Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017AE5563

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Kunċett soċjalment sostenibbli biex jittejbu l-istandards tal-ħajja, tingħata spinta għat-tkabbir u l-impjieg kif ukoll għas-sigurtà taċ-ċittadini fl-era diġitali” (opinjoni esploratorja mitluba mill-Presidenza Bulgara)

    EESC 2017/05563

    ĠU C 237, 6.7.2018, p. 1–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    6.7.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 237/1


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Kunċett soċjalment sostenibbli biex jittejbu l-istandards tal-ħajja, tingħata spinta għat-tkabbir u l-impjieg kif ukoll għas-sigurtà taċ-ċittadini fl-era diġitali”

    (opinjoni esploratorja mitluba mill-Presidenza Bulgara)

    (2018/C 237/01)

    Relatur:

    Giulia BARBUCCI (IT/II)

    Talba mill-Presidenza Bulgara tal-Kunsill

    Ittra tal-5.9.2017

    Bażi legali

    L-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

     

     

    Sezzjoni kompetenti

    Ix-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

    Adottata fis-sezzjoni

    23.2.2018

    Adottata fil-plenarja

    15.3.2018

    Sessjoni plenarja Nru

    533

    Riżultat tal-votazzjoni

    (favur/kontra/astensjonijiet)

    187/16/10

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1

    Il-politiki kollha implimentati mill-istituzzjonijiet Ewropej, nazzjonali u lokali għandhom iqisu l-fattur tas-sostenibbiltà soċjali fl-istess livell tas-sostenibbiltà ekonomika u ambjentali. Il-proposti riċenti dwar id-dimensjoni soċjali tal-Ewropa (1), li rriżultaw mid-dokument ta' riflessjoni ppreżentat mill-Kummissjoni Ewropea, u mill-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, jirrappreżentaw opportunità mingħajr preċedent għall-promozzjoni tas-sostenibbiltà tal-miżuri introdotti fil-livell Ewropew u nazzjonali fil-qasam tat-tkabbir inklużiv, l-impjieg u l-politiki soċjali. Il-KESE jirrakkomanda li l-proposti inklużi fil-programm ta' ħidma attwali tal-Kummissjoni — fosthom il-Pakkett dwar l-Ekwità Soċjali, l-inizjattiva għall-Ekwità fil-Qasam tat-Taxxa fl-Era Diġitali u r-riforma tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM) — ikunu kkaratterizzati mill-promozzjoni tas-sostenibbiltà tal-mudell soċjali Ewropew.

    1.2

    Jenħtieġ li l-valutazzjoni tal-impatt tal-miżuri implimentati tkun dejjem aktar preċiża fil-qasam soċjali f'dak li jirrigwarda s-sostenibbiltà soċjali tagħhom, li tibda mis-sistemi ta' monitoraġġ u mill-indikaturi diġà eżistenti. Il-KESE jirrakkomanda li l-istituzzjonijiet jagħmlu valutazzjoni tal-istrumenti eżistenti u ta’ dawk ġodda (l-ewwel nett bit-Tabella ta' valutazzjoni b'rabta mal-Pilastru) u li jivverifikaw l-effikaċja tagħhom sabiex ikunu jistgħu jkejlu b'mod aktar preċiż l-impatt tal-politiki proposti fuq iċ-ċittadini.

    1.3

    Il-KESE jinnota t-tħassib muri mill-Parlament Ewropew fir-Riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta’ Jannar 2017 dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali fir-rigward tal-ħtieġa li jiġu aġġornati l-istandards eżistenti tax-xogħol u soċjali; b’rabta ma’ dan, il-KESE ser iressaq il-kontribut tiegħu fil-ħin opportun lill-“Pakkett dwar l-Ekwità Soċjali”, inkluż fil-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni 2018. Il-KESE jenfasizza wkoll il-ħtieġa għall-kundizzjonijiet ta’ qafas fis-swieq tax-xogħol biex jappoġġjaw perkorsi ġodda, jew aktar diversi, tal-karriera u biex jitjiebu l-impjieg u l-istandards għall-ħaddiema fl-Ewropa kollha, irrispettivament mill-kundizzjonijiet ta’ kuntratt tagħhom, kif ukoll li tiġi promossa konverġenza akbar lejn kundizzjonijiet imtejba ta’ xogħol u għajxien, li għandhom jikkontribwixxu wkoll biex jingħelbu d-disparijiet reġjonali. Il-KESE jappoġġja r-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew sabiex il-Kummissjoni u l-imsieħba soċjali jaħdmu flimkien biex jippreżentaw proposta għal Direttiva qafas dwar kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti fil-forom kollha ta' impjieg, filwaqt li l-istandards minimi eżistenti jiġu estiżi għal forom ġodda ta’ relazzjonijiet ta’ impjieg.

