Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017AR3412

    Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Id-deistituzzjonalizzazzjoni tas-sistemi tal-kura tas-saħħa fil-livell lokali u reġjonali

    ĠU C 164, 8.5.2018, p. 39–44 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    8.5.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 164/39


    Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Id-deistituzzjonalizzazzjoni tas-sistemi tal-kura tas-saħħa fil-livell lokali u reġjonali

    (2018/C 164/07)

    Relatur:

    Is-Sur Gonzalez Westling (SE/PSE), Membru tal-Kunsill Muniċipali ta’ Hofors

    RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

    IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

    Drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà

    1.

    jilqa’ l-istedina tal-Gvern Estonjan li titħejja Opinjoni dwar “Id-deistituzzjonalizzazzjoni tas-sistemi tal-kura fil-livell lokali u reġjonali”. Huwa stmat li waħda minn kull sitt persuni fl-Unjoni Ewropea – madwar 80 miljun ruħ – tbati minn xi forma ta’ diżabbiltà, fi gradi differenti, minn ħafifa sa severa. “Il fuq minn terz tan-nies li għandhom” il fuq minn 75 sena għandhom diżabbiltà li xxekkilhom f’ħajjithom ta’ kuljum. Din iċ-ċifra hija mistennija li tiżdied hekk kif il-proporzjon ta’ nies imdaħħlin fl-età fil-pajjiżi tal-UE ser jiżdied fis-snin li ġejjin (1). Għalkemm il-kundizzjonijiet tal-għajxien u l-arranġamenti tal-għajxien għall-persuni b’diżabbiltà ttejbu b’mod konsiderevoli matul dawn l-aħħar 20 sena, għad hemm ftit jew wisq diskrepanzi kbar fil-kura tas-saħħa u soċjali, kif ukoll fil-perċezzjoni fil-konfront tal-persuni b’diżabbiltà fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri tal-UE. Sfortunatament, pereżempju, għad hemm persuni b’diżabbiltà intellettwali u/jew mard mentali li d-dritt tagħhom biex jieħdu deċiżjonijiet dwar ħajjithom stess huwa limitat;

    2.

    jemmen bil-qawwa li l-persuni b’diżabbiltà għandu jkollhom kull opportunità possibbli biex isiru membri awtosuffiċjenti ta’ soċjetà u li l-libertà tal-għażla tagħhom għandha tiġi sostnuta; ifakkar f’dan il-kuntest li s-sistemi tal-kura huma differenti f’kull pajjiż li jfisser li t-tranżizzjoni għal kura bbażata fil-komunità trid tiġi adattata għall-ispeċifiċità lokali u tinvolvi kemm lill-komunitajiet ikkonċernati kif ukoll lill-utenti u l-familji tagħhom; jixtieq jenfasizza li l-għan ta’ din l-Opinjoni mhuwiex li l-kura istituzzjonali kollha tiġi esklużag ħalkollox jew tiġi kkundannata taħt kull ċirkustanza; l-istituzzjonijiet mhumiex is-soluzzjoni, iżda jistgħu jiġu kkunsidrati wkoll bħala waħda fost is-soluzzjoniiet disponibbli. F’ċerti pajjiżi, l-istituzzjonijiet huma iżjed miftuħa għal arranġamenti ġodda ta’ akkumpanjament biex jadattaw għad-diversità tas-sitwazzjonijiet u biex jipprovdu lil kull individwu l-opportunità li jilħqu l-potenzjal tagħhom, tkun kemm tkun severa d-diżabbiltà tagħhom. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lir-rwol tal-familji fil-funzjonament ta’ dawn l-istituzzjonijiet;

    3.

    jinnota li, skont l-Artikolu 168 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-kompetenza tal-UE fil-qasam tas-saħħa pubblika hija primarjament limitata biex tikkomplementa l-politiki tas-saħħa implimentati f’livell nazzjonali, reġjonali jew lokali fl-Istati Membri. Filwaqt li jirrispetta l-prinċipju tas-sussidjarjetà, il-kompitu tal-UE huwa li:

    tippromovi l-koordinazzjoni għat-titjib tas-saħħa pubblika, il-prevenzjoni tal-mard fiżiku u mentali u l-eliminazzjoni tal-kawżi ta’ periklu għas-saħħa fiżika u mentali. Dan jinkludi l-ġlieda kontra l-flaġelli kbar tas-saħħa billi tiġi promossa r-riċerka dwar il-kawżi, it-trażmissjoni u l-prevenzjoni tagħhom, kif ukoll informazzjoni u edukazzjoni dwar is-saħħa, kif ukoll il-monitoraġġ ta’ theddid transkonfinali serju għas-saħħa, twissija bikrija għal dan it-theddid u l-ġlieda kontrih;

    tistabbilixxi standards għoljin ta’ kwalità u sikurezza ta’ organi u sustanzi ta’ oriġini umana kif ukoll fil-qasam veterinarju, fitosanitarju u mediċinali;

