Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016SC0167

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT Li jakkumpanja d-dokument Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar servizzi ta' konsenja tal-pakketti transfruntiera

SWD/2016/0167 final - 2016/0149 (COD)

Brussell, 25.5.2016

SWD(2016) 167 final

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

Li jakkumpanja d-dokument

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

dwar servizzi ta' konsenja tal-pakketti transfruntiera

{COM(2016) 285 final}
{SWD(2016) 166 final}


Valutazzjoni tal-impatt dwar il-konsenja transfruntiera tal-pakketti

A. Ħtieġa għall-azzjoni

Għaliex? X’inhi l-problema li qiegħda tiġi indirizzata?

Il-prezzijiet għolja għall-konsenja transfruntiera għall-bejjiegħa online u għall-konsumaturi, b’mod partikolari f’żoni remoti u għall-SMEs, huma ostakolu għall-kummerċ elettroniku transfruntier. Il-prezzijiet għolja huma kkawżati minn ostakoli relattivament kbar għad-dħul fis-suq, li jistgħu jillimitaw l-iżvilupp tal-kompetizzjoni b’kopertura ġeografika wiesgħa, u mill-volumi baxxi ta’ spedituri żgħar li jnaqqsu s-setgħa tan-negozjar tagħhom, bir-riżultat ta' prezzijiet ogħla u inqas għażliet ta’ konsenja disponibbli għall-bejjiegħa żgħar u għall-individwi. Barra minn hekk, il-mandat limitat ta’ ħafna mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali (NRAs) sabiex jissorveljaw s-suq transfruntier tal-pakketti jirriżulta f’nuqqas ta’ informazzjoni meħtieġa biex jiġu identifikati fallimenti possibbli tas-suq jew tħassib regolatorju ieħor. Il-bejjiegħa u l-konsumaturi għandhom ukoll nuqqas ta’ informazzjoni dwar il-firxa ta’ għażliet ta’ konsenja disponibbli għalihom. Id-differenzi fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligu tas-servizz universali bejn l-Istati Membri jfisser li d-Direttiva dwar is-Servizzi Postali (97/67/KE) 1 waħedha mhix biżżejjed biex tiggarantixxi prezzijiet affordabbli għas-servizzi użati għall-kummerċ elettroniku,

X’mistennija tikseb din l-inizjattiva,?

L-għanijiet huma li s-sorveljanza regolatorja ssir aktar effettiva; li tissaħħaħ it-trasparenza fir-rigward tad-disponibbiltà u l-prezz tas-servizzi ta' konsenja transfruntiera; u li titħeġġeġ il-kompetizzjoni. Dan għandu jnaqqas il-prezzijiet transfruntiera tal-pakketti mħallsa minn konsumaturi individwali u bejjiegħa online iżgħar, b’mod partikolari f’żoni remoti. Il-kwalità tas-servizzi ta' konsenja transfruntiera qiegħda tiġi indirizzata separatament.

X’inhu l-valur miżjud tal-azzjoni fil-livell tal-UE? 

Fin-nuqqas ta’ approċċ armonizzat fil-livell tal-UE, l-azzjoni fil-livell nazzjonali biss aktarx li ma tindirizzax il-kwistjonijiet transfruntiera identifikati hawn fuq. L-approċċi differenti jew l-interpretazzjonijiet tal-qafas regolatorju kurrenti (b’mod partikolari d-Direttiva dwar is-Servizzi Postali) wasslu għal kundizzjonijiet mhux ekwi għall-operaturi tal-konsenja li joperaw fi Stati Membri differenti u livelli mhux indaqs ta’ protezzjoni għall-SMEs u ċ-ċittadini li jippruvaw jibbenefikaw mis-suq uniku (diġitali). L-Istati Membri individwali ma jistgħux jindirizzaw b’mod effettiv l-ostakoli fis-suq intern, billi n-netwerks trans-Ewropej tal-konsenja huma koperti minn għadd ta' ġurisdizzjonijiet.

B. Soluzzjonijiet

Liema għażliet politiċi leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi ġew ikkunsidrati? Hemm jew ma hemmx għażla ppreferuta? Għaliex?

L-għażliet differenti għat-trasparenza fil-prezzijiet u s-setgħat regolatorji ġew eżaminati. L-għażla ppreferuta hija:

(1) Trasparenza mtejba bil-pubblikazzjoni tal-prezzijiet ta' prodotti magħżula ta' fornituri tas-servizz ta' konsenja transfruntiera f'sezzjoni dedikata fuq is-sit tal-Kummissjoni EUROPA u r-rekwiżit li l-NRAs jivvalutaw l-affordabbiltà tagħhom. 

(2) Tittejjeb is-sorveljanza regolatorja billi jiġi ċċaratli l-operaturi kollha tal-konsenja tal-pakketti (‘il fuq minn ċertu daqs) huma meħtieġa jissottomettu sett bażiku ta’ dejta statistika lill-NRAs.

