Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017DC0057

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Rapport ta' Progress dwar l-Enerġija Rinnovabbli

    COM/2017/057 final

    Brussell, 1.2.2017

    COM(2017) 57 final

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    Rapport ta' Progress dwar l-Enerġija Rinnovabbli


    INTRODUZZJONI

    L-Enerġija Rinnovabbli hija fil-qalba tal-prijoritajiet tal-Unjoni tal-Enerġija. Id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli 1 kienet u se tkompli tkun element ċentrali tal-politika tal-Unjoni tal-Enerġija u motivatur ewlieni għall-forniment ta’ enerġija nadifa għall-Ewropej kollha, bl-għan li l-UE tkun fuq quddiem nett f’dak li jirrigwarda s-sorsi rinnovabbli waqt li tikkontribwixxi għall-ħames dimensjonijiet tal-Unjoni tal-Enerġija.

    L-ewwel nett, is-sorsi rinnovabbli kellhom rwol importanti fis-sigurtà tal-enerġija. Il-kontribut tagħhom fl-iffrankar tal-importazzjoni ta’ karburanti fossili fl-2015 huwa stmat li kien EUR 16-il biljun u huwa mbassar li fl-2030 se jkun EUR 58 biljun 2 . It-tieni, minħabba li l-ispejjeż dejjem qegħdin jonqsu aktar malajr bis-saħħa tal-avvanz teknoloġiku, b’mod speċjali fis-settur tal-enerġija, is-sorsi rinnovabbli jistgħu jkomplu jiddaħħlu aktar fis-suq bil-mod il-mod. Ir-riformulazzjoni tad-Direttiva dwar is-Sorsi Rinnovabbli għall-perjodu ta’ wara l-2020 flimkien mal-proposti għad-Disinn tas-Suq 3 bħala parti mill-pakkett ta’ Enerġija Nadifa għall-Ewropej kollha se tkompli żżid il-parteċipazzjoni tas-sorsi rinnovabbli fuq l-istess livell ta’ sorsi oħrajn tal-enerġija. It-tielet, is-sorsi rinnovabbli jimxu id f’id mal-effiċjenza fl-enerġija. Fis-settur tal-elettriku, il-qlib tal-karburanti minn karburanti fossili kombustibbli għal sorsi rinnovabbli mhux kombustibbli jista’ jnaqqas il-konsum tal-enerġija primarja 4 . Fis-settur tal-bini, is-soluzzjonijiet rinnovabbli jistgħu jtejbu l-prestazzjoni tal-enerġija tal-bini b’mod kosteffiċjenti. Ir-raba’, is-sorsi rinnovabbli huma wkoll motivatur kruċjali għad-dekarbonizzazzjoni tas-sistema tal-enerġija tal-Unjoni. Fl-2015, is-sorsi rinnovabbli kkontribwew għall-evitar ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra (GHG) bl-ammont gross ekwivalenti għall-emissjonijiet tal-Italja 5 . Fl-aħħar u mhux l-anqas, is-sorsi rinnovabbli għandhom rwol importanti biex jagħmlu mill-UE gwida globali fejn tidħol l-innovazzjoni. Bi 30% tal-privattivi globali fis-sorsi rinnovabbli, l-UE kienet pijuniera f’dan il-qasam, u hija impenjata li tagħti prijorità lir-riċerka u lill-innovazzjoni sabiex tkompli tħeġġeġ it-tranżizzjoni tal-enerġija 6 .

    Barra minn hekk, hemm ferm aktar benefiċċji tal-enerġiji rinnovabbli minn dak li ssemma hawn fuq. L-enerġiji rinnovabbli huma sors ta’ tkabbir ekonomiku u impjiegi għall-Ewropej 7 . Jikkontribwixxu wkoll biex jonqos it-tniġġis tal-arja u biex jgħinu lill-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp b’aċċess għal enerġija affordabbli u nadifa.

    Fl-2014, l-UE u l-parti l-kbira tal-Istati Membri kienu laħqu l-miri vinkolanti tagħhom għall-2020. L-aktar progress mgħaġġel kien fis-settur tal-elettriku, filwaqt li l-ogħla kontribut assolut għadu dak ipprovdut mis-settur tat-tisħin u tat-tkessiħ. S’issa l-inqas progress li qed isir huwa fis-settur tat-trasport. L-eżistenza ta’ potenzjal kbir mhux sfruttat fis-setturi tat-tisħin u tat-tkessiħ u tat-trasport teħtieġ aktar azzjoni kif stipulat fil-proposta għal riformulazzjoni tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli għall-perjodu ta’ wara l-2020, bħala parti mill-pakkett ta’ Enerġija Nadifa għall-Ewropej kollha ppreżentat f’Novembru 2016. Dan il-pakkett jikkonferma l-impenn tal-Kummissjoni Ewropea li tagħmel mill-Unjoni Ewropea n-numru wieħed fid-dinja fl-enerġija rinnovabbli u tipprovdi arranġament ġust lill-konsumaturi tal-enerġija.

    Skont ir-rekwiżiti stipulati fid-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli, dan ir-rapport jipprovdi ħarsa ġenerali komprensiva lejn l-użu ta’ enerġija rinnovabbli fl-UE. Jinkludi wkoll valutazzjoni tal-ostakoli amministrattivi, kif ukoll tas-sostenibbiltà tal-bijokarburanti. Jekk ma jkunx speċifikat mod ieħor, id-dejta mill-2004 sal-2014 hija bbażata fuq l-Ishma tal-Eurostat u d-dejta tal-2015 ġejja minn stimi bikrin 8 . Il-progress ġenerali huwa vvalutat f’konfront mat-trajettorji stipulati fl-Anness I tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli, filwaqt li l-valutazzjonijiet speċifiċi għas-settur u għat-teknoloġija saru f’konfront mat-trajettorji mill-Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali għall-Enerġija Rinnovabbli (National Renewable Energy Action Plans - NREAPs) tal-Istati Membri 9 . Il-projezzjonijiet tal-2020 huma bbażati fuq ix-xenarju tal-PRIMES Ref2016 10 .

    1. PROGRESS FL-UŻU TA’ ENERĠIJA RINNOVABBLI

    a.Il-progress tal-UE28 fl-użu ta’ enerġija rinnovabbli

    Fl-2014, is-sehem tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli (is-sehem RES - share of renewable energy) laħaq is-16% tal-konsum tal-enerġija finali gross. Is-sehem RES medju tal-UE-28 fl-2013/2014 kien jammonta għal 15.5%, sostanzjalment ogħla mit-trajettorja indikattiva (2013/2014) għall-UE-28 ta’ 12.1% 11 . Fl-2015, l-ishma RES huma stmati li huma madwar 16.4% tal-konsum tal-enerġija finali gross, filwaqt li t-trajettorja indikattiva għall-2015/2016 hija 13.8%. Madankollu, minħabba li t-trajettorji ser jogħlew fis-snin li ġejjin, l-isforzi biex inlaħħqu mal-miri jkollhom jintensifikaw, kif muri fil-Grafika 1 Figure 1 .

