Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017DC0117

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-implimentazzjoni fl-2013-2014 tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq u tad-Direttiva 2002/15/KE dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol ta’ ħaddiema li jwettqu attivitajiet mobbli tat-trasport fit-toroq (It-28 rapport mill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni soċjali marbuta mat-trasport bit-triq)

COM/2017/0117 final

Brussell, 7.3.2017

COM(2017) 117 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-implimentazzjoni fl-2013-2014 tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq u tad-Direttiva 2002/15/KE dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol ta’ ħaddiema li jwettqu attivitajiet mobbli tat-trasport fit-toroq

(It-28 rapport mill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni soċjali marbuta mat-trasport bit-triq)

{SWD(2017) 100 final}


I.Introduzzjoni

Dan ir-rapport janalizza l-implimentazzjoni, min-naħa tal-Istati Membri, tal-erba' atti leġiżlattivi interrelatati li jistabbilixxu regoli soċjali fil-qasam tat-trasport bit-triq u s-sistema ta' infurzar tagħhom. Dawn l-atti leġiżlattivi huma: Ir-Regolament (KE) Nru 561/2006 1 , li jistabbilixxi regoli dwar il-ħinijiet tas-sewqan, il-pawżi u l-perjodi ta’ mistrieħ għas-sewwieqa professjonali; Id-Direttiva 2006/22/KE 2 , li tistabbilixxi r-rekwiżiti minimi għall-infurzar ta’ dawk ir-regoli; Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 3 dwar apparat ta’ reġistrazzjoni, jiġifieri l-għodda prinċipali għall-kontroll tal-konformità tas-sewwieqa mar-regoli soċjali u d-Direttiva 2002/15/KE 4 , li tistabbilixxi dispożizzjonijiet komplementari dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol ta’ ħaddiema li jwettqu attivitajiet mobbli tat-trasport fit-toroq (minn hawn ’il quddiem imsejħa “id-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol għat-Trasport fit-Toroq"). Il-Kummissjoni bħalissa qed tevalwa r-Regolament (KE) Nru 561/2006 u beħsiebha tressaq proposta għal reviżjoni mmirata fl-2017 bħala parti mill-Inizjattiva dwar it-Toroq.

L-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 jistipula li kull sentejn l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw l-informazzjoni meħtieġa biex jippermettu li l-Kummissjoni tfassal rapport dwar l-applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament u dwar l-iżviluppi li jkunu saru fl-oqsma inkwistjoni. L-Artikolu 13 tad-Direttiva 2002/15/KE jistipula li l-Istati Membri għandhom jippreżentaw rapporti lill-Kummissjoni fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, filwaqt li jindikaw ukoll l-opinjonijiet taż-żewġ naħat tal-industrija. Ir-rapporti dwar id-Direttiva 2002/15/KE u r-Regolament (KE) Nru 561/2006 jistgħu jiġu ppreżentati f’dokument wieħed, peress li ż-żewġ atti leġiżlattivi jkopru l-istess perjodu ta’ rappurtar ta’ sentejn u jistabbilixxu regoli komplementari għas-sewwieqa professjonali li jaħdmu fit-trasport tal-merkanzija jew tal-passiġġieri.

Dan ir-rapport ikopri l-perjodu mill-1 ta' Jannar 2013 sal-31 ta' Diċembru 2014. Huwa bbażat prinċipalment fuq ir-rapporti nazzjonali, li l-iskadenza għas-sottomissjoni tagħhom għalqet fit-30 ta’ Settembru 2015. L-għan tiegħu hu li jagħti ħarsa ġenerali lejn kif l-Istati Membri implimentaw is-sensiela ta’ atti leġiżlattivi msemmija hawn fuq, u li jenfasizza l-isfidi ewlenin fil-qasam tal-infurzar u l-applikazzjoni tar-regoli fis-seħħ. Ir-rapport jinkludi dejta kemm kwantitattiva kif ukoll kwalitattiva dwar il-kontrolli mwettqa mal-ġenb tat-triq kif ukoll fil-post tan-negozju, dwar il-kontravvenzjonijiet identifikati, kif ukoll informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol għat-Trasport fit-Toroq. Ir-rapport tal-Kummissjoni huwa kkumplimentat b'Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jinkludi informazzjoni supplimentari dwar il-penali, il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, kummenti mingħand l-awtoritajiet tal-infurzar u statistika dettaljata.

Ir-rapport huwa maqsum f'erba’ taqsimiet li jkopru diversi aspetti tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni soċjali. It-Taqsima I tipprovdi sommarju dwar il-kwalità u l-puntwalità tas-sottomissjoni ta' dejta nazzjonali. It-Taqsima II tipprovdi analiżi sħiħa tad-dejta kwantitattiva nazzjonali pprovduta fir-rigward tal-kontrolli u l-infrazzjonijiet, filwaqt li t-Taqsima III tagħti deskrizzjoni fil-qosor dwar l-implimentazzjoni min-naħa tal-Istati Membri tad-Direttiva 2002/15/KE. Fit-Taqsima IV jiġu ppreżentati l-konklużjonijiet ewlenin li ntlaħqu.

L-għanijiet u d-dispożizzjonijiet ewlenin tal-leġiżlazzjoni soċjali fit-trasport bit-triq, kif ukoll aspetti oħra u l-istatistika dettaljata dwar ir-riżultati tal-kontrolli li twettqu, huma deskritti fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja dan ir-rapport.

Preżentazzjoni tad-dejta

Ir-rapporti nazzjonali dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/15/KE u tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 għandhom jitressqu permezz tal-formola standard stabbilita fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/810/KE 5 . Din il-formola standard tgħaqqad flimkien ir-rekwiżiti ta’ rappurtar ta’ dawn iż-żewġ atti leġiżlattivi u, permezz ta’ format ta' rappurtar interattiv, tiġbor dejta kwantitattiva u kwalitattiva li tikkostitwixxi fatturi li huma kruċjali għal dan ir-rapport.

Il-Kummissjoni tinnota li, b’mod ġenerali, l-Istati Membri pprovdew rapporti nazzjonali ta’ kwalità kemxejn aħjar u b'mod kemxejn aktar puntwali minn dawk tas-snin preċedenti. Dan japplika b’mod partikolari għad-dejta dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 561/2005. Iżda, huwa rrakkomandat aktar titjib fir-rigward tal-proċess tal-ġbir tad-dejta nazzjonali. Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja dan ir-rapport (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “id-dokument ta' akkumpanjament”) fih deskrizzjoni aktar dettaljata dwar il-preżentazzjoni tad-dejta.

