Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016XR2848

    Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni – Il-kontribut tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni għall-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni Ewropea għall-2017

    ĠU C 17, 18.1.2017, p. 4–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    18.1.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 17/4


    Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni – Il-kontribut tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni għall-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni Ewropea għall-2017

    (2017/C 017/02)

    Imressaq mill-Gruppi Politiċi tal-PSE, il-PPE, l-ALDE, l-AE u l-KRE

    IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-4 ta’ Ġunju 2015 dwar il-prijoritajiet tiegħu għall-2015-2020 u tal-4 ta’ Diċembru 2015 dwar il-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni Ewropea għall-2016, u l-Protokoll ta’ Kooperazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea ta’ Frar 2012;

    wara li kkunsidra l-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità, iqis li huwa importanti li l-ħidma tal-Kumitat tkompli turi l-impenn tiegħu għar-rispett ta’ dawn il-prinċipji, bl-implimentazzjoni ta’ approċċ ta’ politika integrat u f’diversi livelli, u jistenna involviment dejjem akbar tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet Ewropew;

    Impjiegi, tkabbir, investiment u politika ta’ koeżjoni

    1.

    jitlob lill-Kummissjoni biex tressaq kemm jista’ jkun malajr, abbażi tar-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-Istrateġija Ewropa 2020 u l-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti, strateġija ġdida għall-perjodu fit-tul għall-iżvilupp sostenibbli tal-UE minn issa sal-2030 (strateġija Ewropea dwar is-sostenibbiltà);

    2.

    jenfasizza r-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jindirizzaw l-ostakli għall-investiment, kif enfasizzat fir-Rapporti tal-Pajjiżi tal-2016 u fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi, u li l-livelli kollha tal-gvern għandhom jaħdmu flimkien fi sħubija biex jidentifikaw u jindirizzaw dawn l-ostakli fil-pajjiżi rispettivi tagħhom;

    3.

    iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-BEI biex jieħdu aktar passi biex jiżguraw il-komplementarjetajiet u l-addizzjonalità bejn il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) u l-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE) kif ukoll il-programmi l-oħra ffinanzjati mill-UE; itenni l-appell tiegħu għall-involviment tal-KtR fl-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-Pjan ta’ Investiment b’mod partikolari b’rabta mal-promozzjoni tal-pjattaformi ta’ investiment u mal-analiżi tal-impatt reali tal-FEIS biex jindirizza d-distakk fl-investiment fil-livelli reġjonali u lokali;

    4.

    jisħaq li l-Kummissjoni Ewropea – f’kooperazzjoni mal-Bank Ewropew tal-Investiment – għandha tfisser b’mod ċar liema rwol ser jingħata lill-banek promozzjonali reġjonali u istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn fis-sistema ta’ pjattaformi ta’ investiment, li għandha tinbena bħala mezz għat-twettiq tal-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa (1);

    5.

    jisħaq li tinħtieġ semplifikazzjoni biex issaħħaħ l-impatt u l-użu aħjar tal-programmi tal-FSIE u jissuġġerixxi l-adozzjoni rapida ta’ għadd ta’ miżuri ta’ semplifikazzjoni għall-perjodu ta’ programmazzjoni attwali; jissuġġerixxi fl-istess ħin li tiżdied il-ħidma dwar rieżami fundamentali tas-sistema implimentattiva tal-politika ta’ koeżjoni għall-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss permezz ta’ żieda fl-intensità tax-xogħol fi ħdan il-Grupp ta’ Livell Għoli dwar is-Semplifikazzjoni, billi jingħata bidu għal djalogu komprensiv f’diversi livelli b’mod partikolari mal-awtoritajiet lokali u reġjonali;

    6.

    jissuġġerixxi li jiġu żviluppati eżenzjonijiet aktar wiesgħa tal-infiq tal-FSIE mir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat;

    7.

    jilqa’ bi pjaċir ir-rieżami transkonfinali (Cross-Border Review) biex jitneħħew l-ostakli legali u amministrattivi għall-kooperazzjoni transkonfinali u jħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta azzjonijiet konkreti fl-2017 għat-tneħħija ta’ dawn l-ostakli anke billi tqis il-proposta tal-Presidenza Lussemburgiża tal-UE għal “Konvenzjoni transkonfinali Ewropea dwar dispożizzjonijiet speċifiċi f’reġjuni tal-fruntiera”; jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja mill-qrib l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2011/24/UE dwar il-kura tas-saħħa transkonfinali bl-għan li tindirizza n-nuqqasijiet potenzjali tagħha;

