Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017AG0001(02)

    Dikjarazzjoni tar-raġunijiet tal-Kunsill: Pożizzjoni (UE) Nru 1/2017 tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb tal-adozzjoni ta' Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta' regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal- Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir- Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali)

    ĠU C 55, 21.2.2017, p. 143–145 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    21.2.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 55/143


    Dikjarazzjoni tar-raġunijiet tal-Kunsill: Pożizzjoni (UE) Nru 1/2017 tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb tal-adozzjoni ta' Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta' regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal- Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir- Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali)

    (2017/C 55/02)

    I.   INTRODUZZJONI

    1.

    Fis-6 ta' Mejju 2013, il-Kummissjoni ppreżentat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill il-proposta msemmija hawn fuq, ibbażata fuq l-Artikolu 43(2), l-Artikolu 114 u l-Artikolu 168(4)(b) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) (proċedura leġislattiva ordinarja) (1).

    2.

    Il-Parlament Ewropew (PE) adotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari fil-15 ta' April 2014 (2). Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni ġew ikkonsultati u taw l-opinjonijiet tagħhom fis-16 u s-17 ta' Ottubru 2013 u fid-29 ta' Novembru 2013 rispettivament.

    3.

    Il-Grupp ta' Ħidma Konġunt ta' Esperti Veterinarji u Esperti Fitosanitarji, il-Grupp ta' Ħidma tal-Uffiċjali Kapijiet Veterinarji u l-Grupp ta' Ħidma ta' Kunsillieri/Attachés għall-Agrikoltura eżaminaw il-proposta f'seba' u tletin okkażjoni taħt diversi Presidenzi.

    4.

    Il-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti (Parti 1) qabel dwar il-mandat ta' negozjar inizjali li wara ġie kkonfermat bħala approċċ ġenerali mill-Kunsill fis-26 ta' Ottubru 2015 (3). Dan il-mandat kompla jiġi rivedut fit-18 ta' Mejju 2016 (4) u fl-10 ta' Ġunju 2016 (5).

    5.

    Wara għadd ta' laqgħat tekniċi u trilogi informali matul il-Presidenza Lussemburgiża u l-Presidenza Netherlandiża, fil-15 ta' Ġunju 2016, fl-għaxar trilogu, intlaħaq qbil proviżorju bejn il-koleġislaturi dwar test ta' kompromess bil-ħsieb ta' qbil bikri fit-tieni qari. Il-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti (Parti 1) approva dak it-test ta' kompromess fit-22 ta' Ġunju 2016 (6).

    6.

    Fit-12 ta' Lulju 2016, il-President tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel tal-Parlament Ewropew indirizza ittra lill-President tal-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti fejn stqarr li, jekk il-Kunsill jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari f'konformità mat-test mehmuż ma' din l-ittra, huwa jirrakkomanda lill-Plenarja li l-pożizzjoni tal-Kunsill għandha tiġi aċċettata mingħajr emendi, soġġett għal verifika mill-ġuristi lingwisti, fit-tieni qari tal-Parlament.

    7.

    Fl-10 ta' Ottubru 2016, il-Kunsill laħaq qbil politiku dwar it-test ta' kompromess (7).

    II.   OBJETTIV

    L-objettiv ġenerali tar-Regolament propost huwa li jiġi ssimplifikat u razzjonalizzat il-qafas legali eżistenti tar-Regolament (KE) Nru 882/2004, li jinkludi kważi s-setturi kollha tal-katina agroalimentari f'sett uniku ta' regoli applikabbli għall-kontrolli uffiċjali; xi setturi, pereżempju s-saħħa tal-pjanti, il-materjal riproduttiv tal-pjanti, il-prodotti sekondarji mill-annimali jew il-produzzjoni organika, bħalissa għandhom regoli separati dwar il-kontrolli. Ir-Regolament għandu wkoll l-għan li jtejjeb l-effiċjenza tal-kontrolli uffiċjali mwettqa mill-Istati Membri tul il-katina agroalimentari sabiex tippermetti reazzjonijiet malajr f'sitwazzjonijiet ta' kriżi, filwaqt li jitnaqqas il-piż fuq l-operaturi; għal dak il-għan, huwa jitlob li tali kontrolli jitwettqu fuq l-operaturi kollha, abbażi tar-riskji u bil-frekwenza adatta.

    III.   ANALIŻI TAL-POŻIZZJONI TAL-KUNSILL FL-EWWEL QARI

    1.   Elementi ġenerali

    It-test ta' kompromess li fuqu ntlaħaq qbil politiku fil-Kunsill jirrifletti b'mod sħiħ il-qbil milħuq bejn il-koleġislaturi. Huwa jżomm l-objettivi tal-proposta tal-Kummissjoni u, fl-istess ħin, jinkludi l-emendi l-aktar importanti adottati mill-Parlament Ewropew fl-ewwel qari.

