IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 27.2.2017
COM(2017) 98 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAD-DIRETTIVA 2000/53/KE DWAR VETTURI LI M’GĦADHOMX JINTUŻAW
GĦALL-PERJODI 2008-2011 U 2011-2014
RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW, U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAD-DIRETTIVA 2000/53/KE
DWAR VETTURI LI M’GĦADHOMX JINTUŻAW
GĦALL-PERJODI 2008-2011 U 2011-2014
1.Introduzzjoni
Id-Direttiva 2000/53/KE dwar vetturi li ma għadhomx jintużaw (id-Direttiva dwar l-ELV) għandha l-għan primarju li tipprevjeni l-produzzjoni ta’ skart mill-vetturi u mill-komponenti tagħhom sabiex tnaqqas ir-rimi finali tal-iskart u l-impatt ambjentali ġenerali tiegħu. Barra minn hekk, il-miżuri stabbiliti fid-Direttiva għandhom l-għan li jtejbu l-prestazzjoni ambjentali tal-atturi ekonomiċi kollha involuti fiċ-ċiklu tal-ħajja ta’ vettura, speċjalment l-operaturi involuti direttament fit-trattament ta’ vetturi li ma għadhomx jintużaw (ELV). B’mod ġenerali, id-Direttiva dwar l-ELV issegwi approċċ tal-ekonomija ċirkolari billi tħeġġeġ l-ekodisinn, tistipula l-eliminazzjoni ta’ sustanzi perikolużi fil-vetturi u tistabbilixxi miri għoljin għall-użu mill-ġdid/għar-riċiklaġġ/għall-irkupru, u b’hekk għandha l-għan li l-materjali siewja mill-ELV jerġgħu jintużaw u żżomm riżorsi prezzjużi fl-ekonomija.
L-Artikolu 9 tad-Direttiva dwar l-ELV jobbliga lill-Istati Membri sabiex kull tliet snin jirrapportaw lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva fuq il-bażi ta’ kwestjonarju stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/753/KE. Il-kwestjonarju jikkonsisti f’żewġ partijiet: l-ewwel parti tikkonċerna dettalji dwar it-traspożizzjoni tad-Direttiva fil-liġi nazzjonali u t-tieni fiha informazzjoni dwar l-implimentazzjoni attwali tad-Direttiva. Fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri, għal kull perjodu ta’ rapportar, il-Kummissjoni tfassal rapport ta’ implimentazzjoni.
Dan huwa t-tielet rapport dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-ELV u jkopri żewġ perjodi ta’ rapportar: mill-21 ta’ April 2008 sal-20 ta’ April 2011; u mill-21 ta’ April 2011 sal-20 ta’ April 2014. L-ewwel rapport ta’ implimentazzjoni, li kopra l-21 ta’ April 2002 sal-20 ta’ April 2005, ġie ppubblikat fl-2007; it-tieni rapport ta’ implimentazzjoni, li kopra l-21 ta’ April 2005 sal-20 ta’ April 2008, ġie ppubblikat fl-2010.
Il-puntwalità u l-kwalità tar-rapportar għal dan it-tielet rapport ta’ implimentazzjoni tjiebu meta mqabbla mal-perjodi ta’ rapportar preċedenti. L-Istati Membri kollha pprovdew lill-Kummissjoni r-rapporti ta’ implimentazzjoni għall-perjodu 2008-2011, filwaqt li żewġ Stati Membri ma bagħtux rapporti għall-perjodu 2011-2014. L-informazzjoni pprovduta kienet sħiħa u, b’mod ġenerali, ta’ kwalità sodisfaċenti. Kienet ikkumplimentata b'aktar informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni, bħall-verifika tal-konformità tal-miżuri nazzjonali li jimpjantaw d-Direttiva dwar l-ELV.
Barra minn hekk, skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/293/KE, għandha tiġi rrapportata dejta dwar il-miri tad-Direttiva għall-użu mill-ġdid/għar-riċiklaġġ u għall-użu mill-ġdid/għall-irkupru fuq bażi annwali u fi żmien 18-il xahar minn tmiem is-sena ta’ referenza. Din l-informazzjoni tqieset wkoll f’dan ir-rapport.
2.Informazzjoni dwar it-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar l-ELV
Id-Direttiva dwar l-ELV ġiet trasposta fil-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ kull Stat Membru. Filwaqt li, b’mod ġenerali, instab li d-Direttiva kienet trasposta kif suppost, matul il-perjodu 2008-2014 kienu għadhom għaddejjin 15-il proċedura ta’ ksur għal nuqqas ta’ konformità tal-miżuri ta’ implimentazzjoni nazzjonali, inklużi kawżi li kienu għadhom miftuħin mill-perjodu ta’ rapportar ta’ qabel. Il-kawżi kontra ħames Stati Membri ġew riferuti lill-Qorti tal-Ġustizzja, u lkoll ingħalqu minn dak iż-żmien ’l hawn. Minn Ottubru tal-2015 ’l hawn ma kien hemm l-ebda proċedura ta’ ksur miftuħa b’rabta mad-Direttiva dwar l-ELV.
