EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016XC0726(01)

Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

ĠU C 271, 26.7.2016, p. 5–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

26.7.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 271/5


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

(2016/C 271/05)

Din il-pubblikazzjoni tagħti d-dritt li wieħed jopponi għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

APPLIKAZZJONI GĦALL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA MHUX MINURI GĦALL-ISPEĊIFIKAZZJONI TAL-PRODOTT TA’ DENOMINAZZJONI TAL-ORIĠINI PROTETTA JEW TA’ INDIKAZZJONI ĠEOGRAFIKA PROTETTA

Applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012

“POMODORO DI PACHINO”

Nru tal-UE: PGI-IT-02131 — 5.4.2016

DOP ( ) IĠP ( X )

1.   Grupp applikant u interess leġittimu

Consorzio di Tutela dell’IGP Pomodoro di Pachino

Indirizz:

Via Nuova sn

96018 Marzamemi (SR)

ITALIA

Tel.

+39 0931595106

Fax

+39 0931595106

Posta elettronika:

segreteria@igppachino.it

Il-“Consorzio di Tutela dell’IGP Pomodoro di Pachino” (il-Konsorzju għall-ħarsien tal-IĠP) huwa intitolat li jressaq applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 13(1) tad-Digriet Nru 12511 tal-14 ta’ Ottubru 2013 tal-Ministeru tal-Politika tal-Agrikoltura, tal-Ikel u tal-Forestrija.

2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz

L-Italja

3.   Titlu fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott affettwat mill-emenda

Isem tal-prodott

Deskrizzjoni tal-prodott

Żona ġeografika

Prova tal-oriġini

Metodu tal-produzzjoni

Rabta

Tikkettar

Oħrajn: Referenza ġuridika aġġornata

4.   Tip ta’ emenda

Emenda għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott ta’ DOP jew IĠP irreġistrata li ma għandhiex tikkwalifika bħala minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

Emenda għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott ta’ DOP jew IĠP irreġistrata li għaliha ma jkun ġie rreġistrat l-ebda Dokument Uniku (jew ekwivalenti) u li ma għandhiex tikkwalifika bħala minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

5.   Emenda/emendi

Deskrizzjoni tal-prodott

L-Artikolu 2 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott

1.

Is-sentenza:

“Pomodoro di Pachino IĠP jinkludi t-tipi li ġejjin:

tond lixx;

miċ-ċatt;

ċkejken (jew cherry)”

għandha tinbidel kif ġej:

“Pomodoro di Pachino IĠP jinkludi t-tipi li ġejjin:

tond lixx;

miċ-ċatt;

ċkejken (jew cherry);

għanbaqra u għanbaqra ċkejkna (plum u miniplum)”

L-Artikolu 2 ġie emendat biż-żieda ta’ tip ġdid ta’ frotta: tadama għanbaqra u tadama għanbaqra ċkejkna. Dan huwa tip ta’ tadam f’għenieqed tajjeb għaz-zlazi u l-insalati mħalltin; il-frotta hija tawwalija u għandha forma li tixbaħ dik tat-tamal jew tal-għanbaqra. Il-piż ta’ frotta individwali jvarja bejn 15 u 35 gramma, skont il-varjetà.

Il-produtturi talbu li tiżdied it-tadama tat-tip għanbaqra u għanbaqra ċkejkna sabiex ma ssirx diskriminazzjoni kontra l-bdiewa li jinsabu fiż-żona ta’ produzzjoni tal-Pomodoro di Pachino IGP li ġiet identifikata bħala “Żona Ġeografika delimitata”.

It-tadama tat-tip għanbaqra u għanbaqra ċkejkna ilha titkabbar mis-snin tmenin, għalkemm fi kwantitajiet żgħar, u bħat-tliet tipi ta’ tadam ċkejken (jew cherry), it-tadam miċ-ċatt u t-tadam tond lixx, għandha l-istess karatteristiċi pożittivi tal-produzzjoni ta’ din iż-żona ġeografika.

Minħabba l-popolarità tagħha fis-suq, it-tadama tat-tip għanbaqra u għanbaqra ċkejkna llum il-ġurnata laħqet sehem konsiderevoli ta’ produzzjoni, daqs dik tat-tipi l-oħra ta’ tadam Pachino bil-marka IĠP. Biż-żieda tad-tadama tat-tip għanbaqra u għanbaqra ċkejkna l-prodott jiġi protett billi ssir ir-rabta maż-żona ta’ produzzjoni u jitjieb l-isem IĠP peress li l-konsumatur ikollu garanzija dwar l-oriġini tal-prodott.