    4.

    josserva li l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (UNCRPD) tal-2006 tirrappreżenta l-orjentazzjoni mill-ġdid tal-perspettiva f’dak li jirrigwarda d-diżabbiltà, billi tiffoka fuq il-mod li bih is-soċjetà u l-ambjent tal-madwar jistgħu jiġu aġġustati sabiex ipattu għall-ostakli li jiffaċċjaw il-persuna b’diżabbiltà sabiex jippermettu li jiġu inklużi fis-soċjetà u biex jgħixu ħajjithom bl-aktar mod awtonomu possibbli. F’Novembru 2017, 27 mit-28 Stat Membru tal-UE rratifikaw il-Konvenzjoni; minn dawn, 22 irratifikaw ukoll il-Protokoll Addizzjonali (2). Il-Kumitat jirrakkomanda li l-Istati Membri kollha jirratifikaw kemm il-Konvenzjoni kif ukoll il-Protokoll;

    5.

    ser juża d-definizzjoni ta’ diżabbiltà użata min-NU li tfisser li tirriżulta mill-interazzjoni bejn persuni b’diżabbiltà fiżika, mentali, intelletwali jew sensorjali ta’ natura permanenti u ostakli ta’ attitudni u dawk ambjentali li jxekklu l-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva tagħhom fis-soċjetà fuq bażi ugwali mal-oħrajn. Id-diżabbiltà tista’ sseħħ bħala riżultat ta’ mard, korriment, jew minħabba disturbi konġenitali jew akkwiżit. Tali mard, korrimenti, jew disturbi jistgħu jkunu permanenti jew temporanji;

    It-tranżizzjoni minn kura istituzzjonali għal kura bbażata fil-komunità

    6.

    jilqa’ b’sodisfazzjon l-inizjattiva tal-eks-Kummissarju Vladimir Špidla li, bl-għajnuna ta’ grupp ta’ esperti, żviluppa l-linji gwida Ewropej dwar it-tranżizzjoni mill-kura istituzzjonali għall-kura bbażata fil-komunità (3) (“Common European Guidelines on the Transition from Institutional to Community-based Care”). Abbażi ta’ dawn il-linji gwida, il-KtR jirrakkomanda li tintuża d-definizzjoni ta’ istituzzjoni bħala residenza fejn tingħata kura fejn ir-residenti jkunu iżolati mill-bqija tal-komunità u/jew jiġu sfurzati jgħixu flimkien; ir-residenti ma jkollhomx biżżejjed kontroll fuq ħajjithom u deċiżjonijiet li jaffettwawhom; il-ħtiġijiet u r-rekwiżiti tal-organizzazzjoni jkollhom it-tendenza li jieħdu preċedenza fuq il-ħtiġijiet individwali tar-residenti. Il-linji gwida huma żviluppati sabiex jappoġġjaw l-Istati Membri fit-tranżizzjoni minn kura istituzzjonali għal kura bbażata fil-komunità. Abbażi tal-esperjenzi u t-tagħlimiet mislutin mill-pajjiżi li implimentaw id-deistituzzjonalizzazzjoni, l-iżviluppi matul iż-żmien jinkludu: strateġija u viżjoni komuni; l-involviment tal-utenti u tal-qraba; responsabbiltà kondiviża tal-atturi kollha fil-livelli kollha; tmexxija u gwida, kif ukoll proċess ta’ appoġġ. Josserva li dawn il-linji gwida jistgħu jkunu ta’ appoġġ tajjeb fit-tranżizzjoni minn kura istituzzjonali għal kura bbażata fil-komunità u jagħti parir lill-Istati Membri kollha jużawhom;

    7.

    josserva li l-kunċett tal-kura bbażata fl-stituzzjonijiet qed tkun iddubitata dejjem iżjed u li hemm għadd ta’ studji xjentifiċi li wrew il-konsegwenzi negattivi mifruza tal-kura fit-tul ibbażata fl-istituzzjonijiet għall-individwi affettwati, pereżempju, it-telf tal-libertà; l-istigmatizzazzjoni; it-telf tal-awtonomija u d-depersonalizzazzjoni. Hemm ukoll effetti negattivi fuq il-persunal li jaħdem f’ambjenti istituzzjonali. Dan wassal għal kunsens li kura bbażata fil-komunità bl-uzu ta’ forom aktar miftuħa għandha tkun preferuta u ssawwar id-direzzjoni tal-prattika futura tal-kura. Dan jiġi wkoll enfasizzat fil-“Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għas-Saħħa Mentali” (4), żviluppat mill-Uffiċċju Reġjonali għall-Ewropa tal-WHO bil-kooperazzjoni mill-qrib tal-Istati Membri u permezz ta’ djalogu magħhom, li approvaw ukoll il-pjan. Il-KtR itenni wkoll li l-UNCRPD; tistabbilixxi d-dritt tal-persuni b’diżabbiltà li jgħixu fil-komunità, b’għażliet ugwali għal dawk tal-oħrajn (5);