    Grafika 1: Ishma ta’ enerġija rinnovabbli fl-UE f’konfront mad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli (RED) u t-trajettorji tal-Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali dwar l-Enerġija Rinnovabbli (NREAP) (ibbażati fuq EUROSTAT, Öko-Institut )

    Kif muri f' Figure 2 , it-tisħin u t-tkessiħ jibqa’ l-akbar settur f’termini ta’ użu ta’ enerġija rinnovabbli assoluta. L-ogħla sehem RES u l-akbar tkabbir, madankollu, huma fis-settur tal-elettriku, fejn is-sehem RES kiber b’1.4 punti perċentwali fis-sena bejn l-2004 u l-2014. Is-sehem RES fis-settur tat-tisħin u t-tkessiħ kiber b’0.8 punti perċentwali fis-sena fl-istess perjodu ta’ żmien, filwaqt li s-settur tat-trasport wera l-inqas tkabbir, b’medja ta’ 0.5 punti perċentwali fis-sena.

    Grafika 2: konsum finali tal-enerġija fl-UE28 fl-2015 (sors: Öko-Institut)

    I.Tisħin u tkessiħ

    Grafika 3: Il-produzzjoni ta’ tisħin u tkessiħ rinnovabbli fl-UE-28 skont is-sors (sors: EUROSTAT, Öko-Institut)

    B’sehem rinnovabbli stmat ta’ 18.1% fl-2015, l-UE inġenerali tinsab ogħla mit-trajettorju NREAP aggregat tagħha f’dak li għandu x’jaqsam mat-tisħin u t-tkessiħ 12 . Kif muri fil-Grafika 3 Figure 3 , il-bijomassa solida bla dubju għadha l-akbar kontributur (82%) tal-produzzjoni tas-sħana rinnovabbli (72 Mtoe).

    Il-produzzjoni mill-pompi tas-sħana żdiedet b’mod stabbli minn 1.8 Mtoe fl-2004 għal 9.7 Mtoe fl-2015, u qabżet it-trajettorja indikattiva tal-NREAPs (7.3 Mtoe). L-Italja hija l-pajjiż li jużaha l-aktar, għalkemm il-parti l-kbira tal-pompi tas-sħana jintużaw l-aktar għat-tkessiħ. Għalkemm is-suq tal-UE tal-pompi tas-sħana beda jmajna mill-2013, jista’ jiżdied fis-snin li ġejjin 13 .

    L-użu tal-iskart rinnovabbli 14 ammonta għal 3.4 Mtoe fl-2015. Għalkemm is-sehem tal-bijogass fit-tisħin u t-tkessiħ kien negliġibbli fl-2004 (0.7 Mtoe), fl-2015 qabeż il-valuri proġettati bi 3.2 Mtoe.

    Il-produzzjoni tas-sħana termali solari, bi 2.0 Mtoe fl-2015, naqset milli tlaħħaq mal-projezzjonijiet inklużi fl-NREAPs (3 Mtoe). Il-kapaċità annwali installata fl-2015 kienet aktar baxxa minn dik installata fl-2006, minħabba xtiewi sħan, prezzijiet baxxi tal-fossili, imma wkoll il-kompetizzjoni ta’ teknoloġiji rinnovabbli oħrajn bħall-pompi tas-sħana jew il-fotovoltajċi solari.

    Bi produzzjoni qrib iż-0.7 Mtoe fl-2015, l-użu ġeotermali huwa taħt it-trajettorja antiċipata tal-NREAPs. Minħabba l-potenzjal naturali għoli tagħhom, tliet pajjiżi (l-Italja, Franza u l-Ungerija) qegħdin imexxu l-produzzjoni ġeotermali Ewropea. L-użu bil-mod ta’ din it-teknoloġija huwa dovut l-aktar għall-infiq kapitali kbir ħafna.

    II.Elettriku

    Grafika 4: Il-produzzjoni tal-elettriku rinnovabbli tal-UE-28 skont is-sors (sors: EUROSTAT, Öko-Institut)

    B’RES-E stmat ta’ 28.3% fl-2015, l-UE hija ferm qabel it-trajettorja tal-NREAP aggregata tagħha għall-ishma rinnovabbli fl-elettriku.

    L-iskemi ta’ appoġġ nazzjonali jvarjaw fl-Unjoni u nbidlu diversi drabi 15 . Il-proposta għal riformulazzjoni ta’ din id-Direttiva fiha diversi dispożizzjonijiet li għandhom l-għan li jżidu l-konfidenza tal-investitur permezz ta’ approċċ aktar Ewropew u bbażat fuq is-suq u bil-prevenzjoni ta’ bidliet retroattivi li jikkompromettu l-ekonomiji tal-proġetti appoġġjati.

    L-idroelettriku għadu jiġġenera l-akbar sehem ta’ elettriku rinnovabbli, filwaqt li s-sehem tiegħu niżel minn 74 % fl-2004 għal 38% fl-2015. Fl-2015, l-UE-28 kienet qiegħda tlaħħaq mat-trajettorja NREAPs aggregata ppjanata tagħha. L-Iżvezja, Franza, l-Italja, l-Awstrija u Spanja għandhom madwar 70 % tal-idroenerġija fl-UE-28.

    L-użu tal-enerġija mir-riħ kiber aktar minn erba’ darbiet fil-perjodu bejn l-2004 u l-2015, u attwalment tammonta għal madwar terz tal-elettriku rinnovabbli. L-użu tar-riħ fuq l-art huwa pjuttost qrib it-trajettorja antiċipata matul is-snin. L-akbar kontribuzzjonijiet ġew mill-Ġermanja u minn Spanja. Rigward ir-riħ fuq il-baħar, erba’ pajjiżi (l-Iżvezja, il-Ġermanja, ir-Renju Unit u d-Danimarka) huma wkoll stmati li qabżu t-trajettorja antiċipata tagħhom għall-2015. Madankollu, fil-livell tal-UE, l-enerġija mir-riħ fuq il-baħar uriet progress aktar kajman milli mistenni, b’devjazzjoni ta’ -12% mit-trajettorja NREAP fl-2015, dovuta għal spejjeż inizjali għoljin (li issa qegħdin jonqsu sostanzjalment) u kwistjonijiet ta’ konnessjonijiet ta’ grilji. Madankollu l-iżvilupp aċċellera b’mod sinifikanti f'dawn l-aħħar snin.