Fir-rapporti nazzjonali tingħata aktar informazzjoni dwar it-traspożizzjoni ta’ dispożizzjonijiet individwali tad-Direttiva. Uħud mir-rekwiżiti tad-Direttiva (pereżempju dispożizzjonijiet dwar il-prevenzjoni, il-ġbir, l-użu mill-ġdid u l-irkupru) jistgħu jiġu trasposti permezz ta’ ftehim. Il-Belġju, l-Italja, il-Lussemburgu, Malta u l-Ungerija użaw din il-possibbiltà.
L-Irlanda u r-Renju Unit użaw l-għażla li jeżentaw vetturi li ġew prodotti f’serje żgħar u lill-produtturi tagħhom mir-rekwiżiti li jikkonċernaw l-użu mill-ġdid, ir-riċiklaġġ u l-irkupru, l-istandards ta’ kodifikazzjoni u l-informazzjoni dwar iż-żarmar, kif ukoll mill-obbligi ta’ rapportar.
L-Istati Membri kollha apparti wieħed irrapportaw li adottaw miżuri li jinkoraġġixxu lill-manifatturi tal-vetturi, flimkien ma’ manifatturi ta’ materjali u ta’ tagħmir, biex jillimitaw l-użu ta’ sustanzi perikolużi f’vetturi sabiex jiffaċilitaw iż-żarmar, l-użu mill-ġdid u l-irkupru u sabiex jintegraw kwantità dejjem akbar ta’ materjal riċiklat f’vetturi. L-Istati Membri kollha indikaw li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom tillimita l-użu taċ-ċomb, il-merkurju, il-kadmju u l-kromu eżavalenti għal materjali u komponenti tal-vetturi li tpoġġew fis-suq wara l-1 ta’ Lulju 2003, soġġett għall-eżenzjonijiet elenkati fl-Anness II tad-Direttiva.
L-Istati Membri li ssottomettew rapport ikkonfermaw li kienu ħadu l-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw li l-atturi ekonomiċi, f’ħafna mill-każijiet il-produtturi u/jew l-importaturi tal-vetturi, ikollhom sistemi għall-ġbir tal-ELV u (sa fejn teknikament fattibbli) ta’ partijiet użati għar-rimi mneħħijin meta jsewwu karozzi tal-passiġġieri. Ikkonfermaw ukoll li ħadu miżuri sabiex jiżguraw li jkun hemm biżżejjed faċilitajiet tal-ġbir disponibbli; tal-anqas sitt Stati Membri ddefinew distanza massima għall-punt ta’ ġbir li jmiss jew inkella stabbilew numru minimu ta’ punti ta’ ġbir għal kull belt/reġjun jew għal kull numru ta’ abitanti.
L-Istati Membri kollha rrapportaw li stabbilew sistema li teħtieġ il-preżentazzjoni ta’ ċertifikat ta’ qerda bħala kundizzjoni għat-tneħħija tar-reġistrazzjoni ta’ vettura. Erbatax-il Stat Membru użaw l-għażla li tippermetti lill-produtturi, lin-negozjanti jew lill-kollezzjonisti biex joħorġu ċertifikati ta’ qerda f’isem faċilità ta’ trattament awtorizzata, sakemm ikun hemm garanzija li l-ELV ġew trasferiti għal faċilitajiet ta’ trattament awtorizzati.
Dawk kollha li rrispondew irrapportaw li adottaw miżuri biex jiżguraw li l-ELV jistgħu jintbagħtu f’faċilitajiet ta’ trattament awtorizzati mingħajr spejjeż għall-aħħar persuna li kienet għandha l-karozza, jew għall-propjetarju. Madankollu, f’ħafna mill-Istati Membri, il-kunsinna mhijiex bla ħlas jekk il-vettura ma jkunx fiha l-komponenti essenzjali jew jekk ikun fiha skart miżjud. Din l-għażla hija konformi mad-Direttiva.
L-Istati Membri kollha rrapportaw li jeħtieġu ċertifikati ta’ qerda maħruġa fi Stati Membri oħrajn sabiex ikunu rikonoxxuti u aċċettati mill-awtoritajiet kompetenti.
Fl-Istati Membri kollha, l-istabbilimenti jew l-impriżi tat-trattament għandu jkollhom permess mingħand l-awtoritajiet kompetenti, jew ikunu reġistrati magħhom. L-Italja u r-Renju Unit biss sfruttaw id-deroga mir-rekwiżiti ta’ permessi għal operazzjonijiet għall-irkupru ta’ skart minn ELV wara li jkunu ġew indirizzati kif xieraq skont id-Direttiva dwar l-ELV u ġew soġġetti għal spezzjoni annwali.
