This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52016XC0513(05)
Notice of initiation of an anti-subsidy proceeding concerning imports of certain hot-rolled flat products of iron, non-alloy or other alloy steel originating in the People's Republic of China
Notifika ta’ bidu ta’ proċediment antisussidji dwar importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti ċatti b’laminazzjoni termali tal-ħadid, mhux illigat jew liga oħra tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina
Notifika ta’ bidu ta’ proċediment antisussidji dwar importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti ċatti b’laminazzjoni termali tal-ħadid, mhux illigat jew liga oħra tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina
C/2016/2802
ĠU C 172, 13.5.2016, p. 29–39
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
13.5.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 172/29 |
Notifika ta’ bidu ta’ proċediment antisussidji dwar importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti ċatti b’laminazzjoni termali tal-ħadid, mhux illigat jew liga oħra tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina
(2016/C 172/08)
Il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) irċeviet ilment skont l-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009 tal-11 ta’ Ġunju 2009 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), li jallega li l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti ċatti b’laminazzjoni termali tal-ħadid, mhux illigat jew liga oħra tal-azzar li joriġinaw mill-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, qed jiġu sussidjati u għalhekk qegħdin jikkawżaw ħsara materjali (2) lill-industrija tal-Unjoni.
1. Lment
L-ilment tressaq fil-31 ta’ Marzu 2016 mill-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Azzar (EUROFER) (“l-ilmentatur”) f’isem il-produtturi li jirrappreżentaw aktar minn 25 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta’ ċerti prodotti ċatti b’laminazzjoni termali tal-ħadid, mhux illigat jew liga oħra tal-azzar.
2. Prodott li qed jiġi investigat
Il-prodott soġġett għal din l-investigazzjoni huwa ċerti prodotti ċatti b’laminazzjoni termali tal-ħadid, azzar mhux illigat jew liga oħra tal-azzar (li ma tinkludix l-azzar inossidabbli), kemm jekk f’rombli kif ukoll jekk le (inklużi prodotti maqtugħin tal-qies u “strixxi dojoq”), mhux maħdumin aktar minn laminazzjoni termali (laminazzjoni termali ċatta), mhux miksija, ipplattati jew mgħottijin, eskluż azzar elettriku tas-siliċju bil-granijiet orjentati (“il-prodott li qed jiġi investigat”).
3. Allegazzjoni ta’ sussidju
Il-prodott li allegatament qed ikun sussidjat huwa l-prodott li qed jiġi investigat, li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“il-pajjiż ikkonċernat”), li bħalissa jaqa’ taħt il-kodiċijiet NM 7208 10 00, 7208 25 00, 7208 26 00, 7208 27 00, 7208 36 00, 7208 37 00, 7208 38 00, 7208 39 00, 7208 40 00, 7208 52 99, 7208 53 90, 7208 54 00, 7211 14 00, 7211 19 00, 7225 19 10, 7225 30 10, 7225 30 30, 7225 30 90, 7225 40 12, 7225 40 15, ex 7225 40 60, 7225 40 90, 7226 19 10, ex 7226 20 00, 7226 91 20, 7226 91 91 u 7226 91 99. Dawn il-kodiċi NM qed jingħataw biss għal informazzjoni.
L-evidenza prima facie pprovduta mill-ilmentatur turi li l-produtturi tal-prodott li qed jiġi investigat mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina gawdew minn għadd ta’ sussidji mogħtija mill-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.
Is-sussidji jikkonsistu, fost l-oħrajn, fi trasferimenti diretti u dawk diretti potenzjali ta’ fondi jew ta’ obbligazzjonijiet, dħul mitluf tal-gvern li suppost huwa dovut u forniment ta’ prodotti u servizzi mill-gvern għal remunerazzjoni inqas minn adegwata. Pereżempju, l-ilmentatur ippreżenta evidenza ta’ sussidji permezz tal-istabbiliment tal-iskemi tat-Trasformazzjoni tal-Kummerċ Barrani u tal-Aġġornament tal-Bażijiet tad-Dimostrazzjoni u tal-Pjattaformi tas-Servizzi Komuni, self preferenzjali u faċilitajiet ta’ garanzija u l-provvista ta’ enerġija b’rati preferenzjali għas-settur tal-azzar.