    L-enerġija solari fotovoltajka (solari-PV) żdiedet b’mod rapidu u fl-2015 kienet tammonta għal 12% tal-elettriku rinnovabbli kollu. Fl-2013 għall-ewwel darba l-użu tagħha kien qabeż dak tal-bijomassa solida. Fl-2015, 38 % tal-elettriku solari-PV fl-UE-28 kien prodott fil-Ġermanja, fl-Italja u fi Spanja. It-tkabbir konsiderevoli fl-elettriku solari-PV kien motivat minn progress teknoloġiku mgħaġġel, tnaqqis fl-ispejjeż u żminijiet relattivament qosra għall-iżvilupp ta’ proġetti. Dan mhux biss ippermetta użu rapidu u kosteffettiv, iżda wkoll ikkontribwixxa biex iqiegħed lill-konsumatur fiċ-ċentru tat-tranżizzjoni tal-enerġija. Din l-ambizzjoni li biha l-konsumatur jingħata s-setgħa, ġiet ikkonfermata mill-proposta għal riformulazzjoni tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli u l-proposti dwar id-Disinn tas-Suq. Rigward il-kooperazzjoni reġjonali, f’Lulju 2016, id-Danimarka u l-Ġermanja ffirmaw ftehim ta’ kooperazzjoni dwar il-ftuħ reċiproku ta’ rkantijiet għall-installazzjonijiet solari-PV. Dan il-ftehim imur lejn il-ftuħ ta’ skemi ta’ appoġġ lill-parteċipazzjoni transkonfinali li tipproponi r-riformulazzjoni tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli.

    L-iġġenerar tal-elettriku mill-bijomassa fil-livell tal-UE-28 żdied minn madwar 9 Mtoe fl-2010 għal 13-il Mtoe fl-2015. Madankollu, din it-teknoloġija ma laħqitx il-livell ippjanat għal dik is-sena. L-użu tal-bijogass u tal-bijolikwidi kkombinat, it-tnejn f’livelli negliġibbli fl-2004, laħaq is-7% tal-elettriku rinnovabbli fl-2015. F’dak li jirrigwarda l-bijogass, l-użu tiegħu kiber malajr aktar minn kemm kien mistenni, b’mod speċjali fil-Ġermanja u fl-Italja.

    III.Trasport

    Grafika 5: Enerġija rinnovabbli fil-qasam tat-trasport fl-UE-28, skont is-sors (sors: EUROSTAT, Öko-Institut)

    It-trasport huwa l-uniku settur li bħalissa jinsab taħt it-trajettorji aggregati NREAP fil-livell tal-UE, b’sehem ta’ 6 % tal-enerġija rinnovabbli fl-2015 16 . Dan jikkonferma progress pjuttost kajman lejn il-mira obbligatorja ta’ 10% fit-trasport, minħabba diversi diffikultajiet fosthom spejjeż ta’ mitigazzjoni ta’ GHG relattivament għoljin u inċertezza regolatorja 17 . L-enerġija rinnovabbli f'dan is-settur ġejja l-aktar mill-bijokarburanti (88%), filwaqt li l-elettriku għandu rwol aktar limitat f'dan l-istadju.

    Il-bijodiżil huwa l-bijokarburant ewlieni użat għat-trasport fl-UE, fejn jirrappreżenta 79% tal-użu totali ta’ bijokarburanti fl-2015. Minkejja din il-pożizzjoni ewlenija, il-bijodiżil ma laħaqx l-użu mistenni antiċipat mit-trajettorja NREAPs għall-2015 (10.9 Mtoe minflok 14.4 Mtoe). L-akbar konsumaturi tal-bijodiżil huma Franza, il-Ġermanja u l-Italja.

    Il-bijoetanol huwa t-tieni l-akbar kontributur ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli għas-settur tat-trasport u jirrappreżenta 20% tal-bijokarburanti. Madankollu, l-użu tiegħu baqa’ lura ferm mil-livell mistenni fl-NREAPs fl-2015 (2.6 Mtoe minflok 4.9 Mtoe). Il-konsumaturi ewlenin fl-2015 kienu l-Ġermanja, ir-Renju Unit u Franza, segwiti minn Spanja, l-Iżvezja, il-Polonja u n-Netherlands.

    L-elettriku rinnovabbli kkontribwixxa 1.7 Mtoe għall-konsum ta’ enerġija finali gross fit-trasport fl-2015 18 , li huwa 13% inqas mit-trajettorja NREAP aggregata mistennija.

    Sorsi ta’ enerġija rinnovabbli oħrajn (fosthom il-bijogass) ma jaqdux rwol prominenti fis-settur tat-trasport fil-livell tal-UE-28, iżda jintużaw f’ċerti Stati Membri (eż. fl-Iżvezja u fil-Finlandja).

    Is-sehem tal-bijokarburanti prodotti mill-iskart, mir-residwi, mill-materjal linjoċellulożiku u materjal ċellulożiku mhux tal-ikel 19 fit-taħlita ta’ bijokarburanti fl-UE 20 żdied minn 1% fl-2009 għal 23% fl-2015 21 , xprunat l-aktar mill-Iżvezja, mir-Renju Unit u mill-Ġermanja. Fil-livell tal-UE, dawn il-bijokarburanti qabżu bi tliet darbiet it-trajettorja ppjanata, b’madwar 3 Mtoe fl-2015, l-aktar minħabba l-użu ta’ żejt tat-tisjir użat.

    b.Valutazzjoni ddettaljata skont kull Stat Membru u projezzjonijiet

    L-Istati Membri kollha ħlief wieħed (in-Netherlands 22 ) urew ishma RES medji għall-2013/2014 li kienu daqs it-trajettorja indikattiva RED korrispondenti tagħhom jew ogħla. Skont l-estimi tal-2015, 25 Stat Membru diġà qabżu t-trajettorji indikattivi RED tagħhom tal-2015/2016 fl-2015. Tliet Stati Membri (in-Netherlands, Franza u l-Lussemburgu) kellhom ishma RES għall-2015 stmati taħt it-trajettorja indikattiva RED għall-2015/2016 tagħhom (ara l-Grafika 6 Figure 6 ).

    Grafika 6: Il-progress attwali tal-Istati Membri lejn il-miri indikattivi RED tagħhom għall-2013/2014 u l-2015/2016. (sors: Öko-Institut, EUROSTAT)

    Ix-Xenarju ta’ Referenza PRIMES 2016 jassumi li l-UE inġenerali u l-parti l-kbira tal-Istati Membri se jieħdu azzjoni suffiċjenti sal-2020 biex jilħqu l-miri tagħhom. L-Istati Membri li bħalissa huwa mbassar li mhumiex ser jilħqu l-miri vinkolanti RES nazzjonali tagħhom sal-2020 23 ser ikollhom il-possibbiltà li jużaw mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni. It-tabella 1 Table 1 tiġbor fil-qosor l-użu fil-passat, fil-preżent u dak imbassar fil-livell tal-Istati Membri, inkluża t-trajettorja attwali fis-settur tat-trasport imqabbla mal-mira speċifika ta’ 10%.