L-Istati Membri kollha ħlief wieħed irrapportaw mezz biex iħeġġu lill-istabbilimenti jew lill-impriżi tat-trattament biex jintroduċu sistemi ta’ mmaniġġjar ambjentali ċċertifikati bħall-Iskema tal-UE ta’ Ġestjoni u Verifika Ambjentali. L-Istati Membri implimentaw firxa ta’ inċentivi u miżuri ta’ appoġġ għal dak l-għan. Dawn jinkludu il-finanzjament; it-taffija tal-piż amministrattiv (pereżempju tnaqqis fil-frekwenza u fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-monitoraġġ, deroga mit-tfassil ta’ pjanijiet ta’ mmaniġġjar tal-iskart, approvazzjoni ffaċilitata bħala faċilità tat-trattament awtorizzata, garanziji finanzjarji mnaqqsa); u appoġġ ipprovdut minn dokumenti ta’ gwida, fuljetti ta’ informazzjoni u korsijiet ta’ taħriġ.
L-Istati Membri kollha li ssottomettew rapport ikkonfermaw li kienu adottaw miżuri skont il-ġerarkija tal-iskart sabiex jippromwovu l-użu mill-ġdid ta’ komponenti li huma adatti għall-użu mill-ġdid u għall-irkupru ta’ komponenti li ma jistgħux jintużaw mill-ġdid, bi preferenza għar-riċiklaġġ.
L-Istati Membri kollha li rrapportaw kienu introduċew miżuri li jiżguraw li l-atturi ekonomiċi jilħqu l-miri ta’ użu mill-ġdid/ta’ rkupru u ta’ użu mill-ġdid/ta’ riċiklaġġ stabbiliti fid-Direttiva dwar l-ELV. Bosta Stati Membri għamlu t-traspożizzjoni tal-miri stabbiliti fid-Direttiva b’mod litterali. In-Netherlands aġġustaw id-data tassew ambizzjuża inizjali tagħhom sa meta l-miri ta’ 95 % ta’ użu mill-ġdid/ta’ rkupru u 85 % ta’ użu mill-ġdid/ta’ riċiklaġġ kellhom jintlaħqu, li kienet l-2007 minflok fl-2015 kif meħtieġ mid-Direttiva. Fil-Bulgarija, mira ta’ rkupru ta’ 87 % u mira ta’ riċiklaġġ ta’ 81 % kellhom jintlaħqu sal-31 ta’ Diċembru 2008; il-miri żdiedu b’mod gradwali għal 95 % għall-irkupru u 85 % għar-riċiklaġġ sal-2015. Ir-Repubblika Ċeka, l-Irlanda, il-Greċja, Spanja, l-Italja, il-Latvja, l-Ungerija, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja u r-Renju Unit użaw il-possibbiltà li jistabbilixxu miri aktar baxxi għal vetturi prodotti qabel l-1 ta’ Jannar 1980.
L-Istati Membri kollha li wieġbu apparti wieħed irrapportaw li ħadu miżuri biex jiżguraw li l-produtturi, bi qbil mal-manifatturi tal-materjali u tat-tagħmir, jużaw standards ta’ kodifikazzjoni għall-komponenti u materjali u jeħtieġu li l-manifatturi ta’ komponenti jipprovdu informazzjoni dwar iż-żarmar, il-ħażna u l-ittestjar ta’ komponenti lill-faċilitajiet ta’ trattament awtorizzati. Fl-Istati Membri kollha, il-produtturi jridu jipprovdu informazzjoni dwar iż-żarmar għal kull tip ta’ vettura ġdida li titpoġġa fis-suq. Ħafna mill-Istati Membri semmew l-użu tas-Sistema Internazzjonali ta’ Informazzjoni dwar iż-Żarmar li ġiet stabbilita mill-manifatturi sabiex tipprovdi informazzjoni komprensiva u aġġornata b’mod regolari għat-trattament tal-operaturi għall-promozzjoni tat-trattament ambjentali tal-ELV.
L-Istati Membri kollha ħlief l-Iżvezja rrapportaw li obbligaw lill-atturi ekonomiċi — il-parti l-kbira produtturi — biex jippubblikaw informazzjoni li tikkonċerna d-disinn tal-vettura, it-trattament ambjentali tajjeb, il-prevenzjoni ta’ skart u l-progress miksub fir-rigward ta’ rkupru u riċiklaġġ. L-Iżvezja rrapportat li l-leġiżlazzjoni attwali hija mmirata lejn il-produttur u mhux lejn l-atturi ekonomiċi, u dan huwa inkluż f’reviżjoni kurrenti tal-leġiżlazzjoni.
