EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016XC0707(02)

Notifika ta’ bidu ta’ proċediment antidumping dwar importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti ċatti b’laminazzjoni termali tal-ħadid, mhux illigat jew liga oħra tal-azzar li joriġinaw mill-Brażil, l-Iran, ir-Russja, is-Serbja u l-Ukrajna

C/2016/4150

ĠU C 246, 7.7.2016, p. 7–16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

7.7.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 246/7


Notifika ta’ bidu ta’ proċediment antidumping dwar importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti ċatti b’laminazzjoni termali tal-ħadid, mhux illigat jew liga oħra tal-azzar li joriġinaw mill-Brażil, l-Iran, ir-Russja, is-Serbja u l-Ukrajna

(2016/C 246/08)

Il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) irċeviet ilment skont l-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), li jallega li l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti ċatti b’laminazzjoni termali tal-ħadid, mhux illigat jew liga oħra tal-azzar li joriġinaw mill-Brażil, l-Iran, ir-Russja, is-Serbja u l-Ukrajna qed ikunu oġġett ta’ dumping u għalhekk qegħdin joħolqu ħsara materjali lill-industrija tal-Unjoni.

1.   L-Ilment

L-ilment tressaq fit-23 ta’ Mejju 2016 mill-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Azzar (Eurofer) (“l-ilmentatur”) f’isem il-produtturi li jirrappreżentaw aktar minn 25 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta’ ċerti prodotti ċatti b’laminazzjoni termali tal-ħadid, mhux illigat jew liga oħra tal-azzar.

2.   Il-Prodott li qiegħed jiġi investigat

Il-prodott suġġett għal din l-investigazzjoni huwa ċerti prodotti ċatti b’laminazzjoni tal-ħadid, azzar mhux illigat jew liga oħra tal-azzar (li ma tinkludix l-azzar inossidabbli), kemm jekk f’rombli jew le (inklużi prodotti maqtugħin tal-qies u “strixxi dojoq”), mhux maħdumin aktar minn laminazzjoni termali (laminazzjoni termali ċatta), mhux miksija, indurati jew mgħottijin, eskluż azzar elettriku tas-siliċju bil-granijiet orjentati (“il-prodott li qiegħed jiġi investigat”).

3.   L-Allegazzjoni ta’ dumping

Il-prodott li allegatament qed ikun oġġett ta’ dumping huwa l-prodott li qiegħed jiġi investigat, li joriġina mill-Brażil, l-Iran, ir-Russja, is-Serbja u l-Ukrajna (“il-pajjiżi kkonċernati”), li bħalissa jaqa’ taħt il-kodiċijiet NM 7208 10 00, 7208 25 00, 7208 26 00, 7208 27 00, 7208 36 00, 7208 37 00, 7208 38 00, 7208 39 00, 7208 40 00, 7208 52 99, 7208 53 90, 7208 54 00, 7211 14 00, 7211 19 00, 7225 19 10, 7225 30 10, 7225 30 30, 7225 30 90, 7225 40 12, 7225 40 15, ex 7225 40 60, 7225 40 90, 7226 19 10, ex 7226 20 00, 7226 91 20, 7226 91 91 u 7226 91 99. Dawn il-kodiċijiet NM qed jingħataw biss għall-informazzjoni.

L-allegazzjoni ta’ dumping mill-Brażil, l-Iran, ir-Russja, is-Serbja u l-Ukrajna hija bbażata fuq tqabbil tal-prezz domestiku mal-prezz tal-esportazzjoni (fil-livell ta’ qabel jidħol fis-suq) tal-prodott li qiegħed jiġi investigat meta jinbiegħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni.

Fin-nuqqas ta’ dejta affidabbli dwar il-prezzijiet domestiċi għas-Serbja, l-allegazzjoni ta’ dumping hija bbażata fuq tqabbil ta’ valur normali kkalkulat (spejjeż tal-manifattura, bejgħ, spejjeż ġenerali u amministrattivi — SG&A — u profitt) mal-prezz tal-esportazzjoni (fil-livell ta’ kif joħroġ mill-fabbrika) tal-prodott li qiegħed jiġi investigat meta jinbiegħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni.