    8.

    jinnota b’dispjaċir li l-eżerċizzji ta’ rieżami ta’ nofs it-terminu ta’ diversi programmi u inizjattivi tal-UE, li għandhom jiġu finalizzati fit-tielet kwart tal-2017, mhumiex allinjati mar-rieżami/reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) attwali; għaldaqstant iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkonkludi r-rieżamijiet tagħhom sal-1 ta’ Lulju 2017 u tgħaddi għal proposta komprensiva għall-QFP li jmiss, li għandha tiġi ppreżentata sal-1 ta’ Jannar 2018; jittama, f’dan il-kuntest, li d-dewmien fir-rieżamijiet ta’ dawn il-programmi ma jwassalx biex l-adozzjoni tal-proposti leġislattivi għall-QFP li jmiss tieħu iżjed fit-tul;

    9.

    jenfasizza l-importanza li tiġi implimentata l-Aġenda Urbana tal-UE, miftiehma mill-Kapijiet ta’ Stat u ta’ Gvern, fi sħubija mal-awtoritajiet lokali u reġjonali. Jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat li l-Aġenda Urbana tal-UE tkun konsistenti mal-Aġenda tal-UE għal Regolamentazzjoni Aħjar; jappella sabiex l-Aġenda Urbana tal-UE tkun inkluża fil-Programm ta’ Ħidma Annwali tal-Kummissjoni għall-2017 u jissuġġerixxi li titħejja White Paper dwar l-implimentazzjoni tal-Aġenda Urbana tal-UE biex tiġi inkluża fil-Programm ta’ Ħidma Annwali għall-2017;

    10.

    jistieden lill-Kummissjoni biex tinkludi t-tfassil ta’ viżjoni territorjali għall-2050 fil-programm ta’ ħidma annwali tagħha għall-2017. Jenfasizza l-ħtieġa għal viżjoni territorjali ġdida peress li l-Iskema għall-Iżvilupp tal-Ispazju Ewropew tal-1999 teħtieġ li tiġi aġġornata, kif enfasizzat fil-konklużjonijiet tal-laqgħa ministerjali tas-27 ta’ Novembru 2015 dwar il-koeżjoni territorjali u l-politika urbana;

    11.

    jistieden lill-Kummissjoni biex tiffoka l-isforzi fuq it-tneħħija tal-konġestjoni tat-trasport u fuq il-provvista ta’ konnessjonijiet transkonfinali adatti b’mod partikolari billi tindirizza l-kwistjoni ta’ konnessjonijiet tat-trasport transkonfinali neqsin fil-livelli lokali u reġjonali. Għandu jingħata finanzjament adatt b’mod partikolari għal infrastrutturi fuq skala żgħira b’rilevanza transkonfinali; jistenna li l-Kummissjoni Ewropea tippreżenta proposta konkreta u skeda ta’ żmien għall-introduzzjoni ta’ għodda ta’ ppjanar tal-vjaġġi transkonfinali u multimodali u sistemi tal-biljetti tat-trasport interoperabbli u integrati;

    12.

    itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni Ewropea biex tippubblika Green Paper dwar il-mobbiltà f’reġjuni li għandhom sfidi ġeografiċi u demografiċi;

    13.

    iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tniedi mill-ġdid id-dibattitu dwar “Lil hinn mill-PDG” u teżamina l-bżonn u l-fattibbiltà li jiġu żviluppati indikaturi komplementari għall-prestazzjoni ekonomika, il-benesseri u l-iżvilupp sostenibbli;

    14.

    jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea tiżviluppa “garanzija ta’ kwalifiki u ħiliet minimi”, rikonoxxuta u validata fl-Istati Membri kollha, mingħajr ma tinterferixxi fir-responsabbiltà tal-Istati Membri għall-kontenut tat-tagħlim u l-organizzazzjoni tas-sistemi edukattivi skont l-Artikolu 165 tat-TFUE u jistenna li l-arranġamenti għar-rikonoxximent tat-tagħlim mhux formali u informali ikunu fis-seħħ sa mhux aktar tard mill-2018; jenfasizza l-ħtieġa tat-tlaqqigħ tal-ħiliet tax-xogħol mal-bżonnijiet tas-suq b’kunsiderazzjoni tal-ħtiġijiet ta’ taħriġ taż-żgħażagħ qiegħda fil-programm ta’ ħidma annwali tal-Kummissjoni għall-2017;

