment dejta fuq krediti kummerċjali u avvanzi 9 . It-Tabelli 1 u 2 tal-EDP ikopru mill-2012 sal-2016 10 , filwaqt li t-tabelli l-oħrajn ikopru mill-2012 sal-2015.

    L-Istati Membri kollha pprovdew lil Eurostat bit-tabelli kollha ta’ notifika tal-EDP 11 kemm fin-notifiki tal-EDP ta’ April kif ukoll ta’ Ottubru tal-2016. Fir-rapportar ta’ Ottubru, l-Istati Membri kollha mlew it-Tabella 1 tal-EDP kompletament u pprovdew dettalji fit-Tabella 2 tal-EDP dwar ir-rabta bejn il-bilanċ tal-ħidma u l-eċċess/id-defiċit tal-EDP għas-sottosetturi kollha. Fir-Renju Unit, il-bilanċ tal-ħidma jiġi ġġudikat abbażi tad-dovuti u ftit li xejn ġew irrapportati aġġustamenti sabiex jiġi ttrasformat f’eċċess/f’defiċit skont l-ESA tal-2010. Xi pajjiżi ma rrapportawx il-partiti tat-tranżizzjoni kollha kif intalbu fil-mudell (il-Ġermanja, l-Awstrija) filwaqt li xi pajjiżi oħrajn inkludew biss xi partiti tat-tranżizzjoni residwi (l-Italja, in-Netherlands, il-Finlandja u l-Iżvezja).

    Mhux l-Istati Membri kollha pprovdew id-disaggregazzjonijiet kollha fit-tabelli 3 kollha tal-EDP. B’mod partikolari, l-Awstrija ma pprovdietx id-dettalji mitluba dwar l-ishma u ekwità oħra, filwaqt li l-Ġermanja ma pprovdietx id-dettalji tad-derivati finanzjarji. La l-Ġermanja u lanqas l-Awstrija ma mlew il-linji ta’ aġġustament marbuta mal-valutazzjoni tad-dejn.

    Jenħtieġ li l-istokk ġenerali tal-gvern tal-krediti u tal-avvanzi kummerċjali jiġi rrapportat fit-Tabella 4 tal-EDP. Madankollu, il-kopertura kompluta tas-sottosetturi tal-gvern kollha kif ukoll fis-sottosetturi ġiet miksuba għal madwar nofs l-Istati Membri. Il-Belġju, il-Bulgarija, il-Ġermanja, l-Irlanda, il-Greċja, Franza, l-Italja, Ċipru, il-Lussemburgu, Malta, in-Netherlands, il-Polonja u r-Renju Unit immarkaw id-dejta li ssottomettew bħala provviżorja, jiġifieri soġġetta għal reviżjonijiet fin-notifiki futuri.

    Il-kompletezza tat-tabelli tal-EDP għad tista’ tittejjeb. Madankollu, huwa mistenni li l-kwistjonijiet li fadal ikollhom impatt minimu fuq il-kwalità tad-dejta.

    L-Istati Membri kollha ssottomettew it-tweġibiet għall-“Kwestjonarju relatat mat-tabelli ta’ notifika tal-EDP” 12 . Minkejja li l-kopertura u l-kwalità tat-tweġibiet baqgħu jitjiebu meta mqabblin mas-snin preċedenti, għad hemm il-ħtieġa li jsir progress, għaliex xi pajjiżi ma rrapportawx id-dettalji kollha mitluba fil-kwestjonarju. Dan japplika b’mod notevoli għad-dejta dwar il-pretensjonijiet tal-gvern ċentrali u l-ikkanċellar tad-dejn, id-disaggregazzjonijiet ta’ kontijiet oħra riċevibbli/pagabbli, l-irreġistrar ta’ garanziji tal-gvern (l-aktar għall-kopertura tas-sottosettur tal-gvern lokali) u d-dejta dwar l-injezzjonijiet ta’ kapital.