     

    Tabella 1: Ħarsa ġenerali lejn il-progress tal-Istati Membri lejn il-miri tal-2020 fl-enerġija rinnovabbli (sors: Öko-Institut, EUROSTAT)

    2. ĦARSA ĠENERALI LEJN IL-PROĊEDURI AMMINISTRATTIVI

    L-ostakoli amministrattivi joħolqu spejjeż addizzjonali ta’ żvilupp li jirriżultaw mill-inċertezza, li taffettwa b’mod speċjali lill-proġetti rinnovabbli bi spejjeż kapitali ogħla minn dawk ta’ proġetti ta’ enerġija konvenzjonali. Dawn l-ostakoli jistgħu jwasslu għal dewmien fl-użu jew saħansitra jwaqqfu proġetti milli jitwettqu. Bl-ispejjeż teknoloġiċi li qed jonqsu b’rata mgħaġġla, il-proċeduri amministrattivi qegħdin proporzjonalment jiksbu aktar piż fl-ispiża globali ta’ proġetti rinnovabbli 24 . Id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli teżiġi li l-proċeduri tal-Istati Membri li jippermettu proġetti ta’ enerġija rinnovabbli jkunu proporzjonati u neċessarji. Tinkludi wkoll l-obbligu għall-Istati Membri li fl-ewwel rapport tagħhom dwar il-progress, jispjegaw jekk għandhomx l-intenzjoni li (i) jistabbilixxu korp amministrattiv uniku għall-applikazzjonijiet ta’ impjanti ta’ enerġija rinnovabbli; (ii) jipprovdu għall-approvazzjoni awtomatika tal-applikazzjonijiet għall-permess meta l-korp ta’ awtorizzazzjoni ma jkunx wieġeb fl-iskadenzi stabbiliti; u (iii) jindikaw żoni ġeografiċi adatti għall-isfruttar tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli.

    L-Istati Membri għamlu progress fit-tnaqqis tal-piż amministrattiv mid-dħul fis-seħħ tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli. Il-parti l-kbira minnhom stabbilew skadenzi massimi għall-proċeduri ta’ permess kif ukoll iffaċilitaw il-proċeduri għall-proġetti fuq skala żgħira, u ħafna minnhom jidentifikaw żoni ġeografiċi għal proġetti rinnovabbli. Barra minn hekk, numru dejjem akbar ta’ Stati Membri qegħdin joffru lill-iżviluppaturi ta’ proġetti l-possibbiltà li jissottomettu applikazzjonijiet onlajn. Madankollu, kif muri fil-Grafika 7 Figure 7 , għad fadal xi ostakoli, bħal pereżempju għall-punti uniċi ta’ servizz jew għall-għoti ta’ permess awtomatiku wara l-iskadenza.

    Meta mqabbla mal-2012, fl-2014 is-sitwazzjoni ftit li xejn inbidlet f’dak li jirrigwarda l-implimentazzjoni ta’ punt uniku ta’ servizz. Ftit pajjiżi biss, bħal Franza, il-Belġju u l-Lussemburgu, adottaw din il-miżura. Kien hemm titjib żgħir rigward l-applikazzjonijiet onlajn, li bdew jiġu implimentati mill-Awstrija u mill-Bulgarija. Barra minn hekk, l-applikazzjoni ta’ skadenzi massimi nfirxet ma’ kważi l-Istati Membri kollha. Madankollu, in-numru ta’ Stati Membri li japplikaw proċeduri ffaċilitati għall-proġetti fuq skala żgħira naqas. It-Tabella 2 toffri ħarsa ġenerali komprensiva lejn il-proċeduri ffaċilitati fil-livell tal-Istati Membri.

    Grafika 7: L-ostakoli amministrattivi fl-UE fl-2014 (numru ta’ Stati Membri kkonċernati) (sors: Öko-Institut)



    Tabella2: Is-sitwazzjoni attwali tad-disponibbiltà ta’ proċeduri amministrattivi faċilitati fl-Istati Membri tal-UE fl-2014 (sors: Öko-Institut)

    3. VALUTAZZJONI TAS-SOSTENIBBILTÀ TAL-BIJOKARBURANTI FL-UE

    a.Ir-rendiment tal-emissjonijiet ta’ GHG

    L-Istati Membri rrapportaw iffrankar nett ta’ madwar 35 Mt ekwivalenti CO2 fl-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra minħabba l-użu ta’ enerġija rinnovabbli fit-trasport fl-2014.Ħafna minnhom irrapportaw li l-iffrankar kien ġej mill-użu ta’ bijokarburanti, bi rwol żgħir iżda li qed jikber ta’ elettriku rinnovabbli. Dan l-iffrankar ikopri biss emissjonijiet diretti u ma jinkludix emissjonijiet mit-Tibdil Indirett fl-Użu tal-Art (ILUC).

    L-emissjonijiet tal-ILUC assoċjati mal-bijokarburanti kkonsmati fl-UE huma stmati li huma 23 Mt ekwivalenti ta' CO2, li jħallu ffrankar nett ta’ 12 Mt ekwivalenti CO2 25 . Bl-applikazzjoni tal-medda ta’ sensittività assoċjata kif stipulat fl-Anness VIII tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli, l-emissjonijiet tal-ILUC ivarjaw bejn 14 u 28 Mt ekwivalenti ta’ CO2u l-iffrankar nett korrispondenti bejn 7 u 21 Mt ekwivalenti ta’ CO2.

