This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52017AE5265
Opinion of the European Economic and Social Committee on the ‘Future of work — acquiring of appropriate knowledge and skills to meet the needs of future jobs’ (Exploratory opinion requested by the Bulgarian Presidency)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-futur tax-xogħol — il-ksib ta’ għarfien u ħiliet adegwati sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-impjiegi futuri” (Opinjoni esploratorja mitluba mill-Presidenza Bulgara)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-futur tax-xogħol — il-ksib ta’ għarfien u ħiliet adegwati sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-impjiegi futuri” (Opinjoni esploratorja mitluba mill-Presidenza Bulgara)
EESC 2017/05265
ĠU C 237, 6.7.2018, p. 8–18
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
6.7.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 237/8 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-futur tax-xogħol — il-ksib ta’ għarfien u ħiliet adegwati sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-impjiegi futuri”
(Opinjoni esploratorja mitluba mill-Presidenza Bulgara)
(2018/C 237/02)
Relatur: |
Cinzia DEL RIO (IT/II) |
Korelatur: |
Milena ANGELOVA (BG/I) |
Talba mill-Presidenza Bulgara tal-Kunsill |
Ittra tal-5.9.2017 |
Bażi legali |
Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea |
Sezzjoni kompetenti |
Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza |
Adottata fis-sezzjoni |
23.2.2018 |
Adottata fil-plenarja |
15.3.2018 |
Sessjoni plenarja Nru |
533 |
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
218/0/3 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 |
L-introduzzjoni gradwali u li qed tinbidel b’rata mgħaġġla ta’ teknoloġiji ġodda, tad-diġitalizzazzjoni u tar-robotizzazzjoni fin-negozju, iżda anke fis-settur pubbliku, qed ikollha impatt kbir fuq is-sistemi tal-produzzjoni, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-mudelli organizzattivi tas-suq tax-xogħol u s-soċjetà inġenerali. |
1.2 |
Ir-Rivoluzzjoni Industrijali l-Ġdida għandha l-potenzjal li ttejjeb il-produttività u l-kwalità tal-ħajja u tal-impjiegi jekk tkun akkumpanjata kif imiss minn taħlita tajba ta’ politiki għat-tkabbir inklużiv u sostenibbli xprunat mill-innovazzjoni. L-impatt fuq l-impjiegi ser ikun konsiderevoli: ser jinħolqu impjiegi ġodda, xi wħud se jiġu trasformati u oħrajn ser jiġu sostitwiti b’rata mgħaġġla. L-għodod meħtieġa sabiex jinħatfu l-opportunitajiet tal-impjiegi tal-futur u titrawwem il-kompetittività tal-intrapriżi ser ikunu edukazzjoni bażika ta’ kwalità tajba, it-tagħlim tul il-ħajja, it-titjib tal-ħiliet kif ukoll it-taħriġ mill-ġdid. |
1.3 |
Sabiex inħejju ruħna u nindirizzaw dan it-tibdil teknoloġiku u diġitali rapidu, il-KESE, filwaqt li jikkunsidra l-prinċipju tas-sussidjarjetà, jitlob lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jfasslu politiki mmirati u jieħdu miżuri tanġibbli sabiex itejbu u jadattaw b’mod adegwat is-sistemi edukattivi u tat-taħriġ tagħhom, ifasslu b’mod konġunt strateġiji nazzjonali fil-qasam tal-kompetenza u jirrikonoxxu d-dritt għal taħriġ adegwat għall-gruppi ta’ persuni u ħaddiema ta’ kull età u għas-setturi kollha billi:
|
1.4 |
Il-komplementarjetà tal-ħiliet, mhux biss diġitali, iżda wkoll tal-ħiliet bażiċi, tekniċi u personali li jirrikjedu sistemi skolastiċi effiċjenti u għalliema mħejjija tajjeb, ser twassal għal futur ta’ suċċess. Iżda fil-“forom ġodda tax-xogħol” — ikkaratterizzati mill-integrazzjoni ta’ proċessi ta’ produzzjoni materjali u teknoloġiji diġitali — huwa importanti li jinżamm approċċ iffukat fuq il-bnedmin. |
1.5 |
Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, il-KESE jitlob lill-KE u lill-Istati Membri sabiex isibu modi biex ma nħallux warajna iżda nakkumpanjaw lill-persuni vulnerabbli li mhux ser ikunu jistgħu jirreaġixxu għat-tibdil u d-domanda dejjem tikber tal-era teknoloġika ġdida. |
2. Introduzzjoni
2.1 |
Id-diġitalizzazzjoni, l-awtomatizzazzjoni u l-mudelli ekonomiċi ġodda bħall-Industrija 4.0, u l-ekonomija ċirkolari u kollaborattiva taw lok għal forom ġodda ta’ xogħol ikkaratterizzati mill-integrazzjoni ta’ proċessi ta’ produzzjoni materjali u teknoloġiji diġitali, li jitwettqu kemm offlajn kif ukoll onlajn u li qed ikollhom impatt sinifikanti fuq il-proċessi tal-produzzjoni tal-intrapriżi, il-mudelli organizzattivi tas-suq tax-xogħol, il-kundizzjonijiet tax-xogħol, id-durata tal-kuntratti tax-xogħol, il-kopertura tal-protezzjoni soċjali u r-relazzjoni tal-impjieg. |
2.2 |
It-teknoloġiji ġodda u d-diġitalizzazzjoni għandhom il-potenzjal li jippermettu kundizzjonijiet tal-ħajja personali u tax-xogħol aħjar u għal bilanċ aħjar bejniethom, itejbu l-produttività u jwasslu, b’mod ġenerali, għall-ħolqien ta’ impjiegi aħjar jekk dawn ikunu akkumpanjati kif imiss minn approċċ ta’ tranżizzjoni ġusta u taħlita ta’ politika tajba, għal tkabbir inklużiv u sostenibbli xprunat mill-innovazzjoni. Ċerti impjiegi u oqsma ta’ attività eżistenti ser jevolvu, filwaqt li ser jisparixxu ċerti impjiegi tradizzjonali u ser jinħolqu attivitajiet ġodda. Jistgħu jiġu osservati tliet fenomeni: il-ħolqien, it-trasformazzjoni u s-sostituzzjoni, f’taħlita u intensità differenti fis-setturi kollha (3). |
2.3 |
Id-dibattitu dwar jekk dan il-kuntest ġdid tax-xogħol huwiex se jirriżulta f’telf jew f’kisba ta’ impjiegi għadu għaddej. F’ċerti setturi, it-tfixkil fil-mudell tal-impjieg u tan-negozju (il-manifattura, it-trasport, is-saħħa, l-ospitalità, il-finanzi u l-edukazzjoni) se jkun sostanzjali skont l-OECD. 9 % tal-impjiegi jinsabu f'riskju li jiġu spostati peress li aktar minn 70 % tal-kompiti li jinvolvu jistgħu jiġu awtomatizzati. 25 % oħra tal-impjiegi jiġu trasformati, peress li nofs il-kompiti involuti biss jistgħu jiġu awtomatizzati (4). Fl-istess ħin, id-diġitalizzazzjoni għandha l-potenzjal li toħloq impjiegi ġodda barra mhux biss fis-settur tal-produzzjoni industrijali, iżda wkoll fis-servizzi. L-eżitu se jiddependi minn aġenda ta’ politika integrata, minn deċiżjonijiet pubbliċi kif ukoll mill-politiki li jiġu implimentati biex jindirizzaw l-isfidi li jinħolqu mill-proċessi ta’ produzzjoni u mudelli tan-negozju ġodda, b’mod partikolari f’dak li għandu x’jaqsam mal-għoti tal-ħiliet meħtieġa liż-żgħażagħ, u t-taħriġ u t-titjib tal-ħiliet kif ukoll it-taħriġ mill-ġdid kemm tal-persuni li qed ifittxu impjieg kif ukoll tal-forza tax-xogħol eżistenti. Il-kwistjoni dwar jekk fl-aħħar mill-aħħar dawn il-proċessi ġodda u d-diġitalizzazzjoni humiex se jżidu l-impjiegi ser tiddependi minn kemm l-intrapriżi u l-ħaddiema fl-UE jadattaw b’suċċess għall-iżviluppi teknoloġiċi, kif l-introduzzjoni u l-użu tat-teknoloġiji u l-bidliet fl-istrutturi organizzattivi ser jiġu indirizzati b’mod konġunt mill-imsieħba soċjali, kif ser jitwettaq it-taħriġ tal-ħaddiema, kif ukoll il-punt sa liema l-UE u l-Istati Membri ser ikunu kapaċi joħolqu ambjent favorevoli ta’ politika u wieħed regolatorju sabiex jiġu ssalvagwardjati l-interessi kemm tal-intrapriżi kif ukoll tal-persuni li jaħdmu (5). Ir-rwol u l-għarfien espert tal-imsieħba soċjali ser ikunu kritiċi f’dan il-proċess u d-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv, b’konformità mal-liġi u l-prattiki nazzjonali, ser jaqdu rwol importanti. |