    8.

    josserva li l-iżviluppi ta’ dawn l-aħħar 20 sena, bit-tneħħija gradwali ta’ istituzzjonijiet kbar u sptarijiet speċjalizzati favur soċjetà aktar miftuħa u kura bbażata fil-komunità, kienu simili ħafna f’bosta Stati Membri tal-UE. Madankollu, għad hemm aktar minn miljun persuna b’diżabbiltà li bħalissa jgħixu f’istituzzjonijiet fil-pajjiżi Ewropej (6). It-tranżizzjoni minn kura bbażata f’istituzzjoni għal kura bbażata fil-komunità b’mod iktar miftuħ ma tistax isseħħ mil-lum għal għada. Din hija bidla li tieħu diversi snin u teħtieġ impenn u azzjoni fil-livelli kollha tas-soċjetà, u jinħtieġ ukoll tibdil fl-imġiba u l-liġijiet. Il-KtR jemmen li huwa importanti li l-iżvilupp ta’ kura li tkun iżjed ibbażata fil-komunità jkun kwistjoni bi prijorità għolja għall-Istati Membri kollha tal-UE u li x-xejra kontra d-deistituzzjonalizzazzjoni titwettaq b’rispett għad-drittijiet tal-grupp fil-mira u fl-aħjar interess possibbli tal-individwi kkonċernati;

    9.

    jemmen li huwa importanti li jiġi enfasizzat il-periklu li l-pajjiżi fit-tranżizzjoni għal kura bbażata iżjed fil-komunità u miftuħa jibnu istituzzjonijiet ġodda bħala kumpens għall-istituzzjonijiet li jingħalqu. Fil-każ ta’ gruppi fil-mira bi ħtiġijiet partikolarment diffiċli u kumplessi, li diffiċilment jiġu ssodisfati minn perspettiva soċjetali u fejn ma jeistuux soluzzjonijiet personalizzati, dan jista’ jwassal għall-ħolqien ta’ djar ġodda tal-kura u ta’ kura residenzjali li jixbhu lil istituzzjoni. Dan jista’ jiġri woll fil-każ ta’ kriżi gravi, pereżempju l-mewġa ta’ refuġjati f’għadd ta’ Stati Membri fil-ħarifa tal-2015 fejn, biex jiġi indirizzat malajr il-bżonn li r-refuġjati jkollhom saqaf fuq rashom, inħolqu kampijiet tar-refuġjati u nstabitilhom akkomodazzjoni f’istituzzjonijiet. Hemm ir-riskju li soluzzjonijiet li jitfasslu u jiġu ppjanati bħala miżura temporanja jibqgħu għaddejjin fit-tul, li jwasslu għal riperkussjonijiet negattivi fil-livell individwali;

    Il-ġlieda kontra l-istigmatizzazzjoni

    10.

    josserva li, fl-Istati Membri differenti tal-UE, insibu, fi gradi differenti, sensiela ta’ liġijiet u dokumenti ta’ politika li jipprevedu li l-persuni b’diżabbiltà għandhom jingħataw il-kapaċità li jieħdu sehem fis-soċjetà u jkunu jistgħu jgħixu bħall-oħrajn. Madankollu, għad hemm oppożizzjoni mistura u, xi drabi, evidenti kontra l-persuni b’diżabbiltà fis-soċjetà. Il-gruppi stigmatizzati ta’ spiss jiġu ttrattati b’ostilità, biża’ u daqslikieku huma ta’ valur inqas u piż. Għadd kbir ta’ studji wrew li l-persuni b’mard mentali jiġu stigmatizzati (7). Min-naħa tagħha, l-istigmatizzazzjoni twassal biex il-persuni jiġu diskriminati. Din tista’ tiġi espressa fil-forma ta’, pereżempju, nuqqasijiet fil-kura tas-saħħa jew esklużjoni soċjali li jwasslu biex is-saħħa mentali tal-persuna kkonċernata tkompli tmur għall-agħar. Dan isir ċirku vizzjuż li jkun fil-periklu li jissokta u jiġi approfondit. Id-deistituzzjonalizzazzjoni tinvolvi iżjed milli l-għeluq ta’ istituzzjonijiet kbar u l-ħolqien ta’ forom alternattivi ta’ kura tas-saħħa. Huwa importanti wkoll li jiġu miġġielda l-preġudizzji u l-istereotipi u li tinbidel l-imġiba: mill-perċezzjoni ewlenija li l-persuni b’diżabbiltà huma oġġetti u riċevituri passivi tal-kura għall-idea li jiġu rikonoxxuti bħala membri sħaħ fis-soċjetà b’firxa sħiħa ta’ drittijiet tal-bniedem. Il-KtR huwa tal-fehma li l-Istati Membri, b’mod parallel mad-deistituzzjonalizzazzjoni, għandhom jiġġieldu l-istigmatizzazzjoni u jevitaw id-diskriminazzjoni. Dan jinvolvi, b’konformità mal-Konvenzjoni tan-NU (l-Artikoli 4 sa 6 tal-UNCRPD), li l-Istati Membri jieħdu passi pożittivi u miżuri preventivi biex jiġġieldu kull tip ta’ diskriminazzjoni u jiżguraw ir-rispett d-drittijiet tal-bniedem għal kulħadd. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li hemm għadd kbir ta’ eżempji tajbin ta’ kampanji nazzjonali li jiġġiel; du l-istigmbħala sors ta’ ispirazzjoni, kemm fi ħdan l-Istati Membri tal-UE kif ukoll lil hinn minnhom;

