Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016PC0823

    Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-qafas legali u operattiv tal-e-Card Ewropea tas-servizzi introdotta bir-Regolament ... [ir-Regolament tal-ESC]

    COM/2016/0823 final - 2016/0402 (COD)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 23/04/2021

    Brussell, 10.1.2017

    COM(2016) 823 final

    2016/0402(COD)

    Proposta għal

    DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    dwar il-qafas legali u operattiv tal-e-Card Ewropea tas-servizzi introdotta bir-Regolament ... [ir-Regolament tal-ESC]

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    {SWD(2016) 437 final}
    {SWD(2016) 438 final}


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Raġunijiet u objettivi tal-proposta

    Bis-servizzi li jammontaw għal madwar 70 % tal-PDG u l-impjiegi tal-UE, il-promozzjoni tal-kompetittività tas-swieq tas-servizzi tal-UE hija ċentrali għall-ħolqien tal-impjiegi u t-tkabbir fl-UE. Id-Direttiva dwar is-Servizzi, adottata fl-2006, stabbilixxiet dispożizzjonijiet ġenerali li jħaffu l-istabbiliment ta' fornituri ta' servizzi u l-kapaċità tagħhom biex joffru servizzi transfruntiera fis-suq uniku. Id-Direttiva wasslet għal għadd ta’ riformi madwar l-Istati Membri tal-UE, li jżidu madwar 0.9 % mal-PDG tal-UE matul għaxar snin.

    Madankollu għad hemm potenzjal kbir għat-tkabbir u l-impjiegi li għadu jista’ jiġi sfruttat. Is-swieq tas-servizzi tal-UE jibbenefikaw minn tkabbir tal-produttività aktar mgħaġġel u allokazzjoni tar-riżorsi aktar effiċjenti. Il-kummerċ transfruntier u l-investiment fis-servizzi jibqgħu baxxi. It-trattament tal-ostakoli li fadal għal aktar attivitajiet transfruntiera fis-servizzi se jgħin biex isaħħaħ il-kompetizzjoni, li tirriżulta f’aktar għażla u prezzijiet aħjar għall-konsumaturi kif ukoll żieda fl-innovazzjoni. L-indirizzar ta’ dawn l-ostakoli skont il-qafas diġà pprovdut mid-Direttiva dwar is-Servizzi joffri potenzjal li jkun iġġenerat 1.7 % aktar mal-PDG tal-UE 1 . Barra minn hekk, swieq tas-servizzi li jiffunzjonaw aħjar se jaffettwaw ukoll b’mod pożittiv il-kompetittività tal-industrija peress li s-settur tal-manifattura tal-UE jirrappreżenta xerrej u utent finali importanti tas-servizzi. Fil-fatt, is-servizzi jammontaw għal 40 % tal-valur ta’ prodott ta’ manifattura finali fl-UE. Settur tal-manifattura kompetittiv jiddependi għalhekk fuq swieq tas-servizzi li jiffunzjonaw sew.

    Għal dawn ir-raġunijiet il-Kunsill Ewropew issottolinja li "il-kisba ta' suq uniku aktar approfondit u ġust ser tkun strumentali fil-ħolqien ta' impjiegi ġodda, fil-promozzjoni tal-produttività u fl-iżgurar ta' klima attraenti għall-investiment u l-innovazzjoni" 2 . Suq intern li jiffunzjona aħjar huwa wieħed mill-għaxar prijoritajiet tal-Kummissjoni Ewropea. Fl-Istrateġija għal Suq Uniku tagħha adottata f’Ottubru 2015, il-Kummissjoni ħabbret serje ta’ azzjonijiet biex is-suq uniku mingħajr fruntieri għas-servizzi jsir realtà 3 . L-objettiv huwa ċar: li jitnaqqsu l-ostakoli biex ikun aktar faċli għall-fornituri ta' servizzi li jsegwu opportunitajiet ġodda ta’ negozju, filwaqt li jkunu garantiti servizzi ta’ kwalità għall-konsumaturi. Din il-proposta tkompli mal-Istrateġija għal Suq Uniku.

    Id-Direttiva dwar is-Servizzi tipprovdi qafas legali bbilanċjat biex jintlaħqu dawn l-objettivi. Hija tiżgura li r-regolamentazzjoni nazzjonali hija nondiskriminatorja, ġustifikata u proporzjonata biex jintlaħqu l-objettivi ta’ interess pubbliku. Barra minn hekk, din teħtieġ lill-Istati Membri jnaqqsu l-ostakoli ta’ natura amministrattiva li jiskoraġixxu fil-prattika lill-fornituri ta' servizzi milli joperaw b'mod transfruntiera. Id-Direttiva dwar is-Servizzi u l-prinċipji importanti li stabbilixxiet ma jiġux affettwati minn din il-proposta.

    Dawn il-prinċipji introdotti mid-Direttiva dwar is-Servizzi ppermettew progress pożittiv lejn funzjonament aħjar tas-swieq tas-servizzi tal-UE. Fl-istess ħin, l-ostakoli għall-integrazzjoni akbar tas-suq uniku għadhom preżenti f’għadd ta’ setturi tas-servizzi ewlenin. Dan huwa l-każ partikolarment fis-setturi tas-servizzi bħas-servizzi tan-negozju u s-settur tal-kostruzzjoni fejn il-fornituri ta' servizzi spiss ma jkunux jistgħu jsegwu faċilment l-opportunitajiet ta’ negozju fi Stati Membri oħra. Dawn qed jiffaċċjaw ostakoli amministrattivi meta jespandu barra minn pajjiżhom. Dan kien ikkonfermat permezz ta’ kuntatti estensivi mal-fornituri ta' servizzi 4 . Dan jinkludi nuqqas ta’ ċarezza dwar kif għandhom jikkonformaw ma’ regoli eżistenti li jiddiswadu l-kumpaniji, b'mod partikolari l-SMEs, milli jippruvaw jisfruttaw opportunitajiet ta’ negozju fi Stati Membri oħra. Il-fornituri ta' servizzi jsibuha diffiċli biex jiksbu informazzjoni dwar ir-rekwiżiti u l-proċeduri regolatorji applikabbli li jridu jiġu kkompletati għall-aċċess tas-suq ta’ Stat Membru ieħor. Barra minn hekk, ir-regoli nazzjonali ta’ spiss ikopru biss sitwazzjonijiet nazzjonali mingħajr ma jiċċaraw kif għandhom jiġu applikati għall-fornituri ta’ servizzi minn Stati Membri oħra tal-UE. Bħala riżultat, il-fornituri ta' servizzi li jippruvaw jistabbilixxu preżenza permanenti fi Stat Membru ieħor jew li jipprovdu servizzi transfruntiera fuq bażi temporanja spiss isibuha diffiċli biex jifhmu liema regoli japplikaw u kif. Il-formalitajiet amministrattivi fi Stati Membri differenti huma ħafna drabi kkumplikati u għaljin għall-fornituri ta' servizzi biex jikkompletawhom.

    L-e-Card Ewropea tas-servizzi għalhekk timmira li tnaqqas il-kumplessità amministrattiva għall-fornituri ta’ servizzi li jridu jespandu l-attivitajiet tagħhom fi Stati Membri oħra. Fl-istess ħin se tiżgura li l-Istati Membri jistgħu japplikaw regolamentazzjoni ġustifikata. Din tiġi offruta lill-fornituri ta’ servizzi fuq bażi volontarja bħala rotta alternattiva biex juru l-konformità mar-regoli applikabbli. Hija tippermetti lill-fornituri ta' servizzi biex jużaw proċedura kompletament elettronika fil-livell tal-UE biex ilestu l-formalitajiet meta jkunu qed jespandu barra minn pajjiżhom, u b’dan toffrilhom aktar ċertezza legali u tnaqqas b’mod sinifikanti l-kumplessità amministrattiva. Permezz tal-e-Card dawn se jkunu jistgħu jevitaw ostakoli amministrattivi bħall-inċertezza dwar liema rekwiżiti japplikaw, il-mili ta’ formoli differenti f’lingwi barranin, it-traduzzjoni, iċ-ċertifikazzjoni u l-awtentifikazzjoni tad-dokumenti u l-passi proċedurali mhux elettroniċi. L-iffrankar fl-ispejjeż relatati mal-formalitajiet koperti mill-proċedura tal-e-Card xorta waħda jkun sinifikanti meta mqabbel mas-sitwazzjoni eżistenti, u jammonta possibbilment sa 50 % jew saħansitra aktar 5 .

    Fejn fornitur ta' servizzi jippjana li jipprovdi servizz transfruntier għal perjodu temporanju, l-e-Card tinħareġ mill-Istat Membru tad-domiċilju. L-Istat Membru ospitanti jkunu jista’ joġġezzjona għall-ħruġ tal-e-Card fejn id-Direttiva dwar is-Servizzi diġà tippermettilu jagħmel dan skont waħda mir-raġunijiet prevalenti ta’ interess pubbliku elenkati fl-Artikolu 16. Ladarba tinħareġ, l-e-Card tippermetti lill-fornitur ta' servizzi jipprovdi servizzi fuq bażi temporanja u transfruntiera fl-Istat Membru ospitanti. Is-setgħat tat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-Istati Membri ospitanti biex jirrifjutaw applikazzjoni għal e-Card tas-servizzi baqgħu ma nbidlux, skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva dwar is-Servizzi.

    Fejn fornitur ta' servizzi jippjana li jipprovdi servizzi permezz ta’ fergħa, aġenzija jew uffiċċju fi Stat Membru ieħor, l-e-Card tinħareġ mill-Istat Membru ospitanti. F’dan il-każ il-fornitur ta' servizzi xorta jitlob l-e-Card mill-awtoritajiet tal-pajjiż tad-domiċilju tiegħu, li jivverifikaw li l-fornitur ta' servizzi huwa stabbilit fit-territorju tiegħu b’mod konformi mar-regoli applikabbli tiegħu. Iżda fit-tieni stadju, l-awtoritajiet tal-Istati Membri tad-domiċilju jibdew proċess mal-amministrazzjoni relevanti tal-pajjiż ospitanti li jippermetti lil dan tal-aħħar jivverifika jekk il-fornitur ta’ servizzi rikjedenti jissodisfax ir-rekwiżiti regolatorji tal-pajjiż ospitanti tiegħu b’konformità mad-Direttiva dwar is-Servizzi. Bħala riżultat, ma jkun hemm ebda trattament mhux ugwali bejn il-fornituri domestiċi u barranin. Ladarba tinħareġ, l-e-Card tippermetti lill-fornitur ta' servizzi jipprovdi servizzi permezz ta’ stabbiliment sekondarju (fil-forma ta’ fergħa, aġenzija jew uffiċċju) fl-Istat Membru ospitanti kkonċernat.

    L-idea tal-e-Card Ewropea tas-servizzi hija simili għall-Karta Professjonali Ewropea (KPE), li l-awtoritajiet tal-Istati Membri diġà huma familjari magħha Il-KPE saret disponibbli f’Jannar 2016 u kien hemm adozzjoni sinifikanti mill-professjonisti magħżula koperti, li juri li din it-tip ta’ għodda ta’ simplifikazzjoni tipprovdi benefiċċji prattiċi għall-utenti tagħha. Kemm l-e-Card Ewropea tas-servizzi kif ukoll il-KPE huma proċeduri elettroniċi volontarji mħaddmin fil-livell tal-UE. L-użu ta' e-Card Ewropea tas-servizzi huwa volontarju għall-fornituri ta' servizzi. L-awtorità tal-pajjiż tad-domiċilju tal-applikant taġixxi bħala l-punt ta’ kuntatt waħdieni. Barra minn hekk, il-funzjonament taż-żewġ sistemi jistrieħ fuq flussi tax-xogħol predefiniti u vinkolanti ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati Membri tad-domiċilju u dawk ospitanti implimentati permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern eżistenti (IMI). Fl-istess ħin, iż-żewġ sistemi għandhom objettivi differenti. IL-KPE tiffaċilita l-forniment ta’ servizzi transfruntiera permezz tar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali għall-persuni fiżiċi bħala ħaddiema jew fornituri ta’ servizzi li jaħdmu għal rashom skont id-Direttiva dwar ir-Rikonoxximent ta' Kwalifiki Professjonali (PQD). L-e-Card Ewropea tas-servizzi min-naħa l-oħra tindirizza firxa ferm usa’ ta’ rekwiżiti. Din tkun disponibbli kemm għall-persuni fiżiċi li jaħdmu għal rashom kif ukoll għall-kumpaniji li jixtiequ jipprovdu servizzi fi Stat Membru ieħor. B’kuntrast mal-KPE, l-e-Card Ewropea tas-servizzi se toffri wkoll faċilitajiet tekniċi li jiffaċilitaw il-konformità mal-formalitajiet amministrattivi relatati mal-istazzjonar tal-persunal fit-territorju ta’ dawk l-Istati Membri li kkomunikaw lill-Kummissjoni li jixtiequ jagħmlu użu mill-IMI għal dan il-għan. Din il-possibilità li jsir użu mill-IMI bl-ebda mod mhu se tbiddel is-sustanza tar-regoli applikabbli stabbiliti fid-Direttiva 2014/67/UE. Huma inklużi wkoll regoli biex jiffaċilitaw il-kisba ta' kopertura tal-assigurazzjoni bejn il-fruntieri.

    L-e-Card se tkopri r-rekwiżiti li jaqgħu taħt id-Direttiva dwar is-Servizzi u għaldaqstant mhux l-oqsma bħat-taxxa, ix-xogħol u s-sigurtà soċjali. Madankollu, l-awtoritajiet fl-Istati Membri m’għandhomx jeħtieġu li d-detentur tal-e-Card jipprovdi kwalunkwe informazzjoni li diġà tinsab fl-e-Card għal proċeduri jew formalitajiet imposti fuq fornitur fir-rigward tal-għoti ta’ kuntratt pubbliku, kompetizzjoni tad-disinn jew konċessjoni, il-formazzjoni ta’ sussidjarji jew ir-reġistrazzjoni ta’ fergħat skont id-dritt tal-kumpaniji u r-reġistrazzjoni ma’ skemi obbligatorji ta’ assigurazzjoni soċjali. L-e-Card Ewropea tas-servizzi għandha tapplika – fl-ewwel stadju – għas-servizzi tan-negozju u tal-bini – sal-punt li l-attivitajiet relatati jaqgħu diġà taħt id-Direttiva dwar is-Servizzi. Iż-żewġ setturi huma ta’ importanza ewlenija għall-ekonomija tal-UE 6 . Il-fornituri ta' servizzi ta’ servizzi tal-bini jew tan-negozju spiss jiffaċċjaw kumplessità amministrattiva għolja meta jespandu barra minn pajjiżhom. Barra minn hekk, it-tkabbir fil-produttività matul l-aħħar għaxar snin kien baxx ħafna fiż-żewġ setturi u hemm kummerċ u investiment transfruntiera limitat. Aktar kompetizzjoni transfruntiera għandha tgħin biex tinżamm u tittejjeb il-kompetittività taż-żewġ setturi.

    Din il-proposta tinkludi wkoll klawżoli ta’ rieżami għall-kunsiderazzjonijiet futuri tal-effettività tal-e-Card Ewropea tas-servizzi u l-estensjoni possibbli tagħha għal setturi oħra.

    Konsistenza mad-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam tal-politika

    Din id-Direttiva hija ppreżentata flimkien ma’ Regolament. Id-Direttiva tistabbilixxi l-qafas legali u operazzjonali tal-e-Card Ewropea tas-servizzi, li tirregola fost oħrajn il-kundizzjonijiet tal-eliġibbiltà, il-kompetenzi tal-Istati Membri tad-domiċilju u dawk ospitanti, il-validità tal-e-Card Ewropea tas-servizzi u l-kundizzjonijiet għar-revoka jew is-sospensjoni tagħha. Ir-Regolament jistabbilixxi għodod li huma disponibbli għall-fornituri ta' servizzi madwar l-UE. Barra minn hekk, jiffaċilita s-soluzzjoni ta' kwistjonijiet relatati mal-kopertura tal-assigurazzjoni ta' fornitur ta' servizzi meta jkun barra l-pajjiż.

    Din id-Direttiva żżomm id-dispożizzjonijiet kollha eżistenti tal-UE dwar kwistjonijiet soċjali, kundizzjonijiet tal-impjieg (b'mod partikulari l-istazzjonar tal-ħaddiema, id-drittijiet tal-ħaddiema u l-pilastru soċjali), is-saħħa u s-sigurtà u l-ħarsien tal-ambjent. Ma tbiddilx jew ma tixħet l-ebda dubju fuq il-garanziji eżistenti f'dan ir-rigward. L-e-Card tipprovdi aktar informazzjoni dwar il-kumpanija. Is-setgħa tal-Istati Membri li jwettqu spezzjonijiet fuq il-post mhu se tintmess bla ebda mod. Ir-regoli dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema skont id-Direttivi 96/71/KE u 2014/67/UE se jkomplu japplikaw fil-kuntest tal-e-Card Ewropea tas-servizzi iżda għandhom jiġu pprovduti faċilitajiet oħra sabiex ikun hemm konformità ma’ dawn ir-regoli. Fejn l-Istati Membri jkunu stabbilixxew proċeduri li jippermettu dikjarazzjoni relatata mal-istazzjonar tal-ħaddiema skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2014/67/UE li trid timtela b’mezzi elettroniċi, l-e-Card Ewropea tas-servizzi għandha tidderieġi lid-detentur tal-e-Card lejn il-proċeduri nazzjonali relevanti. Fornituri li jkollhom e-Card Ewropea tas-servizzi jistgħu wkoll jissottomettu din id-dikjarazzjoni permezz ta’ pjattaforma elettronika konnessa mal-IMI fejn l-Istat Membru ospitanti jkun ikkomunika mal-Kummissjoni li din il-possibilità għandha tapplika għall-istazzjonar tal-ħaddimea fit-territorju tiegħu.

    Il-proposta għal e-Card Ewropea tas-servizzi hija kumplimentari għal inizjattivi oħra ta' politika fil-kuntest ta’ servizzi mħabbra fl-Istrateġija għal Suq Uniku sabiex jipprevjenu l-introduzzjoni ta’ ostakoli għall-forniment ta’ servizzi transfruntier fil-livell nazzjonali. F'dan ir-rigward, hija kumplimentari għall-proposta [XX] tal-Kummissjoni għal Direttiva li tirriforma l-proċedura li biha l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw skemi ta' awtorizzazzjoni u rekwiżiti relatati mas-servizzi.

    Din il-proposta se tiġi kkumplimentata wkoll bl-inizjattiva tal-Portal Diġitali Uniku, imħabbar fl-Istrateġija għal Suq Uniku għall-2017. Il-Portal, li saret konsultazzjoni pubblika dwaru fil-ħarifa 2016, se jindirizza l-lakuni attwali fl-informazzjoni għan-negozji u ċ-ċittadini billi jintegra, jikkompleta u jtejjeb l-informazzjoni relevanti onlajn fil-livell tal-UE u nazzjonali. Huwa se joħloq ukoll rabta mas-servizzi tal-assistenza. Barra minn hekk, għandu l-mira li jmexxi aktar id-diġitalizzazzjoni tal-proċeduri nazzjonali relevanti għaċ-ċittadini u n-negozju fl-eżerċizzju tad-drittijiet tagħhom fis-Suq Uniku. Il-kamp ta' applikazzjoni tal-Portal Diġitali Uniku huwa maħsub li jmur lil hinn mis-setturi koperti minn din l-inizjattiva.

    B’paragun, l-e-Card Ewropea tas-servizzi għandha toffri strument armonizzat u standardizzat bis-sħiħ għal forniment transfruntier ta’ servizzi, għat-tnaqqis tal-ispejjeż ta' konformità għal swieq speċifiċi tas-servizzi li huma ddominati ħafna mill-SMEs. Qiegħda taqdi l-objettiv ta' simplifikazzjoni amministrattiva bl-involviment tal-Istat Membru minn fejn joriġina l-fornitur ta' servizzi iżda li dak l-Istat Membru (tad-domiċilju) ma għandu ebda setgħa fuq liema rekwiżiti fornitur ta' servizzi għandu jissodisfa fi Stati Membri oħrajn. Skont l-e-Card Ewropea tas-servizzi, dawn tal-aħħar għandhom jinformaw u jiżguraw il-konformità fil-qafas ta’ fluss tax-xogħol predefinit u standardizzat bis-sħiħ. Il-Portal Diġitali Uniku ser jorbot ma' din il-proċedura u l-benefiċjarji tiegħu jkunu jistgħu jsibuh faċilment.