    2.1.4.Tabella supplimentari għar-rapportar tal-intervent tal-gvern bħala appoġġ għall-istituzzjonijiet finanzjarji

    Eurostat ilu mill-15 ta’ Lulju 2009 jiġbor sett ta’ dejta supplimentari dwar l-interventi tal-gvern biex jappoġġa l-istituzzjonijiet finanzjarji. Id-dejta miġbura fl-2016 relatata mal-perjodu mill-2007 sal-2015. L-Istati Membri kollha ħlief ħamsa (l-Estonja, Malta, il-Polonja, ir-Rumanija u s-Slovakkja) irrapportaw diversi interventi tal-gvern matul dak il-perjodu. Fil-Finlandja (fl-2008) u fir-Repubblika Ċeka (mill-2013 sal-2015) l-unika interventi rrapportati kienu jikkonċernaw l-obbligazzjonijiet kontinġenti. Fl-2015, l-impatt fuq id-defiċit tal-appoġġ għall-istituzzjonijiet finanzjarji kien partikolarment kbir fil-Greċja (4.1 % tal-PDG), fil-Portugall (1.6 % tal-PDG) u fis-Slovenja (1.4 % tal-PDG). Eurostat ippubblika nota ta’ sfond flimkien mal-istqarrijiet għall-istampa tal-EDP tiegħu fejn ipprovda iktar informazzjoni dwar il-kontenut tat-Tabella supplimentari u tas-sejbiet tad-dejta 13 . 

    2.1.5.Kwestjonarju dwar is-self intergovernattiv

    L-Istati Membri jipprovdu wkoll dejta dwar self intergovernattiv bilaterali, ġeneralment skont programmi ta’ assistenza finanzjarja. Dik id-dejta u l-informazzjoni ulterjuri dwar il-Faċilità Ewropea tal-Istabbiltà Finanzjarja jiffurmaw parti mill-istqarrijiet għall-istampa tal-EDP. Għas-snin mill-2012 sal-2015, iċ-ċifri tas-self intergovernattiv huma marbuta l-iktar mas-self lill-Greċja, lill-Irlanda u lill-Portugall.

    Is-self intergovernattiv bilaterali jitnaqqas meta jiġu kkalkolati l-aggregati tal-UE-28 u taż-żona euro għad-dejn tal-gvern ta’ Maastricht, peress li t-tnejn jintwerew fuq bażi konsolidata.

    2.2.Konformità mar-regoli tal-kontabbiltà u l-konsistenza tad-dejta statistika

    2.2.1.Skambju ta’ informazzjoni u kjarifiki

    Matul il-perjodu ta’ notifika bejn l-iskadenza tal-ħarifa għar-rapportar tal-1 ta’ Ottubru u l-pubblikazzjoni tad-dejta fil-21 ta’ Ottubru 2016, Eurostat ikkuntattja lill-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika f’kull Stat Membru biex jitlob għal iktar informazzjoni u jiċċara l-applikazzjoni tar-regoli tal-kontabbiltà għal tranżazzjonijiet speċifiċi. Dak il-proċess involva bosta sensiliet ta’ korrispondenza bejn Eurostat u l-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika. L-ewwel sensiela ta’ talbiet għal kjarifika ntbagħtet lill-Istati Membri kollha sas-6 ta’ Ottubru. Sensiela oħra ta’ talbiet intbagħtet lil 25 Stat Membru, filwaqt li t-tielet sensiela ntbagħtet lil 13-il Stat Membru u r-raba’ sensiela lil Stat Membru wieħed. Eurostat talab lil ċerti Stati Membri jipprovdu “tabelli ta’ notifika tal-EDP” reveduti, tabelli reveduti għall-kontijiet sottostanti tal-gvern (jiġifieri l-kontijiet tan-nefqa u tad-dħul annwali, u kontijiet finanzjarji u mhux finanzjarji trimestrali) u “Kwestjonarju relatat mat-tabelli ta’ notifika tal-EDP” revedut. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, il-bidliet fid-dejta rrapportata fil-perjodu ta’ notifika ta’ Ottubru 2016 kienu korrezzjonijiet ta’ żbalji tekniċi, inkonsistenzi interni, aġġustamenti pprovduti fit-tabelli ta’ notifika jew fil-kwestjonarju relatat jew l-irreġistrar skorrett fit-tabelli. Ftit bidliet kienu marbuta ma’ gwida metodoloġika speċifika pprovduta minn Eurostat, jew ma’ aġġornament tad-dejta sors.

