Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016XR5700

Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Il-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni Ewropea għall-2017

ĠU C 185, 9.6.2017, p. 1–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

9.6.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 185/1


Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Il-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni Ewropea għall-2017

(2017/C 185/01)

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI,

Wara li kkunsidra:

il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-programm ta’ ħidma tagħha għall-2017 tal-25 ta’ Ottubru 2016;

ir-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-4 ta’ Ġunju 2015 dwar il-prijoritajiet tiegħu għall-2015-2020 u tal-15 ta’ Ġunju 2016 dwar il-kontribut għall-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni Ewropea għall-2017;

il-Protokoll ta’ Kooperazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea ta’ Frar 2012;

1.

jinnota bi tħassib li, 60 sena wara li ġiet stabbilita, l-Unjoni Ewropea għaddejja minn kriżi profonda, b’livelli baxxi ta’ fiduċja li qed jitkomplew fil-proġett Ewropew u jeħtieġ li jkun hemm riforma; fl-istess ħin jenfasizza li, sena wara sena, il-livelli lokali u reġjonali jitqiesu miċ-ċittadini tal-UE bħala l-aktar livelli affidabbli mil-livelli kollha ta’ governanza fl-UE. Il-KtR għalhekk qed ikun involtu fid-djalogi maċ-ċittadini, bil-parteċipazzjoni attiva tal-mexxejja lokali u reġjonali, dwar suġġetti li jirriżultaw mill-ħtiġijiet u l-karatteristiċi lokali, u għalhekk qiegħed jikkontribwixxi għar-riflessjoni dwar l-Ewropa;

2.

jaqbel mal-Kummissjoni li l-isfidi ġenerali li qed tiffaċċja l-UE huma:

il-ħtieġa li l-irkupru ekonomiku jissarraf fil-ħolqien ta’ impjiegi sostenibbli u t-tnaqqis tal-inugwaljanza,

l-implimentazzjoni ta’ mekkaniżmi Ewropej ta’ solidarjetà, b’mod partikolari fir-rigward tal-ġestjoni tal-migrazzjoni,

it-twassil ta’ paċi u stabbiltà f’dinja dejjem aktar turbolenti u l-iżgurar li l-Unjoni hija lesta biex tindirizza theddida terroristika għolja,

il-ħtieġa li jiġu ssodisfati l-impenji tiegħu taħt il-Ftehim ta’ Pariġi u li jiġu żgurati adattament ambizzjuż u bbilanċjat għat-tibdil fil-klima u l-politiki ta’ mitigazzjoni, u

l-inċertezza dwar il-konsegwenzi tar-referendum tar-Renju Unit;

3.

filwaqt li jikkondividi l-konvinzjoni tal-Kummissjoni li dawn l-isfidi jeħtieġu approċċ li jibda mill-iktar livell baxx, immexxi miċ-ċittadini u ta’ governanza f’diversi livelli, jenfasizza li l-azzjoni tal-UE għandha tiffoka fuq li tagħti s-setgħa liċ-ċittadini;

4.

jenfasizza l-ħtieġa li jiġu involuti l-gvernijiet lokali u reġjonali fit-tħejjija tal-White Paper dwar il-Futur tal-Ewropa u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tikkunsidra l-opinjonijiet tal-KtR dwar dan is-suġġett u li tinvolvi lill-KtR fil-fażi ta’ konsultazzjoni;

Impjiegi, tkabbir, investiment u politika ta’ koeżjoni

5.

jiddispjaċih li l-programm ta’ ħidma ftit jagħti attenzjoni lir-rwol essenzjali tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE) biex jintlaħqu ċ-ċittadini u r-reġjuni kollha fl-Ewropa, tissaħħaħ il-koeżjoni, tiġi promossal-innovazzjoni u tiġi espressa solidarjetà Ewropea ġenwina għall-iżvilupp armonjuż tal-UE inġenerali. jitlob lill-Kummissjoni sabiex tħejji l-futur tal-politika ta’ koeżjoni lil hinn mill-2020, peress li din hija l-politika prinċipali ta’ investiment u għandha tkun ibbażata fuq approċċ ibbażat fuq il-post u viżjoni territorjali aġġornata; b’mod parallel, il-KtR iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tkompli bl-isforzi tagħha sabiex ittejjeb u tissemplifika l-proċeduri tal-FSIE bil-għan li titneħħa l-burokrazija u tgħin jiżdied l-assorbiment;

6.

itenni t-talba tiegħu biex l-infiq pubbliku tal-Istati Membri u tal-awtoritajiet lokali u nazzjonali, għall-kofinanzjament tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej, ma jitqiesx bħala nfiq strutturali definit mill-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir peress li dawn l-investimenti jikkontribwixxu għall-prijoritajiet Ewropej, b’effett ta’ lieva addizzjonali għat-tkabbir ekonomiku Ewropew;