    11.

    jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li pazjenti li jiġu trasferiti għal kura aktar miftuħa u bbażata fil-komunità għandu jkollhom il-ħtiġijiet tagħhom valutati adegwatament. L-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jiżguraw li dawn il-ħtiġijiet huma sodisfati sabiex l-utenti jkunu jistgħu jkollhom kontroll fuq ħajjithom stess, jagħmlu għażliet u deċiżjonijiet veri dwar fejn imorru jgħixu, ma’ min se jgħixu u kif jgħixu. Is-servizzi (inkluża l-għajnuna personali) għandhom ikunu disponibbli u aċċessibbli għal kulħadd biex jiggarantixxu li l-utenti jkunu inklużi fil-komunità u jistgħu jgħixu ħajja kemm jista’ jkun indipendenti;

    Il-ħiliet u l-għarfien

    12.

    jenfasizza li t-tranżizzjoni minn kura istituzzjonali għal waħda bbażata fil-komunità ser tinvolvi wkoll bidla paradigmatika għall-persunal u l-ħiliet tagħhom. L-enfasi fuq l-għarfien mediku u professjonijiet tiegħu nbidlet għal aktar kura bbażata fil-komunità, u dan wassal għall-ħtieġa ta’ ħiliet soċjali u edukattivi. Il-KtR jemmen li huwa importanti li l-persunal li jappoġġja l-individwi jkollu l-għarfien rilevanti għall-missjoni tiegħu (l-Artikolu 4 tal-UNCRPD). Li l-persunal ikollu l-ħiliet adegwati mhux biss iħaffef it-tranżizzjoni iżda jimpedixxi wkoll il-ħolqien ta’ istituzzjonijiet ġodda. F’bosta pajjiżi hemm nuqqas ta’ persunal b’ħiliet akkademiċi adegwati. Il-kooperazzjoni u l-iskambju internazzjonali f’dan ir-rigward jistgħu jkunu mezz biex tiżdied id-disponibbiltà tal-persunal bil-ħiliet meħtieġa. Il-KtR jirrakkomanda esperjenza professjonali flimkien ma’ korsijiet ġodda ta’ taħriġ f’livell universitarju u fil-livell sekondarju sabiex tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni. Sabiex tiġi żgurata d-disponibbiltà ta’ persunal imħarreġ tajjeb, jinħtieġu ppjanar u koordinazzjoni. Il-KtR jenfasizza l-importanza li t-taħriġ għal persunal ġdid u mħarreġ mill-ġdid għandu jinkludi għarfien dwar id-drittijiet tal-bniedem; xi jfisser għajxien b’diżabbiltà; xi jfisser għajxien f’istituzzjoni; kif ukoll il-kompetenzi biex l-individwi jiġu involuti dwar kif kif jixtiequ jirċievu l-għajnuna. Li persuna tiffamiljarizza ruħha għal ħajja f’istituzzjoni u mbagħad tgħix waħidha u tkum kapaċi tieħu d-deċiżjonijiet hija stess mhijiex tranżiżżjoni faċli. Hemm ir-riskju ta’ iżolament u/jew esklużjoni għall-individwi meta jkunu qed jadattaw ruħhom għas-soċjetà. Huwa ta’ importanza kbira li l-individwi jintlaqgħu u jiġu appoġġjati minn persunal kompetenti li jkun jista’ jindirizza l-individwi kollha kemm huma u l-bżonnijiet tagħhom b’mod olistiku. Ir-riċerka u l-iskambju tal-għarfien f’dan il-qasam kienu pożittivi, b’mod partikolari fil-każ ta’ diżabbiltà psikjatrika u newropsikjatrika. Żdiedu l-aċċess għal metodi bbażati fuq l-għarfien u l-evidenza u l-użu tagħhom, kemm f’dak li għandu x’jaqsam ma’ kura medika u psikoloġika kif ukoll f’dak li jirrigwarda l-appoġġ psikoloġiku u soċjali u l-apparat konjittiv. Pereżempju, fl-Iżvezja, għadd ta’ snin ilu l-Bord Nazzjonali tas-Saħħa u l-Benessri (Socialstyrelsen) ħareġ linji gwida f’diversi oqsma bħall-iskiżofrenja u disturbi simili (8). Il-linji gwida fihom rakkomandazzjonijiet ewlenin għal metodi bbażati fuq l-evidenza għall-kura tas-saħħa u s-servizzi soċjali. Il-Bord Nazzjonali tas-Saħħa u l-Benessri ppubblika wkoll gwida dwar il-metodi ta’ ħidma u pariri ġenerali dwar il-livell ta’ tagħrif u ħiliet meħtieġa għall-persunal u l-impjegaturi li jaħdmu ma’ persuni b’diżabbiltajiet differenti (9)  (10).