Il-Kummissjoni tirriżerva d-dritt li tinvestiga sussidji rilevanti oħrajn li jistgħu jiġu żvelati matul l-investigazzjoni.
Huwa allegat li l-iskemi ta’ hawn fuq huma sussidji billi jinvolvu kontribuzzjoni finanzjarja mill-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina jew minn gvernijiet reġjonali oħrajn (inklużi korpi pubbliċi) u jikkonferixxu benefiċċju. Dawn huma allegatament limitati għal ċerti impriżi u, għaldaqstant, huma speċifiċi u kumpensatorji.
4. Allegazzjoni ta’ theddida ta’ ħsara u kawżalità
L-ilmentatur jipprovdi evidenza li l-importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi investigat mill-pajjiż ikkonċernat żdiedu b’mod ġenerali f’termini assoluti u f’termini ta’ sehem fis-suq b’rata sinifikanti li tindika l-possibilità ta’ importazzjonijiet sostanzjalment miżjuda.
Barra minn hekk, huwa allegat li l-importazzjonijiet qed jidħlu l-Unjoni bi prezzijiet li diġà kellhom, fost konsegwenzi oħra, impatt negattiv fuq il-livell tal-prezzijiet tal-bejgħ, il-kwantitajiet mibjugħa, is-sehem mis-suq u l-profitti tal-industrija tal-Unjoni.
Barra minn hekk, l-ilmentatur jipprovdi evidenza prima facie li hemm kapaċità suffiċjenti liberament disponibbli fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u li hemm żieda sostanzjali u imminenti f’tali kapaċità li tindika l-possibilità ta’ importazzjonijiet sostanzjalment miżjuda.
Huwa allegat ukoll li l-fluss tal-importazzjonijiet sussidjati huwa mistenni li jiżdied sostanzjalment minħabba tnaqqis fil-konsum domestiku fil-pajjiż ikkonċernat u l-miżuri riċenti għad-difiża kummerċjali imposti u investigazzjonijiet riċenti dwar importazzjonijiet ta’ prodotti simili fi swieq tradizzjonali oħra minbarra l-Unjoni, bħall-Istati Uniti tal-Amerka, il-Kanada, l-Afrika t’Isfel, it-Tajlandja, l-Indja, il-Malasja, il-Messiku u t-Turkija. Dan jindika possibilità ta’ ridirezzjoni ta’ esportazzjonijiet minn dawn is-swieq lejn l-Unjoni li twassal għal żieda sostanzjali ta’ importazzjonijiet sussidjati.
L-ilmentatur jargumenta li waqt li l-inventarji ma jidhrux li żdiedu, dan huwa r-riżultat ta’ prezzijiet ta’ esportazzjoni li dejjem qed jonqsu u domanda domestika li qed tonqos, li jħeġġu lill-produtturi esportaturi mill-pajjiż ikkonċernat biex jillikwidaw immedjatament il-produzzjoni tagħhom u anki l-istokkijiet eżistenti minħabba l-biża’ ta’ devalwazzjoni tal-istokkijiet.
Huwa allegat li l-bidla fiċ-ċirkostanzi spjegati hawn fuq hija prevista b’mod ċar u imminenti u ħsara materjali sseħħ minħabba l-imminenza ta’ aktar importazzjonijiet sussidjati.
5. Proċedura
Wara li ddeterminat, u infurmat lill-Istati Membri, li l-ilment tressaq mill-industrija tal-Unjoni jew f’isimha u li hemm biżżejjed evidenza biex jiġi ġġustifikat il-bidu ta’ proċediment, il-Kummissjoni b’dan qiegħda tagħti bidu għal investigazzjoni skont l-Artikolu 10 tar-Regolament bażiku.