2.4 |
L-isfida li tirrigwarda l-forom ġodda ta’ xogħol m’għadhiex marbuta mal-ħtieġa għall-“innovazzjoni u d-diġitalizzazzjoni” iżda hija marbuta mal-ħtieġa li jiġi żgurat li kulħadd jirċievi l-edukazzjoni u t-taħriġ ta’ kwalità tajba u adatti, imfassla b’tali mod li jippermettu lill-persuni jiksbu minnufih għarfien, ħiliet u kompetenzi ġodda. Il-kwistjoni tikkonċerna kif aħna nikkomplementaw ir-robots u l-intelliġenza umana u nżommu kemm approċċ iffukat fuq il-bnedmin fil-konfront tal-intelliġenza artifiċjali (IA) kif ukoll introduzzjoni tad-diġitalizzazzjoni fis-setturi ekonomiċi kollha, inkluż tul il-ktajjen tal-valur tan-negozju (6). |
2.5 |
Għalhekk, fil-qafas tal-politiki artivi u r-regolamentazzjoni tas-suq tax-xogħol, waħda mill-aktar kwistjonijiet importanti hija kif għandhom jiġu orjentati mill-ġdid l-edukazzjoni, it-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja, minn naħa waħda, f'konformità mal-ħtiġijiet tal-impjegaturi u tal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, min-naħa l-oħra, lejn żieda fl-impjegabbiltà u impjegabbiltà aħjar f'ambjent tas-suq tax-xogħol li qed jinbidel malajr, u kif għandu jiġi adattat il-kontenut tal-perkorsi tat-taħriġ u tal-edukazzjoni għat-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid, anke tal-ħaddiema adulti. Din l-isfida taffettwa lill-impjegaturi u lill-impjegati bl-istess mod, kif ukoll lill-istituzzjonijiet tas-suq tax-xogħol, billi tobbligahom jagħmlu sforz akbar fit-tbassir, l-ippjanar, il-finanzjament u l-istrateġija. |
2.6 |
Il-KESE jixtieq jitlob lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex jindirizzaw il-problema serja tal-għadd dejjem jiżdied ta’ nies li ma jkollhomx il-profil edukattiv meħtieġ u li, sussegwentement, ma jkunux jistgħu jlaħħqu mal-veloċità tat-tibdil, u b’hekk jinħoloq ir-riskju ta’ marġinalizzazzjoni. |
3. Is-sitwazzjoni attwali
3.1 |
Reċentement, il-kwistjoni tal-ħiliet — kemm dawk miksuba permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ inizjali kif ukoll permezz tat-taħriġ tul il-ħajja — ingħatat attenzjoni konsiderevoli mill-istituzzjonijiet tal-UE u mill-organizzazzjonijiet internazzjonali, u ġiet eżaminata minn perspettivi differenti, f’xenarju ta’ bidliet rapidi li qed iseħħu fid-dinja tax-xogħol. F'din l-Opinjoni, qed tintuża biss data mill-aktar dokumenti reċenti tagħhom. |
3.2 |
Diversi dokumenti minnhom, li ġew diskussi hawn taħt, jeżaminaw il-kwistjoni tal-produttività u jiffukaw fuq żewġ fatturi tagħha: il-ħiliet u l-mudelli ġodda tal-organizzazzjoni tax-xogħol. Dawn kollha jaqblu li waħda mill-isfidi ewlenin li r-Raba’ Rivoluzzjoni Industrijali toħloq għas-suq tax-xogħol se tkun id-definizzjoni ta’ liema ħiliet ġodda ser jeħtieġu l-ħaddiema. Reċentement, ġew diskussi xi suġġerimenti u l-aħjar prattiki siewja. Il-KESE jfaħħar il-kampanja tal-2015-2016 “Ħiliet diġitali għall-Impjiegi” u l-Manifest tal-Ħiliet diġitali li mbagħad tnieda mill-Kummissjoni Ewropea. Huwa jirrakkomanda l-għaxar prinċipji essenzjali li huma deskritti bħala linji gwida tajba għal politiki diġitali futuri (7), u jtenni l-konklużjonijiet tal-Opinjonijiet reċenti rilevanti tiegħu (8). Min-naħa l-oħra, l-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa (9) nediet reviżjoni tal-qafas tal-UE għall-kompetenzi ewlenin, u l-Manifest tal-Ħiliet Diġitali ta’ Diċembru 2016, u element importanti f’dan il-proċess kien ir-reviżjoni u l-aġġornament tal-kompetenzi diġitali. Il-KESE japprezza l-adozzjoni reċenti ta’ żewġ inizjattivi importanti min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea: il-Proposta għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar “Il-Kompetenzi Ewlenin għat-Tagħlim tul il-Ħajja” u l-Komunikazzjoni dwar “Il-Pjan ta' Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali” (10); huwa jistenna li l-linji gwida li jħaddnu jiġu implimentati minnufih. |
3.3 |
Żewġ rapporti reċenti tal-OECD (11) jenfasizzaw ir-rabta bejn l-inugwaljanza fil-pagi u l-użu tal-kompjuters, fi kliem ieħor l-impatt pożittiv tal-bidla teknoloġika fuq il-pagi tal-ħaddiema bil-ħiliet — li madankollu jirriżulta f’żieda fid-differenza fil-pagi fil-konfront tal-ħaddiema b’livell baxx ta’ ħiliet, diversi eżempji ta’ impjiegi ġodda u rekwiżiti tal-ħiliet, kif ukoll iż-żieda fid-domanda b’mod partikolari għall-ħiliet speċjalizzati fl-ICT meħtieġa għall-ipprogrammar, u ħiliet ġeneriċi u komplementari fl-ICT. Il-KESE japprezza wkoll ir-rapport reċenti tal-OECD “Key issues for digital transformation in the G20” (Kwistjonijiet ewlenin għat-trasformazzjoni diġitali fil-G20) għall-analiżi komprensiva tiegħu tal-isfidi tal-politika u r-rakkomandazzjonijiet f’dan ir-rigward (12), u jixtieq jenfasizza l-importanza ta’ relazzjonijiet industrijali sodi għas-suċċess tal-politiki adottati fil-G20 u fil-livell tal-UE. Din hija r-raġuni għaliex il-KESE jtenni wkoll il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Opinjonijiet u l-istudji reċenti tiegħu, b'mod partikolari dawk li jiffukaw fuq l-effetti tad-diġitalizzazzjoni fuq in-negozji u l-industriji tradizzjonali (13), il-ħtieġa għal bidla fir-relazzjonijiet industrijali (14), il-kwistjoni tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema mhux standard (15), l-impatt tal-ekonomija on-demand (16), ir-rwol tal-gvernijiet fil-miżuri ta' politika u l-importanza tat-tagħlim tul il-ħajja għall-futur (17). L-OECD qed taħdem fuq l-istrateġija l-ġdida dwar l-impjiegi li għandha titnieda s-sena li ġejja, li kapitolu partikolari tagħha ser jirrigwarda l-ħiliet u d-distakk diġitali. Il-KESE jesprimi xi tħassib dwar in-nuqqas ta’ valur miżjud reali għar-rakkomandazzjonijiet ta’ politika lill-gvernijiet fin-narrattiva li qed tiġi diskussa. Madankollu, peress li l-OECD għadha fil-fażi preparatorja tal-Istrateġija dwar l-Impjiegi, il-KESE se jsegwi d-dibattitu fil-qafas tal-Istrateġija tal-Ħiliet, mhux l-inqas b’rabta mas-Summit tal-OECD dwar il-Ħiliet li se jsir f’Ġunju li ġej, u jitlob lill-KE teżamina inizjattivi komuni ġodda. |