    1.4

    Il-KESE jirrikonoxxi li hemm rabta ċara bejn il-kompetittività, il-produttività u s-sostenibbiltà soċjali: l-atturi kollha għandhom jimpenjaw ruħhom sabiex jitħeġġeġ it-tkabbir inklużiv u fl-istess ħin biex jinħolqu kundizzjonijiet favorevoli għad-dinja tan-negozju, sabiex jinħolqu dejjem aktar impjiegi u impjiegi ta' kwalità. Ix-xogħol jibqa' l-fattur ewlieni għall-ħolqien tal-benesseri u l-ġid; madankollu, jenħtieġ jiġi stabbilit mill-ġdid il-prinċipju li l-uniku mod biex jiżviluppaw soċjetajiet aktar ġusti huwa billi jinħolqu aktar tkabbir u impjiegi sostenibbli bl-għan li jiġi żgurat li l-persuni jkollhom kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti, remunerazzjoni u pensjonijiet adatti u jkunu jitgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom. Il-kompetittività, il-produttività u d-drittijiet tax-xogħol huma prinċipji li għandhom jerġgħu jkunu preżenti b'mod armonjuż fid-definizzjoni tal-politiki dwar ir-regolamentazzjoni tax-xogħol u tad-drittijiet soċjali.

    1.5

    Il-Kumitat huwa konxju li d-demokrazija tista’ tkun f’riskju jekk il-persuni, li jkunu għadhom qed iġarrbu bil-qawwi l-effetti ta’ awsterità, ma jibbenefikawx mil-ġid iġġenerat mit-tkabbir u mill-poduttività li tinħoloq mid-diġitalizzazzjoni.

    1.6

    Kif diġà għamel f'opinjonijiet oħrajn, il-KESE jirrakkomanda li jsiru aktar sforzi biex jingħelbu d-disparitajiet reġjonali f'dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-ħajja ġewwa l-Unjoni Ewropea. Il-konverġenza 'l fuq ma għandhiex tkun biss slogan, iżda prinċipju trasversali li għandu jiġi kkunsidrat u integrat fil-politiki tal-Unjoni kollha, l-ewwel nett fil-qasam finanzjarju u ekonomiku. Ma jistax ikun hemm integrazzjoni ġenwina sakemm jibqgħu jeżistu differenzi tant kbar fil-pagi u fit-tgawdija effettiva tad-drittijiet soċjali fost iċ-ċittadini Ewropej. F'dan il-kuntest, il-Fondi Strutturali għandhom rwol fundamentali x'jaqdu, u għandhom ikunu dejjem aktar immirati biex jegħlbu d-disparitajiet reġjonali.

    1.7

    Il-KESE jilqa' bi pjaċir inizjattivi bħall-Garanzija għaż-Żgħażagħ, il-Perkorsi ta' Titjib tal-Ħiliet u l-istrateġiji kontra l-qgħad fit-tul, u jistieden lill-istituzzjonijiet Ewropej u nazzjonali jiżguraw l-għoti ta’ riżorsi xierqa sabiex jiffaċilitaw u jħaffu t-tranżizzjonijiet u jiggarantixxu kontinwità ta' dħul b’mod adatt (2), speċjalment għal dawk l-aktar żvantaġġati. Il-KESE jirrakkomanda wkoll li jinħolqu l-kundizzjonijiet it-tajba biex jiġu żgurati l-kompetittività, il-ħolqien ta’ impjiegi u t-tranżizzjonijiet tax-xogħol mingħajr xkiel permezz ta' sistema ta' għajnuniet soċjali u miżuri oħrajn ta' akkumpanjament li jqisu l-ħtiġijiet tal-ħaddiema u tal-impriżi.

    1.8

    Il-KESE jirrakkomanda lill-imsieħba soċjali sabiex jiżviluppaw negozjar kollettiv inklużiv f'kull livell u jħeġġiġhom jikkunsudraw miżuri ġodda (inkluż fil-programm ta' ħidma li jmiss tal-imsieħba soċjali Ewropej) bl-għan li jżidu l-aċċess tan-nisa għal impjiegi diġitali, sabiex tiġi eliminata d-differenza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel, tiġi mħarsa l-maternità bil-qawwa bl-għodod adatti u sabiex jinħolqu kundizzjonijiet ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fid-dinja tax-xogħol. Il-KESE jirrakkomanda wkoll lill-istituzzjonijiet f'kull livell, lill-imsieħba soċjali u lis-soċjetà ċivili organizzata biex jikkoordinaw azzjonijiet li jiżguraw trattament ugwali tan-nisa u l-irġiel f'kull qasam tas-soċjetà.

    1.9

    Il-KESE jemmen li s-sostenibbiltà soċjali hija bbażata fuq opportunitajiet ġusti u effettivi għat-tagħlim tul il-ħajja, sa minn età bikrija, speċjalment minħabba l-esklużjoni potenzjali ta' sezzjonijiet kbar tal-popolazzjoni minħabba l-fenomenu tal-esklużjoni diġitali. Il-KESE jirrakkomanda li dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet jikkunsidraw miżuri mmirati biex inaqqsu l-iżbilanċ tal-ħiliet f’oqsma ewlenin tal-ekonomija diġitali, peress li huma kruċjali għall-eċċellenza u biex tiżdied il-kompetittività Ewropea. Huwa essenzjali li jiġu pprovduti korsijiet ta' litteriżmu diġitali lil dawk li jinsabu f'riskju ta' esklużjoni mit-tgawdija ta' drittijiet u ta' servizzi soċjali — speċjalment jekk fundamentali — minħabba l-impatt tad-diġitalizzazzjoni u jħeġġeġ lill-imsieħba soċjali u lill-istituzzjonijiet f’kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili organizzata sabiex mingħajr dewmien jieħdu miżuri għal dan il-għan. Huwa kompitu tal-awtoritajiet pubbliċi fil-livelli kollha biex jiggarantixxu li tkun disponibbli infrastruttura diġitali adatta u li twassal għal aktar inklużjoni sabiex jingħelbu d-differenzi fost territorji u ambjenti differenti.