    L-implimentazzjoni tal-e-Card Ewropea tas-servizzi se tkun allinjata bis-sħiħ mal-iżvilupp tal-proġett tal-Portal Diġitali Uniku u tirrispetta l-prinċipji deskritti fil-pjan ta' azzjoni dwar il-Gvern elettroniku (b'mod partikolari: diġitali, interoperabbli, transfruntier, ta’ darba biss u inklussiv b’mod awtomatiku) 7 .

    Fl-aħħar nett, din il-proposta hija kumplimentari għall-politika ta' infurzar tal-Kummissjoni, li hija ssegwi b'mod parallel, biex jiġu indirizzati restrizzjonijiet nazzjonali mhux ġustifikati jew sproporzjonati għal-libertà ta' l-istabbiliment u l-forniment liberu tas-servizzi.

    L-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva se tkun appoġġjata mis-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (IMI) stabbilita mir-Regolament tal-IMI 8 . L-IMI tista' tintuża minn madwar 5000 awtorità mill-2011; hija soġġetta għal stħarriġ kostanti tal-utenti u ppruvat il-potenzjal tagħha bl-introduzzjoni tal-Karta Professjonali Ewropea f'Jannar 2016.

    Konsistenza ma' politiki oħra tal-Unjoni

    Id-Direttiva u r-Regolament propost li jintroduċu l-e-Card Ewropea tas-servizzi huma konsistenti bis-sħiħ ma’ għadd ta’ politiki oħra tal-Unjoni, b’mod partikolari politiki oħra tal-Kummissjoni dwar is-simplifikazzjoni u t-tnaqqis tal-piż amministrattiv.

    Is-simplifikazzjoni ta’ formalitajiet li jirrigwardaw id-dokumenti se ssegwi mill-qrib is-soluzzjonijiet li se jiġu introdotti skont ir-Regolament (UE) 2016/1191 dwar il-promozzjoni tal-moviment liberu taċ-ċittadini billi jiġu ssimplifikati r-rekwiżiti għall-preżentazzjoni ta' ċerti dokumenti pubbliċi fl-Unjoni Ewropea 9 .

    Fil-qasam tar-rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali, għodda simili li trawwem is-simplifikazzjoni amministrattiva - il-Karta Professjonali Ewropea msemmija hawn fuq - ġiet introdotta fl-2013 u hija disponibbli għal għadd magħżul ta' professjonijiet (infermiera, spiżjara, fiżjoterapisti, gwidi tal-muntanji u aġenti tal-proprjetà immobbli) minn Jannar 2016. Sabiex jiġi evitat kull riskju ta' duplikazzjonijiet, il-proposta preżenti tiżgura li professjonisti li jistgħu japplikaw għal Karta Professjonali Ewropea ma jistgħux jiksbu e-Card Ewropea tas-servizzi.

    Sabiex tiġi evitata kwalunkwe duplikazzjoni, l-awtoritajiet għandhom jagħmlu użu mill-interkonnessjonijiet kollha disponibbli ta' reġistri nazzjonali li jinkludu l-interkonnessjoni ta' reġistri kummerċjali (BRIS), kif mitlub mid-Direttiva 2009/101/KE, u ta' reġistri ta' insolvenza skont ir-Regolament (UE) 2015/848 qabel kwalunkwe mezz ieħor sabiex jiksbu jew jivverifikaw l-informazzjoni miksuba preċedentement fil-kuntest ta’ e-Card Ewropea tas-servizzi.

    2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

    Bażi ġuridika

    Din l-azzjoni leġiżlattiva taqa' fi ħdan il-qasam ta' kompetenza kondiviża skont l-Artikolu 4(2)(a) tat-TFUE. Hija timmira li tiffaċilita l-istabbiliment u l-forniment ta' servizzi fi ħdan is-suq uniku, l-iżvilupp ulterjuri u l-implimentazzjoni tal-prinċipji ġenerali tad-dritt ta' stabbiliment u l-libertà tal-forniment ta’ servizzi transfruntiera stabbiliti fl-Artikoli 49 u 56 tat-TFUE, rispettivament, kif ukoll fid-Direttiva dwar is-Servizzi. Din id-Direttiva hija bbażata fuq l-Artikoli 53(1) u 62 tat-TFUE, li huma l-bażi ġuridika ġenerali għall-kisba tal-libertà ta' stabbiliment u, rispettivament, il-bażi ġuridika għad-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw l-aċċess għall-attivitajiet ta' persuni li jaħdmu għal rashom.

    Sussidjarjetà (għal kompetenza mhux esklużiva)

    L-objettiv ġenerali ta' din il-proposta leġiżlattiva huwa li jiġi żgurat il-funzjonament bla xkiel tas-suq uniku tal-UE għas-servizzi, li mhuwiex limitat għat-territorju ta' Stat Membru wieħed, iżda jkopri t-territorju kollu tal-UE. Minħabba n-natura transnazzjonali tas-suq uniku tal-UE, u l-ħtieġa li jiġu indirizzati sitwazzjonijiet f'kuntesti transfruntiera bl-aktar mod koerenti, billi tintuża l-għodda tal-IT eżistenti madwar l-UE – l-IMI –, tikkostitwixxi rispons effiċjenti li jista' jingħata biss b'azzjoni fil-livell tal-UE.

    Barra minn hekk, id-Direttiva tipprovdi regoli, b'mod partikolari dawk li jirrigwardaw ir-rwol tal-awtoritajiet koordinatriċi fil-livell tal-Istati Membri, li jħallu lill-Istati Membri r-responsabbiltà li jiddefinixxu l-korp xieraq għall-konformità ma' dawn ir-regoli, skont l-organizzazzjoni amministrattiva tagħhom fil-livell nazzjonali.

    Proporzjonalità

    Il-miżuri introdotti b'din id-Direttiva huma proporzjonati għall-objettiv tiegħu ta’ integrazzjoni akbar tas-swieq tas-servizzi fil-livell tal-UE, billi jippermetti żieda dinamika tas-suq u l-kompetizzjoni transfruntiera. Huma wkoll proporzjonati għall-objettivi li tiżdied it-trasparenza, jitnaqqsu l-ispejjeż u jiġu ssimplifikati l-proċeduri li l-Istati Membri jimponu fuq il-fornituri ta’ servizzi f'sitwazzjonijiet transfruntiera. Barra minn hekk, jibnu fuq l-IMI, strument eżistenti tal-IT fil-livell tal-UE ffinanzjat mill-baġit tal-UE u użat diġà mill-amministrazzjonijiet nazzjonali. Il-proċedura fil-livell tal-UE se ġġib biss aġġustamenti limitati għall-IMI, li jirriżultaw fi spejjeż limitati fil-livell tal-UE u nazzjonali. Tali spejjeż limitati ġew ivvalutati fir-rigward ta' proċeduri eżistenti oħra, bħall-Karta Professjonali Ewropea.

    Dawn il-miżuri ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jissolvew il-problemi identifikati u biex jintlaħqu l-objettivi identifikati. Għalkemm il-proċedura fil-livell tal-UE teħtieġ rwol attiv tal-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri, l-isforzi finanzjarji li wieħed għandu jistenna mill-Istati Membri se jkunu limitati bl-użu tas-sistema ta' Informazzjoni tas-Suq Intern, pjattaforma li diġà teżisti u li twaqqfet bis-saħħa tal-fondi tal-UE. Barra minn hekk, il-prospetti li jinħolqu bl-użu tal-e-Card Ewropea tas-servizzi tal-kompetizzjoni addizzjonali fis-swieq tas-servizzi b'aktar atturi tas-suq u fatturat addizzjonali, għandu jkollhom effett pożittiv fuq l-ekonomiji tal-Istati Membri.

    L-użu ta' e-Card Ewropea tas-servizzi se jkun volontarju għall-fornituri ta' servizzi.

    Għażla tal-istrument

    Din id-Direttiva hija bbażata fuq l-Artikoli 53 u 62 tat-TFUE, li jippermettu li l-leġiżlatur tal-UE biss biex jadotta direttivi. Tinkludi dispożizzjonijiet dwar l-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri dwar l-aċċess għal ċerti attivitajiet ta' servizzi. Barra minn hekk, tinkludi kjarifika dwar liema huma l-effetti eżatti tal-e-Card Ewropea tas-servizzi fir-rigward tal-aċċess għas-suq ta' Stat Membru ieħor.

    3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

    Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

    Bi tħejjija għal din il-proposta, il-Kummissjoni wettqet evalwazzjoni fil-fond tad-Direttiva dwar is-Servizzi. Din l-evalwazzjoni wriet li s'issa l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi kienet effettiva biss b'mod parzjali. Id-Direttiva dwar is-Servizzi kienet kapaċi tiġġenera tkabbir addizzjonali permezz ta' riformi tal-Istati Membri. Madankollu, il-fornituri ta’ servizzi f’setturi ta’ servizzi ewlenin (bħalma huma s-servizzi tan-negozju u tal-bini) għadhom jiffaċċjaw għadd importanti ta’ ostakoli. Barra minn hekk, is-sistema ta' kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri mhux qed twassal il-benefiċċji kollha tagħha. Analiżi fil-fond li twettqet dwar il-funzjonament u l-użabilità tal-Punti ta' Kuntatt Waħdieni (PSCs) fl-2015 ikkonkludiet li ħafna mill-PSCs għadhom ma wasslux għas-simplifikazzjoni kollha mistennija fl-amministrazzjoni f’termini ta’ forniment ta' servizzi transfruntiera temporanji jew it-twaqqif ta' negozju.

    Konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati

    Il-Kummissjoni wettqet diversi analiżijiet u konsultazzjonijiet biex tinġabar evidenza dwar l-ostakoli li għad fadal biex is-Suq Uniku jiffunzjona b'mod sħiħ għas-servizzi, b'enfasi akbar fuq l-effetti prattiċi tad-dispożizzjonijiet dwar il-post mill-2014. Twettqet valutazzjoni ekonomika biex tevalwa l-effetti tar-riforma nazzjonali fis-swieq tas-servizzi u l-aċċess għall-assigurazzjoni għall-fornituri ta' servizzi. Barra minn hekk, ġew organizzati sessjonijiet ta' ħidma mal-partijiet interessati bħala parti mill-Forum tas-Suq Uniku fl-2014, l-2015 u l-2016. Dawn trattaw l-isfidi tal-intrapriżi ż-żgħar u ta' daqs medju biex jiżviluppaw fis-swieq reġjonali transfruntiera, jew sfidi speċifiċi fis-setturi tas-servizzi (b'mod partikolari s-servizzi tan-negozju u s-servizzi tal-bini) li huma mxekkla mill-kummerċ transfruntiera baxx u mill-investiment fil-livell tal-UE. Il-kontributi u r-riżultati miġbura żvelaw li, minkejja li sar ftit progress fl-aħħar snin, il-fornituri ta' servizzi f'diversi setturi ekonomikament importanti għadhom jiffaċċjaw firxa ta' ostakoli meta jfittxu li jespandu bejn il-fruntieri tal-Istati Membri.

    Il-partijiet interessati esprimew fehmiet differenti dwar il-modi possibbli għat-titjib tal-qafas regolatorju li s-swieq tas-servizzi huma soġġetti għalih fl-UE u fil-livell nazzjonali. Din id-Direttiva ma timmodifika ebda regoli sostantivi dwar il-forniment ta’servizzi transfruntiera ta’ servizzi hekk kif stipulat fid-Direttiva dwar is-Servizzi, lanqas ir-regoli relatati mal-istazzjonar tal-ħaddiema, is-saħħa u s-sigurtà jew il-protezzjoni tal-ambjent. Il-partijiet interessati kważi kollha b’mod unanimu jopponu l-ftugħ mill-ġdid tad-Direttiva dwar is-Servizzi.

    Saret konsultazzjoni elettronika pubblika li damet mit-3 ta' Mejju sas-26 ta' Lulju 2016. Il-konsultazzjoni ġabret aktar fehmiet ta' partijiet interessati, kif ukoll esperjenzi personali dwar l-ostakoli li għad fadal f'dawn is-setturi tas-servizzi, b'mod partikolari, għall-forniment transfruntiera ta' servizzi fl-UE.

    Ir-riżultati ta' dawn l-eżerċizzji kollha kkonfermaw li r-rekwiżiti inġustifikati jew sproporzjonati għadhom jippersistu fil-livell nazzjonali, għad-detriment tal-fornituri u r-riċevituri ta' servizzi fis-Suq Uniku. Barra minn hekk, dawn taw indikazzjonijiet speċifiċi ta' x'reazzjonijiet politiċi huma mistennija mill-partijiet interessati. Il-maġġoranza tagħhom appoġġjaw il-ħtieġa li jiġu indirizzati l-ostakoli li fadal għall-forniment transfruntier ta' servizzi, u li jkun iffaċilitat l-aċċess għall-kopertura tal-assigurazzjoni f'dawn is-sitwazzjonijiet, filwaqt li jżommu mal-acquis tal-UE fi kwistjonijiet soċjali, marbuta mal-impjiegi, is-saħħa u s-sigurtà jew l-ambjent, u filwaqt li jsegwu politika ambizzjuża ta' infurzar. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni adottat pakkett komprensiv ta' infurzar f'Novembru 2016 biex tindirizza restrizzjonijiet sproporzjonati introdotti fil-qasam tas-servizzi f'disa' Stati Membri.

    Din l-inizjattiva mmirata biex ittejjeb l-iżvilupp tas-swieq tas-servizzi transfruntiera ġiet appoġġjata wkoll mill-Kunsill Kompetittività fil-Konklużjonijiet tiegħu tad-29 ta' Frar 2016 dwar l-Istrateġija għal Suq Uniku 10 , u mill-Kunsill Ewropew fil-Konklużjonijiet tiegħu tat-28 ta' Ġunju 2016 11 . Dan kien appoġġjat ukoll mill-Parlament Ewropew fir-rapport tiegħu dwar l-Istrateġija għal Suq Uniku adottat fis-26 ta' Mejju 2016 12 .

    Ġbir u użu tal-għarfien espert

    Ir-riżultati tal-proċess ta’ evalwazzjoni reċiproka mal-Istati Membri fl-2010-11, il-kontrolli tal-prestazzjoni li twettqu fl-2011-12, u l-evalwazzjoni bejn il-pari li twettqet fl-2012-2013 kienu lkoll ta’ kontribut għat-tħejjija ta’ din il-proposta għal Direttiva. Barra minn hekk, ir-riżultati ta' konsultazzjonijiet pubbliċi differenti, inklużi dawk li saru fis-sajf 2016, offrew bażi solida ta' għarfien espert.

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq skambji regolari fil-livell tekniku fil-kuntest tal-Grupp ta' Esperti tagħha dwar l-Implimentazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi.

    Valutazzjoni tal-impatt

    Twettqet valutazzjoni tal-impatt bi tħejjija għal din l-inizjattiva. Ir-rapport ippreżentat mill-ġdid iqis ir-rakkomandazzjonijiet magħmulin mill-Bord ta' Skrutinju Regolatorju fl-opinjoni inizjali tiegħu tal-14 ta' Ottubru 2016 13 kif ukoll il-punti addizzjonali mressqa mill-Bord fl-opinjoni pożittiva finali tiegħu tat-8 ta' Novembru 2016 14 . B'mod partikolari, id-deskrizzjoni tal-problema u l-kamp ta' applikazzjoni tal-valutazzjoni tal-impatt ġew ikkjarifikati, l-għażliet varji tal-politika ġew iggruppati mill-ġdid f'pakketti ta' għażliet li jintgħarfu b'mod ċar u t-tnaqqis fl-ispejjeż amministrattivi ġie stmat b'aktar preċiżjoni.

    Tqiesu għażliet ta' politika individwali fil-valutazzjoni tal-impatt u nġabru f'"pakketti" ta' għażliet ta' politika. Ġew studjati l-pakketti ta' għażliet ta' politika li ġejjin:

    L-ewwel pakkett ta' għażliet jippermetti li l-fornitur ta' servizzi jikseb ċertifikat dwar l-istabbiliment legali fl-Istat Membru tad-domiċilju u l-konferma ta' kopertura tal-assigurazzjoni eżistenti għal attivitajiet anki fl-Istat Membru tad-domiċilju;

    It-tieni pakkett ta' għażliet jippermetti li l-fornitur ta' servizzi jagħmel użu minn proċedura fil-livell tal-UE li tiffaċilita l-aċċess għas-suq ta' Stat Membru ieħor, inkluż mekkaniżmu elettroniku avvanzat, konness mal-IMI biex jiffaċilita l-konformità mal-formalitajiet għall-persunal stazzjonat, li l-Istat Membru ospitanti jista’ jagħżel li juża. Barra minn hekk, dan jista' jindirizza ostakoli prattiċi relatati mal-assigurazzjoni f'sitwazzjonijiet transfruntiera;

    It-tielet pakkett ta’ għażliet ikompli jżid fuq it-2 pakket billi jnaqqas id-disparità regolatorja f’għadd ta’ servizzi kummerċjali prinċipali (servizzi tal-arkitettura, tal-inġinerija u tal-kontabilità) permezz tal-armonizzazzjoni ta’ għadd limitat ta’ rekwiżiti applikabbli għall-fornituri ta’ servizzi f’dawn it-tliet oqsma (bażikament restrizzjonijiet tal-format legali, rekwiżiti li jistabbilixxu l-perċentwal tal-parteċipazzjoni azzjonarja li għanda tiġi riżervata għall-professjonisti u r-restrizzjonijiet għall-provvista ta’ attivitajiet multidixxiplinarji);

    Ir-raba’ pakkett ta’ għażliet ikompli jżid fuq it-3 pakkett billi jintroduċi soluzzjonijiet speċifiċi li jindirizzaw id-disparitajiet regolatorji msemmija hawn fuq fil-każ ta’ stabbiliment sekondarju (fergħat u aġenziji), li jeżentaw fornituri ta’ servizzi barranin minn ċerti rekwiżiti filwaqt li jippermettu l-Istat Membru ospitanti jintroduċi salvagwardji alternattivi.

    L-ewwel pakkett jiġġenera ċerti effetti ta' simplifikazzjoni li huma, madankollu, aktar limitati meta mqabbla mal-pakketti l-oħra. Filwaqt li kemm il-pakkett 3 u kif ukoll il-pakkett 4 ikollhom effetti saħansitra aktar b'saħħithom minn dawk tal-pakkett 2 peress li jindirizzaw ukoll l-ostakoli regolatorji (minbarra s-simplifikazzjoni amministrattiva), il-Kummissjoni ddeċidiet li tagħżel il-pakkett 2, abbażi tar-raġunament li ġej: It-tneħħija tar-rekwiżiti l-aktar restrittivi koperti bil-pakketti 3 u 4 permezz ta’ azzjoni ta’ infurzar immirata, ikkumplimentata minn rakkomandazzjonijiet speċifiċi li jitrattaw il-qafas regolatorju sħiħ applikabbli għall-professjoni li tforni s-servizz, jidher li huwa aktar proporzjonat minn proposta leġiżlattiva li tintroduċi armonizzazzjoni minima għal għadd limitat ta’ rekwiżiti f’għadd limitat ta’ setturi tas-servizzi. Barra minn hekk, il-pakkett 4 ma ntgħażilx ukoll għax jista' jagħti aktar lok għal perċezzjonijiet ta' introduzzjoni ta' soluzzjoni mmexxija mill-approċċ tal-pajjiż ta’ oriġini li biha l-fornituri ta' servizzi barranin ikunu soġġetti għal-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri tad-domiċilju tagħhom biss, xi ħaġa li twassal għal diskriminazzjoni inversa tal-fornituri ta' servizzi domestiċi.

    Il-pakkett magħżul huwa mistenni li jżid iċ-ċertezza legali u l-iffrankar tal-ispejjeż għall-fornituri ta' servizzi li ser jaqsmu l-fruntieri. Probabbli li jiġġenera żieda fid-dinamiki tas-suq u l-livelli tal-kompetizzjoni, li jwasslu għal aktar għażla u valur miżjud għall-konsumaturi.

    Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

    Id-Direttiva proposta se tikkontribwixxi għal idoneità regolatorja fir-rigward tal-aċċess għas-suq għall-fornituri ta' servizzi u s-simplifikazzjoni billi ttejjeb u tissimplifika l-modalitajiet li bihom il-fornituri ta' servizzi jingħataw l-aċċess għas-suq ta' Stat Membru ieħor. Dan ma jibdilx il-prerogattivi tal-Istati Membri ospitanti skont id-Direttiva dwar is-Servizzi.

    Drittijiet fundamentali

    Din il-proposta tippromwovi drittijiet stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. B'mod aktar speċifiku, il-protezzjoni tad-data personali għandha tiġi żgurata b'konformità mal-Artikolu 8 tal-Karta. Barra minn hekk, l-objettiv ewlieni ta' din l-inizjattiva huwa li tiffaċilita d-dritt ta' stabbiliment u d-dritt li jiġu fornuti servizzi f'kull Stat Membru, kif preskritt mill-Artikolu 15(2) tal-Karta, filwaqt li tiżgura li l-ebda diskriminazzjoni, lanqas indiretta, ma ssir minħabba n-nazzjonalità (b'hekk timplimenta ulterjorment l-Artikolu 21(2) tal-Karta). Barra minn hekk, il-proċedura fil-livell tal-UE hi prevista li ddaħħal fis-seħħ proċedura imparzjali, ġusta u raġonevolment veloċi, ukoll fir-rigward tal-parteċipazzjoni tal-Kummissjoni, kif mitlub mill-Artikolu 41 tal-Karta. Fl-aħħar nett, il-projbizzjoni tal-abbuż tad-drittijiet, jiġifieri tal-libertà li jiġu fornuti servizzi, għandha tkun meqjusa b'mod xieraq, kif preskritt mill-Artikolu 54 tal-Karta.

    4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

    Il-proposta mistennija li jkollha implikazzjonijiet għall-baġit tal-UE sal-punt li l-e-Card Ewropea tas-servizzi futura tuża s-Sistema ta' Informazzjoni tas-Suq Intern ("IMI") bħala s-sinsla operazzjonali tagħha. L-IMI se jkollha tiġi adattata biex tappoġġja l-proċedura tal-e-Card Ewropea tas-servizzi u r-rekwiżiti tal-ħażna, u li tkun supplimentata b'funzjonijiet addizzjonali, jiġifieri b'interfaċċja pubblika għall-fornituri ta' servizzi, b'interkonnessjonijiet għal sistemi oħra relevanti, u b'funzjonalità ta’ back-office għall-awtoritajiet nazzjonali. Dan huwa minħabba l-fatt li għall-iskopijiet tal-e-Card Ewropea tas-servizzi, l-IMI se tiġi offruta bħala għodda għall-iskambju effettiv ta’ informazzjoni u assistenza reċiproka bejn l-awtoritajiet kompetenti fi ħdan ċertu Stati Membri, mingħajr preġudizzju għal soluzzjonijiet oħra stabbiliti mill-Istati Membri.

    L-implikazzjonijiet għall-baġit tal-UE se jkunu modesti minħabba l-fatt li l-użu tal-IMI għat-tisħiħ tal-e-Card Ewropea tas-servizzi se jipprovdi ekonomiji ta’ skala u ta’ firxa importanti. Barra minn hekk, il-kapaċitajiet ewlenin eżistenti tal-IMI u dawk li qed jiġu żviluppati bħalissa huma fil-biċċa l-kbira konformi mar-rekwiżiti tal-e-Card Ewropea tas-servizzi. L-ispejjeż ta' adattament u żvilupp għaldaqstant se jitnaqqsu b'mod sostanzjali.

    Kwalunkwe allokazzjoni meħtieġa, madankollu, se tintlaħaq permezz ta' allokazzjoni mill-ġdid; mhuwa mistenni l-ebda impatt fuq il-baġit tal-UE lil hinn mill-approprjazzjonijiet diġà previsti fl-ipprogrammar finanzjarju uffiċjali tal-Kummissjoni.

    5.ELEMENTI OĦRA

    Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti ta’ monitoraġġ, evalwazzjoni u rappurtar

    Id-Direttiva tipprevedi l-ewwel evalwazzjoni tad-Direttiva sa 36 xahar wara d-data tat-traspożizzjoni u l-aktar tard kull ħames minn dakinhar ’l hemm. L-Istati Membri, il-fornituri ta' servizzi, l-imsieħba soċjali u l-partijiet interessati l-oħra jiġu wkoll mistiedna biex jevalwaw il-funzjonament tal-inizjattiva. Se jitqiesu l-indikaturi speċifiċi li jippermettu l-valutazzjoni tal-impatti tad-Direttiva, bħall-għadd ta' fornituri ta' servizzi li jużaw l-e-Card Ewropea tas-servizzi, l-esperjenza tagħhom relatata mal-piż amministrattiv, il-veloċità tal-proċeduri użati jew l-għadd ta' skambji ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri.

    Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)

    Din il-proposta ma teħtieġx dokumenti ta’ spjegazzjoni għat-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet kollha fil-liġi nazzjonali. Il-Kummissjoni għandha, madankollu, tippreżenta gwida dwar l-applikazzjoni tal-flussi tax-xogħol u tal-faċilitajiet amministrattivi kollha skont ir-regolament propost għall-introduzzjoni tal-e-Card Ewropea tas-servizzi. Din il-gwida se tiġi ppreżentata meta l-atti delegati u ta' implimentazzjoni kollha meħtieġa, previsti skont din id-Direttiva u skont ir-Regolament propost, ikunu fis-seħħ.

    Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

    Il-proposta hija magħmula mid-dispożizzjonijiet li ġejjin:

    L-Artikolu 1 jistipula s-suġġett bħala dak li jistabbilixxi qafas legali u operattiv għall-e-Card Ewropea tas-servizzi, introdotta bir-Regolament .... [ir-Regolament tal-ESC] ......., li jistabbilixxi r-regoli li jirregolaw l-aċċess u l-eżerċizzju ta' attivitajiet tas-servizz mid-detenturi ta' Karta.

    L-Artikolu 2 jistabbilixxi l-kamp ta’ applikazzjoni ta' din id-Direttiva bħala dak li jinkludi s-servizzi tan-negozju u tal-bini elenkati fl-Anness tagħha. L-Anness jeskludi attivitajiet li huma esklużi għalkollox jew parzjalment skont id-Direttiva 2006/123/KE.

    Jiddikjara wkoll li, simili għad-Direttiva 2006/123/KE, din id-Direttiva ma taffettwax id-definizzjoni jew l-organizzazzjoni tas-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali jew ir-regoli kif regolati mil-liġi tal-kompetizzjoni. Lanqas ma taffettwa d-diversità kulturali jew lingwistika jew il-pluraliżmu fix-xandir. Fl-aħħar nett, id-Direttiva ma taffettwax id-dispożizzjonijiet tal-liġi ġenerali kriminali, il-liġi tax-xogħol, il-liġi tat-taxxa jew il-liġi tas-sigurtà soċjali.

    Fid-Direttiva 2006/123/KE, ġie ċċarat li din id-Direttiva m'għandhiex tapplika meta tmur kontra atti oħra tal-Unjoni li jirregolaw aspetti speċifiċi ta' aċċess għal jew l-eżerċizzju ta' attività ta' servizz fis-setturi speċifiċi jew għal professjonijiet speċifiċi. Tenfasizza wkoll li din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għad-Direttivi 96/71/KE and 2014/67/UE fir-rigward tal-istazzjonar tal-ħaddiema.

    L-Artikolu 3 jintroduċi d-definizzjonijiet rilevanti għad-Direttiva.

    L-Artikolu 4 jiċċara l-valur probatorju, fl-Unjoni kollha, ta' e-Card Ewropea tas-servizzi fir-rigward tal-istabbiliment fl-Istati Membri tad-domiċilju tal-fornitur, minn fejn jespandi l-operazzjonijiet billi jagħmel użu mill-e-Card.

    L-Artikolu 5 jiddeskrivi fid-dettall l-effetti tal-e-Card Ewropea tas-servizzi bħala prova tal-ħila tad-detentur tal-e-Card li jipprovdi servizzi fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti, temporanjament jew permezz ta' fergħa, aġenzija jew uffiċċju li jinsab fih. Ladarba tinħareġ e-Card, din timpedixxi l-Istat Membru ospitanti milli jimponi fuq id-detentur tagħha, forniment ta' servizzi relatat ma' awtorizzazzjonijiet minn qabel u ma’ skemi ta' notifiki minn qabel skont il-liġijiet nazzjonali tagħhom; għaliex tali kontrolli minn qabel se jkunu diġà saru permezz tal-proċedura li toħroġ e-Card Ewropea tas-servizzi. Il-proċedura biex tinħareġ e-Card Ewropea tas-servizzi ma tistax takkomoda madankollu kontrolli minn qabel li jippreżentaw grad għoli ta' kumplessità jew jinvolvu għażla fost negozji oħra. Il-kontrolli ex post se jibqgħu fis-seħħ għad-detenturi tal-e-Card kif jiġri għall-fornituri l-oħra.

    L-Artikolu 6 jintroduċi l-obbligu min-naħa tal-awtoritajiet fl-Istati Membri kollha, filwaqt li jitlob is-sottomissjoni ta' informazzjoni fil-kuntest ta' kwalunkwe proċedura jew formalità, u ma jkunx meħtieġ li d-detenturi tal-e-Card jipprovdu kwalunkwe informazzjoni li diġà tinsab fl-e-Card Ewropea tas-servizzi.

    L-Artikolu 7 jiddetermina li l-validità tal-e-Card Ewropea tas-servizzi tkun indefinita f'terminu ta' żmien, sakemm ma tiġix sospiża, revokata jew ikkanċellata, u li din tkun tkopri t-territorju kollu tal-Istat Membru ospitanti. L-awtorizzazzjonijiet għal fergħat, aġenziji jew uffiċċji addizzjonali jibqgħu fis-seħħ sakemm id-Direttiva 2006/123/KE tippermettihom.

    L-Artikolu 8 jiddetermina li l-applikazzjoni għall-e-Card għandha tiġi sottomessa lill-awtorità koordinatriċi tal-Istat Membru tad-domiċilju.

    L-Artikolu 9 jeskludi lil dawk il-fornituri li għalihom diġà ġiet introdotta Karta Professjonali Ewropea mill-possibilità li japplikaw għal e-Card Ewropea tas-servizzi.

    L-Artikolu 10 jissalvagwardja d-dritt tal-Istati Membri li jinvokaw dawk ir-raġunijiet prevalenti ta’ interess pubbliku skont id-Direttiva 2006/123/KE.

    L-Artikolu 11 jiddeskrivi l-kompiti ta' verifika u l-ikkompletar tal-applikazzjoni għal e-Card Ewropea tas-servizzi li l-awtorità koordinatriċi fl-Istat Membru tad-domiċilju għandha twettaq qabel tibgħat applikazzjoni ta’ dan it-tip lill-kontroparti tagħha fl-Istat Membru ospitanti. Jinkludi wkoll mekkaniżmi ta' rimedju dwar azzjoni jew nuqqas ta' azzjoni min-naħa tal-awtorità koordinatriċi fl-Istat Membru tad-domiċilju.

    L-Artikolu 12 jiddeskrivi l-passi proċedurali għall-ħruġ ta' e-Card Ewropea tas-servizzi għal servizzi temporanji transfruntiera. L-awtorità koordinatriċi tinforma dwar ir-rekwiżiti applikabbli fl-Istat Membru ospitanti ladarba l-fornitur il-ġdid jingħata l-aċċess jew tinforma b'deċiżjoni mmotivata sew minn Stat Membru ospitanti li joġġezzjona għall-ħruġ tal-karta, liema deċiżjoni tkun torbot lill-awtorità koordinatriċi fl-Istat Membru tad-domiċilju. Jekk l-ebda oġġezzjoni ma tiġi notifikata mill-inqas fi żmien ġimagħtejn, tintbagħat twissija u l-Istat Membru tad-domiċilju ikollu ġimagħtejn addizzjonali biex jirreaġixxi. Fi tmiem dan il-perjodu, l-e-Card tinħareġ, espressament jew taċitament. Id-dispożizzjoni tinkludi d-dritt ta' rimedju kontra deċiżjonijiet mill-awtoritajiet koordinatriċi tal-Istati Membri tad-domiċilju jew ospitanti.

    L-Artikolu 13 jiddeskrivi l-passi proċedurali għall-ħruġ ta' e-Card Ewropea tas-servizzi għall-forniment ta' servizzi permezz ta' stabbiliment f'għamla ta' fergħat, aġenziji jew uffiċċji. L-awtorità koordinatriċi tal-Istat Membru tad-domiċilju tinforma bir-rekwiżiti applikabbli fit-territorju tiegħu sabiex jingħata l-aċċess. L-applikant għandu jagħti prova tal-konformità neċessarja. Jekk ma tittieħed l-ebda deċiżjoni mill-awtorità koordinatriċi tal-Istat Membru ospitanti wara proċess ġust fil-konfronti tal-applikant u minkejja twissija għal reazzjoni, l-e-Card tinħareġ. Id-dispożizzjoni tinkludi d-dritt ta' rimedju kontra d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet koordinatriċi tal-Istati Membri tad-domiċilju jew dak ospitanti.

    L-Artikolu 14 jintroduċi l-prinċipju ta’ darba biss fil-livell domestiku, li skontu l-informazzjoni u d-dokumenti fil-pussess tal-awtoritajiet tal-Istat Membru tad-domiċilju ma hemmx għalfejn jiġu fornuti mill-ġdid minn applikant ta’ e-Card Ewropea tas-servizzi.

    L-Artikolu 15 jelenka avvenimenti li jseħħu fl-Istat Membru ospitanti li għandhom iwasslu għal sospensjoni jew revoka tal-e-Card Ewropea tas-servizzi.

    L-Artikolu 16 jelenka avvenimenti li jseħħu fl-Istat Membru tad-domiċilju li għandhom iwasslu għal sospensjoni jew revoka ta' kull e-Card Ewropea tas-servizzi diġà maħruġa għall-fornitur ta' servizzi u l-attività tas-servizz inkwistjoni.

    L-Artikolu 17 jistabbilixxi r-rwol tal-Istati Membri tad-domiċilju jew dak ospitanti f'każijiet ta' sospensjoni, revoka jew, meta mitluba mid-detentur tal-e-Card, ta’ kanċellazzjoni tal-e-Cards Ewropej tas-servizzi. Jintroduċi proċedura ta' konsultazzjoni għad-detenturi tal-e-Card inkwistjoni

    L-Artikolu 18 jirregola l-eżerċizzju tad-delega mill-Kummissjoni kif stipulat fl-Artikoli 12 u 13.

    L-Artikolu 19 jiddefinixxi l-Kumitat li jassisti lill-Kummissjoni fl-adozzjoni tal-atti ta' implimentazzjoni u l-proċedura applikabbli skont ir-Regolament (UE) 182/2011.

    L-Artikoli 20 u 21 jimponu fuq il-Kummissjoni l-obbligi ta' monitoraġġ u reviżjoni tal-impatt ta' din id-Direttiva

    L-Artikolu 22 jittratta t-traspożizzjoni u l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva. Id-dati previsti huma l-istess bħal dawk previsti għar-Regolament propost li jintroduċi e-Card Ewropea tas-servizzi.

    2016/0402 (COD)

    Proposta għal

    DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    dwar il-qafas legali u operattiv tal-e-Card Ewropea tas-servizzi introdotta bir-Regolament ... [ir-Regolament tal-ESC]

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 53(1) u 62 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara t-trażmissjoni tal-abbozz ta’ att leġiżlattiv lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 15 ,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni 16 ,

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

    Billi:

    (1)It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jiggarantixxi lill-fornituri ta' servizzi l-libertà ta' stabbiliment fi Stati Membri oħra u l-libertà ta' forniment ta’ servizzi fl-Istati Membri kollha.

    (2)Id-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 17 tistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali li jħaffu l-eżerċizzju tal-libertà ta' stabbiliment għall-fornituri ta' servizzi u l-moviment liberu tas-servizzi. Tipprovdi fost l-oħrajn li l-Istati Membri għandhom jistipulaw simplifikazzjoni amministrattiva billi, pereżempju, joffru proċeduri elettroniċi permezz ta' Punti ta' Kuntatt Uniku, li jissimplifikaw il-proċeduri eżistenti u l-ħtieġa għal dokumenti ċċertifikati, u li jagħmlu l-aħjar użu minn sistema ta' approvazzjoni taċita. Id-Direttiva tistabbilixxi wkoll qafas li jkompli jsaħħaħ il-libertà li jiġu pprovduti servizzi fuq bażi temporanja fi Stat Membru ieħor.

    (3)Id-Direttiva 2006/123/KE teħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu u jżommu Punti ta' Kuntatt Uniku, kontinwament aġġornati, biex fornitur ta' servizzi li jkun jixtieq jistabbilixxi jew jipprovdi servizzi, ikun jista' jsib l-informazzjoni kollha rilevanti dwar ir-rekwiżiti li għandhom jiġu mħarsa u l-proċeduri elettroniċi fir-rigward tal-formalitajiet, l-awtorizzazzjoni u n-notifiki kollha meħtieġa. Madankollu, sal-lum għad hemm sfidi li jiswew il-flus biex tinkiseb l-informazzjoni u diffikultajiet marbuta mal-konformità ta' proċeduri nazzjonali minn ċertu distanza għall-fornituri ta' servizzi, b'mod partikolari fejn jidħlu r-rekwiżiti relatati ma’ settur partikolari. Il-kooperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet ta' Stati Membri differenti għandha, fil-prinċipju, issir permezz tas-Sistema ta' Informazzjoni tas-Suq Intern (IMI), pjattaforma tal-IT offruta għall-iskambju transfruntier ta' informazzjoni u assistenza reċiproka bejn l-Istati Membri differenti taħt dik id-Direttiva. Minkejja l-fatt li l-awtoritajiet kultant ikollhom dubji dwar l-istabbiliment legali ta' fornitur fi Stat Membru ieħor, il-possibbiltajiet għall-kooperazzjoni mogħtija bħalissa fl-IMI għadhom mhux qed jiġu sfruttati għal kollox. Il-formalitajiet assoċjati mal-awtorizzazzjonijiet u n-notifiki ta' spiss jirrikjedu l-mili ta’ formoli tal-karti u l-preżentazzjoni ta’ dokumenti tal-karti, li l-ispiża tad-traduzzjoni tagħhom hija sinifikanti. L-informazzjoni dwar dawn l-ostakoli jew ma tkunx disponibbli elettronikament jew tkun skarsa, inkompleta, imxerrda u diffiċli biex tinterpretaha fir-rigward taċ-ċirkostanzi partikolari ta' fornitur li jkun jixtieq jespandi b'mod transfruntier, għax dawn l-ostakli ta' spiss jiffukaw fuq sitwazzjonijiet purament domestiċi. Il-fornituri ta' servizzi ta' spiss jirriskjaw li jippreżentaw għal darba darbtejn l-informazzjoni u d-dokumenti.

    (4)Għad hemm rekwiżiti fis-seħħ li jtaqqlu u jxekklu l-espansjoni tal-operazzjonijiet għall-fornituri ta' servizzi fis-suq intern, bħal skemi multipli jew diverġenti ta' awtorizzazzjoni quddiem awtoritajiet differenti, li, fir-rigward tal-istabbiliment, jonqsu milli jilħqu għarfien reċiproku tal-kundizzjonijiet li jkunu diġà ġew issodisfati fi Stati Membri oħra jew, fil-każ tal-provvista temporanja ta' servizzi transkonfinali japplikaw restrizzjonijiet sproporzjonati jew mhux ġustifikati. B'konsegwenza ta' dan, il-fornituri ta' servizzi jiffaċċjaw spejjeż multipli u sproporzjonati għall-konformità meta jiddeċiedu jaqsmu l-fruntiera.

    (5)Il-kummerċ transfruntier u l-investiment transfruntier f'ċerti servizzi tan-negozju u tal-bini huma partikolarment baxxi u juru potenzjal għal integrazzjoni aħjar tas-swieq tas-servizzi b'riperkussjonijiet negattivi sinifikanti għall-bqija tal-ekonomija. Din is-sottoprestazzjoni twassal għal sitwazzjonijiet fejn il-potenzjal għal aktar tkabbir u għal aktar impjiegi fis-Suq Uniku għadu ma ġiex sfruttat għalkollox.