3.Informazzjoni dwar il-prattika fl-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-ELV
Ir-rapporti nazzjonali dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-ELV ipprovdew ukoll informazzjoni dwar il-progress u l-prattiki tajbin segwiti mill-operaturi ekonomiċi li kkontribwew b’mod pożittiv għall-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-ELV.
L-Istati Membri laħqu l-miri għoljin ta’ użu mill-ġdid/ta’ riċiklaġġ/ta’ rkupru l-aktar minħabba l-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda ta’ wara t-tqattigħ; it-tnaqqis sostanzjali fil-metalli tqal użati fil-karozzi l-ġodda (kif muri bl-emendi tal-Anness II għad-Direttiva dwar l-ELV); l-implimentazzjoni ta’ standards ta’ kodifikazzjoni għall-faċilitar taż-żarmar u użu aħjar u użu mill-ġdid u l-irkupru tal-komponenti u tal-materjali; u aktar faċilitajiet ta’ trattament imtejbin skont l-istandards ambjentali tal-UE.
B’rabta mal-prevenzjoni tal-iskart, bosta Stati Membri rreferew għall-attivitajiet tas-settur awtomobilistiku bħall-iżvilupp tal-Lista globali ta’ sustanzi dikjarabbli għas=settur awtomobilistiku, grupp li jiffaċilita l-komunikazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni rigward l-użu ta’ ċerti sustanzi fi prodotti awtomobilistiċi tul il-katina tal-provvista. Irreferew ukoll għall-adattament tas-Sistema Internazzjonali ta’ Informazzjoni dwar iż-Żarmar sabiex juru l-kompożizzjoni materjali tul il-katina tal-provvista.
Ċerti Stati Membri rreferew għal aktar miżuri sabiex itejbu l-proċess ta’ trattament u jissimplifikaw iż-żarmar u t-tindif mit-tniġġis. Pereżempju, il-Ġermanja rrapportat teknoloġija mtejba għal wara t-tqattigħ sabiex jiġu estratti aktar frazzjonijiet riċiklabbli u Franza rrapportat li ċerti produtturi ta’ vetturi jnaqqsu d-diversità tal-materjali u l-istruttura tal-komponenti għal trattament aktar faċli u kienu żviluppaw in-netwerk tagħhom stess għall-ġbir, għar-reklamazzjoni u għall-użu mill-ġdid tal-partijiet sabiex jipprevjenu l-ġenerazzjoni tal-iskart. Miżuri oħrajn li jtejbu d-disinn għar-riċiklaġġ inkluż l-iżvilupp tal-għodda ta’ djanjożi abbord għax-xegħil sempliċi u sikur ta’ komponenti pirotekniċi f’karozzi.
Kienet ipprovduta biss informazzjoni kwantitattiva limitata dwar it-tipi u l-kwantitajiet ta’ materjali rriċiklati u s-sitwazzjoni tas-suq. L-Istati Membri qablu li s-suq tan-negozjar tal-metall jaħdem sew għal metalli ferrużi u għal metalli mhux ferrużi. Dan jiżgura rati għoljin ta’ riċiklaġġ għall-metalli. Is-suq tar-riċiklaġġ tal-plastik jidher li huwa aktar eteroġenu: l-użu ta’ materjali tal-plastik irriċiklat fil-vetturi, għad li qiegħed jiżdied, għadu f’livell relattivament baxx. Bħalissa, is-sehem ta’ plastik irriċiklat użat fil-manifattura tal-vetturi rari jaqbeż sehem baxx ħafna mill-plastik totali. Il-produtturi tal-karozzi ħadu impenn li jżidu l-użu ta’ plastik irriċiklat fil-vetturi għal 20 %. Il-Ġermanja ddikjarat li tajers u prodotti użati mill-ġdid mir-riċiklaġġ tal-materjali (granulati) għandhom valur tas-suq pożittiv, filwaqt li l-fatt li tajers jintbagħtu għat-trattament u għar-rimi normalment jeħtieġ ħlas addizzjonali.
Il-maġġoranza tal-Istati Membri osservaw li l-ELV għandhom valur tas-suq pożittiv diment li jitwasslu sħaħ u ma jitneħħewlhomx komponenti essenzjali. Il-Portugall iddikjara li l-valur tal-materjali li jirriżultaw miż-żarmar u mit-tqattigħ, b’mod partikolari għal metalli ferrużi u mhux ferrużi, baqa’ f’livelli li jiżguraw is-sostenibbiltà tal-katina tal-ipproċessar. Minkejja dan, tmien pajjiżi rrapportaw b’mod espliċitu li anki vetturi b’ebda valur tas-suq jew b’valur tas-suq negattiv inġabru fl-2008-2014. Fir-Renju Unit, il-ftit vetturi b’valur tas-suq negattiv inġabru fil-parti l-kbira f’żoni remoti u rurali bħal f’ċerti komunitajiet ta’ gżejjer fl-Iskozja. Il-Polonja tistma li n-numru ta’ ELV b’ebda valur jew b’valur negattiv jilħaq in-numru ta’ karozzi mhux kompluti.