Barra minn hekk, l-Istati Membri għarrfu lill-Kummissjoni bl-eċċezzjonijiet mogħtija mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-ħinijiet tas-sewqan, il-pawżi u l-perjodi ta’ mistrieħ skont l-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 561/2006. Il-lista aġġornata tal-eċċezzjonijiet hija inkluża fid-dokument ta’ akkumpanjament u tinsab disponibbli fuq is-sit web tal-Kummissjoni 6 .



II.Analiżi tad-dejta dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 561/2006

1. Kontrolli

Skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2006/22/KE, l-Istati Membri għandhom jorganizzaw sistema ta’ kontrolli adatti u regolari, kemm mal-ġenb tat-triq kif ukoll fuq il-post tal-kategoriji kollha tat-trasport. Dawn il-kontrolli għandhom ikopru kull sena kampjun kbir u rappreżentattiv ta’ ħaddiema mobbli, sewwieqa, impriżi u vetturi. Il-paragrafu 3 tal-Artikolu 2 jeħtieġ li l-għadd minimu ta’ kontrolli fl-2013 u l-2014 għandu jkopri mill-inqas 3% tal-ġranet li jkunu nħadmu mis-sewwieqa tal-vetturi li jaqgħu fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolamenti (KE) Nru 561/2006 7 .

Grafika 1 - Għadd totali ta’ jiem tax-xogħol ikkontrollati għal kull Stat Membru

Il-Grafika 1 tagħti ħarsa ġenerali lejn l-għadd ta’ jiem tax-xogħol li ġew ikkontrollati f’kull Stat Membru, fil-perjodi ta' rappurtar attwali u f'dawk preċedenti. Bħala medja, fl-għadd totali ta’ jiem tax-xogħol ikkontrollati fl-UE ġie rreġistrat tnaqqis ta’ 4.8%, minn 158.6 miljun għal 151 miljun jum tax-xogħol ikkontrollati. Barra minn hekk, ta’ min jinnota li dan il-perjodu ta’ rappurtar inkluda għall-ewwel darba d-dejta mill-Kroazja liżiedet 0.5 miljuni ta’ jiem tax-xogħol ikkontrollati.

Minkejja li l-għadd totali ta’ kontrolli għadu għoli, bejn l-2013 u l-2014 dan naqas b’mod ġenerali. Ħarsa mill-qrib lejn l-għadd ta’ jiem tax-xogħol li ġew ikkontrollati b’mod effettiv fir-rigward tal-għadd minimu ta’ jiem tax-xogħol li għandhom jiġu kkontrollati (Grafika 2) turi li l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri wettqu aktar kontrolli minn kemm meħtieġ mid-Direttiva 2006/22/KE. Hemm erba’ Stati Membri li ma laħqux il-limitu stabbilit: jiġifieri, il-Kroazja, il-Litwanja, in-Netherlands u l-Greċja. Filwaqt li l-ewwel tliet Stati Membri kienu ħarira taħt il-limitu stabbilit, id-differenza bejn il-limitu stabbilit u l-għadd ta’ kontrolli li ġew irrappurtati fil-Greċja għadha konsiderevoli. Għalhekk, il-Kummissjoni se tkompli tissorvelja l-iżviluppi f’dawn l-Istati Membri u filwaqt li se tibda mill-aktar każijiet serji se tieħu azzjoni biex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta tad-Direttiva 2006/22/KE.

Id-dokument ta’ akkumpanjament jinkludi deskrizzjoni dettaljata dwar il-konformità mal-livell stabbilit.

Grafika 2: Perċentwal ta’ jiem tax-xogħol li ġew ikkontrollati għal kull Stat Membru

Rigward it-tip ta’ kontrolli, l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2006/22/KE jistabbilixxi l-proporzjon bejn l-għadd ta’ kontrolli mal-ġenb tat-triq (f’termini ta’ jiem tax-xogħol li għandhom jiġu kkontrollati) u l-kontrolli li jsiru fil-post tan-negozju, li għandhom jammontaw għal mill-inqas 30% u 50% rispettivament. Għandu jiġi enfasizzat li, skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2006/22/KE, il-kalkolu ta’ dan il-proporzjon huwa bbażat fuq l-għadd ta’ kontrolli mwettqa b'mod effettiv minn kull Stat Membru u mhux fuq l-għadd minimu ta’ jiem tax-xogħol li għandhom jiġu kkontrollati. Madankollu, għall-perjodu ta’ rappurtar attwali, il-biċċa l-kbira tal-kontrolli jitwettqu mal-ġenb tat-triq. Bħala medja, 77% tal-kontrolli kollha saru mal-ġenb tat-triq, u dan juri titjib żgħir mit-80% li ġie rreġistrat għall-perjodu ta’ rappurtar preċedenti. L-Irlanda biss kienet taħt il-livell stabbilit ta’ 30% għall-kontrolli mal-ġenb tat-triq.

1.1 Kontrolli mal-ġenb tat-triq

B’kollox, matul il-perjodu ta’ bejn l-2013 u l-2014, iktar minn 6.6 8 miljun vettura u madwar 7.4 miljun sewwieqa ġew ikkontrollati waqt kontrolli mal-ġenb tat-triq. Dawn il-valuri juru tnaqqis ta’ 23.9% u 15% rispettivament meta mqabbla mal-perjodu ta’ rappurtar preċedenti u jkomplu jenfasizzaw ix-xejra ta’ tnaqqis innutata fir-rapporti ta’ qabel. L-għadd tas-sewwieqa kkontrollati huwa akbar mill-għadd tal-vetturi kkontrollati minħabba żewġ raġunijiet: ekwipaġġi doppji tas-sewqan, kif ukoll informazzjoni nieqsa dwar din il-kwistjoni min-naħa tad-Danimarka rigward l-għadd ta’ vetturi li jsirulhom il-kontrolli mal-ġenb tat-triq.

It-tnaqqis ta’ 15% fl-għadd assolut ta’ sewwieqa kkontrollati mal-ġenb tat-triq mhuwiex daqs iż-żieda korrispondenti fl-għadd ta’ sewwieqa kkontrollati fil-post tan-negozju u jwassal għal tnaqqis kumplessiv fl-għadd ta’ sewwieqa kkontrollati kemm mal-ġenb tat-triq kif ukoll fil-post tan-negozju ta’ 13%.