    2.2.2.Żjarat ta’ djalogu u żjarat metodoloġiċi

    Ir-Regolament (KE) Nru 479/2009 jipprevedi żjarat ta’ djalogu u żjarat metodoloġiċi. Ir-rappreżentanti ta’ DĠ ECFIN u tal-Bank Ċentrali Ewropew jattendu dawk iż-żjarat regolarment bħala osservaturi. Iż-żjarat ta’ djalogu fl-Istati Membri jsiru regolarment (minn tal-inqas kull sentejn) bil-għan li tiġi reveduta d-dejta rrapportata, jiġu eżaminati l-kwistjonijiet metodoloġiċi, jiġu diskussi l-proċessi u s-sorsi statistiċi deskritti fl-inventarji u tiġi vvalutata l-konformità mar-regoli tal-kontabbiltà rilevanti (pereżempju dwar id-delimitazzjoni ġenerali tal-gvern, il-ħin tal-irreġistrar u l-klassifikazzjoni tat-tranżazzjonijiet u tal-obbligazzjonijiet tal-gvern).

    Il-frekwenza taż-żjarat ta’ djalogu tal-EDP regolari fl-Istati Membri żdiedet fl-aħħar snin. Jekk Eurostat iqajjem kwistjoni speċifika importanti ma’ Stat Membru u din ma tkunx tista’ tiġi solvuta ħlief billi ssir laqgħa mal-awtoritajiet ikkonċernati, tista’ tiġi organizzata żjara ad hoc jew teknika fl-Istat Membru.

    Fl-2016, Eurostat għamel żjarat ta’ djalogu tal-EDP fil-Belġju (21-22 ta’ Jannar), fl-Ungerija (15-16 ta’ Frar), fil-Greċja (17-19 ta’ Frar u 22-24 ta’ Marzu), fil-Ġermanja (25-26 ta’ Frar), fil-Bulgarija (29 ta’ Frar-1 ta’ Marzu), fil-Lussemburgu (15-16 ta’ Marzu), fil-Litwanja (19-20 ta’ Mejju), f’Malta (8-10 ta’ Ġunju), fid-Danimarka (19-20 ta’ Settembru), fil-Portugall (9-11 ta’ Novembru) u fir-Repubblika Ċeka (22-23 ta’ Novembru). Saru wkoll tliet żjarat ad hoc fil-Greċja (27-28 ta’ Ġunju), fl-Ungerija (22 ta’ Settembru) u fil-Polonja (17-18 ta’ Novembru). Eurostat għamel ukoll żjara teknika (25-27 ta’ Jannar) u żjara speċifika (26-28 ta’ Settembru) fl-Awstrija fil-kuntest ta’ investigazzjoni li għaddejja dwar il-possibbiltà ta’ rrapportar skorrett ta’ dejta 14 .

    Is-sejbiet finali ta’ kull żjara ta’ djalogu, inklużi l-punti ta’ azzjoni miftiehma u l-istatus tal-kwistjonijiet imqajma, jintbagħtu lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju u jiġu ppubblikati fuq is-sit web ta’ Eurostat 15 . Maż-żmien, l-implimentazzjoni ta’ dawn il-punti ta’ azzjoni wasslet għal titjib konsiderevoli fil-kwalità tad-dejta.

