This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52016XC0213(06)
Publication of an application pursuant to Article 50(2)(a) of Regulation (EU) No 1151/2012 of the European Parliament and of the Council on quality schemes for agricultural products and foodstuffs
Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel
Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel
ĠU C 58, 13.2.2016, p. 45–46
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
13.2.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 58/45 |
Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel
(2016/C 58/14)
Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi id-dritt ta’ oppożżizjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).
DOKUMENT UNIKU
“FOGAÇA DA FEIRA”
Nru tal-UE: PT-PGI-0005-01342 – 1.6.2015
DOP ( ) IĠP ( X )
1. Isem/Ismijiet
“Fogaça da Feira”
2. Stat Membru jew Pajjiż Terz
Il-Portugall
3. Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel
3.1. Tip ta’ prodott
Klassi 2.3. Ħobż, għaġina, kejkijiet, ħelu, gallettini u prodotti oħra tal-furnara
3.2. Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)
Il-“Fogaça da Feira” hija ħbejża ħelwa b’togħma delikata u aroma ta’ lumi u kannella; hija ta’ lewn kannella minn barra u ta’ forma konika b’erba’ “torrijiet” ċkejknin fil-wiċċ.
Tikkonsisti minn għagina ratba, ħafifa, kemxejn ta’ lewn fl-isfar, li għandha toqob żgħar u tqarmeċ minn barra.
Tista’ tinbiegħ ippakkjata, bl-ingrossa jew iffriżata, f’diversi qisien, diment li l-ogħli tagħha ma jkunx iżjed u ma jkunx inqas minn 35 % tad-dijametru tal-bażi.
Tista’ tinbiegħ wkoll maqsuma fi tnejn u/jew maqtugħa fi flieli.
3.3. Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)
Il-“Fogaça da Feira” issir bl-ingredjenti li ġejjin: dqiq tal-qamħ (tip 45 u/jew tip 55 jew simili), bajd, zokkor, butir, ħmira friska jew għaġina tal-bidu, ilma, kannella, melħ, meraq tal-lumi u qoxra tal-lumi.
3.4. Passi speċifiċi fil-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita
Il-passi kollha fil-produzzjoni jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita: il-preparazzjoni, l-iffurmar, il-qtugħ tal-għaġina u l-ħami.
3.5. Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-tħakkik, l-ippakkjar, eċċ. tal-prodott li jirreferi għalihom l-isem reġistrat
—
3.6. Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar tal-prodott li jirreferi għalihom l-isem reġistrat
It-tikketta jrid ikollha l-kliem “Fogaça da Feira - Indicação Geográfica Protegida” jew “Fogaça da Feira IGP” u l-logo tal-prodott, kif jidher hawn taħt:
4. Deskrizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika
Il-“Fogaça da Feira” hija prodotta fi ħdan il-Muniċipalità ta’ Santa Maria da Feira.
5. Rabta maż-żona ġeografika
Il-“Fogaça da Feira” hija ħbejża ħelwa li tissemma f’diversi testi medjevali, li oriġinat bħala offerta ta’ wegħda lil San Sebastjan. B’hekk, oriġina l-isem tal-“Festa das Fogaçeiras”, festa reliġjuża li ilha stabbilita żmien twil, u li ssir f’Santa Maria da Feira.
Il-“Festa das Fogaceiras” hija tradizzjoni li tmur lura sekli sħaħ u fl-2005 għalqet il-ħames mitt anniversarju tagħha. Għal ħames mitt sena, in-nies tal-lokal baqgħu kostantement devoti u illum il-ġurnata din il-festa hija l-aktar festa importanti ta’ Santa Maria da Feira.
Il-“Festa das Fogaçeiras”, li ssir fl-20 ta’ Jannar, għadha avveniment annwali u tinkludi attivitajiet bħall-dimostrazzjonijiet tal-ħami li juru kif issir il-“Fogaça da Feira”, li jinvolvu l-produtturi tal-“Fogaças da Feira” u mistiedna li jduqu l-prodott, sabiex titqajjem l-kuxjenza fost il-produtturi dwar l-importanza li tinżamm ir-riċetta oriġinali u l-metodu oriġinali ta’ produzzjoni ta’ din il-ħbejża ħelwa tradizzjonali, u bħall-“capítulo” tal-“Confraria da Fogaça da Feira”, li hija waħda miċ-ċerimonji l-aktar importanti ta’ dik l-assoċjazzjoni, bl-għan li l-“Fogaça da Feira” tiġi promossa, ikun hemm tagħlim dwarha u tiġi ssalvagwardjata, minħabba l-valur storiku tagħha, filwaqt li jiġu rriklamati u kkonservati l-karatteristiċi speċifiċi tal-“Fogaça da Feira” ġenwina.