    (6)Din id-Direttiva għandha l-għan li tiffaċilita l-istabbiliment u l-moviment liberu ta’ servizzi fi ħdan is-suq uniku, li tiżviluppa u timplimenta b’mod ulterjuri l-prinċipji ġenerali tad-dritt ta’ stabbiliment u l-libertà tal-forniment ta’ servizzi transfruntiera stabbiliti fl-Artikoli 49 u 56 tat-TFUE, rispettivament, kif ukoll fid-Direttiva 2006/123/KE. Għandha tkun ibbażata fuq l-Artikolu 53(1) tat-TFUE, dwar il-libertà ta' stabbiliment u l-aċċess għall-attivitajiet ta' dawk li jaħdmu għal rashom, kif ukoll fuq l-Artikolu 62 tat-TFUE, li jippermetti li dawk id-dispożizzjonijiet ikunu applikabbli għas-servizzi.

    (7)Sabiex ikun eħfef li jinbdew u jkunu eżerċitati attivitajiet ta' servizzi, din id-Direttiva tibni fuq id-Direttiva 2006/123/KE iżda bl-ebda mod ma temenda r-regoli tagħha. Il-kamp ta’ applikazzjoni ta' din id-Direttiva huwa saħansitra iktar limitat meta mqabbel mal-ambitu stabbilit fid-Direttiva dwar is-Servizzi. Timmira speċifikatament setturi tan-negozju u tas-servizzi tal-bini, fejn għad hemm ħafna ostakoli għall-attivitajiet transfruntiera. Barra minn hekk, il-kummerċ transfruntiera u l-investiment fil-bini u diversi servizzi tan-negozju huma baxxi u ż-żewġ setturi raw tkabbir dgħajjef fil-produttività fl-aħħar għaxar snin.

    (8)Il-kwistjonijiet, l-attivitajiet u l-oqsma kollha esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/123/KE għandhom jibqgħu esklużi wkoll mill-kamp ta’ applikazzjoni ta' din id-Direttiva. B'mod partikolari, din id-Direttiva m'għandhiex taffettwa kwistjonijiet, attivitajiet u oqsma, bħal dawk li jirriżultaw mit-tassazzjoni, is-sigurtà soċjali u l-liġi tax-xogħol, inkluż kwalunkwe dispożizzjoni legali jew kuntrattwali li tikkonċerna l-kundizzjonijiet tal-impjiegi, il-kundizzjonijiet tax-xogħol, inklużi s-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol u r-relazzjoni ta' bejn l-impjegaturi u l-ħaddiema. Ugwalment din id-Direttiva ma taffettwax il-leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali tal-Istati Membri. Din id-Direttiva hija wkoll mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe dispożizzjoni li tirriżulta mid-dritt tal-kompetizzjoni kif ukoll għal kwalunkwe regola dwar il-liġi jew il-ġurisdizzjoni applikabbli skont il-liġi internazzjonali privata.

    (9)Għal raġunijiet ta' koerenza, il-konflitti possibbli bejn id-Direttiva preżenti u atti oħrajn tal-UE li jirregolaw aspetti speċifiċi ta' aċċess għall-attività ta’ servizz jew l-eżerċizzju tagħha f'settur speċifiku għandhom jissolvew kif previst fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2006/123/KE li jitratta l-konflitti bejn dik id-Direttiva u atti ta’ dan it-tip, bl-applikazzjoni ta' dawk l-atti l-oħra. B’riżultat ta’ dan, id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva ma jistgħux jiġu invokati sabiex ikunu ġġustifikati skemi ta’ awtorizzazzjoni minn qabel, skemi ta’ notifika minn qabel jew rekwiżiti ta’ stabbiliment li huma pprojbiti b’atti oħrajn tal-UE li jirregolaw aspetti speċifiċi ta' aċċess għal attività ta' servizz jew l-eżerċizzju tagħha f'settur speċifiku bħad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 18 . Barra minn dawn t’hawn fuq, din id-Direttiva ma taffettwa bl-ebda mod l-obbligi li l-fornituri ta' servizzi għandhom jirrispettaw skont id-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 19 u d-Direttiva 2014/67/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill  20 .

    (10)Din id-Direttiva tiċċara l-kundizzjonijiet li skonthom il-fornituri ta' servizzi kkonċernati jistgħu jibbenefikaw mill-e-Card Ewropea tas-servizzi introdotta bir-Regolament ... [ir-Regolament tal-ESC] ..., ir-rwol rispettiv li l-Istat Membru tad-domiċilju u dak ospitanti għandu jkollhom u liema azzjonijiet tal-Istat Membru tad-domiċilju jenħtieġ li jiġu aċċettati minn Stat Membru ospitanti. L-e-Card Ewropea tas-servizzi hija strument volontarju għall-fornitur ta' servizzi.

    (11)Din id-Direttiva tinkludi wkoll qafas għall-validità u r-raġunijiet għas-sospensjoni jew ir-revoka ta' e-Card Ewropea tas-servizzi fl-Unjoni Ewropea. Fejn fornitur ta' servizzi legalment ma jistax ikompli jipprovdi servizzi transfruntiera, il-motivazzjoni inizjali għall-applikazzjoni, dik l-istess e-Card trid tiġi sospiża jew revokata, skont il-każ.

    (12)L-iskop ewlieni tal-e-Card Ewropea tas-servizzi huwa li tintroduċi proċedura uniformi u simplifikata għall-fornituri ta' servizzi li jixtiequ jespandu l-provvista tas-servizzi madwar il-fruntieri tas-suq intern. L-e-Card tirrappreżenta ċertifikat elettroniku li jiddikjara li fornitur ta' servizzi huwa stabbilit legalment fi Stat Membru (l-Istat Membru tad-domiċilju). Barra minn hekk stati Membri ospitanti, fejn fornitur ta' servizzi huwa interessat li jespandi ma għandhomx japplikaw għal detenturi ta' e-Card, l-iskemi tagħhom ta' awtorizzazzjoni jew ta' notifika minn qabel stabbiliti skont il-liġi nazzjonali għall-kontroll tal-aċċess għall-attivitajiet tas-servizzi jew tal-eżerċizzju tagħhom, li huwa diġà soġġett għal kontroll qabel ma’ tinħareg l-e-Card Ewropea tas-servizzi.

    (13)Il-proċedura introdotta permezz ta’ din id-Direttiva timmira li timplimenta r-regoli u l-prinċipji ġenerali tad-Direttiva 2006/123/KE fil-kuntest tal-istabbiliment transfruntiera u l-forniment temporanju ta' ċerti servizzi.

    (14)Ċerti rekwiżiti u awtorizzazzjonijiet u notifiki relatati, rregolati mid-Direttiva 2006/123/KE ma għandhomx ikunu soġġetti għall-kontrolli fil-kuntest tal-ħruġ ta' e-Card Ewropea tas-servizzi, minħabba l-kumplessità tagħhom jew l-involviment ta' atturi terzi li l-fluss tax-xogħol proċedurali uniformi tal-e-Card Ewropea tas-servizzi ma jkunx jista' jakkomoda b'mod xieraq. Dan jikkonċerna proċeduri tal-għażla għall-għoti ta' awtorizzazzjonijiet limitati fin-numru u l-kontrolli ta' kundizzjonijiet speċifiċi tas-sit, kemm jekk ikunu għas-sit tal-forniment attwali tas-servizzi jew għas-sit fejn il-fornitur jistabbilixxi l-operazzjonijiet tiegħu. Bl-istess mod, l-e-Card Ewropea tas-servizzi mhijiex adattata wkoll biex takkomoda proċeduri tal-għażla għat-twettiq ta' kuntratti pubbliċi, għal-kompetizzjonijiet tad-disinn jew għal-konċessjonijiet.

    (15)Bl-istess mod, il-kontrolli applikabbli għall-fornituri ta' servizzi li huma diġà l-oġġett ta' leġiżlazzjoni orizzontali oħra tal-UE għandhom jibqgħu esklużi. Dan huwa l-każ tar-rekwiżiti u l-kontrolli relatati mar-rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali skont id-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 21 , anki jekk issemmew fil-leġiżlazzjoni speċifika għas-settur.

    (16)Barra minn hekk, ir-rekwiżiti għall-fornituri ta' servizzi li huma kumpaniji b'responsabbiltà limitata li jiżvelaw ċerta informazzjoni dwar il-kumpanija skont id-Direttivi 2009/101/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 22 u d-Direttiva tal-Kunsill 89/666/KEE 23 , u kwalunkwe rekwiżit jew kontroll impost mir-regoli nazzjonali dwar ir-reġistrazzjoni ta' fergħat ta' kumpaniji rreġistrati fi Stat Membru ieħor skont id-dritt tal-kumpaniji m'għandhomx ikunu koperti minn proċedura tal-e-Card Ewopea tas-servizzi, li hija maħsuba biex tindirizza kwistjonijiet speċifiċi għas-settur fil-qafas tad-Direttiva 2006/123/KE.

    (17)L-e-Card Ewropea tas-servizzi għandha diversi vantaġġi. L-ewwel nett, hija prova ta' stabbiliment legali fl-Istat Membru tad-domiċilju. Sakemm l-e-Card Ewropea tas-servizzi tibqa' valida, din għandha tikkostitwixxi mezz validu ta' prova madwar l-UE kollha tal-istabbiliment legali fl-Istat Membru ta' domiċilju għas-servizzi koperti minnha. Din il-prova għandha wkoll tiġi aċċettata f'kuntest domestiku, madwar il-livelli u d-diviżjonijiet amministrattivi kollha tal-amministrazzjoni pubblika. E-Card Ewropea tas-servizzi valida tinkludi informazzjoni meħtieġa ta’ sikwit f'diversi kuntesti, bħall-kontrolli applikabbli matul jew wara l-prestazzjoni ta’ servizzi, l-għoti ta' kuntratt pubbliku, kompetizzjoni tad-disinn jew konċessjoni, il-formazzjoni ta' sussidjarji jew ir-reġistrazzjoni ta' fergħat skont id-dritt tal-kumpaniji u r-reġistrazzjoni tal-fornitur ta' servizzi ma' skemi obbligatorji ta' assigurazzjoni soċjali. Peress li dik l-informazzjoni diġà hija disponibbli f'e-Card Ewropea tas-servizzi valida, l-awtoritajiet tal-Istati Membri m’għandhomx għalfejn jitolbu din l-informazzjoni mid-detenturi tal-e-Cards għal dawn l-iskopijiet l-oħra.

    (18)Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Istati Membri ma jimponux fuq id-detenturi ta' e-Card Ewropea tas-servizzi xi skema ta' awtorizzazzjoni jew notifika relatata mal-forniment ta' servizzi qabel il-forniment ta' servizz. Jenħtieġ li l-Istati Membri ma jirrepetux, totalment jew parzjalment, kontrolli mwettqa qabel fil-kuntest tal-ħruġ tal-e-Card Ewropea tas-servizzi ladarba l-forniment tas-servizzi jkun beda fl-Istat Membru ospitanti. L-iskemi ta' awtorizzazzjoni jew ta’ notifika bħal dawk li jirriżultaw mid-dritt tat-tassazzjoni, tas-sigurtà soċjali u tax-xogħol jibqgħu applikabbli billi kwistjonijiet bħal dawn huma esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva. Il-kontrolli ex-post, l-ispezzjonijiet u l-investigazzjonijiet mibdija mill-awtoritajiet kompetenti għandhom madankollu jibqgħu ammissibbli għall-kontroll tal-prestazzjoni tas-servizz, hekk kif inhuma skont il-Liġi attwali tal-UE. Jekk dawn il-kontrolli jiżvelaw ksur serju tar-rekwiżiti applikabbli fi Stat Membru ospitanti, dan jista' jwassal għas-sospensjoni jew għar-revoka tal-e-Card Ewropea tas-servizzi.

    (19)Id-Direttiva 2013/55/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Novembru 2013 24 introduċiet qafas leġiżlattiv għall-Karta Professjonali Ewropea, maħsuba biex tagħti lill-professjonisti li jiksbuha, d-dritt li jeżerċitaw l-istess professjoni li kienu stabbilixxew qabel fi Stat Membru (tad-domiċilju) fi Stat Membru (ospitanti) ieħor, temporanjament jew permezz ta' stabbiliment sekondarju. L-e-Card Ewropea tas-servizzi, bħala proċedura li hija maħsuba għal varjetà wiesgħa ta' servizzi u mhux biex tindirizza kwistjonijiet relatati mal-kwalifiki professjonali, għalhekk m'għandhiex tapplika għal dawk is-servizzi li għalihom ġiet introdotta l-Karta Professjonali Ewropea speċifika, ħlief jekk ir-rekwiżiti speċifiċi għas-settur u l-kontrolli tagħhom, mhux relatati mar-rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali, jitħallew fil-post għall-istabbiliment sekondarju ta' professjoni partikolari.

    (20)Sabiex jiġu kkonċentrati l-azzjonijiet u d-deċiżjonijiet fi ħdan Stat Membru u tkun iffaċilitata l-koperazzjoni bejn awtoritajiet kompetenti differenti fi Stati Membri tad-domiċilju u dawk ospitanti, l-awtorità koordinatriċi fi Stat Membru tad-domiċilju jew dik fi Stat Membru ospitanti għandha fl-aħħar mill-aħħar tkun responsabbli mill-ġestjoni tal-kwistjonijiet relatati mal-e-Card Ewropea tas-servizzi, biex b’hekk tkun tista’ tikkoordina l-kontribut mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti differenti u taġixxi bħala punt ta' kuntatt mal-kontropartijiet tagħha fi Stati Membri oħra. L-applikazzjoni għal e-Card Ewropea tas-servizzi għandha għalhekk tiġi sottomessa lill-awtorità koordinatriċi tal-Istat Membru tad-domiċilju.

    (21)Hemm żewġ tipi ta' e-Cards Ewropej tas-servizzi offruti lill-fornituri ta' servizzi: proċedura aktar sempliċi għall-forniment transfruntier temporanju ta' servizzi fl-Istati Membri l-oħra, li essenzjalment tikkontrolla l-istabbiliment preċedenti tagħhom fl-Istat Membru tad-domiċilju u li tippermetti li Stat Membru ospitanti jkun jista' joġġezzjonja għall-forniment transfruntier temporanju ta' servizzi għal raġunijiet prevalenti ta' interess pubbliku biss, u proċedura oħra aktar kumplessa li tinkwadra l-kontroll mill-Istati Membri ospitanti ta' attività ekonomika fit-territorju tagħhom għal perjodu indefinit permezz tal-istabbiliment sekondarju fil-forma ta' fergħat, aġenziji jew uffiċċji, sabiex jiġi żgurat li, fi fluss tax-xogħol simplifikat, ir-rikonoxximent reċiproku jitwettaq kif suppost u bil-ħeffa.

    (22)L-e-Card Ewropea tas-servizzi hija disponibbli għal fornituri stabbiliti preċedentement fi Stat Membru. Filwaqt li sussidjarji ta' kumpanniji minn pajjiżi terzi prattikament jistgħu japplikaw għal e-Card, il-fergħat, l-aġenziji jew l-uffiċċji ta' kumpaniji tagħhom ma jistgħux skont kif previst fl-Artikolu 48 tat-TFUE li jirriserva l-libertà ta' stabbiliment u l-moviment liberu tas-servizzi għal kumpaniji u ditti kostitwiti skont il-liġijiet ta' Stat Membru u li jkollhom l-uffiċċju rreġistrat, jew it-tmexxija ċentrali jew is-sede prinċipali tan-negozju, fl-Unjoni.

    (23)L-e-Card Ewropea tas-servizzi għall-istabbiliment sekondarju għandha tippermetti l-forniment ta' servizzi fl-Istat Membru ospitanti permezz ta' fergħat, aġenziji, iżda wkoll kull forma ta' uffiċċju li jinsab fit-territorju tiegħu. Madankollu, għall-finijiet tal-e-Card Ewropea tas-servizzi, l-istabbiliment sekondarju m'għandux jinkludi l-forniment ta' servizzi fl-Istat Membru ospitanti permezz ta' sussidjarji ta' kumpaniji stabbiliti fl-Istat Membru tad-domiċilju. Il-fatt li kumpanija sussidjarja hija entità legali separata jenħtieġu aktar kontrolli kumplessi minn dawk li jappartjenu għall-forniment ta' servizzi permezz ta' fergħa, aġenzija jew uffiċċju li m’għandhomx personalità ġuridika separata. Il-proċedura tal-e-Card Ewropea tas-servizzi mhix adattata biex tkopri dawk il-kontrolli kumplessi.

    (24)L-awtorità koordinatriċi tal-Istat Membru tad-domiċilju malli tirċievi applikazzjoni għal e-Card Ewropea tas-servizzi, għandha tlestiha u tivvalida l-kontenut tagħha ħalli turi b'mod preċiż l-istabbiliment legali tal-fornitur fl-Istat Membru tad-domiċilju tagħha u tiddeskrivi ċ-ċirkostanzi tiegħu b'mod li jgħin lill-awtoritajiet tal-Istat Membru ospitanti iwettqu l-kontrolli tagħhom. Filwaqt li n-nuqqas ta' azzjoni min-naħa tal-applikant jwassal għal waqfien fil-proċedura, in-nuqqas ta' azzjoni min-naħa tal-awtoritajiet tal-Istat Membru tad-domiċilju jirriżulta f’rimedji ġudizzjarji.

    (25)Għandhom jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni, sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni uniformi ta' din id-Direttiva fir-rigward tal-aspetti tekniċi tal-itrattar u tal-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-e-Cards Ewropej tas-servizzi. Jenħtieġ li dawk is-setgħat jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 25 . Jenħtieġ li dawn ir-regoli implimentattivi jiddeterminaw il-kanċellazzjoni awtomatika ta' applikazzjoni għal e-Card Ewropea tas-servizzi jekk il-proċedura rispettiva tkun sospiża għal żmien konsiderevolment twil minħabba nuqqas ta' azzjoni min-naħa tal-applikant.

    (26)Awtorità koordinatriċi tal-Istat Membru ospitanti għandha tipprovdi ċarezza dwar liema rekwiżiti japplikaw għall-fornitur ta' servizzi l-ġdid, b’kont meħud tal-fatt li dan huwa diġà stabbilit fi Stat Membru ieħor. Jenħtieġ li l-awtorità koordinatriċi tal-Istat Membru ospitanti tiżgura li l-fornitur jaf liema rekwiżiti għandhom jirregolaw il-prestazzjoni tas-servizzi fl-Istati Membri ospitanti, ladarba jikseb l-e-Card Ewropea tas-servizzi. Għall-istabbiliment, jiġifieri, il-forniment ta' servizzi permezz ta' fergħat, aġenziji jew uffiċċji, l-identifikazzjoni ta' rekwiżiti applikabbli mill-awtorità koordinatriċi tal-Istat Membru ospitanti tissodisfa skop differenti: din telenka r-rekwiżiti li l-fornitur ta' servizzi l-ġdid jintalab juri li hu konformi magħhom u li jagħti prova tagħhom qabel ma tkun tista' tinħariġlu l-e-Card.

    (27)F'każ li Stat Membru ospitanti stabbilixxa ġabra tad-dati komprensiva u aġġornata fil-punt tiegħu ta' kuntatt waħdieni, l-awtorità koordinatriċi tiegħu tista' sempliċiment tirreferi għall-paġna elettronika rilevanti minn fejn tista' tinġabar l-informazzjoni fil-kuntest tal-proċedura tal-e-Card Ewropea tas-servizzi.

    (28)Jenħtieġ li l-e-Card Ewropea tas-servizzi ma tbiddilx l-ambjent regolatorju attwali, skont id-Direttiva 2006/123/KE u leġiżlazzjoni rilevanti oħra tal-UE, li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet sottostanti li fornitur ta' servizzi għandu jissodisfa meta jibda jipprovdi s-servizzi fi Stat Membru ospitanti. Konsegwentement, l-Istati Membri ospitanti jenħtieġu li, bi qbil mal-liġi attwali tal-UE, ikunu jistgħu jqisu l-konformità mar-rekwiżiti tagħhom stess minn fornituri ġodda qabel ma dawn jingħataw il-permessi biex jipprovdu s-servizzi fit-territorju tagħhom. Jenħtieġ għalhekk li l-proċedura għall-ħruġ ta' e-Card Ewropea tas-servizzi tipprevedi rwol xieraq ta' kontroll mill-Istat Membru ospitanti kemm għal dispożizzjonijiet transfruntiera temporanji kif ukoll għall-istabbiliment.

