EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017DC0084

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL dwar l-implimentazzjoni tal-assistenza finanzjarja provduta lill-Pajjiżi u t-Territorji extra-Ewropej fil-qafas tal-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp

COM/2017/084 final

Brussell, 21.2.2017

COM(2017) 84 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL

dwar l-implimentazzjoni tal-assistenza finanzjarja provduta lill-Pajjiżi u t-Territorji extra-Ewropej fil-qafas tal-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp


Introduzzjoni

Id-Deċiżjoni dwar l-Assoċjazzjoni Extra-Ewropea 1 (Overseas Association Decision – OAD) tistabbilixxi l-qafas legali għar-relazzjonijiet bejn il-Pajjiżi u t-Territorji Extra-Ewropej 2 (Overseas Countries and Territories – OCTs), l-Istati Membri li għandhom rabtiet magħhom, u l-Unjoni Ewropea. Skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea 3 (TFUE), l-iskop tad-Deċiżjoni dwar l-Assoċjazzjoni Extra-Ewropea huwa li ssostni l-iżvilupp sostenibbli tal-OCTs u tippromwovi l-valuri tal-Unjoni fil-bqija tad-dinja.

L-appoġġ finanzjarju lill-OCTs huwa pprovdut primarjament permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ), b’ammont ta’ EUR 364,5 miljun allokati fil-qafas tal-11-il FEŻ għall-perjodu ta’ programmar 2014-2020 4 .

F’konformità mal-Artikolu 91 tal-OAD, dan ir-rapport jenfasizza l-progress miksub fl-implimentazzjoni tar-riżorsi tal-11-il FEŻ għall-OCTs għas-sena 2016.

Ir-Riżorsi Finanzjarj fil-qafas tal-11-il FEŻ-OCT

Ir-riżorsi tal-11-il FEŻ-OCT disponibbli għall-OCTs jinqasmu fl-allokazzjonijiet li ġejjin, abbażi tal-Anness 2 tad-Deċiżjoni dwar l-Assoċjazzjoni Extra-Ewropea:

EUR 229,5 miljun għall-allokazzjonijiet territorjali (bilaterali);

EUR 100 miljun għall-kooperazzjoni reġjonali u għall-integrazzjoni;

EUR 21,5 miljun għall-iffinanzjar tal-għajnuna umanitarja u ta’ emerġenża, jew għajnuna għall-flutwazzjonijiet fid-dħul mill-esportazzjonijiet;

EUR 5 miljun għall-iffinanzjar tas-sussidji fuq l-imgħax u tal-għajnuna teknika permezz tal-Faċilità ta’ Investiment tal-OCTs tal-BEI;

EUR 8,5 miljun għall-istudji u għall-għajnuna teknika f’konformità mal-Artikolu 81 tal-OAD.

F’konformità mal-kriterji stabbiliti fl-OAD, 16-il OCT huma meqjusa eliġibbli għal allokazzjoni territorjali fil-qafas tal-11-il FEŻ 5 . Għandu jiġi nnotat li Greenland hija ffinanzjata direttament mill-baġit ġenerali tal-UE abbażi tad-“Deċiżjoni ta’ Greenland” 6 .

Il-Programmi reġjonali għandhom l-għan li jrawmu kooperazzjoni fost l-OCTs tal-istess reġjun u li jikkondividu ġabra simili ta’ sfidi u prijoritajiet. L-azzjonijiet iffinanzjati fil-qafas tal-allokazzjoni reġjonali jservu ta’ appoġġ għall-elaborazzjoni u għall-implimentazzjoni tal-programmi u tal-proġetti reġjonali komprensivi biex jiġu indirizzati dawn l-isfidi. Is-sħubijiet ma’ sorsi oħrajn ta’ finanzjament, inklużi strumenti finanzjarji oħrajn tal-Unjoni Ewropea, permezz ta’ kooperazzjoni mal-pajjiżi ġirien tal-AKP u/jew pajjiżi terzi ġirien, kif ukoll ir-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE, huma mħeġġa b’mod attiv.