Fuq din il-bażi, il-marġni ta’ dumping ikkalkulati huma sinifikanti għall-pajjiżi kollha kkonċernati.

4.   L-Allegazzjoni ta’ ħsara u kawżalità

L-ilmentatur ipprovda evidenza li l-importazzjonijiet tal-prodott li qiegħed jiġi investigat mill-pajjiżi kkonċernati żdiedu b’mod ġenerali f’termini assoluti u f’termini ta’ sehem mis-suq.

L-evidenza prima facie li ngħatat mill-ilmentatur turi li l-volum u l-prezzijiet tal-prodott importat li qiegħed jiġi investigat kellhom, fost konsegwenzi oħra, impatt negattiv fuq il-kwantitajiet mibjugħin, fuq il-livelli tal-prezzijiet mitluba u fuq is-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni, li rriżultaw f’effetti negattivi sostanzjali fuq il-prestazzjoni kumplessiva, is-sitwazzjoni finanzjarja u s-sitwazzjoni tal-impjiegi fl-industrija tal-Unjoni.

5.   Il-Proċedura

Wara li ddeterminat, u infurmat lill-Istati Membri, li l-ilment tressaq mill-industrija tal-Unjoni jew f’isimha u li hemm biżżejjed evidenza biex jiġi ġġustifikat il-bidu ta’ proċediment, il-Kummissjoni b’dan qiegħda tagħti bidu għal investigazzjoni skont l-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku.

L-investigazzjoni se tiddetermina jekk il-prodott li qiegħed jiġi investigat, li joriġina fil-pajjiż ikkonċernat huwiex qiegħed ikun oġġett ta’ dumping u jekk dawn l-importazzjonijiet ta’ dumping ikkawżawx ħsara lill-industrija tal-Unjoni. Jekk il-konklużjonijiet ikunu affermattivi, l-investigazzjoni se teżamina jekk l-impożizzjoni ta’ miżuri tmurx kontra l-interess tal-Unjoni.

5.1.    Il-perjodu ta’ investigazzjoni u l-perjodu kkunsidrat

L-investigazzjoni ta’ dumping u ħsara se tkopri l-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2015 sat-30 ta’ Ġunju 2016 (“il-perjodu tal-investigazzjoni”). L-eżami tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tal-ħsara se jkopri l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2013 sa tmiem il-perjodu tal-investigazzjoni (“il-perjodu kkunsidrat”).

5.2.    Il-proċedura ta’ kif jiġi stabbilit id-dumping

Il-produtturi esportaturi (2) tal-prodott li qiegħed jiġi investigat mill-pajjiżi kkonċernati huma mistiedna jieħdu sehem fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

5.2.1.   L-investigazzjoni tal-produtturi esportaturi fil-Brażil

(a)   Kampjunar

Minħabba n-numru potenzjalment kbir ta’ produtturi esportaturi fil-Brażil li huma involuti f’dan il-proċediment, u sabiex tlesti l-investigazzjoni fl-iskadenzi statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita l-produtturi esportaturi fil-Brażil li għandhom jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar se jsir b’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk il-kampjunar huwiex meħtieġ, u jekk ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, il-produtturi esportaturi kollha, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, qegħdin b’dan jintalbu jippreżentaw ruħhom lill-Kummissjoni. Dawn il-partijiet iridu jagħmlu dan fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, billi jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni dwar il-kumpaniji tagħhom, kif mitlub fl-Anness I ta’ din in-Notifika.

Sabiex tikseb l-informazzjoni li jidhrilha li hija meħtieġa għall-għażla tal-kampjun ta’ produtturi esportaturi, il-Kummissjoni se tikkuntattja wkoll lill-awtoritajiet tal-Brażil u tista’ tikkuntattja lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ produtturi esportaturi.