    Fl-2016, Eurostat ma għamel l-ebda żjara metodoloġika.

    2.2.3.Pariri speċifiċi minn Eurostat

    L-Istati Membri jikkonsultaw lil Eurostat b’mod regolari sabiex jiċċaraw diversi kwistjonijiet tal-kontabbiltà nazzjonali b’rabta ma’ operazzjonijiet futuri jew passati. Eurostat jagħti l-pariri skont il-linji gwida ppubblikati eżistenti 16 . Minn Lulju 'l hawn, fl-interess tat-trasparenza, Eurostat ippubblika l-ittri kollha ta’ parir tiegħu 17 mingħajr ma talab qabel għall-kunsens tal-Istat Membru kkonċernat, kif kienet il-prattika sa dak iż-żmien. B'kollox, ġew ippublikati 19-il ittra fl-2016.

    2.2.4.Kwistjonijiet metodoloġiċi riċenti

    L-edizzjoni tal-2016 tal-Manwal dwar id-Defiċit u d-Dejn tal-Gvern (MGDD) ġiet ippubblikata fl-4 ta’ Marzu u tinkludi kapitli li nġabu konformi mal-ESA 2010, filwaqt li jirriflettu r-riżultati tal-ħidma tat-task force dwar il-kwistjonijiet metodoloġiċi fl-2015.

    Eurostat ivvaluta l-applikazzjoni kif suppost tar-regoli tal-ESA 2010 u vverifika l-applikazzjoni tad-deċiżjonijiet metodoloġiċi tiegħu billi analizza d-dejta rrapportata mill-Istati Membri fil-“Kwestjonarju relatat mat-tabelli ta’ notifika tal-EDP”, kif ukoll permezz ta’ diskussjonijiet mal-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika matul iż-żjarat ta’ djalogu tal-EDP.

    Eurostat jipprovdi dokumentazzjoni ta’ gwida metodoloġika addizzjonali dwar ir-regoli tal-kontabbiltà għall-istatistika tal-EDP u l-GFS, li tikkumplimenta r-regoli ġenerali tal-ESA 2010. In-noti ta’ gwida huma rilaxxati taħt ir-responsabbiltà ta’ Eurostat, wara konsultazzjoni mal-awtoritajiet tal-istatistika tal-Istati Membri. Il-kjarifiki huma rilaxxati taħt ir-responsabbiltà ta’ Eurostat u jispjegaw ir-regoli tal-kontabbiltà għal xi kwistjonijiet speċifiċi ħafna.

    Fl-2016 Eurostat ippubblika tliet noti ta’ kjarifika: “It-trattament statistiku tal-kuntratti PPP” (l-4 ta’ Marzu), “L-implikazzjonijiet statistiċi ta’ leġiżlazzjoni ġdida dwar ir-riżoluzzjoni” (il-31 ta’ Marzu) u “L-irreġistrar statistiku tal-kontribuzzjonijiet tal-2015 fil-Fondi Nazzjonali ta’ Riżoluzzjoni” (is-26 ta’ Settembru).

    L-irreġistrar statistiku tal-PPPs ġie diskuss b’mod estensiv ukoll, speċjalment fil-kuntest tal-Pjan ta’ Investiment ta’ Juncker għall-Ewropa. Min-naħa ta’ Eurostat, saru sforzi kbar sabiex jiġu ċċarati r-regoli dwar il-PPPs għall-kompilaturi. Minbarra n-nota li nħarġet f’Marzu u l-kapitlu aġġornat dwar il-PPPs fl-MGDD, flimkien mal-Bank Ewropew tal-Investiment, Eurostat ippubblika gwida komprensiva għall-PPPs (“Gwida għat-Trattament Statistiku tal-PPPs” 18 ) fid-29 ta’ Settembru.