L-importanza tal-“Fogaça da Feira” f’Santa Maria da Feira ilha magħrufa għal bosta sekli, u hemm referenzi li jorbtu l-“Fogaça da Feira” mal-inkjesti tal-1220 li ġew ordnati minn Alfonso II f’dik li qabel kienet tissejjaħ it-Terra de Santa Maria, li kienet il-bażi militari u amministrativa, u li l-kwartieri ġenerali tagħha kienu il-Vila Da Feira u l-kastell tagħha, li ispira l-forma ta’ dan il-prodott.
Ir-rabta tagħha mal-“Festa das Fogaçeiras”, li fiha kienet l-offerta ta’ wegħda lil San Sebastian, maż-żmien ħolqot rabta qawwija mal-inħawi u dan kien ifisser li Santa Maria da Feira sar iċ-ċentru tal-produzzjoni.
Il-karatteristiċi speċifiċi tagħha, b’mod partikolari l-forma konika tagħha, ġejjin minn din ir-rabta qawwija maż-żona ġeografika u mal-ispeċjalizzazzjoni lokali: it-taħlit tal-ingredjenti, l-għaġna, u l-irrumblar tal-għaġina f’għamla ta’ zalzett twil li mbagħad tiġi ċċattjata u tingħata l-għamla konika. Fl-aħħar nett, fil-wiċċ tal-għaġina jsiru qatgħat sabiex jiġu ffurmati l-erba’ torrijiet tal-Kastell ta’ Santa Maria da Feira – huma dawn li jiddistingwu b’mod ċar il-“Fogaça da Feira” minn tipi oħra ta’ ħbejżiet ħelwin.
Biex isiru l-forom koniċi, l-għaġina trid tiddawwar dejjem fl-istess direzzjoni, minn isfel għal fuq. Dan l-istadju jiddependi kompletament fuq l-ispeċjalizzazzjoni lokali – li jiġġudikaw il-kundizzjonijiet tat-temp (li jistgħu jaffettwaw is-sajran tal-għaġina) u li jkollhom il-ħila manwali meħtieġa biex tinkiseb il-forma karatteristika tal-prodott.
Waqt il-ħami, il-“Fogaças da Feira” jinħarġu mill-forn u t-“torrijiet” żgħar jiġu mbuttati bl-idejn lejn it-truf b’tali mod li jispiċċaw f’pożizzjoni wieqfa. Imbagħad, il-“Fogaças da Feira” jitqiegħdu lura fil-forn sa ma jkunu lesti. Dan l-istadju huwa kruċjali biex is-sħana tippenetra sa ġewwa, sabiex il-“Fogaças da Feira” jinħmew b’mod ugwali u l-qalba tkun ratba u ħafifa, peress li jkunu saru f’temperatura adegwata u tħallew isiru eżatt kemm hemm bżonn.
Dan huwa essenzjali sabiex jiġi żgurat li l-“Fogaças da Feira” ikollhom id-dehra meħtieġa, bit-“torrijiet” tal-Kastell ta’ Santa Maria da Feira fil-wiċċ, u li wieħed ikun jaf eżatt meta jrid jagħmel dan l-istadju, hija biss kwistjoni ta’ esperjenza u ta’ intuwizzjoni.
Illum il-ġurnata, bl-istorja, bit-tradizzjoni, bit-togħma u bil-konsistenza tagħha, il-“Fogaça da Feira” hija speċjalità unika tal-muniċipalità, u dejjem tista’ tinstab fil-fieri, fl-ispettakli u fil-laqgħat muniċipali.
Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni
(it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-Regolament)
http://www.dgadr.mamaot.pt/images/docs/val/dop_igp_etg/Valor/CE_Fogaca_Feira_IGP.pdf
(1) ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.