EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016XC0811(02)

Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 50(2a), tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

ĠU C 291, 11.8.2016, p. 19–24 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

11.8.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 291/19


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 50(2a), tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

(2016/C 291/10)

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt għal oġġezzjoni għall-applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (1).

APPLIKAZZJONI GĦAL APPROVAZZJONI TA’ EMENDA LI MHJIEX MEQJUSA MINURI FL-ISPEĊIFIKAZZJONI TAD-DENOMINAZZJONIJIET PROTETTI TAL-ORIĠINI JEW TAL-INDIKAZZJONIJIET ĠEOGRAFIĊI PROTETTI

APPLIKAZZJONI GĦAL APPROVAZZJONI TA’ EMENDA SKONT L-EWWEL SUBPARAGRAFU TAL-ARTIKOLU 53(2), TAR-REGOLAMENT (UE) Nru 1151/2012

“ACEITE DE TERRA ALTA”/“OLI DE TERRA ALTA”

Nru UE: ES-PDO-0105-01382 — 5.10.2015

DPO ( X ) IĠP ( )

1.   Raggruppament tal-applikant u interess leġittimu

Consejo Regulador de la DOP Aceite de Terra Alta

C/Povet de la Plana, s/n

43780 Gandesa

TARRAGONA

ESPAÑA

Tel. +34 977420474

Internet: www.dopoliterraalta.com

Email: info@dopoliterraalta.com

Il-Kunsill Regolatorju tad-Denominazzjoni tal-Oriġini Protetta “Aceite de Terra Alta” huwa magħmul mill-produtturi u l-proċessuri kollha taż-żejt kopert bid-DOP “Aceite de Terra Alta” jew “Oli de Terra Alta”, u għandu interess leġittimu ffil-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal emenda.

2.   Stat membru jew Pajjiż Terz

Spanja

3.   Taqsima tal-ispeċifikazzjonijiet affettwati mill-emenda

L-isem tal-prodott

Id-deskrizzjoni tal-prodott

Iż-żona ġeografika

Il-prova tal-oriġini

Il-metodu tal-produzzjoni

Ir-rabta

It-tikkettar

Oħrajn (ippakkjar, ispezzjoni, u l-logo)

4.   Tip ta’ emenda

Emenda tal-Ispeċifikazzjonijiet ta’ DOP jew IĠP irregistrata li, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, mhijiex meqjusa minuri.

Emenda tal-ispeċifikazzjonijiet ta’ DOP jew IĠP irregistrata li d-dokument uniku tagħha (jew ekwivalenti) ma ġiex ippubblikat u li, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, mhijiex meqjusa minuri.

5.   Emendi

Deskrizzjoni tal-prodott:

Id-deskrizzjoni tal-prodott ġiet riveduta u msaħħa fuq il-bażi ta’ dejta li tirriżulta minn analiżijiet u avvenimenti ta’ tidwiq imwettaq matul l-aħħar għaxar snin, u tibdil fil-metodi ta’ evalwazzjoni organolettika taż-żjut. B’mod partikolari, saru l-bidliet li ġejjin:

Karatteristiċi organolettiċi:

Fir-rigward tad-dehra, il-frażi “mhux imċajpar jew imdardar” għandha titħassar peress li dan joħroġ diġà mill-kunċett ta’ “trasparenti”.

Fir-rigward tal-kulur, id-deskrizzjoni ġiet estiża biex tinkludi informazzjoni dwar il-kulur fil-bidu ta’ kull sena ta’ bejgħ ta’ żejt taż-żebbuġa.

Fir-rigward tat-togħma u tar-riħa, saret deskrizzjoni tal-evoluzzjoni tal-kontenut ta’ aroma ta’ frott matul is-sena tas-suq. Il-parametri biex jiġi espress ir-riżultat tal-analiżi tal-prodott ġew ukoll aġġornati biex ikunu konformi mal-metodu tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ għall-valutazzjoni organolettika taż-żjut verġni taż-żebbuġa, kif meħtieġ mir-Regolament Ewropew fis-seħħ dwar il-karatteristiċi taż-żejt taż-żebbuġa u l-fdal taż-żejt taż-żebbuġa u dwar il-metodi ta’ analiżi rilevanti. Dan l-aġġornament jinvolvi s-sostituzzjoni tal-punteġġ minimu tal-bord tad-dewwieqa bil-medjan tad-difetti (Md), bil-medjan tal-fruttat (Mf) u bl-intensità massima ta’ kemm il-prodott huwa pikkanti jew morr.