    Fl-2016 ġew stabbiliti żewġ task forces, waħda dwar il-politika ta’ reviżjoni (3 ta’ Marzu u 24-25 ta’ Mejju) u oħra dwar l-MGDD (13-14 ta’ Settembru). Din tal-aħħar tiffoka fuq kwistjonijiet metodoloġiċi li jeħtieġu kjarifika ulterjuri u/jew li għalihom fil-futur jistgħu jiġu mbassra gwida jew kapitli tal-MGDD aġġornati. Ġew organizzati wkoll tliet laqgħat dedikati tal-esperti, waħda dwar il-kontribuzzjonijiet ta’ riżoluzzjoni u l-iskema ta’ garanzija tad-depożiti (4 ta’ Lulju), waħda dwar l-istrutturi ta’ mmaniġġjar finanzjarju (14 ta’ Novembru) u waħda dwar id-djun tossiċi (15 ta’ Novembru).

    2.2.5.Konsistenza mal-kontijiet sottostanti tal-gvern

    L-iskadenzi tan-notifika tal-1 ta’ April u tal-1 ta’ Ottubru stipulati fir-Regolament (KE) Nru 479/2009 ġew introdotti sabiex tkun żgurata l-konsistenza mal-kontijiet annwali u trimestrali sottostanti tas-settur tal-gvern, kif irrapportati lil Eurostat f’bosta tabelli ta’ trażmissjoni tal-ESA. Eurostat jivverifika b’mod sistematiku li n-notifiki tal-EDP ikunu konsistenti mal-kontijiet sottostanti tas-settur tal-gvern. Pereżempju, jenħtieġ li n-nefqa u d-dħul totali tal-gvern ikunu konsistenti maċ-ċifra tad-defiċit irrapportata.

    Id-dejta tal-EDP ġeneralment kienet konsistenti mal-kontijiet tal-gvern tal-ESA 2010 irrapportati, għalkemm hemm xi tħassib kemm dwar il-karti tal-bilanċ għall-assi u għall-obbligazzjonijiet (stokks) finanzjarji kif ukoll għall-kontijiet finanzjarji trimestrali ġenerali tal-gvern (it-Tabella 27 tal-ESA). Hemm inkonsistenzi li jispikkaw għall-Bulgarija, Ċipru, id-Danimarka, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Irlanda, il-Lussemburgu, il-Portugall, Spanja, u differenzi iżgħar għal Franza u l-Ungerija.

    Fir-rigward tat-tranżazzjonijiet finanzjarji netti, għad hemm differenzi sinifikanti għall-Greċja għal għadd ta’ snin fir-rapportar ta’ Ottubru 2016; l-istess sitwazzjoni bħal fin-notifiki preċedenti. F’dak il-kuntest, Eurostat għalhekk reġa’ rtira t-Tabella 27 tal-ESA mill-pubblikazzjoni u emenda ċ-ċifri għall-Greċja użati għall-aggregati taż-żona euro u tal-UE-28. Barra minn hekk, qed jaħdem mal-Bank tal-Greċja u mal-BĊE biex jindirizza din il-problema.

    Id-dejta tal-EDP dwar l-eċċess/id-defiċit, il-formazzjoni grossa tal-kapital fiss u n-nefqa tal-interessi, irrapportati mill-Istati Membri kienu konsistenti għalkollox mad-dejta annwali u trimestrali dwar in-nefqa u d-dħul tal-gvern (it-tabelli 2 u 25 tal-ESA). Id-dejta dwar id-dejn annwali u d-dejn trimestrali tal-gvern (it-Tabella 28 tal-ESA) taqbel perfettament ukoll għall-Istati Membri kollha.

