This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52016XC0213(05)
Publication of an application pursuant to Article 50(2)(a) of Regulation (EU) No 1151/2012 of the European Parliament and of the Council on quality schemes for agricultural products and foodstuffs
Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel
Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel
ĠU C 58, 13.2.2016, p. 42–44
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
13.2.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 58/42 |
Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel
(2016/C 58/13)
Din il-pubblikazzjoni tagħti d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).
DOKUMENT UNIKU
“GALL DEL PENEDÈS”
Nru tal-UE: ES-PGI-0005-01308 – 3.2.2015
DOP ( ) IĠP ( X )
1. Isem
“Gall del Penedès”
2. Stat Membru jew Pajjiż Terz
Spanja
3. Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel
3.1. Tip ta’ prodott
Klassi 1.1 Laħam frisk (u l-ġewwieni)
3.2. Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem fil-punt (1)
Dan il-prodott kopert bl-IĠP “Gall del Penedès” hu laħam frisk tat-tiġieġ u tas-sriedaq tal-varjetà mtejba tal-Black Penedesenca mir-razza tradizzjonali tal-Penedesenca.
Jikkaratterizzawh għandu t-togħma, il-karkassi ħamranin, u l-laħam u l-muskoli sodi u sukkulenti.
Ir-razza tikber bil-mod iżda b’saħħitha ħafna, vitali ħafna u b’sura Mediterranja ċara li tipproduċi laħam magħqud. Din tiflaħ għas-sħana u għall-kesħa tipiċi tal-klima Mediterranja.
It-tiġieġ “Gall del Penedès” jitkabbar fil-gallinari b’aċċess għall-beraħ is-sena kollha iżda bħala karatteristika, id-dieta tiegħu tinkludi ż-żerriegħa tal-għeneb li lil-laħam tagħtih kwalitajiet organolettiċi distintivi.
Dan joħroġ fid-dieher fir-rapport ta’ analiżi sensorjali u kimika li għamel l-Institut de Recerca i Tecnologia agroalimentàries (l-IRTA — l-Istitut għar-Riċerka u t-Teknoloġija Agroalimentari) imsejjaħ Inclusió de granet de raïm en el pinso per la IGP del Gall del Penedès [jiġifieri Iż-żerriegħa tal-għeneb fl-ikel għat-tiġieġ “Gall del Penedès” IĠP], (Amadeu Francesch Vidal, Frar 2012), meta jgħid:
“Il-laħam tal-annimali li l-għalf tagħhom ikun fih 5 % żerriegħa tal-għeneb jinxtamm aktar bħall-ġewż u mhux qawwi bi rwejjaħ tal-qoxra tas-siġar, ma jintigħemx bħall-bqija tal-laħam tat-tiġieġ li ssib fis-suq, inqas ħelu, b’aktar elementi metalliċi, u t-tessut tiegħu jinħass aktar fibruż…”
“Il-laħam tal-annimali li l-għalf tagħhom ikun fih 5 % żerriegħa tal-għeneb jidher li għandu proporzjon akbar ġmielu ta’ aċidi xaħmin mhux saturati minħabba proporzjon akbar ta’ aċidu linolejku, u allura l-laħam ikun aħjar għas-saħħa.”
It-tiġieġ “Gall del Penedès” ma jinqatilx qabel ikollu 98 ġurnata.
Il-karkassi tat-tiġieġ “Gall del Penedès” huma kklassifikati fil-Klassi A (skont ir-Regolament (KE) Nru 543/2008); dawn m’għandhomx xaħam żejjed, il-ġilda bajda, il-laħam ħamrani u s-saqajn suwed bl-abjad minn taħt.
Tal-inqas bħala piż, il-karkassa mnaddfa trid tkun kilo u nofs mingħajr il-ġewwieni (imnittfa, imnaddfa u bla ras, bla saqajn, bla qalb, bla fwied jew bla qnieżaħ) jew żewġ kili jekk ma tkunx imnaddfa għalkollox (imnittfa u mnaddfa, iżda bir-ras u bis-saqajn).