Il-proċess ta’ programmar għall-11-il FEŻ-OCT

L-OAD 7 tistabbilixxi proċess ta’ programmar li huwa speċifiku għall-OCTs. Kuntrarjament għall-Grupp ta’ Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP), il-programmar mhuwiex ibbażat fuq il-Programmi Indikattivi Nazzjonali iżda huwa organizzat fuq proċess bi stadju wieħed, it-tfassil ta’ Dokument ta’ Programmar, li għandu żewġ komponenti: a) l-istrateġija ta’ rispons tal-UE (il-Parti A) u, b) id-Dokument ta’ Azzjoni (il-Parti B). 

Tittieħed biss deċiżjoni formali waħda tal-Kummissjoni biex ikun approvat kull Dokument ta’ Programmar tal-OCTs, li tkopri kemm l-orjentazzjonijiet strateġiċi kif ukoll it-tfassil dettaljat tal-programm. Dan ifisser li Dokument ta’ Programmar ma jistax jiġi adottat qabel ma jitfasslu l-istrateġija u Dokument ta’ Azzjoni u jsir qbil formali dwarhom. L-appoġġ baġitarju huwa l-modalità ta’ implimentazzjoni preferuta għall-allokazzjonijiet territorjali fl-OCTs.

L-OCTs jibqgħu primarjament responsabbli li jistabbilixxu d-Dokumenti ta’ Programmar, inklużi l-prijoritajiet li fuqhom jiġu bbażati l-istrateġiji tagħhom u l-iżgurar tal-konsultazzjoni lokali meħtieġa. Wara talba mill-OCTs, tpoġġiet għad-disponibbiltà Assistenza Teknika biex takkumpanja lill-OCTs fil-proċess ta’ programmar, f’konformità mal-Artikolu 81 tal-OAD.

Ingħatat gwida speċifika lill-OCTs bħala appoġġ f'diversi aspetti tal-proċess ta’ programmar għall-perjodu 2014-2020:

Tfasslu struzzjonijiet ta’ programmar dettaljati indirizzati speċifikament għall-OCTs li servew bħala bażi biex jigwidaw lill-pajjiżi u lit-territorji. Dawn il-linji gwida jinkludu kemm l-orjentazzjoni kif ukoll il-mudelli apposta rigward l-istadji differenti għat-tfassil tad-Dokument ta’ Programmar.

Il-Linji Gwida dwar l-Appoġġ Baġitarju tal-UE (l-Anness 10) jinkludu gwida speċifika, aktar flessibbli dwar l-approvazzjoni u l-ġestjoni tal-operazzjonijiet tal-appoġġ baġitarju fl-OCTs.

Sabiex tiġi mħeġġa l-kooperazzjoni bejn l-OCTs, l-AKP/il-pajjiżi ġirien u r-Reġjuni Ultraperiferiċi, tfasslet nota ta’ orjentazzjoni biex jitħeġġu proġetti komuni ffinanzjati mill-FEŻ u mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR).

Konsultazzjonijiet li saru

Mill-bidu tal-eżerċizzju ta’ programmar saru konsultazzjonijiet estensivi bejn l-OCTs u l-Kummissjoni Ewropea (kemm fil-livell tal-Kwartieri Ġenerali kif ukoll tad-Delegazzjonijiet).

L-eżerċizzju ta’ programmar għall-OCTs tnieda matul it-12-il Forum bejn l-UE u l-OCTs li sar f’Diċembru 2013, wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni dwar l-Assoċjazzjoni Extra-Ewropea u l-qafas finanzjarju rilevanti. Il-Kummissjoni ppreżentat l-allokazzjonijiet finanzjarji indikattivi u l-istruzzjonijiet ta’ programmar lill-OCTs u lill-Istati Membri li l-OCTs għandhom rabtiet magħhom, u nediet il-proċess ta’ konsultazzjoni bil-ħsieb ta’ ftehim dwar setturi potenzjali ta’ kooperazzjoni.