3.4 |
Minkejja li l-Forum Ekonomiku Dinji jappoġġja r-Raba’ Rivoluzzjoni Industrijali, huwa jwissi dwar ir-riskju potenzjali, skont xi tbassir, li sal-2020 se jisparixxu madwar 5 miljun impjieg fi 15-il ekonomija żviluppata u emerġenti fuq skala wiesgħa mingħajr l-ebda sostituzzjoni antiċipata għalihom attwalment, u jqajjem xi punti għad-diskussjoni fir-rigward tal-istabbiltà tal-ħiliet, id-differenza bejn is-sessi fl-industrija u l-istrateġiji dwar ix-xogħol (18). |
3.5 |
Fis-Summit Soċjali Tripartitku li sar f’Marzu 2016, l-imsieħba soċjali Ewropej talbu lill-Kummissjoni Ewropea ssostni t-trasformazzjoni diġitali tal-ekonomiji u tas-swieq tax-xogħol, u li jaħdmu flimkien magħha, sabiex jiġi żgurat li l-politiki fil-qasam tas-suq tax-xogħol u tal-ħiliet jitfasslu kemm għall-intrapriżi kif ukoll għall-ħaddiema (19). |
3.6 |
Il-KESE jappoġġja r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta’ Frar 2017 b’rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni Ewropea dwar Regoli ta’ Dritt Ċivili dwar ir-Robotika (20), speċjalment dawk dwar il-prinċipji tal-etika (is-sikurezza tal-bnedmin, is-saħħa u s-sigurtà, il-libertà, il-privatezza, l-integrità u d-dinjità, l-awtodeterminazzjoni u n-nondiskriminazzjoni, il-protezzjoni tad-data personali, u t-trasparenza; il-ħtieġa li l-qafas legali tal-Unjoni Ewropea jiġi aġġornat bi gwida tal-prinċipji tal-etika b’konformità mal-kumplessità tar-robots) u dwar l-edukazzjoni u l-impjieg (it-talba lill-Kummissjoni biex tipprovdi appoġġ sinifikanti għall-iżvilupp tal-ħiliet diġitali fi gruppi ta’ kull età u irrispettivament mill-istatus tal-impjieg; u l-ħtieġa li aktar nisa jinteressaw ruħhom f’karriera diġitali, biex tibda tanalizza u tissorvelja aktar mill-qrib ix-xejriet fuq perjodu ta’ żmien medju u twil rigward l-impjiegi, biex tenfasizza l-importanza tal-previżjoni tal-bidliet fis-soċjetà – b’mod partikolari mil-lat tal-impjieg u tal-flessibbiltà tal-ħiliet; ir-rikonoxximent tal-potenzjal kbir tar-robotika u l-IA f’diversi oqsma). |
3.7 |
In-nota ta’ informazzjoni tas-CEDEFOP“People, machine, skills and robots” (Persuni, magni, ħiliet u robots) (21) tissuġġerixxi li, qabel ma jintlaħqu konklużjonijiet dwar il-futur, huwa importanti li wieħed jifhem il-modi differenti li bihom it-teknoloġija qed tibdel id-dinja tax-xogħol: is-sostituzzjoni tal-impjiegi, il-ħolqien tal-impjiegi u t-trasformazzjoni tal-impjiegi; l-analiżi skont is-settur tal-impjegati adulti li esperjenzaw bidla teknoloġika fil-post tax-xogħol mill-2009 sal-2014 – li globalment jirrappreżentaw 43 % tal-impjegati adulti – hija importanti sabiex jinftiehem il-kamp ta’ applikazzjoni tal-isfida attwali. |
3.8 |
Il-KESE jfakkar f’żewġ Opinjonijiet reċenti tiegħu ta’ Lulju li għadda dwar forom ġodda ta’ xogħol (22); b’mod partikolari, l-importanza tas-sigurtà soċjali għal dawk f’forom ġodda ta’ xogħol, bħal dawk li jaħdmu b’esternalizzazzjoni miftuħa (crowdworkers), u tat-tipi ġodda ta’ ambjent tax-xogħol; ir-rilevanza tat-tagħlim tul il-ħajja u l-ħtieġa ta’ ħiliet futuri; ir-rwol fundamentali tal-imsieħba soċjali u tan-negozjar kollettiv, b’konformità mal-liġi u l-prattiki nazzjonali, u r-rwol tas-soċjetà ċivili, inġenerali, biex tillimita l-effetti negattivi ta’ dawn il-bidliet rapidi u ttejjeb l-aspetti pożittivi. |
3.9 |
Ir-rapport tal-Eurofound tax-xahar li għadda “Non-standard forms of employment: recent trends and future prospects” (Forom mhux standard ta’ impjieg: xejriet reċenti u prospetti futuri) (23) huwa importanti għall-analiżi ta’ modi ġodda ta’ xogħol, iżda anke, u b’mod partikolari, sabiex tinħareġ twissija dwar il-protezzjoni soċjali, l-introjtu, is-sigħat tax-xogħol u l-istatus mhux ċar ta’ persuni li jaħdmu f’kuntratti mhux standard: il-KESE jaqbel ma’ dak li ssuġġeriet il-Eurofound, u jitlob lil dawk li jfasslu l-politika jagħtu attenzjoni partikolari għal dawn il-kwistjonijiet li ssemmew diġà mill-KESE fid-dokumenti msemmija hawn fuq. |
4. Il-futur huwa issa: (a) Azzjonijiet u proposti
4.1 |
Fil-kuntest il-ġdid tax-xogħol li qed jinbidel b’rata mgħaġġla, huwa diffiċli li jiġu identifikati professjonijiet ġodda — u l-ħiliet rilevanti — b’mod teoretiku. Normalment, is-suq tax-xogħol jantiċipa d-definizzjoni ta’ profili professjonali ġodda skont il-ħtiġijiet tiegħu, u dan ta’ spiss isir bl-involviment tal-intrapriżi u l-imsieħba soċjali. In-negozjar kollettiv fil-livelli kollha — f’konformità mad-dritt u l-prattiki nazzjonali — u l-mekkaniżmi tal-parteċipazzjoni tal-ħaddiema fil-livell tad-ditti huma għodod rilevanti sabiex jiġu indirizzati l-bidliet fil-ħiliet u fil-ħtiġijiet ta’ taħriġ u sabiex ikunu jistgħu jiġu antiċipati dawn il-bidliet u tiżdied l-innovazzjoni. |
4.2 |
Barra minn hekk, il-KESE jenfasizza l-fatt li hemm metodi ġodda, bħall-analiżi tal-big data, li jistgħu jgħinu fil-ksib ta’ sinjali rapidi ta’ bidla f’dak li jirrigwarda l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol: dawn it-tekniki jikkomplementaw l-għodod tradizzjonali ta’ tbassir u ta’ antiċipazjoni ta’ ħiliet oħra u jistgħu jgħinu biex jinkiseb fehim aħjar tad-domanda għall-ħiliet li tinbidel malajr f’kuntest ta’ adozzjoni rapida ta’ teknoloġiji ġodda. |
4.3 |
Il-forom ta’ proliferazzjoni ta’ impjieg mhux standard fl-ekonomija diġitali jwasslu għall-bżonn ta’ livelli adatti ta’ regolazzjoni sabiex il-protezzjoni soċjali u l-aċċess ugwali għat-taħriġ u l-kwalifiki tal-ħiliet ikunu ggarantiti għal kulħadd, inklużi għall-ħaddiema mhux standard (24). Għandu jiġi eżaminat ukoll jekk dan id-dritt individwali għat-taħriġ għandux ikun portabbli, jiġifieri jekk il-persuni għandhomx ikunu jistgħu jittrasferixxuh bejn l-impjegaturi u bejn pajjiżi differenti. |
4.4 |
Il-KESE jqis li huwa kruċjali wkoll li tittejjeb il-parteċipazzjoni tal-ħaddiema fit-tagħlim tul il-ħajja u li jiġi ddeterminat, flimkien mal-intrapriżi, il-kontenut tat-taħriġ fuq il-post tax-xogħol b’tali mod li jirriżulta f’benefiċċji għall-ħaddiema u l-intrapriżi bl-istess mod. L-aċċess ugwali tal-ħaddiema għal tagħlim relatat mal-impjieg u għal taħriġ vokazzjonali kontinwu għandu jiġi żgurat billi jsir investiment fi programmi u għodod differenti. Jista’ jiġi sfruttat ukoll il-potenzjal offrut mill-pjattaformi tat-tagħlim onlajn u dawk diġitali; madankollu, l-użu tagħhom għandu jsir abbażi ta’ ftehim mill-imsieħba soċjali biex jiġi żgurat li jiġu rispettati d-dispożizzjonijiet dwar il-ħin tax-xogħol u l-ħin liberu tal-ħaddiema. Huwa importanti li jiġi rikonoxxut li t-tagħlim tul il-ħajja jista' jkun formali, mhux formali jew informali fin-natura tiegħu. It-tagħlim kollu jista’ jġib valur miżjud, jekk jitfassal kif imiss fost l-atturi rilevanti. Il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali hija importanti sabiex il-ħiliet u l-kompetenzi tal-individwi jittejbu u jkun jista’ jagħti xhieda tagħhom. |