    It-tfal u ż-żgħażagħ

    13.

    jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-UE approvaw il-Linji Gwida riveduti dwar il-Promozzjoni u l-Protezzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal. B’konformità mal-Konvenzjonijiet rilevanti tan-NU, il-KtR huwa tal-fehma li l-Istati Membri kollha tal-UE għandhom jappoġġaw il-prinċipju li t-tfal jgħixu f’familja. Ir-riċerka turi li tfal li jitrabbew f’istituzzjonijiet mhux qed jiżviluppaw bl-istess mod bħat-tfal li jitrabbew mal-familja tagħhom u bid-drittijiet u l-opportunitajiet li jmorru l-iskola bħat-tfal l-oħra. Hija turi wkoll li t-tfal li jitrabbew f’istituzzjoni jista’ jkollhom problemi ta’ mġiba u diffikultajiet f’kuntest soċjali iktar tard fil-ħajja. It-tfal fl-istituzzjonijiet ta’ spiss ma jkunux stimulati biżżejjed u bħala mod biex joħolqu din l-istimulazzjoni jagħmlu ħsara lilhom innifishom jew, minflok, jiżviluppaw imġiba problematika. It-tfal kollha jeħtieġu l-kontinwità u l-prossimità għal żvilupp pożittiv. Il-KtR jirrakkomanda lill-pajjiżi kollha fl-UE li t-tfal b’diżabbiltà u l-ġenituri tagħhom għandhom jingħataw l-għajnuna u l-appoġġ li għandhom bżonn fi jew qrib djarhom. Il-ġenituri għandhom jingħataw assistenza u taħriġ dwar id-diżabbiltà ta’ uliedhom, kif ukoll jirċievu appoġġ mill-komunità/muniċipalità sabiex ikunu jistgħu jirnexxu fit-trobbija tat-tfal. Jekk il-ġenituri jkollhom jaħdmu inqas sabiex jappoġġjaw lil uliedhom b’diżabbiltà fid-dar għandu jiġi ffaċilitat appoġġ finanzjarju;

    14.

    itenni li t-tfal u ż-żgħażagħ b’diżabbiltà għandu jkollhom l-istess drittijiet u obbligi mil-lat ta’ edukazzjoni u studji bħall-oħrajn. Dan jitlob li l-iskola tissodisfa l-ħtiġijiet tat-tfal, għaliex inkella jkun hemm il-periklu ta’ iżolament anke barra l-istituzzjonijiet. L-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jinvestu aktar f’baġita tal-iskola biex jindirizzaw in-nuqqas ta’ faċilitajiet xierqa u biex jipprijoritizzaw l-aċċessibilità u disinjar universali. Il-programmi għandhom jiġu implimentati biex titqajjem kuxjenza dwar id-diżabbiltà fost il-membri tal-persunal fl-iskejjel u tfal oħra, kif ukoll biex jipprovdu taħriġ adegwat għall-għalliema b’metodoloġiji inklużivi u jiġu inċentivati biex jaħdmu ma’ tfal b’diżabbiltà. L-imġiba u l-preġudizzji jridu jiġu indirizzati sabiex tkun possibbli inklużjoni sħiħa;

    It-tutela

    15.

    jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li għadd kbir ta’ ċittadini tal-UE li jsofru minn ritardazzjoni mentali u/jew mard mentali huma soġġetti għal tutela (plenary guardianship) jew kurazija (partial guardianship). Il-KtR jirrikonoxxi li l-kurazija tista’ tipproteġi l-interessi tal-individwi kkonċernati u tipproteġihom kontra l-abbuż li kieku kien ikollhom jesperjenzaw. Madankollu, jesprimi t-tħassib tiegħu li t-tutela tinvolvi t-telf tad-drittijiet legali kollha u li d-deċiżjonijiet li jirrigwardaw l-aktar ħajjet l-individwu jiġu ttrasferiti lil rappreżentant legali. Hemm bosta adulti li kontra l-volontà tagħhom jitqiegħdu f’istituzzjoni minn rappreżentant maħtur legalment. Il-KtR jitlob lill-Istati Membri jaħdmu biex jitnaqqass il-bżonn ta’ tutela u li jinvolvu lill-utenti, il-familji tagħhom, l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-utenti u l-ispeċjalisti fit-teħid tad-deċiżjonijiet. Reviżjoni tal-leġislazzjoni dwar il-kapaċità legali għandha tinkludi obbligi dwar il-parteċipazzjoni fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet u permezz tal-leġislazzjoni għandhom jissaħħu d-drittijiet tal-grupp fil-mira;

    Il-kontribut tal-utenti u l-parteċipazzjoni

    16.

    jemmen li l-persuni b’diżabbiltà għandu jkollhom opportunitajiet statutorji u appoġġ sabiex jieħdu deċiżjonijiet li jikkonċernawhom, ħajjithom ta’ kuljum u t-tfassil tas-servizzi lokali. Huwa importanti li l-informazzjoni titfassa lskont il-ħtiġijiet tal-grupp fil-mira. Li wieħed jisma’ u jikkoopera mal-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-utenti u l-qraba jiffaċilita l-kontribut u l-parteċipazzjoni tal-utenti. L-għarfien u l-esperjenza tal-utenti ħiliet importanti li għandhom jitħarsu. Il-KtR jirrakkomanda li l-Istati Membri jappoġġjaw l-istabbiliment u l-ħidma ta’ organizzazzjonijiet tal-utenti;

    Leġislazzjoni u linji gwida

    17.

    josserva li huwa importanti li l-leġislazzjoni u l-politiki eżistenti jappoġġjaw l-implimentazzjoni b’konformità mal-Artikolu 4(1) tal-UNCRPD. Għandha tingħata attenzjoni partikolari għad-drittijiet tat-tfal. Il-KtR jinnota, barra minn hekk, li l-leġislazzjoni għandha tiżgura li l-persuni jgħixu ħajjithom b’mod awtonomu u l-appoġġ għandu jkun ibbażat fuq il-ħtiġijiet u x-xewqat individwali tagħhom;

    18.

    jenfasizza l-importanza ta’ miżuri ta’ appoġġ u protezzjoni tal-persuni b’diżabbiltà serja fil-perjodu wara li jiġu nieqsa l-ġenituri u l-qraba tagħhom. B’mod partikolari, jikkunsidra li huwa essenzjali li l-persuni b’diżabbiltà li mhumiex kapaċi jerfgħu r-responsabbiltà sħiħa għalihom innifishom jiġu garantiti l-benessri, l-inklużjoni u l-awtonomija sħiħa, u b’hekk jiġi evitat li awtomatika jiddaħħlu f’istituzzjoni;

    Data u statistika għall-monitoraġġ

    19.

    josserva li n-nuqqas ta’ data jagħmilha diffiċli sabiex wieħed isegwi l-iżvilupp l-proċess tad-deistituzzjonalizzazzjoni u li ssir analiżi komparattiva bejn l-Istati Membri differenti. Għaldaqstant, il-KtR jirrakkomanda li tingħata prijorità lill-ħidma dwar id-definizzjoni u l-iżvilupp ta’ indikaturi u tagħmel parti mill-istrateġija u l-ippjanar tat-tranżizzjoni għal kura u servizzi iżjed ibbażati fil-komunità. Il-bidla paradigmatika għal approċċ fejn il-kura tkun aktar individwali u ċċentrata fuq il-persuna għandha tiġi riflessa wkoll fl-istandards u l-indikaturi żviluppati. Dawn għandhom jiffukaw fuq il-kwalità tal-ħajja u d-drittijiet tal-utenti aktar milli fuq il-monitoraġġ ta’ data ta’ natura aktar teknika. Il-KtR jirrakkomanda kooperazzjoni bejn l-Istati Membri dwar l-iżvilupp u d-definizzjoni ta’ standards u indikaturi;

    Xogħol u impjieg

    20.