L-infrastruttura għat-trattament tal-ELV tjiebet tul il-perjodu 2008-2014. F’ħafna mill-Istati Membri, in-numru ta’ faċilitajiet tat-trattament awtorizzati żdiedu u d-differenzi bejn l-Istati Membri f’dak li għandu x’jaqsam mad-densità tan-netwerk tat-trattament naqsu. In-numru ta’ faċilitajiet ta’ trattament awtorizzati jvarja minn tnejn fil-Lussemburgu għal aktar minn 1 800 fir-Renju Unit. B’kollox hemm kważi 13 000 faċilità tat-trattament fl-UE, li jikkorrispondu għal madwar faċilità tat-trattament waħda għal kull 40 000 abitant.
In-numru totali ta’ vetturi ttrasferiti f’faċilitajiet tat-trattament awtorizzati fl-UE żdied b'ammont kbir ħafna minn 6.3 miljun fl-2008 għal 9 miljuni fl-2009. Din iż-żieda għandha tkun attribwita għall-introduzzjoni ta’ skemi ta’ inċentivi għall-iskreppjar f’aktar minn 10 Stati Membri fl-2008 u fl-2009. Il-kontributuri ewlenin għaż-żieda sinifikanti f’ELV kienu l-Ġermanja (żieda ta’ 1.4 miljun vettura), Franza (żieda ta’ 0.46 miljun vettura), l-Italja (żieda ta’ 0.41 miljun vettura) u Spanja (żieda ta’ 0.2 miljun vettura). Wara l-2009, in-numru ta’ ELV ittrasferiti fil-faċilitajiet tat-trattament awtorizzati naqas b’mod gradwali għal 6.2 miljun vettura fl-2013, li jikkorrispondi għal-livell ta’ qabel l-2008-2009.
Sa mhux aktar tard mill-2006, l-Istati Membri kienu meħtieġa jilħqu r-rata ta’ użu mill-ġdid u ta’ riċiklaġġ ta’ 80 % u l-mira ta’ użu mill-ġdid u ta’ rkupru ta’ 85 % stabbiliti fl-Artikolu 7(2) tad-Direttiva dwar l-ELV. Ir-rati tal-2013 irrapportati mill-Istati Membri huma murija fil-
Figure 1
. Il-mira għall-użu mill-ġdid u għar-riċiklaġġ intlaħqet mill-Istati Membri kollha ħlief mill-Estonja, li rrapportat rata ta’ użu mill-ġdid/ta’ riċiklaġġ ta’ 78 % iżda kienet laħqet il-mira fl-2012. Il-mira ta’ użu mill-ġdid u ta’ rkupru ntlaħqet ukoll mill-pajjiżi kollha ħlief mill-Italja, li laħqet 83 %.
Figura 1:Ir-rati ta’ użu mill-ġdid/ta’ riċiklaġġ irrapportati għall-2013
Figura 2:Rati ta’ użu mill-ġdid/ta’ rkupru rrapportati għall-2013
Il-Ġermanja u s-Slovenja rrapportaw rati ta’ użu mill-ġdid/ta’ rkupru ogħla minn 100%. Fil-Ġermanja, l-effetti ta’ ħżin tal-istokk ikkaġunaw ir-rati donnhom implawżibbli peress li l-ELV mhux bilfors ikunu ttrattati fis-sena li jitwasslu f’faċilità tat-trattament (pereżempju minħabba limitazzjonijiet fil-kapaċità). Barra minn hekk, għall-Ġermanja, dan il-fenomenu għadu jista’ jiġi attribwit għall-iskema ta’ inċentivar għall-iskreppjar għall-2008/2009. Fis-Slovenja, ir-rata għolja rrapportata tidher li hija fenomenu temporanju kkaġunat mit-tranżizzjoni minn sistema ta’ servizz pubbliku għal skema ta’ responsabbiltà tal-produttur.
Mill-1 ta’ Jannar 2015, id-Direttiva dwar l-ELV żiedet il-mira ta’ użu mill-ġdid/ta’ riċiklaġġ u ta’ użu mill-ġdid/ta’ rkupru għal 85 % u 95 % rispettivament.
Figure 1
turi li 17-il pajjiż diġà laħqu din ir-rata ta’ użu mill-ġdid/ta’ riċiklaġġ fl-2013, u ħafna mill-pajjiżi li fadal kważi laħqu l-mira. Kien previst li ser ikunu meħtieġa aktar sforzi sabiex ikun hemm konformità mal-mira ta’ użu mill-ġdid/ta’ rkupru ta’ 95 %. Madankollu, fl-2013, seba’ Stati Membri diġà kienu laħqu din il-mira.