    Ħidma riċenti ta’ mmudellar 26 tal-impatti tal-ILUC ta’ materja prima bijokarburanti individwali tikkonferma li l-emissjonijiet mill-ILUC jistgħu jkunu ferm ogħla għall-bijokarburanti prodotti miż-żjut veġetali milli għall-bijokarburanti prodotti mil-lamtu jew miz-zokkor. Bijokarburanti avvanzati minn uċuħ mhux tal-ikel ġeneralment għandhom emissjonijiet tal-ILUC baxxi ħafna jew ineżistenti.

    b.Il-kummerċ u l-pajjiżi fornituri ewlenin

    Fl-2014, madwar 10% tal-bijoetanol u madwar 26% tal-bijodiżil fl-UE ġew importati. Il-pajjiżi esportaturi ewlenin kienu l-Malasja għall-bijodiżil u l-Gwatemala, il-Bolivja, il-Pakistan, ir-Russja u l-Peru għall-bijoetanol 27 . Tlieta minnhom 28 jieħdu sehem fl-Arranġament ta’ Inċentiv Speċjali tal-UE għal Żvilupp Sostenibbli u Governanza Tajba ("GSP+"). L-ewwel Rapport dwar l-Iskema Ġeneralizzata ta’ Preferenzi għall-perjodu 2014-2015 29 jipprovdi analiżi tas-sitwazzjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol, il-ħarsien ambjentali u l-governanza tajba f'dawn il-pajjiżi. Fl-2015, l-importazzjonijiet tal-bijoetanol u tal-bijodiżil naqsu bl-akbar tnaqqis ta’ importazzjonijiet ta’ etanol ikunu mill-pajjiżi tal-GSP+.

    Id-dejta rigward id-diżaggregazzjoni skont il-materja prima għall-produzzjoni tal-bijoetanol u l-bijodiżil ikkonsmati fl-UE tvarja skont is-sors ta’ informazzjoni 30 . Is-sorsi kollha disponibbli madankollu jikkonfermaw li l-etanol tal-UE huwa prodott l-aktar mill-qamħ, mill-qamħirrum u mill-pitravi, u li fl-2014, aktar minn 50% tal-bijodiżil ikkonsmat fl-UE kien prodott miż-żejt tal-lift waqt li l-użu ta’ żjut u xaħmijiet użati iżda wkoll taż-żejt tal-palm żdied b’mod sinifikanti mill-2010 31 . Skont id-dejta tal-industrija, aktar minn 60% tal-bijodiżil u aktar minn 90% tal-bijoetanol ikkonsmat fl-UE kien prodott minn materja prima Ewropea 32 .

    Materja prima għall-bijoetanol li ma tiġix mill-UE hija importata mill-Ukraina (qamħirrum, qamħ), mill-Kanada (qamħ), mir-Russja u mill-Moldova (xgħir, ray), u mis-Serbja (pitravi) 33 . L-akbar esportaturi tal-materja prima għall-bijodiżil lejn l-UE kienu l-Indoneżja u l-Malasja (żejt tal-palm), il-Brażil u l-Istati Uniti (sojja) 34 . Il-parti l-kbira taż-żejt tal-lift ġejja mill-UE 35 . Il-potenzjal tal-materja prima għall-karburanti rinnovabbli avvanzati huwa kbir ħafna, iżda l-impjanti ta’ produzzjoni fuq skala kummerċjali għadhom limitati.

    Tabella 3: Il-bażi ta’ materja prima tal-produzzjoni ta’ bijoetanol u bijodiżil fl-UE-28 fl-2014 (sors: USDA FAS 2016)

    c.L-użu tal-art u t-tibdil fl-użu tal-art

    Waqt li ż-żoni forestali, iż-żoni naturali u ż-żoni artifiċjali żdiedu fl-UE bejn l-2000 u l-2016, il-mergħat naqsu. Fl-2015, il-proporzjon ta’ mergħat ma’ art agrikola niżel bi 2.01% meta mqabbel mal-proporzjon ta’ referenza kkalkulat fuq il-bażi tad-dejta tal-2005 36 . It-telf ta’ mergħat permanenti bejn l-2006 u l-2016 kien jammonta għal 3 Mha (-4.9%) 37 . Filwaqt li fl-Unjoni ma nstabitx relazzjoni kawżali diretta bejn it-telf tal-mergħat u ż-żieda fl-art għall-uċuħ użati għall-produzzjoni ta’ bijokarburanti, din ġiet irraportata minn Stat Membru wieħed 38 .

    L-aktar mudellar riċenti tal-ILUC 39 jindika li, sal-2020, il-politika dwar il-bijokarburanti tal-UE tista’ twassal għal espansjoni ta’ 1.8 Mha ta’ art ikkultivata fl-UE u għal 0.6 Mha fil-bqija tad-dinja, b’0.1 Mha għad-detriment tal-foresta. L-espansjoni tal-art ikkultivata fil-livell globali sseħħ għad-detriment tal-mergħat (-1.1 Mha), tal-art abbandunata (-0.9 Mha) u veġetazzjoni naturali oħra (-0.4 Mha).

    d.L-ambjent, kwistjonijiet ekonomiċi u ta’ żvilupp

    Ma nstab ebda effett negattiv sinifikanti mill-produzzjoni ta’ bijokarburanti u bijolikwidi fuq il-bijodiversità, ir-riżorsi tal-ilma, il-kwalità tal-ilma u tal-ħamrija fl-UE 40 . Madankollu, it-tibdil indirett fl-użu tal-art jista’ jikkawża telfien tal-bijodiversità jekk issir espansjoni addizzjonali tal-art f’żoni sensittivi, bħal foresti u bwar b’bijodiversità għolja.

    Rigward il-kwalità tal-ħamrija, fl-UE dawn ir-riskji huma indirizzati mill-Politika Agrikola Komuni u l-leġiżlazzjoni ambjentali Ewropea u nazzjonali. Rigward pajjiżi terzi, id-degradazzjoni tal-ħamrija tista’ sseħħ meta l-espansjoni tal-bijokarburanti sseħħ fuq art li ma tkunx adattata għall-użu agrikolu. Ir-riċerka turi li numru ta’ msieħba kummerċjali tal-UE fil-materja prima tal-bijokarburanti (eż. ir-Russja, l-Ukraina, il-Kanada, il-Peru u l-Brażil) għandhom żoni ta’ art agrikola kkaratterizzati b’adattabbiltà baxxa għall-uċuħ (irrispettivament mill-użu finali tal-uċuħ), u għaldaqstant iwasslu għal impatti fuq il-ħamrija 41 .

    Ma ġie rappurtat ebda impatt tal-produzzjoni ta’ bijokarburanti fuq id-disponibbiltà tal-ilma fl-UE. Rigward il-kwalità tal-ilma, il-Ġermanja rrapportat impatti negattivi minħabba n-nitrati f’żoni b’intensità għolja ta’ bhejjem u b’aktar minn 50% tar-raba’ użata għall-produzzjoni tal-qamħirrum għall-bijogass, li madankollu jintuża l-aktar għall-iġġenerar tal-elettriku. F’pajjiżi terzi, ma ġiet identifikata l-ebda evidenza ta’ rabtiet diretti bejn il-produzzjoni ta’ bijokarburanti u l-istress fuq l-ilma fis-sħab esportaturi ta’ bijokarburanti lejn l-UE.