    2.   Il-kunċett ta' sostenibbiltà soċjali fl-era tad-diġitalizzazzjoni u tal-globalizzazzjoni

    2.1

    Din l-opinjoni esploratorja għandha l-għan li tanalizza l-kwistjoni tas-sostenibbiltà soċjali b'approċċ olistiku, mid-definizzjoni tagħha sal-implikazzjonijiet fil-qasam tal-politiki soċjali, tax-xogħol u ekonomiċi.

    2.2

    L-effetti tal-globalizzazzjoni, il-piż li ħalliet il-kriżi ekonomika, it-tnaqqis fir-rata tat-twelid u t-tixjiħ konsegwenti tal-popolazzjoni Ewropea, it-tkabbir baxx li qed jikkaratterizza l-ekonomiji ta' ħafna mill-Istati Membri huma elementi li għandhom rwol ewlieni fl-identifikazzjoni tal-problemi soċjali tal-lum.

    2.3

    Fil-fatt, bosta indikaturi soċjali u ekonomiċi juru biċ-ċar li l-politiki implimentati speċjalment fil-livell Ewropew u nazzjonali biex noħorġu mill-kriżi, għalkemm minn naħa ppruvaw irażżnu l-instabbiltà kkawżata minn fatturi globali, min-naħa l-oħra ta’ spiss wisq kabbru l-inugwaljanzi u ħolqu żbilanċi ġodda fost il-klassijiet soċjali, is-sessi u l-ġenerazzjonijiet, anki mill-perspettiva ġeografika. Għaldaqstant, l-istituzzjonijiet għandhom jaġixxu fil-livelli kollha, f'kooperazzjoni mal-imsieħba soċjali u mas-soċjetà ċivili organizzata, sabiex jipproponu politiki bbażati fuq miżuri maħsuba sabiex jegħlbu dawn l-iżbilanċi u l-inugwaljanzi, prinċipalment permezz ta’ aktar impjieg fuq bażi ta’ tkabbir sostnut u aktar inklużiv.

    2.4

    Il-kunċett ta' sostenibbiltà għandu tliet aspetti ewlenin: ambjentali, ekonomiku u soċjali. Dawn it-tliet komponenti huma inklużi fit-Trattati Ewropej u huma riflessi fil-kunċett ta’ żvilupp sostenibbli, li huwa l-bażi tal-Aġenda 2030 tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-bażi tas-17-il għan ta’ żvilupp sostenibbli tagħha. L-Eurostat, fil-ħarsa ġenerali tiegħu tal-2017 lejn il-progress biex jintlaħqu l-SDGs fl-UE, jiddikjara li filwaqt li sar progress sinifikanti biex b’mod ġenerali jintlaħqu l-SDGs ambjentali (l-SDG 7 “enerġija affordabbli u nadifa”, l-SDG 12 “konsum u produzzjoni responsabbli”, l-SDG 15 “il-ħajja fuq l-art”, l-SDG 11 “bliet u komunitajiet sostenibbli”), il-progress lejn l-SDGs iktar soċjali kien biss moderat (l-SDG 4 “edukazzjoni ta’ kwalità”, l-SDG 5 “ugwaljanza bejn is-sessi”, l-SDG 8 “xogħol deċenti u tkabbir ekonomiku”, l-SDG 1 “xejn faqar”, l-SDG 2 “żero ġuħ” u l-SDG 10 “tnaqqis tal-inugwaljanzi”).

    2.5

    Għalkemm hemm qbil ġenerali dwar id-definizzjoni ta' sostenibbiltà soċjali bħala kapaċità li jiġu żgurati kundizzjonijiet ta' benesseri tal-bniedem (sigurtà, saħħa, edukazzjoni, demokrazija, parteċipazzjoni, ġustizzja) imqassma b’mod ġust skont il-klassi u l-ġeneru, għandu jiġi nnotat li dan huwa kunċett suxxetibbli għal varjazzjonijiet possibbli skont il-kuntesti li jintuża fih. Jenħtieġ li s-sostenibbiltà soċjali tiġi introdotta u implimentata bl-istess mod bħas-sostenibbiltà ambjentali u ekonomika, bil-għan li jitnaqqsu l-inugwaljanzi.

    2.6

    F'dawn l-aħħar snin, fid-definizzjoni tal-politiki makroekonomiċi, is-sostenibbiltà soċjali spiss kienet f’kuntrast mas-sostenibbiltà ekonomika u finanzjarja. Eżempju ta' dan huma r-riformi strutturali, imħeġġin mill-istituzzjonijiet Ewropej u implimentati mill-gvernijiet nazzjonali b’segwitu għall-kriżi finanzjarja u mbagħad dik ekonomika tal-2007-2008. La l-istituzzjonijiet u lanqas l-imsieħba soċjali ma għandhom jopponu l-kompetittività u s-sostenibbiltà. Fil-fatt intwera, pereżempju, li kumpaniji li huma aktar avvanzati f’termini ta’ sostenibbiltà x’aktarx ikunu aktar kompetittivi fix-xena internazzjonali. Barra minn hekk, l-UE għandha tiggwida l-globalizzazzjoni lejn il-kisba ta' żvilupp sostenibbli għall-benefiċċju tal-kumpaniji kif ukoll tal-ħaddiema.