    (29)Għall-forniment ta' servizzi transfruntiera temporanji, peress li l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2006/123/KE jipprevedi rekwiżiti għall-ġeneralità tas-servizzi koperti b'din id-Direttiva, jenħtieġ li l-Istati Membri ospitanti jkollhom il-possibilità li joġġezzjonaw għall-ħruġ ta' e-Card Ewropea tas-servizzi mill-Istat Membru tad-domiċilju f'dawk il-każijiet meta ċ-ċirkostanzi tal-applikant jagħtu lok għal theddid reali u gravi biżżejjed għall-interess pubbliku relatat mal-politika pubblika, is-sigurtà pubblika, is-saħħa pubblika jew il-ħarsien tal-ambjent, b'tali mod li ma jkunx jista' jiġi indirizzat kif jixraq u b'mod suffiċjenti mir-rekwiżiti u l-kontrolli applikabbli ladarba jinbeda l-forniment tas-servizz. Dan għandu jkun il-każ meta skema ta' awtorizzazzjoni minn qabel jew notifika minn qabel għall-forniment temporanju tas-servizzi inkwistjoni tkun diġà fis-seħħ u ġustifikata f'termini proporzjonati skont waħda minn dawk l-erba' raġunijiet prevalenti ta' interess pubbliku issalvagwardjati permezz tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2006/123/KE u meta l-kundizzjonijiet issodisfata mill-applikant fl-Istat Membru tad-domiċilju tiegħu mhumiex ikkunsidrati bħala ekwivalenti għal dawk meħtieġa fl-Istat Membru ospitanti għall-għoti ta' dik l-awtorizzazzjoni minn qabel. Il-possibbiltajiet u l-prerogattivi tal-Istati Membri ospitanti skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2006/123/KE japplikaw fil-kuntest tal-ħruġ ta' e-Card Ewropea tas-servizzi.

    (30)Permezz tal-IMI l-Kummissjoni għandha ssir taf bl-oġġezzjonijiet imqajma mill-Istati Membri ospitanti qabel il-ħruġ tal-proċeduri tal-e-Card Ewropea tas-servizzi għall-forniment transfruntier temporanju ta' servizzi, fil-kuntest ta' skemi ta' awtorizzazzjoni minn qabel jew notifikazzjoni minn qabel li suppost kienu diġà ġew innotifikati minn qabel skont id-Direttiva ………[id-Direttiva ta' Notifika futura]…….. Din l-informazzjoni dwar l-applikazzjoni effettiva tal-iskemi ta' awtorizzazzjoni notifikata tista' tintuża mill-Kummissjoni biex tagħti bidu għal kwalunkwe azzjoni ta' infurzar jew biex tniedi xi inkjesta. Huwa mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tal-applikanti li jissottomettu lment lis-servizzi tal-Kummissjoni biex jallegaw ksur potenzjali tal-liġi tal-UE permezz tal-oġġezzjoni inkwistjoni.

    (31)Għall-istabbiliment, jenħtieġ li l-Istati Membri ospitanti jkunu jistgħu jimponu fuq l-applikanti tal-e-Cards, ir-rekwiżiti tagħhom stess. Dawn ir-rekwiżiti ma jistgħux ikunu diskriminatorji, iridu jkunu ġustifikati skont raġunijiet prevalenti ta' interess pubbliku u proporzjonati b'konformità mad-Direttiva 2006/123/KE u leġiżlazzjoni rilevanti oħra tal-UE. Jenħtieġ li tittieħed inkonsiderazzjoni leġiżlazzjoni tal-UE speċifika għas-settur u li tirregola ċerti servizzi koperti b'din id-Direttiva, bħal servizzi ta' aġenziji tal-ivvjaġġar skont id-Direttiva (UE) 2015/2302 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 26 , u servizzi ta' installazzjoni ta' elementi tal-bini relatati mal-enerġija skont id-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 27 , sakemm il-kontrolli ma għandhomx x’jaqsmu mar-rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali fil-qafas tad-Direttiva 2005/36/KE.

    (32)Jenħtieġ li l-ekwivalenza bejn ir-rekwiżiti ta' Stat Membru ospitanti u r-rekwiżiti tal-Istat Membru tad-domiċilju li l-applikant ikun diġà konformi magħhom, tkun parti integrali minn din il-valutazzjoni. Sabiex tiġi ffaċilitata l-valutazzjoni tal-ekwivalenza tar-rekwiżiti fl-Istat Membru tad-domiċilju u dak ospitanti, meta l-awtorità tal-Istat Membru ospitanti tiddikjara l-intenzjoni tagħha li tirrifjuta e-Card għall-istabbiliment, l-applikant għandu jkollu possibbiltà mġedda li jagħti prova li jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-awtorizzazzjoni minn qabel jew fin-notifika minn qabel abbażi ta’ liema l-awtoritajiet tal-Istati Membri ospitanti jibbażaw l-intenzjoni tagħhom li jirrifjutaw l-e-Card, inkluż permezz ta' rekwiżiti li għalihom l-applikant huwa soġġett fl-Istat Membru tad-domiċilju u li huma jqisu bħala ekwivalenti.

    (33)Jenħtieġ li l-Istati Membri ospitanti jkunu jistgħu jitolbu kjarifiki jew informazzjoni addizzjonali mill-Istat Membru tad-domiċilju qabel il-ħruġ ta' e-Card Ewropea tas-servizzi. Din l-informazzjoni hija essenzjalment rilevanti għall-evalwazzjoni dwar jekk teżistix ħtieġa ġustifikata u proporzjonata li Stat Membru ospitanti joġġezzjona għall-forniment temporanju ta' servizzi mill-applikant jew għall-istabbiliment fit-territorju tiegħu u biex ikun jista’ jivvaluta kemm il-waħda mill-kwistjonijiet regolatorji tiegħu tkun diġà ġiet indirizzata b'mod xieraq permezz tal-konformità tal-applikant mar-rekwiżiti tal-Istat Membru tad-domiċilju. Maż-żmien, huwa mistenni li l-Istati Membri jiksbu għarfien aħjar tal-oqfsa regolatorji rispettivi tagħhom fis-setturi koperti mill-e-Card. Dan għandu jwassal għal fiduċja reċiproka mtejba li tirriżulta f’valutazzjoni aktar mgħaġġla għall-benefiċċju tal-applikanti.

    (34)Sabiex tiġi stabbilita l-proċedura biex tkun tista’ tintalab din l-informazzjoni, is-setgħa li jiġu adottati atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat għandha tkun iddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-ispeċifikazzjoni tal-fluss tax-xogħol proċedurali u l-impatt tiegħu fuq l-iskadenzi applikabbli għal deċiżjonijiet li jridu jittieħdu fil-kuntest tal-ħruġ ta' e-Card Ewropea tas-servizzi. Huwa ta' importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet adatti matul il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell tal-esperti, u li dawn il-konsultazzjonijiet isiru b'konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta' April 2016. B'mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta' atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta' atti delegati.

    (35)Jenħtieġ li l-Istat Membru ospitanti ma jibqax jikkontrolla jekk l-applikant għal e-Card Ewropea tas-servizzi jkunx stabbilit legalment fi Stat Membru ieħor. U lanqas ma għandu jixħet dubju fuq il-veraċità u l-validità tad-data u tad-dokumenti inklużi f'applikazzjoni, ladarba jkunu ġew validati mill-awtorità koordinatriċi tal-Istat Membru tad-domiċilju. Mill-banda l-oħra, jenħtieġ li l-awtorità koordinatriċi tal-Istat Membru tad-domiċilju ma tevalwax jekk toħroġx jew le e-Card Ewropea tas-servizzi għal fornimenti transfruntiera temporanji ta' servizzi abbażi tal-konformità mill-fornitur mar-rekwiżiti tal-Istat Membru ospitanti, iżda pjuttost għandha tevalwa biss jekk l-applikant huwiex stabbilit legalment fit-territorju tad-domiċilju għall-forniment tas-servizz inkwistjoni fil-mument li tittieħed id-deċiżjoni tal-ħruġ inkwistjoni.

    (36)Azzjonijiet u deċiżjonijiet rilevanti tal-awtoritajiet koordinatriċi involuti fil-proċedura għall-ħruġ tal-e-Card Ewropea tas-servizzi, fl-Istat Membru ospitanti kif ukoll dak tad-domiċilju għandhom ikunu suġġetti għal rimedji ġudizzjarji skont il-liġi nazzjonali. Jenħtieġ li jkunu inklużi rimedji xierqa f'każ ta' nuqqas ta' azzjoni mill-awtorità koordinatriċi fl-Istat Membru tad-domiċilju skont il-proċedura tal-ħruġ tal-e-Card.

    (37)Qabel il-ħruġ tal-e-Card Ewropea tas-servizzi, jenħtieġ li Stat Membru ospitanti ikun jista’ jinvoka kwistjonijiet leġittimi ta' politika. Madankollu, f’ġieħ proċedura ssimplifikata u mgħaġġla, hemm bżonn li jiġi osservat il-prinċipju ta' approvazzjoni taċita meta tkun qed tinħareġ e-Card Ewropea tas-servizzi. Dan huwa l-prinċipju ġenerali introdott skont id-Direttiva 2006/123/KE. Twissija ta' approvazzjoni taċita imminenti u l-estensjoni tal-iskadenzi applikabbli b'ġimagħtejn addizzjonali għandhom jiżguraw li l-Istat Membru ospitanti għandu ż-żmien u l-mezzi xierqa biex jikkunsidra l-applikazzjonijiet għal e-Card Ewropea tas-servizzi. Xi nuqqas ta' informazzjoni mill-Istat Membru ospitanti dwar ir-rekwiżiti applikabbli wkoll m’għandux jostakola l-ħruġ awtomatiku ta' e-card Ewropea tas-servizzi.

    (38)Jenħtieġ li l-fornituri ta' servizzi ma jintalbux jipprovdu informazzjoni u dokumenti li diġà qegħdin fil-pussess ta' awtoritajiet oħrajn fl-Istat Membru tad-domiċilju, irrispettivament mil-livelli amministrattivi jew mid-diviżjonijiet. Dan għandu wkoll ikun il-każ meta l-interkonnessjoni tar-reġistri nazzjonali (eż. ir-reġistri ċentrali, kummerċjali u tal-kumpaniji kif mitlub mid-Direttiva 2009/101/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jew ir-reġistri ta' insolvenza skont ir-Regolament (UE) 2015/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill  28 ) tippermetti li l-informazzjoni u d-dokumenti jkunu jistgħu jinkisbu mill-amministrazzjoni tal-Istat Membru tad-domiċilju jew minn Stati Membri oħra. Fil-każijiet kollha ta’ ipproċessar ta’ data personali skont din id-Direttiva, jenħtieġ li jiġu osservati r-regoli dwar il-protezzjoni tad-data personali tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 29 [, ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 30 ] u dawk tal-leġiżlazzjoni nazzjonali.

    (39)Jenħtieġ li fornitur ta' servizzi jkun jista’ japplika għal e-Card Ewropea tas-servizzi fl-Istat Membru tad-domiċilju u li dik l-applikazzjoni tiġi vvalutata mill-Istat Membru ospitanti fir-rigward tal-kundizzjonijiet applikabbli biex jipprovdi servizzi permezz ta' fergħa fit-territorju ta' dak l-Istat Membru ospitanti qabel ma jkun jista’ japplika għar-reġistrazzjoni tal-fergħa futura f'dak l-istess Stat Membru ospitanti. Biex b’hekk l-applikant ikun ċert mill-kundizzjonijiet applikabbli speċifiċi għas-settur u fl-aħħar mill-aħħar jikkonforma magħhom b'mod li huwa sodisfaċenti għall-Istat Membru ospitanti qabel ma joqgħod jaħli l-ħin u r-riżorsi billi jitlob għal reġistrazzjoni ta' fergħa f'dak l-Istat Membru ospitanti għall-finijiet tad-dritt tal-kumpaniji. Fl-istess ħin, l-applikant jeħtieġ li jkun konformi mar-regoli nazzjonali dwar ir-reġistrazzjoni ta' fergħat skont id-dritt tal-kumpaniji biex jipprovdi servizzi permezz ta' din il-fergħa b'konformità mal-liġi tal-UE.

    (40)Jenħtieġ li l-e-Card Ewropea tas-servizzi tipprevedi l-forniment ta' servizzi fit-territorju kollu tal-Istat Membru ospitanti. Il-fornituri ta' servizzi, ladarba jkunu stabbiliti fi Stat Membru fil-forma ta' fergħa, aġenzija jew uffiċċju, bħala prinċipju, m’hemmx bżonn li japplikaw għal e-Card oħra sabiex jespandu l-forniment ta' servizzi koperti diġà bl-e-Card eżistenti domestikament permezz ta' fergħat, aġenziji jew uffiċċji oħra, skont kif ikun il-każ. Madankollu, hekk kif id-Direttiva 2006/123/KE tipprevedi espressament, jista’ jkun li awtorizzazzjonijiet għal kull fergħa, aġenzija jew uffiċċju individwali jkunu ġġustifikati minħabba raġunijiet prevalenti ta' interess pubbliku. F'dak il-każ, jenħtieġ li l-fornituri ta' servizzi jibqa' jkollhom l-għażla li jespandu l-operazzjonijiet domestikament billi jiksbu dawk l-awtorizzazzjonijiet skont il-liġi nazzjonali jew billi japplikaw għal e-Card Ewropea tas-servizzi addizzjonali, għal kull fergħa, aġenzija jew uffiċċju addizzjonali, skont kif ikun il-każ.

    (41)Din id-Direttiva m'għandhiex tinterferixxi mad-diviżjoni tal-kompetenzi reġjonali jew lokali fi ħdan l-Istati Membri, inkluż fit-tmexxija awtonoma reġjonali u lokali. Minkejja dan, il-kooperazzjoni amministrattiva bejn awtoritajiet nazzjonali differenti f'perjodi limitati ta' żmien tista' tkun meħtieġa sabiex jinkisbu l-obbligi stabbiliti fid-Direttiva. Sabiex tgħin lill-Istati Membri jissodisfaw l-obbligi tagħhom u b’kont meħud tal-istruttura deċentralizzata ta' ħafna minnhom, l-IMI tista' tintuża wkoll bħala għodda għall-iskambju effettiv ta' informazzjoni u assistenza reċiproka bejn l-awtoritajiet kompetenti fi Stat Membru partikolari, mingħajr preġudizzju għal soluzzjonijiet oħra stabbiliti mill-Istati Membri.

    (42)Jenħtieġ li l-e-Card Ewropea tas-servizzi tkun valida għal perjodu ta' żmien indefinit, mingħajr preġudizzju għall-effetti tad-derogi każ b’każ skont id-Direttiva 2006/123/KE, fir-rigward tas-servizzi transfruntiera temporanji.

    (43)E-Card Ewropea tas-servizzi għandha madankollu tiġi sospiża mill-awtorità koordinatriċi tal-ħruġ jekk, temporanjament, il-fornitur ta' servizzi jkun ipprojbit milli jipprovdi s-servizzi inkwistjoni. Hemm bżonn li din is-sospensjoni ddum sakemm il-projbizzjoni tkun fis-seħħ. Jenħtieġ li e-Card Ewropea tas-servizzi tiġi revokata mill-awtorità koordinatriċi tal-ħruġ jekk il-kundizzjonijiet għall-ħruġ jew għall-validità tagħha, bħala xhieda tal-legalità tal-forniment ta' servizzi fl-Istat Membru ospitanti, ma jibqgħux issodisfati. Deċiżjoni finali li tistabbilixxi li detentur tal-e-Card irrappreżenta lilu nnifsu, jew irrappreżentat lilha nnifisha ħażin bħala fornitur ta' servizzi u li, skont il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru tad-domiċilju jew ospitanti, hu jew hi jitqies/titqies bħala ħaddiem/a, għandha twassal għal revoka tal-e-Cards Ewropej tas-servizzi kkonċernati. Bl-istess mod, każijiet ta' informazzjoni jew dokumenti frawdolenti, mhux preċiżi jew iffalsifikati użati fil-kuntest tal-ħruġ ta' e-Card Ewropea tas-servizzi se jkollhom impatt fuq il-validità tal-Karta.

    (44)Hemm bżonn li l-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-awtoritajiet tal-Istat Membru tad-domiċilju u dak ospitanti tiżgura l-osservanza tal-kundizzjonijiet tal-validità ta' e-Card Ewropea tas-servizzi diġà maħruġa. Biex żgur li l-ebda e-Card Ewropea tas-servizzi ma tirrappreżenta ħażin is-sitwazzjoni tad-detentur tagħha fi kwalunkwe mument, id-detentur tagħha u l-awtoritajiet kompetenti hemm bżonn li jkunu obbligati jinfurmaw lill-awtorità koordinatriċi li tkun ħarġitha bil-bidliet fis-sitwazzjoni tad-detentur li jistgħu jaffettwaw il-validità tal-e-Card.

    (45)Fi kwalunkwe każ, qabel ma tadotta d-deċiżjoni ta’ revoka jew ta’ sospensjoni tal-Karta, l-awtorità koordinatriċi kompetenti hemm bżonn li tikkonsulta lid-detentur tal-e-Card u jenħtieġ li kwalunkwe deċiżjoni tkun debitament ġustifikata u suġġetta għal appell, skont il-liġi nazzjonali applikabbli tal-Istat Membru li jkun ħariġha. Jenħtieġ li jkunu permessi miżuri interim li jindikaw proċedura pendenti għas-sospensjoni jew għar-revoka ta' e-Card Ewropea tas-servizzi, permezz ta’ indikazzjoni ta’ rabta mat-twissijiet attivati skont id-Direttiva 2006/123/KE.

    (46)Jenħtieġ li jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva fir-rigward tal-aspetti tekniċi tal-ipproċessar ta' sospensjonijiet, revoki u kanċellazzjonijiet ta' e-Cards Ewropej tas-servizzi. Jenħtieġ li dawn is-setgħat jiġu eżerċitati b’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

    (47)L-applikazzjoni ta' din id-Direttiva għandha tiġi sorveljata u vvalutata sabiex jiġi ddeterminat l-impatt tagħha fuq l-ispejjeż tal-espansjoni transfruntiera tal-operazzjonijiet, b'mod partikolari b'rabta mal-fornituri ta' servizzi, fuq il-perċezzjoni tal-konsumatur fir-rigward ta' tali fornituri, b'mod partikolari dawk li jkollhom e-Card Ewropea tas-servizzi, u dwar il-kompetizzjoni, il-prezzijiet u l-kwalità tas-servizzi. L-effetti tad-dispożizzjonijiet li jinsabu f'din id-Direttiva għandhom jiġu evalwati b'mod regolari, b'mod partikolari biex jiġi vvalutat ikunx xieraq li tiġi introdotta e-Card Ewropea tas-servizzi għal attivitajiet oħra ta' servizz. Dan il-monitoraġġ iseħħ b'kooperazzjoni mal-Istati Membri, l-imsieħba soċjali u partijiet interessati rilevanti oħra.

    (48)Ladarba l-objettivi ta' din id-Direttiva ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri minħabba r-riskju tal-kumplessità u l-inkonsistenza ta' approċċi regolatorji ta' ċerti servizzi fl-Istati Membri, iżda, permezz ta' koordinazzjoni amministrattiva msaħħa fl-Unjoni kollha, ikun pjuttost aħjar li jinkisbu fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, b'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju ta' propozjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu dawk l-objettivi.