    2.3.Pubblikazzjoni

    2.3.1.Pubblikazzjoni taċ-ċifri ewlenin u tabelli dettaljati ta’ rapportar

    L-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 479/2009 jistipula: "Il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tipprovdi d-dejta reali dwar id-defiċit u d-dejn tal-gvern għall-applikazzjoni tal-Protokoll dwar il-proċedura tad-defiċit eċċessiv, fi żmien tliet ġimgħat wara l-iskadenza tat-termini perentorji tar-rapportar […]. Dak il-forniment ta’ dejta għandu jitwettaq permezz ta’ pubblikazzjoni.”

    Eurostat ippubblika id-dejta dwar id-defiċit u d-dejn tal-gvern fuq is-sit web tiegħu fil-21 ta’ April 19 u fil-21 ta’ Ottubru 20 , flimkien mat-tabelli kollha ta’ rapportar 21 notifikati mill-Istati Membri kif ukoll b’nota dwar l-aġġustament tal-fluss tal-istokks, nota dwar l-interventi tal-gvern bħala appoġġ għall-istituzzjonijiet finanzjarji u nota dwar l-istokk ta’ obbligazzjonijiet ta’ krediti u avvanzi kummerċjali. Ippubblika wkoll stqarrija għall-istampa dwar id-dejn trimestrali ta’ Maastricht, f’madwar t+115-il jum 22 , kif ukoll stqarrija għall-istampa dwar id-defiċit trimestrali ġenerali tal-gvern.

    Skont ir-Regolament (KE) Nru 479/2009, l-Istati Membri jridu jippubblikaw id-dejta reali tagħhom dwar id-defiċit u d-dejn. L-Istati Membri kollha jippubblikaw ċifri dwar id-defiċit u d-dejn fil-livell nazzjonali. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri informaw lil Eurostat li huma jippubblikaw it-tabelli tal-EDP kollha tagħhom. Ħames Stati Membri, il-Bulgarija, l-Italja, il-Lussemburgu, il-Polonja u s-Slovakkja, jippubblikaw biss uħud mit-tabelli ta’ rapportar. Stat Membru wieħed, Franza, ma jippublika l-ebda Tabella tal-EDP fil-livell nazzjonali.

    2.3.2.Riżervi dwar il-kwalità tad-dejta

    Ottubru 2016

    Ċipru: Eurostat esprima riżerva dwar il-kwalità tad-dejta rrapportata minn Ċipru f’rabta ma’ serje ta’ kwistjonijiet tekniċi, bħall-irreġistrar tal-flussi tal-UE, il-bażi għall-bilanċ ta’ ħidma tal-gvern ċentrali, l-użu mhux komplut tad-dejta sors għar-rapportar tad-dovuti u n-nuqqas ta’ rapportar tad-diskrepanza statistika fit-tabelli EDP.

    Eurostat irtira r-riżerva tiegħu dwar Franza u żamm ir-riżervi tiegħu espressi fl-istqarrija għall-istampa tal-EDP ta’ April 2016 dwar il-Belġju u l-Ungerija (ir-riżerva dwar l-Ungerija ġiet emendata f’Ottubru 2016 biex tinkludi d-dirottar possibbli tal-operazzjonijiet imwettqa mill-Bank Ċentrali Ungeriż).

    April 2016

    Il-Belġju: Eurostat esprima riżerva dwar il-kwalità tad-dejta rrapportata mill-Belġju f’rabta mal-klassifikazzjoni tas-setturi tal-isptarijiet.

    Franza: Eurostat esprima riżervi dwar il-kwalità tad-dejta rrapportata minn Franza f’rabta mal-klassifikazzjoni tas-setturi tal-Garanzija tad-Depożiti u tal-Fondi ta’ Riżoluzzjoni Franċiżi fl-2015 u l-irreġistrar tal-ispejjeż ta’ saldu relatati mar-ristrutturar ta’ strumenti ta’ dejn kumplessi li saru mill-gvern lokali.

    L-Ungerija: Eurostat esprima riżerva dwar il-kwalità tad-dejta rrapportata mill-Ungerija f’rabta mal-klassifikazzjoni tas-setturi ta’ Eximbank.