Barra minn hekk, ir-referenza għan-nota aromatika tal- lewż u l-ġewż ġiet riveduta abbażi tan-noti ta’ waqt id-tidwiq.

Din it-tabella tal-karatteristiċi organolettiċi għaldaqstant tinbidel:

“Dehra

Nadifa, trasparenti, mhux imċajpra jew imdardra

Kulur

Isfar bi sfumaturi ta’ kulur li jvarja minn isfar ċar għal isfar lewn id-deheb antik

Togħma

Togħma tajba, togħma ta’ frott fil-bidu tas-sena tas-suq li ssir kemxejn ħelwa aktar mal-istaġun javanza. Bi ħjiel aromatiċi li jirrigwardaw il-lewż u l-ġewż

Punteġġ minimu mill-bord tad-dewwieqa

6,5 ”

u ssir kif ġej:

“Dehra

Nadifa, trasparenti

Kulur

Fil-bidu tas-sena tas-suq, il-kulur huwa aħdar jew isfar fl-aħdar. Hekk kif javanza l-istaġun jibda jxaqleb lejn l-isfar li jista’ jvarja minn isfar ċar għal isfar lewn id-deheb antik

Togħma

Togħma tajba ta’ frott minn medja għal intensa, u hekk kif l-istaġun javanza tista’ ssir aktar ħelwa bi ħjiel ta’ frott. Bi ħjiel aromatiċi ta’ lewż u/jew ta’ ġewż.

Medjan ta’ difetti (Md)

0

Medjan ta’ fruttat (Mf)

≥ 2,5

Medjan ta’ mrar

≤ 6

Medjan tal-kwalità pikkanti

≤ 6”

Karatteristiċi fiżiċi u kimiċi: Tneħħew il-parametri għal “kontenut massimu ta’ umdità u sustanza volatili” u “l-ogħla kontenut ta’ impurità”. Dan għaliex id-dispożizzjonijiet Ewropej dwar il-karatteristiċi taż-żejt taż-żebbuġa u l-fdal taż-żejt taż-żebbuġa u dwar il-metodi ta’ analiżi rilevanti li dawn ma jikkundrawhomx bħala parametri għall-valutazzjoni tal-kwalità taż-żjut.

Elementi li juru li l-prodott joriġina miż-żona:

Qed jiġi propost li jiġi ssemplifikat u strutturat dan il-paragrafu biex jiġi konsistenti ma’ sistemi ta’ kontroll u ta’ traċċabbiltà eżistenti u mal-abbozzar tal-ispeċifikazzjonijiet l-aktar reċenti. Ir-referenza għad-“dokument ta’ moviment” li kellu jakkumpanja “kull konsenja ta’ żejt protetta” titħassar peress li t-traċċabilità tista’ tiġi żgurata b’mezzi oħra.

Għalhekk qed issir proposta biex tinbidel il-formulazzjoni attwali tal-paragrafu “Evidenza li l-prodott joriġina miż-żona ġeografika” tal-ispeċifikazzjoni:

“Kontrolli u Ċertifikati:

Dawn huma l-element fundamentali li jiggarantixxu l-oriġini tal-prodott. Jinkludu l-proċessi li ġejjin:

Iż-żebbuġ li jasal fl-impjanti ta’ estrazzjoni huwa minn varjetajiet awtorizzati u li joriġina minn stabbilimenti mniżżlin fir-reġistru tal-istabbilimenti tal-Bord Regolatorju, u kkontrollat minnu.