Fil-biċċa l-kbira tagħhom, il-kontrolli fl-Istati Membri kkonċernaw vetturi nazzjonali u sewwieqa nazzjonali, li jirrappreżentaw 65% u 64% rispettivament tal-vetturi jew is-sewwieqa kollha li sarulhom kontrolli mal-ġenb tat-triq. F’sitt Stati Membri, jiġifieri fl-Awstrija, il-Belġju, Franza, il-Lussemburgu, Malta u s-Slovenja, ix-xejra hija differenti u aktar vetturi barranin ġew soġġetti għal kontroll. F’ċerti każijiet, dan jista' jiġi spjegat mid-daqs jew mill-pożizzjoni ġeografika ta’ dawn l-Istati Membri. Ir-rati dettaljati ġew inkorporati fid-dokument ta' akkumpanjament. Billi n-nondiskriminazzjoni hija wieħed mill-prinċipji fundamentali tat-Trattati tal-UE u rekwiżit ewlieni għat-twettiq ta’ kontrolli mal-ġenb tat-triq 9 , il-Kummissjoni tista’ tikkunsidra li tieħu l-miżuri xierqa sabiex jiġi żgurat li jkun hemm trattament ugwali ta’ sewwieqa u operaturi fl-Istati Membri fejn il-kontrolli jsiru b’mod aktar frekwenti fir-rigward ta’ sewwieqa u operaturi mhux residenti.

1.2 Kontrolli fil-post tan-negozju

L-għadd ta’ impriżi kkontrollati mill-Istati Membri baqa’ kostanti. Iż-żieda ta’ madwar 1% ġiet innotata bi tqabbil mal-perjodu ta’ rappurtar 2011-2012. Madankollu, għandu jittieħed kont tal-fatt li għall-ewwel darba dan ir-rapport jinkludi d-dejta mill-Kroazja u l-Finlandja. Fil-perjodu ta’ rappurtar attwali l-għadd ta’ impriżi kkontrollati kien ta’ 147 606, u dan kopra l-kontrolli ta’ kważi 756 elf sewwieq fl-UE kollha. Aktar minn 34.4 miljun jum tax-xogħol ġew ikkontrollati fil-post tan-negozju, li jfisser li r-rata ta’ tkabbir naqset peress li ż-żieda bejn il-perjodu ta’ rappurtar tal-2009-2010 u dak tal-2011-2012 kienet ta’ 17%, filwaqt li żdiedet bi 11% bejn il-perjodu attwali u l-perjodu preċedenti. Għalhekk billi l-għadd komparabbli ta’ impriżi li sarulhom kontrolli rriżulta f’żieda fl-għadd ta’ jiem tax-xogħol ikkontrollati, wieħed jista’ jassumi, b’fatturi oħra li jibqgħu stabbli, li l-effiċjenza tal-kontrolli fuq il-post żdiedet b’mod sinifikanti.

2. Kontravvenzjonijiet

L-Istati Membri kollha pprovdew dejta dwar il-kontravvenzjonijiet li ġew identifikati, minkejja li dan għamluh b'livell diverġenti ta’ dettalji. Ix-xejra ta’ tnaqqis fl-għadd ta’ kontravvenzjonijiet li bdiet mill-perjodu preċedenti ta’ bejn l-2011 u l-2012 baqgħet stabbli u  fil-perjodu ta’ rappurtar attwali wasslet għal tnaqqis ta’ 15% bi tqabbil mal-aħħar perjodu fir-rigward tal-għadd ta’ kontravvenzjonijiet li ġew identifikati. F’valuri reali dan juri tnaqqis minn madwar 3.9 miljun kontravvenzjoni rrappurtati fil-perjodu 2011-2012 għal kważi 3.3 miljun kontravvenzjoni rrappurtati fil-perjodu ta’ rappurtar attwali. Dan it-tnaqqis ġej minn tnaqqis konsiderevoli ta’ 25% ta’ kontravvenzjonijiet identifikati fil-post tan-negozju flimkien ma’ tnaqqis ta’ 7.7% għall-kontrolli mal-ġenb tat-triq.

Din il-bidla tista' tissuġġerixxi aktar konformità mad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni soċjali bis-saħħa tal-prattiki ta’ infurzar stabbiliti sew u għarfien akbar tar-regoli soċjali fost is-sewwieqa. Madankollu, dan l-effett pożittiv jista’ jittaffa mit-tnaqqis ta’ 4.8% fl-għadd ta’ jiem tax-xogħol ikkontrollati jew fatturi oħra bħal, pereżempju, il-prattiki ta’ manipulazzjoni tat-takografi li jfixklu s-sejbiet li jirriżultaw mill-kontrolli.

It-tabella ta' hawn taħt turi li l-proporzjonijiet bejn il-kategoriji ta’ kontravvenzjonijiet għandhom livelli simili meta mqabbla mal-perjodi preċedenti ta’ rappurtar. It-tnaqqis żgħir li ġie osservat fir-rigward tal-kontravvenzjonijiet marbuta mal-waqfiet u mal-ħin tas-sewqan huwa kontrobilanċjat minn żidiet fil-kontravvenzjonijiet marbuta mal-perjodi ta’ mistrieħ, nuqqas ta’ reġistri għal xogħol ieħor u kontravvenzjonijiet marbuta mal-apparat ta’ reġistrazzjoni.

Perjodu

Waqfiet

Perjodi ta' mistrieħ

Ħin ta' sewqan

Reġistri tal-ħinijiet ta' sewqan

Apparat ta' reġistrazzjoni

Nuqqas/disponibbiltà ta’ reġistri għal xogħol ieħor

2013-2014

23%

25%

16%

17%

10%

8%

2011-2012

26%

24%

19%

17%

8%

6%

2009-2010

29%

23%

18%

15%

5%

8%

2007-2008

30%

25%

20%

14%

10%

1%

Tabella 1 - Kategoriji ta’ kontravvenzjonijiet minn kontrolli mal-ġenb tat-triq u fil-post tan-negozju

Grafika 3 - Kategoriji ta’ kontravvenzjonijiet minn kontrolli mal-ġenb tat-triq u fil-post tan-negozju

Il-kategoriji ta’ kontravvenzjonijiet minn kontrolli mal-ġenb tat-triq u fil-post tan-negozju huma deskritti b’mod separat fid-dokument ta’ akkumpanjament.