(3) Titħeġġeġ il-kompetizzjoni, billi jkun rikjest l-aċċess ta' partijiet terzi għal netwerks transfruntiera u ftehimiet multilaterali dwar il-prezzijiet li għandhom l-operaturi postali nazzjonali (NPOs).

Fost l-alternattivi l-oħra kkunsidrati u miċħuda kien hemm li tiżdied it-trasparenza ta’ prezzijiet innegozjati fuq bażi individwali u/jew il-prezzijiet imħallsa mill-bejjiegħa online lill-operaturi tal-konsenja, u notifika bil-quddiem (għar-regolaturi) tal-bidliet tal-prezzijiet.

Regolament awtonomu jippermetti l-implimentazzjoni rapida u mmirata u regoli direttament applikabbli, u b'hekk titnaqqas il-frammentazzjoni. Regoli uniformi jagħtu ċertezza ġuridika lill-operaturi kollha fis-suq. Miżuri mhux leġiżlattivi, pereżempju l-Pjan direzzjonali dwar l-ikkompletar tas-suq uniku għall-konsenja tal-pakketti 2 sa issa ma tejbux l-affordabilità jew is-sorveljanza regolatorja. Minħabba l-bidliet rapidi f’ċerti partijiet tas-suq u l-għarfien limitat tas-suq, mhix qed tiġiproposta r-regolazzjoni tal-prezzijiet.

Min jappoġġa liema għażla?

Il-bejjiegħa u l-konsumaturi jappoġġaw miżuri li jnaqqsu l-prezzijiet. L-NPOs huma kontra intervent regolatorju, hekk kif jemmnu li s-swieq huma kompetittivi. L-industrija tal-express trid l-armonizzazzjoni tal-oqfsa regolatorji, iżda tikkritika aktar superviżjoni mill-NRAs. L-NRAs jirrikonoxxu n-nuqqas attwali ta’ dejta tas-suq, iżda jwissu kontra poteri ex-ante ġodda. Il-Parlament Ewropew talab li jkun hemm miżura bbilanċjat u mmirata sew. L-Istati Membri ma jridux ir-regolazzjoni tal-prezzijiet.

C. Impatti tal-għażla preferuta

X’inhuma l-benefiċċji tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, inkella x’inhuma dawk prinċipali)?

Għarfien imtejjeb tas-suq għall-NRAs se jagħtihom sorveljanza aħjar tas-suq u jippermettilhom li jissorveljaw l-iżviluppi fis-suq. Is-sit tal-prezz u l-valutazzjoni tal-affordabbiltà tal-NRAs se jenfasizza l-prezzijiet għoljin (wisq), u joħolqu pressjoni biex ikunu offruti prezzijiet aktar raġonevoli. Dan ikun ta’ benefiċċju għall-bejjiegħa online żgħar u għall-konsumaturi b’mod partikolari. L-operaturi tal-konsenja kieku jibbenefikaw minn żieda fid-domanda għal servizzi ta' konsenja transfruntiera. L-aċċess għal ftehimiet multilaterali se jgħinu lill-operaturi tal-konsenja jidħlu fis-suq u jnaqqsu l-ispejjeż tal-NPOs.

X'inhuma l-ispejjeż tal-għażliet ippreferuti (jekk hemm, jew inkella dawk ewlenin)?

L-ispiża stmata hija ta’ inqas minn EUR 500 000 (EUR 221 000 għar-regolaturi u EUR 20,000 għall-operaturi postali nazzjonali u €170,000 għal operaturi oħra tal-konsenja), abbażi tal-mudell tal-kost tal-UE u l-esperjenza statistika tal-Kummissjoni.

Kif se jintlaqtu n-negozji, l-SMEs u l-mikrointrapriżi?

Il-proposta għandha tnaqqas il-prezzijiet ta’ konsenja b’tali mod li l-bejjiegħa żgħar ikunu jistgħu jbigħu aktar. L-operaturi tal-konsenja b’inqas minn 50 impjegat u li huma stabbiliti fi Stat Membru wieħed biss ikunu eżentati mir-rekwiżit li jipprovdu dejta għall-NRAs.

Se jkun hemm impatti sinifikanti fuq il-baġits u fuq l-amministrazzjonijiet nazzjonali?

L-Istati Membri jistgħu jaffaċċjaw spejjeż addizzjonali jekk l-NRAs ikunu ffinanzjati minn baġits nazzjonali u jkunu jeħtieġu riżorsi addizzjonali.

Se jkun hemm impatti oħra sinifikanti? 

Le. L-operaturi tal-konsenja minn pajjiżi terzi li lesti joffru servizzi fl-UE jkun jeħtiġilhom li jikkonformaw mal-istess regoli.

D. Segwitu

Meta se ssir reviżjoni tal-politika?

Rapport sentejn wara l-adozzjoni se jirrevedi r-Regolament u jinkludi l-progress fuq inizjattivi oħra għall-ikkompletar tas-suq uniku għall-konsenja tal-pakketti. 

(1) Kif emendata bid-Direttivi 2002/39/KE u 2008/6/KE.
(2) COM(2013) 886 finali.
Top