Il-Kummissjoni Ewropea ilha minn dak iż-żmien tappoġġja b’mod attiv lill-OCTs tul il-proċess kollu ta’ programmar permezz tal-finanzjament u/jew l-iffaċilitar tal-organizzazzjoni ta’ workshops, konferenzi u seminars speċifiċi sabiex tagħti lok għal riflessjoni dwar il-prijoritajiet u l-objettivi speċifiċi.

Abbażi tal-eżiti ta’ żewġ konferenzi tal-OCTs organizzati għall-OCTs tal-Paċifiku (Novembru 2014) u tal-Karibew (Frar 2015), li ħeġġew il-kooperazzjoni reġjonali mal-atturi mhux-OCTs fiż-żona u ppermettew li jsir progress fir-rigward tal-identifikazzjoni mill-OCTs tas-setturi (u tas-sottosetturi) ta’ konċentrazzjoni għaż-żewġ programmi reġjonali (it-tibdil fil-klima u l-bijodiversità għall-programm reġjonali tal-Paċifiku, u l-enerġija sostenibbli u l-bijodiversità tal-baħar għall-programm reġjonali tal-Karibew), ġew organizzati diversi workshops u laqgħat oħra fl-2016 sabiex jiffaċilitaw id-djalogu bejn il-partijiet differenti involuti u jsir progress fil-proċess ta’ programmar.

Saru żewġ laqgħat ta’ konsultazzjoni reġjonali għall-OCTs tal-Karibew fi Frar u Settembru 2016 rispettivament, u ppermettew li jsir avvanz għall-fażi ta’ identifikazzjoni tal-programm reġjonali tal-Karibew, filwaqt li għall-bidu tal-2017 hija skedata t-tielet laqgħa ta’ konsultazzjoni sabiex titlesta l-formulazzjoni tiegħu. Barra minn hekk, fi Frar 2016 sar workshop għall-Programm Tematiku tal-11-il FEŻ u rrappreżenta opportunità għall-OCTs biex jilħqu kunsens ġenerali dwar l-oqsma ewlenin ta’ prijorità għaż-żewġ setturi ta’ konċentrazzjoni (enerġija sostenibbli u tibdil fil-klima, inkluż tnaqqis tar-riskju ta’ diżastri).

Saru wkoll konsultazzjonijiet estensivi fost l-OCTs tal-Paċifiku, li ppermettew li mhux biss isir progress fir-rigward tal-eżerċizzju ta’ programmar iżda wkoll li ssir riflessjoni dwar il-possibbiltà li jsir aktar progress fir-rigward tal-integrazzjoni reġjonali, u tal-kooperazzjoni mal-pajjiżi AKP ġirien. F’dan ir-rigward, jinsabu għaddejjin konsultazzjonijiet biex ikunu mistħarrġa u definiti sinerġiji possibbli bejn il-programmi reġjonali tal-AKP u l-programm reġjonali tal-OCTs fir-reġjun tal-Paċifiku.

Apparti minn hekk, ir-riflessjoni dwar il-prijoritajiet strateġiċi mxiet ’il quddiem bis-saħħa tad-drabi li kien hemm djalogu tal-Assoċjazzjoni stabbilita taħt l-OAD. Fil-livell tekniku, fl-2016 ġew organizzati erba’ laqgħat tripartitiċi bejn il-Kummissjoni, ir-rappreżentanti tal-OCTs u l-Istati Membri li għandhom rabtiet magħhom, li taw l-opportunità għal djalogu bejn il-Kummissjoni, l-OCTs u r-rappreżentanti tal-Istati Membri.