Meta mqabbla mal-perjodu ta’ rappurtar preċedenti, bejn l-2013 u l-2014 ir-rata medja ta’ kontravvenzjonijiet mill-kontrolli naqset bi 11%, ekwivalenti għal 2.17 kontravvenzjonijiet għal kull 100 jum tax-xogħol li sarulhom il-kontrolli. Jidher li l-kontrolli fil-post tan-negozju jibqgħu aktar effikaċi mill-kontrolli ad hoc mal-ġenb tat-triq minħabba li r-rata ta’ detezzjoni fil-post tan-negozju hija darbtejn (2) ogħla minn dik għall-kontrolli mal-ġenb tat-triq. Madankollu, għandu jiġi nnutat li fil-perjodu ta’ rappurtar preċedenti r-rata ta’ detezzjoni fil-post tan-negozju kienet tliet (3) darbiet ogħla minn dik ta' mal-ġenb tat-triq u fil-perjodu preċedenti ta’ bejn l-2009 u l-2010 kienet ħames (5) darbiet ogħla. Din il-bidla hija dovuta b'mod prinċipali għal tnaqqis konsiderevoli fir-rati ta’ detezzjoni fil-post tan-negozju minn 5.29 fis-snin 2011-2012 għal 3.54 f’dan il-perjodu ta’ rappurtar. Hemm differenzi kbar bejn l-Istati Membri fid-detezzjoni tal-kontravvenzjonijiet fil-post tan-negozju għal kull 100 jum li sarulhom il-kontrolli, li jvarjaw minn 0.02 fil-Bulgarija, 0.03 fil-Latvja u l-Portugall sa 14.01 fil-Ġermanja u 7.65 fin-Netherlands.

Jidher li l-bidla fil-medja tar-rata ta' detezzjoni tal-kontravvenzjonijiet tal-UE fil-post tan-negozju hija affettwata minn tnaqqis sinifikanti għat-tieni darba konsekuttiva (ta' 29% bejn il-perjodu ta’ rappurtar preċedenti u dak attwali) fl-għadd ta’ kontravvenzjonijiet irrappurtati fil-post tan-negozju fil-Ġermanja, li f’dan il-perjodu ta’ rappurtar xorta waħda kellha l-akbar sehem tal-kontravvenzjonijiet kollha identifikati fil-post tan-negozju fl-Ewropa (51%).

Grafika 4 - Għadd ta’ kontravvenzjonijiet identifikati għal kull 100 jum tax-xogħol li sarulhom kontrolli fl-2009-2010, l-2011-2012 u l-2013-2014

Minkejja l-fluttwazzjonijiet diverġenti fi Stati Membri differenti fir-rigward tal-għadd ta’ kontravvenzjonijiet identifikati għal kull perjodu ta’ rappurtar 10 , bħala medja hemm tnaqqis ċar fl-għadd ta' kontravvenzjonijiet irrappurtati. Id-dokument ta' akkumpanjament jinkludi deskrizzjoni dettaljata tar-rati ta’ detezzjoni fl-Istati Membri. Dawn id-differenzi fir-rati ta’ detezzjoni juru li l-Unjoni Ewropea għadha ’l bogħod milli twaqqaf żona armonizzata ta' infurzar minħabba riżorsi u prattiki ta’ infurzar diverġenti fil-kontroll tal-konformità mal-leġiżlazzjoni tat-trasport bit-triq, u minħabba sistemi ta’ penalizzazzjoni diverġenti.

2.1 Kontravvenzjonijiet identifikati mal-ġenb tat-triq

Fil-perjodu 2013-2014 ġew identifikati 2.05 miljun kontravvenzjoni mal-ġenb tat-triq fil-livell Ewropew, li jikkostitwixxu 63% tal-kontravvenzjonijiet kollha li ġew identifikati kemm mal-ġenb tat-triq kif ukoll fil-post tan-negozju. Dan jindika tnaqqis f’termini kwantitattivi ta' kważi 172 000, li jfisser tnaqqis ta' 7.7% meta mqabbel mal-perjodu ta’ rappurtar preċedenti. Għal kull 100 jum tax-xogħol ikkontrollati ġew identifikati 1.77 kontravvenzjoni bi tqabbil ma’ 1.74 fil-perjodu ta' rappurtar preċedenti.

Bħala medja, 66% tal-kontravvenzjonijiet ġew identifikati fuq vetturi ta’ sewwieqa nazzjonali 11 , u dan jikkorrispondi mar-rata ta’ 66% tal-vetturi ta’ sewwieqa nazzjonali li sarulhom il-kontrolli fl-Ewropa. Madankollu, hemm Stati Membri fejn l-għadd ta’ kontravvenzjonijiet li ġew identifikati jikkonċernaw barranin, jiġifieri l-Lussemburgu (78%), l-Iżvezja (67%), il-Litwanja (65%), il-Belġju (64%), il-Bulgarija (59%), is-Slovenja (58%), l-Awstrija (58%) u Franza (54%).

Din ix-xejra tista’ tiġi spjegata mill-fatt li l-Istati Membri kollha msemmija hawn fuq wettqu aktar kontrolli fuq sewwieqa barranin, għajr għall-Bulgarija, l-Litwanja u l-Iżvezja. Fil-każ ta’ dawn it-tliet Stati Membri, il-kontravvenzjonijiet minn persuni mhux residenti li ġew individwati huma b'mod sproporzjonat iktar frekwenti . Fil-każ tal-Bulgarija fejn 36% tas-sewwieqa barranin kkontrollati kienu jikkorrispondu għal 59% tal-kontravvenzjonijiet, l-Iżvezja li wettqet 42% tal-kontrolli fuq sewwieqa barranin li wasslu għal 67% tal-kontravvenzjonijiet individwati u l-Litwanja b’44% tas-sewwieqa barranin ikkontrollati wasslu għal 65% tal-kontravvenzjonijiet identifikati mal-ġenb tat-triq. Iż-żieda fil-kontravvenzjonijiet imwettqa minn persuni mhux residenti tista’ tkun allarmanti fl-Iżvezja fejn ir-rata qed tkompli tikber minn 31% bejn l-2009 u l-2010 sa 57% bejn l-2011u l-2012 u sa 67% fil-perjodu ta’ rappurtar attwali.

