Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016SC0208

    DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT Li jakkumpanja d-dokument Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar il-ġuriżdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta' deċiżjonijiet fi kwistjonijiet matrimonjali u fil-kwistjonijiet tar-responsabilità tal-ġenituri, u dwar il-ħtif tat-tfal (riformulazzjoni)

    SWD/2016/0208 final - 2016/0190 (CNS)

    Brussell, 30.6.2016

    SWD(2016) 208 final

    DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

    SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

    Li jakkumpanja d-dokument

    Proposta għal Regolament tal-Kunsill

    dwar il-ġuriżdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta' deċiżjonijiet fi kwistjonijiet matrimonjali u fil-kwistjonijiet tar-responsabilità tal-ġenituri, u dwar il-ħtif tat-tfal (riformulazzjoni)

    {COM(2016) 411 final}
    {SWD(2016) 207 final}




    Skeda tas-Sommarju Eżekuttiv

    Valutazzjoni tal-Impatt li takkompanja l-Proposta għal riformulazzjoni tar-Regolament Brussell IIa (Nru 2201/2003)

    A. Ħtieġa għal azzjoni

    Għaliex? X’inhi l-problema li qiegħda tiġi indirizzata?

    L-evalwazzjoni identifikat għadd ta' problemi li għandhom jiġu indirizzati sabiex jiġi żgurat li r-Regolament jipprovdi r-riżultati intiżi. Dawn il-problemi jirrigwardaw il-prevedibbiltà u l-effiċjenza tal-proċeduri transfruntiera stabbiliti mir-Regolament fl-interess tal-ġenituri u tal-minuri. Il-problemi joriġinaw ukoll mill-fatt li t-test ġuridiku attwali mhuwiex ċar biżżejjed jew li hemm xi omissjonijiet.

    Fir-rigward ta' kwistjonijiet tar- responsabilità tal-ġenituri li jkopru l-ħtif ta' minuri mill-ġenituri, it-tqegħid ("placement") transfruntier tal-minuri, ir-rikonoxximent u l-infurzar tas-sentenzi u l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali (ċentrali u oħrajn), hemm dewmien eċċessiv u mhux dovut li jirriżulta mill-mod li bih jiġu formulati jew applikati l-proċeduri eżistenti. Is-sentenzi spiss ma jiġux infurzati jew dan isir b'dewmien sinifikanti. Fl-aħħar nett, id-deskrizzjoni vaga tal-kooperazzjoni bejn l-Awtoritajiet Ċentrali wasslet għal dewmien jew għal nuqqas ta' eżekuzzjoni ta' talbiet, li kienu detrimentali għall-benessri tat-tfal.

    Dan id-dewmien u dawn in-nuqqasijiet għandhom impatt negattiv fuq id-drittijiet fundamentali tat-tfal u effett negattiv fuq il-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri li fuqhom tiddependi l-operazzjoni bla ostakli tar-Regolament.

    Fir-rigward tal-kwistjonijiet matrimonjali, il-konjugi ta' żwieġ internazzjonali ma għandhomx il-possibiltà li jaqblu dwar qorti fejn jiftiehmu dwar id-divorzju tagħhom. F'każijiet fejn il-konjugi ma jkollhomx ċittadinanza komuni tal-UE u jkunu jgħixu f'pajjiż mhux fl-UE, l-aċċess għal qorti tal-UE jista' jkun limitat. Għalkemm dawn il-problemi ġew ikkunsidrati, f'dan l-istadju ma ġiet proposta ebda azzjoni.

    X’inhuma l-objettivi?