L-investigazzjoni se tiddetermina jekk il-prodott li qed jiġi investigat u li joriġina fil-pajjiż kkonċernat hux qed jiġi sussidjat u jekk dawn l-importazzjonijiet sussidjati ikkawżawx ħsara jew qed jheddu li jikkawżaw ħsara lill-industrija tal-Unjoni. Jekk il-konklużjonijiet ikunu affermattivi, l-investigazzjoni se teżamina jekk l-impożizzjoni ta’ miżuri tmurx kontra l-interess tal-Unjoni.
Il-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina ġie mistieden għal konsultazzjonijiet.
5.1. Perjodu ta’ investigazzjoni u perjodu kkunsidrat
L-investigazzjoni tas-sussidjar u tal-ħsara se tkopri l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2015 sal-31 ta’ Diċembru 2015 (“il-perjodu ta’ investigazzjoni”). L-eżami tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tal-ħsara se jkopri l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2012 sa tmiem il-perjodu tal-investigazzjoni (“il-perjodu kkunsidrat”).
5.2. Proċedura għad-determinazzjoni tas-sussidjar
Il-produtturi esportaturi (3) tal-prodott li qed jiġi investigat mill-pajjiż ikkonċernat u l-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat huma mistiedna jipparteċipaw fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.
5.2.1. Investigazzjoni tal-produtturi esportaturi
(a) Kampjunar
Minħabba li jista’ jkun hemm għadd kbir ta’ produtturi esportaturi fil-pajjiż ikkonċernat li jkunu involuti f’dan il-proċediment, u biex tlesti l-investigazzjoni fl-iskadenzi statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita l-produtturi esportaturi li jridu jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar se jsir f’konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament bażiku.
Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk il-kampjunar huwiex meħtieġ, u jekk ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, il-produtturi esportaturi kollha, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, qegħdin b’dan jintalbu jippreżentaw ruħhom lill-Kummissjoni. Dawn il-partijiet iridu jagħmlu hekk fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, billi jagħtu l-informazzjoni dwar il-kumpanija/i tagħhom lill-Kummissjoni, kif mitlub fl-Anness I ta’ dan in-Notifika.
Sabiex tikseb l-informazzjoni li jidhrilha li hija meħtieġa għall-għażla tal-kampjun ta’ produtturi esportaturi, il-Kummissjoni se tikkuntattja wkoll lill-awtoritajiet tal-pajjiżi kkonċernati, u tista’ tikkuntattja lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ produtturi esportaturi.
Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jippreżentaw xi informazzjoni rilevanti oħra rigward l-għażla tal-kampjun, minbarra l-informazzjoni mitluba hawn fuq, iridu jagħmlu dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.
Jekk ikun hemm bżonn ta’ kampjun, il-produtturi esportaturi jistgħu jintgħażlu abbażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ esportazzjonijiet lejn l-Unjoni li jista’ jiġi investigat b’mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli. Il-Kummissjoni se tinnotifika lill-produtturi esportaturi kollha magħrufa, lill-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat u lill-assoċjazzjonijiet tal-produtturi esportaturi, permezz tal-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat jekk ikun xieraq, bil-kumpaniji magħżula biex ikunu fil-kampjun.
Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis li hija meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha fir-rigward tal-produtturi esportaturi, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-produtturi esportaturi magħżula biex ikunu fil-kampjun, lil kull assoċjazzjoni magħrufa tal-produtturi esportaturi, u lill-awtoritajiet tal-pajjiżi kkonċernati.
Il-produtturi esportaturi kollha magħżula biex jiffurmaw parti mill-kampjun, u l-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat, jkollhom jibagħtu kwestjonarju mimli fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, jekk ma jkunx speċifikat mod ieħor.