    Eurostat irtira r-riżerva tiegħu dwar l-Awstrija li ġiet espressa fl-istqarrija għall-istampa tiegħu tal-21 ta’ Ottubru 2015.

    2.3.3.Emendi għad-dejta rrapportata

    Eurostat ma emendax id-dejta rrapportata mill-Istati Membri fin-notifiki tal-EDP ta’ April jew ta’ Ottubru 2016.

    2.3.4.Pubblikazzjoni tal-metadejta (inventarji 23 )

    Ir-Regolament (KE) Nru 479/2009 jispeċifika li l-inventarji tal-EDP huma parti mill-informazzjoni statistika li jridu jipprovdu l-Istati Membri. Jirrikjedi wkoll li l-inventarji tal-EDP jiġu ppubblikati fuq livell nazzjonali.

    Eurostat biddel il-format tal-inventarji tal-EDP, billi għamel bidliet strutturali u rrikjeda informazzjoni iktar dettaljata. Intlaħaq qbil dwar il-mudell il-ġdid tal-inventarju adattat għall-ESA 2010 u, sal-aħħar tal-2016, Eurostat ippubblika inventarji reveduti għal iktar minn żewġ terzi tal-Istati Membri.

    3.Konklużjonijiet

    Eurostat jirrikonoxxi t-titjib kumplessiv kontinwu fil-konsistenza u fil-kompletezza tad-dejta rrapportata. Madankollu, il-kwalità tad-dejta fiskali trid tkompli titjib iktar. Matul l-2016, Eurostat intensifika l-kjarifiki bilaterali matul il-valutazzjoni tan-notifiki tal-EDP. Żied ukoll il-kuntatti u l-konsultazzjonijiet mal-Istati Membri bejn in-notifiki. Barra minn hekk, żdiedet il-frekwenza taż-żjarat ta’ djalogu. Il-pubblikazzjoni tal-ittri metodoloġiċi ta’ parir kollha ta’ Eurostat tejbet il-kondiviżjoni tal-għarfien u t-trasparenza.

    Xi Stati Membri, b’mod partikolari l-Greċja, għad għandhom problemi ta’ konsistenza fil-kontijiet finanzjarji trimestrali.

    Fl-2016, Eurostat esprima erba’ riżervi dwar il-kwalità tad-dejta rrapportata mill-Istati Membri. Dawn kienu jikkonċernaw lill-Belġju, lil Franza u lill-Ungerija għan-notifika tal-EDP ta’ April u lil Ċipru għan-notifika tal-EDP ta’ Ottubru. Eurostat irtira r-riżervi tiegħu dwar l-Awstrija (April 2016) u Franza (Ottubru 2016) u żammhom għall-Belġju u għall-Ungerija (Ottubru 2016).

    Ir-reviżjonijiet tad-dejta preċedenti dwar id-defiċit u d-dejn saru dovuti l-iktar minħabba aġġornamenti tad-dejta sors, klassifikazzjonijiet mill-ġdid tal-unitajiet u talbiet metodoloġiċi għal pariri.

    Kumplessivament, Eurostat jikkonkludi li l-kwalità tar-rapportar tad-dejta fiskali kompliet titjieb fl-2016. B’mod ġenerali, l-Istati Membri pprovdew informazzjoni ta’ kwalità aħjar u iżjed kompluta, kemm fit-tabelli ta’ notifika tal-EDP kif ukoll f’rendimenti statistiċi rilevanti oħrajn.

    (1)

       ĠU L 145, 10.6.2009, p. 1.

    (2)

       COM(2016) 164 final.

    (3)

       ĠU L 174, 26.6.2013, p. 1.

    (4)

       L-Artikoli 3(1) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 479/2009.

    (5)

       Id-dejta reali tista’ tkun f’ċifri finali, nofshom finalizzati jew stmati.