7.

jilqa’ b’sodisfazzjon l-estensjoni proposta għal Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (FEIS), f’termini kemm tat-tul kif ukoll mil-lat finanzjarju iżda jinnota li din tħabbret mingħajr valutazzjoni tal-impatt komprensiva jew valutazzjoni indipendenti qabel il-proposta tal-Kummissjoni; jenfasizza l-bżonn li jkomplu jiġu żviluppati s-sinerġiji bejn l-FEIS u fondi oħrajn tal-UE, b’mod partikolari l-FSIE, u jiġu ssemplifikati l-proċeduri sabiex titnaqqas il-burokrazija u jgħin biex jiżdied l-assorbiment tal-fondi tal-UE; jenfasizza li għandu jissaħħaħ ukoll it-tielet pilastru tal-Pjan ta’ Investiment; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment biex iżidu l-isforzi tagħhom biex iżidu l-għarfien fil-livell lokali, biex jindirizzaw l-iżbilanċi ġeografiċi tal-FEIS u b’hekk jinkisbu l-akbar integrazzjoni u sinerġija tal-investimenti bil-għan ta’ programmar uniku ta’ interventi għall-politika ta’ koeżjoni, u biex jagħmlu disponibbli pubblikament informazzjoni aktar dettaljata dwar proġetti ffinanzjati mill-FEIS, partikolarment billi tiġi enfasizzata l-addizzjonalita tagħhom;

8.

jimpenja ruħu li jikkontribwixxi fi stadju bikri għad-diskussjoni dwar il-proposta għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali futur wara l-2020, inkluża r-riforma tar-riżorsi proprji;

9.

jappella għall-adozzjoni rapida tar-“Regolament Omnibus”, bil-għan li tingħata spinta lill-impatt u li jiġi żgurat użu mtejjeb tal-programmi FEIS li huma diġà inklużi fil-perjodu attwali ta’ programmar;

10.

jenfasizza l-bżonn li jkun hemm segwitu tal-implimentazzjoni tal-Aġenda Urbana tal-UE u jenfasizza l-importanza li d-dimensjoni urbana tiddaħħaħ f’politiki oħra tal-UE; itenni, f’dan ir-rigward, it-talba tiegħu għal White Paper dwar l-Aġenda Urbana tal-UE;

11.

itenni s-sejħa tiegħu biex tiġi stabbilita aġenda Ewropea dwar id-djar, li għandha tindirizza b’mod orizzontali l-approċċ li s’issa kien ifframmentat lejn il-qasam tad-djar, permezz ta’ politiki settorjali bħall-Aġenda Urbana għall-iżvilupp sostenibbli, il-politika ta’ koeżjoni, il-politika tal-kompetizzjoni jew inizjattivi soċjali, bħall-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali;

12.

jenfasizza l-bżonn għal kodiċi ta’ kondotta għall-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fis-Semestru Ewropew tal-2017 u jitlob li l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir jiġi kkomplementat minn analiżi territorjali, inkluż kapitolu territorjali speċifiku fir-rapporti tal-pajjiżi, u li jinħarġu linji gwida għall-Istati Membri dwar l-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma;

13.

jappoġġja l-attenzjoni kontinwa tal-Kummissjoni dwar l-investiment, partikolarment billi jiġu identifikati miżuri biex tingħata spinta lill-investiment fis-Semestru Ewropew; jindika, f’dan ir-rigward, id-Dikjarazzjoni ta’ Bratislava tal-Kumitat dwar “Ninvestu u nikkollegaw”, li te fasizza li t-tkabbir lokali u reġjonali bbażat fuq l-investiment għandu jkun imsejjes fuq strateġiji dwar l-iżvilupp territorjali, u jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat li l-baġits pubbliċi li jappoġġaw investimenti ta’ kwalità jaġixxu f’sinerġija ma’ sorsi finanzjarji oħra fil-livell reġjonali, lokali, nazzjonali u Ewropew;

14.

jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tkompli taħdem fuq l-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli u jenfasizza li l-Ewropa teħtieġ strateġija fit-tul sabiex jiġi żgurat tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv li tipprovdi direzzjoni lis-Semestru Ewropew; strateġija bħal din għandha tinbena fuq ir-reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-Istrateġija Ewropa 2020;

15.