2.2 Kontravvenzjonijiet identifikati fil-post tan-negozju

Matul il-perjodu ta’ rappurtar attwali, b’kollox l-Istati Membri rrappurtaw aktar minn 1.2 miljun kontravvenzjoni fuq il-post tan-negozju tal-impriżi, li jikkostitwixxu 37% tal-għadd globali tal-kontravvenzjonijiet. Dan jindika tnaqqis ta’ 25% meta mqabbel mal-perjodu biennali preċedenti. Dawn iċ-ċifri għandhom jitqiesu b’korrelazzjoni mal-għadd stabbli ta’ impriżi li sarulhom il-kontrolli, u li żdied b'1% 12 . Meta jiġu kkunsidrati dawn iż-żewġ aspetti, jista' jiġi nnutat it-titjib kostanti li seħħ b'konformità mar-regoli soċjali.

F’termini ta’ frekwenza ta’ kontravvenzjonijiet irrappurtati għal kull 100 jum tax-xogħol ikkontrollat, il-medja Ewropea wriet xejra pożittiva u naqset minn 8.65 bejn l-2009 u l-2010 għal 5.29 bejn l-2011 u l-2012 u għal 3.54 fil-perjodu ta' rappurtar attwali. Dan it-tnaqqis fil-frekwenza tal-kontravvenzjonijiet identifikati jista’ jindika li l-attivitajiet kollha mmirati lejn konformità aħjar mal-leġiżlazzjoni soċjali fit-trasport bit-triq bdew jipproduċu r-riżultati.

III. Analiżi tad-dejta dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol għat-Trasport fit-Toroq (Direttiva 2002/15/KE)

1.Introduzzjoni

Dan il-kapitolu jittratta l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2002/15/KE, imsejħa wkoll id-“Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol għat-Trasport fit-Toroq”, mill-Istati Membri fil-perjodu 2013-2014. Skont l-Artikolu 13 ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jippreżentaw rapport dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva lill-Kummissjoni kull sentejn, filwaqt li jindikaw l-opinjonijiet ta’ min iħaddem u tal-impjegati fil-livell nazzjonali. Id-dokument ta' akkumpanjament jinkludi partijiet deskrittivi dwar it-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva fl-Istati Membri, u l-opinjonijiet tal-partijiet ikkonċernati dwar l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ, l-arranġamenti għall-kontrolli fl-Istati Membri u l-kwistjonijiet relatati mal-infurzar.

2.Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/15/KE

Id-Direttiva tistabbilixxi r-regoli li jirregolaw, fost l-oħrajn, pawżi xierqa waqt il-perjodu tax-xogħol, il-medja ta’ sigħat massimi f’ġimgħa ta’ xogħol u l-medja ta’ sigħat massimi ta' xogħol ta’ bil-lejl. Id-dispożizzjonijiet tagħha jissupplimentaw ir-regoli dwar il-ħinijiet tas-sewqan, il-pawżi u l-perjodi ta’ mistrieħ stabbiliti bir-Regolament (KE) Nru 561/2006.

Billi din id-Direttiva tistabbilixxi ċerti dispożizzjonijiet dwar is-sigħat ta’ xogħol li huma speċifiċi għas-settur tat-trasport bit-triq, din hija meqjusa bħala lex specialisad-Direttiva 2003/88/KE 13 dwar il-ħinijiet tax-xogħol, li tistabbilixxi rekwiżiti bażiċi għall-organizzazzjoni tal-ħinijiet tax-xogħol għall-ħaddiema kollha. Madankollu, fl-Artikolu 31 tagħha l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tinkludi dispożizzjonijiet dwar il-ħinijiet tax-xogħol u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, li għandhom jiġu rispettati meta jiġu implimentati l-liġijiet tal-UE. Għadd ta’ dispożizzjonijiet ta’ protezzjoni bażika tad-direttiva ġenerali dwar il-ħinijiet tax-xogħol, inklużi regoli dwar il-liv annwali u l-eżami mediku bla ħlas għall-ħaddiema ta’ bil-lejl, huma applikabbli wkoll għall-ħaddiema mobbli tat-trasport bit-triq.

3.Il-preżentazzjoni u l-kwalità tar-rapporti nazzjonali

Il-Kummissjoni stabbiliet format komuni ta’ rappurtar sabiex jiġu ffaċilitati l-isforzi tar-rappurtar tal-Istati Membri, sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv u sabiex jiġi evitat kull dewmien eċċessiv fil-preżentazzjoni tar-rapporti tal-Istati Membri. Madankollu, il-kwalità tal-preżentazzjonijiet tvarja b’mod sinifikanti. Bosta Stati Membri 14 pprovdew informazzjoni skarsa ħafna u mhux kompluta jew indikaw li ma kien hemm ebda bidliet meta mqabbel mal-perjodu preċedenti. Ir-rapporti nazzjonali mill-għoxrin Stat Membru li jifdal inkludew informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2002/15/KE f’termini tal-organizzazzjoni istituzzjonali, tal-isfidi tal-monitoraġġ kif ukoll xi statistika dwar il-kontrolli mwettqa u l-kontravenzjonijiet misjuba u b’mod ġenerali l-proċess tal-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet. Madankollu, minħabba l-preżentazzjonijiet mhux kompluti, ir-riżultati ta’ din l-analiżi ma jistgħux jitqiesu rappreżentattivi għall-Unjoni Ewropea kollha kemm hi.

4.Aspetti ta’ implimentazzjoni fl-Istati Membri

Wara l-perjodu ta’ rappurtar preċedenti, li matulu bosta Stati Membri bagħtu l-informazzjoni dwar l-emendi fil-qafas leġiżlattiv tagħhom sabiex jinkludu s-sewwieqa li jaħdmu għal rashom fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu 15 , dan il-perjodu ta’ rappurtar irriżulta f’żewġ notifiki minn Malta u l-Polonja. F’Malta, l-emendi tar-Regolamenti dwar il-Vetturi bil-Mutur u Regolamenti tas-Servizzi tat-Trasport għall-Passiġġieri ġew abbozzati sabiex jittrasponu bis-sħiħ ir-rekwiżiti tad-Direttiva biex jiġu inklużi s-sewwieqa li jaħdmu għal rashom, u dawn se jiġu ppubblikati dalwaqt. Fil-Polonja, il-liġi li tkopri s-sewwieqa li jaħdmu għal rashom u li tinkludi r-regoli dwar il-ħinijiet tax-xogħol daħlet fis-seħħ fis-16 ta’ Lulju 2013.