    josserva li, b’konformità mal-Artikolu 27 tal-UNCRPD, id-dritt għax-xogħol huwa dritt fundamentali. Huwa importanti li dan ma jixxekkilx, pereżempju, minn preġudizzji jew nuqqas ta’ aċċessibbiltà. Il-KtR jenfasizza li għandhom isiru sforzi biex persuni b’diżabbiltà jkunu jistgħu jaħdmu skont il-karatteristiċi personali tagħhom. Riabilitazzjoni li taħdem kif imiss u l-adattament tal-postijiet tax-xogħol u tal-impjiegi huma ta’ importanza kbira. Il-forom differenti ta’ attività għal dawk li ma jistgħux isibu impjieg bi ħlas f’suq tax-xogħol regolari huma wkoll miżura importanti għall-promozzjoni tas-saħħa u t-tnaqqis tal-istigma u l-iżolament u huwa għalhekk li l-istabbilimenti ta’ rijabilitazzjoni u servizzi u negozji ta’ assistenza u workshops li jimpjegaw l-aktar nies b’diżabbiltà huma daqshekk importanti. Jeħtieġ li jkun hemm sinerġija bejn is-servizzi soċjali u s-suq tax-xogħol hawnhekk, permezz ta’ strutturi li jipprovdu servizz ta’ integrazzjoni fil-ħajja tax-xogħol, li jippermetti l-introduzzjoni ta’ programmi personalizzati għal gwida, taħriġ, medjazzjoni għal impjieg, żamma tal-impjiegi u inklużjoni soċjali fil-post tax-xogħol. Huwa importanti li l-inizjattivi marbutin mas-saħħa u x-xogħol jitqiesu bħala investiment aktar milli spiża. L-aċċess għal impjieg b’salarju jew kwalunkwe tip ta’ rimunerazzjoni mhux biss iżid l-inklużjoni, iżda jnaqqas ukoll il-faqar. Huwa importanti ħafna għall-persuni kollha li jkollhom sens ta’ appartenenza, u li jkunu jistgħu jikkontribwixxu u jagħmlu xi ħaġa sinifikanti. Fl-istess ħin, iżid ukoll l-għarfien fost il-bqija tal-popolazzjoni dwar il-persuni b’diżabbiltà u l-opportunitajiet u d-diffikultajiet tagħhom;

    Impatt ekonomiku

    21.

    josserva li s-sostenibbiltà fit-tul fil-kura fil-komunità ser teħtieġ bidla radikali fl-infiq pubbliku u li r-riżorsi jkunu ffukati fuq il-prevenzjoni u l-intervent bikri. Għalhekk josserva li, fl-evalwazzjoni u l-analiżi tal-impatt ekonomiku tat-tranżizzjoni għal kura bbażata fil-komunità, huwa importanti mhux biss li jiġu eżaminati l-ispejjeż fihom innifishom, iżda wkoll f’dak li għandu x’jaqsam ma’ riżultati aktar orjentati lejn il-kwalità u l-impatt fit-tul, kemm fil-livell individwali kif ukoll fil-livell komunitarju. L-istudji dwar l-ekonomija tas-saħħa juru li, b’mod ġenerali, is-servizzi psikjatriċi bbażati fil-komunità jiswew daqs is-servizzi bbażati fl-isptar. Iżda peress li ta’ spiss jagħtu riżultati aħjar għall-individwi, f’dawn il-każijiet huma aktar effettivi minn perspettiva soċjetali. L-effetti pożittivi fuq is-saħħa jfissru li iżjed persuni jkunu jistgħu jistabbilixxu ruħhom fis-suq tax-xogħol, li jżid il-livell ta’ produzzjoni, isaħħaħ l-inklużjoni soċjali u jnaqqas ir-riskju ta’ kriminalità, li min-naħa tiegħu jwassal għal tnaqqis tal-piż fuq is-sistema ġudizzjarja (11). L-investiment f’miżuri preventivi u bikrin flimkien mal-appoġġ għat-tfal u ż-żgħażagħ u l-ġenituri tagħhom jfisser li jkunu jistgħu jmorru l-iskola. Dan jippermettilhom li jkomplu l-istudji tagħhom u li jistabbilixxu ruħhom fis-suq tax-xogħol. It-tneħħija tal-persuni minn istituzzjonijiet u sptarijiet speċjalizzati kbar tista’ ssir biss jekk jiġu stabbiliti u organizzati forom alternattivi ta’ kura u aktar ibbażati fil-komunità. Dan jista’ jfisser li għall-ewwel l-ispejjeż jistgħu jiżdiedu fit-tranżizzjoni għal kura bbażata aktar fil-komunità;

    Kooperazzjoni u koordinazzjoni

    22.

