EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017AR2776

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Atti ġuridiċi li jipprevedu l-użu tal-proċedura regolatorja bi skrutinju

ĠU C 164, 8.5.2018, p. 82–83 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

8.5.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 164/82


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Atti ġuridiċi li jipprevedu l-użu tal-proċedura regolatorja bi skrutinju

(2018/C 164/14)

Relatur:

François Decoster (FR/ALDE) Membru tal-Kunsill Reġjonali ta’ Hauts-de-France

Dokument ta’ referenza:

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jadatta għadd ta’ atti ġuridiċi li jipprevedu l-użu tal-proċedura regolatorja bi skrutinju mal-Artikoli 290 u 291 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

COM(2016) 799 — 2016/0400/COD

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

1.

iqis li jeħtieġ li l-UE tiddisponi minn setgħa ta’ eżekuzzjoni biex tassisti lil-leġislatur fl-aspetti l-aktar tekniċi tal-missjoni tiegħu u b’hekk tippermetti għal applikazzjoni uniformi u f’waqtha tal-leġislazzjoni Ewropea fi ħdan l-Unjoni;

2.

jenfasizza l-importanza, f’dan il-kuntest, li din l-eżekuzzjoni tkun limitata għal elementi mhux essenzjali tal-atti leġislattivi u li ssir bi trasparenza sħiħa, taħt il-kontroll tal-leġislatur, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, l-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali;

3.

ifakkar li l-Istati Membri huma responsabbli għall-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni Ewropea, li spiss hija implimentata fil-livell lokali u reġjonali u l-parteċipazzjoni tagħhom għall-eżekuzzjoni tal-atti leġislattivi Ewropej hija fil-fatt esiġenza demokratika u prattika;

4.

itenni l-appoġġ tiegħu għar-riformi tas-sistema tal-komitoloġija introdotti mit-Trattat ta’ Lisbona u għall-ħolqien ta’ żewġ reġimi ta’ atti ddelegati u atti ta’ implimentazzjoni rregolati mill-Artikoli 290 u 291 tat-TFUE, fejn l-atti ddelegati jissostitwixxi dik li qabel kienet il-proċedura regolatorja bi skrutinju li kienet tapplika għall-oqsma l-aktar sensibbli politikament bħalma huma l-ambjent, l-agrikoltura, is-servizzi finanzjarji jew is-saħħa;

5.

jappoġġja l-modifika tal-atti bażiċi eżistenti sabiex ir-referenzi għall-proċedura regolatorja bi skrutinju (PRS) li qed isiru fiha jiġu mibdula b’referenzi għall-Artikoli 290 u 291 TFUE;

6.

jappoġġja t-tibdil tal-approċċ magħżul mill-Kummissjoni meta mqabbel mal-proposta tagħha tal-2013, fejn il-Kummissjoni ma xtaqitx tipprevedi aktar b’mod ġenerali li r-referenzi għall-PRS li jinsabu fl-atti bażiċi jkunu jinqraw bħala referenzi għall-Artikolu 290 jew l-Artikolu 291. Skont dan l-approċċ, u li kieku ġie adottat, kull att bażiku kien ikollu jinqara dejjem flimkien mar-regolament rilevanti. L-aħjar li jiġi emendat kull att bażiku konċernat;

7.

Fir-rigward tat-tul ta’ żmien ta’ setgħa, jappoġġja l-pożizzjoni tal-Kummissjoni li skont din, żmien indefinit ta’ setgħa huwa ġustifikat minħabba li l-leġislatur għandu l-possibbiltà li jirrevoka setgħa fil-każijiet kollha u f’kull ħin. L-iffissar ta’ din is-setgħa għal ħames snin u l-impożizzjoni ta’ rekwiżit ta’ rappurtar qabel it-tiġdid awtomatiku jirrikjedi li l-Kummissjoni toħroġ rapporti dwar kull att ħames snin wara l-adozzjoni tal-proposta inkwistjoni u dan joħloq piż amministrattiv sinifikanti.