    15.

    jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa strateġija tal-UE dwar it-tibdil demografiku, kif ukoll tinkludi fl-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-Istrateġija Ewropa 2020 inizjattiva ewlenija dwar kwistjonijiet demografiċi, u biex tidħol fi djalogu bikri mal-KtR dwar id-definizzjoni futura ta’ reġjuni li jbatu minn żvantaġġi demografiċi serji u permanenti;

    16.

    jistenna li fil-bidu tal-2017 il-Kummissjoni tippreżenta proposta leġislattiva għall-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali sabiex tiġi indirizzata l-asimmetrija bejn il-libertajiet ekonomiċi u d-drittijiet soċjali;

    17.

    iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex tippreżenta qafas legali li jkun ikopri sensiela ta’ definizzjonijiet komuni applikabbli għall-forom Ewropej differenti tal-ekonomija soċjali, jiġifieri, għall-kooperattivi, il-fondazzjonijiet, is-soċjetajiet reċiproċi u l-assoċjazzjonijiet biex jippermetti lill-intrapriżi tal-ekonomija soċjali joperaw fuq bażi legali sigura u b’hekk igawdu l-benefiċċji tas-suq intern u l-libertà tal-moviment.

    18.

    iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipproponi Strateġija ġdida għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri u d-Drittijiet tan-Nisa 2016-2020 u tressaq proposta leġislattiva għar-reviżjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE dwar il-liv tal-maternità;

    19.

    jistieden lill-Kummissjoni, bil-parteċipazzjoni tal-KtR u tal-Istati Membri, tibgħat it-tieni Rapport tagħha dwar l-Istrateġija Ewropea dwar id-Diżabbiltà 2010-2020 u tanalizza l-possibbiltà li l-istrateġija tiġi żviluppata aktar;

    20.

    jistieden lill-Kummissjoni tindirizza l-fenomenu ta’ “kumpaniji tal-isem” (letterbox companies);

    21.

    beħsiebu jikkontribwixxi għas-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali 2018 billi jwassal l-għarfien dwar il-wirt kulturali lil udjenza usa’ fil-livell lokali;

    22.

    jenfasizza l-ħtieġa ta’ strateġija Ewropea mġedda dwar it-turiżmu u jirrimarka li f’dan il-kuntest, il-Kumitat tar-Reġjuni beda ħidma fuq opinjoni dwar “It-turiżmu bħala forza li tmexxi l-kooperazzjoni reġjonali madwar l-UE” u ser jibgħat il-proposti tiegħu dwar l-istrateġija Ewropea mġedda lill-Kummissjoni Ewropea;

    23.

    jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra b’mod aktar sistematiku d-dimensjoni rurali fl-oqsma ta’ politika kollha tal-UE u biex tħejji White Paper dwar iż-żoni rurali li sservi bħala punt ta’ tluq għal politika dwar l-iżvilupp rurali wara l-2020;

    24.

    jistieden lill-Kummissjoni tippromovi aktar tkabbir blu permezz ta’ pjan ġdid komprensiv għall-iżvilupp tal-ekonomija blu fl-Ewropa, ibbażat b’mod partikolari fuq strateġija komuni Ewropea dwar l-immappjar tal-kosta u d-data marittima sabiex jgħin fl-iżvilupp tal-ekonomija blu permezz ta’ disponibilità aħjar tad-data filwaqt li tiġi evitata l-frammentazzjoni u jsir użu ta’ sinerġiji transkonfinali. jitlob ukoll it-twaqqif ta’ Komunità ta’ Għarfien u Innovazzjoni għall-Ekonomija Blu;

    25.

    jistieden lill-Kummissjoni sabiex tinkorpora l-prinċipju ta’ investiment li huwa reżiljenti għad-diżastri fil-politiki u l-Fondi tagħha. Jistieden lill-Kummissjoni, biex, f’konsultazzjoni u kooperazzjoni mal-gvernijiet lokali, reġjonali u nazzjonali u ma’ partijiet interessati, tipprovdi gwida dwar xi jfisser għall-Ewropa l-Qafas ta’ Sendai dwar it-Tnaqqis tar-Riskju ta’ Diżastri u kif dan jista’ jiġi implimentat bl-aħjar mod;

    Żvilupp sostenibbli

    26.