B’mod ġenerali, dawk li wieġbu ma sabu ebda distorsjoni fil-kompetizzjoni bejn jew fi ħdan l-Istati Membri. Bejn l-2008 u l-2011, is-suq tal-vetturi kien ferm influwenzat mill-kriżi finanzjarja u mill-inċentivi ta’ skreppjar introdotti fl-Istati Membri sabiex jistabbilizzaw is-suq tal-karozzi. Fil-Ġermanja, iż-żieda sinifikanti fl-ELV li rriżultat mill-iskema ta’ inċentivi għall-iskreppjar tal-2008/2009 irriżultat f’eċċess ta’ parts tal-bdil fis-suq u l-prezz tas-suq tal-vetturi bil-parts imneħħijin naqas għal EUR 10-20/tunnellata. Fl-2010-2012, in-numru ta’ ELV iġġenerati u l-prezzijiet tas-suq reġgħu marru lura għal-livelli ta’ qabel l-2009 u tnaqqas il-ħżin temporanju tal-ELV. Pajjiżi oħrajn, bħall-Estonja, irrapportaw tnaqqis drastiku fil-bejgħ ta’ karozzi ġodda u numru anqas ta’ ELV. L-Ungerija rrapportat li l-età medja tal-vetturi fis-suq telgħet minn 10 snin fl-2006 għal 13-il sena fl-2013.
4 Vetturi neqsin u żarmar illegali ta’ ELV
Filwaqt li d-dispożizzjonijiet legali tad-Direttiva ġew trasposti għalkollox fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, hemm evidenza ta’ nuqqasijiet fl-implimentazzjoni u fl-infurzar madwar l-UE. Il-valutazzjonijiet f’isem il-Kummissjoni jissuġġerixxu li jista’ jkun hemm bejn 3.5 u 4.5 miljun vettura “nieqsa” fis-sena. Dawn il-“karozzi mitlufin” titneħħielhom ir-reġistrazzjoni fl-Istati Membri iżda mhumiex irrapportati lill-Kummissjoni bħala ELV ittrattati legalment u lanqas ma jinstabu fid-dejta tal-esportazzjonijiet legali ta’ vetturi użati fl-Istatistiċi tal-Kummerċ Barrani. Ir-raġunijiet possibbli għas-segwitu inadegwat jistgħu jkunu segwitu inadegwat ta’ karozzi bir-reġistrazzjoni mneħħija fi ħdan l-Istati Membri jew, fil-każ ta’ kummerċ fi ħdan l-UE, iż-żarmar ta’ ELV fi ħdan l-UE f’faċilitajiet tat-trattament mhux awtorizzati, jew inkella l-esportazzjoni mhux irreġistrata ta’ karozzi użati jew ta’ ELV. Qegħdin isiru studju u konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati relatati sabiex jassistu lill-Kummissjoni fl-investigazzjoni tal-kawżi għall-karozzi niqsin u fl-identifikazzjoni ta’ miżuri effettivi addizzjonali li għandhom jiġu implimentati sabiex itejbu s-sitwazzjoni. Din hija parti mill-inizjattiva tal-Kummissjoni sabiex tivvaluta l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-ELV u tippromwovi l-konformità.
Ir-rapporti ta’ implimentazzjoni tal-Istati Membri u l-informazzjoni addizzjonali pprovduta juru li xi pajjiżi (bħall-Irlanda, Franza, il-Portugall, l-Iżvezja u r-Renju Unit) ħadu azzjoni repressiva kontra t-trattament illegali u/jew intensifikaw il-kontrolli fuq il-faċilitajiet ta’ żarmar/tat-trattament tal-ELV. Il-Portugall irnexxielu jnaqqas it-trattament illegali tal-ELV permezz ta’ pakkett ta’ miżuri, inklużi taxxa annwali għall-karozzi, programm ta’ inċentivi għall-iskreppjar, aktar intaxxar u pjan nazzjonali għall-qerda tal-iskreppjar illegali. Żied b’mod konsiderevoli wkoll in-numru ta’ faċilitajiet tat-trattament awtorizzati. Fir-Renju Unit, l-Environment Agency nediet kampanja nazzjonali koordinata sabiex tindirizza s-siti illegali tal-ELV u tal-metall skreppjat. Introduċiet penali ħorox, li bis-saħħa tagħhom madwar nofs is-siti illegali għalqu jew inġiebu f'regolazzjoni fi żmien 12-il xahar. L-Irlanda żiedet in-numru ta’ faċilitajiet tat-trattament awtorizzati minn 53 fl-2003 għal 173 fl-2013.