4.5 |
L-involviment tal-ħaddiema fi kwalunkwe skema li tirrigwarda l-użu korrett tat-teknoloġija fl-intrapriża huwa fundamentali. Dan se jiżgura li huma se jingħataw l-għodod u t-taħriġ li se jippermettulhom jiġġestixxu t-teknoloġija fil-qasam tagħhom, iżda anke li ser jieħdu sehem fil-proċess tal-innovazzjoni, u b’hekk jiġi żgurat li s-sensibilizzazzjoni ser tittrasforma l-biża’ tal-bidla f’opportunitajiet għal tkabbir personali u professjonali. |
4.6 |
Il-KESE jenfasizza l-importanza li tittieħed azzjoni tanġibbli sabiex is-sistemi nazzjonali tal-edukazzjoni u tat-taħriġ ikunu megħjuna jadattaw il-programmi tagħhom malajr kemm jista’ jkun, sabiex b’hekk il-kurrikuli u s-sistemi bbażati fix-xogħol ikunu jistgħu jikkorrispondu aħjar għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, u jiġi żgurat li s-sistemi tat-taħriġ u tal-edukazzjoni jkunu effettivi b’mod li jilħqu lil kulħadd, inklużi l-ħaddiema f’riskju ta’ esklużjoni minħabba l-forom ġodda ta’ impjieg xprunati diġitalment, bħall-persuni b’livell baxx ta’ ħiliet, il-persuni b’diżabbiltà u l-popolazzjoni rurali, f’żoni fejn il-penetrazzjoni tal-broadband hija ferm inqas milli fiż-żoni metropolitani. Għalhekk huwa essenzjali li jiġu ssemplifikati l-proċeduri amministrattivi relatati f’dawk l-Istati Membri fejn huma ta’ piż. Sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet, il-KESE jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, fil-qafas tal-proċess tas-Semestru Ewropew, jadottaw miżuri prattiċi, pereżempju: mekkaniżmi ġodda ta’ monitoraġġ fil-livell tal-UE sabiex tinġabar u tiġi vvalutata data dwar ir-riżultati li nkisbu fil-livell nazzjonali f’dak li jirrigwarda l-kopertura diġitali u tat-taħriġ tul il-ħajja; l-iffissar ta’ punti ġodda ta’ riferiment sabiex jinkisbu livelli edukattivi bażiċi komuni ġodda u skemi ta’ ħiliet diġitali fil-livell tal-UE u jiġi evitat li jikber id-distakk fost il-pajjiżi tal-UE; it-tisħiħ tas-sinerġiji fost il-pajjiżi permezz tal-parteċipazzjoni f’netwerks ta’ infrastrutturi elettroniċi; l-istabbiliment ta’ kriterji sodi bbażati fuq ir-riżultati għall-allokazzjoni tal-fondi u l-provvediment ta’ inċentivi għat-titjib tal-koeżjoni fost l-Istati Membri tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ tagħhom. |
4.7 |
Tabilħaqq, il-KESE jinsab imħasseb dwar il-futur tal-persuni b’livell baxx ta’ ħiliet, u b’mod aktar ġenerali tal-gruppi vulnerabbli fl-Ewropa. Huwa jibża’ li l-azzjoni tal-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet “Perkorsi ta’ titjib tal-ħiliet” tista’ ma tkunx biżżejjed sabiex tiġi indirizzata l-problema. Kif wera s-CEDEFOP reċentement (25), id-definizzjoni ta' dan il-grupp kbir, li jinkludi kategoriji differenti ta’ persuni żvantaġġati, hija kumplessa u ma tinftiehemx tajjeb, filwaqt li n-numri huma inkwetanti — pereżempju, fl-2015 adult wieħed Ewropew minn kull erba’ ta’ bejn il-25 u l-64 sena (madwar 64 miljun adult) kien għad kellu biss livell baxx ta’ kwalifiki, filwaqt li s-sehem tal-popolazzjoni adulta b’livell baxx ta’ ħiliet konjittivi fil-litteriżmu u n-numeriżmu kien 18 % u 20 % rispettivament. Id-data tas-CEDEFOP turi li huwa inqas probabbli li dan il-grupp jieħu sehem f'attivitajiet ta’ tagħlim. Minħabba li l-istudju wera li l-investiment fil-ħiliet jagħti r-riżultati, il-KESE jistenna li l-Kummissjoni Ewropea tagħmel aktar biex tiżgura li l-gruppi vulnerabbli bħall-persjuni li qed jixjieħu jkunu kapaċi u mħeġġa jieħdu sehem f'attivitajiet ta' tagħlim għall-adulti, sabiex jiġi evitat ir-riskju li dawn jiġu marġinalizzati fis-suq tax-xogħol. Huwa importanti wkoll li jintlaħqu l-ħaddiema fil-grupp ta’ età bejn il-55 u l-64 sena peress li ta’ spiss dawn huma l-inqas probabbli li jieħdu sehem fit-tagħlim tul il-ħajja. Il-KESE jenfasizza wkoll l-importanza tal-adattament tal-makkinarju u s-softwer ta’ teknoloġija ġdida biex ikunu jistgħu jintużaw ukoll mill-persuni b’diżabbiltà. |
4.8 |
Għandha tingħata attenzjoni partikolari wkoll għall-miżuri speċifiċi għas-sessi sabiex jiġi eliminat id-distakk diġitali; id-differenzi persistenti bejn is-sessi fil-qasam tal-istudju jistgħu jfissru li n-nisa ser jibbenefikaw inqas minn opportunitajiet ġodda ta’ impjiegi f’okkupazzjonijietrelatati max-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (kollettivament miġburin taħt l-akronimu Ingliż STEM); flessibbiltà akbar fix-xogħol tista’ żżid l-impjieg fost in-nisa iżda jista’ jkollha wkoll impatt negattiv fuq il-kwalità tal-impjiegi tagħhom (26). |
4.9 |
F’din is-sitwazzjoni ta’ bidla rapida u kontinwa, huwa essenzjali li kull persuna tiġi offruta bosta u diversi opportunitajiet ta’ tagħlim li jistgħu jwasslu għall-ksib ta’ ħiliet validi (li jistgħu jintużaw) għas-suq tax-xogħol u fi ħdanu, b’konformità mad-dimensjoni diġitali tad-dinja l-ġdida, filwaqt li kull persuna tiġi protetta mir-riskju li tiġi eskluża mis-suq tax-xogħol jew tiġi relegata għal forom ta’ xogħol prekarju. L-aspettattivi tal-ħaddiema u l-ħtiġijiet tas-swieq tax-xogħol għandhom jiġu riflessi fl-iskemi disponibbli tal-edukazzjoni u t-taħriġ, sabiex b’hekk l-intrapriżi jkunu jistgħu jikbru u l-persuni jkunu jistgħu jsibu impjieg jew jirnexxu fl-impjieg eżistenti tagħhom, b’konformità mal-ħtiġijiet, l-antiċipazzjonijiet u l-kompetenzi tagħhom. L-involviment attiv tal-ħaddiema fi skemi ta’ tagħlim tul il-ħajja u ta’ taħriġ fil-post tax-xogħol huwa condicio sine qua non għat-tkabbir u l-kompetittività tal-intrapriżi, għall-impjegabbiltà tal-ħaddiema u għall-iżgurar ta’ impjiegi ta’ kwalità tajba. |
4.10 |