    (49)Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. B'mod partikolari, din id-Direttiva, permezz tal-istabbiliment tal-qafas legali u operazzjonali għall-e-Card Ewropea tas-servizzi u l-koordinazzjoni ta' ċerti rekwiżiti dwar il-libertà ta' stabbiliment u l-forniment ta' servizzi għal ċerti servizzi, qed timmira li tippromwovi d-drittijiet ta' stabbiliment u d-dritt tal-forniment ta’ servizzi fi kwalunkwe Stat Membru, bl-evitar ta’ kwalunkwe diskriminazzjoni fuq bażi ta' nazzjonalità u qed tiżgura proċedura imparzjali, ġusta u b'veloċità raġonevoli, skont l-Artikoli 15, 21 u 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li jkun żgurat rispett sħiħ tal-protezzjoni tad-data personali, inkluż dak skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 31 , id-Direttiva 95/46/KE [Ir-Regolament (UE) Nru 2016/679], u wara li tingħata konsiderazzjoni debita għar-riskju ta' abbuż tad-drittijiet previsti rispettivament fl-Artikoli 8 u 54 ta' dik il-Karta,

    ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

    KAPITOLU I
    DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

    Artikolu 1
    Suġġett

    Din id-Direttiva tistabbilixxi l-qafas legali u operattiv għall-e-Card Ewropea tas-servizzi introdotta bir-Regolament ……[ir-Regolament tal-ESC]…….

    Artikolu 2
    Kamp ta’ applikazzjoni

    1.Din id-Direttiva tapplika għas-servizzi elenkati fl-Anness.

    2.Din id-Direttiva ma taffettwax il-kwistjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1(2) sa (7) tad-Direttiva 2006/123/KE.

    M'għandhiex tapplika għall-attivitajiet u għall-oqsma imsemmija fl-Artikolu 2(2) u (3) tad-Direttiva 2006/123/KE.

    3.Jekk id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jmorru kontra dispożizzjoni ta’ att ieħor tal-Unjoni li jirregola aspetti speċifiċi ta’ aċċess għal jew l-eżerċizzju ta’ attività ta’ servizz fis-setturi speċifiċi jew għal professjonijiet speċifiċi, id-dispożizzjoni tal-att l-ieħor tal-Unjoni għandha tipprevali u għandha tapplika għal dawk is-setturi jew professjonijiet speċifiċi.

    Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tal-ħaddiema, l-obbligi tal-fornituri ta' servizzi u l-kontrolli relatati fl-Istati Membri stabbiliti fid-Direttivi 96/71/KE u 2014/67/UE.

    Artikolu 3
    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    1."Stat Membru tad-domiċilju" tfisser l-Istat Membru li fih il-fornitur applika għal e-Card Ewropea tas-servizzi;

    2."Stat Membru ospitanti" tfisser l-Istat Membru li fih fornitur iddikjara l-intenzjoni li jipprovdi s-servizzi billi jagħmel użu minn e-Card Ewropea tas-servizzi;

    3."rekwiżit" tfisser rekwiżit kif definit fl-Artikolu 4(7) tad-Direttiva 2006/123/KE;

    4."awtorità koordinatriċi" tfisser awtorità maħtura skont l-Artikolu 17 tar-Regolament ..... [ir-Regolament tal-ESC].........;

    5."awtorità kompetenti" tfisser kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin mingħajr preġudizzju għat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 16(5):

    (i) awtorità kompetenti kif definita fl-Artikolu 4 il-punt 9 tad-Direttiva 2006/123/KE;

    (b) awtorità kompetenti kif definita fl-Artikolu 3(1)(d) tad-Direttiva 2005/36/KE;

    (c) kwalunkwe awtorità jew korp inkarigat minn reġistru ċentrali, kummerċjali jew tal-kumpaniji fi Stat Membru;

    (d) kwalunkwe awtorità fiskali fi Stat Membru;

    6."kuntratt pubbliku" tfisser kuntratt kif definit fl-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 32 ;

    7."kompetizzjoni tad-disinn" tfisser kompetizzjoni tad-disinn kif definita fl-Artikolu 2(21) tad-Direttiva 2014/24/UE;

    8."konċessjoni" tfisser konċessjoni kif definita fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 33 ;

    9."skema ta' awtorizzazzjoni" tfisser skema ta' awtorizzazzjoni kif definita fl-Artikolu 4(6) tad-Direttiva 2006/123/KE;

    10."servizz" tfisser servizz kif definit fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2006/123/KE;

    11."fornitur" tfisser fornitur kif definit fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2006/123/KE;

    12."Stat Membru ta' stabbiliment" tfisser Stat Membru ta' stabbiliment kif definit fl-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2006/123/KE;

    13."stabbiliment" tfisser stabbiliment kif ddefinit fl-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2006/123/KE;

    14."skema ta' notifika" tfisser kwalunkwe proċedura li fiha kull fornitur huwa meħtieġ li jieħu passi lejn awtorità kompetenti, billi jagħti informazzjoni jew jippreżenta dokumenti li jikkonċernaw l-aċċess għal attività ta' servizz jew l-eżerċitar tagħha, mingħajr il-ħtieġa ta' deċiżjoni formali jew implikata minn dik l-awtorità.

    KAPITOLU II
    E-CARD EWROPEA TAS-SERVIZZI

    Artikolu 4
    E-Card Ewropea tas-servizzi bħala prova ta' stabbiliment

    L-Istati Membri għandhom jaċċettaw e-Card Ewropea tas-servizzi valida bħala prova li d-detentur tagħha huwa stabbilit fit-territorju tal-Istat Membru tad-domiċilju tiegħu u huwa intitolat, f'dak it-territorju, li jipprovdi l-attivitajiet ta' servizz koperti mill-e-Card.

    Artikolu 5
    Effetti ta' e-Card Ewropea tas-servizzi fl-Istat Membru ospitanti

    1.Stat Membru ospitanti m'għandu jimponi l-ebda skema ta' awtorizzazzjoni minn qabel, skema ta' notifika minn qabel jew rekwiżit ta' stabbiliment fuq id-detentur ta' e-Card Ewropea tas-servizzi diġà maħruġa għall-forniment transfruntiera temporanju ta' servizzi bħala kundizzjoni għal forniment ta' servizzi bħal dan fit-territorju tiegħu.

    2.Stat Membru ospitanti m'għandu jimponi l-ebda skema ta' awtorizzazzjoni minn qabel jew skema ta' notifika minn qabel fuq id-detentur ta' e-Card Ewropea tas-servizzi diġà maħruġa għal stabbiliment bħala kundizzjoni għal stabbiliment fit-territorju tiegħu permezz ta' fergħa, aġenzija jew uffiċċju fit-territorju tiegħu.

    3.Stat Membru ospitanti għandu joqgħod lura milli jimponi rekwiżiti fuq id-detenturi ta' e-Card Ewropea tas-servizzi diġà maħruġa minbarra dawk imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 li l-konformità tagħhom tkun ġiet jew tkun meqjusa li ġiet ivverifikata skont l-Artikoli 11 sa 13.

    4.Il-paragrafi 1, 2 u 3 huma mingħajr preġudizzju għal:

    i) rekwiżiti imposti fuq il-fornituri fil-kuntest ta' proċeduri tal-għażla ta' kandidati għal skemi ta' awtorizzazzjoni li huma limitati fin-numru skont il-liġi tal-UE;

    ii) rekwiżiti u obbligi, projbizzjonijiet, kundizzjonijiet jew limiti oħra imposti fuq il-fornituri fil-kuntest ta' proċeduri tal-għażla ta' kandidati għall-forniment ta' servizzi taħt kuntratt pubbliku, kompetizzjoni tad-disinn jew konċessjoni;

    iii) skemi ta' awtorizzazzjoni, skemi ta' notifika jew rekwiżiti li jikkonċernaw il-kundizzjonijiet speċifikament relatati mas-sit fejn jiġi pprovdut is-servizz jew mas-sit fejn huwa stabbilit il-fornitur;

    iv) rekwiżiti fir-rigward tar-rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali kif stipulat fl-Artikoli 4 u 4f tad-Direttiva 2005/36/KE;

    v) obbligi ta' żvelar kif stipulat fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/101/KE u l-Artikolu 2 tad-Direttiva 89/666/KEE jew obbligi, projbizzjonijiet, kundizzjonijiet jew limiti imposti mir-regoli nazzjonali dwar ir-reġistrazzjoni ta' fergħat ta' kumpaniji rreġistrati fi Stat Membru ieħor skont id-dritt tal-kumpaniji.

    5.Il-paragrafi 1, 2 u 3 huma mingħajr preġudizzju għall-obbligi ta' rappurtar imposti fuq id-detentur ta' e-Card Ewropea tas-servizzi jew il-prestazzjoni ta' verifiki, spezzjonijiet jew investigazzjonijiet mill-awtoritajiet kompetenti matul il-forniment tas-servizz, b'konformità mal-liġi tal-UE.

    Artikolu 6
    Użu ta' informazzjoni li tinsab fl-e-Card Ewropea tas-servizzi

    L-awtoritajiet fl-Istati Membri m'għandhomx, fil-kuntest ta' kwalunkwe proċedura jew formalità imposta fuq fornitur fit-territorju tagħhom u b'konformità mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data personali kif stipulat fid-Direttiva 95/46/KE [, ir-Regolament (UE) Nru 2016/679] u l-leġiżlazzjoni nazzjonali, jitolbu lid-detentur ta' e-Card Ewropea tas-servizzi jipprovdi xi tip ta’ informazzjoni li diġà tinsab fl-e-Card Ewropea tas-Servizzi, inkluż għal:

    (i) għoti ta' kuntratt pubbliku, kompetizzjoni tad-disinn jew konċessjoni;

    (ii) formazzjoni ta' sussidjarji jew reġistrazzjoni ta' fergħat skont id-dritt tal-kumpaniji;

    (iii) reġistrazzjoni bi skemi obbligatorji tal-assigurazzjoni soċjali.

    Artikolu 7
    Validità ta' e-Card Ewropea tas-servizzi

    1.E-Card Ewropea tas-servizzi għall-forniment transfruntier temporanju ta' servizzi kkonċernati minn dik l-e-Card għandha tkun valida fit-territorju kollu tal-Istat Membru ospitanti.

    E-Card Ewropea tas-servizzi għall-istabbiliment għandha tkun valida fir-rigward tal-attivitajiet ta' servizz koperti minn dik l-e-Card fit-territorju kollu tal-Istat Membru ospitanti permezz ta' fergħa, aġenzija jew uffiċċju wieħed jew aktar fit-territorju ta' dan l-Istat Membru ħlief meta l-awtorizzazzjoni għal kull fergħa, aġenzija jew uffiċċju addizzjonali tkun iġġustifikata skont l-Artikolu 10(4) tad-Direttiva 2006/123/KE.

    Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-obbligu tad-detentur ta' e-Card Ewropea tas-servizzi li jikkonforma ma' obbligi, projbizzjonijiet, kundizzjonijiet jew limiti imposti mir-regoli nazzjonali dwar ir-reġistrazzjoni ta' fergħa skont id-dritt tal-kumpaniji biex jipprovdi servizzi permezz ta' din il-fergħa.

    2.E-Card Ewropea tas-servizzi għandha tkun valida għal żmien indefinit, sakemm ma tkunx sospiża, revokata jew ikkanċellata, skont l-Artikoli 15 sa 17.

    Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-miżuri stabbiliti skont l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2006/123/KE. 

    KAPITOLU III
    SKEMA TAL-E-CARD EWROPEA TAS-SERVIZZI

    Artikolu 8
    Applikazzjoni għal e-Card Ewropea tas-servizzi

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri bi stabbiliment fit-territorju ta' Stat Membru għandu jkollhom id-dritt li jippreżentaw applikazzjoni għal e-Card Ewropea tas-servizzi lill-awtorità koordinatriċi tal-istess Stat Membru.

    L-applikazzjoni għandha tikkonsisti mill-elementi u d-dokumenti ta' sostenn kif preskritti fl-Artikoli 4 u 5 tar-Regolament ......[Regolament tal-ESC].........

    Artikolu 9
    Eliġibbiltà

    1.Fornituri ta' attivitajiet ta' servizzi li għalihom tkun ġiet introdotta Karta Professjonali Ewropea għall-forniment temporanju u okkażjonali ta' servizzi, skont id-Direttiva 2005/36/KE, m'għandhomx ikunu eliġibbli għal e-Card Ewropea tas-servizzi għall-forniment ta' servizzi transfruntiera temporanji.

    2.Fornituri ta' attivitajiet ta' servizzi li għalihom ġiet introdotta Karta Professjonali Ewropea għall-istabbiliment, skont id-Direttiva 2005/36/KE, m'għandhomx ikunu eliġibbli għal e-Card Ewropea tas-servizzi għall-istabbiliment. Dawk il-fornituri għandhom ikunu eliġibbli għal e-Card Ewropea tas-servizzi fir-rigward tar-rekwiżiti u d-dispożizzjonijiet referenzjati fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4a(5) tad-Direttiva 2005/36 KE.

    Artikolu 10
    Id-dritt tal-Istati Membri li jinvokaw raġunijiet prevalenti ta’ interess pubbliku

    Meta jkunu qed jevalwaw l-applikazzjonijiet għall-e-Card Ewropea tas-servizzi, l-Istati Membri għandhom jirriżervaw id-dritt li jinvokaw dawk ir-raġunijiet prevalenti ta’ interess pubbliku rikonoxxuti skont id-Direttiva 2006/123/KE, b’mod partikolari l-Artikolu 16 tagħha, jew f’atti oħra tal-liġi tal-UE.

    Artikolu 11
    Valutazzjoni tal-applikazzjoni mill-Istat Membru tad-domiċilju

    1.Fi żmien ġimgħa minn meta tkun irċeviet applikazzjoni għal e-Card Ewropea tas-servizzi, l-awtorità koordinatriċi tal-Istat Membru tad-domiċilju għandha:

    (a) teżamina l-applikazzjoni;

    (b) tivverifika l-kompletezza u l-preċiżjoni tal-informazzjoni pprovduta;

    (c) tivverifika jekk l-e-Cards Ewropej tas-servizzi maħruġa fir-rigward ta' Stati Membri tad-domiċilju oħra għall-istess fornitur u attività ta' servizz ġewx revokati jew ikkanċellati, jew jekk intalbitx il-kanċellazzjoni biex tippermetti s-sostituzzjoni ta' dawk l-e-Cards mill-e-Card Ewropea tas-Servizzi li tirreferi għaliha l-applikazzjoni;

    (d) tivverifika l-kontenut u l-validità tad-dokumenti ta' akkumpanjament, jekk ikun hemm, li jagħtu prova ta' konformità mar-rekwiżiti applikabbli għall-forniment ta' servizzi li l-applikant huwa soġġett għalihom fl-Istat Membru tad-domiċilju;

    (e) titlob is-supplimentar tal-applikazzjoni mill-applikant, fejn ikun meħtieġ;

    (f) timla l-formola ta' applikazzjoni bl-informazzjoni miksuba skont l-Artikolu 14(2);

    (g) ittella' d-dokumenti meħtieġa, jekk ikun hemm, miksuba skont l-Artikolu 14(2), fil-pjattaforma elettronika fejn il-formola standard għal applikazzjoni tkun disponibbli.

    Meta l-awtorità koordinatriċi tal-Istat Membru tad-domiċilju titlob li l-applikant jissupplimenta l-applikazzjoni, il-limitu ta' żmien jiġi sospiż sakemm tiġi pprovduta dik l-informazzjoni.

    2.L-awtorità koordinatriċi tal-Istat Membru tad-domiċilju għandha tikkomunika mingħajr dewmien l-applikazzjoni lill-awtorità koordinatriċi tal-Istat Membru ospitanti bl-informazzjoni lill-applikant mat-tlestija tal-kompiti msemmija fil-paragrafu 1.

    3.Id-deċiżjonijiet u l-azzjonijiet mill-awtorità koordinatriċi tal-Istat Membru tad-domiċilju, innotifikati lill-applikant permezz tal-pjattaforma elettronika fejn il-formola standard għal applikazzjoni tkun disponibbli, jew in-nuqqas ta' deċiżjoni jew azzjoni fi ħdan il-limitu ta' żmien għandhom ikunu soġġetti għal appell skont il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru tad-domiċilju.

    4.Il-Kummissjoni għandha tadotta r-regoli tekniċi għall-immaniġġjar u l-ipproċessar tal-applikazzjoni permezz ta' atti ta' implimentazzjoni. Dawn ir-regoli għandhom jinkludu limiti ta' żmien fuq l-iskadenza tal-applikazzjoni minħabba l-inattività tal-applikant.

    Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati b’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 19(2).

    Artikolu 12
    Valutazzjoni mill-Istat Membru ospitanti tal-applikazzjoni għal e-Card Ewropea tas-servizzi għall-forniment ta' servizzi transfruntiera temporanji

    1.Fi żmien ġimagħtejn minn meta tirċievi l-applikazzjoni l-awtorità koordinatriċi tal-Istat Membru ospitanti għandha teżaminaha u tinforma lill-applikant u l-Istat Membru tad-domiċilju dwar kwalunkwe rekwiżiti applikabbli għall-fornimenti transfruntiera temporanju skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ospitanti bl-eċċezzjoni ta' dawk imsemmija fl-Artikolu 5(4). B’konformità mad-drittijiet tal-Istati Membri kif imsemmija fl-Artikolu 10, l-awtorità koordinatriċi tal-Istat Membru ospitanti tista' tiddeċiedi fi ħdan l-istess limitu taż-żmien, li toġġezzjona għall-ħruġ tal-e-Card Ewropea tas-servizzi mill-awtorità koordinatriċi tal-Istat Membru tad-domiċilju fejn hija turi li l-applikazzjoni ta' skema ta' awtorizzazzjoni minn qabel, skema ta' notifika minn qabel jew ir-rekwiżiti għall-applikant huma ġġustifikati għal waħda minn dawk ir-raġunijiet prevalenti ta' interess pubbliku stabbiliti fl-Artikolu 16 tad-Direttiva 2006/123/KE jew li huma ammissibbli skont l-atti l-oħra tal-liġi tal-UE.

    L-Istat Membru ospitanti f'dik il-valutazzjoni għandu jqis ir-rekwiżiti li l-applikant diġà jissodisfa fl-Istati Membri tad-domiċilju tiegħu. Għall-fini ta' dik il-valutazzjoni u fi ħdan il-limitu taż-żmien imsemmi hawn fuq, l-awtorità koordinatriċi tal-Istat Membru ospitanti għandha titħalla titlob mill-Istat Membru tad-domiċilju jew mill-applikant innifsu l-kjarifiki meħtieġa jew informazzjoni addizzjonali meħtieġa li ma jinstabux fl-applikazzjoni. F'dak il-każ, il-limitu ta' żmien imsemmi f'dan il-paragrafu jiġi sospiż sakemm tingħata l-kjarifika meħtieġa mitluba jew tiġi pprovduta l-informazzjoni addizzjonali meħtieġa. Il-proċedura sabiex jintalbu l-kjarifiki jew l-informazzjoni addizzjonali se tiġi stabbilita permezz tal-atti delegati msemmija fil-paragrafu 4.

    Oġġezzjoni li tingħata e-Card Ewropea tas-servizzi ma tistax tkun ibbażata fuq nuqqas ta' konformità ma' wieħed mir-rekwiżiti elenkati fl-Artikolu 5(5). Il-Kummissjoni għandha jkollha aċċess, permezz tal-IMI, għad-deċiżjoni ta' oġġezzjoni mill-awtorità koordinatriċi tal-Istat Membru ospitanti.

    2.B’kunsiderazzjoni għad-drittijiet tal-Istati Membri kif imsemmija fl-Artikolu 10, jekk l-awtorità koordinatriċi tal-Istat Membru ospitanti ma tirreaġixxix fi ħdan il-limitu ta' żmien imsemmi fil-paragrafu 1, dak il-limitu taż-żmien għandu awtomatikament jiġi estiż b'ġimagħtejn addizzjonali u l-pjattaforma elettronika fejn l-applikazzjoni għall-e-Card Ewropea tas-servizzi tkun ġiet sottomessa għandha toħroġ twissija lill-awtorità koordinatriċi tal-Istat Membru ospitanti li nuqqas ta' reazzjoni jimplika li m’hemm l-ebda oġġezzjoni li tinħareġ l-e-Card Eworpea tas-servizzi lill-applikant.

