Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016PC0833

    Proposta għal DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL li temenda d-Deċiżjoni 2013/677/UE li tawtorizza lil-Lussemburgu biex japplika miżura ta' deroga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud

    COM/2016/0833 final - 2016/0417 (NLE)

    Brussell, 6.1.2017

    COM(2016) 833 final

    2016/0417(NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

    li temenda d-Deċiżjoni 2013/677/UE li tawtorizza lil-Lussemburgu biex japplika miżura ta' deroga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    Skont l-Artikolu 395(1) tad-Direttiva 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud 1 (minn issa ’l quddiem “id-Direttiva tal-VAT”), il-Kunsill, li jaġixxi b'mod unanimu fuq proposta tal-Kummissjoni, jista’ jawtorizza kwalunkwe Stat Membru biex japplika miżuri speċjali għal deroga mid-dispożizzjoniniet ta’ dik id-Direttiva biex jissimplifika l-proċedura tal-ġbir tal-VAT jew biex jipprevjeni ċerti forom ta' evażjoni jew ta' evitar tat-taxxa.

    B’ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fis-26 ta’ Settembru 2016, il-Lussemburgu talab awtorizzazzjoni biex ikompli jeżenta mill-VAT lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom huwa inqas minn ċertu livell limitu u li jżid dan il-livell limitu minn EUR 25 000 għal EUR 30 000. Skont l-Artikolu 395(2) tad-Direttiva tal-VAT, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra bit-talba tal-Lussemburgu permezz ta' ittri datata l-4 ta’ Ottubru 2016. B’ittra datata l-5 ta’ Ottubru 2016, il-Kummissjoni nnotifikat lil-Lussemburgu li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tikkunsidra t-talba.

    1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

    Il-Kapitolu 1 tat-Titolu XII tad-Direttiva tal-VAT jagħti l-possibbiltà lill-Istati Membri li japplikaw skemi speċjali għall-intrapriżi żgħar, fosthom il-possibbiltà li jeżentaw lill-persuni taxxabbli li jkollhom inqas minn ċertu fatturat annwali. Din l-eżenzjoni timplika li persuna taxxabbli ma għandhiex għalfejn iżżomm il-VAT fuq il-provvisti tagħha u b’hekk ma tistax tnaqqas il-VAT minn fuq l-akkwisti tagħha.

    Din il-miżura ddaħħlet għall-ewwel darba skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 14 tad-Direttiva tal-Kunsill 67/228/KEE 2 . Madankollu, skont l-Artikolu 24(2)(b) tad-Direttiva 77/388/KEE li issa tfassal mill-ġdid bħala l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 285 tad-Direttiva tal-VAT, dawk l-Istati Membri li ma użawx l-għażla prevista f’dik id-dispożizzjoni sussegwentament jistgħu jeżentaw mill-VAT biss lill-persuni taxxabbli li jkollhom fatturat annwali ta’ mhux aktar minn EUR 5 000. Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 285 tad-Direttiva tal-VAT, dawk l-Istati Membri jistgħu wkoll jagħtu ħelsien gradwat mit-taxxa lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom jaqbeż il-limitu massimu stabbilit minnhom għall-applikazzjoni tiegħu.

    Sa tmiem l-2012, il-Lussemburgu eżenta mill-VAT lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma kienx jaqbeż l-EUR 10 000. Barra minn hekk, il-Lussemburgu informa lill-Kummissjoni li uża l-għażla skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE billi ta ħelsien gradwat mit-taxxa lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom kien bejn l-EUR 10 000 u l-EUR 25 000.

    L-applikazzjoni taż-żieda fil-limitu tal-eżenzjoni kienet xierqa biex tissimplifika s-sistema tal-VAT għall-intrapriżi żgħar billi tnaqqas b’mod sinifikanti l-piżijiet fuq dawk in-negozji eliġibbli għall-iskema minħabba li teħlishom minn ħafna mill-obbligi tal-VAT skont l-arranġamenti normali tal-VAT. Għalhekk, il-Lussemburgu talab u kiseb deroga biex japplika limitu ta’ fatturat ta’ EUR 25 000 fir-rigward tal-iskema ta’ eżenzjoni għan-negozji żgħar filwaqt li fl-istess ħin jabolixxi l-applikazzjoni tal-ħelsien gradwat mit-taxxa.