jilqa’ l-attenzjoni tal-Kummissjoni fuq il-qgħad fost iż-żgħażagħ permezz tat-tisħiħ tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ tal-UE kif ukoll l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ u t-tnedija ta’ Korp Ewropew ta’ Solidarjetà li għandhom jibbenefikaw minn involviment kmieni, proattiv u kredibbli min-naħa tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u s-soċjetà ċivili b’mod ġenerali;

16.

jiddeplora n-nuqqas ta’ inizjattivi biex jindirizzaw il-qgħad fit-tul, anke sabiex jevalwaw forom ta’ assigurazzjoni fil-livell Ewropew kontra l-qgħad li jintegraw skemi nazzjonali f’każ ta’ tnaqqis serju fir-ritmu ekonomiku ċikliku u għajnuna biex jiġi evitat li skoss asimmetriku jġib miegħu żvantaġġ strutturali għall-Ewropa kollha;

17.

jitlob li fl-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa jitqiesu s-saħħiet u l-isfidi lokali u reġjonali, inklużi l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol lokali u reġjonali diverġenti, u jistenna bil-ħerqa li jaħdem fuq qafas ta’ kwalità għall-apprendistati u fuq proposta dwar żieda fil-mobilità għall-apprendisti;

18.

jistenna l-proposta tal-Kummissjoni biex jiġu indirizzati aħjar l-isfidi għall-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, b’mod partikolari b’rabta mal-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol;

19.

fiż-żmien ta’ qabel is-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali fl-2018, għandu l-ħsieb li jiffoka fuq il-kultura u l-wirt kulturali kif ukoll fuq ir-relazzjonijiet kulturali internazzjonali tal-UE, li huma komponenti kruċjali għat-tisħiħ tal-identità Ewropea u l-promozzjoni tal-valuri fundamentali tal-Ewropa, l-inklużjoni soċjali, l-innovazzjoni u d-djalogu interkulturali, kif ukoll it-turiżmu kulturali u dwar il-wirt;

20.

jenfasizza l-ħtieġa li r-reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-Orizzont 2020 u l-konsultazzjoni li jmiss dwar il-Programm Qafas li jmiss għar-Riċerka u l-Innovazzjoni jitqiesu bħala proċess organiku wieħed, li għandu bżonn jindirizza d-distakk fl-innovazzjoni fl-Ewropa; iħabbar li l-KtR ser jagħmel kontribut f’waqtu għar-reviżjoni tal-pjan ta’ azzjoni dwar il-bijoekonomija skedata għall-2017;

L-Unjoni Ekonomika u Monetarja

21.

jinnota li l-White Paper dwar il-ġejjieni tal-Ewropa ser itnkludi wkoll proposti dwar il-ġejjieni tal-UEM u jixtieq jara riformi li jsaħħu l-leġittimità demokratika tal-governanza tal-UEM;

22.

jisħaq li, sabiex tittejjeb id-dimensjoni soċjali tal-UEM, huwa kruċjali li jiġu indirizzati d-disparitajiet soċjali kif ukoll dawk reġjonali; jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tipproponi pilastru Ewropew tad-drittijiet soċjali li jistabbilixxi l-prinċipji għal Unjoni li hija msejsa fuq il-ġustizzja soċjali u li tirrispetta l-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità;

23.

jilqa’ l-proposta għal reviżjoni tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, iżda jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tqis il-ħtieġa li l-Patt isir aktar favorevoli għat-tkabbir, partikolarment fir-rigward tal-investimenti li jwasslu għat-tkabbir; itenni t-talba preċedenti tiegħu għal valutazzjoni sħiħa tal-impatt territorjali tar-regoli Ewropej ta’ statistika dwar l-investiment pubbliku;

L-unjoni tal-enerġija u l-politika tal-klima

24.

jilqa’ bi pjaċir l-impenn tal-Kummissjoni li tippromovi l-effiċjenza fl-enerġijal-enerġija rinnovabbli fi ħdan il-qafas ta’ politika komprensiva dwar l-unjoni tal-enerġija, flimkien ma’ regoli sodi ta’ governanza, miżuri xierqa ta’ appoġġ għall-innovazzjoni, reviżjoni tat-tfassil tas-suq tal-elettriku u aktar titjib tal-infrastruttura tal-enerġija sabiex jiġu żgurati konnessjonijiet interreġjonali u transkonfinali u appoġġ għad-deċentralizzazzjoni tas-sistemi tal-enerġija bħala pass lejn suq intern għall-enerġija li hu sostenibbli u flessibbli;

25.

jirrakkomanda b’mod speċifiku li l-politiki tal-UE fil-qasam tat-tfassil tas-suq tal-elettriku u l-enerġija rinnovabbli għandhom jiġu kkoordinati u bbilanċjati, filwaqt li tingħata attenzjoni xierqa għat-tħassib lokali u reġjonali, bħalma huwa l-aċċess għan-netwerk għall-fornituri tal-enerġija fuq skala żgħira fil-livell tan-netwerk ta’ distribuzzjoni;