Il-KESE jenfasizza wkoll l-importanza li tiżdied il-provvista tat-tagħlim tul il-ħajja u l-parteċipazzjoni fih bl-għan li jittejbu l-prestazzjoni tal-intrapriżi u t-tkabbir personali u professjonali tal-ħaddiema. Għandhom jiġu adottati miżuri prattiċi sabiex tiġi żgurata l-provvista tat-tagħlim tul il-ħajja għal kulħadd kif ukoll il-parteċipazzjoni fih (27) — abbażi tal-ħtiġijiet identifikati — li għandu jiġi pprovdut fuq il-bażi ta’ kondiviżjoni adegwata tal-ispejjeż u l-ġestjoni bejn il-gvernijiet, l-impjegaturi u l-ħaddiema u f’kollaborazzjoni mal-istituzzjonijiet pubbliċi u privati u l-imsieħba soċjali. Il-KESE hawnhekk jinnota li għandhom jittieħdu passi biex jiġi kkontrollat jekk humiex meħtieġa miżuri u liema sabiex jiġi stabbilit id-dritt għal liv edukattiv imħallas u li l-miżuri tal-UE għandhom jiġu kkunsidrati bil-ħsieb li l-prattika tajba fil-qasam ta’ standards minimi dwar id-drittijiet għal liv edukattiv issir prattika standard f’xi Stati Membri (28). Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa għal offensiva ta’ kwalifiki bħala appoġġ id-diġitalizzazzjoni dejjem tikber tas-swieq tax-xogħol tagħna, sabiex jiġu pprovduti inċentivi għall-investiment kemm fil-livell tal-kumpaniji kif ukoll fis-settur pubbliku, jiġi promoss l-investiment pubbliku u privat fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali. |
4.11 |
Barra minn hekk, il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li jiġi ggarantit aċċess ugwali għas-servizzi diġitali għal kulħadd, speċjalment l-anzjani u l-persuni b’diżabbiltà, sabiex b’hekk l-għanijiet teknoloġiċi ġodda ma jkunux ostaklu, iżda opportunità ġenwina u ewlenija għal kulħadd, mingħajr diskriminazzjoni jew ostakli. Huwa jitlob lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jsibu strumenti biex jiġi ggarantit appoġġ adegwat għal kulħadd f'din is-“soċjetà ġdida” u, fl-istess ħin, jiżguraw li s-settur pubbliku jkollu r-riżorsi li jeħtieġ biex jindirizza dawn il-ħtiġijiet. Dawk li, b’mod partikolari, jinsabu fir-riskju li jitilfu l-impjieg tagħhom minħabba l-awtomatizzazzjoni għandhom jingħataw taħriġ li jippermettilhom jiġu mgħallma ħiliet ġodda. |
4.12 |
Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jiżviluppaw skemi — bl-involviment tal-imsieħba soċjali u ta’ organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili — biex jagħtu possibbiltajiet ta’ aċċess bla ħlas għat-taħriġ, vawċers għat-taħriġ jew il-kondiviżjoni konġunta tal-ispejjeż għal dawk li ma jkunux f’pożizzjoni li jġarrbu l-ispejjeż. Meta l-ħaddiema jkollhom bżonn iwettqu taħriġ addizzjonali, huwa importanti li jinstab bilanċ bejn l-impenji fil-konfront tal-ħin imqatta’ x-xogħol u l-ħin iddedikat għat-tagħlim li jkun aċċettabbli kemm għall-ħaddiem kif ukoll għall-impjegatur. F’dan ir-rigward, il-KESE jtenni l-importanza li jiġu eżaminati u kondiviżi esperjenzi dwar kif it-taħriġ jiġi organizzat u pprovdut fi Stati Membri differenti, inkluża, pereżempju, il-multitudni ta’ prattiki fuq il-post tax-xogħol li għandhom l-għan li jipprovdu tagħlim tul il-ħajja fl-impjiegu l-prattika tal-liv għat-taħriġ — li xi ftit minnu huwa mħallas — li għandhom jitħeġġu u jiġu appoġġjati fl-UE kollha. |
4.13 |
Il-kwalità tal-investimenti fit-tkabbir inklużiv u l-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità tajba huma essenzjali. Għalhekk, il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li jiġu pprovduti riżorsi adegwati biex jakkumpanjaw it-tranżizzjoni għal bidla teknoloġika u d-diġitalizzazzjoni, li jindirizzaw l-urġenza li jinkisbu l-ħiliet u l-kompetenzi rilevanti, mhux biss fil-livell tal-post tax-xogħol, iżda anke permezz tal-iżvilupp ta’ sistemi effettivi ta’ taħriġ, sabiex jiġi żgurat adattament kontinwu tal-ħiliet. Il-KESE jqis li hija prijorità li jiġu identifikati linji ta’ finanzjament speċifiċi ddedikati għal din it-tranżizzjoni u li jiġu vvalutati kriterji ġodda bbażati fuq ir-riżultati għall-allokazzjoni tagħhom. |
4.14 |
Il-KESE jitlob ukoll lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jagħmlu l-aħjar użu possibbli tal-Fondi Strutturali, b’mod paritkolari l-Fond Soċjali Ewropew — li l-prijoritajiet tagħhom għall-investiment fil-kapital uman għandhom jiġu kkonfermati u ssalvagwardjati — għall-adattament tal-kompetenzi, bħala għodda komplementari. Il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri, flimkien mal-partijiet interessati tas-soċjetà ċivili, għandhom jiżviluppaw qafas ta’ kriterji komuni sabiex ikun hemm fehim reċiproku tal-ħtiġijiet u l-għanijiet ġodda b’rabta mal-ħiliet, filwaqt li jqisu: minn naħa waħda, id-differenzi fost l-Unjoni Ewropea u l-mobbiltà mhux biss tal-persuni fiżiċi iżda anke tal-kontenut tax-xogħol; u, min-naħa l-oħra, ir-rekwiżit ta’ livelli omoġenji ta’ taħriġ mill-ġdid u ta’ titjib tal-ħiliet sabiex titrawwem il-koeżjoni fost il-pajjiżi tal-UE. |
4.15 |
Għodod aġġornati kif imiss, bħall-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki, u l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Kwalifiki Professjonali, huma utli għat-trasparenza tal-kwalifiki miksuba. |
4.16 |
Naturalment, fir-Raba’ Rivoluzzjoni Industrijali, il-ħiliet diġitali huma importanti ħafna. F’dan il-kuntest, il-ħiliet bażiċi (l-iżjed, fil-matematika, il-fiżika, il-kimika u l-bijoloġija), li huma mgħallma wkoll fl-istituti tekniċi u professjonali, kif ukoll il-ħiliet lingwistiċi avvanzati, iridu jingħataw valur ġdid rikonoxxut: mingħajrhom, mhuwiex possibbli li jsir il-pass li jmiss lejn il-ħiliet teknoloġiċi u tal-informatika speċjalizzati ħafna li huma meħtieġa sabiex wieħed jaħdem f’ambjenti fejn id-diġitalizzazzjoni u r-robotika huma l-kunċetti ewlenin tal-professjonaliżmu. |
4.17 |
L-għarfien bażiku huwa essenzjali, peress li jrawwem il-ħsieb kritiku li huwa meħtieġ għall-għażla ta’ sorsi ta’ informazzjoni u għall-komprensjoni ta’ teknoloġiji ġodda. Madankollu, għandha tingħata aktar attenzjoni kemm lill-ħiliet tekniċi u speċjalizzati kif ukoll lill-ħiliet personali; dawn tal-ewwel huma meħtieġa fil-proċessi ta’ produzzjoni, iżda dawn tal-aħħar jistgħu jgħinu lill-ħaddiema jiġġestixxu xenarji kumplessi u li jinbidlu. Ċertament, il-komplementarjetà tal-ħiliet ser twassal għal futur ta’ suċċess. Rigward ħiliet personali b’mod partikolari, jinħtieġ ukoll li jingħata taħriġ adegwat lill-għalliema u lil dawk li jipprovdu l-edukazzjoni u t-taħriġ, u li l-familji jiġu megħjuna jsiru konxji tal-importanza tagħhom. |
4.18 |
Il-KESE jappoġġja approċċ li jagħmel enfasi qawwija fuq il-ħiliet personali — bħas-soluzzjoni ta’ problemi kumplessi, il-ħsieb kritiku, ix-xogħol f’tim, it-tiftix tas-sens fl-affarijiet ta’ madwarhom, ħsieb innovattiv u ta' adattament, kompetenzi transkulturali, kollaborazzjoni virtwali, flessibbiltà konjittiva, eċċ. –, peress li dawn huma elementi ewlenin tal-iżvilupp uman u jistgħu jgħinu lill-ħaddiema biex jaħsbu b’mod awtonomu, qabel ma jintalbu jsiru diġitalment kompetenti. Il-KESE jissuġġerixxi li tingħata attenzjoni partikolari lill-iżvilupp ta’ dawn il-ħiliet fir-reviżjoni tal-Qafas Ewropew tal-Kompetenzi Ewlenin. |
4.19 |