    jistieden lill-Kummissjoni timplimenta bis-sħiħ il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Ekonomija Ċirkolari u tevalwa l-ħtieġa li fl-2017 tippreżenta l-proposti neċessarji li jinkludu strateġija ambizzjuża dwar il-plastik f’ekonomija ċirkolari, kif ukoll proposta għal leġislazzjoni li tistabbilixxi rekwiżiti minimi ta’ kwalità b’rabta mal-ilma li jintuża mill-ġdid, kif ukoll inizjattivi ġodda dwar is-settur tal-kostruzzjoni u d-demolizzjoni;

    27.

    jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjonijiet tal-impatt territorjali fuq il-miri vinkolanti u ambjentali eżistenti kollha;

    28.

    iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tagħmel rieżami tal-miri tal-klima tal-UE u l-mezzi neċessarji għall-implimentazzjoni tagħhom skont l-objettivi globali adottati waqt il-COP21 f’Pariġi; ifakkar lill-Kummissjoni dwar ir-rakkomandazzjoni inizjali tagħha ta’ tnaqqis ta’ 50 % tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra sal-2030 meta mqabbel mal-livelli tal-1990. Jemmen li kwalunkwe objettiv ġdid għandu jgħaddi minn valutazzjoni territorjali tal-impatt u m’għandux jillimita d-dritt tal-Istati Membri li jiddeterminaw it-taħlita tal-enerġija tagħhom;

    29.

    jistieden lill-Kummissjoni biex tpoġġi fil-prattika l-Preambolu 15 tal-ftehim globali dwar il-klima li jirrikonoxxi l-importanza ta’ approċċ ta’ governanza f’diversi livelli, li ma jinkludix biss bliet, iżda wkoll reġjuni;

    30.

    jitlob li jkun assoċjat mal-Forum tal-UE dwar l-Infrastruttura tal-Enerġija biex jirrappreżenta leħen l-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-proċess tat-tfassil tal-politika fir-rigward tal-investiment fl-infrastruttura tal-enerġija, b’mod partikolari fil-qasam tal-ġenerazzjoni deċentralizzata tal-enerġija, inklużi l-mikroproduzzjoni u d-distribuzzjoni;

    31.

    jitlob li jkun involut, sa mill-istadji bikrija tal-proċess ta’ ppjanar tal-politika, fir-rieżami tad-Direttivi tal-UE dwar l-effiċjenza enerġetika, il-promozzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u d-disinn tas-suq tal-elettriku;

    32.

    jistieden lill-Kummissjoni tipproponi aktar inizjattivi speċifiċi fil-qasam tal-produzzjoni ta’ elettriku u sħana fl-istess ħin u tan-netwerks ta’ tisħin u tkessiħ distrettwali bil-ħsieb li jkomplu jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 u biex tiżdied is-sigurtà tal-enerġija;

    33.

    iqis li l-Kummissjoni għandha żżid l-ambizzjonijiet tagħha dwar il-politika tal-enerġija rinnovabbli billi tappoġġja, tadatta u xxerred aktar il-mudell tal-Patt tas-Sindki fi ħdan u barra l-UE, u b’hekk tgħin biex tittrasforma l-governanza urbana, l-azzjoni klimatika u l-involviment taċ-ċittadini b’mod aktar konsistenti u sostenibbli;

    34.

    jappella għal implimentazzjoni sħiħa tas-7 Programm ta’ Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni Ewropea 2014-2020 u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposta għal Direttiva tal-UE bil-għan li tistabbilixxi d-dispożizzjonijiet tal-assigurazzjoni tal-konformità mal-acquis ambjentali tal-UE (2);

    35.

    jappella għall-implimentazzjoni sħiħa tal-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità sal-2020, u konsegwentament iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreżenta fl-2017 l-inizjattiva tagħha li ilha ħafna mistennija dwar l-ebda telf nett tal-bijodiversità u s-servizzi tal-ekosistemi; itenni wkoll l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni sabiex ma tirrevedix id-Direttivi dwar in-Natura, iżda tippreżenta f’qasir żmien Komunikazzjoni li tinkludi azzjoni konkreta biex tappoġġja l-implimentazzjoni tagħhom b’mod aħjar (3).