    Din id-deroga kienet awtorizzata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/677/UE 3 sal-31 ta’ Diċembru 2016.

    Sabiex iżomm il-valur tiegħu f’termini reali u għalhekk maż-żmien igawdi bis-sħiħ mill-effett tas-simplifikazzjoni tas-sistema, il-Lussemburgu qed jitlob ukoll permess biex iżid il-livell limitu attwali skont sistema ta’ indiċjar.

    Għalhekk, il-Lussemburgu issa talab li l-miżura tiġi estiża mill-1 ta’ Jannar 2017 u barra minn hekk, li l-livell massimu awtorizzat tal-eżenzjoni jiżdied għal mhux aktar minn EUR 30 000 tal-fatturat annwali.

    B’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 395(1) tad-Direttiva tal-VAT, skont l-awtoritajiet tal-Lussemburgu l-miżura speċjali li trid tiġi applikata, ikollha effett negliġibbli biss fuq l-ammont kumplessiv tad-dħul mill-VAT li jinġabar fl-istadju tal-konsum finali (mhux aktar minn 0,12 %). B’din it-talba, il-Lussemburgu jrid jissimplifika l-piż fuq in-negozji u jistimula l-iżvilupp ta’ dawn in-negozji żgħar. Fl-istess ħin, il-Lussemburgu jrid inaqqas il-piż fuq l-amministrazzjoni tat-taxxa billi jillimita l-ħtieġa li jiġu kkontrollati l-persuni taxxabbli żgħar, billi jqis l-ispiża relattivament kbira meta mqabbla mal-ammont ta' VAT involut, u jsaħħaħ l-attivitajiet ta' kontroll tiegħu fir-rigward tal-persuni taxxabbli aktar importanti. Dan huwa skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 395(1) tad-Direttiva tal-VAT li jistabbilixxi li l-Istati Membri jistgħu jiġu awtorizzati jintroduċu miżuri speċjali għal deroga mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-VAT sabiex jissimplifikaw il-proċedura għall-ġbir tal-VAT.

    F'dan il-kuntest ta’ min jinnota li l-miżura hija u se tibqa' kompletament fakultattiva għall-persuni taxxabbli.

    Il-Lussemburgu ma semma l-ebda skadenza għal din id-deroga. Madankollu, id-derogi mid-Direttiva tal-VAT jenħtieġ li jkunu dejjem limitati fiż-żmien biex l-effetti tagħhom ikunu jistgħu jiġu vvalutati. Barra minn hekk, bħalissa d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 281 sa 294 tal-VAT dwar skema speċjali għall-intrapriżi żgħar huma soġġetti għal rieżami. Kif tħabbar fil-Pjan ta' Azzjoni tal-VAT 4 , il-proposta tal-Kummissjoni fil-forma ta' pakkett komprensiv ta’ simplifikazzjoni li jemenda d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-VAT dwar skema speċjali għall-intrapriżi żgħar, u li jinkludi Direttiva, mistennija tiġi ppreżentata sa tmiem l-2017.

    Għalhekk, qed jiġi propost li d-deroga tiġi estiża għal perjodu ieħor, tal-anqas sal-31 ta’ Diċembru 2019 jew sad-dħul fis-seħħ ta’ Direttiva li temenda d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-VAT dwar skema speċjali għall-intrapriżi żgħar. L-awtoritajiet Lussemburġiżi għandhom is-setgħa li jiddeċiedu jekk jużawx sistema ta’ indiċjar, u kemm għandhom jużawha, fir-rigward tad-deroga li tapplika sa EUR 30 000.

    Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

    Stati Membri oħra ngħataw derogi simili. Il-Belġju 5 ngħata limitu ta' EUR 25 000, il-Polonja 6 ngħatat limitu ta’ EUR 30 000, il-Litwanja 7 ngħatat limitu ta' EUR 45 000, il-Latvja 8 u s-Slovenja 9 ngħataw limitu ta' EUR 50 000 u l-Italja 10 u r-Rumanija 11 ngħataw limitu ta' EUR 65 000.

    Konsistenza ma' politiki oħra tal-Unjoni

    Il-miżura tikkonforma mal-għanijiet tal-Unjoni għan-negozji ż-żgħar, kif stabbilit fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir” – “Att dwar in-Negozji ż-Żgħar” għall-Ewropa” 12 li tistieden lill-Istati Membri biex iqisu l-karatteristiċi speċjali tal-SMEs meta jfasslu l-leġiżlazzjoni u, għaldaqstant, jissimplifikaw l-ambjent regolatorju eżistenti.

    2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

    Bażi ġuridika

    L-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT.

    Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

    Meta titqies id-dispożizzjoni tad-Direttiva tal-VAT li fuqha hija bbażata l-proposta, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.

    Proporzjonalità

    Id-Deċiżjoni tikkonċerna awtorizzazzjoni li ngħatat lil Stat Membru wara talba li għamel hu u ma tikkostitwixxi l-ebda obbligu.

    Minħabba l-kamp tal-applikazzjoni limitat tad-deroga, il-miżura speċjali hija proporzjonata mal-għan mixtieq, jiġifieri s-simplifikazzjoni għal għadd addizzjonali ta' persuni taxxabbli żgħar u għall-amministrazzjoni tat-taxxa.

    Għażla tal-istrument

    L-istrument propost: Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill.

    Skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, deroga mir-regoli komuni tal-VAT hija possibbli biss bl-awtorizzazzjoni tal-Kunsill li jaġixxi b'mod unanimu fuq proposta tal-Kummissjoni. Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill hija l-aktar strument xieraq peress li tista’ tiġi indirizzata lil Stat Membru individwali.

    3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

    Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

    Din il-proposta hija bbażata fuq talba li saret mil-Lussemburgu u tikkonċerna lil dan l-Istat Membru biss.

    Ġbir u użu tal-kompetenzi

    Ma kienx hemm bżonn ta' kompetenzi esterni.

    Valutazzjoni tal-impatt

    Il-proposta għal Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill għandha l-għan li testendi miżura għas-simplifikazzjoni li telimina ħafna mill-obbligi tal-VAT għan-negozji li joperaw b’fatturat annwali ta’ mhux aktar minn EUR 30 000. Dan se jkollu impatt potenzjalment pożittiv fuq it-tnaqqis tal-piż amministrattiv għal 970 persuna taxxabbli addizzjonali, li jirrappreżentaw 1,2 % tal-persuni taxxabbli li bħalissa huma rreġistrati għall-VAT u, sussegwentement fuq it-tnaqqis tal-piż amministrattiv minn fuq l-amministrazzjoni tat-taxxa. L-impatt fuq il-baġit f'termini tad-dħul mill-VAT għal-Lussemburgu huwa stmat għal mhux aktar minn 0,12 % tad-dħul mill-VAT li jinġabar.

    4.IMPLIKAZZJONIJIET GĦALL-BAĠIT

    Il-proposta ma għandhiex implikazzjoni għall-baġit tal-UE peress li l-Lussemburgu se jwettaq kalkolu ta' kumpens skont l-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE EURATOM) 1553/89 13 .