Barra minn hekk, f’Ġunju 2016 ġie organizzat Grupp ta’ Ħidma tas-Sħubija (Partnership Working Party – PWP) dwar l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima u ffoka fuq “Il-komponent tal-Enerġija Sostenibbli” tal-pakkett tematiku, filwaqt li saħaq mill-ġdid l-impenn qawwi tal-OCTs f’dan il-qasam. Dan il-PWP ġie organizzat eżatt wara t-tieni Summit dwar l-Enerġija Sostenibbli u f’konformità mal-eżiti tiegħu, u fih ħadu sehem il-Ministri tal-Enerġija tal-OCTs, biex tkun żgurata approvazzjoni politika f’livell għoli.

Fil-livell politiku, l-14-il Forum bejn l-OCTs u l-UE ta’ Frar 2016 — li kompla jibni fuq il-konklużjonijiet tat-13-il Forum bejn l-OCTs u l-UE tal-2015 — indirizza u ta lok biex ikun misħuq l-impenn reċiproku dwar temi importanti ta’ interess komuni, bħat-tibdil fil-klima, u l-opportunitajiet ta’ tkabbir u investiment għall-OCTs u l-ħtieġa għal approċċi komuni biex jinstabu soluzzjonijiet, u b’hekk ikkontribwixxa direttament għall-programmi reġjonali u tematiċi.

B’mod partikolari, l-iffirmar ta’ Dikjarazzjoni Konġunta bejn l-Unjoni Ewropea u 22 Pajjiż u Territorju Extra-Ewropej dwar kooperazzjoni rinfurzata fil-qasam tal-enerġija sostenibbli 8 saħħaħ ir-rabtiet bejn l-impenji tal-politika tal-enerġija tal-Pajjiżi u tat-Territorji Extra-Ewropej u l-appoġġ li jista’ jingħata mill-Unjoni Ewropea bis-saħħa tar-riżorsi disponibbli permezz tal-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp, u tenna l-impenn qawwi tal-OCTs għall-enerġija sostenibbli, b’mod konsistenti mal-ftehim globali dwar it-tibdil fil-klima li ntlaħaq matul il-COP21. Impenn li kien ikkonfermat mill-ġdid matul it-tieni Summit tal-Ministri tal-Enerġija tal-OCTs f’Ġunju 2016.

Fl-aħħar nett, il-laqgħat trilaterali bejn il-Kummissjoni, l-Uffiċjali Awtorizzanti Territorjali/Reġjonali tal-OCTs u l-Istati Membri li l-OCTs huma marbuta magħhom, li saru fil-qafas tal-14-il Forum bejn l-OCTs u l-UE, provdew opportunità biex tkun diskussa u indirizzata kull kwistjoni eventwali marbuta mal-programmar u l-implimentazzjoni tar-riżorsi finanzjarji, u jkunu pjanati b’mod konkret il-passi li jmiss mal-OCTs individwali u fil-livell reġjonali.

Is-sitwazzjoni fl-2016

Matul l-2015, kienet ġiet stabbilita l-orjentazzjoni strateġika tal-programmi u kienu ġew proposti s-setturi ta’ konċentrazzjoni għall-programmi kollha. Abbażi ta’ dan, fl-2016 inkiseb progress notevoli, f’termini ta’ identifikazzjoni u formulazzjoni tal-programmi.

F’dan il-kuntest, ta’ min ifakkar li s-setturi ta’ konċentrazzjoni proposti għall-allokazzjonijiet territorjali jintgħażlu b’mod partikolari abbażi ta’ temi ewlenin, li b’mod ġenerali jinkludu:

Il-kwistjonijiet ambjentali, it-tibdil fil-klima, l-enerġija rinnovabbli u t-tnaqqis tar-riskju ta’ diżastri (5 mis-16-il OCT li jirrappreżentaw 21 % tat-total tal-allokazzjonijiet territorjali indikattivi tal-11-il FEŻ).

L-iżvilupp soċjali (iż-żgħażagħ) jew l-impjiegi/l-inklużjoni professjonali u l-edukazzjoni/it-taħriġ vokazzjonali (5 mis-16-il OCT li jirrapreżentaw 33 % tal-allokazzjonijiet territorjali indikattivi tal-11-il FEŻ).