    36.

    jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta Komunikazzjoni dwar l-Ikel Sostenibbli, li tistabbilixxi qafas ta’ politika koerenti għall-UE kollha li jindirizza s-sostenibbiltà tal-agrikoltura, il-produzzjoni tal-ikel u l-katina tal-provvista u l-aspetti kummerċjali, u jfakkar lill-Kummissjoni Ewropea fit-talba tiegħu fil-passat biex jiġu stabbiliti aktar objettivi speċifiċi biex il-ħela tal-ikel jitnaqqas bi 30 % sal-2025 (4). Itenni wkoll it-talba tiegħu għall-introduzzjoni ta’ logo ġdid u għall-identifikazzjoni ta’ simbolu u skema ta’ identità komuni għall-prodotti lokali;

    37.

    jistieden lill-Kummissjoni tippubblika strateġija ġdida dwar l-alkoħol 2016-2025, ibbażata fuq l-aħħar evidenza u filwaqt li tikkunsidra t-tibdil soċjetali u tappoġġja programmi diġà introdotti fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali;

    Suq intern u kompetizzjoni

    38.

    jappoġġja s-sejħa tal-Parlament Ewropew għall-inklużjoni tal-pilastru tas-Suq Uniku fis-Semestru Ewropew, b’sistema ta’ monitoaġġ u evalwazzjoni regolari;

    39.

    jilqa’ bi pjaċir il-pakkett mistenni dwar is-semplifikazzjoni tal-VAT għall-SMEs u l-inizjattiva tal-Istart-ups bħala passi konkreti sabiex inaqqsu l-piż regolatorju u amministrattiv fuqhom; jenfasizza l-ħtieġa għal ħafna aktar semplifikazzjoni regolatorja b’mod partikolari rigward l-aċċess tal-SMEs għall-akkwist pubbliku u l-parteċipazzjoni tagħhom fi proġetti finanzjati mill-FSIE;

    40.

    jilqa’ bi pjaċir l-attenzjoni tal-Kummissjoni għall-ekonomija kondiviża jew kollaborattiva, iżda jtenni li kwalunkwe inizjattiva regolatorja iebsa għandha żżomm approċċ settorjali u tqis l-iskala tal-inizjattiva bħala kriterju għat-tfassil ta’ linji regolatorji;

    41.

    jemmen li l-Kummissjoni għandha tirreaġixxi aktar għall-isfidi sinifikanti ta’ finanzjament li s-servizzi ta’ interess ġenerali jiffaċċjaw u, għaldaqstant, jistieden lill-Kummissjoni tevalwa l-impatt territorjali tal-leġislazzjoni tal-UE dwar il-provvediment ta’ servizzi ta’ interess ġenerali, b’enfasi speċjali fuq ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat u l-akkwist pubbliku u tuża kwalunkwe marġini eżistenti għas-semplifikazzjoni, inkluża s-semplifikazzjoni tal-istrumenti finanzjarji tal-UE; jistenna li, f’dan l-isfond ikun ikkonsultat sew dwar ir-reviżjoni tal-“pakkett Almunia” fir-rigward tal-finanzjament tas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali;

    42.

    jipproponi li l-evalwazzjoni attwali tal-Kummissjoni dwar id-Direttiva dwar ir-rimedji fil-qasam tal-akkwist pubbliku tiġi segwita minn reviżjoni tad-Direttiva sabiex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet mill-perspettiva tal-awtoritajiet lokali u reġjonali;

    Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM) u Semestru Ewropew

    43.

    itenni l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Parlament biex jadottaw kodiċi ta’ kondotta li jiggarantixxi li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu involuti b’mod strutturat fis-Semestru Ewropew, u jimpenja ruħu li jidħol fi djalogu mal-Kummissjoni Ewropea dwar il-kwistjoni;

    44.

    itenni l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni biex tivvaluta l-impatt tar-regoli l-ġodda tal-Awtorità Superviżorja Ewropea 2010 fuq il-kapaċità tal-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jinvestu;

    45.

    iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tinvolvi lill-KtR fit-tħejjija tal-White Paper dwar ir-riforma tal-UEM, li fiha jeħtieġ li tiġi indirizzata wkoll il-kompettività u d-dimensjoni soċjali tal-UEM;

    Suq uniku diġitali, riċerka u innovazzjoni

    46.

    jemmen li waħda mill-isfidi ewlenin għal suq uniku diġitali hija l-ħolqien ta’ ekonomija tad-data sostenibbli, anke fil-kuntest industrijali (Industrija 4.0); jirrakkomanda li jinħolqu kundizzjonijiet li jiffaċilitaw il-konnessjoni taż-żoni kollha mas-servizzi tal-broadband kif ukoll li ssir ħidma mal-Kummissjoni u mal-Bank Ewropew tal-Investiment sabiex jintużaw fondi u skemi ta’ appoġġ għall-infrastruttura tal-ICT, u bħala parti mill-implimentazzjoni tas-suq uniku diġitali, jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta regolarment dwar il-progress li jinkiseb sabiex jitnaqqas id-distakk diġitali, partikolarment fil-livell reġjonali u lokali;