Bla ħsara għall-applikazzjoni tal-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku, il-kumpaniji li jkunu qablu mal-inklużjoni possibbli tagħhom fil-kampjun iżda li ma jintgħażlux biex ikunu fil-kampjun se jitqiesu li qed jikkooperaw (“il-produtturi esportaturi mhux inklużi fil-kampjun li jikkooperaw”). Bla preġudizzju għat-Taqsima (b) ta’ hawn taħt, id-dazju kumpensatorju li jista’ jiġi applikat għall-importazzjonijiet mill-produtturi esportaturi mhux inklużi fil-kampjun li jikkooperaw ma għandux jaqbeż il-marġni medju pponderat ta’ sussidju stabbilit għall-produtturi esportaturi fil-kampjun (4).
(b) Marġni ta’ sussidju individwali għall-kumpaniji li mhumiex inklużi fil-kampjun
Il-produtturi esportaturi mhux inklużi fil-kampjun li kkooperaw jistgħu jitolbu, skont l-Artikolu 27(3) tar-Regolament bażiku, li l-Kummissjoni tistabbilixxi l-marġini ta’ sussidju individwali tagħhom. Il-produtturi esportaturi li jixtiequ jagħmlu talba għal marġni ta’ sussidju individwali jridu jitolbu kwestjonarju u jirritornawh mimli kif suppost fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.
Madankollu, il-produtturi esportaturi li jitolbu marġni ta’ sussidju individwali għandhom ikunu jafu li l-Kummissjoni tista’ xorta waħda tiddeċiedi li ma tiddeterminax il-marġni ta’ sussidju individwali tagħhom jekk, pereżempju, l-għadd ta’ produtturi esportaturi tant ikun kbir li tali determinazzjoni tkun ta’ piż żejjed u ma jkunx jippermetti li l-investigazzjoni titlesta fil-ħin.
5.2.2. Investigazzjoni ta’ importaturi mhux relatati (5) (6)
Importaturi mhux relatati tal-prodott li qed jiġi investigat mill-pajjiż ikkonċernat lejn l-Unjoni huma mistiedna li jipparteċipaw f’din l-investigazzjoni.
Minħabba li jidher li hemm għadd kbir ta’ importaturi li mhumiex relatati, li huma involuti f’dan il-proċediment, u biex tlesti l-investigazzjoni fil-limiti ta’ żmien statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita l-importaturi li mhumiex relatati li se jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar se jsir f’konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament bażiku.
Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk huwiex meħtieġ kampjunar, u jekk ikun il-każ, tagħżel kampjun, l-importaturi kollha li mhumiex relatati, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, qegħdin b’dan jintalbu li jippreżentaw ruħhom lill-Kummissjoni. Dawn il-partijiet iridu jagħmlu dan fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, billi jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni dwar il-kumpanija/i tagħhom, kif mitlub fl-Anness II ta’ din in-Notifika.
Sabiex tikseb l-informazzjoni li jidhrilha li tkun meħtieġa għall-għażla tal-kampjun ta’ importaturi mhux relatati, il-Kummissjoni tista’ tikkuntattja wkoll lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ importaturi.
Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jippreżentaw xi informazzjoni rilevanti oħra rigward l-għażla tal-kampjun, minbarra l-informazzjoni mitluba hawn fuq, iridu jagħmlu dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.
Jekk ikun hemm bżonn ta’ kampjun, l-importaturi jistgħu jintgħażlu abbażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ bejgħ tal-prodott li qed jiġi investigat li joriġina mill-pajjiż ikkonċernat fl-Unjoni li jista’ jiġi investigat b’mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli. Il-Kummissjoni se tinnotifika lill-importaturi mhux relatati u l-assoċjazzjonijiet ta’ importaturi kollha magħrufa bil-kumpaniji magħżula għall-kampjun.
Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis li hija meħtieġa fl-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-importaturi mhux relatati inklużi fil-kampjun u lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ importaturi. Dawn il-partijiet iridu jibagħtu l-kwestjonarju mimli fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.
5.3. Proċedura għad-determinazzjoni tal-ħsara u l-investigazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni
Il-ħsara tiġi ddeterminata abbażi ta’ evidenza pożittiva u tinvolvi eżami oġġettiv tal-volum tal-importazzjonijiet sussidjati, l-effett tagħhom fuq il-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni u l-impatt konsegwenti ta’ dawk l-importazzjonijiet fuq l-industrija tal-Unjoni. Sabiex tiġi stabbilita l-qagħda tal-industrija tal-Unjoni, il-produtturi tal-Unjoni tal-prodott li qiegħed jiġi investigat huma mistiedna jieħdu sehem fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.
Investigazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni
Minħabba li jidher li hemm għadd kbir ta’ produtturi tal-Unjoni involuti f’dan il-proċediment, u biex tlesti l-investigazzjoni fil-limiti ta’ żmien statutorji, il-Kummissjoni ddeċidiet li tillimita l-produtturi tal-Unjoni li se jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar jitwettaq f’konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament bażiku.
Il-Kummissjoni għażlet proviżorjament kampjun ta’ produtturi tal-Unjoni. Id-dettalji jinsabu fil-fajl li huwa għad-dispożizzjoni tal-partijiet interessati. Il-partijiet interessati huma b’dan mistiedna jikkonsultaw il-fajl (biex jagħmlu dan iridu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni billi jużaw id-dettalji ta’ kuntatt mogħtija fit-Taqsima 5.7 hawn taħt). Produtturi oħrajn tal-Unjoni, jew rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom li jqisu li hemm raġunijiet għalfejn għandhom jiġu inklużi fil-kampjun, iridu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jippreżentaw xi informazzjoni rilevanti oħra rigward l-għażla tal-kampjun iridu jagħmlu dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.
Il-Kummissjoni tinnotifika lill-produtturi tal-Unjoni u/jew l-assoċjazzjonijiet ta’ produtturi tal-Unjoni kollha magħrufa b’liema kumpaniji jkunu finalment intgħażlu biex jiġu inklużi fil-kampjun.
Sabiex tikseb it-tagħrif li tqis li hu meħtieġ fl-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun u lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ produtturi tal-Unjoni. Dawn il-partijiet iridu jibagħtu l-kwestjonarju mimli fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.
5.4. Proċedura għall-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni
Jekk tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ sussidju u ta’ ħsara kkawżati minnu, tittieħed deċiżjoni, skont l-Artikolu 31 tar-Regolament bażiku, dwar jekk l-adozzjoni ta’ miżuri kontra s-sussidju tmurx kontra l-interess tal-Unjoni. Il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumatur huma mistiedna jippreżentaw ruħhom fi żmien 15-il jum mid-data ta’ pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Sabiex jipparteċipaw fl-investigazzjoni, l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumatur iridu juru, fil-limitu tal-istess skadenza, li hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott li qed jiġi investigat.
Il-partijiet li jippreżentaw ruħhom qabel l-iskadenza ta’ hawn fuq jistgħu jipprovdu lill-Kummissjoni b’informazzjoni dwar l-interess tal-Unjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Din l-informazzjoni tista’ tingħata f’format ħieles inkella billi jimtela kwestjonarju mħejji mill-Kummissjoni. Fi kwalunkwe każ, l-informazzjoni mogħtija skont l-Artikolu 31 titqies biss jekk, meta tiġi ppreżentata, tkun sostnuta b’evidenza fattwali.