    3.Jekk l-Istat Membru ospitanti ma joġġezzjonax skont il-paragrafu 1, l-awtorità koordinatriċi tal-Istat Membru tad-domiċilju għandha toħroġ l-e-Card Ewropea tas-servizzi mingħajr dewmien mal-iskadenza tal-limitu ta' żmien estiż li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-paragrafu 2. Fin-nuqqas ta' kwalunkwe oġġezzjoni skont it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 u fin-nuqqas ta' deċiżjoni mill-awtorità koordinatriċi tal-Istat Membru tad-domiċilju hekk kif jiskadi l-limitu ta' żmien estiż li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-paragrafu 2, l-e-Card Ewropea tas-servizzi għandha titqies li tkun inħarġet mill-Istat Membru tad-domiċilju bit-termini kkomunikati lill-Istat Membru ospitanti skont l-Artikolu 11(2).

    Hekk kif jirċievi d-deċiżjoni tal-Istat Membru ospitanti li joġġezzjona skont il-paragrafu 1, l-Istat Membru tad-domiċilju għandu jirrifjuta, mingħajr dewmien, l-applikazzjoni għal e-Card Ewropea tas-servizzi.

    4.Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati b'konformità mal-Artikolu 18 sabiex tispeċifika l-proċedura biex l-awtorità koordinatriċi tal-Istat Membru ospitanti tkun tista’ titlob kjarifiki jew informazzjoni addizzjonali mill-Istat Membru tad-domiċilju jew mill-applikant, u li timmodifika, jekk ikun meħtieġ, il-limiti ta' żmien stabbiliti fil-paragrafu 1.

    5.Id-deċiżjonijiet u l-azzjonijiet mill-awtorità koordinatriċi tal-Istat Membru tad-domiċilju, innotifikati lill-applikant permezz tal-pjattaforma elettronika fejn il-formola standard għal applikazzjoni tkun disponibbli, għandhom ikunu soġġetti għal appell skont il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru tad-domiċilju.

    Id-deċiżjoni mill-awtorità koordinatriċi tal-Istat Membru ospitanti li joġġezzjona għall-ħruġ tal-e-Card Ewropea tas-servizzi, innotifikata lill-applikant permezz tal-pjattaforma elettronika fejn il-formola standard għal applikazzjoni ssir disponibbli, għandha tkun soġġetta għal appell skont il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru ospitanti.

    6.Il-Kummissjoni għandha tadotta r-regoli tekniċi għall-ittrattar u l-ipproċessar tal-applikazzjoni skont il-paragrafi 1 u 2 permezz ta' atti ta’ implimentazzjoni. Dawn ir-regoli għandhom jinkludu limiti ta' żmien fuq l-iskadenza tal-applikazzjoni minħabba l-inattività tal-applikant.

    Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati b’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 19(2).

    Artikolu 13
    Valutazzjoni mill-Istat Membru ospitanti tal-applikazzjoni għal e-Card Ewropea tas-servizzi għall-istabbiliment

    1.Fil-kuntest ta' proċedura għall-ħruġ ta' e-Card Ewropea tas-servizzi għall-istabbiliment fil-forma ta' fergħa, aġenzija jew uffiċċju, l-awtorità koordinatriċi tal-Istat Membru ospitanti għandha, fi żmien erba' ġimgħat minn meta tirċievi l-applikazzjoni, tidentifika liema, jekk ikun hemm, skema ta' awtorizzazzjoni minn qabel jew skema ta' notifika minn qabel kif imsemmi fl-Artikolu 5(2) hija applikabbli, b’konformità mal-liġi tal-UE, għal dak l-istabbiliment. Jekk tali sistema ta' awtorizzazzjoni minn qabel jew skema ta' notifika minn qabel tkun ġiet identifikata, l-Istat Membru ospitanti għandu jidentifika wkoll il-kundizzjonijiet li l-applikant ikun meħtieġ li jikkonforma magħhom, bl-eċċezzjoni ta' dawk imsemmija fl-Artikolu 5(5). L-Istat Membru ospitanti għandu jindika għaliex l-applikazzjoni ta' tali sistema ta' awtorizzazzjoni minn qabel jew skema ta' notifika minn qabel hija meħtieġa u proporzjonali għall-insegwiment ta' raġunijiet prevalenti ta' interess pubbliku.

    L-Istat Membru ospitanti għandu jinforma minnufih lill-applikant u lill-awtorità koordinatriċi tal-Istat Membru tad-domiċilju bl-iskema ta' awtorizzazzjoni minn qabel jew ta' notifika minn qabel inkwistjoni, bil-kundizzjonijiet li l-applikant ikun meħtieġ li jikkonforma magħhom u bin-neċessità u l-proporzjonalità tagħhom.

    2.B’kunsiderazzjoni għad-drittijiet tal-Istati Membri kif imsemmija fl-Artikolu 10, jekk l-awtorità koordinatriċi tal-Istat Membru ospitanti ma tirreaġixxix fi ħdan il-limitu ta' żmien imsemmi fil-paragrafu 1, dak il-limitu taż-żmien għandu jiġi estiżi b'ġimagħtejn addizzjonali u l-pjattaforma elettronika fejn l-applikazzjoni għal e-Card Ewropea tas-servizzi tkun ġiet sottomessa għandha toħroġ twissija lill-awtorità koordinatriċi tal-Istat Membru ospitanti li nuqqas ta' reazzjoni jimplika li l-e-Card Ewropea tas-servizzi għandha tinħareġ lill-applikant.

    3.Hekk kif jirċievi r-reazzjoni mill-awtorità koordinatriċi tal-Istat Membru ospitanti għall-applikazzjoni, l-applikant għandu jitħalla jagħti prova ta' konformità mal-kundizzjonijiet identifikati mill-awtorità koordinatriċi tal-Istat Membru ospitanti skont il-paragrafu 1.

    L-applikant għandu jiddeskrivi liema kundizzjonijiet speċifiċi huma mħarsa minn konformità preċedenti mar-rekwiżiti ekwivalenti fl-Istat Membru tad-domiċilju.

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità koordinatriċi tal-Istat Membru tad-domiċilju għandha tassisti lill-applikant biex jagħti prova tal-konformità mal-kundizzjonijiet tal-Istat Membru ospitanti, b'konformità mal-Artikolu 14.

    4.L-awtorità koordinatriċi tal-Istat Membru ospitanti għandha tivvaluta, fi żmien ġimgħa wara li tirċievi l-prova tal-konformità mal-kundizzjonijiet identifikati skont il-paragrafu 1, jekk għandhiex toħroġ l-e-Card Ewropea tas-servizzi jew tirrifjuta l-applikazzjoni għall-e-Card Ewropea tas-servizzi.

    F'każ li l-awtorità koordinatriċi tal-Istat Membru ospitanti tiddeċiedi li toħroġ l-e-Card Ewropea tas-servizzi, dan għandha tagħmlu mingħajr dewmien.

    Alternattivament, l-awtorità koordinatriċi tal-Istat Membru ospitanti tista' tinforma lill-applikant u lill-awtorità koordinatriċi tal-Istat Membru tad-domiċilju dwar l-intenzjoni tagħha li tirrifjuta l-applikazzjoni, f'liema każ l-applikant għandu jkollu ġimgħa biex jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu.

    Hekk kif tirċievi l-osservazzjonijiet tal-applikant jew, meta ma tkun saret l-ebda osservazzjoni, malli jiskadi l-limitu ta' żmien għall-preżentazzjoni ta’ dawk l-osservazzjonijiet, l-awtorità koordinatriċi tal-Istat Membru ospitanti għandha tiddeċiedi, fi żmien ġimgħa, jekk toħroġx l-e-Card Ewropea tas-servizzi jew hix se tirrifjuta l-applikazzjoni għall-e-Card Ewropea tas-servizzi.

    5.L-awtorità koordinatriċi tal-Istat Membru ospitanti għandha titħalla titlob mill-Istat Membru tad-domiċilju jew mill-applikant il-kjarifiki meħtieġa jew informazzjoni addizzjonali meħtieġa li ma jinstabux fl-applikazzjoni. F'dak il-każ, il-limiti ta' żmien imsemmi fil-paragrafi 1 u 4 huma sospiżi sakemm tingħata l-kjarifika meħtieġa mitluba jew tiġi pprovduta l-informazzjoni addizzjonali meħtieġa.

    Il-kjarifiki u l-informazzjoni addizzjonali għandhom jintalbu b’konformità mal-proċedura stabbilita skont il-paragrafu 7.

    6.F'każ li l-Istat Membru ospitanti, mal-iskadenza tal-perjodi għar-reazzjoni tiegħu msemmija fil-paragrafi 2 u 4, ma jitlobx il-konformità ma' kwalunkwe kundizzjoni fil-paragrafu 1 jew ma jiħux id-deċiżjoni li joħroġ l-e-Card Ewropea tas-servizzi skont il-paragrafu 4, l-e-Card Ewropea tas-servizzi għandha titqies li tkun inħarġet mill-Istat Membru ospitanti bit-termini kkomunikati lill-Istat Membru ospitanti skont l-Artikolu 11(2).

    7.Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati b'konformità mal-Artikolu 18 sabiex tispeċifika l-proċedura għall-awtorità koordinatriċi tal-Istat Membru ospitanti li titlob kjarifiki jew informazzjoni addizzjonali mill-Istat Membru tad-domiċilju kif imsemmi fil-paragrafu 5, u li timmodifika jekk ikun meħtieġ il-limiti ta' żmien imsemmija fil-paragrafi 1 u 4.

    8.Id-deċiżjonijiet u l-azzjonijiet mill-awtorità koordinatriċi tal-Istat Membru tad-domiċilju, innotifikati lill-applikant permezz tal-pjattaforma elettronika fejn il-formola standard għal applikazzjoni ssir disponibbli, għandhom ikunu soġġetti għal appell skont il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru tad-domiċilju.

    Id-deċiżjonijiet tal-awtorità koordinatriċi tal-Istat Membru ospitanti li titlob il-konformità mal-kundizzjonijiet taħt il-paragrafu 1 u d-deċiżjoni tagħha dwar il-ħruġ tal-e-Card Ewropea tas-servizzi, innotifikati lill-applikant permezz tal-pjattaforma elettronika fejn il-formola standard għal applikazzjoni tkun disponibbli, għandhom ikunu soġġetti għal appell skont il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru ospitanti.

    9.L-Istati Membri m'għandhomx jeħtieġu l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta' fergħa skont id-dritt tal-kumpaniji bħala prekundizzjoni biex jivvalutaw l-applikazzjoni għal e-Card Ewropea tas-servizzi għall-istabbiliment.

    Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-obbligu tad-detentur ta' e-Card Ewropea tas-servizzi li jikkonforma ma' obbligi, projbizzjonijiet, kundizzjonijiet jew limiti nazzjonali imposti fir-rigward tar-reġistrazzjoni ta' fergħa skont id-dritt tal-kumpaniji sabiex jipprovdi servizzi permezz ta' din il-fergħa b'konformità mal-liġi tal-UE.

    10.Il-Kummissjoni għandha tadotta r-regoli tekniċi għall-ittrattar u l-ipproċessar tal-applikazzjoni skont il-paragrafi 1, 2, 3 u 4 permezz ta' atti ta' implimentazzjoni. Dawn ir-regoli għandhom jinkludu limiti ta' żmien fuq l-iskadenza tal-applikazzjoni minħabba l-inattività tal-applikant.

    Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati b’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 19(2).

    Artikolu 14
    Il-prinċipju ta’ darba biss fl-Istat Membru tad-domiċilju

    1.L-awtoritajiet koordinatriċi fl-Istat Membru tad-domiċilju m'għandhomx jitolbu lill-fornituri jipprovdu informazzjoni u dokumenti li huma disponibbli għal dawk l-awtoritajiet b'konformità mal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu jew l-Artikolu 14(3) tar-Regolament .... [ir-Regolament tal-ESC] ... .. meta dawn japplikaw għal e-Card Ewropea tas-servizzi jew biex jagħtu prova tal-konformità tagħhom, fil-kuntest ta' e-Card Ewropea tas-servizzi għall-istabbiliment, bil-kundizzjonijiet identifikati mill-awtorità koordinatriċi tal-Istat Membru ospitanti skont l-Artikolu 13(1).

    2.L-awtorità koordinatriċi fl-Istat Membru tad-domiċilju għandha tikseb l-informazzjoni u d-dokumenti meħtieġa għall-finijiet imsemmija fil-paragrafu 1 li huma disponibbli għal awtoritajiet oħra fl-Istat Membru tad-domiċilju jew li joriġinaw minn dawk l-awtoritajiet, skont ir-regoli dwar il-protezzjoni ta' data personali kif stipulat fid-Direttiva 95/46/KE, ir-Regolament (UE) Nru 2016/679 u l-leġiżlazzjoni nazzjonali.

    Artikolu 15
    Sospensjoni u revoka ta' e-Card Ewropea tas-servizzi fir-rigward ta' Stat Membru ospitanti

    1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità koordinatriċi li ħarġet e-Card Ewropea tas-servizzi tissospendi l-validità tagħha jew tirrevokaha, rispettivament, fil-każ ta' deċiżjoni, skont il-liġi tal-UE, li tiddetermina l-projbizzjoni temporanja jew permanenti fuq il-forniment tal-attivitajiet ta' servizz inkwistjoni mid-detentur tal-e-Card Ewropea tas-servizzi fl-Istat Membru ospitanti.

    2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet koordinatriċi li ħarġu l-e-Card Ewropea tas-servizzi jirrevokawha fil-każ li d-detentur tal-e-Card:

    (i) uża informazzjoni jew dokumenti fil-kuntest tal-proċedura biex tinħareġ l-e-Card li jinstabu li huma qarrieqa, mhux preċiżi jew iffalsifikati permezz ta' deċiżjoni finali tal-Istat Membru tad-domiċilju jew dak ospitanti, li mhijiex soġġetta għal appell skont il-liġi nazzjonali applikabbli;

    34 (ii) huwa soġġett għal deċiżjoni finali, b'konformità mal-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2014/67/KE, liema deċiżjoni mhijiex soġġetta għal appell skont il-liġi nazzjonali, mill-Istat Membru ospitanti li jqis li d-detentur tal-e-Card Ewropea tas-servizzi huwa ħaddiem u mhux persuna li taħdem għal rasha, skont l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;

    (iii) ma jissodisfax waħda mill-kundizzjonijiet jew aktar applikabbli għal forniment transfruntier temporanju kif preskritt mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(1), li l-konformità magħhom, skont il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru ospitanti, hija essenzjali għall-forniment legali kontinwu tas-servizzi inkwistjoni fit-territorju tiegħu;

    (iv) ma jissodisfax waħda mill-kundizzjoni jew aktar imposti fil-kuntest ta' skema ta' awtorizzazzjoni minn qabel jew ta' notifika minn qabel applikabbli għall-istabbiliment kif preskritt mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(1), li l-konformità magħhom, skont il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru ospitant, hija essenzjali għall-forniment legali kontinwu tas-servizzi inkwistjoni fit-territorju tiegħu.

    Artikolu 16
    Sospensjoni u revoka tal-e-Cards Ewropej tas-servizzi kollha ta' fornitur ta' servizzi għal ċerta attività ta' servizz

    1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fil-każ ta' deċiżjoni, skont il-liġi tal-UE, li tiddetermina projbizzjoni temporanja jew permanenti fuq il-forniment tal-attivitajiet ta' servizz mid-detentur tal-e-Card Ewropea tas-servizzi fl-Istat Membru tad-domiċilju, l-awtoritajiet koordinatriċi li ħarġu e-Card Ewropea tas-servizzi, rispettivament jissospendu jew jirrevokaw il-validità tal-e-Cards Ewropej tas-servizzi kollha li jkunu nħarġu għall-istess fornitur u l-attività ta' servizz inkwistjoni.

    2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fil-każ ta' deċiżjoni, skont il-liġi tal-UE, li tiddetermina projbizzjoni temporanja jew permanenti fuq il-forniment tal-attivitajiet ta' servizz mid-detentur tal-e-Card Ewropea tas-servizzi fl-Istat Membru ospitanti, l-awtoritajiet koordinatriċi li ħarġu e-Card Ewropea tas-servizzi, rispettivament jissospendu jew jirrevokaw il-validità tal-e-Cards Ewropej tas-servizzi kollha li jkunu nħarġu għall-istess fornitur u l-attività ta' servizz sakemm il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru tiddetermina, b'konformità mal-liġi tal-UE, is-sospensjoni jew it-tmiem tal-attivitajiet ta' servizz fit-territorju tiegħu minħabba, il-projbizzjoni temporanja jew permanenti inkwistjoni, rispettivament, fl-Istat Membru ospitanti.

    3.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet koordinatriċi li ħarġu e-Card Ewropea tas-servizzi jirrevokaw l-e-Cards Ewropej tas-servizzi kollha maħruġa għall-istess fornitur u l-attivitajiet ta' servizz fil-każ li dak il-fornitur:

    (i) jieqaf b'mod permanenti milli jipprovdi s-servizzi inkwistjoni fl-Istat Membru tad-domiċilju;

    (Ii) huwa likwidat u xolt;

    (iii) ibiddel iċ-ċentru prinċipali tiegħu ta' attivitajiet rilevanti għall-ħruġ tal-e-Cards inkwistjoni minn Stat Membru għal Stat Membru ieħor;

    (iv) ibiddel iċ-ċentru prinċipali tiegħu ta' attivitajiet rilevanti għall-ħruġ tal-e-Cards inkwistjoni lejn pajjiż terz;

    (v) huwa soġġett għal deċiżjoni finali, liema deċiżjoni mhijiex soġġetta għal appell skont il-liġi nazzjonali, mill-Istat Membru tad-domiċilju li jqis li d-detentur tal-e-Card Ewropea tas-servizzi huwa ħaddiem u mhux persuna li taħdem għal rasha;

    (vi) m'għadux stabbilit fl-Istat Membru tad-domiċilju, għal kwalunkwe raġuni oħra. 

    Artikolu 17
    Proċedura għas-sospensjoni, ir-revoka, l-aġġornament u l-kanċellazzjoni tal-e-cards Ewropej tas-servizzi

    1.Stat Membru li jiskopri raġuni li tikkawża s-sospensjoni jew ir-revoka ta' e-Card Ewropea tas-servizzi, skont l-Artikoli 15 jew 16, li sseħħ fit-territorju tiegħu għandu jikkomunika l-motivazzjoni tiegħu dwar il-kwistjoni lid-detentur tal-e-Card Ewropea tas-servizzi inkwistjoni permezz tal-IMI u għandu jagħtih l-opportunità li jinstema'.

    Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għal twissija skont l-Artikolu 32 tad-Direttiva 2006/123/KE.

    2.Ladarba Stat Membru jikkonkludi dwar il-ħtieġa li jissospendi jew jirrevoka e-Card Ewropea tas-servizzi għandu jagħmel dan mingħajr dewmien, fil-każ li l-awtorità koordinatriċi tiegħu hija l-awtorità tal-ħruġ tal-e-Card inkwistjoni, jew għandu jikkomunika mingħajr dewmien lill-awtorità koordinatriċi tal-ħruġ bil-konklużjoni tiegħu dwar il-ħtieġa li jissospendi jew jirrevoka l-e-Card Ewropea tas-servizzi inkwistjoni.

    L-awtorità koordinatriċi tal-ħruġ li tirċievi l-komunikazzjoni ta’ konklużjoni dwar il-ħtieġa li tiġi sospiża jew revokata l-e-Card Ewropea tas-servizzi minn Stat Membru ieħor għandha minnufih tissospendi jew tirrevoka l-e-Card Ewropea tas-Servizzi inkwistjoni, kif xieraq.

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, hekk kif il-kundizzjonijiet li wasslu għas-sospensjoni ta' e-Card Ewropea tas-servizzi ma jkunux għadhom validi, l-awtorità koordinatriċi tal-ħruġ terġa' tattiva, mingħajr dewmien l-e-Card Ewropea tas-servizzi sospiża.

    3.Id-deċiżjoni li tiġi sospiża jew revokata e-Card Ewropea tas-servizzi, innotifikata lill-applikant permezz tal-pjattaforma elettronika fejn il-formola standard għal applikazzjoni tkun disponibbli, għandha tkun debitament motivata u hija soġġetta għal appell skont il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat.

    In-nuqqas ta' deċiżjoni sabiex tiġi attivata mill-ġdid e-Card Ewropea tas-servizzi sospiża skont l-aħħar subparagrafu tal-paragrafu 2 għandu jkun soġġett għal appell skont il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat.