    Il-proċedimenti għandhom jiġu simplifikati permezz ta' tnaqqis fid-dewmien u fl-ispejjeż. Il-proċedimenti għar-ritorn tat-tfal jistgħu jittejbu permezz ta' kjarifikazzjoni tal-mekkaniżmu ta' ritorn attwali u l-introduzzjoni ta' miżuri ġodda, bħall-konċentrazzjoni tal-ġuriżdizzjoni u l-limitazzjoni tal-appelli, biex jitqassar id-dewmien. Rigward id-deċiżjonijiet ta' tqegħid ("placement"), għandha tiġi stabbilita proċedura ta' approvazzjoni awtonoma li tiġi applikata għat-tqegħid transkonfini kollu, flimkien ma' terminu ta' żmien li fih l-Istat Membru jwieġeb għat-talba li jirċievi. Barra minn hekk, l-exequatur għandu jitneħħa, filwaqt li jinżammu salvagwardji adegwati (raġunijiet għal nuqqas ta' rikonoxximent u sfidi kontra l-miżuri ta' infurzar speċifiċi) li jistgħu jiġu invokati mill-imputat fl-istadju tal-infurzar, filwaqt li b'hekk jitqassar id-dewmien ġenerali tal-proċedimenti, inkluż fl-istadju ta' infurzar. Finalment, fir-rigward tal-kooperazzjoni, għandu jiġi ċċarat: (1) min jista' jsaqsi (2) it-tip ta' assistenza jew informazzjoni (3) minn min u (4) b'liema kondizzjonijiet. Għandu jiġi ċċarat li, meta jkun meħtieġ, anki l-qrati u l-awtoritajiet tal-benessri tat-tfal jistgħu jitolbu l-għajnuna tal-awtoritajiet ċentrali.

    X’inhu l-valur miżjud ta’ azzjoni fil-livell tal-UE? 

    Minħabba n-natura transfruntiera tal-problema, koppji/ġenituri internazzjonali biss huma affettwati mill-problema. In-nuqqasijiet identifikati fid-dritt attwali tal-Unjoni ma jistgħux jiġu indirizzati mill-Istati Membri b'mod individwali, u l-objettivi ma jistgħux jinkisbu biżżejjed fil-livell nazzjonali; għalhekk jeħtieġ l-intervent tal-Unjoni. L-azzjonijiet proposti ma jaffettwawx ir-regoli sostantivi nazzjonali tad-dritt tal-familja.

    B. Soluzzjonijiet

    X’għażliet ta’ politika leġiżlattiva u mhux leġiżlattiva ġew ikkunsidrati? Hemm għażla ppreferuta jew le? Għaliex?

    L-għażliet politiċi u l-valutazzjoni tal-impatt tagħhom jiġu indirizzati b'mod separat għal kull waħda minn dawn il-kwistjonijiet identifikati fl-evalwazzjoni tar-Regolament bħala problematiċi. Għall-kwistjonijiet kollha, ġew żviluppati xenarju bażi u għażliet alternattivi. Għal kwistjonijiet ta' responsabbiltà tal-ġenituri u matrimonjali, ġew ikkunsidrati l-għażliet politiċi bi gradi ta' intervent differenti. Għall-proċedura tal-ħtif tat-tfal, jiġu kkunsidrati sempliċement kjarifikazzjonijiet tal-mekkaniżmu attwali, flimkien ma' għażla li tipprevedi lista ta' miżuri ta' sostenn. Barra minn hekk, ġew żviluppati żewġ għażliet biex jiġu vvalutati l-bidliet radikali tal-mekkniżmu ta' ritorn (ir-ritorn lejn is-sistema "Hague" u l-ħolqien ta' forum uniku fl-Istat Membru ta' oriġini). Għall-mekkaniżmu ta' tqegħid, ġew proposti żewġ għażliet fejn wieħed jagħżel bejn sistema jew b'kunsens preżunt jew dak espliċitu.

    Fir-rigward tar-rikonoxximent u l-infurzar, iż-żewġ għażliet politiċi prinċipali jabolixxu l-exequatur jew jipproponu proċedura ġdida sabiex iwieġbu l-aħjar għall-problema ta' ineffiċjenza. Is-sistema l-ġdida hija supplementata bi tliet sub-għażliet alternattivi li jindirizzaw il-problema tas-smigħ tal-minuri. Barra minn hekk, ġew proposti żewġ għażliet komplimentari biex itejbu l-infurzar permezz ta' limitu ta' żmien indikattiv jew permezz ta' armonizzazzjoni sħiħa tad-dritt ta' infurzar għal deċiżjonijiet ta' responsabbiltà tal-ġenituri.

    Il-valutazzjoni ttemm bl-għażliet ippreferuti kompensivi għall-kwistjonijiet kollha ppreżentati fir-rapport.

    X’inhuma l-fehmiet tal-partijiet interessati differenti? Min jappoġġja liema għażla?

    Huwa ċar li l-partijiet ikkonċernati, inkluż l-Istati Membri, jappoġġjaw il-ħtieġa għal riforma prudenti u mmirata tar-Regolament attwali. F'każijiet li jirrigwardaw il-ħtif tat-tfal mill-ġenituri, il-maġġoranza (aktar minn 70 %) ta' min iwieġeb, inkluż il-ġenituri, jaħsbu li r-Regolament ma żgurax ir-ritorn immedjat tat-tfal fl-UE. Is-suġġeriment ewlieni għat-titjib kien fil-qasam tal-infurzar u rigward il-limitu ta' żmien biex tinħareġ l-ordni ta' ritorn u għall-infurzar tagħha.

    Filwaqt li l-ġenituri huma l-grupp l-aktar prominenti li pprovaw iwessgħu it-tħassir tal-exequatur, segwiti mill-imħallfin u l-avukati, xi Stati Membri indikaw li l-exequatur għandu jitħasar kompletament. Għadd sinifikanti ta' parteċipanti li ġew ikkonsultati (86 %) ikkunsidraw l-infurzar tad-deċiżjonijiet tar-responsabbiltà tal-ġenituri bħala qasam importanti għat-titjib. Finalment, il-ġenituri esprimew b'mod partikolari t-tħassib tagħhom rigward il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ċentrali.

    C. Impatti tal-għażla ppreferuta

    X'inhuma l-benefiċċji tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, inkella dawk ewlenin)? 

    L-għażliet ippreferuti jindirizzaw il-problemi identifikati, b'mod aħjar minn kwalunkwe għażla oħra li ġiet ikkunsidrata. Meħuda flimkien, huma jtejbu l-prevedibilità fil-litigazzjoni transkonfini billi jiżguraw iċ-ċirkolazzjoni libera tas-sentenzi abbażi tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u jtejbu r-rispett għad-drittijiet fundamentali, b'mod partikolari tad-drittijiet tat-tfal, billi jipprovdu s-salvagwardji meħtieġa. B'mod globali, huma jgħinu biex jinħolqu proċeduri aktar rapidi u b'hekk jiġi minimizzat l-impatt negattiv fuq il-ġenituri u fuq kollox fuq it-tfal.

    X'inhuma l-ispejjeż tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, fil-każ dawk prinċipali)? 

    L-għażliet politiċi ippreferuti jistgħu jwasslu għal iffrankar għaċ-ċittadini Ewropej involuti f'litigazzjoni transkonfini. It-tħassir tal-exequatur jippermettilhom jiffrankaw il-parti ewlenija tal-kostijiet attwali tal-proċedura ta' exequatur (medja ta' € 2,200 li jridu jitħallsu għall-ipproċessar tal-applikazzjoni). Barra minn hekk, l-għażla politika ippreferuta għall-infurzar tista' tikkontribwixxi biex tiffranka l-ispejjeż għal ġenituri li jitolbu l-infurzar peress li huma ma jkollhomx għalfejn ifittxu neċessarjament avukati speċjalizzati b'għarfien tas-sistema ta' infurzar barranija. Jista' jkun hemm tnaqqis żgħir fl-ispejjeż tal-awtoritajiet ċentrali; jekk il-proċeduri jkunu jinkludu regoli unifikati jew li jkunu iqsar fl-istadju ta' infurzar. Bl-istess mod, il-kjarifikazzjoni tal-kompiti tal-Awtoritajiet Ċentrali u tal-proċedura ta' tqegħid se jiffrankaw l-ispejjeż hekk kif il-proċeduri ta' kooperazzjoni jsiru aktar simplifikati.

    Kif se jiġu affettwati n-negozji, l-SMEs u l-mikrointrapriżi?

    Mhux applikabbli.

    Se jkun hemm impatti sinifikanti fuq l-amministrazzjonijiet u l-baġits nazzjonali?

    L-għażliet politiċi ppreferuti jistgħu jwasslu għal spejjeż finanzjarji relattivament modesti. It-tneħħija tal-exequatur tista' twassal biex l-Istati Membri jkollhom spejjeż ta' taħriġ sabiex il-professjonisti ġuridiċi jiffamiljarizzaw ruħhom mal-proċeduri ġodda ppjanati, iżda jeħtieġ li t-taħriġ jiġi pprovdut minn issa, u lil ferm aktar imħallfin. Għal xi Stati Membri, x'atarx li l-obbligu li jipprovdu l-Awtorità Ċentrali b'riżorsi adegwati se jiġġenera spejjeż addizzjonali (b'mod partikolari fir-riżorsi umani) jekk l-awtoritajiet ċentrali tal-preżent mhumiex mgħammra biżżejjed.

    D. Segwitu

    Meta se tiġi riveduta l-politika?

    Ħames snin wara l-addozzjoni tar-Regolament.

    Top