5.5. Sottomissjonijiet oħrajn bil-miktub
Soġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ din in-Notifika, il-partijiet interessati kollha huma b’dan mistiedna juru fehmiethom, jippreżentaw l-informazzjoni u jipprovdu evidenza ta’ sostenn. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, din l-informazzjoni u l-evidenza ta’ sostenn iridu jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
5.6. Possibbiltà ta’ smigħ mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni
Il-partijiet interessati kollha jistgħu jitolbu li jinstemgħu mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni. Kull talba għal smigħ għandha ssir bil-miktub u għandha tispeċifika r-raġunijiet għaliex tkun qiegħda ssir. Għal seduti dwar kwistjonijiet li jkollhom x’jaqsmu mal-fażi inizjali tal-investigazzjoni, it-talba trid tiġi ppreżentata fi żmien 15-il jum mill-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, sabiex tinstema’ t-talba trid titressaq fil-limitu tal-iskadenzi speċifiċi stabbiliti mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.
5.7. Struzzjonijiet għas-sottomissjonijiet bil-miktub u biex jintbagħtu l-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza
L-informazzjoni ppreżentata lill-Kummissjoni għall-fini tal-investigazzjonijiet tad-difiża tal-kummerċ għandha tkun ħielsa mid-drittijiet tal-awtur. Il-partijiet interessati, qabel ma jippreżentaw lill-Kummissjoni informazzjoni u/jew dejta soġġetti għad-drittijiet tal-awtur ta’ partijiet terzi, iridu jitolbu permess speċifiku lid-detentur tad-drittijiet li jippermetti b’mod espliċitu a) lill-Kummissjoni tuża l-informazzjoni u d-dejta għall-iskop ta’ dan il-proċediment tad-difiża tal-kummerċ u b) tipprovdi l-informazzjoni u/jew id-dejta lill-partijiet interessati għal din l-investigazzjoni f’għamla li tippermettilhom jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom.
Is-sottomissjonijiet kollha bil-miktub, inkluża l-informazzjoni mitluba f’din in-Notifika, il-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati li għaliha jintalab trattament kunfidenzjali jkunu mmarkati bħala “Ristretti” (7).
Partijiet interessati li jagħtu informazzjoni “Ristretta” huma mitluba jipprovdu taqsiriet mhux kunfidenzjali tagħha skont l-Artikolu 29(2) tar-Regolament bażiku, li jiġu mmarkati “Għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati”. Dawn it-taqsiriet għandhom ikunu dettaljati biżżejjed biex jippermettu fehim raġonevoli tas-sustanza tal-informazzjoni mressqa b’mod kunfidenzjali. Jekk parti interessata li tipprovdi informazzjoni kunfidenzjali ma tipprovdix sommarju mhux kunfidenzjali ta’ din l-informazzjoni fil-format u l-kwalità mitluba, din l-informazzjoni kunfidenzjali tista’ ma titqiesx.
Il-partijiet interessati huma mistiedna jressqu s-sottomissjonijiet u t-talbiet kollha permezz tal-posta elettronika inklużi dokumenti skennjati ta’ prokuri u ta’ ċertifikazzjoni, bl-eċċezzjoni ta’ tweġibiet voluminużi li jiġu ppreżentati fuq CD-ROM jew DVD bl-idejn jew permezz ta’ ittra rreġistrata. Permezz ta’ ittra elettronika, il-partijiet interessati jesprimu l-qbil tagħhom mar-regoli applikabbli għas-sottomissjonijiet elettroniċi li jinsabu fid-dokument “KORRISPONDENZA MAL-KUMMISSJONI EWROPEA F’KAŻIJIET TA’ DIFIŻA TAL-KUMMERĊ” ippubblikat fuq is-sit web tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2014/june/tradoc_152577.pdf Il-partijiet interessati jridu jindikaw isimhom, l-indirizz, in-numru tat-telefon u indirizz tal-posta elettronika validu tagħhom u għandhom jiżguraw li l-indirizz elettroniku pprovdut ikun indirizz elettroniku tax-xogħol uffiċjali li jiffunzjona u li jiġi kkonsultat kuljum. Ladarba d-dettalji ta’ kuntatt ikunu stabbiliti, il-Kummissjoni tikkomunika mal-partijiet interessati permezz tal-posta elettronika biss, sakemm dawn ma jitolbux speċifikament li d-dokumenti kollha mill-Kummissjoni jintbagħtu b’mezz ieħor ta’ komunikazzjoni jew sakemm in-natura tad-dokument se jintbagħat ma tkunx teħtieġ l-użu ta’ posta rreġistrata. Għal aktar regoli u informazzjoni dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni inklużi l-prinċipji li japplikaw għas-sottomissjonijiet bil-posta elettronika, il-partijiet interessati għandhom jikkonsultaw l-istruzzjonijiet ta’ komunikazzjoni mal-partijiet interessati msemmija hawn fuq.