Il-karkassi tat-tiġieġ “Gall del Penedès” jinbiegħu friski, sħaħ jew imqattgħin biċċiet.
3.3. Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)
It-tiġieġ “Gall del Penedès’ għandu dieta msejsa fuq id-dieta tradizzjonali taż-żona ġeografika li tkopri l-IĠP, adattata għat-tattiċi ta’ żmienna u għal tekniki agroalimentari. Bħala karatteristika distintiva, id-dieta fiha ż-żerriegħa tal-għeneb.
L-għalf bażiku fih:
— |
58–60 % qamħirrum, |
— |
33,5–35,5 % sojja u derivati tagħha, |
— |
5–5,5 % żerriegħa tal-għeneb. |
Tul is-sebat ijiem qabel jinqatlu, l-għalf jista’ jkun fih tal-inqas 90 % ċereali u 5 % sa 5,5 % żerriegħa tal-għeneb.
Ma jistax jingħata xaħam tal-annimali, ħlief derivati tal-ħalib.
3.4. Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika definita
It-tiġieġ “Gall del Penedès” jitkabbar fiż-żona ġeografika definita.
Il-flieles jaslu fl-irziezet tal-produzzjoni tat-tiġieġ għat-tismin meta jkollhom bejn 24 u 48 siegħa. Meta jkollu bejn 42 u 56 ġurnata, it-tiġieġ ikun jista’ joħroġ fil-miftuħ, sa ma jkollu tal-linqas 98 ġurnata.
3.5. Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-tħakkik, l-ippakkjar, eċċ.
—
3.6. Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar
Il-prodott finali maħsub għall-konsum bl-IĠP irid ikollu l-kelmiet “Gall del Penedès” or Indicación Geográfica Protegida “Gall del Penedés” bi prominenza u l-logo tal-IĠP stess.
4. Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika
It-tiġieġ “Gall del Penedès” jitkabbar f’żona ġeografika li fiha 73 muniċipalità, jiġifieri
— |
kull muniċipalità fid-distrett ta’ Alt Penedès (27); |
— |
kull muniċipalità fid-distrett ta’ Baix Penedès (14); |
— |
kull muniċipalità fid-distrett ta’ Garraf (6); |
— |
dawn il-muniċipalitajiet fid-distrett ta’ Anoia: Argençola, La Llacuna, Cabrera d’Igualada, Piera, Masquefa, Hostalets de Pierola, Vallbona d’Anoia, Capellades, La Torre de Claramunt, Carme, Orpí, Santa Maria de Miralles, Bellprat, Sant Martí de Tous, Santa Margarida de Montbui, Vilanova del Camí, La Pobla de Claramunt, Castellolí, El Bruc, Òdena, Igualada, Rubió, Jorba, Montmaneu u Copons (25); |
— |
u l-muniċipalità ta’ Rodonyà fid-distrett ta’ Alt Camp (1). |
5. Rabta maż-żona ġeografika
Ir-rabta maż-żona ġeografika ġejja mir-reputazzjoni li l-prodott kiseb matul iż-żmien, bħalma jixhdu t-tradizzjoni bil-fomm, id-dokumenti, il-fieri u l-monti, u ġejja wkoll mis-sistema partikolari tal-produzzjoni li jħaddmu r-raħħala fiż-żona, li għandha rabta mill-qrib mat-tradizzjoni li għandha ż-żona tal-produzzjoni għat-tkabbir tal-għeneb għall-inbid.
Iż-żona ġeografika tal-produzzjoni għall-IĠP hija r-reġjun storiku ta’ el Penedès, u dan jispikka għax hu l-post imnejn toriġina r-razza tradizzjonali tal-Penedesenca, li minnha ġej il-prodott “Gall del Penedès”, u anki għax hu reġjun kbir li jkabbar l-għeneb għall-inbid u li kważi 80 % tal-għelieqi jinħadmu għall-għeneb li jaqgħu fid-DOP ta’ Penedès u Cava. Jista’ jingħad li f’el Penedès, minħabba l-karattru speċifiku taż-żona u l-uċuħ tar-raba’ fiż-żona, il-prodott “Gall del Penedès” jiġi prodott flimkien mal-inbejjed tipiċi u spumanti tar-reġjun.