26.

jappoġġa l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi u jirrimarka li biex jingħalaq id-distakk bejn l-impenji nazzjonali u l-isforz meħtieġ biex jiġi limitat it-tisħin globali għal ferm anqas minn 2 oC ser ikun hemm bżonn li l-isforzi tal-bliet u r-reġjuni jiġu integrati fl-impenji nazzjonali, kif ukoll ser ikun hemm bżonn ta’ koordinazzjoni kemm orizzontali kif ukoll vertikali, inkluż fil-livelli tal-UE u tal-UNFCCC. Il-KtR għalhekk jitlob lill-Kummissjoni biex tappoġġja t-talba tal-KtR biex dan l-aspett jiġi inkluż fl-impenji ddeterminati nazzjonalment, sabiex jitjiebu l-istituzzjonalizzazzjoni tan-NAZCA u l-ħidma tal-pijunieri tal-klima fi ħdan is-Segretarjat tal-UNFCCC, u biex jiġi ffaċilitat l-iskambju ta’ esperjenzi fil-livell lokali u reġjonali. Il-KtR jitlob ukoll lill-Kummissjoni biex tħeġġeġ proġetti ta’ riċerka dwar il-bliet, ir-reġjuni u t-tibdil fil-klima sabiex isir kontribut għall-ħidma futura tal-Bord Intergovernattiv dwar it-Tibdil fil-Klima;

27.

jappella lill-Kummissjoni Ewropea biex taħdem mal-KtR biex jiġi żvilujppat il-kunċett ta’ Kontribuzzjonijiet Diterminati fil-livell lokali u reġjonali, sabiex titħeġġeġ l-azzjoni fil-livell lokali u reġjonali u jintlaħqu l-miri miftiehma fil-COP21 f’Pariġi;

28.

jistieden lill-Kummissjoni biex taġġorna l-objettivi tagħha dwar il-klima u l-enerġija biex tikseb tnaqqis ta’ 50 % fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra sal-2030 meta mqabbla mal-livelli tal-1990, u biex tintegra l-adattament fil-politiki u tarmonizza l-finanzjament fil-livelli kollha. Il-Kummissjoni għandha tappoġġja inizjattivi volontarji li jippromovu t-tranżizzjoni reżiljenti u b’karbonju baxx fil-bliet u fir-reġjuni kollha. Ir-rapport ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istrateġija tal-UE dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima jeħtieġ li jinkludi kjarifika dwar l-għoti tas-setgħa tar-reġjuni u l-bliet;

L-iżvilupp sostenibbli

29.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tappoġġja l-implimentazzjoni ta’ strateġiji għat-tnaqqis tar-riskju tad-diżastri fil-bliet u r-reġjuni, speċjalment fir-reġjuni transkonfinali, u biex tiżgura li l-investimenti tal-UE jirrispettaw standards għat-tnaqqis tar-riskju tad-diżastri;

30.

jilqa’ t-tnedija tal-Pjattaforma tal-UE għall-ħela u t-telf tal-ikel u jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni fil-qasam tal-ħela tal-ikel billi tistabbilixxi mira ambizzjuża għat-tnaqqis tal-ħela tal-ikel; din għandha tkun inkorporata fi strateġija għal sistemi alimentari sostenibbli fl-UE kollha, inklużi l-ħarsien tal-bijodiversità, l-ambjent, is-saħħa, il-kummerċ, il-ġestjoni tar-riżorsi u l-art, kif ukoll il-valuri soċjali u kulturali tal-ikel;

31.

jistieden lill-Kummissjoni tqis ir-rakkomandazzjonijiet tal-KtR waqt l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni għal Ekonomija Ċirkolari, u biex tippreżenta kmieni fl-2017 ir-reviżjoni ppjanata tad-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb, il-proposta għal Regolament dwar ir-rekwiżiti ta’ kwalità minimi għall-ilma li jintuża mill-ġdid, u l-istrateġija dwar l-użu, l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ tal-plastik, li għandha tistabbilixxi miri ċari u ambizzjużi għall-iskart u l-lissija tal-plastik; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi inizjattivi addizzjonali relatati mas-settur tal-kostruzzjoni u d-demolizzjoni, id-dispożizzjonijiet dwar l-eko-disinn u l-użu ta’ materja prima, sustanzi u komponenti sekondarji;

32.