    2.   Kwistjonijiet ewlenin

    (a)   Kamp ta' applikazzjoni

    Il-Kummissjoni fakkret li għalkemm ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 jipprovdi qafas ġenerali għall-kontrolli uffiċjali fis-setturi tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, tas-saħħa tal-annimali u tar-regoli dwar it-trattament xieraq tal-annimali, għal raġunijiet storiċi, il-kontrolli għall-finijiet tas-saħħa tal-annimali (kemm fuq prodotti domestiċi kif ukoll dawk impurtati) u l-kontrolli fuq ir-residwi tal-prodotti mediċinali veterinarji baqgħu regolati b'mod separat. Hija indikat ukoll li l-kontrolli fuq ċerti setturi oħra li jappartjenu għall-katina agroalimentari, jiġifieri s-saħħa tal-pjanti, il-materjal riproduttiv tal-pjanti (PRM), u l-prodotti sekondarji mill-annimali (ABP), ma ġewx inklużi fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 u li tfasslu reġimi settorjali separati speċifiċi għalihom. Għalhekk il-Kummissjoni pproponiet li tkabbar il-kamp ta' applikazzjoni tal-qafas legali eżistenti tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 biex tinkludi dawn is-setturi kif ukoll sabiex tagħmilha ċara li kienu koperti l-produzzjoni organika, id-denominazzjonijiet ta' oriġini protetta, l-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti u l-ispeċjalitajiet tradizzjonali garantiti, u l-organiżmi ġenetikament modifikati (GMOs).

    Il-Kunsill ikkunsidra li kien għadu kmieni wisq, f'dan l-istadju, biex jinkludi f'dan ir-Regolament il-kontrolli uffiċjali fuq il-materjal riproduttiv tal-pjanti, sakemm ikun hemm proposta ġdida tal-Kummissjoni dwar il-materjal riproduttiv tal-pjanti. Il-Kunsill qabel li jillimita l-kontrolli uffiċjali fuq il-GMOs rilaxxati apposta fl-ambjent għal dawk għall-finijiet tal-produzzjoni tal-għalf u l-ikel, kif ukoll li jeskludi l-kontrolli speċifiċi tat-tagħmir għall-applikazzjoni ta' pestiċidi. Barra minn hekk, il-Kunsill iċċara li għalkemm dan ir-Regolament ma għandux japplika għall-verifika tal-konformità mar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 (Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq fi Prodotti Agrikoli), huwa għandu japplika meta jiġu identifikati prattiki ta' frodi jew qarrieqa fir-rigward tal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni waqt il-verifiki mwettqa skont l-Artikolu 89 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

    (b)   Finanzjament tal-kontrolli uffiċjali

    Filwaqt li l-proposta tal-Kummissjoni żammet il-prinċipju ġenerali eżistenti li l-Istati Membri għandhom jallokaw ir-riżorsi finanzjarji adatti għall-kontrolli uffiċjali, hija pproponiet l-estensjoni tal-obbligu attwali tal-ġbir tat-tariffi mingħand ċerti operaturi biss għall-operaturi kollha fl-oqsma koperti mir-Regolament. L-għan kien li jiġu rkuprati kompletament l-ispejjeż imġarrba għat-twettiq tal-kontrolli uffiċjali mis-setturi kollha, filwaqt li jiġu previsti eżenzjonijiet għall-mikrointrapriżi. Hija ma pproponietx li jinżammu l-livelli attwali stabbiliti għall-ispezzjoni obbligatorja tal-operaturi tan-negozju li jittrattaw il-laħam, il-prodotti tas-sajd, il-produzzjoni tal-ħalib, għall-approvazzjoni tal-istabbilimenti tal-għalf, u għall-(biċċa l-kbira tal-)kontrolli fuq il-fruntieri. Hija pproponiet minflok li dawk il-livelli jiġu stabbiliti mill-Istati Membri abbażi ta' metodi uniformi u trasparenti.

    Il-Kunsill ikkunsidra li ma kienet meħtieġa ebda bidla għall-kamp ta' applikazzjoni tas-sistema tat-tariffi obbligatorji u li l-livelli stabbiliti eżistenti għandhom jinżammu peress li inġenerali s-sistema kienet sodisfaċenti. Madankollu, il-Kunsill qabel li l-Istati Membri li lesti jimponu tariffi fuq il-livell tal-ispejjeż imġarrba u mhux f'livell stabbilit ser ikollhom isegwu regoli armonizzati dwar il-kopertura tal-ispejjeż u metodi ta' kalkolu. Il-Kunsill qabel ukoll li l-Istati Membri għandhom ikunu obbligati li jsaħħu t-trasparenza tal-kalkolu, tal-ġbir u tal-istabbiliment tat-tariffi jew il-ħlasijiet, u tal-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti.

    (c)   Rwol tal-veterinarju uffiċjali

    Il-Kummissjoni pproponiet approċċ flessibbli, li jippermetti lill-Istati Membri jaħtru l-persunal li huma jqisu l-aktar kwalifikat biex iwettaq il-kontrolli uffiċjali, u jobbligawhom jagħtu taħriġ adatt lill-persunal kollu.