Iż-żebbuġ jiġi magħsur u ż-żejt jiġi estratt f’impjanti li jinsabu fiż-żona ta’ produzzjoni u li huma mniżżla fil-lista li tinsab fir-reġistri tal-Bord Regolatorju ta’ mtieħen taż-żejt. Iż-żejt miksub b’dan il-mod jiġi soġġett għal evalwazzjoni f’konformità mal-proċeduri stabbiliti fl-ispeċifikazzjoni. Jiġi maħżun u ppakkjat f’intrapriżi li jinsabu fiż-żona demarkata mniżżlin fir-reġistri tal-intrapriżi tal-ippakkjar u l-kummerċjalizzazzjoni tal-Bord Regolatorju.

Iż-żejt jiġi soġġett għal analiżijiet fiżiċi, kimiċi u organolettiċi. Żjut li jgħaddu biss il-proċedura sħiħa tal-ispezzjoni jiġu ppakkjati u mqiegħda fis-suq bid-denominazzjoni protetta tal-oriġini u bit-tikketta, bit-tikketta ta’ wara jew bis-siġill innumerat ta’ kwalità maħruġa mill-Bord Regolatorju.

In-numru fuq it-tikketti li jingħata mill-Bord Regolatorju lill-industriji tal-ippakkjar jiddependi fuq il-prodott li l-bidwi jagħti lil dawn l-industriji u mill-kapaċità tal-pakketti li fihom ikun se jiġi kkumerċjalizzat il-prodott.

Vjeġġi taż-żejt tal-operaturi kollha koperti minn din id-denominazzjoni tal-oriġini, li jiċċaqilqu minn impriża rreġistrata waħda għal oħra, għandhom ikunu akkompanjati minn dokument ta’ moviment maħruġ mill-Bord Regolatorju, bil-mod li bih jiddetermina hu, sabiex tinżamm iċ-ċertifikazzjoni.”

bit-test li ġej maqsum fi tliet intestaturi: “traċċabilità”, “awtomonitoraġġ mill-opertauri” u “kontrolli u ċertifikazzjoni”.

Traċċabbiltà

L-implimentazzjoni tat-traċċabilità fl-istadji kollha tal-produzzjoni, tal-ipproċessar u tal-ippakkjar tippermetti li tiġi vverifikata l-oriġini taż-żejt koperta mid-DOP.

Għal traċċabbiltà xierqa u monitoraġġ tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott għandu jsir dan li ġej:

Reġistru tal-produtturi u tal-ġonot tar-raba’

Reġistru tal-imtieħen taż-żejt

Reġistru tal-intrapriżi tal-ippakkjar u l-kummerċjalizzazzjoni

Awtomonitoraġġ minn operaturi reġistrati

L-operaturi reġistrati jżommu rekords tal-kontrolli li jwettqu huma stess sabiex jagħtu prova li huma konformi mar-rekwiżiti stipulati fl-ispeċifikazzjoni. Il-kontenut minimu ta’ dan l-awtomonitoraġġ huwa definit fil-manwal għall-ġestjoni tal-kwalità.

Kontrolli u Ċertifikazzjoni

Id-DOP huwa soġġett għal kontrolli mill-Korp ta’ Ċertifikazzjoni, li jissorvelja s-sistema ta’ kontrolli li l-operaturi rreġistrati jwettqu huma stess, kif ukoll it-traċċabilità u l-kontrolli fuq il-produzzjoni u fuq il-prodott lest. Il-monitoraġġ jieħu l-forma ta’ spezzjonijiet perjodiċi, eżami ta’ dokumentazzjoni (reġistri) u tal-kwalità taż-żejt ippakkjat.

Meta r-rekwiżiti stabbiliti f’din l-ispeċifikazzjoni ma jintlaħqux, iż-żejt ma jistax jiġi kummerċjalizzat bħala DOP ‘Aceite de Terra Alta’ jew ‘Oli de Terra Alta’.”

Metodu ta’ produzzjoni:

Ir-rekwiżit li jirrigwarda t-trasport taż-żebbuġ lejn l-imtieħen taż-żejt f’ċestuni mmaljati speċjali tneħħa. Tqies li minħabba li s-sistemi tat-trasport u tal-ħsad qed jevolvu, ma kienx meħtieġ li jiġu ristretti kemm-il darba tinżamm l-integrità taż-żebbuġ.