Kull parti interessata li tixtieq tippreżenta kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra rigward l-għażla tal-kampjun, minbarra l-informazzjoni mitluba hawn fuq, trid tagħmel dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Jekk ikun hemm bżonn ta’ kampjun, il-produtturi esportaturi jistgħu jintgħażlu abbażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ esportazzjonijiet lejn l-Unjoni li jista’ jiġi investigat b’mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli. Il-produtturi esportaturi magħrufa kollha, l-awtoritajiet tal-Brażil u l-assoċjazzjonijiet ta’ produtturi esportaturi se jiġu mgħarrfa mill-Kummissjoni, permezz tal-awtoritajiet tal-Brażil jekk ikun xieraq, dwar il-kumpaniji magħżula biex ikunu f’kampjun.

Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis li hija meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha fir-rigward tal-produtturi esportaturi, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-produtturi esportaturi magħżula fil-kampjun, lil kull assoċjazzjoni magħrufa tal-produtturi esportaturi, u lill-awtoritajiet tal-Brażil.

Il-produtturi esportaturi kollha magħżula biex ikunu fil-kampjun se jkollhom jippreżentaw kwestjonarju mimli fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni possibbli tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, il-kumpaniji li jkunu qablu mal-inklużjoni possibbli tagħhom fil-kampjun iżda li ma jintgħażlux biex ikunu fil-kampjun se jitqiesu li jkunu qed jikkooperaw (“il-produtturi esportaturi li kkooperaw iżda mhux inklużi fil-kampjun”). Mingħajr ħsara għat-taqsima (b) hawn taħt, id-dazju antidumping li jista’ jiġi applikat għall-importazzjonijiet mill-produtturi esportaturi li kkooperaw iżda mhux inklużi fil-kampjun ma jkunx jaqbeż il-marġni medju ponderat ta’ dumping stabbilit għall-produtturi esportaturi fil-kampjun (3).

(b)   Il-Marġni individwali ta’ dumping għall-kumpaniji li ma jiġux inklużi fil-kampjun

Il-produtturi esportaturi li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun jistgħu jitolbu, skont l-Artikolu 17(3) tar-Regolament bażiku, li l-Kummissjoni tistabbilixxi l-marġnijiet ta’ dumping individwali tagħhom. Il-produtturi esportaturi li jixtiequ jagħmlu talba għal marġni individwali ta’ dumping iridu jitolbu kwestjonarju u jirritornawh mimli kif dovut fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Il-Kummissjoni se teżamina jekk dawn jistgħux jingħataw dazju individwali skont l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku.

Madankollu, il-produtturi esportaturi li jitolbu marġni tad-dumping individwali għandhom ikunu konxji li l-Kummissjoni tista’ xorta waħda tiddeċiedi li ma tiddeterminax il-marġni tad-dumping individwali tagħhom jekk, pereżempju, l-għadd ta’ produtturi esportaturi tant ikun kbir li tali determinazzjoni tkun indebitament diffiċli u ma tkunx tippermetti li l-investigazzjoni titlesta fil-ħin.

5.2.2.   L-investigazzjoni tal-produtturi esportaturi fl-Iran, ir-Russja, is-Serbja u l-Ukrajna

Il-produtturi esportaturi u l-assoċjazzjonijiet kollha tal-produtturi esportaturi fl-Iran, ir-Russja, is-Serbja u l-Ukrajna huma mistiedna jikkuntattjaw lill-Kummissjoni, preferibbilment bil-posta elettronika, minnufih u sa mhux iktar tard minn 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, sabiex jidentifikaw ruħhom u jitolbu kwestjonarju. Sabiex tikseb l-informazzjoni li jidhrilha li hi meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha fir-rigward tal-produtturi esportaturi, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-produtturi esportaturi magħrufa fl-Iran, ir-Russja, is-Serbja u l-Ukrajna lil kull assoċjazzjoni magħrufa tal-produtturi esportaturi, u lill-awtoritajiet ta’ dawn il-pajjiżi.

Il-produtturi esportaturi, u fejn applikabbli, l-assoċjazzjonijiet tal-produtturi esportaturi, iridu jippreżentaw il-kwestjonarju mimli fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

5.2.3.   L-investigazzjoni ta’ importaturi mhux relatati  (4)  (5)

Importaturi mhux relatati tal-prodott li qiegħed jiġi investigat mill-pajjiż ikkonċernat lejn l-Unjoni huma mistiedna li jipparteċipaw f’din l-investigazzjoni.