    47.

    jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposti immirati biex isir użu aħjar mill-programmi ta’ riċerka iffinanzjati mill-UE billi jiġu żvilppati aktar sinerġiji bejn il-finanzjament tal-Orizzont 2020, l-FSIE u l-FEIS u billi jissaħħu r-rabtiet ma’ strateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti fil-livell reġjonali; jissuġġerixxi li ssir enfasi partikolari fuq l-impatt tal-fondi tal-Orizzont 2020 fuq it-tkabbir u l-indirizzar tad-distakk fl-innovazzjoni matul l-evalwazzjoni interim;

    48.

    jissuġġerixxi li jkun hemm involviment mill-qrib tal-KtR fir-rieżami tal-istrateġija għall-bijoekonomija fl-2017;

    49.

    jenfasizza li l-implimentazzjoni ta’ għodod ġodda tal-UE bħall-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni kif ukoll ta’ inizjattivi dwar Data Miftuħa u dwar Innovazzjoni Miftuħa jeħtieġ li tqis id-dimensjoni reġjonali, u tikkontribwixxi għat-tnaqqis tad-distakk fl-innovazzjoni;

    Politika kummerċjali tal-UE

    50.

    jitlob lill-Kummissjoni li kull inizjattiva sinifikanti fil-qasam tal-politika kummerċjali tkun akkumpanjata minn valutazzjonijiet tal-impatt territorjali u li l-ftehimiet kummerċjali ġodda ma għandhomx jintroduċu restrizzjonijiet ġodda fuq l-awtoritajiet lokali u reġjonali fir-rigward tal-provvediment ta’ servizzi ta’ interess ġenerali;

    51.

    jitlob lill-Kummissjoni biex b’mod sistematiku twettaq evalwazzjonijiet ex post sabiex ikejlu l-impatt ekonomiku, ambjentali, soċjali u territorjali, kemm pożittiv kif ukoll negattiv, tal-ftehimiet kummerċjali;

    52.

    jistieden lill-Komunikazzjoni, sabiex tindirizza l-problemi ta’ trasparenza fit-tfassil tal-politika kummerċjali fil-livell tal-Istati Membri tal-UE, tippreżenta linji gwida dwar kif l-għanijiet tal-politika kummerċjali jiġu fformulati qabel ma jibdew in-negozjati, jiġifieri fl-istadju meta t-28 Stat Membru jistabbilixxu mandat

    Ġustizzja, drittijiet fundamentali u migrazzjoni

    53.

    b’referenza għall-ġustizzja, jistieden lill-Kummissjoni biex tħeġġeġ forom ta’ inċentivi li jgħinu lill-gvernijiet sabiex itejbu l-kondizzjonijiet ta’ priġunerija tal-persuni detenuti u biex jippromovu l-iżvilupp ta’ proċessi ta’ medjazzjoni kriminali u orjentati lejn il-ġustizzja restorattiva, il-promozzjoni ta’ alternattivi għad-detenzjoni u l-proċessi ta’ taħriġ li jiffavorixxu ambjent lil hinn minn kuntest soċjali bbażat fuq l-illegalità u l-kriminalità;

    54.

    jilqa’ bi pjaċir ir-rieda tal-Kummissjoni Ewropea li tindirizza l-isfidi li jirriżultaw mill-influss mingħajr preċedent ta’ persuni li jfittxu ażil, ta’ refuġjati u ta’ migranti ekonomiċi lejn l-Ewropa u jikkunsidra l-proposti dwar ir-riforma tas-sistema ta’ Dublin bħala pass importanti f’din id-direzzjoni; madankollu jistenna aktar proposti konkreti li jkomplu fl-2017 biex tinbena politika komprensiva tal-ażil u l-migrazzjoni fl-UE bbażata fuq ir-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-obbligi internazzjonali u fuq il-prinċipju tas-solidarjetà;

    55.

    jistieden lill-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, biex tkompli tibni kunsens dwar lista komuni Ewropea ta’ pajjiżi ta’ oriġini siguri u taħdem ma’ pajjiżi ta’ oriġini u tranżitu li huma meqjusin siguri biex jimplimentaw prattiki effettivi u rapidi ta’ ritorn b’rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem u l-obbligi internazzjonali;

    56.