    (6)

    http://ec.europa.eu/eurostat/documents/24987/6390465/Irish_GDP_communication.pdf  

    (7)

    Skont il-Protokoll dwar il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv anness mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE, id-dejn tal-gvern huwa d-dejn gross konsolidat tas-settur sħiħ ġenerali tal-gvern li jkun pendenti fl-aħħar tas-sena (f’valur nominali). Skont ir-Regolament Nru 479/2009, id-dejn tal-gvern jinkludi l-munita u d-depożiti (AF.2), it-titoli ta’ dejn (AF.3) u s-self (AF.4), kif definit fl-ESA 2010.

    (8)

    L-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 479/2009.

    (9)

        Ara d-dikjarazzjonijiet li jakkumpanjaw il-minuti tal-Kunsill tat-22 ta’ Novembru 1993: https://webgate.ec.europa.eu/fpfis/mwikis/gfs/images/e/e7/Statements_9817.en93.pdf

    (10)

        Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 jirrikjedi espliċitament biss li l-Istati Membri jipprovdu dejta ppjanata fit-tabelli 1 u 2A tal-EDP.

    (11)

       It-tabelli ta’ notifika tal-EDP irrapportati mill-Istati Membri jinsabu fuq is-sit web ta’ Eurostat: http://ec.europa.eu/eurostat/web/government-finance-statistics/excessive-deficit-procedure/edp-notification-tables .

    (12)

        Dan il-kwestjonarju jinkludi 13-il taqsima li jirrikjedu informazzjoni kwantitattiva u xi kultant kwalitattiva f’bosta oqsma, bħalma huma t-tranżazzjonijiet tat-taxxi u tal-kontribuzzjonijiet soċjali u mal-UE, l-akkwist ta’ tagħmir militari, il-garanziji tal-gvern, l-ikkanċellar tad-dejn, l-injezzjonijiet ta’ kapital li jagħmel il-gvern fil-korporazzjonijiet pubbliċi, is-sħubijiet pubbliċi-privati, id-dirottar tat-tranżazzjonijiet kif ukoll kwistjonijiet oħrajn.

    (13)

        Ara: http://ec.europa.eu/eurostat/documents/1015035/2022710/Background-note-on-gov-interventions-OCT-2016-final.pdf  

    (14)

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2016) 2633 final tat-3.05.2016 dwar it-tnedija ta’ investigazzjoni marbuta mal-manipulazzjoni tal-istatistika fl-Awstrija kif imsemmi fir-Regolament (UE) Nru 1173/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-infurzar effettiv tas-sorveljanza baġitarja fiż-żona tal-euro.

    (15)

    Ara: http://ec.europa.eu/eurostat/web/government-finance-statistics/excessive-deficit-procedure/eurostat-edp-visits-to-member-states

    (16)

    Ara: http://ec.europa.eu/eurostat/web/government-finance-statistics/methodology/guidance-on-accounting-rules

    (17)

    Ara: http://ec.europa.eu/eurostat/web/government-finance-statistics/methodology/advice-to-member-states

    (18)

    http://ec.europa.eu/eurostat/documents/1015035/7204121/epec-eurostat-statistical-guide-en.pdf

    (19)

        Ara: http://ec.europa.eu/eurostat/documents/2995521/7235991/2-21042016-AP-EN.pdf

    (20)

        Ara: http://ec.europa.eu/eurostat/documents/2995521/7704449/2-21102016-AP-EN.pdf  

    (21)

          Ara: http://ec.europa.eu/eurostat/web/government-finance-statistics/excessive-deficit-procedure/edp-notification-tables

    (22)

    ‘t’ huwa l-aħħar trimestru rrapportat

    (23)

        Inventarji tal-metodi, tal-proċeduri u tas-sorsi użati għall-ġbir tad-dejta reali dwar id-defiċit u d-dejn u l-kontijiet sottostanti tal-gvern.

    Top