F’ċerti Stati Membri, bħar-Renju Unit, is-sid tal-karozza huwa responsabbli mill-vettura u jrid iħallas it-taxxi sakemm jiġi prodott ċertifikat ta’ qerda. Il-Portugall introduċa sistema kompjuterizzata ċentralizzata għall-ħruġ ta’ ċertifikati ta’ qerda għall-ELV li tippermetti lill-awtorità nazzjonali tal-iskart sabiex iżżomm kontroll aħjar fuq in-numru totali ta’ ċertifikati ta’ qerda u l-awtoritajiet emittenti rispettivi u sabiex tipproduċi statistiki relatati mal-immaniġġjar tal-ELV b’mod aktar veloċi.
Għall-perjodu 2008-2011, Spanja rrapportat li l-maġġoranza tal-faċilitajiet tat-trattament mhux awtorizzati kienet għalqet għaliex ma setgħetx toħoroġ ċertifikati ta’ qerda. Id-Danimarka tindirizza n-negozju u t-trattament illegali tal-ELV billi tħallas primjum li l-aħħar sid irreġistrat biss jista’ jirċievi. Għall-kuntrarju, l-Ungerija tirrapporta li n-numru tal-faċilitajiet tat-trattament awtorizzati tagħha naqas u li ż-żarmar illegali qiegħed jiżdied. Filwaqt li diversi pajjiżi, inkluż il-Belġju, il-Ġermanja u n-Netherlands, indikaw li l-esportazzjonijiet ta’ vetturi mill-pajjiżi tagħhom lejn il-pajjiżi tal-Ewropa tal-Lvant, iżda anki lejn l-Afrika u l-Lvant Nofsani, għadhom għoljin, il-Polonja ġibdet l-attenzjoni lejn is-sitwazzjoni speċifika tagħha fejn in-numru ta’ karozzi użati importati huwa d-doppju tan-numru ta’ karozzi ġodda mibjugħin fil-Polonja.
Ċerti Stati Membri kkonkludew studji sabiex jivvalutaw il-problema f’pajjiżhom u jsibu modi kif jindirizzawha. Fl-2016, il-Ġermanja għamlet studju wkoll bl-għan li tanalizza r-raġunijiet għan-numru għoli ta’ vetturi “mitlufin”, tidentifika fejn jinsabu dawn il-vetturi u tiżviluppa miżuri u strumenti sabiex ittejjeb b’mod effettiv il-kopertura tal-istatistiki dwar l-ELV.
Sal-lum, ittieħdu passi differenti fil-livell tal-UE sabiex tiġi indirizzata l-problema ta’ vetturi mitlufin. Fl-2011, tfasslu l-Linji Gwida għall-vetturi għar-rimi. Dawn il-Linji Gwida jirrappreżentaw il-fehim komuni tal-Istati Membri dwar kif ir-Regolament (KE) Nru 1013/2006 dwar vjeġġi ta’ skart għandu jiġi interpretat sabiex jipprovdi kriterji li jagħmlu distinzjoni bejn vetturi għar-rimi u vetturi użati. Żewġ Stati Membri għamlu l-Linji Gwida tal-Korrispondenti għall-vetturi għar-rimi parti mid-dokumenti ta’ spezzjoni.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni (Eurostat) irrevediet il-linji gwida dwar ir-rapportar annwali fuq il-miri tal-ELV sabiex ittejjeb id-dejta li tuża sabiex tivvaluta s-sitwazzjoni. Il-linji gwida riveduti issa jitolbu lill-Istati Membri sabiex ta’ kull sena jirrapportaw ukoll il-vetturi rreġistrati u dawk li titneħħielhom ir-reġistrazzjoni fis-suq nazzjonali, minbarra li jirrapportaw in-numru ta’ ċertifikati ta’ qerda meħtieġa.
5.Konklużjonijiet
Il-valutazzjoni tikkonkludi li d-Direttiva dwar l-ELV ġiet trasposta bis-sħiħ mill-Istati Membri. Ċerti każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità ġew soġġetti għal proċeduri ta’ ksur u ġew solvuti peress li l-Istati Membri ġabu l-leġiżlazzjoni tagħhom dwar l-ELV f’konformità mad-Direttiva.
L-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-ELV hija primarjament pożittiva bl-eċċezzjoni notevoli tal-kwistjoni ta’ ELV niqsin. L-Istati Membri rrapportaw prassi tajbin fil-ħidma mal-manifatturi dwar il-kompożizzjoni tal-materjali u l-użu mill-ġdid ta’ materjali u tal-komponenti, l-ekodisinn qiegħed jitjieb kontinwament, is-sustanzi perikolużi użati fil-karozzi huma kważi eliminati, u l-miri għall-użu mill-ġdid/għar-riċiklaġġ/għall-irkupru fil-parti l-kbira ntlaħqu. Ħafna mill-Istati Membri jagħrfu wkoll il-valur pożittiv tal-ELV meta jitwasslu intatti fil-faċilitajiet tat-trattament awtorizzati.