Jeħtieġ li tingħata informazzjoni ddedikata dwar id-dinja tax-xogħol u l-orjentazzjoni fir-rigward tal-opportunitajiet tal-edukazzjoni, tat-taħriġ u tax-xogħol liż-żgħażagħ fl-iskejjel, sabiex din isservi ta’ gwida għall-iżvilupp kontinwu u l-perkors tal-karriera tagħhom, iżda l-gwida tul il-ħajja se tkun essenzjali wkoll fil-ġejjieni. L-għażla tal-professjoni hija deċiżjoni kruċjali. Il-wiri ta' varjetà ta’ taħriġ u karrieri professjonali disponibbli liż-żgħażagħ iservi bħala gwida li tippermettilhom jagħmlu għażliet infurmati. |
4.20 |
L-iskejjel, l-universitajiet u l-istituzzjonijiet ta’ taħriġ joffru taħlita ta’ għarfien ġdid u modi ġodda ta’ tagħlim, abbażi tal-konnessjoni tagħhom mat-territorju, minn naħa waħda, u l-missjoni tagħhom, min-naħa l-oħra. Il-KESE jqis li huwa importanti li r-rwol u l-attivitajiet tagħhom jingħaqdu mar-rwol tal-gvernijiet u l-istituzzjonijiet ċentrali u lokali, kif ukoll mad-dinja tax-xogħol. Dan il-proċess għandu jiġi mħeġġeġ u appoġġjat, filwaqt li jiġi rikonoxxut ir-rwol ċentrali tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tad-djalogu soċjali, li l-ewwel għandu jiġi żviluppat fil-livell lokali u territorjali. |
4.21 |
Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni tiżviluppa aktar it-twaqqif ta’ “reġistru aġġornat ta’ prattika tajba” li jkollu l-potenzjal li jservi bħala faċilitatur għal dibattitu madwar l-UE kollha sabiex jiġu identifikati linji gwida u standards ibbażati fuq l-aħjar prattiki fil-qasam tat-taħriġ vokazzjonali. |
4.22 |
Il-kompetenzi li jinkisbu permezz tal-perkorsi ta’ tagħlim mhux formali u informali huma dejjem aktar importanti. Fl-Opinjoni tiegħu tal-2015 (29), il-KESE enfasizza l-ħtieġa li jsir dak li hemm bżonn b’mod li s-sistemi nazzjonali tal-kwalifiki jiżguraw il-validazzjoni tagħhom (skont ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 2012/C 398/01 (30)), u l-ħtieġa li jiġi enfasizzat ir-rwol kruċjali tas-soċjetà ċivili organizzata f’dan il-proċess. Bis-saħħa ta’ validazzjoni adatta (l-identifikazzjoni, id-dokumentazzjoni, il-valutazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni) il-valur miżjud tagħhom jinġab fis-suq tax-xogħol, u sservi biex tenfasizza l-għarfien professjonali individwali, jiġifieri l-għarfien tal-kapaċitajiet individwali. Għalhekk, huwa kruċjali li s-servizzi tal-impjieg u l-“aġenziji privati/pubbliċi” jitħeġġu jsiu ferm aktar attivi f’dan. Il-validazzjoni għandha tkun aċċessibbli u affordabbli sabiex tkun ta’ benefiċċju kemm għall-impjegati kif ukoll għall-impjegaturi. |
4.23 |
Il-KESE jindika l-għaxar azzjonijiet ta’ prijorità tal-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet: l-Inizjattiva għall-Perkors ta’ Titjib tal-Ħiliet, li s-settur tal-ETV isir l-ewwel għażla, il-Qafas tal-Kompetenzi Prinċipali, il-Koalizzjoni għall-Ħiliet u l-Impjiegi Diġitali, il-QEK, l-Għodod tal-Profil tal-Ħiliet għal Ċittadini ta’ Pajjiżi Terzi, il-Qafas tal-Europass, il-ġbir ta’ data sabiex jiġi indirizzat ir-riskju tal-eżodu tal-imħuħ, il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Kooperazzjoni Settorjali dwar il-Ħiliet u, finalment, ir-rakkomandazzjoni li jsir stħarriġ dwar is-sitwazzjoni tal-gradwati huma kollha għodod utli sabiex il-persuni jingħataw il-kompetenzi adatti. |
4.24 |
Għal tranżizzjoni ġusta u sabiex il-politiki attivi tas-suq tax-xogħol jirnexxu, hemm bżonn ta’ servizzi tal-impjieg ugwalment effiċjenti, li jkunu kapaċi mhux biss li jiġġestixxu d-domanda u l-provvista tal-impjiegi, iżda anke li joffru gwida u konsulenza lil dawk li jkunu qed ifittxu impjieg. Il-KESE jitlob lill-Istati Membri jinvestu aktar riżorsi fit-titjib tal-effettività, l-effiċjenza iżda wkoll il-kapaċità tas-servizzi tal-impjieg u l-persunal tagħhom, kif ukoll fit-tfassil ta’ għodod sabiex jiġu appoġġjati dawk il-persuni li għad mhumiex fis-suq tax-xogħol. B’dan il-mod, il-ħaddiema jistgħu jiġu offruti l-opportunità li jilħqu intraprendituri kapaċi li japprezzaw il-valur u l-kompetenzi tagħhom f’ċirku virtwuż b’saħħtu ta’ tkabbir professjonali u kompetizzjoni korporattiva. |
4.25 |
Fir-rigward tal-opportunitajiet ta’ impjieg, huwa importanti ħafna għall-UE li tindirizza l-kwistjoni tal-hekk imsejjaħ eżodu tal-imħuħ, jiġifieri t-telf minn ċerti Stati Membri tal-kapital uman tagħhom b’livell għoli ta’ ħiliet. Idealment, il-mobbiltà fl-Ewropa għandha tħeġġeġ skambju tal-imħuħ bejn il-pajjiżi, jiġifieri twassal għal arrikkiment li jibbenefikaw minnu l-Istati Membri kollha. Madankollu, ir-realtà hija differenti. Ċerti pajjiżi tal-UE — l-aktar il-pajjiżi Ewropej tal-Punent u tat-Tramuntana — huma ferm aktar attraenti għal ħaddiema mobbli mill-aktar pajjiżi fraġli u l-inqas strutturati — l-aktar il-pajjiżi Ewropej tal-Lvant u tan-Nofsinhar — minħabba d-disponibbiltà akbar ta’ impjiegi u l-kapaċità tagħhom li joffru pagi ogħla. Prinċipalment hija l-Industrija 4.0, mill-qasam tal-manifattura sa dak tas-servizzi u r-riċerka, iżda anke oqsma oħra bħas-setturi mediċi u tar-riċerka, liema industrija, min-natura tagħha, tikkontribwixxi b’mod sostanzjali għal dan l-eżodu. Dan iwassal għal fluss ’il barra konsiderevoli ta’ ħaddiema, ħiliet u talent mill-pajjiżi ta’ oriġini, li jirriżulta f’nuqqas ta’ kompetittività, kif ukoll f’telf tal-investiment tagħhom fl-edukazzjoni u fl-introjtu nazzjonali mit-taxxi (31). F’ċerti każijiet, il-persuni mobbli bi kwalifiki għolja ma jsibux impjiegi li jaqblu mal-kwalifiki tagħhom fis-suq tax-xogħol tal-pajjiż ospitanti, u jispiċċaw f’impjiegi li huma kkwalifikati żżejjed għalihom. Dan jista’ jiġi evitat jekk l-Ewropa tħeġġeġ skambji ta’ impjiegi bejn intrapriżi minn Stati Membri differenti. Mil-lat aktar ġenerali, jeħtieġ li jsiru sforzi akbar fil-livell tal-UE sabiex tiġi promossa l-konverġenza lejn tkabbir inklużiv, ekonomiku, xprunat mill-innovazzjoni u li li joħloq l-impjiegi u aktar koeżjoni soċjali. |
4.26 |
Kwistjoni importanti ħafna li għandha tiġi indirizzata hija s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema. X’aktarx, l-innovazzjonijiet teknoloġiċi ser jissostitwixxu x-xogħol tqil u perikoluż, u b’hekk tittejjeb il-kwalità tax-xogħol, iżda jistgħu jinħolqu patoloġiji ġodda, b’mod partikolari għat-(tele)ħaddiema iżolati. Id-djalogu soċjali fil-livell Ewropew, nazzjonali u tal-industrija huwa l-għodda utli biex jiġi eżaminat jekk u sa liema opunt is-saħħa tal-impjegati u l-ħajja privata tagħhom jitolbu protezzjoni addizzjonali fi żmien ta’ komunikazzjoni mobbli kullimkien, u liema miżuri huma adatti f’dan ir-rigward. Konsegwentement, jeħtieġ li jiġu identifikati l-mezzi sabiex dawn jiġu evitati: eżempju wieħed ta’ dan huwa l-hekk imsejjaħ “dritt tal-iskonnettjar” li reċentement ġie rikonoxxut fi Franza, u li ġie applikat f’ċerti ftehimiet fil-livell tas-setturi u tal-intrapriżi f’ċerti pajjiżi tal-UE, iżda li għadu ma ġiex ivvalutat fil-livell tal-UE. Jeħtieġ li dan jiġi vvalutat iżjed fil-livell tal-UE, filwaqt li titqies il-ħtieġa li jiġu rispettati d-dispożizzjonijiet dwar il-ħin tax-xogħol u b’konformità mal-approċċ il-ġdid għall-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata. |