jinsab lest u jixtieq isaħħaħ il-kooperazzjoni tiegħu mal-Kummissjoni dwar l-azzjonijiet tant mistennija relatati mal-Objettiv 4 tas-7 Programm ta’ Azzjoni Ambjentali (EAP) 2014-2020 tal-Unjoni Ewropea permezz tal-Pjattaforma Teknika għall-Kooperazzjoni dwar l-Ambjent; jiddispjaċih li l-inizjattivi ppjanati għall-2017 mhumiex leġislattivi, u jtenni t-talba tiegħu għal proposta għal direttiva tal-UE, li għandha tistabbilixxi dispożizzjonijiet tal-assigurazzjoni tal-konformità mal-acquis ambjentali tal-UE, u għal direttiva ġdida dwar l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali;

33.

b’konformità mad-Dikjarazzjoni reċenti Cork 2.0, itenni t-talba tiegħu għal White Paper dwar iż-żoni rurali sabiex isservi bħala punt ta’ tluq għal politika ta’ żvilupp rurali għal wara l-2020, u jappella għal miżuri prattiċi għall-“verifika rurali” tal-politiki tal-UE minħabba li ż-żoni rurali ta’ spiss huma minsija u skonnessi mill-iżviluppi ewlenin ta’ politika;

34.

fil-kuntest tal-preparazzjonijiet tal-PAK lil hinn mill-2020, jenfasizza l-interkonnessjoni qawwija bejn l-iżvilupp rurali u l-agrikoltura, u għalhekk jappella għal miżuri ta’ appoġġ għall-irziezet tal-familja, b’mod partikolari li tiġi indirizzata l-volatiltà tal-prezzijiet ta’ prodotti agrikoli;

35.

ser ikompli jaħdem għal governanza sostenibbli tal-oċean għall-benefiċċju tar-reġjuni kostali u marittimi Ewropej u l-ekonomiji tal-baħar u marittini tagħhom; bil-għan li jwassal għal tkabbir u impjiegi blu, il-KtR ser jaħdem mill-qrib mar-reġjuni u l-partijiet interessati kollha dwar il-governanza u l-bini tal-kapaċità, biex jintlaħqu l-isfidi fil-katina tal-produzzjoni tal-ikel, biex tonqos il-pressjoni fuq l-ambjent ikkawżata minn prattiki tas-sajd illegali u t-tniġġis kif ukoll dwar l-għarfien tal-baħar, ix-xjenza u l-innovazzjoni;

36.

jiddispjaċih li l-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni għall-2017 ma jagħtix biżżejjed attenzjoni lis-saħħa, meta l-Kummissjoni għandha tappoġġja lill-Istati Membri u r-reġjuni tagħhom fl-isforzi tagħhom biex iżidu l-prevenzjoni u jirriformaw u jottimizzaw is-sistemi tas-saħħa tagħhom, b’mod partikolari permezz ta’ soluzzjonijiet tas-saħħa elettronika, u biex jiżviluppaw strateġiji komprensivi dwar id-demografija;

L-istrateġija tas-suq uniku, l-SMEs, l-industrija, il-kompetizzjoni u s-Suq Uniku Diġitali

37.

jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni biex tressaq miżuri biex jissaħħaħ is-suq uniku tal-prodotti, partikolarment fir-rigward tar-rikonoxximent reċiproku u prodotti mhux konformi, u jissottolinja l-ħtieġa li titkompla l-ħidma dwar it-tlestija tas-suq uniku għas-servizzi, li bir-raġun huwa fokus importanti tal-Istrateġija tas-Suq Uniku;

38.

itenni t-talba tiegħu li l-pilastru tas-Suq Uniku jinġi inkluż fis-Semestru Ewropew, b’sistema ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni regolari;

39.

jinnota l-intenzjoni tal-Kummissjoni biex tiddefendi l-industrija tal-Ewropa u jenfasizza li l-kompetittività industrijali Ewropea tiddependi wkoll minn katina ta’ provvista kompetittiva u li l-politika kummerċjali taqdi rwol importanti f’dan ir-rigward;

40.

jenfasizza l-importanza li tinħoloq regolamentazzjoni intelliġenti u jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq l-SMEs, notevolment billi jitkompla jissaħħaħ il-programm REFIT u jiġi żgurat li l-impatt fuq l-SMEs jitqies sistematikament meta jissawwru regoli ġodda;

41.

jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-ħolqien ta’ “Forum tal-bliet dwar l-ekonomija kollaborattiva”, bil-KtR ikun parti interessata ewlenija; bl-istess mod, jinnota b’dispjaċir in-nuqqas ta’ kwalunkwe proposta biex jiġu ssalvagwardjati d-drittijiet f’forom ġodda ta’ impjiegi li jirriżultaw mid-diġitalizzazzjoni;