L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:
European Commission |
||||||
Directorate-General for Trade |
||||||
Directorate H |
||||||
Uffiċċju: CHAR 04/039 |
||||||
1049 Bruxelles/Brussel |
||||||
BELGIQUE/BELGIË |
||||||
|
6. Nuqqas ta’ kooperazzjoni
F’każijiet fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess jew ma tipprovdix l-informazzjoni meħtieġa fil-limiti tal-iskadenzi, jew tfixkel b’mod sinifikanti l-investigazzjoni, jistgħu jintlaħqu konklużjonijiet proviżorji jew finali, pożittivi jew negattivi abbażi tal-fatti disponibbli, skont l-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku.
Jekk jinstab li xi parti interessata tkun tat informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni tista’ tiġi injorata, u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli.
Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera parzjalment biss u l-konklużjonijiet għalhekk ikunu bbażati fuq fatti disponibbli skont l-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista’ jkun anqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku tkun ikkooperat.
In-nuqqas li tingħata risposta kompjuterizzata ma jiġix ikkunsidrat bħala nuqqas ta’ kooperazzjoni, dejjem jekk il-parti interessata turi li biex tippreżenta r-risposta kif mitlub ikun ifisser piż żejjed mhux raġonevoli jew spiża addizzjonali mhux raġonevoli. Il-parti interessata għandha tikkuntattja lill-Kummissjoni minnufih.
7. Uffiċjal tas-Seduta
Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta fi proċedimenti kummerċjali. L-Uffiċjal tas-Seduta jagħmilha ta’ interfaċċja bejn il-partijiet interessati u s-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni. L-Uffiċjal tas-Seduta jifli t-talbiet għall-aċċess għall-fajl, it-tilwim dwar il-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għal estensjoni tat-termini preskrittivi u t-talbiet għas-smigħ minn partijiet terzi. L-Uffiċjal tas-Seduta jista’ jorganizza seduta ta’ smigħ ma’ parti interessata individwali u jagħmilha ta’ medjatur sabiex jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati jkunu qegħdin jiġu eżerċitati b’mod sħiħ.
It-talba għal seduta ta’ smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta għandha ssir bil-miktub u għandha tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. Għal seduti dwar kwistjonijiet li jkollhom x’jaqsmu mal-fażi inizjali tal-investigazzjoni, it-talba trid tiġi ppreżentata fi żmien 15-il jum mill-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, it-talba għal seduta ta’ smigħ trid titressaq fl-iskadenzi speċifiċi stabbiliti mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.
L-Uffiċjal tas-Seduta se jipprovdi wkoll opportunitajiet biex isir smigħ li jinvolvi lill-partijiet u li jippermetti li jiġu ppreżentati fehmiet differenti u li jitressqu argumenti kuntrarji dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw, fost affarijiet oħra, is-sussidjar, il-ħsara, ir-rabta ta’ kawżalità u l-interess tal-Unjoni. Seduta bħal din, bħala regola, issir mhux aktar tard minn tmiem ir-raba’ ġimgħa wara d-divulgazzjoni tal-konklużjonijiet proviżorji.