    2.7

    Rigward ir-rwol tal-kumpaniji, l-SMEs b’mod partikolari għandhom rwol kruċjali fil-kisba ta’ tkabbir sostenibbli u inklużiv, li fl-istess ħin ikun ibbażat fuq il-ħolqien ta’ impjieg deċenti u jsaħħaħ il-kompetittività anke b’kunsiderazzjoni tas-sostenibbiltà soċjali.

    2.8

    L-Aġenda għall-Iżvilupp Sostenibbli 2030 u s-17-il objettiv tagħha jirrappreżentaw il-perjodu li fih l-innovazzjoni għandha ssir kompatibbli mal-iżvilupp sostenibbli permezz ta' konnessjoni bejn inizjattivi globali u oħrajn nazzjonali. Din tiddikjara b’mod ċar li, attwalment, il-mudell ta' żvilupp mhuwiex sostenibbli fil-livell ambjentali, ekonomiku u soċjali, u b'hekk jitbiegħed mill-idea li s-sostenibbiltà hija biss kwistjoni ambjentali. Dan joffri viżjoni integrata tad-dimensjonijiet differenti tal-iżvilupp. L-implimentazzjoni tal-Aġenda tirrikjedi l-involviment qawwi tal-komponenti kollha tas-soċjetà: l-istituzzjonijiet, is-soċjetà ċivili organizzata, kif ukoll is-settur tar-riċerka u l-universitajiet, minbarra miżuri ta’ evalwazzjoni effettivi.

    2.9

    Il-KESE tenna diversi drabi l-ħtieġa li tinħoloq interdipendenza virtuża bejn il-politiki finanzjarji u makroekonomiċi, minn naħa waħda, u d-drittijiet soċjali min-naħa l-oħra, filwaqt li enfasizza n-nuqqasijiet ta' konformità ma’ drittijiet bħal dawn, li jwassal għal żieda fid-disparitajiet fl-Unjoni. B'mod partikolari, jenħtieġ li s-suġġett tas-sostenibbiltà jkun marbut b'mod espliċitu mad-dibattitu li għaddej dwar il-proposti relatati mal-arkitettura futura tal-Unjoni ekonomika u monetarja u mal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP). Jeħtieġ li, abbażi tas-sistemi ta' monitoraġġ u l-indikaturi li diġà jeżistu, il-valutazzjoni tal-impatt tal-miżuri implimentati fil-qasam soċjali tkun dejjem aktar preċiża fir-rigward tas-sostenibbiltà soċjali tagħhom.

    2.10

    Il-KESE jqis li l-istituzzjonijiet se jkollhom ukoll il-kompitu ta’ evalwazzjoni tal-istrumenti diġà fis-seħħ u ta’ dawk ġodda (bħat-Tabella ta' valutazzjoni li takkumpanja l-Pilastru Ewropew) u li jivverifikaw l-effettività tagħhom, bl-għan li jitkejjel b'ċerta preċiżjoni l-impatt tal-politiki proposti fuq id-drittijiet soċjali tal-pubbliku.

    2.11

    Biex jingħelbu d-disparitajiet reġjonali fl-UE — li f'ċerti każijiet huma aggravati mill-effetti tal-kriżi ekonomika fl-Unjoni — se jkun meħtieġ, fost affarijiet oħra, li jiġu promossi strateġiji ġodda u aktar effiċjenti ta' użu tar-riżorsi, b'mod partikolari permezz tal-mobilizzazzjoni tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, li għandhom primarjament jippromovu t-tkabbir sostenibbli u l-impjieg ta' kwalità. Fl-Opinjoni tiegħu dwar L-impatt tal-investimenti soċjali fuq l-impjiegi u l-fondi pubbliċi (3), il-KESE diġà talab “għal programm ekonomiku u ta’ investiment Ewropew ta’ madwar 2 % tal-PDG” u enfasi akbar fuq l-investiment soċjali. Jeħtieġ li jiġu kkanalizzati riżorsi finanzjarji ġodda f’dan il-pjan ta’ investiment biex jissupplementaw il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej eżistenti.

    3.   Il-mudell soċjali Ewropew: is-sostenibbiltà u t-titjib tal-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol

    3.1

    Il-KESE jemmen li l-mudell soċjali Ewropew huwa assi uniku fl-identità tal-Ewropa: permess tas-sistemi ta’ protezzjoni soċjali fil-preżent, dan jiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni soċjali u drittijiet ta’ ċittadinanza lil kulħadd. Il-Kumitat għalhekk iħoss li l-mudell m’għandux ikun għad-diskussjoni, iżda jekk xejn għandu jissaħħaħ. F’dan is-sens huwa essenzjali li l-politiki tal-UE jkunu mfasslin biex jiggarantixxu titjib kostanti tal-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol għall-persuni fl-Ewropa fl-oqsma kollha, kif ipprovdut mit-Trattati sa mill-bidu tal-proġett Ewropew.