It-turiżmu sostenibbli (3 mis-16-il OCT, li jirrappreżentaw 26 % tal-allokazzjonijiet territorjali indikattivi tal-11-il FEŻ)

Il-konnettività u l-aċċessibbiltà/l-iżvilupp diġitali (3 mis-16-il OCT, li jirrappreżentaw 20 % tal-allokazzjonijiet territorjali indikattivi tal-11-il FEŻ).

Fil-każ tal-programmi reġjonali, il-proposti rilevanti għas-setturi ta’ konċentrazzjoni huma dawn li ġejjin:

Il-Karibew: L-enerġija sostenibbli u l-bijodiversità tal-baħar;

L-Oċean Paċifiku: L-ambjent u l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali. Sottosetturi: a) It-Tibdil fil-Klima, u b) il-Bijodiversità;

L-Oċean Indjan: L-osservazzjoni, il-ġestjoni, il-konservazzjoni tal-ekosistema tal-art u tal-baħar;

Programm tematiku (l-OCTs kollha): Użu sostenibbli ta’ riżorsi naturali. Sottosetturi: a) it-Tibdil fil-Klima, inkluż it-tnaqqis tar-riskju ta’ diżastri, u b) l-Enerġija Sostenibbli.

Dawn il-prijoritajiet huma allinjati mal-għan tal-iżvilupp sostenibbli, u b’hekk jindirizzaw it-tliet pilastri tal-iżvilupp – l-iżvilupp ekonomiku, l-iżvilupp soċjali u l-ħarsien tal-ambjent, indikati fl-għanijiet tad-Deċiżjoni dwar l-Assoċjazzjoni Extra-Ewropea.

Għall-allokazzjonijiet territorjali, l-appoġġ baġitarju ġie propost bħala l-modalità ta’ implimentazzjoni mill-maġġorparti tal-OCTs, u f’diversi każijiet dan jirrappreżenta evoluzzjoni pożittiva meta mqabbla mal-modalità tal-proġett li ntużat qabel, notevolment f’Bonaire, Curaçao, il-Polineżja Franċiża, Saba, Sint Eustatius, u Wallis u Futuna. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni appoġġjat il-programmi ta’ appoġġ baġitarju permezz ta’ djalogu regolari, u pprovdiet ukoll appoġġ ad hoc permezz tal-Assistenza Teknika (AT) meta kien hemm bżonn (jiġifieri biex tivvaluta l-eliġibbiltà għall-appoġġ baġitarju jew inkludiet allokazzjoni għall-Assistenza Teknika fil-programmi tal-11-il FEŻ biex tipprovdi l-iżvilupp tal-kapaċità u tassisti lill-amministrazzjoni lokali fl-implimentazzjoni tal-11-il FEŻ).

Matul is-sena 2016 kien hemm mobilizzazzjoni sħiħa tal-Assistenza Teknika biex tappoġġja lill-Uffiċjali Awtorizzanti Nazzjonali u Reġjonali fil-proċess ta’ programmar, f’konformità mal-Artikolu 81 tal-OAD. Fi tmiem l-2016, ġew stabbiliti kuntratti jew studji ta’ AT biex tingħata definizzjoni tal-istrateġiji settorjali tal-OCTs jew biex tkun stabbilita l-eliġibbiltà tal-OCTs għall-appoġġ baġitarju li jammontaw b’kollox għal EUR 2,71 miljun.

Fil-livell territorjali, 10 minn 16-il programm għandhom strateġija kkonsolidata u għaddew il-fażi ta’ identifikazzjoni (jiġifieri Anguilla, il-Gżejjer Falkland, il-Polineżja Franċiża, New Caledonia, Pitcairn, Saba, Sint Eustatius, Saint Pierre u Miquelon, il-Gżejjer Turks u Caicos, il-Gżejjer Wallis u Futuna), filwaqt li sitt programmi temmew b’suċċess il-fażi ta’ formulazzjoni (Anguilla, Saba, Sint Eustatius, Saint Pierre u Miquelon, il-Gżejjer Turks u Caicos u New Caledonia).