    2016/0417 (NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

    li temenda d-Deċiżjoni 2013/677/UE li tawtorizza lil-Lussemburgu biex japplika miżura ta' deroga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud 14 , u b'mod partikolari l-Artikolu 395 tagħha,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)Skont l-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE, l-Istati Membri li ma użawx l-għażla skont l-Artikolu 14 tat-Tieni Direttiva tal-Kunsill 67/228/KEE tal-11 ta’ April 1967 dwar l-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri dwar it-taxxi fuq il-fatturat minn negozju - L-istruttura u l-proċeduri għall-applikazzjoni ta’ sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud 15 (traduzzjoni mhux uffiċjali), jistgħu jeżentaw mill-VAT lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jaqbiżx il-EUR 5 000 jew l-ammont ekwivalenti fil-munita nazzjonali. Dawn jistgħu jagħtu wkoll ħelsien gradwat mit-taxxa lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom jaqbeż il-limitu massimu stabbilit minnhom għall-applikazzjoni tiegħu.

    (2)Bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/677/UE 16 , il-Lussemburgu kien awtorizzat, bħala miżura ta’ deroga, li sal-31 ta’ Diċembru 2016 jeżenta mill-VAT lill-persuni taxxabbli li għandhom fatturat annwali ta’ mhux aktar minn EUR 25 000.

    (3)B’ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fis-26 ta’ Settembru 2016, il-Lussemburgu talab awtorizzazzjoni għal miżura ta’ deroga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE biex jestendi dik l-eżenzjoni mill-1 ta’ Jannar 2017 u, fl-istess ħin, biex iżid il-livell limitu minn EUR 25 000 għal EUR 30 000.

    (4)Il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra bit-talba tal-Lussemburgu, permezz ta' ittri datati l-4 ta' Ottubru 2016. B’ittra datata l-5 ta’ Ottubru 2016, il-Kummissjoni nnotifikat lil-Lussemburgu li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tikkunsidra t-talba.

    (5)Mill-informazzjoni li pprovda l-Lussemburgu, 970 persuna taxxabbli addizzjonali jistgħu potenzjalment jagħmlu użu minn din il-miżura biex inaqqsu l-obbligi tal-VAT tagħhom imsemmija fil-Kapitoli 2 sa 6 tat-Titolu XI tad-Direttiva 2006/112/KE. Għaldaqstant se jonqos ukoll il-piż fuq l-amministrazzjoni tat-taxxa biex tiġbor it-taxxa u tawditja n-negozji ż-żgħar.

    (6)Peress li d-deroga li ngħatat lil-Lussemburgu se tirriżulta f’obbligi tal-VAT imnaqqsa għan-negozji ż-żgħar, filwaqt li dawn tal-aħħar xorta jistgħu jagħżlu l-arranġamenti regolari tal-VAT skont l-Artikolu 290 tad-Direttiva 2006/112/KE, jeħtieġ li l-Lussemburgu jiġi awtorizzat biex japplika ż-żieda fil-limitu sal-31 ta’ Diċembru 2019.

    (7)Normalment id-derogi jingħataw għal żmien limitat bil-għan li jiġi vvalutat jekk il-miżura speċjali tkunx xierqa u effettiva. Għalhekk, jenħtieġ li d-deroga mitluba tkun limitata fiż-żmien u jkollha klawżola ta’ estinzjoni. Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 281 sa 294 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar skema speċjali għall-intrapriżi żgħar huma soġġetti għal rieżami u għaldaqstant qabel il-31 ta’ Diċembru 2019 tista' tidħol fis-seħħ Direttiva li temenda dawn id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-VAT.

    (8)Skont l-informazzjoni mogħtija mil-Lussemburgu, iż-żieda fil-livell limitu se jkollha impatt negliġibbli fuq l-ammont globali tad-dħul mill-VAT miġbur fl-istadju tal-konsum finali.

    (9)Id-deroga mitluba hija skont l-għanijiet tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Ġunju 2008, “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir” – “Att dwar in-Negozji ż-Żgħar” għall-Ewropa” 17 .

    (10)Id-deroga ma għandha l-ebda impatt fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li ġejjin mill-VAT peress li l-Lussemburgu se jwettaq kalkolu ta’ kumpens skont l-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE EURATOM) 1553/89 18 .