    3.2

    Il-programm ta' ħidma attwali tal-Kummissjoni jinkludi inizjattivi bħall-Pakkett dwar l-Ekwità Soċjali, l-inizjattiva għall-Ekwità Fiskali fl-Era Diġitali, u hemm ukoll ippjanati miżuri għar-riforma tal-UEM. Il-KESE jirrakkomanda li dawn il-proposti jkunu mmirati lejn il-promozzjoni tas-sostenibbiltà tal-mudell soċjali Ewropew (4).

    3.3

    Il-KESE jemmen li jenħtieġ li jintlaħaq kompromess ġust bejn is-sostenibbiltà soċjali u s-sostenibbiltà ekonomika fit-tfassil tal-politiki tas-suq tax-xogħol. Fl-aħħar deċennju kien hemm żieda fid-disparitajiet u l-inugwaljanzi fost iċ-ċittadini tal-Ewropa fl-aċċess għal servizzi ta’ assistenza soċjali u l-opportunitajiet fis-suq tax-xogħol, u fil-proliferazzjoni ta’ forom ta’ xogħol mhux standard (kif muri tajjeb mill-istatistika). Dan wassal għal żieda fil-perċezzjoni ta’ inċertezza dwar il-possibilità ta’ titjib tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-għajxien min-naħa tal-pubbliku Ewropew. Din il-perċezzjoni hija prominenti b’mod partikolari fost iż-żgħażagħ u n-nisa, u fis-setturi kollha tal-popolazzjoni li huma l-aktar f'riskju. Minn din il-perspettiva, il-KESE jqis li l-promozzjoni tal-integrazzjoni tal-migranti fid-dinja tax-xogħol hija essenzjali, peress li l-kontribut tagħhom għas-sistemi tas-sigurtà soċjali ta’ spiss huwa determinanti għall-istabbiltà tas-sistemi tas-sigurtà soċjali u x-xbieki tas-sigurtà soċjali.

    3.4

    Il-KESE jinnota t-tħassib muri mill-Parlament Ewropew fir-Riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta’ Jannar 2017 dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali fir-rigward tal-ħtieġa li jiġu aġġornati l-istandards eżistenti tax-xogħol u soċjali; b’rabta ma’ dan, il-KESE ser iressaq il-kontribut tiegħu fil-ħin opportun lill-“Pakkett dwar l-Ekwità Soċjali”, inkluż fil-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni 2018. Il-KESE jenfasizza wkoll il-ħtieġa għall-kundizzjonijiet ta’ qafas fis-swieq tax-xogħol biex jappoġġjaw perkorsi ġodda, jew aktar diversi, tal-karriera u biex jitjiebu l-impjieg u l-istandards għall-ħaddiema fl-Ewropa kollha, irrispettivament mill-kundizzjonijiet ta’ kuntratt tagħhom, kif ukoll li tiġi promossa konverġenza akbar lejn kundizzjonijiet imtejba ta’ xogħol u għajxien; dan għandu jikkontribwixxu wkoll biex jingħelbu d-disparijiet reġjonali. Il-KESE jappoġġja r-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew sabiex il-Kummissjoni u l-imsieħba soċjali jaħdmu flimkien biex jippreżentaw proposta għal Direttiva qafas dwar kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti f'kull forma ta' impjieg, filwaqt li l-istandards minimi eżistenti jiġu estiżi għal forom ġodda ta’ relazzjonijiet ta’ impjieg.

    3.5

    F’bosta opinjonijiet, il-KESE, analizza l-fenomenu tad-diġitalizzazzjoni u l-impatt tagħha fuq l-organizzazzjoni tax-xogħol u tal-impjieg (5). M’għandniex, madankollu, nillimitaw ruħna biex inqisu d-diġitalizzazzjoni biss fil-kuntest tal-impjieg u tas-suq tax-xogħol. L-użu dejjem akbar ta’ strumenti diġitali ġab miegħu bidliet profondi fil-ħajja tagħna ta’ kuljum — dik personali, soċjali u anke kif nirrelataw mal-politika, max-xogħol volontarju u mas-soċjetà ċivili. L-UE għandha tippromovi azzjonijiet f’termini ta’ edukazzjoni bikrija tat-tfal u taħriġ tul il-ħajja, b’mod partikolari b’rabta mal-kompetenzi diġitali, sabiex tindirizza n-nuqqas ta’ tlaqqigħ tal-ħiliet. Is-sistemi tal-edukazzjoni — inklużi l-edukazzjoni għolja, it-taħriġ vokazzjonali u t-tagħlim tul il-ħajja — għandhom ifittxu l-eċċellenza, biex b’hekk jippermettu t-tmexxija fir-riċerka, l-innovazzjoni u l-kompetittività tal-ideat, il-prodotti u s-servizzi Ewropej.

    3.6

    Il-KESE tenna f'diversi Opinjonijiet l-importanza li jeħtieġ jitqiesu b'mod partikolari l-ħtiġijiet tal-gruppi f'riskju ta' vulnerabilità soċjali. Jenħtieġ li jiġu garantiti sistemi ta' protezzjoni soċjali inklużivi li jagħtu attenzjoni partikolari lill-ħtiġijiet tal-persuni vulnerabbli u tal-familji tagħhom sabiex jiġu garantiti kundizzjonijiet ta' għajxien deċenti u appoġġ u żamma ta' post tax-xogħol adattat għall-ħtiġijiet tal-individwi.

    3.7

    Il-persuni b’diżabilità huma fil-qalba tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità u tal-Istrateġija Ewropea tad-Diżabilità. Il-KESE jirrakkomanda li għandu jsir kull sforz biex jinkiseb progress sinifikanti fit-tmien oqsma kollha ta’ prijorità għal azzjoni immirata biex jintlaħqu l-għanijiet stipulati mill-Konvenzjoni tan-NU: l-aċċessibilità, il-parteċipazzjoni, l-ugwaljanza, l-impjieg, l-edukazzjoni u t-taħriġ, il-protezzjoni soċjali, is-saħħa u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-persuni b'diżabilità fil-livell internazzjonali. Billi d-diġitalizzazzjoni għandha impatt fuq l-oqsma kollha tal-ħajja tagħna ta’ kuljum, il-KESE jappella biex tingħata kunsiderazzjoni speċjali għall-persuni b’diżabilità, li x’aktarx jiġu affettwati mit-trasformazzjoni diġitali. L-Unjoni Ewropea għandha tikkapitalizza fuq il-ħafna opportunitajiet eżistenti għall-persuni b’diżabilità biex tippromovi l-impjegabilità tagħhom u l-aċċess għal impjiegi deċenti, li jippermettilhom ukoll jikkontribwixxu għas-sistemi ta’ sigurtà soċjali. Għalhekk, il-KESE jirrakkomanda li jinħolqu l-prerekwiżiti għal użu aktar attiv ta’ għodod għal taħriġ tul il-ħajja, u kwalifikazzjoni mill-ġdid ta’ persuni b’diżabilità fil-professjonijiet diġitali ġodda.

    3.8

    Il-KESE jqis li huwa ta’ importanza kruċjali li l-kwistjoni ta’ sostenibbiltà soċjali tiġi iuntegrata fil-politiki Ewropej dwar il-ġenerazzjonijiet aktar żgħażagħ u dwar il-futur tal-mudell soċjali Ewropew. Il-livell ta' xettiċiżmu dejjem jiżdied tal-ġenerazzjonijiet żgħażagħ fil-konfront tal-istituzzjonijiet (li l-aktar sinjal allarmanti tiegħu huwa l-astensjoni fl-elezzjonijiet), tas-soċjetà ċivili organizzata, tal-partiti politiċi, tat-trejdjunjins u s-sħubiji f'movimenti ewroxettiċi u tal-lemin estrem jistgħu jiġu indirizzati biss permezz ta' attenzjoni akbar mill-UE għall-futur tal-mudell soċjali Ewropew u tas-sostenibbiltà tiegħu. Il-KESE jirrakkomanda li l-istituzzjonijiet tal-UE u l-gvernijiet nazzjonali jintroduċu kull inizjattiva li tista' żżid il-kwantità u l-kwalità tal-impjiegi għaż-żgħażagħ, tappoġġja l-mobilità taż-żgħażagħ, tiżgura prospetti ta' sigurtà soċjali deċenti u tippromovi tagħlim tul il-ħajja f'kull livell. Inizjattivi bħall-Erasmus+, il-Garanzija għaż-Żgħażagħ u l-miżuri l-oħrajn kollha fl-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ għandhom ikunu ffinanzjati u implimentati b’mod adegwat.

    3.9

    Il-KESE jqis li huwa kruċjali li tiġi ggarantita s-sostenibbiltà soċjali tad-dħul, partikolarment għal nies ta’ età tal-irtirar. Huwa essenzjali li s-sistemi tas-sigurtà soċjali (6) jiggarantixxu kundizzjonijiet tal-għajxien deċenti u li ma jħallux li l-persuni jaqgħu taħt is-soll tal-faqar. F’għadd ta’ opinjonijiet, il-KESE esprima l-ħtieġa għal sistemi tal-pensjoni li jkunu bbażati fuq is-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet. Filwaqt li jirrispetta d-diversità tas-sistemi nazzjonali, tħassib ewlieni tal-KESE huwa li jiżdied l-impjieg li jikkontribwixxi biex jiżgura sistemi ta’ protezzjoni soċjali b’riżorsi adatti. Il-persuni li jaħdmu taħt kull tip ta’ arranġament kuntrattwali, inklużi l-hekk imsejħa forom ġodda ta’ xogħol marbuta mad-diġitalizzazzjoni, għandu jkollhom aċċess għal sistemi ta’ protezzjoni soċjali u jikkontribwixxu għalihom (7).

    3.10

    Fl-aħħar inizjattivi fil-qasam tal-impjieg, il-Kummissjoni Ewropea tat attenzjoni kbira lill-kwistjoni tat-tranżizzjonijiet. Fil-fatt, waħda mit-tendenzi ta' tħassib serju f'dawn l-aħħar snin kienet iż-żieda fid-dewmien bejn it-tmiem tal-istudju u l-ewwel impjieg għaż-żgħażagħ, speċjalment jekk wieħed iqis l-ewwel impjieg stabbli tagħhom. Is-sitwazzjoni marret għall-agħar anke għal dawk li ilhom qiegħda u dawk li huma qrib l-età tal-irtirar. Il-KESE jilqa' bi pjaċir inizjattivi bħall-Garanzija għaż-Żgħażagħ, il-Perkorsi ta' Titjib tal-Ħiliet u l-promozzjoni tal-apprendistati bħala forma prinċipali għall-aċċess għall-impjieg permezz tal-Alleanza Ewropea għall-Apprendistati u l-inizjattivi kontra l-fenomenu tal-qgħad fit-tul. Għaldaqstant, il-KESE jistieden lill-istituzzjonijiet Ewropej u nazzjonali biex jipprovdu r-riżorsi ġusti biex jiffaċilitaw u jħaffu t-tranżazzjonijiet u t-taħriġ meħtieġa sabiex jiggarantixxu l-kontinwità tad-dħul, b’mod adatt, speċjalment għal dawk l-aktar żvantaġġati u dawk li huma diffiċli biex jiksbu ħiliet ġodda u għalhekk itejbu l-impjegabilità tagħhom. Il-KESE jirrakkomanda wkoll li jinħoloq l-ambjent adatt għall-kompetittività tan-negozji filwaqt li jiġu żgurati tranżizzjonijiet bla xkiel bejn l-impjiegi permezz ta' sistema ta' miżuri ta' ħarsien soċjali u miżuri oħrajn ta' flessibilità esterna li jqisu l-ħtiġijiet tal-ħaddiema u tan-negozji.

    3.11

    Il-KESE jqis li wieħed mill-pedamenti tas-sostenibbiltà soċjali huwa l-ugwaljanza sħiħa bejn is-sessi, iżda fl-istess waqt jirrikonoxxi li, kif turi d-data tal-Eurostat u ħafna indikaturi oħrajn disponibbli, l-inugwaljanzi f'dan il-qasam huma intollerabbli u mhumiex biss ksur tal-prinċipji ta' trattament ugwali stabbiliti fit-Trattati, iżda wkoll ostaklu serju għall-iżvilupp ekonomiku sħiħ tal-Unjoni. Għalhekk jilqa’ bi pjaċir l-inizjattivi li ttieħdu reċentement f’dan il-qasam, ibda mill-pakkett tal-Kummissjoni ta’ miżuri li jippromovu bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, u jirrakkomanda li l-imsieħba soċjali jiżviluppaw negozjar kollettiv u inklużiv fil-livelli kollha filwaqt li jikkunsidraw miżuri ġodda (inkluż bħala parti mill-programm ta’ ħidma li jmiss tal-imsieħba soċjali Ewropej) sabiex jitneħħew id-differenzi fil-pagi ibbażati fuq il-ġeneru, sabiex tiġi salvagwardata l-maternità b’mod inekwivoku u bi strumenti xierqa u sabiex jinħolqu l-kundizzjonijiet għal ugwaljanza bejn is-sessi effettiva fid-dinja tax-xogħol. Iħeġġeġ ukoll lill-istituzzjonijiet f'kull livell, lill-imsieħba soċjali u lis-soċjetà ċivili biex jikkoordinaw miżuri li jiżguraw trattament ugwali tan-nisa u l-irġiel fl-oqsma kollha tas-soċjetà.

    3.12

    Għadd kbir ta’ studji u proġetti ta’ riċerka analizzaw ir-riskji soċjali l-ġodda b’rabta mal-impatt tal-globalizzazzjoni u tad-diġitalizzazzjoni fid-dinja tax-xogħol. Il-KESE għandu l-istess tħassib fir-rigward taż-żieda fil-frammentazzjoni tax-xogħol, mal-awtomatizzazzjoni u mad-diġitalizzazzjoni, iżda fl-istess ħin iqis li jekk dawn il-proċessi jiġu rregolati tajjeb, jistgħu jservu ta’ opportunità, iħaffu l-piż ta’ ċerti kompiti tqal u jissemplifikaw oħrajn li huma partikolarment ikkumplikati.

    3.13

    Il-protezzjoni tal-konsumatur taqdi wkoll rwol importanti fil-qasam tas-sostenibbiltà soċjali, peress li r-rwol tal-konsumaturi huwa wkoll soġġett għal tibdiliet minħabba d-diġitalizzazzjoni. Il-politiki Ewropej f’dan il-kuntest għandhom dejjem ikunu aġġornati u jiżguraw l-istrumenti għar-riżoluzzjoni effettiva ta’ problemi relatati mal-konsumatur, u jagħtu attenzjoni speċjali lil bidliet minħabba d-diġitalizzazzjoni f’setturi bħat-trasport, l-enerġija u s-servizzi finanzjarji.

    3.14

    L-inugwaljanzi l-ġodda u r-riskji soċjali fl-era diġitali jistgħu jkunu ġejjin ukoll parzjalment mill-fenomenu tal-esklużjoni diġitali, fejn ċerti setturi tal-popolazzjoni jistgħu jkollhom jew ma jkollhomx il-ħiliet meħtieġa fl-IT u l-litteriżmu diġitali bażiku biex jiksbu aċċess għal informazzjoni u servizzi li wħud minnhom ikunu essenzjali. Il-KESE jemmen li s-sostenibbiltà soċjali hija bbażata wkoll fuq opportunitajiet ġusti u effettivi għat-tagħlim tul il-ħajja minn età bikrija. Dan huwa prerekwiżit b’mod partikolari għal persuni li jgħixu b’diżabilitajiet, speċjalment fi professjonijiet diġitali ġodda. Dan it-taħriġ għandu jikkunsidra l-esklużjoni potenzjali ta' setturi wesgħin tal-popolazzjoni (b'mod partikolari, l-persuni aktar anzjani, il-persuni li jgħixu f'żoni periferiċi u fil-faqar, il-persuni li m’għandhom biżżejjed kwalifiki, eċċ.) minħabba l-esklużjoni diġitali Fl-era diġitali, huwa essenzjali li jiġu garantiti l-aċċessibilità għall-internet, it-taħriġ ta' litteriżmu diġitali lil dawk kollha li jinsabu f'riskju ta' qgħad u l-opportunità għalihom biex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom u jkollhom aċċess għas-servizzi soċjali — b’mod partikolari dawk fundamentali. Il-Kumitat iħeġġeġ lill-imsieħba soċjali u lill-istituzzjonijiet biex f’kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili, jieħdu azzjoni minnufih biex jintroduċu miżuri għal dan il-għan.

    Brussell, il-15 ta’ Marzu 2018.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Georges DASSIS


    (1)  ĠU C 81, 2.3.2018, p. 145.

    (2)  ĠU C 170, 5.6.2014, p. 23.

    (3)  ĠU C 226, 16.7.2014, p. 21.

    (4)  ĠU C 51, 17.2.2011, p. 20.

    (5)  SOC/570 (Ara l-paġna 8 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali); ĠU C 129, 11.4.2018, p. 7; ĠU C 434 15.12.2017, p. 36; ĠU C 434 15.12.2017, p. 30; ĠU C 173, 31.5.2017, p. 45; ĠU C 303, 19.8.2016, p. 54; ĠU C 13, 15.1.2016 p. 161; ĠU C 128, 18.5.2010, p. 74.

    (6)  ĠU C 13, 15.1.2016, p. 40.

    (7)  ĠU C 129, 11.4.2018, p. 7; ĠU C 84, 17.3.2011, p. 38; ĠU C 120, 16.5.2008, p. 66.


    Appendiċi

    L-emendi li ġejjin għall-punti 1.3 u 3.4 inċaħdu waqt id-diskussjoni iżda rċevew aktar minn kwart tal-voti:

    Punt 1.3:

    Ibdel it-test kif ġej:

     

    1.3

    Il-KESE jinnota t-tħassib muri mill-Parlament Ewropew fir-Riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta’ Jannar 2017 dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali fir-rigward tal-ħtieġa li jiġu aġġornati l-istandards eżistenti tax-xogħol u soċjali; b’rabta ma’ dan, il-KESE ser iressaq il-kontribut tiegħu fil-ħin opportun lill-“Pakkett dwar l-Ekwità Soċjali”, inkluż fil-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni 2018. Il-KESE jenfasizza wkoll il-ħtieġa għall-kundizzjonijiet ta’ qafas fis-swieq tax-xogħol biex jappoġġjaw perkorsi ġodda, jew aktar diversi, tal-karriera u biex jitjiebu l-impjieg u l-istandards għall-ħaddiema fl-Ewropa kollha, irrispettivament mill-kundizzjonijiet ta’ kuntratt tagħhom, kif ukoll li tiġi promossa konverġenza akbar lejn kundizzjonijiet imtejba ta’ xogħol u għajxien; dan għandu jikkontribwixxu wkoll biex jingħelbu d-disparijiet reġjonali. Il-KESE ser jadotta l-Opinjoni tiegħu dwar il-proposta għal Direttiva qafas dwar kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti fl-Unjoni Ewropea.

    Raġuni

    To be given orally

    Riżultat tal-votazzjoni:

    Favur

    72

    Kontra

    121

    Astensjonijiet

    9

    Punt 3.4.

    Ibdel it-test kif ġej:

     

    3.4.

    Il-KESE jinnota t-tħassib muri mill- Parlament Ewropew fir-Riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta’ Jannar 2017 dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali fir-rigward tal-ħtieġa li jiġu aġġornati l-istandards eżistenti tax-xogħol u soċjali; b’rabta ma’ dan, il-KESE ser iressaq il-kontribut tiegħu fil-ħin opportun lill-“Pakkett dwar l-Ekwità Soċjali”, inkluż fil-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni 2018. Il-KESE jenfasizza wkoll il-ħtieġa għall-kundizzjonijiet ta’ qafas fis-swieq tax-xogħol biex jappoġġjaw perkorsi ġodda, jew aktar diversi, tal-karriera u biex jitjiebu l-impjieg u l-istandards għall-ħaddiema fl-Ewropa kollha, irrispettivament mill-kundizzjonijiet ta’ kuntratt tagħhom, kif ukoll li tiġi promossa konverġenza akbar lejn kundizzjonijiet imtejba ta’ xogħol u għajxien; dan għandu jikkontribwixxu wkoll biex jingħelbu d-disparijiet reġjonali. Il-KESE ser jadotta l-Opinjoni tiegħu dwar il-proposta għal Direttiva qafas dwar kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti fl-Unjoni Ewropea.

    Raġuni

    To be given orally

    Riżultat tal-votazzjoni:

    Favur

    72

    Kontra

    121

    Astensjonijiet

    9


    Top