L-età minima tas-siġar (ħames snin) li minnhom irid jkun ġej iż-żebbuġ tneħħiet. Dan għaliex metodi ġodda ta’ tħawwil u ta’ kultivazzjoni jippermettu produzzjoni tajba ħafna taż-żebbuġ qabel ma jkunu laħqu din l-età.

Tikkettar:

Żdied l-obbligu li tiġi inkluża l-frażi “Denominazzjoni tal-oriġini protetta” jew l-inizjali “DOP” ħdejn l-isem irreġistrat f’konformità mar-regoli applikabbli.

Aspetti oħra:

Ippakkjar: Ir-restrizzjoni tal-ippakkjar fil-produzzjoni tħassret għaliex mhux meħtieġ li dan isir fiż-żona ġeografika ddefinita, peress li bis-sistemi ta’ kontroll u traċċabbiltà attwali huwa possibbli li tiġi ggarantita l-kwalità tal-prodott kopert. Għaldaqstant, saru emendi għal kull intestatura tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott affettwata b’dan it-tibdil. Dawn huma elenkati iktar’ l isfel:

Żona ġeografika”: Il-frażi “Iż-żona tal-preparazzjoni u l-ippakkjar hija l-istess bħaż-żona tal-produzzjoni” titħassar u tiġi sostitwita bi “Iż-żona tal-preparazzjoni tikkoinċidi maż-żona tal-produzzjoni. L-ippakkjar mhux bilfors isir fiż-żona ġeografika delimitata.” sabiex titneħħa r-restrizzjoni tal-ippakkjar fis-sors.

Elementi li juru li l-prodott joriġina miż-żona”: Tneħħew ir-referenzi li l-ippakkjar isir fiż-żona ġeografika.

Metodu ta’ produzzjoni”: it-tliet paragrafi li ġejjin tneħħew. Dawn il-paragrafi kienu jispjegaw għaliex il-proċess ta’ produzzjoni kollu (inkluż l-ippakkjar) taż-żejt protett kellu jitwettaq fiż-żona ġeografika.

“Il-proċess kollu, mill-produzzjoni sat-tikkettar isir fiż-żona ġeografika definita biex tiġi ssalvagwardjata l-kwalità u tiġi żgurata t-traċċabbiltà tal-proċess.

Rigward il-kwalità: Iż-żjut taż-żebbuġ verġni huma sensittivi ħafna għall-aġenti esterni, li jistgħu jwasslu għal firxa wiesgħa ta’ tibdiliet u trasformazzjonijiet; għalhekk huwa importanti li l-proċess kollu ta’ dan it-tip ta’ żejt jitlesta fl-istess żona ġeografika.

Traċċabbiltà: Fir-rigward tal-kontrolli u ċ-ċertifikazzjoni, huwa essenzjali għall-funzjonament tajjeb tal-korp ta’ ċertifikazzjoni li l-proċess kollu jitwettaq fiż-żona ġeografika definita.”

bil-paragrafu li ġej dwar l-ippakkjar:

“Il-proċess tal-ippakkjar u t-tikkettar jista’ jsir kemm ġewwa kif ukoll barra miż-żona ġeografika ta’ produzzjoni.”

Korp ta’ ispezzjoni: ġiet aġġornata d-dejta dwar il-korp ta’ ispezzjoni.

Rekwiżiti leġiżlattivi nazzjonali: din it-taqsima tħassret għaliex mhix rekwiżit tar-Regolament UE Nru 1151/2012.

Il-logo tad-DOP “Aceite de Terra Alta”/“Oli de Terra Alta” ġie inkluż fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott.

DOKUMENT UNIKU

“ACEITE DE TERRA ALTA”/“OLI DE TERRA ALTA”

Nru UE: ES-PDO-0105-01382 — 5.10.2015

DPO ( X ) IĠP ( )

1.   Ismijiet

“Aceite de Terra Alta”/“Oli de Terra Alta”

2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz

Spanja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott

Klassi 1.5. Żjut u xaħmijiet (butir. marġerina, żejt, eċċ.)