4.27 |
L-Internet tal-Oġġetti (IoT), il-privatezza u l-big data huma kwistjonijiet oħra ta’ rilevanza primarja f’dak li għandu x’jaqsam mal-familjarità mat-taħriġ diġitalizzat u l-għodod tat-tagħlim elettroniku u l-isfidi marbutin mal-protezzjoni tad-data f’dan ir-rigward. Ir-rwol tal-assoċjazzjonijiet tal-konsumatur għandu wkoll jiġi enfasizzat minħabba li dawn jistgħu jikkontribwixxu b’mod effettiv għat-tfassil ta’ għodod ġodda sabiex jiġu indirizzati l-isfidi l-kbar marbutin mal-ħtieġa li tiġi ggarantita l-privatezza tal-persuni f’dak li jirrigwarda x-xiri u l-użu tas-servizzi tat-tagħlim onlajn (32). |
5. Il-futur huwa issa: (b) Eżempji tal-aħjar prattiki sabiex il-ħaddiema jiġu mħarrġa mill-ġdid u jittejbu l-ħiliet tagħhom
5.1 |
Fost l-aħjar prattiki rikonoxxuti nsibu r-Riżorsi Edukattivi Miftuħa (OER, jiġifieri materjal edukattiv diġitali li jsir disponibbli b’liċenzji li jippermettu li jista’ jerġa’ jintuża, jiġi modifikat u distribwit) u l-Korsijiet Onlajn Miftuħin Massivi (MOOC, jiġifieri korsijiet tan-netwerk miftuħa, imfassla għal tagħlim mill-bogħod). Għalkemm dawn huma relattivament reċenti iżda mhux ġodda, huwa importanti li jiżdiedu l-konsulenza u l-informazzjoni dwarhom. L-użu ta' OERs u MOOCs jista’ jkun għodda importanti sabiex jinfetaħ l-aċċess għall-edukazzjoni u t-taħriġ b’mod effiċjenti fl-użu tar-riżorsi li jippermetti lill-persuni jsibu bilanċ bejn ix-xogħol u l-impenji tal-familja. |
5.2 |
Il-KESE jqis Qafas Ewropew għall-Kompetenza fl-Elettronika bħala għodda siewja fil-livell Ewropew: dan jipprovdi referenza ta’ 40 kompetenza applikati fil-post tax-xogħol tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni, bl-użu ta’ sistema komuni għal-livelli tal-kompetenzi, il-ħiliet, l-għarfien u l-profiċjenza li tista’ tinftiehem madwar l-Ewropa kollha, inklużi rekwiżiti tal-ħiliet u l-għarfien ta’ professjonisti, professjonijiet u organizzazzjonijiet tal-ICT f’ħames livelli ta’ profiċjenza, u huwa mfassal biex jissodisfa l-ħtiġijiet tal-individwi, in-negozji u organizzazzjonijiet oħra fis-setturi pubbliċi u privati, b’mod partikolari l-istituzzjonijiet u l-kumpaniji tat-taħriġ. |
5.3 |
Fir-rigward tat-taħriġ vokazzjonali bbażat fil-kumpaniji, is-sistemi doppji tat-taħriġ vokazzjonali f’pajjiżi bħall-Awstrija, il-Ġermanja, id-Danimarka u n-Netherlands għandhom jitqiesu bħala l-aħjar prattika minħabba l-involviment tal-imsieħba soċjali fl-adozzjoni kontinwa tas-sistemi tal-ETV lejn id-dinja tax-xogħol ġdida xprunata diġitalment (33). |
5.4 |
Il-KESE huwa tal-fehma li l-Fundación Estatal para la Formación en el Empleo (FUNDAE) ta’ Spanja, l-Organismes paritaires collecteurs agréés (OPCA) ta’ Franza u l-Fondi Interprofessionali per la Formazione Continua tal-Italja huma eżempji tal-aħjar prattiki mil-lat tal-finanzjament ta’ korsijiet ta’ taħriġ fil-post tax-xogħol, u jemmen li dawn jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għall-aġġornament tal-ħiliet diġitali tal-ħaddiema. |
5.5 |
B’mod simili, skemi individwali għat-taħriġ jistgħu wkoll ikunu utli: pereżempju, fi Franza hemm: il-Kont Personali tat-Taħriġ (CPF), il-Liv għal Taħriġ Individwali (CIF), il-Liv għall-Valutazzjoni tat-Taħriġ (CBC) u l-Liv għall-Validazzjoni tal-Esperjenza Miksuba (CVAE). |
5.6 |
Fl-Italja, hemm żewġ tipi ta’ liv għat-taħriġ: l-ewwel wieħed jingħata sabiex wieħed ilesti l-attivitajiet edukattivi u ta’ taħriġ tal-iskola u/jew tal-università li ma jingħatawx mill-impjegaturi. It-tieni wieħed jingħata kemm għal dawk il-persuni impjegati kif ukoll għal dawk qiegħda u huwa maħsub li jiggarantixxi d-dritt għat-tagħlim tul il-ħajja tal-ħaddiema; il-mod li bih il-ħaddiema jiġu identifikati, il-ħin li huma permessi jiddedikaw u l-introjtu li huma jirċievu ġew identifikati min-negozjar kollettiv. Fl-aħħar, għal darb’oħra fl-Italja, insibu l-vawċer għat-taħriġ (voucher formativo): dan huwa tip ta’ fond individwali għall-attivitajiet tat-taħriġ sabiex tissaħħaħ l-impjegabbiltà tal-persuni permezz ta’ korsijiet tat-taħriġ professjonali u innovattivi. |
5.7 |
Il-Ġermanja hija waħda mill-pajjiżi bl-ogħla perċentwal ta’ forza tax-xogħol fid-dinja u bl-inqas rata ta’ qgħad: skont stħarriġ tal-OECD, il-perċentwal tal-impjieg mhuwiex affettwat mil-livell għoli ta’ awtomatizzazzjoni, peress li l-ħaddiema huma mħarrġa biex jużaw ir-robots u f’każ li l-impjiegi tagħhom jiġu sostitwiti mir-robotizzazzjoni, dawn jiġu ggwidati lejn impjiegi oħra. Madankollu, f’ċerti oqsma hemm domanda inqas għall-impjieg u l-persuni li jidħlu fis-suq tax-xogħol jista’ ma jkollhomx it-taħriġ meħtieġ b’rabta mal-ħiliet diġitali sabiex isibu xogħol. L-imsieħba soċjali Ġermaniżi ddeċidew li jilqgħu l-isfida tal-innovazzjoni u bdew jinnegozjaw dwar kif għandhom jindirizzaw din l-isfida fis-suq tax-xogħol. |
5.8 |
Fi Franza, is-sena l-oħra ġiet approvata l-liġi dwar id-dritt tal-iskonnettjar u fl-Italja, id-dibattitu dwar din il-kwistjoni huwa miftuħ u rikonoxxut f’ċerti ftehimiet kollettivi. |
5.9 |
Il-KESE jqis li ż-żgħażagħ fl-ewwel stadji tal-edukazzjoni u t-taħriġ skolastiċi għandhom jiġu edukati mhux biss dwar il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, iżda anke dwar iċ-ċittadinanza attiva bis-sħiħ (34). Fl-aħħar, waħda mill-aħjar prattiki hija l-inklużjoni ta’ kors bażiku ta’ programmar f’bosta skejjel elementari Estonjani. |
5.10 |
Il-pubblikazzjoni reċenti ta’ din is-sena mill-Kummissjoni Ewropea dwar Business cooperating with vocational education and training providers for quality skills and attractive future (35) (Il-kooperazzjoni tan-negozji mal-fornituri tal-edukazzjoni u tat-taħriġ vokazzjonali għal ħiliet ta’ kwalità tajba u futur attraenti), tirrapporta bosta prattika tajbin interessanti implimentati f’diversi Stati Membri li, bl-adattamenti meħtieġa, jistgħu jiġu rreplikati b’mod utli xi mkien ieħor:
Kull waħda minn dawn l-inizjattivi hija ffukata fuq aspett wieħed jew aktar, bħat-tqabbil tal-provvista mad-domanda, it-tagħlim ibbażat fil-post tax-xogħol, il-ħiliet diġitali u intraprenditorjali, il-mobbiltà u l-inklużjoni soċjali. |
Brussell, il-15 ta’ Marzu 2018.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Georges DASSIS
(1) ĠU C 173, 31.5.2017, p. 45.