    jisħaq li, peress li d-deistituzzjonalizzazzjoni titlob azzjoni minn firxa wiesgħa ta’ partijiet interessati fis-soċjetà, iktar milli entità waħda biss, jeħtieġ li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-atturi differenti. Huwa ta’ importanza kbira li t-tqassim tal-kompetenzi jkun ċar u mhux ambigwu, u li jkun ukoll ċar dwar xiex u kif issir il-kooperazzjoni. L-organizzazzjoni u l-implimentazzjoni fil-livell lokali u reġjonali tal-ġestjoni u l-kontroll tal-kura tas-saħħa u s-servizzi soċjali jvarjaw skont il-kostituzzjoni tal-Istati Membri differenti. Fil-pajjiżi bħall-Iżvezja, fejn il-muniċipalitajiet u l-kunsilli tal-kontej għandhom awtonomija b’saħħitha, ir-responsabbiltà dwar l-għażla kif tiġi implimentata t-tranżizzjoni għal kura bbażata iżjed fil-komunità hija deċentralizzata. Il-kostituzzjoni fl-Istati Membri individwali tiddetermina wkoll lil liema livell ta’ gvern jiġu indirizzati r-rakkomandazzjonijiet tal-KtR. Tinqasam kif tinqasam ir-responsabbiltà bejn il-livell nazzjonali, reġjonali u lokali, il-KtR jemmen li huwa kruċjali li jkun hemm appoġġ mil-livell nazzjonali u koordinazzjoni tal-attivitajiet u l-inizjattivi fil-livelli differenti (12);

    Kura ekwa

    23.

    jirreferi għall-Artikolu 25 tal-UNCRPD, li jipprevedi li l-professjonisti tal-kura tas-saħħa jipprovdu kura lill-persuni b’diżabbiltà li tkun tal-istess kwalità bħal dik ipprovduta lil ħaddieħor. F’sitwazzjoni fejn l-individwi jitilqu mill-istituzzjonijiet, fejn kull kompetenza medika tkun integrata, biex jgħixu b’mod indipendenti, jeħtieġ li jissaħħu l-ħiliet fil-qasam tad-diżabbiltà fil-kura primarja sabiex jintlaħaq dan il-grupp fil-mira. L-inklużjoni fis-soċjetà f’diversi livelli u l-perċezzjoni ta’ nies b’tipi differenti ta’ diżabbiltà bħala parti naturali mid-diversità tal-bniedem jimpedixxu l-esklużjoni u jippromovu l-ugwaljanza fit-trattament u l-kura;

    24.

    jinnota li, bl-iżvilupp tax-xjenzi tas-saħħa, l-istennija tal-għomor tal-individwi qiegħda dejjem titwal. Dan ifisser li qed jixjieħu wkoll il-persuni b’diżabbiltà li, primarjament minħabba nuqqas ta’ kura adatta, spiss ma jilħqux l-età avvanzata. Is-servizzi soċjali li għandhom jiżguraw l-inklużjoni soċjali u fis-suq tax-xogħol qed isibu ruħhom jaħdmu ma’ persuni b’diżabbiltà li laħqu età avvanzata. Il-professjonisti li jaħdmu f’dawn is-servizzi mhumiex preparati biex ilaħħqu mal-bżonnijiet assoċjati mal-età avvanzata kif ukoll mad-diżabbiltà tal-utenti mdaħħlin fl-età. Għalhekk, il-KtR jikkunsidra li huwa meħtieġ adattament tal-ħtiġijiet ta’ taħriġ tal-persunal tal-kura soċjali u tas-saħħa, liema persunal irid ikompli jipprovdi servizzi ta’ inklużjoni soċjali għal dan il-grupp fil-mira skont l-istandards tal-UE.

    Brussell, it-30 ta’ Novembru 2017.

    Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

    Karl-Heinz LAMBERTZ


    (1)  http://europa.eu/rapid/press-release_IP-10-1505_mt.htm

    (2)  http://indicators.ohchr.org/

    (3)  http://www.deinstitutionalisationguide.eu/

    (4)  http://www.euro.who.int/en/publications/abstracts/european-mental-health-action-plan-20132020-the

    (5)  L-Artikolu 19 tal-UNCRPD (mhux disponibbli bil-Malti).

    (6)  http://www.deinstitutionalisationguide.eu/

    (7)  http://www.nsph.se/projekt/projektet-din-ratt/

    http://bringchange2mind.org/

    (8)  http://www.socialstyrelsen.se/publikationer2017/2017-10-34/

    (9)  http://www.socialstyrelsen.se/publikationer2014/2014-3-19

    (10)  http://www.socialstyrelsen.se/Lists/Artikelkatalog/Attachments/18607/2012-2-17.pdf

    (11)  http://www.deinstitutionalisationguide.eu/

    (12)  http://www.deinstitutionalisationguide.eu/


    Top