L-Istati Membri rrapportaw titjib kwalitattiv ukoll. L-infrastruttura għat-trattament tal-ELV tjiebet, aktar Stati Membri għandhom faċilitajiet ta’ wara t-tqattigħ u n-numru ġenerali ta’ faċilitajiet tat-trattament awtorizzati żdied.
L-istatistika dwar il-miri tal-ELV turi kif l-implimentazzjoni tad-Direttiva tjiebet maż-żmien. Sal-2013, kważi l-Istati Membri kollha kienu laħqu l-miri tal-ELV tal-2006 ta’ 80 % ta’ użu mill-ġdid/ta’ riċiklaġġ u ta’ 85 % ta’ użu mill-ġdid/ta’ rkupru, 9 Stati Membri diġà kienu laħqu l-miri tal-2015 ta’ 95 % għall-użu mill-ġdid/għall-irkupru u 17-il Stat Membru kienu laħqu dawk ta’ 85 % għall-użu mill-ġdid/għar-riċiklaġġ għal kull vettura. L-Istati Membri li fadal kważi laħqu l-miri applikabbli minn Jannar 2015, għad li l-ilħuq tal-mira ta’ użu mill-ġdid u ta’ rkupru ta’ 95 % hija sfida għal diversi Stati Membri.
Il-ġbir u t-traffikar illegali tal-ELV jibqgħu jirrappreżentaw sfida għall-effettività tad-Direttiva. It-trattament substandard tal-ELV għandu impatt negattiv fuq is-saħħa u l-ambjent u jwassal biex jintilfu riżorsi ta’ valur. Il-Kummissjoni se taħdem flimkien mal-Istati Membri biex tidentifika l-kawżi tal-ġbir u tat-traffikar illegali tal-ELV u l-miżuri li hemm bżonn jittieħdu biex din il-kwistjoni tiġi indirizzata f’livelli differenti. Fil-livell tal-UE, id-dokument “Waste Shipment Correspondents’ Guidelines” dwar il-vetturi għar-rimi maqbul fit-8 ta’ Lulju 2011 jipprovdi għodda ta’ għajnuna għall-awtoritajiet nazzjonali. Madankollu, jista’ jkun li jkunu meħtieġa aktar miżuri, bħar-rieżami tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/293/KE biex jiġi rinforzat il-monitoraġġ tas-suq tal-vetturi nazzjonali.
Id-Direttiva dwar l-ELV hija eżempju mixhud bil-provi tal-ekonomija ċirkolari. l-iskema estiża ta’ responsabbiltà tal-produtturi hija applikata mill-konċepiment tal-vettura sat-trattament ta’ tmiem tal-ħajja, l-ekodisinn qiegħed jitjieb kontinwament u s-sustanzi perikolużi użati fil-karozzi huma kważi eliminati f’konformità mal-progess tekniku u xjentifiku, kif meħtieġ mid-Direttiva. Id-Direttiva dwar l-ELV qiegħda tixpruna wkoll ir-riċerka innovattiva għas-sostituzzjoni tas-sustanzi perikolużi u għall-aħjar trattament tal-ELV sabiex tivvalorizza l-valur pożittiv ta’ dan il-fluss ta’ skart.
Minkejja dan, il-kwalità tad-dejta tal-monitoraġġ tal-miri stabbiliti fid-Direttiva hija sfida kontinwa. Kwistjonijiet relatati mal-kwalità tad-dejta u mal-komparabilità tar-rapportar diġà ġew indirizzati, iżda jeħtieġu aktar attenzjoni. L-obbligi ta’ rapportar ġew indirizzati fir-rieżami riċenti tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-iskart li fih il-Kummissjoni pproponiet it-tħassir tad-dispożizzjonijiet li jobbligaw lill-Istati Membri jipproduċu rapporti kull tliet snin dwar l-implimentazzjoni. Dawn ir-rapporti ma wrewx li huma effettivi għall-verifika tal-konformità mad-Direttiva, tal-implimentazzjoni tagħha u tal-impatt tagħha filwaqt li barra minn hekk jeħtieġu ħafna riżorsi u joħolqu piżijiet kbar. Minflok, il-Kummissjoni pproponiet li tibbaża l-immudellar tal-konformità esklussivament fuq id-dejta statistika li l-Istati Membri jridu jipprovdu lill-Kummissjoni ta’ kull sena.
Bħala konklużjoni, rapportar annwali mtejjeb dwar il-miri tal-ELV, akkumpanjat minn metodoloġiji ta’ rapportar nazzjonali, se jgħin biex jitjieb il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-ELV.