Id-Direttiva 2002/15/KE ġiet meqjusa bħala sett tajjeb ta’ arranġamenti li għenu biex tiġi ttrattata d-definizzjoni tal-ħinijiet tax-xogħol u tal-limiti tagħhom. Il-Ġermanja rrilevat li d-Direttiva flimkien mal-ħinijiet tas-sewqan u l-perjodi ta’ mistrieħ tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 li jiżguraw il-kundizzjonijiet minimi għall-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol fit-trasport bit-triq, jikkontribwixxu lejn il-garanzija tas-sikurezza u l-protezzjoni tas-saħħa tal-impjegati kif ukoll is-sikurezza ġenerali fit-triq fl-UE. Barra minn hekk dawn ir-regoli jevitaw distorsjonijiet tal-kompetizzjoni minħabba l-isfruttament tal-impjegati. Għalhekk, il-Ġermanja tikkunsidra li ma hemm l-ebda bżonn urġenti li tinbidel id-Direttiva. Bl-istess mod, il-Grupp ta’ Ħidma tal-Partijiet Konċernati stabbilit fir-Renju Unit ikkonkluda li ma jkunx għaqli li jerġgħu jinfetħu n-negozjati dwar il-leġiżlazzjoni rigward il-ħin tax-xogħol tas-sewwieqa minħabba riskju ta’ żieda fil-kumplessità u l-piżijiet żejda tar-reġim.

Madankollu, diversi Stati Membri esprimew it-tħassib tagħhom rigward l-inklużjoni tas-sewwieqa li jaħdmu għal rashom fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli. Il-Finlandja tqis li l-obbligi li jikkonċernaw is-sewwieqa li jaħdmu għal rashom fl-ambitu tad-Direttiva għandhom jitħassru, peress li joħloqu piżijiet amministrattivi mhux meħtieġa u r-Regolament (KE) Nru 561/2006 fih regoli adegwati għas-sewwieqa li jaħdmu għal rashom. Il-Belġju ddikjara li fil-prattika huwa kważi impossibbli li wieħed jikkontrolla l-applikazzjoni tar-regoli billi mhuwiex mixtieq li jiġu ddisturbati l-bqija tas-sewwieqa li jaħdmu għal rashom bil-kontrolli. Il-Bulgarija indikat diffikultajiet addizzjonali meta jiġu spezzjonati sewwieqa li jaħdmu għal rashom, u dan jirreferi għall-kwistjoni tal-għażla tas-sewwieqa fir-rigward ta’ kontroll, billi ma hemm l-ebda lista uffiċjali li tindika n-numru jew il-post tas-sewwieqa li jaħdmu għal rashom. Skont il-liġi Bulgara s-sewwieqa li jaħdmu għal rashom ma jaqgħux taħt il-kamp ta' applikazzjoni tal-obbligu li jinżamm reġistru tal-ħinijiet tax-xogħol u tal-arranġamenti tax-xogħol disponibbli għall-ispezzjoni fuq il-post tan-negozju tagħhom u li jinnominaw persuna li tingħata l-kompitu li tippreżenta dawn ir-reġistri fuq talba mill-Ispettorat tax-Xogħol. Barra minn hekk, ma jistgħux jinħarġu struzzjonijiet vinkolanti mill-Ispettorat tax-Xogħol Bulgaru lis-sewwieqa li jaħdmu għal rashom.

Minkejja kwistjonijiet oħra msemmija fir-rigward tal-monitoraġġ tal-konformità mar-regoli (deskritti fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja dan ir-rapport), ta’ min jinnota li l-Istati Membri jpoġġu enfasi kbira fuq l-għoti ta’ gwida dwar kif għandha tintlaħaq konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva u biex jitqajjem għarfien dwar ir-regoli fis-seħħ.

4.1Kontravvenzjonijiet dwar il-ħinijiet tax-xogħol

Seba’ Stati Membri, jiġifieri l-Awstrija, l-Estonja, il-Finlandja, il-Ġermanja, l-Ungerija, l-Irlanda u l-Iżvezja bagħtu informazzjoni dwar il-possibilità li fl-ewwel istanza li jinstab in-nuqqas issir ordni ta’ rettifika fi żmien perjodu definit. Fin-nuqqas ta’ korrezzjoni, il-kontravvenzjonijiet jiġu segwiti mill-awtoritajiet tal-infurzar skont l-arranġamenti nazzjonali; jiġifieri l-impożizzjoni ta’ sanzjoni, tħarrika quddiem il-korp rilevanti jew bidu ta’ prosekuzzjoni. Din is-sistema hija meqjusa bħala vantaġġuża billi tippermetti lit-trasgressuri l-possibbiltà li jibdlu l-imġiba tagħhom, jimplimentaw proċeduri ġodda, jużaw teknoloġiji ġodda jew jaġġustaw il-prattiki tagħhom biex tiżdied il-konformità mar-regoli fis-seħħ.

Għaxar Stati Membri 16 pprovdew statistika dwar il-kontravvenzjonijiet li ġew identifikati, u dan mhuwiex biżżejjed biex wieħed jasal għal konklużjonijiet globali. Meta mqabbel mal-perjodu ta’ rappurtar preċedenti, erba’ Stati Membri oħra pprovdew dejta dwar każijiet ta' kontravvenzjonijiet. L-Istati Membri kollha huma mistiedna jinkludu din l-informazzjoni fir-rapporti li jmiss.

5. L-opinjonijiet tal-partijiet ikkonċernati dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2002/15/KE

Għaxar Stati Membri 17 biss ikkonfermaw li l-partijiet ikkonċernati kienu ġew ikkonsultati, kif stipulat mid-Direttiva 2002/15/KE, u dan juri tnaqqis sinifikanti meta mqabbel mal-perjodu ta’ rappurtar 2011-2012, fejn kien hemm sittax il-Stat Membru li indikaw li osservaw dan l-obbligu.

B’mod ġenerali, kien hemm kunsens fost min iħaddem u fost l-impjegati dwar il-fatt li d-Direttiva 2002/15/KE ikkontribwiet lejn il-protezzjoni tas-saħħa u s-sikurezza tas-sewwieqa. Fl-Irlanda, dawk li jimpjegaw esprimew l-opinjoni li l-limitazzjonijiet fuq il-ħinijiet tax-xogħol ikkontribwew ukoll għal kundizzjonijiet ekwi fost l-operaturi. Opinjonijiet aktar dettaljati tal-partijiet ikkonsultati jinsabu fid-dokument ta' akkumpanjament.