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott indikat bl-isem mogħti fil-punt 1

Iż-żejt ekstraverġni taż-żebbuġa mill-frotta ta’ Olea Europea L, li ġej prinċipalment mill-varjetà Empeltre jew taħlita tal-varjetà Empeltre u u l-varjetajiet sekondarji Arbequina u Farga, Morruda. Iż-żejt jinkiseb permezz ta’ proċeduri mekkaniċi jew mezzi fiżiċi oħra li ma jwasslux għal deterjorament taż-żejt, filwaqt li jinżammu t-togħma, l-aroma u l-karatteristiċi tal-frotta li minnha huwa prodott.

Empeltre huwa l-varjetà prinċipali u tradizzjonali minħabba l-predominanza tiegħu fiż-żona tal-produzzjoni.

Iż-żejt bid-Denominazzjoni tal-Oriġini Terra Alta għandu l-karatteristiċi li ġejjin:

Karatteristiċi organolettiċi:

Dehra

Nadifa, trasparenti

Kulur

Fil-bidu tas-sena tas-suq, il-kulur huwa aħdar jew isfar fl-aħdar. Hekk kif javanza l-istaġun jibda jxaqleb lejn l-isfar li jista’ jvarja minn isfar ċar għal isfar lewn id-deheb antik

Togħma

Togħma tajba ta’ frott minn medja għal intensa, u hekk kif l-istaġun javanza tista’ ssir aktar ħelwa bi ħjiel ta’ frott. Bi ħjiel aromatiċi ta’ lewż u/jew ta’ ġewż.

Medjan ta’ difetti (Md)

0

Medjan ta’ fruttat (Mf)

≥ 2,5

Medjan ta’ mrar

≤ 6

Medjan tal-kwalità pikkanti

≤ 6

Karatteristiċi kimiċi u fiżiċi:

Aċidità massima (% ta’ aċidu olejku)

0,50

Valur massimu ta’ perossidu (meq. O2/kg)

18

K270 massimu

0,20

K232 massimu

2,50

3.3.   Għalf (biss fil-każ ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali), u materja prima (biss fil-każ ta’ prodotti pproċessati)

3.4.   Fażijiet speċifiċi tal-produzzjoni li għandhom iseħħu fiż-żona ġeografika definita

Il-produzzjoni taż-żebbuġ u l-elaborazzjoni tal-prodott isiru biss fiż-żona ġeografika deskritta fil-punt 4.

3.5.   Standards speċifiċi dwar it-tqattigħ fi slajsis, it-tħakkik, l-ippakkjar, eċċ, tal-prodott li għaliħ jirreferi l-isem irreġistrat

Iż-żejt taż-żebbuġa jista’ jiġi ppakkjat jew ġewwa jew barra miż-żona ġeografika definita fil-punt 4

Għal bejgħ bl-imnut, il-prodott għandu jiġi ppakkjat f’kontenituri li jesgħu sa ħames (5) litri u li jkunu konformi mal-leġiżlazzjoni fis-seħħ.

3.6.   Standards speċifiċi dwar it-tikkettar tal-prodott li għaliħ jirreferi l-isem irreġistrat

L-isem tad-denominazzjoni “Aceite de Terra Alta” (bl-Ispanjol) jew “Oli de Terra Alta” (bil-Katalan) jrid jidher fuq l-ippakkjar, flimkien mal-frażi “Denominazzjoni tal-oriġini protetta” jew “DOP”, minbarra l-informazzjoni ta’ natura ġenerali meħtieġa fil-leġiżlazzjoni rilevanti.

4.   Deskrizzjoni qasira taż-żona ġeografika

Iż-żona ta’ produzzjoni tinkludi d-distrett ta’ Terra Alta u xi muniċipalitajiet fid-distrett ta’ Ribera d’Ebre, li t-tnejn li huma jinsabu fil-Lbiċ tal-Komunità Awtonoma tal-Katalonja.