    Il-Kunsill qabel li, biex ikun jista' jkun hemm organizzazzjoni effiċjenti tal-kontrolli uffiċjali, jeħtieġ li l-Istati Membri jkollhom id-diskrezzjoni li jidentifikaw l-aktar persunal adatt biex iwettaq dawn il-kontrolli, dment li jiġi żgurat livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, is-saħħa tal-annimali u li jkun żgurat it-trattament xieraq tal-annimali tul il-katina agroalimentari u dment li jitħarsu l-istandards u l-obbligi internazzjonali.

    Madankollu, il-Kunsill qies neċessarju li l-Istati Membri jintalbu jirreferu għal veterinarji uffiċjali f'ċerti każijiet fejn il-ħiliet speċifiċi tagħhom ikunu meħtieġa biex jiġi żgurat eżitu tajjeb tal-kontrolli uffiċjali (jiġifieri għall-annimali ħajjin, il-laħam u xi prodotti oħra li ġejjin mill-annimali). Fil-fehma tal-Kunsill jeħtieġ li dak ikun mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-Istati Membri jużaw ukoll veterinarji uffiċjali inkluż għall-kontrolli uffiċjali fuq it-tjur u l-lagomorfi, jew persuni oħra maħtura speċifikament f'każijiet fejn dan ma jkunx meħtieġ f'konformità ma' dan ir-Regolament.

    (d)   Setgħat delegati u ta' implimentazzjoni

    L-att propost ser jikkostitwixxi Regolament qafas li ser jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni tiddetermina għadd sinifikanti mid-dettalji tiegħu permezz ta' atti delegati u/jew atti ta' implimentazzjoni. Waqt l-eżami fil-Kunsill, ingħatat attenzjoni partikolari għas-setgħat proposti tal-Kummissjoni. Filwaqt li l-Kunsill la kkontesta u lanqas ma biddel il-prinċipju ta' Regolament qafas, għadd kbir ta' artikoli ġew abbozzati mill-ġdid biex il-limiti tas-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni jkunu definiti aħjar.

    Barra minn hekk, għad-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw regoli speċifiċi addizzjonali għall-kontrolli uffiċjali fir-rigward ta' oqsma speċifiċi (l-Artikoli 18 sa 27), pereżempju l-produzzjoni tal-laħam għall-konsum mill-bniedem, it-trattament xieraq tal-annimali, il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti jew is-saħħa tal-pjanti, il-Kunsill introduċa ħafna elementi essenzjali fl-att bażiku u ppermetta setgħat għall-Kummissjoni kif adatt.

    Fl-aħħar nett, sabiex jiġi żgurat li għadd ta' atti delegati u ta' implimentazzjoni “ewlenin” meħtieġa biex ir-Regolament jiġi applikat kif adatt ikunu adottati qabel id-data tal-applikazzjoni tar-Regolament, ġew introdotti perijodi transitorji. Dan biex jiġi żgurat li d-dispożizzjonijiet eżistenti li għandhom jiġu sostitwiti bl-atti msemmija hawn fuq jibqgħu japplikaw sakemm dawn tal-aħħar ikunu ġew adottati mill-Kummissjoni. Tali adozzjoni għandha ssir mill-aktar fis possibbli u mhux aktar tard minn 3 snin wara d-data tal-applikazzjoni tar-Regolament. Dan ser jiżgura li ma jkun hemm ebda lakuna, filwaqt li jingħata biżżejjed żmien biex il-Kummissjoni tħejji dawk l-atti.

    (e)   Rappurtar ta' ksur

    Wara t-talba qawwija mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill qabel li jinkludi f'dan ir-Regolament dispożizzjonijiet li jobbligaw lill-Istati Membri biex ikollhom fis-seħħ mekkaniżmi li jippermettu r-rappurtar ta' ksur attwali jew potenzjali ta' dan ir-Regolament, is-segwitu għal tali rappurtar u l-protezzjoni tal-persuni li jirrappurtaw kontra r-ritaljazzjoni, id-diskriminazzjoni jew it-trattament inġust (Artikolu 140).

    IV.   KONKLUŻJONI

    Il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tirrifletti b'mod sħiħ il-qbil milħuq bejn iż-żewġ koleġislaturi, kif ġie kkonfermat fl-ittra msemmija hawn fuq mill-President tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel tal-Parlament Ewropew lill-President tal-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti tat-12 ta' Lulju 2016. Hija ġiet approvata sussegwentement mill-Kunsill fl-10 ta' Ottubru 2016 permezz tal-adozzjoni tal-qbil politiku.


    (1)  9464/13 + ADD1 +ADD 2

    (2)  8304/14

    (3)  13242/15 + 13181/15 + 13209/15

    (4)  8121/16+ ADD1 sa ADD5

    (5)  8346/16

    (6)  10248/16 + ADD1

    (7)  12175/16 + ADD1


    Top