    (11)Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2013/677/UE tiġi emendata skont dan,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-Artikoli 1 u 2 tad-Deċiżjoni 2013/677/UE jinbidlu b’dan li ġej:

    “Artikolu 1

    B’deroga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Lussemburgu awtorizzat li jeżenta mill-VAT persuni taxxabbli li d-dħul mill-bejgħ annwali tagħhom ma jaqbiżx it-EUR 30 000.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tan-notifika tagħha.

    Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-31 ta’ Diċembru 2019, jew sad-dħul fis-seħħ ta' Direttiva li temenda d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 281 sa 294 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar skema speċjali għall-intrapriżi żgħar, skont liema minnhom tiġi l-ewwel.”.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Gran Dukat tal-Lussemburgu.

    Magħmul fi Brussell,

       Għall-Kunsill

       Il-President

    (1) ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.
    (2) It-Tieni Direttiva tal-Kunsill 67/228/KEE tal-11 ta’ April 1967 dwar l-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri dwar it-taxxi fuq id-dħul minn negozju - L-istruttura u l-proċeduri għall-applikazzjoni ta’ sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (traduzzjoni mhix uffiċjali) (ĠU 71, 14.4.1967, p. 1303).
    (3) Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/677/UE tal-15 ta' Novembru 2013 li tawtorizza lil-Lussemburgu jintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 316, 27.11.2013, p. 33).
    (4) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar pjan ta’ azzjoni dwar il-VAT, Lejn żona unika tal-VAT fl-UE – Iż-żmien biex niddeċiedu, Brussell, 7.4.2016, COM(2016)148 final.
    (5) Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/2348 tal-10 ta' Diċembru 2015 li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/53/UE li tawtorizza lir-Renju tal-Belġju biex jintroduċi miżura speċjali ta' deroga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 330, 16.12.2015, p. 51).
    (6) Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2015/1173/UE tal-14 ta' Lulju 2015 li temenda d-Deċiżjoni 2009/790/KE li tawtorizza lir-Repubblika tal-Polonja biex tapplika miżura ta' deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 189, 17.7.2015, p. 36).
    (7) Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/795/UE tas-7 ta' Novembru 2014 li temenda l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2011/335/UE li tawtorizza lir-Repubblika tal-Litwanja sabiex tapplika miżura ta' deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 330, 15.11.2014, p. 44).
    (8) Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/796/UE tas-7 ta' Novembru 2014 li tawtorizza lir-Repubblika tal-Latvja sabiex tapplika miżura ta' deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 330, 15.11.2014, p. 46).
    (9) Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/54/UE tat-22 ta' Jannar 2013 li tawtorizza lir-Repubblika tas-Slovenja sabiex tintroduċi miżura speċjali ta' deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 22, 25.1.2013, p. 15).
    (10) Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2016/1988/UE tat-8 ta' Novembru 2016 li tawtorizza lir-Repubblika Taljana sabiex tkompli tapplika miżura speċjali ta' deroga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 306, 15.11.2016, p. 1).
    (11) Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/931/UE tas-16 ta' Diċembru 2014 li testendi l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2012/181/UE li tawtorizza lir-Rumanija ddaħħal miżura ta' deroga speċjali mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 365, 19.12.2014, p. 145).
    (12) KUMM(2008) 394, tal-25 ta' Ġunju 2008.
    (13) ĠU L 155, 7.6.1989, p. 9–13.
    (14) ĠU L 347, 11.12.2006, p.1.
    (15) ĠU 71, 14.4.1967, p. 1303/67.
    (16) Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/677/UE tal-15 ta' Novembru 2013 li tawtorizza lil-Lussemburgu jintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 316, 27.11.2013, p. 33).
    (17) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir” – “Att dwar in-Negozji ż-Żgħar” għall-Ewropa, Brussell, 25.6.2008, KUMM(2008)394 finali. 
    (18) Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1553/89 tad-29 ta’ Mejju 1989 dwar l-arranġamenti uniformi definittivi għall-ġbir ta' riżorsi proprji li jakkumulaw mit-taxxa tal-valur miżjud (ĠU L 155, 7.6.1989, p. 9).
    Top