Fehim Komuni dwar l-Atti Delegati

8.

jilqa’ b’sodisfazzjon l-iffirmar ta’ Ftehim Komuni dwar l-atti delegati bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni mehmuż mal-Ftehim Interistituzzjonali dwar Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (1), li jipprovdi qafas biex jiġu stabbiliti l-għanijiet, l-ambitu, it-tul ta’ żmien u l-kundizzjonijiet tad-delegazzjoni;

9.

ifakkar li l-kriterji u l-proċedura għall-adozzjoni ta’ atti ddelegati għandhom ikunu definiti b’mod ċar u limitati ħafna sabiex ma jnaqqsux ir-rwol tal-leġislatur;

10.

jitlob għaldaqstant, fejn ikun hemm xi dubju dwar in-natura essenzjali jew le ta’ element ikkonċernat permezz ta’ abbozz ta’att delegat, li l-Kummissjoni tastjeni u li l-leġislazzjoni tiġi adottata skont il-proċeduri leġislattivi ordinarji;

11.

jilqa’ l-impenn ċar favur konsultazzjoni sistematika tal-esperti mill-Istati Membri waqt il-preparazzjoni u t-tfassil tal-atti delegati, iżda mhuwiex ċert jekk din il-konsultazzjoni hijiex suffiċjentement iddefinita, trasparenti u vinkolanti;

12.

jilqa’ t-tisħiħ tal-iskrutinju tal-Parlament Ewropew dwar l-adozzjoni ta’ atti delegati;

13.

jiddispjaċih madankollu li, f’dan ir-rigward, ma saret l-ebda referenza għal konsultazzjoni tar-rappreżentanti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, minkejja l-fatt li dawn huma kompletament konċernati mill-implimentazzjoni tal-atti delegati;

14.

jenfasizza li l-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali huwa kruċjali peress li huma l-livell ta’ governanza li jimplimenta l-parti l-kbira tal-leġislazzjoni tal-UE;

15.

jitlob biex il-Kumitat tar-Reġjuni jirċievi d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, inklużi l-abbozzi tal-atti delegati u li jkun previst aċċess sistematiku u ffaċilitat għar-rappreżentanti tiegħu għal-laqgħat tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni li jħejju l-atti delegati.

16.

jilqa’ l-ħolqien mill-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ta’ reġistru funzjonali komuni tal-atti delegati, mhux aktar tard minn tmiem l-2017, li jista’ jżid il-kontroll fuq l-eżekuzzjoni mill-Kummissjoni tas-setgħat iddelegati tagħha u t-trasparenza tagħhom, jiffaċilita l-ippjanar u jippermetti li jiġu segwiti l-istadji kollha taċ-ċiklu tal-ħajja ta’ att delegat;

Analiżi tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità

17.

iqis li l-abbozz ta’ Regolament ma joħloqx problemi ta’ sussidjarjetà peress li l-kwistjoni tikkonċerna d-delega ta’ poter bejn l-istituzzjonijiet differenti tal-Unjoni Ewropea;

18.

iqis, għal din l-istess raġuni, li l-abbozz ta’ Regolament ma joħloqx problema ta’ proporzjonalità f’dak li huwa xieraq biex jintlaħaq l-għan mixtieq mir-Regolament u jiġi adattat numru ta’ atti bażiċi għall-Artikoli 290 u 291 tat-TFUE, u ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ;

19.

ifakkar madankollu l-importanza tal-prinċipju tas-sussidjarjetà u dak tal-proporzjonalità; u jenfasizza li dawn il-prinċipji huma applikabbli mhux biss meta tiġi mfassla u adottata l-leġislazzjoni tal-UE iżda wkoll meta tiġi implimentata;

20.

huwa tal-opinjoni li d-delegar skont l-Artikolu 290 tat-TFUE, li jittrasferixxi s-setgħa tal-leġislatur tal-Unjoni lejn il-Kummissjoni, prinċipalment joħloq problema ta’ proporzjonalità peress li din hija r-riżultat ta’ kompromess dwar l-intensità normattiva tal-att iżda ma tbiddilx it-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri;

21.

jemmen, għall-kuntrarju, li l-eżekuzzjoni skont l-Artikolu 291 tat-TFUE tikkonsisti fl-eżerċizzju mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni ta’ kompetenza li prinċipalment tappartjeni għall-Istati Membri u hija għalhekk iktar u iktar kwistjoni ta’ sussidjarjetà;

22.

iqis, għalhekk, li l-Kummissjoni għandha dejjem tiżgura li dawn il-prinċipji jiġu rispettati fl-azzjoni tagħha, b’mod partikolari fl-adozzjoni ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni.

Brussell, l-1 ta’ Diċembru 2017.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Karl-Heinz LAMBERTZ


(1)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.


Top