    jistieden lill-Kummissjoni tipproponi l-istabbiliment ta’ mekkaniżmi li jippermettu li l-persuni li jfittxu ażil japplikaw għal viża umanitarja minn barra l-UE, li tippermetti d-dħul b’mod legali fl-UE;

    57.

    jirrikonoxxi l-kontribut importanti tal-migrazzjoni għat-tkabbir tal-ekonomija Ewropea u jitlob li s-Semestru Ewropew iqis din id-dimensjoni b’mod partikolari fir-rigward tan-nefqa meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-integrazzjoni tal-migranti;

    58.

    iqis li huwa importanti aktar minn qatt qabel li Schengen jiġi ppreservat u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tagħmel kull sforz, flimkien mal-Istati Membri, biex jerġa’ jkun hemm l-istabbiltà meħtieġa fis-sistema; ifakkar li s-sospensjoni tal-Ftehim ta’ Schengen dwar il-moviment liberu fil-fruntieri għandha konsegwenzi sinifikanti f’termini ta’ kontrolli fiżiċi u hemm riskju li toħloq effetti ekonomiċi serji filwaqt li ma ssolvix il-problema ta’ pressjoni migratorja

    59.

    iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tagħti aktar fondi lill-awtoritajiet lokali u reġjonali sabiex dawn ikunu jistgħu jaqdu b’mod aktar effettiv ir-rwol importanti tagħhom fl-appoġġ u l-integrazzjoni tal-persuni li jfittxu ażil, ir-refuġjati u l-migranti;

    60.

    iqis li allokazzjoni aħjar tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej fil-livell lokali u reġjonali tirrapreżenta kundizzjoni meħtieġa biex tappoġġja l-politiki ta’ integrazzjoni. F’dan ir-rigward, jitlob li jiġu ddedikati aktar riżorsi kif ukoll li jkun hemm distribuzzjoni aħjar u l-akbar effiċjenza fl-użu ta’ dawn ir-riżorsi biex tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-persuni li jfittxu ażil, ta’ refuġjati u tal-migrazzjoni fis-snin li ġejjin;

    61.

    jistieden lill-Kummissjoni biex 1) tappoġġja lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jiżviluppaw strateġiji preventivi lokali, reġjonali u nazzjonali għall-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni; 2) tkompli tiġbor u tippubblika f’manwal l-aħjar prattiki dwar il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni; u 3) tappoġġja l-kooperazzjoni bejn il-bliet fil-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni;

    62.

    juri t-tħassib tiegħu dwar id-diffikultà fil-monitoraġġ tal-preżenza ta’ minorenni mhux akkumpanjati u r-riskju tal-koinvolviment tagħhom fit-traffikar u l-isfruttament; iħeġġeġ l-implimentazzjoni ta’ programmi ta’ inklużjoni u ta’ taħriġ partikolarment għall-minorenni preżenti fit-territorju kif ukoll l-użu ta’ prattiki ta’ akkoljenza li jinvolvu wkoll lill-komunitajiet ta’ oriġini tal-minorenni stess diġà stabbiliti fil-pajjiż ospitanti, filwaqt li jiġi żgurat li l-minorenni jkunu jistgħu jgħixu f’familja jew f’kuntest tipiku ta’ familja;

    Stabbiltà u kooperazzjoni barra mill-Unjoni Ewropea

    63.

    jenfasizza l-ħtieġa li, waqt l-implimentazzjoni tal-PEV rieżaminata, tingħata prijorità għolja lil inizjattivi li jappoġġjaw proċessi ta’ deċentralizzazzjoni, ġemellaġġi u bini tal-kapaċità fil-livell sottonazzjonali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni terġa’ tniedi l-Faċilità tal-Amministrazzjoni Lokali (FAL) u testendiha għall-pajjiżi ġirien kollha u jtenni l-proposta tiegħu sabiex jiġu inkorporati l-metodoloġiji, il-kunċetti u l-istrumenti tal-politika ta’ koeżjoni Ewropea fl-implimentazzjoni tal-PEV rieżaminata;

    64.

    iħeġġeġ lill-Kummissjoni teżamina f’aktar dettall il-proċessi ta’ deċentralizzazzjoni, kif ukoll is-sitwazzjoni tal-awtonomija lokali fil-pajjiżi tat-tkabbir fil-kuntest tar-rapporti ta’ progress annwali tagħha dwar it-tkabbir;

    65.