IV. Konklużjonijiet

Dan ir-rapport janalizza l-iżviluppi fl-implimentazzjoni u l-infurzar tul il-perjodu 2013-2014 fl-Istati Membri kollha, fid-dawl tal-osservanza tar-regoli soċjali tal-UE fis-settur tat-trasport fuq it-triq.

Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan id-dokument huwa stabbilit bid-Direttiva 2006/22/KE u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/810/KE, li jiddefinixxu dejta standard dwar ir-Regolament (KE) Nru 561/2006 u d-Direttiva 2002/15/KE li għandha tiġi ppreżentata; prinċipalment l-għadd u t-tip tal-kontrolli mwettqa, u l-għadd u t-tip ta’ kontravvenzjonijiet li ġew individwati. F’dan il-perjodu ta’ rappurtar, il-kwalità u l-prontezza tal-preżentazzjonijiet baqgħu paragunabbli mal-perjodu ta’ rappurtar preċedenti, u dan ippermetta lill-Kummissjoni sabiex tasal għal konklużjonijiet fir-rigward tal-applikazzjoni tar-regoli soċjali fil-livell Ewropew.

Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri kkonformaw mal-limitu minimu stabbilit ta’ jiem tax-xogħol ikkontrollati meħtieġ mid-Direttiva 2006/22/KE u ta’ spiss qabżuh b’mod sinifikanti. Madankollu, xi Stati Membri ma ssodisfawx dan il-limitu. Barra minn hekk, nofs l-Istati Membri biss laħqu il-limitu stabbilit tal-għadd minimu ta’ kontrolli kkombinati, u dan juri tnaqqis meta mqabbel mal-perjodu preċedenti f’termini tal-ammont ta’ inizjattivi internazzjonali meħuda. Il-kooperazzjoni sseħħ l-aktar bejn Stati Membri ġirien, u hija kumplimentata minn azzjonijiet fi ħdan il-qafas tal-Euro Contrôle Route (ECR), li tippermetti kollaborazzjoni fuq skala akbar.

Sabiex jinħolqu kundizzjonijiet ekwi fis-settur tat-trasport, hemm bżonn li jittejjeb u jiġi allinjat l-infurzar tal-leġiżlazzjoni soċjali marbuta mat-trasport mal-UE kollha. Għalhekk, il-Kummissjoni mhux biss se ssegwi bir-reqqa u tinvestiga dawn il-każijiet sabiex iġġib l-Istati Membri f’konformità mar-rekwiżiti minimi tal-leġiżlazzjoni soċjali iżda wkoll qed tipprevedi li tieħu miżuri li għandhom l-għan li jsaħħu l-infurzar tar-regoli soċjali fit-trasport bit-triq.

Madankollu, minkejja li kien hemm xi titjib żgħir, l-Istati Membri naqsu milli jilħqu l-limitu stabbilit ta’ mill-inqas 50% tal-ammont totali ta’ jiem tax-xogħol ikkontrollati fil-post tan-negozju, u l-biċċa l-kbira tal-kontrolli saru mal-ġenb tat-triq. Il-Kummissjoni se timmonitorja l-iżviluppi li jsiru f’dan il-qasam. Jekk fil-perjodu ta' rappurtar li jmiss ma jiġi osservat ebda titjib fl-Istati Membri rispettivi, il-Kummissjoni se tniedi inkjesta uffiċjali ma’ dawk l-Istati Membri li jonqsu milli jikkonformaw mar-rekwiżit għal kontrolli fil-post tan-negozju.

Skont l-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2006/22/KE, il-limitu stabbilit tal-kontrolli minimi tal-għadd ta’ jiem maħduma mis-sewwieqa tal-vetturi għandu jiżdied għal 4% malli 90% tal-vetturi kollha li jsirulhom il-kontrolli jkunu mgħammra b’takografu diġitali. F’dan il-perjodu ta’ rappurtar, 64% tal-vetturi li sarulhom il-kontrolli mal-ġenb tat-triq kienu mgħammra bit-takografu diġitali. Għalhekk, ma hemm l-ebda bażi biex il-livell stabbilit minimu tal-kontrolli jiżdied għal 4% tal-jiem maħduma mis-sewwieqa.

Huwa importanti li l-awtoritajiet nazzjonali jiggarantixxu li l-kontrolli jitwettqu mingħajr diskriminazzjoni abbażi taċ-ċittadinanza tas-sewwieqa/tal-Istat Membru ta' reġistrazzjoni tal-vetturi. L-Istati Membri għandhom jeżaminaw id-dejta tagħhom bir-reqqa, u għandhom jagħtu struzzjonijiet lill-awtoritajiet ta’ kontroll b'mod xieraq sabiex jiġi evitat it-trattament mhux ugwali tal-barranin.

Ir-rapport juri li ġie osservat ċertu titjib fl-infurzar u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar ir-regoli soċjali. Ix-xejra ’l isfel fl-għadd ta’ kontravvenzjonijiet li bdiet mill-perjodu preċedenti 2011-2012, inżammet. It-tnaqqis ġenerali fl-għadd ta’ kontravvenzjonijiet jista’ jiġi interpretat bħala konformità aħjar mad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni soċjali grazzi għal prattiki ta’ infurzar stabbiliti sew u għarfien akbar dwar ir-regoli soċjali fost is-sewwieqa.

L-analiżi tar-rati ta’ detezzjoni mal-ġenb tat-triq u fil-post tan-negozju tindika li l-kontrolli fil-post tan-negozju huma u għadhom aktar effiċjenti mill-kontrolli li jsiru mal-ġenb tat-triq. Id-differenzi fir-rati ta’ detezzjoni bejn l-Istati Membri juru li l-Unjoni Ewropea għadha ’l bogħod milli twaqqaf żona armonizzata ta' infurzar minħabba riżorsi u prattiki ta’ infurzar diverġenti fil-kontroll tal-konformità mal-leġiżlazzjoni tat-trasport bit-triq.