Għaldaqstant qed tintalab emenda tal-Ispeċifikazzjoni tal-prodott u tad-Dokument Uniku.

Metodu tal-produzzjoni

L-Artikolu 4 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott

2.

Is-sentenza:

“—

it-tixtil mill-ġdid isir bejn Awwissu u Frar, għajr għat-tadama tat-tip ċkejken (cherry) li jsir is-sena kollha;”

għandha tinbidel kif ġej:

“—

it-tixtil mill-ġdid isir bejn Awwissu u Frar, għajr għat-tadama tat-tip ċkejken (cherry) u tat-tip għanbaqra u għanbaqra ċkejkna li jsir is-sena kollha;”

3.

Is-sentenza:

“Il-produzzjoni massima għall-isem IĠP ‘Pomodoro di Pachino’ ma tistax taqbeż il-kwantitajiet li ġejjin skont it-tip:

—   tadama tonda lixxa: 120 tunnellata għal kull ettaru;

—   tadama miċ-ċatti: 90 tunnellata għal kull ettaru;

—   tadama ċkejkna (cherry): 70 tunnellata għal kull ettaru;”

għandha tinbidel kif ġej:

“Il-produzzjoni massima għall-isem IĠP ‘Pomodoro di Pachino’ ma tistax taqbeż il-kwantitajiet li ġejjin skont it-tip:

—   tadama tonda lixxa: 120 tunnellata għal kull ettaru;

—   tadama miċ-ċatti: 90 tunnellata għal kull ettaru;

—   tadama ċkejkna (cherry): 70 tunnellata għal kull ettaru;

—   tadama tat-tip għanbaqra u għanbaqra ċkejkna: 90 tunnellata għal kull ettaru;”

Għaldaqstant l-Artikolu 4 għandu jiġi emendat wara li jiżdied tip ġdid ta’ tadama biex fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott jiġi indikat it-tħawwil mill-ġdid u l-ammonti massimi ta’ produzzjoni.

It-tadama tat-tip għanbaqra u għanbaqra ċkejkna tibqa’ tipproduċi frott ta’ kwalità għolja anki sa 90 tunnellata kull ettaru, u bħal fil-każ tat-tadama ċkejkna (cherry), tista’ tixxettel mill-ġdid is-sena kollha.

Oħrajn [Referenza ġuridika aġġornata]

Ir-referenzi għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 (2) ġew aġġornati bir-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

DOKUMENT UNIKU

“POMODORO DI PACHINO”

Nru tal-UE: PGI-IT-02131 — 5.4.2016

DOP ( ) IĠP ( X )

1.   Isem

“Pomodoro di Pachino”

2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz

L-Italja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott

Klassi 1.6. Frott, ħxejjex u ċereali, friski jew ipproċessati

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem fil-punt 1

L-indikazzjoni ġeografika protetta “Pomodoro di Pachino” IĠP tirreferi għal tadam frisk imkabbar fiż-żona definita, li jikkorrispondi għall-ispeċi botanika Lycopersicum esculentum Mill.

Il-“Pomodoro di Pachino” IĠP jinkludi t-tipi li ġejjin:

tond lixx,

ċatt,

ċkejken (jew cherry)

għanbaqra u għanbaqra ċkejkna

Il-karatteristiċi ewlenin tal-“Pomodoro di Pachino” huma li ġejjin:

polpa soda,

kavità tal-plaċenta żgħira,

kontenut għoli ta’ sukrożju, imkejjel abbażi ta’ kwantità ta’ solidi li jinħallu ta’ livell ogħla minn Brix 4,5.

Il-frott irid ikun ġej mill-kategoriji ta’ prodotti tas-suq “extra” u “primi” u jrid ikun:

sħiħ,

frisk fid-dehra,

f’kundizzjoni tajba (mhux aċċettat frott li jkun beda jitranġat jew jiddeterjora u għalhekk m’għadux tajjeb għall-konsum),

nadif, mingħajr materjal barrani viżibbli,

mingħajr irwejjaħ u/jew togħmiet barranin.

3.3.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

3.4.   Passi speċifiċi fil-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

Il-kultivazzjoni tal-“Pomodoro di Pachino” trid isseħħ fiż-żona ġeografika definita, f’ambjent protett (serer u/jew mini mgħottija b’rita tal-polietilen jew kopertura oħra); meta l-kultivazzjoni ssir fis-sajf ix-xtieli jistgħu jkunu protetti bi strutturi adattati miksija bi xbieki ta’ lqugħ kontra l-insetti.

Mhix permessal-kultivazzjoni barra mill-ħamrija.

3.5.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.