Il-muniċipalitajiet li ġejjin għalhekk huma inklużi f’din iż-żona ġeografika:

Terra Alta

Ribera d’Ebre

Arnes

Corbera d’Ebre

Pinell de Brai

Ascó

Batea

Gandesa

Pobla de Massaluca

Flix (iż-żoni kollha ħlief iż-żoni 13, 18, 19, 20 u 21)

Bot

Horta de Sant Joan

Prat de Comte

Riba roja d’Ebre

Caseres

La Fatarella

Vilalba dels Arcs

 

5.   Relazzjoni maż-żona ġeografika

Iż-żjut taż-żebbuġa protetti huma prodotti u pproċessati fil-parti tan-Nofsinhar tal-Wid tal-Ebro. Id-diversità tat-topografija u l-fatt li dan huwa reġjun intern, ‘l bogħod mill-baħar, ifisser li huwa meqjus bħala żona ta’ klima ta’ tranżizzjoni bejn dik tal-muntanji u dik mediterranja kontinentali. Fir-rigward ta’ ħamrija u klima, ir-reġjun huwa kkaratterizzat minn tliet fatturi ewlenin:

—   Altitudni: Iż-żona tinsab fi pjanura għolja b’mod kostanti b’medja ta’ 400 m ‘l fuq mil-livell tal-baħar, komposta minn ħamrija bil-ġir b’fertilità baxxa ħafna.

—   Ostakoli naturali: Tliet ringieli ta’ muntanji jikkonverġu fid-distrett: il-“pàndols” u l-“cavalls”, b’għoli ta’ 700 m, u l-akbar katina ta’ għoljiet l-“Els ports de Beseit”, bl-ogħla quċċati tagħhom fit-Tramuntana jilħqu l-1 400 m. Dan kollu joħloq terren partikolari, li joffri mikroklima unika bi klima Mediterranja interna ta’ temperaturi estremi, firxiet wisgħin ta’ temperaturi, u nixfa fis-sajf.

—   Riħ: Barra minn hekk, u bħala konsegwenza ta’ dak li ntqal hawn fuq, l-irjieħ fiż-żona huma ta’ importanza kbira, mhux daqstant minħabba l-intensità tagħhom (li ma tkunx eċċessiva), iżda minħabba dak li jikkontribwixxu għall-kundizzjonijiet tat-tkabbir. L-aktar żewġ irjieħ importanti fil-qasam huma l-“Garbinada” u ċ-“Cerç”.

Il-karattru taż-żejt taż-żebbuġa kopert mid-DOP ġej mill-varjetà prinċipali tiegħu, l-“Empeltre”, varjetà indiġena bi tradizzjoni ta’ tkabbir fiż-żona. Huwa apprezzat minħabba l-kontenut għoli ta’ żejt u ż-żjut ta’ kwalità eċċellenti tiegħu. Din il-varjetà tikber b’mod naturali u esklussiv tul il-Wied tal-Ebro u l-Gżejjer Baleariċi. Iż-żona ġeografika tad-DOP “Aceite de Terra Alta” jew “Oli de Terra Alta” tikkorrispondi eżattament mal-parti ta’ Isfel tal-Wied. Hija varjetà li adattat ruħha perfettament għall-karatteristiċi tal-ħamrija u tal-klima taż-żona ta’ produzzjoni tad-DOP. Dan huwa minħabba li ma ġietx introdotta reċentement, iżda hija riżultat tas-selezzjoni naturali, li wassal għal varjeta rustika u li hija adattata għal ħamrija fqira u reżistenti għan-nixfa u l-kesħa Fil-fatt hija l-varjetà tradizzjonali u prinċipali fid-distrett ta’ Terra Alta, u hija wkoll l-unika varjetà li tiġi kkultivata fiż-żewġ postijiet. Il-varjetà Empeltre hija tant importanti u speċjali fid-distrett ta’ Terra Alta li fil-mixtliet tissejjaħ “Terra Alta” ukoll.