42.

jenfasizza l-ħtieġa li tiġi riveduta d-Deċiżjoni u l-Qafas dwar is-Servizzi ta’ Interess Ekonomiku Ġenerali (SIEĠ), u jappella lill-Kummissjoni biex tniedi konsultazzjoni pubblika fl-2017 sabiex l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu jistgħu jippreżentaw il-pożizzjoni tagħhom dwar id-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom fir-rigward tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat fil-finanzjament tas-SIEĠ;

43.

jenfasizza r-rwol fundamentali li għandha sistema effiċjenti ta’ akkwist pubbliku f’termini tal-kapaċità tal-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jiksbu l-għanijiet tal-UE dwar l-investiment u jistieden lill-Kummissjoni biex tipprovdi assistenza sabiex tiġi żgurata implimetazzjoni sħiħa tad-Direttivi dwar l-Akkwist Pubbliku, u biex tivvaluta d-diffikultajiet li jiffaċċjaw l-awtoritajiet lokali u reġjonali meta japplikatw id-Direttivi dwar l-Akkwist Pubbliku;

44.

itenni t-talba tiegħu għal strateġija mġedda Ewropea dwar it-turiżmu taħt linja tal-baġit apposta għat-turiżmu fl-UE u jħeġġeġ kemm lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Istati Membri biex jiffaċilitaw l-aċċess għall-finanzjament għall-intrapriżi turistiċi żgħar u ta’ daqs medju;

45.

jilqa’ b’sodisfazzjon l-isforzi tal-Kummissjoni biex tlesti l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali, inkluż permezz tal-akkwist elettroniku, u ser jipprovdi l-kontribut tiegħu permezz tal-Pjattaforma Parteċipattiva tal-Broadband li ġiet stabbilita issa b’mod konġunt; jenfasizza l-ħtieġa li ż-żoni Ewropej kollha jibbenefikaw mis-Suq Uniku Diġitali, billi jkollhom aċċess għal konnessjonijiet tal-broadband ta’ veloċità għolja;

Il-ġustizzja, is-sigurtà, id-drittijiet fundamentali u l-migrazzjoni

46.

jenfasizza li l-migrazzjoni hija proċess kumpless, b’diversi livelli, fejn il-pajjiżi, ir-reġjuni u l-bliet ta’ destinazzjoni u ta’ oriġini għandhom rwol importanti. Huwa importanti li jiġu promossi djalogu msaħħaħ u kooperazzjoni eqreb bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet kemm tal-UE kif ukoll tal-pajjiżi ta’ oriġini u ta’ transitu tal-migranti u tal-livelli reġjonali u lokali rispettivi tagħhom;

47.

għalhekk jistieden lill-Kummissjoni biex tqis ir-rakkomandazzjonijiet tal-KtR dwar il-protezzjoni tar-refuġjati fil-pajjiżi ta’ oriġini tagħhom u dwar il-qafas il-ġdid għal ftehimiet ta’ sħubija;

48.

jitlob li jiġu appoġġjati l-awtoritajiet lokali u reġjonali meta jimplimentaw ir-riforma tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil u l-istrumenti oħra tal-UE żviluppati abbażi tal-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni, bħad-dispożizzjonijiet riveduti dwar il-migrazzjoni legali u l-pjan ta’ azzjoni dwar l-integrazzjoni; jitlob lill-Kummissjoni biex tinkludi r-rakkomandazzjonijiet tal-KtR dwar l-integrazzjoni tal-migranti fir-reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni; ifakkar li l-integrazzjoni hija proċess ibbażat kemm fuq id-drittijiet kif ukoll fuq id-dmirijiet;

49.

huwa mħasseb dwar id-diffikultajiet involuti fil-monitoraġġ tal-preżenza ta’ minorenni mhux akkumpanjati u r-riskju li dawn jisfgħu vittmi ta’ traffikar u ta’ sfruttament; jitlob bil-qawwa li jiġu implimentati programmi ta’ inklużjoni u taħriġ, kemm għall-minorenni stess kif ukoll għall-amministrazzjonijiet lokali u reġjonali li jittrattaw l-akkoljenza tagħhom; jitlob ukoll sabiex il-komunitajiet ta’ oriġini ta’ minorenni li diġa huma stabbiliti fil-pajjiż ospitanti jiġu involuti biex ikun żgurat li l-minorenni jkunu jistgħu jgħixu temporanjament ma’ familji ospitanti jew f’faċilitajiet attrezzati sew fejn jista’ jiġi appoġġjat l-iżvilupp soċjali, emozzjonali u konjittiv tagħhom;

50.