Minn fost dawk is-sitt programmi, erbgħa ġew adottati formalment: i) id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar id-Dokument ta’ Programmar tal-11-il FEŻ għal Saint Pierre u Miquelon ġiet adottata f’Settembru 2016, filwaqt li ii) d-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni għad-Dokument ta’ Programmar ta’ Saba, St. Eustatius u l-Gżejjer Turks u Caicos ġew adottati f’Diċembru 2016. 

Id-Dokument ta’ Programmar għal Saint Pierre u Miquelon ġie ffirmat fit-13 ta’ Ottubru 2016 fi Brussell mill-Kummissarju Mimica u l-President Artano. Missjoni sussegwenti tal-Kummissjoni Ewropea f’Saint Pierre u Miquelon f’Ottubru 2016 serviet ta’ pjattaforma għad-djalogu politiku u ffaċilitat it-tħejjija tad-dokumentazzjoni tal-iżborż tal-ewwel ammont parzjali ta’ EUR 7 miljun, li tħallas f’Diċembru 2016.

Fil-livell reġjonali, il-fażi ta’ identifikazzjoni għall-programmi reġjonali tal-Karibew u tal-Paċifiku tinsab għaddejja.

Fuq il-passi tal-progress miksub fl-2016, l-2017 se tkun għalhekk sena kruċjali għas-sħubija bejn l-UE u l-OCTs, b’impenji miż-żewġ naħat li jadottaw diversi programmi oħra tal-11-il FEŻ matul l-ewwel parti tas-sena.

Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI)

Fil-qafas tal-Faċilità ta’ Investiment tal-OCTs 9  biex tiffinanzja s-sussidji fuq l-imgħax u l-assistenza teknika (EUR 5 miljun mill-finanzjament tal-11-il FEŻ għall-OCTs) ġestita mill-BEI, intużaw EUR 600 000 għal sussidju tar-rata tal-imgħax għal operazzjoni f’Tahiti (il-Polineżja Franċiża).

L-OAD tbassar ukoll finanzjament ulterjuri (sa EUR 100 miljun tul il-perjodu 2014-2020) mill-BEI mir-Riżorsi Proprji tagħha. 

Skont il-Pakkett tar-Riżorsi Proprji tal-OCTs 10 , fl-2015, il-BEI kkonkluda ftehim wieħed ta’ self ma’ New Caledonia, li jipprovdi self għal investiment ta’ EUR 20 miljun għall-bini ta’ sptar ġdid biex ikun l-isptar prinċipali għat-territorju kollu, u jieħu post erba’ sptarijiet eżistenti. Il-proġett huwa mwettaq f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Aġenzija Franċiża għall-Iżvilupp (Agence Française de Developpement). Wara t-tlestija tal-proċess ta’ ratifika għall-Ftehim ta’ Garanzija mill-Istati Membri kollha, kien hemm żborż komplut tas-self fl-1 ta’ Settembru 2016.

B’ħarsa ’l quddiem

Sabiex l-OCTs jikkonkludu b’mod effiċjenti l-proċess tagħhom ta’ programmar territorjali u javvanzaw b’ħeffa u b’mod effettiv fir-rigward tal-programmar tal-allokazzjoni reġjonali, permezz ta’ fost l-oħrajn il-koordinazzjoni mtejba, se jkun kruċjali li jinżamm l-impetu matul l-2017.

Is-sena d-dieħla wkoll se tkun kritika għall-involviment f’riflessjonijiet ulterjuri dwar il-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE mal-OCTs fid-dawl tal-eżiti tal-valutazzjoni tal-prestazzjoni tal-11-il FEŻ, mistennija għall-bidu tal-2017.