    jinsisti dwar il-ħtieġa li l-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-UE jagħtu kontribut xieraq fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp sabiex jinkisbu riżultati sostenibbli, inkluż fis-segwitu tal-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Abitazzjoni u l-Iżvilupp Urban Sostenibbli (Habitat III);

    66.

    jistieden lill-Kummissjoni biex tagħti attenzjoni partikolari lill-protezzjoni tar-refuġjati fiż-żoni tagħhom ta’ oriġini, bħala element importanti fl-indirizzar tal-għadd dejjem jikber ta’ persuni fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali. Jilqa’, f’dan il-kuntest, il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea għal qafas ġdid ta’ sħubija ma’ pajjiżi terzi li jospitaw numbru kbir ta’ refuġjati; dawn il-pajjiżi jeħtieġu jiżviluppaw kapaċitajiet ta’ akkoljenza sostenibbli u jipprovdu prospetti fit-tul qrib id-dar għal miljuni ta’ nies li qed jaħarbu mill-gwerra u l-persekuzzjoni. F’dan ir-rigward, jagħraf il-ħtieġa għal pjan ta’ investiment estern billi jiġi mobilizzat l-investimenti f’pajjiżi terzi, u jitlob li l-awtoritajiet reġjonali u lokali jkunu involuti b’mod sħiħ f’dan il-proċess. L-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jitħeġġu jassistu lill-kontropartijiet ospitanti tagħhom barra l-UE billi jipprovdulhom assistenza teknika u billi jirrakkomandaw approċċ aktar strutturat għall-protezzjoni tar-refuġjati;

    Ċittadinanza, governanza u tfassil aħjar tal-liġijiet

    67.

    itenni t-talba tiegħu għas-semplifikazzjoni u t-titjib tal-qafas legali tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej bħala l-unika għodda ta’ parteċipazzjoni diretta fil-livell tal-UE;

    68.

    jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni dwar l-attivitajiet tiegħu li għamlu suċċess fl-organizzazzjoni ta’ attivitajiet marbutin mal-komunikazzjoni deċentralizzata dwar kwistjonijiet tal-UE f’kooperazzjoni mill-qrib mal-midja lokali u reġjonali, is-soċjetà ċivili u l-istituzzjonijiet tal-UE, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex tintensifika l-isforzi tagħha f’dan il-qasam ferm qabel l-elezzjonijiet Ewropej li jmiss fl-2019;

    69.

    jistieden lill-Kummissjoni tfassal definizzjoni standard madwar l-UE kollha tar-regolamentazzjoni żejda għall-fini ta’ ċertezza legali fl-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tal-liġi tal-UE u biex titnaqqas il-burokrazija eċċessiva;

    70.

    jitlob li jkun hemm aktar trasparenza, kooperazzjoni u effiċjenza fost l-istituzzjonijiet tal-UE b’segwitu għall-adozzjoni tal-Ftehim Interistituzzjonali ġdid dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet, u l-inklużjoni tal-KtR fl-istadji kollha tal-proċess leġislattiv sabiex jintuża l-potenzjal sħiħ tagħhom fiċ-ċiklu leġislattiv u l-konsultazzjonijiet;

    71.

    jenfasizza l-kooperazzjoni tajba mal-Kummissjoni rigward it-test pilota tal-Valutazzjoni tal-Impatt Territorjali mwettaq matul l-2015 u l-2016; abbażi ta’ din il-kooperazzjoni tajba, il-KtR jistiden lill-Kummissjoni timplimenta l-Valutazzjoni tal-Impatt Territorjali bħala prattika standard fil-valutazzjoni tal-impatti tal-leġislazzjoni li potenzjalment jista’ jkollha effetti territorjali asimmetriċi u fl-aġenda usa’ dwar regolamentazzjoni aħjar;

    72.

    jistenna kooperazzjoni dejjem aktar mill-qrib mal-Kummissjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew fil-monitoraġġ tas-sussidjarjetà, u fir-rigward tal-konferenza tiegħu tal-2017 iddedikata għas-sussidjarjetà;

    73.

    jagħti struzzjonijiet lill-President sabiex iressaq din ir-riżoluzzjoni quddiem il-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-President tal-Kunsill Ewropew.

    Brussell, il-15 ta’ Ġunju 2016.

    Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

    Markku MARKKULA


    (1)  ECON-VI/007

    (2)  COR-2015-05660.

    (3)  COR-2015-02624.

    (4)  Ir-Riżoluzzjoni tal-KtR dwar l-Ikel Sostenibbli.


    Top