Matul dan il-perjodu ta’ rappurtar, il-kontravvenzjonijiet li jikkonsistu fil-manipulazzjoni tal-apparat ta’ reġistrazzjoni żdied b’mod konsiderevoli. Għalhekk, it-tekniki ta’ infurzar xieraq, it-tagħmir, it-taħriġ tal-uffiċjali ta’ kontroll, eċċ. li jippermettu kontrolli mmirati u d-detezzjoni ta’ apparat ta’ manipulazzjoni u ta’ frodi saru aktar bżonnjużi minn qatt qabel.

Bil-ħsieb li tiġi indirizzata din il-kwistjoni, u kif meħtieġ mill-Artikolu 39 tar-Regolament (UE) Nru 165/2014 dwar it-takografi fit-trasport bit-triq, il-Kummissjoni qed tħejji l-att ta’ implimentazzjoni li jispeċifika l-kontenut tat-taħriġ tal-bidu u kontinwu tal-uffiċjali ta’ kontroll, inkluż taħriġ fir-rigward ta’ tekniki għall-immirar tal-kontrolli u għad-detezzjoni ta’ apparat ta’ manipulazzjoni u frodi. Dawk il-miżuri se jinkludu linji gwida li jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-ħinijiet tas-sewqan, il-pawżi u l-perjodi ta’ mistrieħ, kif ukoll l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar it-takografi.

Ir-rapporti nazzjonali dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2002/15/KE ma jippermettux li ssir analiżi fil-fond tal-impatti ta’ dan l-att leġiżlattiv fuq is-saħħa u s-sikurezza tas-sewwieqa jew fuq is-sikurezza fit-toroq. L-inklużjoni tas-sewwieqa li jaħdmu għal rashom fil-kamp ta' applikazzjoni tar-regoli dwar il-ħin tax-xogħol ġieli tidher li toħloq kwistjonijiet relatati mal-infurzar. Għaxar Stati Membri biss ikkonfermaw li saru konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati. B’mod ġenerali, l-imsieħba soċjali rrikonoxxew li l-infurzar xieraq tad-Direttiva 2002/15/KE huwa prekondizzjoni biex jiġu żgurati kundizzjonijiet tax-xogħol xierqa u kompetizzjoni mingħajr xkiel.

Dan ir-rapport huwa ppubblikat kontemporanjament mar-rapport imsemmi fl-Artikolu 26 tar-Regolament (KE) Nru 1071/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kondizzjonijiet li għandhom jiġu rispettati għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 96/26/KE 18 , kif meħtieġ mill-paragrafu 2 ta’ dak l-Artikolu.

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 u (KE) Nru 2135/98 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85 (ĠU L 102, 11.4.2006, p. 1)

(2)

Id-Direttiva 2006/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta Marzu 2006 dwar il-kondizzjonijiet minimi għall-implimentazzjoni tar-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nri 3820/85 u 3821/85 dwar il-leġiżlazzjoni soċjali li għandha x'taqsam ma' attivitajiet tat-trasport bit-triq u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 88/599/KEE (ĠU L 102, 11.4.2006, p. 36)

(3)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 tal-20 ta' Diċembru 1985 dwar apparat ta' reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq (ĠU L 370, 31.12.1985, p. 8), li ġie mħassar bir-Regolament (UE) Nru 165/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Frar 2014 dwar takografi fit-trasport bit-triq, li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 dwar apparat ta' reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x'taqsam mat-trasport bit-triq (ĠU L 60, 28.2.2014, p. 1)

(4)

Id-Direttiva 2002/15/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2002 dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol ta’ ħaddiema li jwettqu attivitajiet mobbli tat-trasport fit-toroq (ĠU L 80, 23.3.2002, p. 35)

(5)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/810/KE tat-22 ta' Settembru 2008 li tfassal il-formola standard għar-rappurtar imsemmija fl-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 289, 5.11.2009, p. 9)

(6)

https://ec.europa.eu/transport/sites/transport/files/modes/road/social_provisions/driving_time/doc/national_exceptions_regulation_2006_561.pdf

(7)

Ir-rata minima hija kkalkulata b'mod separat għal kull Stat Membru, abbażi tal-għadd totali tal-ġranet li jkunu nħadmu minn kull sewwieq tul il-perjodu ta’ sentejn u l-għadd totali ta’ vetturi soġġetti għal dan ir-Regolament. Dawn iż-żewġ fatturi jiġu multiplikati, u dan huwa ekwivalenti għall-għadd totali ta’ ġranet li jkunu nħadmu mis-sewwieqa ta’ vetturi li jaqgħu fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni ta' dawn ir-Regolamenti u minn dan l-ammont tiġi kkalkulata somma ta' 3%, li tikkostitwixxi l-għadd minimu ta’ kontrolli li għandhom jitwettqu f’kull Stat Membru.

(8)

Id-Danimarka naqset milli tipprovdi l-għadd ta’ vetturi li sarulhom il-kontrolli mal-ġenb tat-triq

(9)

L-Artikolu 4.4 tad-Direttiva 2006/22/KE.

(10)

Id-dokument ta' akkumpanjament jinkludi informazzjoni dettaljata dwar bidliet fi Stati Membri partikolari.

(11)

Fid-Danimarka, l-għadd ta' kontravvenzjonijiet identifikati li jikkonċernaw barranin ammonta għal 90%. Madankollu dan ir-riżultat mhuwiex wieħed rappreżentattiv, u dan minħabba l-ammont sostanzjali ta’ dejta nieqsa li fuqha kien ibbażat dan il-kalkolu. Għal din ir-raġuni, l-għadd ma ġiex magħdud fil-medja Ewropea.

(12)

Din iż-żieda tista’ tiġi spjegata bħala riżultat tal-inklużjoni, għall-ewwel darba, tad-dejta mill-Kroazja u mill-Finlandja.

(13)

Id-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU L 299, 18.11.2003, p. 9)

(14)

Il-Belġju, il-Kroazja, id-Danimarka, l-Ungerija, il-Latvja, in-Netherlands, il-Portugall, ir-Rumanija.

(15)

Il-Bulgarija, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Irlanda, il-Lussemburgu, Malta (għaddejjin), il-Polonja, il-Portugall, l-Iżvezja, ir-Renju Unit.

(16)

L-Awstrija, il-Bulgarija, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, Franza, il-Greċja, l-Irlanda, il-Lussemburgu, il-Polonja, Spanja

(17)

Ċipru, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Greċja, l-Irlanda, Malta, il-Polonja, is-Slovakkja, is-Slovenja.

(18)

ĠU L 300, 14.11.2009, p. 51.

Top