    Rigward il-prezzijiet tal-ikel, għandu jkun innotat li bejn l-2012 u l-2015, il-prezzijiet tal-prodotti bażiċi agrikoli naqsu. Fl-2015, il-prezz taż-żjut veġetali laħaq l-inqas livell tiegħu mill-2005 (f’USD) 42 , filwaqt li l-prezzijiet għad-dqiq u l-pasti taż-żrieragħ żejtnin żdiedu. Id-domanda aktar baxxa għall-bijokarburanti għaż-żjut veġetali kienet fost il-fatturi li kkontribwew għall-waqgħa fil-prezzijiet taż-żjut/xaħmijiet 43 . Fatturi oħrajn jinkludu: il-provvista u stokkijiet kbar ta’ żrieragħ, is-sostituzzjoni tad-dqiq b’ċereali, u prezzijiet baxxi taż-żejt mhux maħdum.

    Il-konsum tal-etanol fl-UE kellu impatt negliġibbli fuq il-prezzijiet taċ-ċereali minħabba li s-sehem tal-UE fis-suq globali tal-etanol ma qabiżx is-7%, u s-suq taċ-ċereali globali huwa xprunat l-aktar mid-domanda għall-għalf. Fil-futur, l-aktar tkabbir b’saħħtu fil-konsum ta’ bijokarburanti huwa mistenni fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, filwaqt li d-domanda akbar għall-ikel u l-għalf għal popolazzjoni aktar għanja hija mbassra li ser tkun issodisfata l-aktar minn qligħ tal-produttività, bit-titjib fir-rendiment mistenni li jammonta għal madwar 80% taż-żieda fir-rendiment tal-uċuħ 44 .

    Rigward id-dritt tal-użu tal-art, l-aħħar rapporti dwar ftehimiet dwar art fuq skala kbira jikkonfermaw is-sejba tar-rapport dwar il-progress fl-enerġija rinnovabbli tal-2015 tal-Kummissjoni li sehem żgħir ħafna biss mill-proġetti tal-bijokarburanti barra l-UE ġew żviluppati bis-suq tal-UE bħala skop. U bosta proġetti ta’ xiri tal-art imnedija fil-bidu tas-snin 2000 fallew u ma żviluppawx fi proġetti reali ta’ produzzjoni ta’ bijokarburanti. L-interess tal-investituri kien baxx fl-2014 – 2015, bi ftit aktar minn nofs (51%) l-art mixtrija mħollija mitluqa (67% fl-Afrika sub-Saħarjana) 45 . Attribuzzjoni ċara ta’ ftehimiet għall-bijokarburanti hija diffiċli peress li l-uċuħ agrikoli jistgħu jispiċċaw fil-katina tal-ikel skont il-prezzijiet tal-prodotti bażiċi fi żmien il-ħsad jew fatturi oħrajn 46 . Għandu jkun innotat ukoll li, sabiex tindirizza t-tħassib relatat mal-impatti fuq il-komunitajiet lokali u d-drittijiet tal-użu tal-art fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, l-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura (FAO) adottat fl-2012 il-Linji Gwida dwar il-Governanza Responsabbli tal-Pussess tal-Art u fl-2014 il-Linji Gwida għall-Investimenti Responsabbli fl-Agrikoltura. Fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, l-iskemi ta’ ċertifikazzjoni tas-sostenibbiltà tal-UE bil-parteċipazzjoni ta’ diversi partijiet ineressati (ż. ISCC, RSPO RED, RSB EU RED) ikopru wkoll aspetti ta’ sostenibbiltà soċjali, ekonomiċi u ambjentali li jmorru lil hinn mill-kriterji obbligatorji ta’ sostenibbiltà tal-UE.



    4. KONKLUŻJONIJIET

    Il-promozzjoni tal-enerġija rinnovabbli hija parti essenzjali mill-politika tal-enerġija tal-UE, kif rikonoxxut fl-Artikolu 194 TFUE, u tikkontribwixxi ħafna għall-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-Qafas tal-Unjoni tal-Enerġija. Il-qafas regolatorju l-ġdid għal wara l-2020 propost mill-Kummissjoni bħala parti mill-pakkett “Enerġija Nadifa għall-Ewropej Kollha” f’Novembru 2016 jibni fuq l-esperjenza miġbura taħt id-Direttiva eżistenti dwar l-Enerġija Rinnovabbli. Dan għandu l-għan li jkompli jagħti karattru aktar Ewropew lill-politika dwar l-enerġija rinnovabbli u jagħmel l-aħjar użu minnha fis-setturi tal-bini, tat-trasport u tal-industrija. Il-Kummissjoni pproponiet dispożizzjonijiet imsaħħa biex toffri l-kundizzjonijiet tajbin għall-investimenti, fosthom il-ftuħ transkonfinali progressiv tal-appoġġ, il-prinċipju tan-nonretroattività u proċeduri amministrattivi aċċellerati, kif ukoll il-parteċipazzjoni tal-konsumaturi. Is-setturi tal-elettriku, tat-trasport u tat-tisħin u t-tkessiħ huma kollha fil-mira ta’ għadd ta’ miżuri konkreti, filwaqt li qed ikun propost li l-miri nazzjonali tal-2020 jintużaw bħala linja bażi għal aktar progress mill-Istati Membri wara l-2020. F’dak li jirrigwarda l-bijoenerġija, il-Kummissjoni pproponiet li ssaħħaħ il-qafas ta’ sostenibbiltà tal-UE għall-bijoenerġija billi testendih biex ikopri l-bijomassa u l-bijogass użati għat-tisħin u għall-elettriku f’impjanti kbar tal-enerġija.

    B’sehem ta’ 16% fil-konsum finali tal-enerġija fl-2014, l-UE u l-parti l-kbira tal-Istati Membri 47 jinsabu fit-triq it-tajba f’dak li jirrigwarda l-enerġija rinnovabbli 48 . Madankollu, l-estimi tal-2015 juru li l-Istati Membri se jkollhom ikomplu l-isforzi tagħhom sabiex jilħqu l-miri vinkolanti tagħhom tal-2020, hekk kif it-trajettorja ssir aktar diffiċli. Dan japplika b’mod speċjali għal Franza, għal-Lussemburgu u għan-Netherlands, li fl-2016 se jkollhom iżidu l-ishma tagħhom b’mod sostanzjali sabiex jibqgħu fuq l-istess linja mat-trajettorji rispettivi tagħhom. Minn perspettiva li tħares aktar ’il quddiem, il-projezzjonijiet juru li l-UE inġenerali se tilħaq il-mira tagħha ta’ 20% sal-2020. Madankollu, ċerti Stati Membri bħall-Irlanda, il-Lussemburgu, in-Netherlands u r-Renju Unit jistgħu jkunu meħtieġa jsaħħu l-kooperazzjoni ma’ Stati Membri oħrajn billi jużaw il-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni bħal trasferimenti ta’ statistika biex jilħqu fil-waqt il-miri vinkolanti nazzjonali tagħhom.