    Dan il-paragrafu għandu jkun mingħajr preġudizzju għat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2.

    4.L-Istati Membri għandhom jobbligaw lid-detentur ta' e-Card Ewropea tas-servizzi biex jinforma lill-awtorità koordinatriċi li ħarġet l-e-Card Ewropea tas-servizzi tiegħu dwar dan li ġej:

    (a) deċiżjonijiet li jillimitaw jew jipprojbixxu, anki temporanjament, fl-Istat Membru tad-domiċilju jew dak ospitanti, lid-detentur tal-e-Card Ewropea tas-servizzi milli jforni s-servizzi ta' attivitajiet koperti minn dik l-istess Karta;

    (b) il-waqfien permanenti ta' attivitajiet koperti mill-e-Card Ewropea tas-servizzi fit-territorju tal-Istat Membru tad-domiċilju;

    (c) il-likwidazzjoni u x-xoljiment tad-detentur tal-e-Card Ewropea tas-servizzi jew bidla fiċ-ċentru prinċipali tiegħu tal-attivitajiet fi ħdan it-territorju tal-Unjoni Ewropea jew lejn pajjiż terz;

    (d) id-deċiżjonijiet finali li mhumiex soġġetti għal appell skont il-liġi nazzjonali, mill-Istat Membru tad-domiċilju jew, b’konformità tal-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2014/67/KE, mill-Istat Membru ospitanti li jqisu lid-detentur ta' e-Card Ewropea tas-servizzi huwa ħaddiem u mhux persuna li taħdem għal rasa;

    (e) kwalunkwe bidla sinifikanti fir-rigward tar-rekwiżiti li d-detentur ta’ e-Card huwa soġġett għalihom fl-Istat Membru tad-domiċilju tiegħu sakemm dik l-informazzjoni dwar il-konformità ma' dawn ir-rekwiżiti tkun ġiet ikkomunikata lill-Istat Membru ospitanti flimkien mal-applikazzjoni għall-e-Card;

    (f) bidliet fis-sitwazzjoni fattwali jew kull tip ta’ element ieħor ta' informazzjoni dwar id-detentur ta' e-Card Ewropea tas-servizzi li huma riflessi fil-kontenut tagħha.

    5.L-awtoritajiet koordinatriċi għandhom jiskambjaw informazzjoni fuq inizjattiva tagħhom stess u jagħtu assistenza lil awtoritajiet koordinatriċi oħra jekk isiru jafu b’xi ħaġa ġdida, li tista’ tiddetermina sospensjoni jew revoka tal-e-Card Ewropea tas-servizzi inkwistjoni jew inkella l-ħtieġa li jiġi aġġornat il-kontenut tagħha.

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti tagħhom jinfurmaw lill-awtorità koordinatriċi nnominata skont l-Artikolu 17 tar-Regolament ... [ir-Regolament tal-ESC] ... dwar l-affarijiet elenkati fil-paragrafu 4 li jkunu saru jafu bihom.

    Fir-rigward tal-punt (d) tal-paragrafu 4, dan il-paragrafu għandu japplika wkoll għall-awtoritajiet kompetenti kif definiti fl-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2014/67/UE.

    Dan il-paragrafu għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/101/KE u l-Artikolu 2 tad-Direttiva 89/666/KEE.

    6.Id-detentur ta' e-Card Ewropea tas-servizzi jista' jitlob il-kanċellazzjoni tal-e-Card Ewropea tas-servizzi tiegħu diġà maħruġa lill-awtorità koordinatriċi tal-ħruġ fi kwalunkwe ħin.

    7.Il-Kummissjoni għandha tadotta regoli tekniċi għall-ipproċessar ta' sospensjonijiet, revoki, aġġornamenti u kanċellazzjonijiet ta' e-Cards Ewropej tas-servizzi permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, li jinkludu dispożizzjonijiet dwar l-introduzzjoni u l-irtirar ta' twissijiet ta' sospensjonijiet u revoki possibbli u dwar l-interkonnessjoni bejn dawn il-proċeduri u l-mekkaniżmu ta' twissija stabbilit skont l-Artikolu 32 tad-Direttiva 2006/123/KE kif ukoll l-interkonnessjoni bejn e-Card Ewropea tas-servizzi valida u l-proċedura tad-derogi każ b'każ skont l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2006/123/KE.

    Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati b’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 19(2). 

    KAPITOLU IV
    DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

    Artikolu 18
    Eżerċitar tad-delega

    1.Is-setgħa li jiġu adottati atti delegati tingħata lill-Kummissjoni soġġetta għall-kundizzjonijiet stipulati f'dan l-Artikolu.

    2.Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 12(4) u l-Artikolu 13(7) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta' ħames snin minn […]. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport dwar id-delega tas-setgħat mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel tmiem il-perjodu ta’ ħames snin. Id-delega ta' setgħa għandha tiġi estiża b'mod taċitu għal perjodi ta' durata identika, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma joġġezzjonawx għal din l-estensjoni mhux aktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta' kull perjodu.

    3.Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 12(4) u l-Artikolu 13(7) tista’ tkun revokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta' revoka għandha twassal għat-tmiem tad-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Din għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fiha. Din m'għandhiex taffettwa l-validità ta' atti delegati diġà fis-seħħ.

    4.Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    5.Att delegat adottat skont l-Artikolu 12(4) u l-Artikolu 13(7) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġi espressa ebda oġġezzjoni min-naħa tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex se joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

    Artikolu 19
    Proċedura ta’ kumitat

    1.Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 40(1) tad-Direttiva 2006/123/KE. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    2.Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    Artikolu 20
    Monitoraġġ tal-implimentazzjoni

    Il-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, l-imsieħba soċjali u partijiet interessati rilevanti oħra, se jistabbilixxu arranġamenti ta' monitoraġġ biex jissorveljaw u jivvalutaw l-implimentazzjoni u l-impatti ta' din id-Direttiva, b'mod partikolari kif din tolqot il-libertà ta' stabbiliment u l-libertà ta' forniment ta' servizzi fl-Istati Membri għall-attivitajiet ta' servizz koperti, jiġifieri billi jitnaqqsu l-ispejjeż għall-fornituri, tissaħħaħ it-trasparenza dwar il-fornituri li qegħdin jespandu b'mod transfruntier u tiżdied il-kompetizzjoni, u kif tolqot il-prezzijiet u l-kwalità tas-servizzi kkonċernati, meta wieħed iqis l-indikaturi rilevanti.

    Artikolu 21
    Klawżola ta' rieżami

    Sa [24 xahar wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva] il-Kummissjoni għandha tagħmel valutazzjoni tal-adegwatezza ta' miżuri addizzjonali biex tikkoordina dispożizzjonijiet dwar il-libertà ta' stabbiliment u l-libertà tal-forniment ta' servizzi li għalihom ġiet introdotta e-Card Ewropea tas-servizzi.

    Sa 36 xahar wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva u għall-inqas darba kull ħames snin minn dakinhar ’l hemm, il-Kummissjoni għandha tagħmel evalwazzjoni ta' din id-Direttiva u tippreżenta rapport dwar il-prestazzjoni tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Dak ir-rapport għandu jikkunsidra l-ħtieġa li jiġu adattati l-proċeduri għall-ħruġ, l-aġġornament, is-sospensjoni jew ir-revoka ta' e-Card Ewropea tas-servizzi filwaqt li jitqiesu l-aħħar żviluppi fil-Gvern elettroniku u għandha tiġi inkluża fir-rapport li jivvaluta l-prestazzjoni ġenerali tar-Regolament ... [ir-Regolament tal-ESC] ... skont l-Artikolu 19 tagħha.

    Artikolu 22
    Traspożizzjoni

    1.L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux aktar tard minn [sentejn wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva], il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Dawn għandhom jgħaddu t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni minnufih.

    Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet minn [sentejn wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament ....[ir-Regolament tal-ESC].........].

    Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn referenza bħal din fil-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir din ir-referenza.

    2.L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

    Artikolu 23
    Dħul fis-seħħ

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ [fl-għoxrin] jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 24
    Destinatarji

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell,

    Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

    Il-President    Il-President

    (1) Il-Kummissjoni Ewropea, "Aġġornament tal-istudju dwar l-impatt ekonomiku tad-Direttiva dwar is-Servizzi", 2015
    (2) Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew; 28 ta’ Ġunju 2016.
    (3) Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar Naġġornaw is-Suq Uniku: opportunitajiet aktar għaċ-ċittadini u għan-negozju, 28 ta’ Ottubru 2015.
    (4) Inklużi disa’ workshops organizzati mill-Kummissjoni ma’ fornituri ta’ servizzi fir-reġjuni transfruntiera.
    (5) Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, “Valutazzjoni tal-Impatt li takkumpanja l-Proposti għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-qafas legali u operazzjonali tal-e-Card Ewropea tas-servizzi”, 2017.
    (6) Flimkien iż-żewġ setturi jkopru madwar 20 % tal-PDG u l-impjiegi tal-UE - (Eurostat).
    (7) Il-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar il-Gvern elettroniku għall-2016-2020 – Inħaffu t-trasformazzjoni diġitali tal-amministrazzjoni pubblika - COM(2016)179.
    (8) Ir-Regolament (UE) Nru 1024/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/49/KE ("ir-Regolament tal-IMI") (ĠU L 316, 14.11.2012, p. 1).
    (9) Ir-Regolament (UE) 2016/1191 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Lulju 2016 dwar il-promozzjoni tal-moviment liberu taċ-ċittadini billi jiġu ssimplifikati r-rekwiżiti għall-preżentazzjoni ta’ ċerti dokumenti pubbliċi fl-Unjoni Ewropea u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 (OJ L 200, 26.07.2016, p.1)
    (10) Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar "L-Istrateġija għal Suq Uniku għal servizzi u oġġetti", 29 ta' Frar 2016 .
    (11) Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, 28 ta' Ġunju 2016 .
    (12) Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Mejju 2016 dwar l-Istrateġija għal Suq Uniku .
    (13) Ir-rakkomandazzjonijiet prinċipali tal-Bord fl-opinjoni oriġinali tiegħu dwar il-valutazzjoni tal-impatt kienu li tissaħħaħ id-definizzjoni tal-problema, li jkun ikkunsidrat mill-ġdid id-disinn u l-artikolazzjoni tal-għażliet differenti u li jiġi pprovdut aktar tagħrif fuq l-ispejjeż possibbli għall-Istati Membri u l-fehmiet tal-partijiet interessati.
    (14) http://ec.europa.eu/smart-regulation/impact/ia_carried_out/cia_2016_en.htm .
    (15) ĠU C , , p. .
    (16) ĠU C , , p. .
    (17) Id-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36).
    (18) Id-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment, il-kummerċ elettroniku fis-suq intern (ĠU L178, 17.7.2000, p. 1).
    (19)

       Id-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 1996 dwar l-impjieg ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi (ĠU L 18, 21.1.1997, p. 1).

    (20) Id-Direttiva 2014/67/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar l-infurzar tad-Direttiva 96/71/KE dwar l-istazzjonament ta' ħaddiema fil-qafas tal-prestazzjoni ta' servizzi u li temenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta' Informazzjoni tas-Suq Intern ("ir-Regolament tal-IMI") (ĠU L 159, 28.5.2014, p. 11).
    (21) Id-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Settembru 2005 dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali (ĠU L 255, 30.9.2005, p. 22).
    (22) Id-Direttiva 2009/101/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Settembru 2009 dwar il-koordinazzjoni ta' salvagwardji li, għall-protezzjoni tal-interessi ta' membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri ta' kumpaniji fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 48 tat-Trattat, bil-għan li tagħmel dawn is-salvagwardji ekwivalenti (ĠU L 258, 1.10.2009, p. 11).
    (23) Id-Direttiva tal-Kunsill 89/666/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1989 dwar il-ħtiġiet tal-iżvelar rigward il-friegħi miftuħa fi Stat Membru minn ċerti tipi ta’ kumpaniji rregolati bil-liġijiet ta’ Stat ieħor (ĠU L 395, 30.12.1989, p. 36).
    (24) Id-Direttiva 2013/55/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Novembru 2013, li temenda d-Direttiva 2005/36/KE dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali u r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern ("ir-Regolament tal-IMI") (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 132).
    (25) Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).
    (26) Id-Direttiva (UE) 2015/2302 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2015 dwar pakketti tal-ivvjaġġar u arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta, li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE (ĠU L 326, 11.12.2015, p. 1).
    (27) Id-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar l-effiċjenza fl-enerġija, li temenda d-Direttivi 2009/125/KE u 2010/30/UE u li tħassar id-Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE (ĠU L315, 14.11.2012, p. 1).
    (28) Ir-Regolament (UE) 2015/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2015 dwar proċedimenti ta' insolvenza (ĠU L 141, 5.6.2016, p. 19).
    (29) Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31).
    (30) Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).
    (31)

       Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dak id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p.1).

    (32) Id-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65).
    (33) Id-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-għoti ta' kuntratti ta' konċessjoni (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 1).
    (34)

       Id-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 1996 dwar l-impjieg ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi (ĠU L 18, 21.1.1997, p. 1).

    Top

    Brussell, 10.1.2017

    COM(2016) 823 final

    ANNESS

    ta'

    PROPOSTA GĦAL DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    dwar il-qafas legali u operattiv għall-e-Card Ewropea tas-servizzi introdotta bir-Regolament … [ir-Regolament tal-ESC]

    {SWD(2016) 437 final}
    {SWD(2016) 438 final}


    ANNESS
    Is-servizzi li għalihom tapplika din id-Direttiva

    Attivitajiet ta’ servizzi elenkati fil-klassifikazzjoni tal-istatistika ta’ attivitajiet ekonomiċi fil-Komunità Ewropea (NACE Rev.2) fl-indirizz li ġej:

    - Taqsima F    Bini

    Diviżjoni 41 Bini ta’ binjiet

    Grupp 41.1    Żvilupp ta’ proġetti tal-bini

    Grupp 41.2    Bini ta’ binjiet residenzjali u mhux residenzjali

    Diviżjoni 42 Inġinerija Ċivili

    Grupp 42.1    Bini ta’ toroq u binarji tal-ferrovija

    Grupp 42.2    Bini ta’ proġetti ta’ utilità pubblika

    Grupp 42.9    Bini ta’ proġetti oħra ta’ inġinerija ċivili

    Diviżjoni 43 Attivitajiet speċjalizzati ta' bini

    Grupp 43.1    Twaqqigħ u tħejjija tas-sit

    Grupp 43.2    Elettriku, plaming u attivitajiet oħra ta’ installazzjoni tal-bini, bl-esklużjoni tal-installazzjoni, iż-żamma, il-manutenzjoni, it-tiswija jew id-dekummissjonar minn persuni fiżiċi ta’ tagħmir li fih gass fluworurat b'effett ta' serra elenkati fil-punti (a) sa (d) tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament (UE) Nru 517/2014

    Grupp 43.3    Tlestija u rfinar tal-bini

    Grupp 43.9    Attivitajiet oħra speċjalizzati tal-bini

    - Taqsima J    Informazzjoni u Komunikazzjoni    

    Diviżjoni 62 Programmar tal-kompjuter, konsulenza u attivitajiet relatati

    Grupp 62.0    Programmar tal-kompjuter, konsulenza u attivitajiet relatati

    Diviżjoni 63    Attivitajiet ta’ servizz tal-informatika, bl-esklużjoni ta’ servizzi fiduċjarji kif definit fl-Artikolu 3(16) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014

    Grupp 63.1    Ipproċessar ta' data, hosting u attivitajiet relatati; portals tal-web

    Grupp 63.9    Attivitajiet ta’ servizz oħra marbuta mal-informatika

    - Taqsima M    Attivitajiet professjonali, xjentifiċi u tekniċi

    Diviżjoni 69 Attivitajiet legali u ta' kontabilità

    Grupp 69.1    Attivitajiet legali, bl-esklużjoni ta’ servizzi legali koperti bid-Direttiva tal-Kunsill 77/249/KEE u bid-Direttiva 98/5/KE, kif ukoll servizzi minn nutara u marixxalli li jinħatru permezz ta’ att uffiċjali tal-gvern

    Grupp 69.2    Attivitajiet ta’ kontabilità, żamma tal-kontijiet u verifika; konsulenza dwar it-taxxa, bl-esklużjoni ta’ verifika statutorja kif definit fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2006/43/KE

    Diviżjoni 70 Attivitajiet ta’ uffiċċji ċentrali; attivitajiet oħra ta' konsulenza maniġerjali

    Grupp 70.1    Attivitajiet ta’ uffiċċji ċentrali

    Grupp 70.2    Attivitajiet oħra ta' konsulenza maniġerjali

    Diviżjoni 71 Attivitajiet tal-arkitettura u tal-inġinerija; testijiet tekniċi u analiżi

    Grupp 71.1    Attivitajiet ta’ arkitettura u inġinerija u konsulenza teknika relatata

    Diviżjoni 72 Riċerka u żvilupp xjentifiku

    Grupp 72.1    Riċerka u żvilupp sperimentali dwar xjenzi naturali u inġinerija

    Grupp 72.2    Riċerka u żvilupp sperimentali dwar xjenzi soċjali u l-umanitajiet

    Diviżjoni 73 Riklamar u riċerka dwar is-suq

    Grupp 73.1    Riklamar

    Grupp 73.2    Riċerka dwar is-suq u stħarriġ tal-fehma pubblika

    Diviżjoni 74 Attivitajiet professjonali, xjentifiċi u tekniċi oħra

    Grupp 74.1    Attivitajiet speċjali ta’ disinn

    Grupp 74.2    Attivitajiet fotografiċi

    Grupp 74.3    Attivitajiet ta’ traduzzjoni u interpretazzjoni

    Grupp 74.9    Attivitajiet oħra professjonali, xjentifiċi u tekniċi n.e.c.

    - Taqsima N    Attivitajiet ta' servizzi amministrattivi u ta’ appoġġ

    Diviżjoni 77 Attivitajiet ta' kiri u ta' lokazzjoni

    Grupp 77.1    Kiri u leasing ta’ vetturi bil-mutur

    Grupp 77.3    Kiri u leasing ta’ makkinarju, tagħmir u oġġetti tanġibbli oħra

    Grupp 77.4    Kiri ta' proprjetà intellettwali u ta’ prodotti simili, ħlief xogħlijiet bid-dritt tal-awtur

    Diviżjoni 78 Attivitajiet marbuta mal-impjiegi

    Grupp 78.1    Attivitajiet ta’ aġenziji ta’ kollokament tal-impjiegi

    Grupp 78.3    Provvediment ta’ riżorsi umani oħra

    Diviżjoni 79 Attivitajiet ta' aġenziji tal-ivjaġġar, operaturi tal-vjaġġi u servizzi ta' prenotazzjoni oħra u attivitajiet relatati

    Grupp 79.1    Attivitajiet ta’ aġenzija tal-ivvjaġġar u operaturi tal-vjaġġi

    Grupp 79.9    Attivitajiet ta’ servizz ta’ prenotazzjoni oħra u attivitajiet relatati

    Diviżjoni 80 Attivitajiet ta' sigurtà u ta' investigazzjoni

    Grupp 80.2    Attivitajiet ta’ servizz ta’ sistemi ta’ sigurtà

    Grupp 80.3    Attivitajiet ta’ investigazzjoni

    Diviżjoni 81 Attivitajiet ta' servizzi fil-bini u attivitajiet marbuta ma' pajsaġġi

    Grupp 81.1    Attivitajiet ta’ appoġġ għal faċilitajiet ikkombinati

    Grupp 81.2    Attivitajiet ta’ tindif

    Grupp 81.3    Attivitajiet ta’ servizz ta’ kura tal-pajsaġġ

    Diviżjoni 82 Attivitajiet amministrattivi ta' uffiċċju, ta' appoġġ għal uffiċċju u attivitajiet oħra ta' appoġġ għal negozju

    Grupp 82.1    Attivitajiet ta’ amministrazzjoni ta’ uffiċċji u ta’ appoġġ

    Grupp 82.2    Attivitajiet ta’ ċentri ta’ sejħiet

    Grupp 82.3    Organizzaturi ta’ konvenzjonijiet u wirjiet kummerċjali

    Grupp 82.9    Attivitajiet ta’ servizz ta’ appoġġ għal negozju n.e.c.

    Top