(1)

 Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/755/UE dwar l-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej mal-Unjoni Ewropea

(2)

Il-Pajjiżi u t-Territorji Extra-Ewropej tal-UE huma Greenland, New Caledonia u d-Dipendenzi, il-Polineżja Franċiża, it-Territorji Franċiżi tan-Nofsinhar u tal-Antartika, il-Gżejjer Wallis u Futuna, Saint Pierre u Miquelon, Saint-Barthélemy, Aruba, Bonaire, Curaçao, Saba, Sint Eustatius, Sint Maarten, Anguilla, il-Gżejjer Cayman, il-Gżejjer Falkland, il-Georgia tan-Nofsinhar u l-Gżejjer Sandwich tan-Nofsinhar, Montserrat, Pitcairn, Saint Helena u d-Dipendenzi (issa denominati Saint Helena, Ascension u Tristan da Cunha), it-Territorju Brittanniku tal-Antartika, it-Territorju Britanniku tal-Oċean Indjan, il-Gżejjer Turks u Caicos, il-Gżejjer Verġni Britanniċi, Bermuda.

(3)

Ir-Raba’ Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, (C 326/47 ta’ 26.10.2012)

(4)

L210/1 ta’ 6.8.2013 – il-Ftehim Intern bejn ir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, dwar l-iffinanzjar ta’ għajnuna mill-Unjoni Ewropea taħt il-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-perjodu mill-2014 sal-2020, skont il-Ftehim ta' Sħubija AKP–UE, u dwar l-allokazzjoni ta' assistenza finanzjarja għall-Pajjiżi u t-Territorji extra-Ewropej li għalihom tapplika r-Raba’ Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

(5)

 L-Anness 1 ta’ dan ir-rapport jinkludi l-lista tal-allokazzjonijiet territorjali u reġjonali individwali indikattivi.

(6)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/137/UE tal-14 ta’ Marzu 2014 dwar ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea min-naħa l-waħda, u l-Groenlandja u r-Renju tad-Danimarka min-naħa l-oħra, talloka EUR 217,8 miljun għall-perjodu 2014-2020 għall-kooperazzjoni bejn l-Unjoni u Greenland f’qasam ta’ interess reċiproku.

(7)

Ir-Raba’ Parti tad-Deċiżjoni dwar l-Assoċjazzjoni Extra-Ewropea

(8)

Dikjarazzjoni Konġunta tal-Unjoni Ewropea u tal-Pajjiżi u t-Territorji Extra-Ewropej – Greenland, New Caledonia, il-Polineżja Franċiża, it-Territorji Franċiżi tan-Nofsinhar u tal-Antartika, il-Gżejjer Wallis u Futuna, Saint-Barthélemy, Saint Pierre u Miquelon, Aruba, Bonaire, Curaçao, Saba, Sint Eustatius, Sint Maarten, Anguilla, il-Gżejjer Cayman, il-Gżejjer Falkland, Montserrat, Pitcairn, Saint Helena, Ascension u Tristan da Cunha, il-Gżejjer Turks u Caicos, il-Gżejjer Verġni Britanniċi, Bermuda dwar il-kooperazzjoni rinfurzata fil-qasam tal-enerġija sostenibbli.

(9)

Stabbilita taħt l-Anness II C tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/822/KE bil-fondi tal-FEŻ biex jitħeġġu impriżi kummerċjalment vijabbli.

(10)

Fis-setturi tal-enerġija rinnovabbli u tal-ICT ġiet żviluppata sensiela ta’ żewġ proġetti li b’kollox jammontaw għal madwar EUR 60 miljun.

Top

Brussell, 21.2.2017

COM(2017) 84 final

ANNESS

tar-

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL

dwar l-implimentazzjoni tal-assistenza finanzjarja provduta lill-Pajjiżi u t-Territorji extra-Ewropej fil-qafas tal-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp


Anness

1)Id-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni adottati fl-2016

OCT

(f’miljuni ta’ EUR)