    It-tisħin u t-tkessiħ, li jirrappreżenta madwar nofs 49 il-konsum tal-enerġija finali fil-livell tal-UE, jibqa’ l-akbar settur f’termini ta’ konsum ta’ enerġija 50 . Huwa wkoll l-akbar kontributur għall-mira tal-enerġija rinnovabbli, b’nofs il-konsum tal-enerġija rinnovabbli 51 , anki jekk ir-rata ta’ tkabbir tiegħu kienet aktar kajmana milli fis-settur tal-elettriku. Fl-2015, madwar 18.1% tat-tisħin u t-tkessiħ tal-UE kien rinnovabbli, bil-bijomassa tirrappreżenta, b’marġni wiesa’, l-akbar kontribuzzjoni.

    Is-settur tal-elettriku ra l-aktar tkabbir mgħaġġel fis-sehem rinnovabbli, li attwalment jilħaq it-28.3% tal-produzzjoni totali tal-elettriku. Fl-2015, l-akbar kontributur għall-elettriku rinnovabbli baqa’ l-idroelettriku. L-aktar prestatur b’saħħtu f'termini ta’ tkabbir huwa r-riħ fuq l-art. L-iżvilupp solari fotovoltajku kien irregolari, bi tkabbir massimu fl-2011 u fl-2012, iżda b’rati aktar baxxi ta’ tkabbir kull sena minn dak iż-żmien ’l hawn. Flimkien, id-diversi sorsi rinnovabbli 52 jirrappreżentaw 12% tal-ġenerazzjoni gross tal-elettriku fl-UE.

    It-trasport huwa s-settur li qed ikompli juri l-aktar tkabbir kajman ta’ sorsi rinnovabbli, b’medja ta’ 0.5 punti perċentwali fis-sena mill-2005 sal-2014 u tnaqqis sinifikanti wara l-2011 53 . Is-sehem tal-enerġija rinnovabbli tiegħu kien 5.9 % fl-2014 (u stmat għal 6.0 % biss fl-2015) minn mira speċifika għas-settur ta’ 10 % għall-2020. Dan il-progress kajman huwa dovut għal diversi diffikultajiet, fosthom l-inċertezza regolatorja u użu tardiv ta’ bijokarburanti avvanzati

    L-Istati Membri għamlu progress fit-tneħħija tal-ostakoli amministrattivi, iżda dan il-progress ma kienx uniformi madwar l-Unjoni u għad fadal ħafna xi jsir, speċjalment f'dak li jirrigwarda l-għoti awtomatiku ta’ permess wara l-iskadenza tal-proċedura amministrattiva u fl-istabbiliment ta’ punti uniċi ta’ servizz.

    Rigward is-sostenibbiltà tal-bijokarburanti, il-parti l-kbira tal-bijokarburanti kkonsmati fl-UE huma prodotti fl-Unjoni minn materja prima domestika. Ma ġie identifikat ebda effett ħażin dirett sinifikanti fl-UE fuq il-bijodiversità, il-ħamrija u l-ilma, is-sigurtà tal-ikel u fuq il-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw. Madankollu, ir-riskji tal-impatti tat-tibdil indirett fl-użu tal-art jibqgħu ta’ tħassib. L-analiżi tal-mudelli sabet riskji ta’ tibdil indirett fl-użu tal-art (ILUC) li jirriżulta mill-bijokarburanti li ġejjin mill-ikel. Huwa għalhekk li, bl-adozzjoni tad-Direttiva dwar l-ILUC, l-UE llimitat il-kontribuzzjoni ta’ dawn il-bijokarburanti għall-mira ta’ 10% fis-sorsi rinnovabbli għat-trasport. Barra minn hekk, dan l-aħħar il-Kummissjoni għamlet proposti sabiex tnaqqas bil-mod is-sehem ta’ bijokarburanti li ġejjin mill-ikel wara l-2020, waqt li inkoraġġiet is-sostituzzjoni progressiva tagħhom permezz ta’ bijokarburanti avvanzati u elettriku rinnovabbli.

    Bħala konklużjoni, il-proposta għal riformulazzjoni tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli flimkien ma’ proposti oħrajn tal-pakkett “Enerġija Nadifa għall-Ewropej kollha”, li issa qed tiġi eżaminata kemm mill-Parlament Ewropew kif ukoll mill-Kunsill, għandha l-għan li tindirizza l-ostakoli li semmejna aktar ’il fuq u li qegħdin irażżnu t-tkabbir tal-enerġija rinnovabbli, u b’hekk tikkonferma d-determinazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tqiegħed lill-Unjoni Ewropea fl-ewwel post f’dak li jirrigwarda l-enerġija rinnovabbli.

    (1) Id-Direttiva 2009/28/KE dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, ĠU L 140, 5.6.2009
    (2)  Meta mqabbel mal-linja bażi tal-2005, sors: Öko-Institut, Study on Technical Assistance in Realisation of the 2016 Report on Renewable Energy (Studju dwar l-Assistenza Teknika fit-Tfassil tar-Rapport tal-2016 dwar l-Enerġija Rinnovabbli), disponibbli fuq: http://ec.europa.eu/energy/en/studies
    (3)  bħala parti mill-pakkett “Enerġija Nadifa għall-Ewropej kollha”, maħruġ fit-30 ta’ Novembru 2016
    (4)  jekk wieħed jassumi Fattur ta’ Enerġija Primarja ta’ 2.5, unità waħda (1) ta’ enerġija rinnovabbli tista’ tissostitwixxi 2.5 unitajiet ta’ elettriku fossili
    (5)  436 Mt ekwivalenti ta’ CO2 meta mqabbla mal-linja bażi tal-2005. Sors: EEA
    (6)  Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Aċċellerazzjoni tal-Innovazzjoni fil-qasam tal-Enerġija Nadifa” Com(2016) 763
    (7)  fl-2014, aktar minn miljun persuna ġew impjegati f'dan is-settur u l-fatturat ikkombinat laħaq madwar EUR 144 biljun (Rapport tal-EurObser'ER)
    (8)  estimi tal-2015. sors: Öko-Institut, Study on Technical Assistance in Realisation of the 2016 Report on Renewable Energy (Studju dwar l-Assistenza Teknika fit-Tfassil tar-Rapport tal-2016 dwar l-Enerġija Rinnovabbli), disponibbli fuq: http://ec.europa.eu/energy/en/studies
    (9)  It-trajettorji aggregati fil-livell tal-UE huma mogħtija għall-fini ta’ spjegazzjoni u m’għandhom ebda valur legali
    (10)  deskrizzjoni ddettaljata disponibbli fuq: https://ec.europa.eu/energy/sites/ener/files/documents/20160713%20draft_publication_REF2016_v13.pdf
    (11)  Fl-Anness I tagħha, id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli tistabbilixxi formula biex tiġi kkalkolata trajettorja indikattiva għal medja ta’ sentejn għal kull Stat Membru. Mill-formula wieħed jista’ joħroġ trajettorja indikattiva għall-UE-28 f'daqqa. Madankollu, din l-estrapolazzjoni hija ppreżentata għal finijiet ta’ deskrizzjoni u m’għandhiex valur legali, jiġifieri l-UE inġenerali m’għandha ebda trajettorja RES indikattiva skont id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli.
    (12)  L-aggregazzjoni NREAP tindika sehem mistenni ta’ 15.0 % u 16% rispettivament fl-2014 u fl-2015.
    (13)  ibbażat fuq ix-xenarju PRIMES EUCO30
    (14)  kif notifikat mill-Eurostat taħt “skart solidu muniċipali rinnovabbli”
    (15)  L-iskemi ta’ appoġġ nazzjonali implimentati mill-Istati Membri huma soġġetti għar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, kif stipulat fil-Linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-Ħarsien tal-Ambjent u l-Enerġija 2014 – 2020
    (16)  inkluż l-għadd multiplu
    (17)  Influwenzata mid-diskussjonijiet dwar il-qafas legali għall-bijokarburanti prodotti minn uċuħ imkabbra f’art agrikola u l-ILUC
    (18)  mingħajr multiplikaturi
    (19)  Dak li qabel kien l-Artikolu 21(2) tad-Direttiva 2009/28/KE
    (20)  bijokarburanti konformi kif ikkalkolati għall-mira tal-enerġija rinnovabbli
    (21) f’ktoe, mingħajr għadd multiplu
    (22)  Dan informa lill-Kummissjoni dwar l-adozzjoni ta’ miżuri ġodda sabiex jerġa’ jilħaq it-trajettorja tiegħu u jiżgura l-konformità mal-mira tiegħu.
    (23)  L-Irlanda, il-Lussemburgu, in-Netherlands u r-Renju Unit. Fil-każ tar-Renju Unit id-distakk mistenni madankollu huwa qasir ħafna (madwar 0.2%). L-Ungerija, b’distakk taħt iż-0.01%, ma ġietx inkluża hawnhekk
    (24)  Il-Valutazzjoni tat-Tfassil mill-Ġdid tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli, SWD (2016) 416 final
    (25)  Skont id-Direttiva (UE) 2015/1513 tad-9 ta’ Settembru 2015 (l-hekk imsejħa Direttiva ILUC), il-Kummissjoni hija meħtieġa li tirrapporta dwar l-emissjonijiet ta’ GHG mill-bijokarburanti, inkluża l-emissjoni mill-ILUC billi tuża d-dejta dwar il-materja prima mir-rapporti tal-Istati Membri li għandhom jaslu sa tmiem l-2017. Peress li t-traspożizzjoni tad-Direttiva (UE) 2015/153 għadha mhix lesta u l-Istati Membri għadhom ma bdewx jirrapportaw id-dejta meħtieġa, il-Kummissjoni bbażat il-valutazzjoni tagħha fuq dejta mill-Eurostat (ammonti ta’ bijodiżil, bijokarburanti likwidi oħrajn u bijogażolina kkonsmata fl-UE) u dejta mit-taħlita ta’ materja prima mill-USDA FAS 2016 u dejta mill-industrija
    (26)  Ecofys, IIASA, E4Tech, 2015
    (27)  Dejta tal-industrija: ara l-istatistika ta’ ePUR, ippubblikata fit-22 ta’ Settembru 2016.
    (28)  Il-Bolivja, il-Pakistan u l-Perù. Minn Jannar 2016 il-Gwatemala m’għadhiex tibbenefika mill-istrument tal-GSP+
    (29)  COM(2016) 29 final, 28 ta’ Jannar 2016.
    (30)  Għas-sorsi tal-UE-28 analizzati: dejta disponibbli għall-pubbliku (assoċjazzjonijiet tal-industrija u USDA FAS), dejta kummerċjali
    (31)  Dejta disponibbli għall-pubbliku tindika li fl-2014, l-użu ta’ żjut u xaħmijiet użati żdied aktar minn tliet darbiet meta mqabbel mal-2010 u l-użu taż-żejt tal-palm aktar minn irdoppja meta mqabbel mal-2010.
    (32)  Fediol, ePure, EurObserver
    (33)  Dejta ta’ USDA FAS, UN Comtrade: http://comtrade.un.org/
    (34)  Dejta ta’ USDA FAS, UN Comtrade: http://comtrade.un.org/
    (35)  Dejta ta’ USDA FAS, UN Comtrade: http://comtrade.un.org/
    (36)  SWD(2016) 218 final Reviżjoni tal-ekoloġizzazzjoni wara sena
    (37)  Prospettiva tal-Agrikoltura tal-UE 2016
    (38)  Il-Ġermanja, fir-rapport ta’ progress tagħha
    (39)  Mudelli GLOBIOM, Valin 2016
    (40)  Rapporti tal-Istati Membri
    (41)  IIASA (L-immapjar tal-adattabbiltà tal-ħamrija, valutazzjonijiet nazzjonali)
    (42)  Il-Prospettiva tal-Agrikoltura tal-UE 2016
    (43)  Il-Prospettiva tal-Ikel tal-FAO Ottubru 2015
    (44)  Prospettiva tal-Agrikoltura 2016 - 2025 tal-OECD-FAO (2016)
    (45)  FMI, Perspettiva Ekonomika Dinjija: domanda baxxa – sintomi u rimedji. Ottubru 2016
    (46)  Rapport QAMĦ 2016.
    (47) Ħlief għan-Netherlands
    (48) Kif stabbilit fl-Anness I tad-Direttiva 2009/28/KE
    (49) Ibbażat fuq l-indikaturi tal-2015, Öko Institut. 45% fl-2015 ibbażati fuq id-denominaturi RES
    (50) F’termini ta’ emissjonijiet ta’ CO2 madankollu, l-elettriku għadu kontributur kbir b’41% tal-emissjonijiet ta’ CO2 fl-UE
    (51) Ibbażat fuq l-indikaturi tal-2015, Öko Institut. 50% fl-2015, minbarra l-għadd multiplu għat-trasport
    (52) Hawnhekk, l-enerġija mir-riħ u mix-xemx
    (53) Dovut l-aktar għal bidliet fil-bijokarburanti konformi mal-kontabbiltà
    Top