L-altitudni, il-barrieri naturali li jagħtu forma lit-terren u l-irjieħ taż-żona joħolqu mikroklima unika fiż-żona. Dan jaffettwa direttament iċ-ċiklu tal-ħajja tas-siġra taż-żebbuġ, u bħala riżultat, il-frott taż-żebbuġ u ż-żejt li huwa magħmul minnu.

Għal dak li għandu x’jaqsam b’mod speċifiku mar-riħ, il-“Garbinada”, ir-riħ mil-Lbiċ iġib l-indewwa meħtieġa għall-kultivazzjoni tas-siġar taż-żebbuġ. Bis-saħħa tal-karatteristiċi tiegħu u l-frekwenza li biha jinfoħ, iċ-“Cerç”, riħ kiesaħ u xott mill-Majjistral, jipprevjeni bosta problemi ta’ saħħa (faqqiegħ), u b’hekk jgħin biex ikun żgurat li l-materja prima għaż-żejt timmatura mingħajr problemi, u li tasal fl-imtieħen taż-żejt f’kundizzjoni eċċellenti.

Storikament, l-“Aceite de Terra Alta” jew l-“Oli de Terra Alta” huma r-riżultat ta’ tradizzjoni twila, billi l-Għarab huma kkreditati li ġabu l-kultivazzjoni taż-żebbuġa fid-distrett ta’ Terra Alta. Fl-1192, waqt it-tranżizzjoni minn Għarbija għal Nisranija, il-produzzjoni taż-żejt f’dan ir-reġjun diġà kienet waħda mis-sisien ewlenin ta’ produzzjoni agrikola (Cartes de Poblament de Gandesa, 1992). Barra minn hekk, skont il-ktieb Il-Memorji tiegħi (1948) ta’ Antoni Mascaró, f’Batea, fil-muniċipalità ta’ Terra Alta, madwar l-1787, iż-żebbuġ kien l-aktar prodott ikkultivat, segwit miċ-ċereali u d-dwieli. It-test jgħid “[…] il-ħsad taż-żejt taż-żebbuġa, li jagħti lil din iż-żona l-ġid kbir tagħha, din is-sena pproduċa 21 000 ġarra, piż ta’ 38 libbra kull waħda, u għaldaqstant is-somma ta’ 31 920 arrobas kastiljani […]”. Dan ifisser li popolazzjoni ta’ inqas minn 1 000 abitant, ipproduċiet 350 000 kilogramma ta’ żejt taż-żebbuġa, li jikkorrispondu għal madwar 1 800 000 kilo żebbuġ, u dan jagħti idea tal-importanza tal-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa fiż-żona fis-seklu XVIII. F’nofs is-seklu XIX, l-importanza tiegħu kompliet, u f’dak li llum huwa Terra Alta, iż-żejt taż-żebbuġa jammonta għall-akbar sehem ta’ kultivazzjoni, bil-wisq akbar mil-livelli attwali ta’ produzzjoni (Diccionario Geográfico-Estadístico-Histórico de España ta’ Pascual Madoz, 1847). Huwa faħħar ukoll il-kwalità tiegħu u ddikjara li “[…] iż-żona ta’ Gandesa tipproduċi ammonti kbar ta’ żejt taż-żebbuġa ta’ kwalità għolja, qamħ u segala […]”.

Il-fatturi naturali taż-żona ġeografika ħolqu għalhekk l-għażla naturali taż-żebbuġ tagħha, li huwa ta’ livell xieraq għall-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa. Dan, flimkien mal-istorja twila ta’ tkabbir taż-żebbuġ fiż-żona (u flimkien mal-istadji kollha tal-kultivazzjoni u l-ipproċessar, mix-xogħol tar-raba’, sal-ħsad meta l-frotta tkun saret, u l-ipproċessar) jippermetti l-produzzjoni ta’ żjut taż-żebbuġa tal-ogħla kwalità, b’togħma tajba, togħma ta’ frott, bi ħjiel aromatiċi ta’ lewż u/jew ta’ ġewż.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet

(It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1), ta’ dan ir-Regolament)

http://gencat.cat/alimentacio/pliego-aceite-terra-alta


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.


Top