jistieden lill-Kummissjoni sabiex tipprovdi lill-awtoritajiet lokali u reġjonali b’tagħrif speċifiku u prattiku dwar il-possibilitajiet ta’ finanzjament għall-akkoljenza u l-integrazzjoni tal-migranti u jtenni t-talba tiegħu għall-promozzjoni ta’ aċċess dirett mill-awtoritajiet lokali u reġjonali għall-istrumenti finanzjarji rilevanti tal-UE;

51.

jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġja lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jiżviluppaw strateġiji preventivi għall-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni, tkompli tiġbor u tippubblika l-aħjar prattiki dwar kif tiġi pprevenuta r-radikalizzazzjoni permezz ta’ tfassil ta’ politiki fil-livell reġjonali u lokali, u tappoġġja l-kooperazzjoni bejn il-bliet fil-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni;

Politika kummerċjali tal-UE

52.

jinnota li l-Kummissjoni beħsiebha tkompli n-negozjati kummerċjali mal-Istati Uniti, il-Ġappun, il-Mercosur, il-Messiku, it-Tuneżija u l-pajjiżi tal-ASEAN kif ukoll li tfittex mandati ġodda biex jinfetħu n-negozjati mat-Turkija, l-Awstralja, in-New Zealand u ċ-Ċilì, iżda jqis li l-Kummissjoni għandha tagħmel aktar sforzi biex turi l-valur miżjud tagħhom;

53.

itenni, b’mod partikolari fid-dawl tal-aġenda kummerċjali ambizzjuża tal-futur, li l-Kummissjoni għandha takkumpanja kull inizjattiva sinifikanti fil-qasam tal-politika tal-kummerċ b’valutazzjonijiet tal-impatt territorjali;

L-istabbiltà u l-kooperazzjoni barra mill-Unjoni Ewropea

54.

jilqa’ l-fatt li l-Istrateġija Globali tal-UE titlob b’mod espliċitu li s-sħubijiet esterni jiġu mġedda u tiddikjara li l-UE ser tappoġġja mogħdijiet differenti għar-reżiljenza fil-viċinat tagħha, billi timmira lejn l-aktar każi akuti ta’ fraġilità governattiva, ekonomika, soċjetali u fil-klima/enerġija, kif ukoll tiżviluppa politiki dwar il-migrazzjoni aktar effettivi għall-Ewropa u l-imsieħba tagħha;

55.

jenfasizza l-kontribut tal-KtR, permezz tal-kumitati konsultattivi konġunti u l-gruppi ta’ ħidma kif ukoll l-organizzazzjoni ta’ Jiem dwar it-Tkabbir mal-imsieħba minn pajjiżi ta’ adeżjoni, għall-għan tal-politika tat-tkabbir tal-Kummissjoni li jitrawwmu stabbiltà u prosperità kondiviża mal-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali;

56.

jenfasizza li l-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) jista’ jkollha impatt dejjiemi biss jekk ikollha benefiċċji prattiċi għall-benefiċjarji kollha, u jenfasizza li jeħtieġ li jinżamm bilanċ bejn il-viċinat tal-Lvant u dak tan-Nofsinhar; jenfasizza r-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fit-tisħiħ tad-demokrazija u l-istat tad-dritt fis-soċjetà, filwaqt li jħeġġeġ li jiġi pprovdut aktar appoġġ għal riformi ta’ deċentralizzazzjoni fil-pajjiżi tal-viċinat;

57.

jenfasizza li l-kooperazzjoni reġjonali tagħti kontribut sinifikanti għall-istabbiltà globali u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex iżżid il-kooperazzjoni mal-Assemblea Reġjonali u Lokali Ewro-Mediterranja (ARLEM) u l-Konferenza tal-Awtoritajiet Reġjonali u Lokali għas-Sħubija tal-Lvant (CORLEAP), kif ukoll it-Task Force tal-Ukrajna tal-KtR, speċjalment meta jiġu implimentati programmi reġjonali u inizjattivi ġodda;

58.

jenfasizza l-ħtieġa li, meta tiġi implimentata l-PEV riveduta, tingħata prijorità għolja lill-inizjattivi li jappoġġjaw il-proċessi ta’ deċentralizzazzjoni, il-ġemellaġġ u t-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva fil-livell sottonazzjonali; jiġbed l-attenzjoni għall-Inizjattiva Nicosia mnedija mill-KtR b’appoġġ għal bliet Libjani, u li għenet tqabbel il-ħtiġijiet mal-appoġġ tekniku sabiex il-muniċipalitajiet Libjani jkunu jistgħu jerġgħu jiksbu l-kapaċità tagħhom bħala provvedituri ta’ servizzi; jitlob lill-Kummissjoni sabiex tappoġġja iktar dawn it-tipi ta’ kooperazzjoni minn isfel għal fuq u tipprovdi biżżejjed riżorsi amministrattivi u finanzjarji; itenni l-ħtieġa biex jiġu introdotti għodod ġodda għat-tisħiħ tal-kapaċità fil-pajjiżi ta’ adeżjoni u l-pajjiżi tal-PEV sabiex jieħdu post dik li qabel kienet il-Faċilità tal-Amministrazzjoni Lokali;

59.

jappoġġja l-iżviluppi reċenti wara l-fużjoni bejn il-Patt tas-Sindki għall-Klima u l-Enerġija tal-UE u l-Compact of Mayors biex tinħoloq l-akbar koalizzjoni ta’ bliet impenjati għal azzjoni dwar il-klima, u huwa lest li juża l-kanali internazzjonali, il-kuntatti, il-kontropartijiet u s-sħubijiet tiegħu (l-ARLEM għall-Patt tan-Nofsinhar u l-Patt tal-Afrika, il-CORLEAP għall-Patt tal-Lvant, l-ICLEI u s-Sħubija tal-Urbanizzazzjoni UE-Ċina għall-Amerika ta’ Fuq u l-Asja tax-Xlokk, eċċ.) sabiex ikompli jżid l-isforzi lejn il-mitigazzjoni, l-adattament u r-reżiljenza għat-tibdil fil-klima u l-isfidi ta’ żvilupp sostenibbli;

60.

jitlob lill-Kummissjoni biex tikkoopera mill-qrib mal-KtR sabiex jiġu promossi t-tħassib, l-esperjenza u l-kontributi speċifiċi tal-bliet Ewropej fl-istruttura l-ġdida ta’ governanza tal-Patt Globali;

61.

jilqa’ l-Qafas Ġdid ta’ Sħubija propost ma’ pajjiżi terzi u l-Pjan ġdid ta’ Investiment Estern Ewropew u jitlob li l-awtoritajiet reġjonali u lokali jiġu involuti f’dan il-proċess;

62.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippromovi l-involviment attiv tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp matul in-negozjati dwar ir-rieżami tal-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU u dwar il-Ftehim ta’ wara Cotonou, li ser ikun il-fokus tal-Konferenza dwar il-Kooperazzjoni Deċentralizzata tal-KtR f’Marzu 2017;

Iċ-ċittadinanza, il-governanza u tfassil aħjar tal-liġijiet

63.

jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi r-regolament dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (ECI) biex jiġi ssemplifikat u jitjieb il-qafas legali ta’ din l-għodda;

64.

jilqa’ l-inizjattiva REFIT tal-Kummissjoni u b’mod partikolari l-proposta biex jiġu evalwati t-trasparenza u l-kontroll demokratiku tal-proċeduri għal atti delegati u ta’ implimentazzjoni u għal ċerti atti sekondarji;

65.

itenni t-talba tiegħu biex fil-fażi tal-valutazzjoni tal-impatt ta’ leġislazzjoni ġdida tal-UE jiġu inklużi, fejn meħtieġa, Valutazzjonijiet tal-Impatt Territorjali; jissuġġerixxi kooperazzjoni eqreb bejn il-KtR u ċ-Ċentru ta’ Kompetenza tal-Politiki Territorjali li ġie stabbilit reċentement miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka meta tiġi vvalutata l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni tal-UE;

66.

jitlob li jkun hemm aktar trasparenza, kooperazzjoni u effiċjenza mill-istituzzjonijiet tal-UE u jilqa’ l-impenn kondiviż tagħhom skont il-ftehim interistituzzjonali dwar it-tfassil aħjar tal-liġijiet biex jistabbilixxu b’mod konġunt objettivi u prijoritajiet wiesa’, b’mod partikolari għal proposti leġislattivi; jappella biex il-KtR jiġi inkluż fl-istadji kollha tal-proċess leġislattiv bil-għan li jiġi sfruttat bis-sħiħ il-potenzjal tiegħu fiċ-ċiklu leġislattiv;

67.

jistenna kooperazzjoni dejjem aktar mill-qrib mal-Kummissjoni u l-Parlament Ewropew fil-monitoraġġ tas-sussidjarjetà, u fir-rigward tal-Konferenza tiegħu għas-Sussidjarjetà tal-2017;

68.

jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jibgħat din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Parlament Ewropew, lill-Presidenza Slovakk tal-Kunsill tal-UE u lill-President tal-Kunsill Ewropew.

Brussell, it-8 ta’ Diċembru 2016.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Markku MARKKULA


Top