Il-“Pomodoro di Pachino” IĠP jista’ jitqiegħed f’pakketti fl-impriża agrikola jew f’post tal-imballaġġ adattat, l-istess jum li jinġabar.

Il-ġbir u l-imballaġġ iridu jseħħu f’faċilitajiet li jinsabu ġewwa t-territorji tal-muniċipalitajiet li jagħmlu parti, anke parzjalment, miż-żona tal-produzzjoni. L-imballaġġ irid iseħħ fiż-żona sabiex jiġi evitat it-telf fl-istadju tat-tqegħid fis-suq minħabba l-ħsara fil-qoxra tat-tadama li tista’ twassal għall-moffa u li minħabba fiha l-prodott ma jinbiegħx.

Il-“Pomodoro di Pachino” IĠP li jkun se jitqiegħed fis-suq irid ikun f’imballaġġ ġdid ta’ tipi varji, li jista’ jintuża darba biss, u li ma jistax jaqbeż l-10 kg, kif jippermettu r-regoli fis-seħħ.

Il-kopertura tal-imballaġġ trid tkun tat-tip li t-tadam ma jistax jinħareġ minnha mingħajr ma tiċċarrat. Il-prodott jista’ wkoll jitqiegħed fis-suq f’imballaġġ miftuħ sakemm il-frott individwali jkun identifikat b’tikketti li jeħlu li juru l-logo Pomodoro di Pachino IĠP.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar tal-prodott li jirreferi għalih l-isem irreġistrat

Dawn li ġejjin iridu jidhru fuq l-imballaġġ:

il-logo distintiv muri hawn taħt:

Image

l-isem tal-imballaġġatur u/jew tat-trasportatur,

il-karatteristiċi kummerċjali: it-tip, il-kategorija, il-piż tal-imballaġġ,

il-kliem: pomodoro prodotto in coltura protetta (tadam prodott suġġett għal indikazzjoni ġeografika protetta),

is-simbolu tal-Unjoni.

4.   Deskrizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

It-tadam “Pomodoro di Pachino” jikber fiż-żona li tinkludi l-muniċipalitajiet intiera ta’ Pachino u Portopalo di Capo Passero u parti mill-muniċipalitajiet ta’ Noto (Provinċja ta’ Sirakuża) u Ispica (Provinċja ta’ Ragusa), li jinsabu fix-Xlokk ta’ Sqallija.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

Ir-reġjun fejn jikber it-tadam “Pomodoro di Pachino” għandu l-ogħla temperatura fl-Ewropa kontinentali matul is-sena, fuq medja, u jieħu l-ikbar ammont ta’ radjazzjoni solari (id-dejta ġiet ipprovduta mis-satelliti Land sat u Meteosat). Il-fatt li l-baħar huwa viċin ifisser li l-klima taż-żona hija medja u l-ġlata tar-rebbiegħa u l-ħarifa hija rari.

Dawn il-fatturi flimkien mal-kwalità tal-ilma użat għall-irrigazzjoni, fejn il-livell ta’ salinità jvarja bejn 1 500 sa 10 000 μS/cm, iddeterminaw l-iżvilupp tal-uċuħ tar-raba’ tas-serer, u kienu fattur deċisiv dwar liema wċuħ tar-raba’ setgħu jutilizzaw il-produtturi fiż-żona u fl-istess ħin ukoll għall-kwalitajiet organolettiċi distintivi tal-“Pomodoro di Pachino”.

Il-karatteristika li stabbilixxit ir-reputazzjoni tal-“Pomodoro di Pachino” kienet il-maturazzjoni bikrija tiegħu, li ġiet osservata mill-bdiewa lokali meta nżera’ għall-ewwel darba. Il-karatteristiċi addizjonali li ġew rikonoxxuti matul iż-żmien mill-konsumatur, bħat-togħma, il-konsistenza tal-polpa, kemm ileqq il-frott u kemm jibqa’ tajjeb fit-tul wara l-ħsad, kienu tali, li stabbilixxew il-“Pomodoro di Pachino” fis-suq.

It-tadama hija l-prodott tipiku fl-ortikultura ta’ Pachino. It-tadam ġie kkultivat għall-ewwel darba fl-1925 f’impriżi agrikoli li jinsabu max-xatt u li għandhom provvistà tal-ilma għall-irrigazzjoni mill-bjar ta’ taħt l-art.

L-esperjenza bikrija turi li t-tadam li tkabbar f’din iż-żona kien lest għall-ħsad xi 15-20 jum iktar kmieni minn żoni oħrajn tal-produzzjoni.

Madankollu, l-interess fit-tkabbir ta’ din il-pjanta kien limitat minħabba l-kultivazzjoni mifruxa ħafna tad-dwieli. Madwar is-snin ħamsin, il-kultivazzjoni tat-tadam ġiet estiża għal żona ħafna ikbar iżda li tinsab dejjem max-xatt, fejn intużaw tekniki għat-trobbija u l-protezzjoni tal-uċuħ tar-raba’ fl-istadji tal-bidu. L-ambjent taż-żona kostali, minkejja l-kundizzjonijiet termometriċi favorevoli, huwa suxxettibbli għal bidliet kbar f’daqqa fit-termperatura bejn il-lejl u n-nhar, liema bidliet okkażjonalment kienu responsabbli għall-qerda ta’ kultivazzjonijiet ortikoli sħaħ.

L-iżjed mezz mifrux ta’ protezzjoni kienet l-għata individwali għall-pjanti individwali magħmula mill-weraq ċatt tal-bajtar tax-xewk jew tisqif jew għotin multipli li jikkonsistu minn tessuti meħjutin bix-xlief u l-wajer tal-ħadid u li jserrħu fuq il-qasab. Fil-bidu tas-sittinijiet dehru l-ewwel serer li kienu jikkonsistu minn strutturi tal-qasab koperti b’rita tal-polietilen. Fis-snin sussegwenti l-istrutturi tas-serer bdew isiru dejjem iżjed sodi fejn il-qasab ġie sostitwit minn stikek tal-injam tal-qastan u qafas tal-injam tal-abjad. It-tkabbir protett tal-uċuħ tar-raba’ huwa għalhekk ir-riżultat ta’ proċess ta’ żvilupp li beda f’mod sempliċi u kważi naturali biex seħħu l-kultivazzjoni u l-ħsad tat-tadam.

Il-problemi serji li ffaċċat il-vitikultura fis-sebgħinijiet wasslu biex f’ħafna żoni saret bidla rapida għall-kultivazzjoni fis-serer u l-istabbilment tal-ewwel assoċjazzjonijiet li bdew t-tqegħid fis-suq ta’ prodott bl-isem taż-żona tal-oriġini “Pachino”.

It-tekniki tat-tkabbir tjiebu permezz tal-użu ta’ sistemi moderni ta’ irrigazzjoni lokalizzata u beda jiżdied l-użu tas-serer tal-metall galvanizzat.

Għalhekk, matul iż-żmien il-“Pomodoro di Pachino” sar rinomat fis-swieq nazzjonali u barranin minħabba l-karatteristiċi kwalitattivi distinti tiegħu.

Il-kundizzjonijiet partikolari tal-ħamrija u tal-klima fiż-żona ta’ produzzjoni jiffurmaw dawn il-karatteristiċi kwalitattivi fil-prodott li flimkien mat-tekniki ta’ prodozzjoni adottati mill-produtturi jipproduċu din il-pjanta tipika taż-żona ġeografika.

Il-kwalitajiet tat-tadam “Pomodoro di Pachino” huma marbuta mal-karatteristiċi intrinsiċi, li jiddistingwuh: it-togħma tiegħu, il-konsistenza tal-polpa, kemm ileqq il-frott u kemm idum tajjeb wara l-ħsad; dawn il-kwalitajiet kollha huma apprezzati mill-konsumatur meta jixtri l-Pomodoro di Pachino fis-suq, li minħabba fihom it-tadam għandu reputazzjoni kemm fl-Italja kif ukoll barra mill-Italja.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni

(it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-Regolament)

Il-Ministeru nieda l-proċedura ta’ oġġezzjoni nazzjonali bil-pubblikazzjoni tal-proposta għar-rikonoxximent tad-DOP “Pomodoro di Pachino” fil-Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika Taljana Nru 40 tad-19 ta’ Frar 2016.

It-test sħiħ tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott jinsab fuq is-sit tal-Internet li ġej: http://www.politicheagricole.it/flex/cm/pages/ServeBLOB.php/L/IT/IDPagina/3335

jew:

billi żżur il-paġna uffiċjali tal-Ministeru tal-Politika Agrikola, Alimentari u l-Forestrija (www.politicheagricole.it) u tagħfas fuq “Prodotti DOP e IGP” (fin-naħa ta’ fuq fil-lemin tal-iskrin), u wara fuq “Prodotti DOP, IGP e STG” (fil-ġenb, fuq in-naħa tax-xellug tal-iskrin) u fl-aħħar tagħfas fuq “Disciplinari di produzione all’esame dell’UE”.


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

(2)  ĠU L 335M, 13.12.2008, p. 213.


Top