Minħabba li jidher li hemm għadd kbir ta’ importaturi li mhumiex relatati, li huma involuti f’dan il-proċediment, u biex tlesti l-investigazzjoni fil-limiti ta’ żmien statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita l-importaturi li mhumiex relatati li se jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar se jsir b’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk il-kampjunar huwiex meħtieġ, u jekk ikun il-każ, tagħżel kampjun, l-importaturi kollha li mhumiex relatati, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, qegħdin b’dan jintalbu li jippreżentaw ruħhom lill-Kummissjoni. Dawn il-partijiet iridu jagħmlu dan fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, billi jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni dwar il-kumpaniji tagħhom, kif mitlub fl-Anness II ta’ din in-Notifika.

Sabiex tikseb l-informazzjoni li jidhrilha li tkun meħtieġa għall-għażla tal-kampjun ta’ importaturi mhux relatati, il-Kummissjoni tista’ tikkuntattja wkoll lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ importaturi.

Kull parti interessata li tixtieq tippreżenta kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra rigward l-għażla tal-kampjun, minbarra l-informazzjoni mitluba hawn fuq, trid tagħmel dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Jekk ikun hemm bżonn ta’ kampjun, l-importaturi jistgħu jintgħażlu abbażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ bejgħ tal-prodott li qiegħed jiġi investigat fl-Unjoni li jista’ jiġi investigat b’mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli. L-importaturi mhux relatati u l-assoċjazzjonijiet ta’ importaturi kollha magħrufa se jiġu mgħarrfa mill-Kummissjoni dwar il-kumpaniji magħżula għall-kampjun.

Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis li hija meħtieġa fl-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-importaturi mhux relatati inklużi fil-kampjun u lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ importaturi. Dawn il-partijiet iridu jibagħtu l-kwestjonarju mimli fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

5.3.    Il-proċedura għad-determinazzjoni tal-ħsara u l-investigazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni

Id-determinazzjoni tal-ħsara tissejjes fuq evidenza pożittiva u tinvolvi eżaminazzjoni oġġettiva tal-volum tal-importazzjonijiet li jkunu oġġett ta’ dumping, l-effett tagħhom fuq il-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni u l-impatt konsegwenti ta’ dawk l-importazzjonijiet fuq l-industrija tal-Unjoni. Sabiex jiġi stabbilit jekk l-industrija tal-Unjoni ġarrbitx ħsara, il-produtturi tal-Unjoni tal-prodott li qiegħed jiġi investigat huma mistiedna jieħdu sehem fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

Minħabba li jidher li hemm għadd kbir ta’ produtturi tal-Unjoni involuti f’dan il-proċediment, u biex tlesti l-investigazzjoni fil-limiti ta’ żmien statutorji, il-Kummissjoni ddeċidiet li tillimita l-produtturi tal-Unjoni li se jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar jitwettaq f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

Il-Kummissjoni għażlet proviżorjament kampjun ta’ produtturi tal-Unjoni. Id-dettalji jinsabu fil-fajl li jista’ jiġi vverifikat mill-partijiet interessati. Il-partijiet interessati huma b’dan mistiedna jikkonsultaw il-fajl (biex jagħmlu dan iridu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni billi jużaw id-dettalji ta’ kuntatt mogħtija fit-Taqsima 5.7 hawn taħt). Produtturi oħrajn tal-Unjoni, jew rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom li jqisu li hemm raġunijiet għalfejn għandhom jiġu inklużi fil-kampjun, iridu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jippreżentaw xi informazzjoni rilevanti oħra rigward l-għażla tal-kampjun iridu jagħmlu dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Il-produtturi tal-Unjoni u/jew l-assoċjazzjonijiet ta’ produtturi tal-Unjoni kollha magħrufa se jiġu mgħarrfa mill-Kummissjoni dwar liema kumpaniji jkunu finalment intgħażlu biex jiġu inklużi fil-kampjun.