Settur ta’ konċentrazzjoni

Deċiżjoni tal-Kummissjoni adottata

Saint-Pierre u Miquelon

26,35

It-turiżmu sostenibbli u l-konnettività marittima

C(2016) 5993 ta’ 27.09.2016

Saba

3,55

L-enerġija rinnovabbli

C(2016) 8490 ta’ 20.12. 2016

Sint-Eustasius

2,45

L-enerġija

C(2016) 8493 ta’ 20.12. 2016

Il-Gżejjer Turks u Caicos

14,60

L-edukazzjoni

C(2016) 8291 ta’ 13.12.2016

Total

46,95

2)Id-distribuzzjoni tal-allokazzjonijiet indikattivi u s-setturi ta’ konċentrazzjoni proposti għall-allokazzjonijiet territorjali tal-11-il FEŻ – id-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni jridu jiġu adottati

a)L-allokazzjonijiet territorjali indikattivi tal-11-il FEŻ

OCT

(f’miljuni ta’ EUR)

Settur ta’ Konċentrazzjoni propost

Anguilla

14,05

L-edukazzjoni

Aruba

13,05

L-edukazzjoni

Bonaire

3,95

L-iżvilupp soċjali – iż-żgħażagħ

Curaçao

16,95

L-enerġija rinnovabbli

Il-Gżejjer Falkland

5,90

Il-konnettività u l-aċċessibbiltà

Il-Polineżja Franċiża

29,95

It-turiżmu

Montserrat

18,40

L-enerġija sostenibbli

New Caledonia

29,80

L-impjiegi u l-inklużjoni professjonali

Pitcairn

2,40

It-turiżmu

Saint Helena u d-Dipendenzi

21,50

Il-konnettività u l-aċċessibbiltà

Sint Maarten

7,00

L-ilma u s-servizzi sanitarji

Il-Gżejjer Wallis u Futuna

19,60

L-iżvilupp diġitali

Total

182,55

b)Allokazzjonijiet reġjonali indikattivi tal-11-il FEŻ

Reġjun

(f’miljuni ta’ EUR)

Settur ta’ konċentrazzjoni propost

Il-Karibew

40,00

L-enerġija sostenibbli u l-bijodiversità tal-baħar

Il-Paċifiku

36,00

It-tibdil fil-klima u l-bijodiversità

L-Oċean Indjan

4,00

L-osservazzjoni, il-ġestjoni, il-konservazzjoni tal-ekosistema tal-art u tal-baħar

Il-programm tematiku (l-OCTs kollha)

16,00–18,00

It-Tibdil fil-Klima, inkluż it-tnaqqis tar-riskju ta’ diżastri, u l-Enerġija Sostenibbli

Miżuri ta’ appoġġ għall-Assoċjazzjoni tal-OCTs (OCTA)

2–4,00

Għajnuna Teknika lill-AOCT

Total

100,00

3)Il-Faċilità ta’ Kooperazzjoni Teknika tal-11-il FEŻ (TCF)

Faċilità ta’ Kooperazzjoni Teknika (TCF)

(f’miljuni ta’ EUR)

Kumment

Total

8,50

EUR 3 miljun impenjati fl-2015–2016 (TCF I)

(EUR 2,71 miljun f’kuntratti sa tmiem l-2016)

L-OAD tistipula l-ammonti kumplessivi allokati għall-programmi reġjonali u territorjali, kif ukoll għall-assistenza teknika.

Id-distribuzzjoni indikattiva tal-allokazzjonijiet territorjali speċifiċi tqis id-daqs tal-popolazzjoni, il-livell tal-Prodott Domestiku Gross, il-livell ta’ allokazzjonijiet preċedenti tal-FEŻ u l-limitazzjonijiet minħabba l-iżolament ġeografiku, skont l-Artikolu 9 tal-OAD. 

Id-distribuzzjoni indikattiva ta’ allokazzjonijiet reġjonali speċifiċi tirrifletti l-ħtieġa ta’ massa kritika biex jiġi żgurat l-impatt u l-ħtieġa li titħeġġeġ il-kooperazzjoni bejn l-OCTs, ir-Reġjuni Ultraperiferiċi u l-AKP, kif ukoll il-pajjiżi terzi, kif enfasizzat fl-OAD.

Top