(2) ĠU C 13, 15.1.2016, p. 161.
(3) Kif irrappurtat mis-CEDEFOP. Ara CEDEFOP (2017). People, machines, robots and skills (Persuni, magni, robots u ħiliet). Nota ta’ Informazzjoni.
(4) OECD (2017). Future of Work and Skills (Il-futur tax-xogħol u tal-ħiliet). Dokument ippreżentat fit-tieni Laqgħa tal-Grupp ta’ Ħidma tal-G20 dwar l-Impjieg. Frar 2017. Ara p. 8.
(5) Statement of the European social partners on digitalisation (Dikjarazzjoni tal-imsieħba soċjali Ewropej dwar id-diġitalizzazzjoni), iffirmata waqt is-Summit Soċjali Tripartitiku fis-16 ta’ Marzu 2016.
(6) Kif jirrimarka s-CEDEFOP f’waħda min-noti ta’ informazzjoni tiegħu (ara n-nota 1, hawn fuq), il-qgħad teknoloġiku huwa tema rikorrenti, iżda n-nuqqas ta’ impjiegi fl-era diġitali ser jiddependi mill-intelliġenza tal-bniedem, u mhux mill-intelliġenza artifiċjali.
(7) Dawn huma elenkati fid-Dikjarazzjoni ta’ Riga dwar il-Ħiliet Diġitali ta’ Marzu 2015, li nħarġet fit-tnedija tal-kampanija tal-2015-2016 dwar il-Ħiliet Diġitali għax-Xogħol u l-Manifest tal-Ħiliet Diġitali; ara l-Konklużjonijiet ta’ Riga ta’ Ġunju 2015.
(8) ĠU C 434, 15.12.2017, p. 36; ĠU C 434, 15.12.2017, p. 30; ĠU C 173, 31.5.2017, p. 45; ĠU C 303, 19.8.2016, p. 54; ĠU C 13, 15.1.2016, p. 161; ĠU C 347, 18.12.2010, p. 1; ĠU C 128, 18.5.2010, p. 74; ĠU C 93, 27.4.2007, p. 38 (mhux disponibbli bil-Malti).
(9) ĠU C 173, 31.5.2017, p. 45.
(10) COM(2018) 24 u COM(2108) 22.
(11) T. Berger u C. Frey (2016), Structural Transformation in the OECD: Digitalisation, Deindustrialisation and the Future of Work (Trasformazzjoni Strutturali fl-OECD: id-Diġitalizzazzjoni, id-Deindustrijalizzazzjoni u l-Futur tax-Xogħol), Dokumenti ta' Ħidma Soċjali, tal-Impjiegi u l-Migrazzjoni tal-OECD, Nru 193, OECD Publishing, Pariġi; u OECD (2016), New Skills for the Digital Economy (Ħiliet Ġodda għall-Ekonomija Diġitali), Dokumenti dwar l-Ekonomija Diġitali tal-OECD, Nru 258, OECD Publishing, Pariġi.
(12) OECD (2017). Key issues for digital transformation in the G20 (Kwistjonijiet ewlenin għat-trasformazzjoni diġitali fil-G20). Rapport imħejji għal konferenza organuizzata b'mod konġunta mill-Presidenza Ġermaniża tal-G20 u l-OECD. Għal-lista ta' rakkomandazzjonijiet, ara pp 145-149.
(13) ĠU C 13, 15.1.2016, p. 161.
(14) ĠU C 434, 15.12.2017, p. 30.
(15) ĠU C 303, 19.8.2016, p. 54.
(16) KESE (2017). Impact of digitalization and the on-demand economy on labour markets and the consequences for employment and industrial relations (L-impatt tad-diġitalizzazzjoni u l-ekonomija on-demand fuq is-swieq tax-xogħol u l-konsegwenzi għall-impjiegi u r-relazzjonijiet industrijali). Studju mħejji mnn tim tar-riċerka tas-CEPS.
(17) ĠU C 173, 31.5.2017, p. 45.
(18) Forum Ekonomiku Dinji (2016). The Future of Jobs. Employment, Skill and Workforce Strategy for the Fourth Industrial Revolution (Il-Futur tal-Impjiegi. Strateġija dwar ix-Xogħol, il-Ħiliet u l-Forza tax-Xogħol għar-Raba’ Rivoluzzjoni Industrijali). Global Challenge Insight Report.
(19) Ara hawn fuq, in-nota 2 f’qiegħ il-paġna.
(20) Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta’ Frar 2017 b’rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar Regoli ta’ Dritt Ċivili dwar ir-Robotika, A8-0005/2017.
(21) Ara hawn fuq, in-nota 3 f’qiegħ il-paġna.
(22) ĠU C 434, 15.12.2017, p. 36 u ĠU C 434, 15.12.2017, p. 30.
(23) Eurofound (2017). Non-standard forms of employment: Recent trends and future prospects. Eurofound, Dublin.
(24) ĠU C 434, 15.12.2017, p. 30.
(25) CEDEFOP (2017). Investing in skills pays off: The economic and social cost of low-skilled adults in the EU (L-investiment fil-ħiliet jagħti r-riżultati: L-ispejjeż ekonomiċi u soċjali ta’ adulti b’livell baxx ta’ ħiliet fl-UE).
(26) OECD (2017). Going Digital: The Future of Work for Women (Lejn id-Diġitalizzazzjoni: Il-Futur tax-Xogħol għan-Nisa). Sommarju ta’ Politika dwar il-Futur tax-Xogħol.
(27) Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew “L-effiċjenza u l-ekwità fis-sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ Ewropej”, COM(2006) 481 final.
(28) ĠU C 13, 15.1.2016, p. 161.
(29) ĠU C 13, 15.1.2016, p. 49.
(30) Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2012 dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali.
(31) Schellinger, A. (2017). Brain Drain — Brain Gain: European Labour Markets in Times of Crisis (L-eżodu tal-imħuħ — Il-kisba tal-imħuħ: Is-Swieq tax-Xogħol Ewropej fi Żminijiet ta’ Kriżi). Proġett ta’ Friedrich-Ebert-Stiftung 2015-2017, p. 88.
(32) ĠU C 81, 2.3.2018, p. 102.
(33) ĠU C 13, 15.1.2016, p. 57; ĠU C 143, 22.5.2012, p. 94.
(34) Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar “Strateġija ġdida tal-UE dwar l-edukazzjoni”, punt 1.2 ĠU C 81, 2.3.2018, p. 167.
(35) Kummissjoni Ewropea, 2017. Business cooperating with vocational education and training providers for quality skills and attractive future (Il-kooperazzjoni tan-negozji mal-fornituri tal-edukazzjoni u tat-taħriġ vokazzjonali għal ħiliet ta’ kwalità tajba u futur attraenti) (mhux disponibbli bil-Malti). Il-Lussemburgu: Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea.