Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016SC0201

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT Sommarju Eżekuttiv tal-Valutazzjoni tal-Impatt Li jakkumpanja d-dokument Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar regoli għas-swieq tar-roaming bl-ingrossa u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 531/2012 dwar roaming fuq netwerks pubbliċi ta’ komunikazzjoni mobbli fi ħdan l-Unjoni

SWD/2016/0201 final - 2016/0185 (COD)

Brussell, 15.6.2016

SWD(2016) 201 final

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

Sommarju Eżekuttiv tal-Valutazzjoni tal-Impatt

Li jakkumpanja d-dokument

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

dwar regoli għas-swieq tar-roaming bl-ingrossa u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 531/2012 dwar roaming fuq netwerks pubbliċi ta’ komunikazzjoni mobbli fi ħdan l-Unjoni

{COM(2016) 399 final}
{SWD(2016) 202 final}


Sommarju Eżekuttiv

Valutazzjoni tal-impatt fuq il-proposta leġiżlattiva tar-roaming bl-ingrossa

A. Ħtieġa għal azzjoni

Għaliex? X’inhi l-problema li qiegħda tiġi indirizzata?

Il-koleġiżlaturi qablu li jtemmu l-ħlasijiet addizzjonali tar-roaming bl-imnut għall-ivvjaġġar perjodiku fl-UE mill-15 ta’ Ġunju 2017 (sistema tar-RLAH 1 imposta permezz tar-Regolament Nru 531/2012 kif emendat mir-Regolament Nru 2015/2120 tal-25 ta’ Novembru 2015, ir-'Regolament dwar ir-Roaming'), bil-kundizzjoni li, wara rieżami mill-Kummissjoni tas-suq tar-roaming bl-ingrossa fl-UE, l-UE tieħu miżuri leġiżlattivi xierqa f'dan is-suq sabiex tippermetti r-RLAH minn dik id-data. Ir-rieżami tar-roaming bl-ingrossa mwettaq mill-Kummissjoni juri li s-swieq nazzjonali tar-roaming bl-ingrossa mhumiex qed jiffunzjonaw sewwa u li mistennija jibqgħu hekk skont l-obbligu bl-imnut tar-RLAH futur. Għalhekk, din il-Valutazzjoni tal-Impatt tfittex li tiddetermina l-aħjar għażla għar-regolazzjoni tas-suq tar-roaming bl-ingrossa fl-UE sabiex tippermetti r-RLAH fl-2017, filwaqt li żżomm is-sostenibbiltà tal-mudelli domestiċi tat-tariffi.

Il-partijiet affettwati primarjament ikunu operaturi tan-netwerk mobbli tal-UE. Il-benefiċjarji ewlenin ser ikunu l-klijenti kollha tal-operaturi mobbli tal-UE li jużaw servizzi ta’ komunikazzjoni mobbli waqt li jkunu qegħdin jivvjaġġaw fl-UE.

X’mistennija tikseb din l-inizjattiva?

L-inizjattiva għandha l-għan li tipproponi miżuri xierqa fis-suq tar-roaming bl-ingrossa sabiex tagħmlu kompatibbli mal-obbligu fuq l-operaturi mobbli tal-UE sabiex jibdew jipprovdu servizzi ta’ roaming bl-imnut bi prezzijiet domestiċi mill-15 ta’ Ġunju 2017. Fil-valutazzjoni ta’ dawn il-miżuri, il-Kummissjoni trid tikkunsidra l-ħtieġa li tiżgura li l-fornituri tar-roaming ikunu jistgħu jirkupraw l-ispejjeż kollha tal-provvista ta’ servizzi tar-roaming bl-ingrossa rregolati, inklużi spejjeż konġunti u komuni.

B’hekk, l-għażliet jiġu vvalutati abbażi tal-għanijiet ta’ politika stipulati fir-Regolament dwar ir-Roaming: (i) li tkun permessa t-tneħħija sostenibbli tal-ħlasijiet addizzjonali tar-roaming bl-imnut għall-operaturi kollha, jew prattikament kollha, fl-UE, sabiex jiġu evitati d-distorsjonijiet fis-swieq domestiċi, (ii) li jkun żgurat l-irkupru tal-ispejjeż fil-livell bl-ingrossa, filwaqt li jiġu ppreservati l-inċentivi sabiex isir investiment fin-netwerks miżjura u tiġi evitata distorsjoni tal-kompetizzjoni domestika fis-swieq miżjura.

X’inhu l-valur miżjud ta’ azzjoni fil-livell tal-UE? 

Ir-Regolament dwar ir-Roaming ta r-responsabbiltà lill-Kummissjoni sabiex tirrevedi s-suq tar-roaming bl-ingrossa u tagħmel proposti xierqa bil-għan li tippermetti t-tneħħija ta’ ħlasijiet addizzjonali tar-roaming bl-imnut fl-UE mill-15 ta’ Ġunju 2017.  It-tneħħija ta’ ħlasijiet addizzjonali tar-roaming bl-imnut mogħtija b’mandat fir-Regolament dwar ir-Roaming hija kkundizzjonata għall-adozzjoni u l-applikabbiltà f’dik id-data tal-miżuri fil-livell bl-ingrossa meħtieġa sabiex tkun tista’ ssir din it-tneħħija. Għalhekk, jekk ma kienet proposta ebda miżura u minħabba l-evidenza preċedenti li s-sistema leġiżlattiva attwali tas-suq bl-ingrossa mhijiex bażi suffiċjenti għall-introduzzjoni tar-RLAH, l-obbligu stipulat fir-Regolament dwar ir-Roaming sabiex jitneħħew il-ħlasijiet addizzjonali tar-roaming bl-imnut mill-15 ta’ Ġunju 2017 ma jkunx applikabbli f’dik id-data. 

B. Soluzzjonijiet

X’għażliet ta’ politika leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi ġew ikkunsidrati? Hemm għażla ppreferuta jew le? Għaliex? 

Minbarra l-implikazzjonijiet tal-implimentazzjoni, l-għażliet jiġu vvalutati abbażi ta’: l-istima fil-livell tal-pajjiżi tal-ispiża medja tar-RLAH għall-fornituri tar-roaming bl-imnut imqabbla mad-dħul domestiku medju tagħhom; it-test tas-sostenibbiltà fil-livell tal-operaturi; l-ispejjeż rilevanti kollha fil-livell tal-ingrossa għan-netwerks miżjura b’referenza għall-istimi tal-ispejjeż, il-livell tar-rati tat-terminazzjoni mobbli attwali u l-prezzijiet domestiċi bl-imnut u bl-ingrossa.

Huma kkunsidrati erba’ għażliet:

Għażla 1-ebda azzjoni fil-livell tal-Unjoni (xenarju bażi): RLAH mhux ser ikun applikabbli mill-15 ta’ Ġunju 2017 u l-konsumaturi ser ikomplu jħallsu ħlasijiet addizzjonali għar-roaming bl-imnut wara dik id-data. 

Għażla 2-l-iffissar ta’ limiti massimi għar-roaming bl-ingrossa madwar l-UE kollha fil-livell attwali: RLAH mhux ser ikun sostenibbli għal mill-inqas 20% tal-operaturi fil-kampjun tagħna u/jew f’mill-inqas sitt Stati Membri. 

Għażla 3-l-iffissar ta’ limitu massimu għar-roaming bl-ingrossa madwar l-UE kollha f’livell aktar baxx mil-lum:  L-analiżi turi li din l-għażla tissodisfa bl-aħjar mod l-għanijiet tal-politika. 

Għażla 4-l-iffissar ta’ limiti massimi għar-roaming bl-ingrossa speċifiċi skont il-pajjiż: Din l-għażla ma ttejjibx b’mod sinifikanti s-sostenibbiltà tar-RLAH fil-livell tal-operaturi mqabbla mal-Għażla 3, filwaqt li tinvolvi riskji akbar fir-rigward tal-irkupru tal-ispejjeż fil-livell tal-ingrossa, kif ukoll diffikultajiet konsiderevoli fl-implimentazzjoni. 

Liema għażla u min jappoġġaha?

Il-konsultazzjoni pubblika turi li l-operaturi huma maqsuma dwar x’inhi l-aktar miżura xierqa fil-livell regolatorju tal-ingrossa sabiex ikun permess RLAH sostenibbli: ċerti operaturi preeżistenti storiċi u operaturi b’impronta kbira u, ġeneralment, operaturi bi traffiku kbir ta’ roaming ’il ġewwa, jiddefendu l-fehma li RLAH huwa sostenibbli taħt il-limiti massimi attwali tal-prezz tar-roaming bl-ingrossa (Għażla 2), filwaqt li operaturi oħrajn, b’mod partikolari dawk iżgħar, operaturi tan-netwerk virtwali mobbli u operaturi bi traffiku kbir ta’ roaming ’il barra jsostnu li l-limiti massimi tal-prezz tar-roaming bl-ingrossa għandhom jitbaxxew b’mod sinifikanti sabiex ikun possibbli RLAH sostenibbli (Għażla 3). Prattikament ma rriżulta ebda appoġġ għall-Għażla 4 mill-konsultazzjoni pubblika.

C. Impatti tal-għażla ppreferuta

X’inhuma l-benefiċċji tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, jew inkella dawk ewlenin)? 

Skont l-Għażla 3 (il-limiti massimi mnaqqsa tar-roaming bl-ingrossa madwar l-UE kollha), l-iffissar tal-limiti massimi tar-roaming bl-ingrossa madwar l-UE kollha b’rati ta’ EUR 4 ċ/min, EUR 1 ċ/SMS u EUR 0.85 ċ/MB jippermetti RLAH sostenibbli fl-UE, inkluż għall-operaturi b’inqas setgħa ta’ negozjar, filwaqt li jiżgura l-irkupru tal-ispejjeż prevedibbli tal-operaturi miżjura sabiex jipprovdu servizzi ta’ roaming bl-ingrossa u jżommu l-inċentivi ta’ investiment fis-swieq miżjura. Il-livell tal-limitu massimu skont l-Għażla 3 iħalli wkoll lok għal kompetizzjoni taħt il-limitu massimu, li jippermetti b’mod partikolari li jitnisslu vantaġġi ekonomiċi mill-iskala u l-abbiltà assoċjata sabiex jiġu nnegozjati tariffi aktar baxxi.

L-analiżi turi wkoll li l-permess lill-operaturi miżjura u l-viżitaturi sabiex jaqblu flimkien li jirtiraw mir-regolament tal-prezz massimu favur kuntratt mhux irregolat, pereżempju, ipprezzar abbażi tal-kapaċità jew kwalunkwe forma kuntrattwali oħra, ser iġib miegħu impatt pożittiv għas-suq tar-roaming bl-ingrossa u, b’hekk, huwa propost bħala miżura kumplimentari.

Billi tippermetti r-RLAH minn Ġunju 2017, l-Għażla 3 tikseb l-impatt pożittiv sinifikanti tal-allinjament tal-prezzijiet tar-roaming mal-prezzijiet għall-konsumaturi li jivvjaġġaw fl-UE, kif deċiż mill-koleġiżlatur fl-2015.

X’inhuma l-ispejjeż tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, jew inkella dawk ewlenin)? 

L-għażla ppreferuta ma toħloqx spejjeż tekniċi jew amministrattivi addizzjonali mqabbla mar-regolament attwali applikabbli għas-suq tar-roaming bl-ingrossa fl-UE. Billi timponi prezzijiet aktar baxxi ta’ roaming bl-ingrossa għall-operaturi mobbli, tista’ tnaqqas id-dħul tal-operaturi mir-roaming bl-ingrossa fuq perjodu ta’ żmien qasir meta huma jospitaw il-klijenti tar-roaming ta’ operaturi barranin, filwaqt li fl-istess ħin tnaqqas l-ispejjeż bl-ingrossa li huma jġarrbu meta jipprovdu servizzi ta’ roaming bl-imnut lill-klijenti tagħhom stess. Madankollu, id-domanda ogħla li tirriżulta għas-servizzi mobbli fuq il-vjaġġi fl-UE, b’mod partikolari għad-dejta, għandha ttaffi u tikkontrobilanċja ħafna ż-żewġ effetti. Min-naħa tagħha, il-liberalizzazzjoni tal-iżvilupp ta’ użi ġodda tal-mezzi u l-applikazzjonijiet konnessi fuq vjaġġi fl-UE għandha toħloq dħul konsiderevoli ġdid għall-operaturi mobbli tal-UE, li fuq perjodu medju jaqbeż bil-kbir dak tal-użu mobbli limitat tar-roaming fl-UE tal-lum, konformi għal kollox ma’ inizjattivi oħrajn skont l-Istrateġija DSM tal-Kummissjoni.

Kif ser jiġu affettwati n-negozji, l-SMEs u l-mikrointrapriżi?

Operaturi tan-netwerk mobbli u operaturi tan-netwerk virtwali mobbli iżgħar: huwa mistenni impatt pożittiv sinifikanti billi dawn l-operaturi għandhom aktar diffikultà sabiex jiksbu aċċess għal ftehimiet favorevoli ta’ roaming bl-ingrossa. L-inizjattiva ser tagħtihom iċ-ċans li jibbenifikaw minn prezzijiet ta’ roaming bl-ingrossa li jiffaċilitaw il-provvista minnhom ta’ servizzi ta’ roaming bl-imnut bi prezzijiet domestiċi.

Negozji online u negozji ġodda: impatt pożittiv sinifikanti; l-użu tas-servizzi tagħhom waqt li jużaw ir-roaming fl-UE ser jikber, li jfisser aktar opportunitajiet għalihom sabiex jipprovdu servizzi lill-konsumaturi meta jivvjaġġaw fl-UE. L-inizjattiva ser tippromwovi l-użu transkonfinali tal-mezzi/tas-servizzi/tal-applikazzjonijiet mobbli konnessi li jiffavorixxu l-innovazzjoni.

SMEs: impatt pożittiv sinifikanti għal dawk li għandhom impjegati li jivvjaġġaw fl-UE għan-negozju (kontijiet imnaqqsa).

Ser ikun hemm impatti sinifikanti fuq l-amministrazzjonijiet u l-baġits nazzjonali? 

Bħala tali, din l-inizjattiva mhux ser tħalli impatt fuq l-amministrazzjonijiet pubbliċi nazzjonali. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali (ARN) jimmonitorjaw u jissorveljaw il-konformità mar-Regolament dwar ir-Roaming kif emendat permezz tar-Regolament Nru 2015/2120.

Ser ikun hemm impatti sinifikanti oħrajn? 

Mhuwiex mistenni impatt sinifikanti fuq il-pajjiżi terzi, il-kummerċ internazzjonali jew l-investiment. Ir-Regolament dwar ir-Roaming tal-UE huwa strument leġiżlattiv li jiffoka fuq il-ħolqien tas-suq intern tal-UE. Il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu jkopri t-traffiku ġewwa l-UE, meta klijent ta’ operatur ta’ netwerk wieħed tal-UE juża r-roaming fuq netwerk ta’ operatur ta’ netwerk ieħor tal-UE. L-UE, li minnha nfisha hija Membru tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, hija integrazzjoni ekonomika skont it-tifsira tal-Artikolu V tal-GATS u, b’hekk, l-UE u l-Istati Membri tagħha jibbenifikaw minn rinunzja skont dak l-Artikolu. Billi r-Regolament dwar ir-Roaming tal-UE japplika biss għas-suq intern tal-UE, ma hemm ebda diskriminazzjoni jew kwistjoni ta’ Nazzjon l-Aktar Iffavorit jekk ir-rati tar-roaming (bl-ingrossa u bl-imnut) għall-operaturi fl-UE jkunu differenti minn dawk ta’ barra l-UE.

D. Segwitu

Meta ser tiġi riveduta l-politika?

Il-KE hija meħtieġa tirrapporta kull sentejn (2) minn Ġunju 2018. Ir-Regolament dwar ir-Roaming jagħti mandat lill-ARN sabiex jimmonitorjaw u jissorveljaw il-konformità ma’ dan ir-Regolament u lil BEREC sabiex jiġbor dejta mill-ARN dwar l-iżvilupp tat-tariffi bl-imnut u bl-ingrossa (innotifikata lill-KE darbtejn fis-sena) u jirrapporta dwar l-evoluzzjoni tal-prezzijiet bl-ingrossa.

(1)

 Roam Like at Home

Top