Għal sekli sħaħ, it-tkabbir, il-konsum, u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ “Gall del Penedès” kienu l-linja naturali li jaqbdu r-raħħala fl-inħawi. Mill-kitbiet, mit-tradizzjoni bil-fomm u mill-biċċiet tal-arti jidher li kull razzett kien ikabbar dawn it-tjur kemm biex jitmal-familja u xi drabi anki biex idawwar lira, għax il-bajd kannelli ħamrani u skur ta’ dawn it-tjur, magħruf bħala l-bajd ħamrani ta’ Vilafranca (ou rogenc de Vilafranca) kien jinbiegħ u mfittex ħafna fuq il-monti tal-post (is-suq ta’ Vilafranca jmur lura għas-seklu 12) u fis-suq ta’ Barċellona. Il-laħam ta’ “Gall del Penedès” kien meqjus prim u magħruf ġmielu, kif jidher mill-fiera Fira del Penedès li tmur lura għat-tnax-il seklu u li maż-żmien bdiet tissejjaħ Fira de Sant Tomàs u aktar tard Fira del Gall. Din kienet tittella’ kull sena mingħajr ma nqabżet waħda, u fiha r-raħħala tar-reġjun li ma kellhomx post fir-razzett tagħhom setgħu juru u jbigħu l-prodotti tagħhom. B’hekk beżgħu għall-ikel tradizzjonali tagħhom imsejjes fuq it-tkabbir tal-għeneb għall-inbid.
Fil-fieri u fuq il-monti, il-bdiewa u r-raħħala tal-inħawi kienu jiltaqgħu u jaqsmu bejniethom l-għarfien tagħhom kif irabbu t-tiġieġ “Gall del Penedès” u baqgħu jżommu d-drawwa reġjonali tal-produzzjoni li jitimgħu t-tiġieġ bil-qxur tal-għeneb. Biex isiru għalf, il-qxur tal-għeneb magħsur (imsejħa brisa) kien jitnixxef fl-għelieqi. Studju tal-1937 fuq l-għalf tat-tjur isemmi li ż-żerriegħa tal-għeneb fiha ħafna nutrijenti għat-tiġieġ għax għandha ħafna fibra, abbundanza relattiva ta’ xaħam, ftit proteini u karboidrati. Daż-żmien, ir-raħħala bdew jużaw il-prattiki tradizzjonali taż-żona billi jżidu ż-żerriegħa tal-għeneb fit-taħlita tal-għalf.
Id-dieta tat-tiġieġ “Gall del Penedès” IĠP fiha ż-żerriegħa tal-għeneb u allura żżomm ir-rabta bejn it-tradizzjoni tal-għalf u t-tradizzjoni tar-reġjun fit-tkabbir tal-għeneb għall-inbid. Din id-dieta tikkontribwixxi għat-togħma tal-prodott. U billi t-tiġieġ jitkabbar fil-gallinari b’aċċess għal barra s-sena kollha, dan jikkontribwixxi għal-lewn ħamrani u jgħin biex il-laħam u l-muskoli jkunu sodi u sukkulenti.
Fi żmienna l-prodott “Gall del Penedès” kemm-il darba jfeġġ fl-artikli tal-gazzetti reġjonali, fil-kampanji promozzjonali ta’ prodotti reġjonali ta’ kwalità għolja (tal-Kunsill ta’ Barċellona u tal-Kunsill Distrettwali ta’ Alt Penedès permezz ta’ programmi bħal Productos de la Terra [Prodotti tal-Art] u la Gastroteca) u fir-riċerka (tal-Fundación Alicia, tal-IRTA, u tal-bqija).
Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni
(it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-Regolament)
It-test kollu tal-ispeċifikazzjoni jinsab fuq dan is-sit web:
http://www.gencat.cat/alimentacio/pliego-gall-penedes
(1) ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.