Sabiex tikseb it-tagħrif li tqis li hu meħtieġ fl-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun u lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ produtturi tal-Unjoni. Dawn il-partijiet iridu jibagħtu l-kwestjonarju mimli fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

5.4.    Il-proċedura għall-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni

Jekk tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ dumping u ta’ ħsara kkawżata minnu, se tittieħed deċiżjoni, skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku, dwar jekk l-adozzjoni ta’ miżuri antidumping tmurx kontra l-interess tal-Unjoni. Il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumatur huma mistiedna jippreżentaw ruħhom fi żmien 15-il jum mid-data ta’ pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Sabiex jipparteċipaw fl-investigazzjoni, l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumatur iridu juru, fil-limitu tal-istess skadenza, li hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott li qiegħed jiġi investigat.

Il-partijiet li jippreżentaw ruħhom qabel il-limitu ta’ żmien ta’ hawn fuq jistgħu jipprovdu lill-Kummissjoni b’informazzjoni dwar l-interess tal-Unjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Din l-informazzjoni tista’ tingħata jew f’format ħieles inkella billi jimtela kwestjonarju mħejji mill-Kummissjoni. F’kull każ, l-informazzjoni mogħtija skont l-Artikolu 21 titqies biss jekk, meta tiġi ppreżentata, tkun sostnuta b’evidenza fattwali.

5.5.    Il-preżentazzjonijiet oħrajn bil-miktub

Soġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ din in-Notifika, il-partijiet interessati kollha huma b’dan mistiedna juru fehmiethom, jippreżentaw l-informazzjoni u jipprovdu evidenza ta’ sostenn. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, din l-informazzjoni u l-evidenza ta’ sostenn iridu jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

5.6.    Il-possibbiltà ta’ smigħ mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni

Il-partijiet interessati kollha jistgħu jitolbu li jinstemgħu mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni. Kull talba għal smigħ għandha ssir bil-miktub u għandha tispeċifika r-raġunijiet għaliex tkun qiegħda ssir. Għal seduti ta’ smigħ dwar kwistjonijiet li jkollhom x’jaqsmu mal-fażi inizjali tal-investigazzjoni, it-talba trid tiġi ppreżentata fi żmien 15-il jum mill-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, it-talba għal smigħ trid titressaq fil-limitu tal-iskadenzi speċifiċi stabbiliti mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

5.7.    L-istruzzjonijiet għas-sottomissjonijiet bil-miktub u biex jintbagħtu l-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza

L-informazzjoni mibgħuta lill-Kummissjoni għall-fini tal-investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ għandha tkun ħielsa mid-drittijiet tal-awtur. Il-partijiet interessati, qabel ma jippreżentaw lill-Kummissjoni informazzjoni u/jew dejta soġġetti għad-drittijiet tal-awtur ta’ partijiet terzi, iridu jitolbu permess speċifiku lid-detentur tad-drittijiet li jippermetti b’mod espliċitu (a) lill-Kummissjoni tuża l-informazzjoni u d-dejta għall-iskop ta’ dan il-proċediment tad-difiża tal-kummerċ u (b) tipprovdi l-informazzjoni u/jew id-dejta lill-partijiet interessati għal din l-investigazzjoni f’għamla li tippermettilhom jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom.

Il-preżentazzjonijiet kollha bil-miktub, inkluża l-informazzjoni mitluba f’din in-Notifika, il-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati li għaliha jintalab trattament kunfidenzjali jkunu mmarkati bħala “Ristrett”  (6).

Partijiet interessati li jagħtu tagħrif “Ristrett” huma mitluba jipprovdu taqsiriet mhux kunfidenzjali tiegħu skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, li jiġu mmarkati “Għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati”. Dawn it-taqsiriet għandhom ikunu dettaljati biżżejjed biex jippermettu fehim raġonevoli tas-sustanza tal-informazzjoni mressqa b’mod kunfidenzjali. Jekk parti interessata li tippreżenta informazzjoni kunfidenzjali ma tipprovdix taqsira mhux kunfidenzjali tagħha fil-format u l-kwalità mitluba, din l-informazzjoni tista’ tiġi injorata.

Il-partijiet interessati huma mistiedna jressqu l-preżentazzjonijiet u t-talbiet kollha permezz ta’ ittra elettronika u jinkludu dokumenti skenjati ta’ prokuri u ta’ ċertifikazzjoni, bl-eċċezzjoni ta’ tweġibiet voluminużi li għandhom jitressqu fuq CD-ROM jew DVD bl-idejn jew permezz ta’ ittra reġistrata. Permezz ta’ ittra elettronika, il-partijiet interessati jesprimu l-qbil tagħhom mar-regoli applikabbli għas-sottomissjonijiet elettroniċi li jinsabu fid-dokument “KORRISPONDENZA MAL-KUMMISSJONI EWROPEA F’KAŻIJIET TA’ DIFIŻA TAL-KUMMERĊ” ippubblikat fuq is-sit web tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2011/june/tradoc_148003.pdf Il-partijiet interessati jridu jindikaw isimhom, l-indirizz, in-numru tat-telefown u l-indirizz tal-posta elettronika validu u għandhom jiżguraw li l-indirizz elettroniku pprovdut ikun indirizz elettroniku tan-negozju uffiċjali operattiv u ċċekkjat kuljum. Ladarba jingħataw id-dettalji ta’ kuntatt, il-Kummissjoni tikkomunika mal-partijiet interessati permezz tal-posta elettronika biss, sakemm ma jkunx hemm talba speċifika li d-dokumenti kollha mill-Kummissjoni jintbagħtu b’mezz ieħor ta’ komunikazzjoni jew sakemm in-natura tad-dokument li għandu jintbagħat ma jkunx jeħtieġ l-użu ta’ posta rreġistrata. Għal aktar regoli u informazzjoni dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni inklużi l-prinċipji li japplikaw għas-sottomissjonijiet bil-posta elettronika, il-partijiet interessati għandhom jikkonsultaw l-istruzzjonijiet ta’ komunikazzjoni mal-partijiet interessati msemmija hawn fuq.

L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

European Commission

Directorate-General for Trade

Directorate H

Uffiċċju: CHAR 04/039

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

Indirizzi tal-posta elettronika:

Il-Brażil u r-Russja

:

TRADE-HRF-AD635-BRU@ec.europa.eu

L-Iran, is-Serbja u l-Ukrajna

:

TRADE-HRF-AD635-ISU@ec.europa.eu

Ħsara u l-interess tal-Unjoni

:

TRADE-HRF-AD635-INJURY@ec.europa.eu

6.   In-nuqqas ta’ kooperazzjoni

F’każijiet fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess jew ma tipprovdix l-informazzjoni meħtieġa fil-limiti tal-iskadenzi, jew tfixkel b’mod sinifikanti l-investigazzjoni, jistgħu jintlaħqu konklużjonijiet proviżorji jew finali, pożittivi jew negattivi abbażi tal-fatti disponibbli, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

Meta jinstab li xi parti interessata tkun tat informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni tista’ tiġi injorata u jintużaw il-fatti disponibbli.

Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera parzjalment biss, u r-riżultati jkunu għalhekk imsejsa fuq fatti disponibbli konformi mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista’ jkun anqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku tkun ikkooperat.

In-nuqqas li tingħata risposta kompjuterizzata ma jiġix ikkunsidrat bħala nuqqas ta’ kooperazzjoni, dejjem jekk il-parti interessata turi li biex tippreżenta r-risposta kif mitlub ikun ifisser piż żejjed mhux raġonevoli jew spiża addizzjonali mhux raġonevoli. Il-parti interessata għandha tagħmel kuntatt mal-Kummissjoni immedjatament.

7.   L-Uffiċjal tas-Seduta

Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta fi proċedimenti kummerċjali. L-Uffiċjal tas-Seduta jagħmilha ta’ interfaċċja bejn il-partijiet interessati u s-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni. L-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina t-talbiet għal aċċess għall-fajl, it-tilwim dwar il-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għal estensjoni tal-limiti ta’ żmien u t-talbiet minn partijiet terzi għal smigħ. L-Uffiċjal tas-Seduta jista’ jorganizza seduta ta’ smigħ ma’ parti interessata individwali u jagħmilha ta’ medjatur sabiex jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati jkunu qed jiġu eżerċitati b’mod sħiħ.

It-talba għal seduta ta’ smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta għandha ssir bil-miktub u għandha tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. Għal seduti ta’ smigħ dwar kwistjonijiet li jkollhom x’jaqsmu mal-fażi inizjali tal-investigazzjoni, it-talba trid tiġi ppreżentata fi żmien 15-il jum mill-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, it-talba għal smigħ trid titressaq fl-iskadenzi speċifiċi stipulati mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

L-Uffiċjal tas-Seduta se jipprovdi wkoll opportunitajiet biex isir smigħ li jinvolvi lill-partijiet u li jippermetti li jiġu ppreżentati fehmiet differenti u li jitressqu argumenti kuntrarji dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw, fost affarijiet oħra, id-dumping, il-ħsara, ir-rabta ta’ kawżalità u l-interess tal-Unjoni. Seduta bħal din, bħala regola, issir mhux aktar tard minn tmiem ir-raba’ ġimgħa wara d-divulgazzjoni tal-konklużjonijiet proviżorji.

Għal aktar informazzjoni u għad-dettalji ta’ kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni elettroniċi tal-Uffiċjal tas-Seduta fuq is-sit elettroniku tad-DĠ Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/trade-policy-and-you/contacts/hearing-officer/ (bl-Ingliż)

8.   L-iskeda tal-investigazzjoni

L-investigazzjoni tintemm, skont l-Artikolu 6(9) tar-Regolament bażiku, fi żmien 15-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-Artikolu 7(1) tar-Regolament bażiku, jistgħu jiġu imposti miżuri proviżorji mhux aktar tard minn disa’ xhur mill-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

9.   L-ipproċessar ta’ dejta personali

Kull dejta personali miġbura f’din l-investigazzjoni tiġi ttrattata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta (7).


(1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

(2)  Produttur esportatur huwa kull kumpanija fil-pajjiżi kkonċernati li jipproduċi u jesporta l-prodott li qiegħed jiġi investigat lejn is-suq tal-Unjoni, jew direttament inkella permezz ta’ parti terza, inkluża kull kumpanija relatata miegħu involuta fil-produzzjoni, fil-bejgħ domestiku jew fl-esportazzjoni tal-prodott li qiegħed jiġi investigat.

(3)  B’konformità mal-Artikolu 9(6) tar-Regolament bażiku, kull marġni żero u de minimis, u marġni stabbiliti skont iċ-ċirkostanzi deskritti fl-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku mhux se jkunu meqjusa.

(4)  Għall-kampjun jistgħu jintgħażlu biss l-importaturi li mhumiex relatati mal-produtturi esportaturi. L-importaturi li huma relatati mal-produtturi esportaturi jridu jimlew l-Anness I tal-kwestjonarju għal dawn il-produtturi esportaturi. F’konformità mal-Artikolu 127 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, żewġ persuni jitqiesu li jkunu relalati jekk: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju ta’ xulxin; (b) ikunu legalment rikonoxxuti bħala soċji fin-negozju; (c) ikunu min jimpjega u impjegat; (d) kull persuna li direttament jew indirettament tippossjedi, tikkontrolla jew ikollha 5 % jew aktar tal-ishma jew ta’ kwoti ta’ ishma li jivvutaw jew tat-tnejn; (e) wieħed minnhom, direttament jew indirettament, jikkontrolla lill-ieħor; (f) it-tnejn li huma huma direttament jew indirettament ikkontrollati minn terza persuna; (g) flimkien huma direttament jew indirettament, jikkontrollaw terza persuna; jew (h) ikunu membri tal-istess familja (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558). F’konformità mal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, “persuna” tfisser persuna fiżika, persuna ġuridika u kwalunkwe assoċjazzjoni ta’ persuni li mhijiex persuna ġuridika iżda li hija rikonoxxuta skont il-liġi tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali bħala persuna li għandha l-kapaċità li twettaq atti legali (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).

(5)  Id-dejta mogħtija minn importaturi mhux relatati tista’ tintuża wkoll biex jiġu eżaminati aspetti oħra ta’ din l-investigazzjoni, apparti d-determinazzjoni tad-dumping.

(6)  Dokument “Ristrett” huwa dokument meqjus kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51) u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (il-Ftehim Antidumping). Dan hu wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

(7)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.


ANNESS I

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

ANNESS II

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Top