Għal aktar informazzjoni u għad-dettalji ta’ kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni elettroniċi tal-Uffiċjal tas-Seduta fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ http://ec.europa.eu/trade/trade-policy-and-you/contacts/hearing-officer/
8. Skeda tal-investigazzjoni
L-investigazzjoni tintemm, skont l-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku, fi żmien 13-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-Artikolu 12(1) tar-Regolament bażiku, jistgħu jiġu imposti miżuri proviżorji mhux aktar tard minn disa’ xhur mill-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
9. Proċessar ta’ dejta personali
Kull dejta personali miġbura f’din l-investigazzjoni tiġi ttrattata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta (8).
(1) ĠU L 188, 18.7.2009, p. 93.
(2) It-terminu ġenerali “ħsara” jirreferi għal ħsara materjali kif ukoll għat-theddida ta’ ħsara materjali jew dewmien materjali kif stipulat fl-Artikolu 2(d) tar-Regolament bażiku.
(3) Produttur esportatur huwa kull kumpanija fil-pajjiż ikkonċernat li tipproduċi u tesporta l-prodott li qed jiġi investigat lejn is-suq tal-Unjoni, jew direttament inkella permezz ta’ parti terza, inkluża kull kumpanija relatata magħha involuta fil-produzzjoni, fil-bejgħ domestiku jew fl-esportazzjoni tal-prodott li qed jiġi investigat.
(4) Skont l-Artikolu 15(3) tar-Regolament bażiku, l-ammonti żero u de minimis kollha ta’ sussidji kumpensatorji u ammonti ta’ sussidji kumpensatorji stabbiliti skont iċ-ċirkostanzi deskritti fl-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku, jitwarrbu.
(5) Għall-kampjun jistgħu jintgħażlu biss l-importaturi li mhumiex relatati mal-produtturi esportaturi. L-importaturi li huma relatati mal-produtturi esportaturi jridu jimlew l-Anness I tal-kwestjonarju għal dawn il-produtturi esportaturi. F’konformità mal-Artikolu 127 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, żewġ persuni jitqiesu li jkunu relalati jekk: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju tal-persuna l-oħra; (b) ikunu legalment rikonoxxuti bħala soċji fin-negozju; (c) ikunu jimpjegatur u impjegat; (d) parti terza tippossjedi jew tikkontrolla jew iżżomm direttament jew indirettament 5 % jew aktar tal-azzjonijiet bid-dritt tal-vot jew l-ishma pendenti tat-tnejn li huma; (e) wieħed minnhom, direttament jew indirettament, jikkontrolla lill-ieħor; (f) it-tnejn li huma jkunu direttament jew indirettament ikkontrollati minn terza persuna; (g) flimkien jikkontrollaw persuna terza direttament jew indirettament; jew (h) ikunu membri tal-istess familja (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558). Persuni għandhom jitqiesu li jkunu membri tal-istess familja jekk ikollhom ir-relazzjonijiet segwenti bejniethom biss: (i) konjuġi, (ii) ġenitur u wild, (iii) aħwa (kemm jekk mill-istess ġenituri kif ukoll jekk aħwa minn ġenitur wieħed), (iv) nanniet u neputijiet, (v) ziju jew zija u neputi jew neputija, (vi) ġenitur tar-rispett u wild tar-rispett, (vii) aħwa tar-rispett (ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1). F’dan il-kuntest “persuna” tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika.
(6) Id-dejta pprovduta minn importaturi mhux relatati tista’ tintuża wkoll fir-rigward ta’ aspetti oħra ta’ din l-investigazzjoni apparti d-determinazzjoni tas-sussidjar.
(7) Dokument “Ristrett” huwa dokument meqjus bħala kunfidenzjali skont l-Artikolu 29 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009 (ĠU L 188, 18.7.2009, p. 93) u l-Artikolu 12 tal-Ftehim tad-WTO dwar is-Sussidji u l-Miżuri Kumpensatorji. Dan hu wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).